Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation - Franza) – N. W, L. W, C. W vs Sanofi Pasteur MSD SNC, Caisse primaire d’assurance maladie des Hauts-de-Seine, Carpimko

(Kawża C-621/15)1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 85/374/KEE – Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Artikolu 4 – Laboratorji farmaċewtiċi – Tilqim kontra l-epatite B – Sklerożi multipla – Prova ta’ tilqim difettuż u ta’ rabta kawżali bejn id-difett u d-dannu mġarrab – Oneru tal-prova – Metodi ta’ prova – Assenza ta’ kunsens xjentifiku – Indizji gravi, preċiżi u konkordanti li għandhom jiġu evalwati mill-qorti li tagħti deċiżjoni fuq il-mertu – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: N. W, L. W, C. W

Konvenuti: Sanofi Pasteur MSD SNC, Caisse primaire d’assurance maladie des Hauts-de-Seine, Carpimko

Dispożittiv

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema probatorja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li, meta l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu jkollha kawża quddiemha dwar ir-responsabbiltà ta’ manifattur ta’ vaċċin minħabba l-allegat difett ta’ dan tal-aħħar, tali qorti tista’ tqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan ir-rigward, li minkejja l-konstatazzjoni li r-riċerka medika la tistabbilixxi u lanqas tinvalida l-eżistenza ta’ rabta bejn it-teħid tal-vaċċin u l-okkorrenza tal-marda li jbati minnha l-vittma, ċerti fatti invokati mir-rikorrent jikkostitwixxu provi gravi, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tikkonkludi li hemm difett tal-vaċċin u rabta kawżali bejn dan id-difett u l-marda. Madankollu, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni korretta tagħha tal-imsemmija sistema probatorja la twassal sabiex l-oneru tal-prova stabbilit fl-Artikolu 4 ma jittiħidx inkunsiderazzjoni u lanqas sabiex tiġi kompromessa l-effettività tas-sistema probatorja stabbilita minn din id-direttiva.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema probatorja li hija bbażata fuq preżunzjonijiet li jgħidu li, fil-każ ta’ riċerka medika li la tistabbilixxi u lanqas tinvalida l-eżistenza ta’ rabta bejn it-teħid tal-vaċċin u l-okkorrenza tal-marda li jbati minnha l-vittma, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-difett attribbwibbli għall-vaċċin u d-dannu mġarrab mill-vittma dejjem titqies li hija stabbilita meta jkunu ġew ippreżentati ċerti provi fattwali ta’ kawżalità predeterminati.

____________

1 ĠU C 48, 08.02.2016