Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' April 2009 - Dover vs Il-Parlament

(Kawża T-149/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Densmore Ronald Dover (Borehamwood, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: D. Vaughan, QC Barrister, M. Lester, Barrister u M. French, Solicitor)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tordna l-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza kif speċifikati fir-rikors;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob, permezz tar-rikors tiegħu, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament D(2009) 4639 tad-29 ta' Jannar 2009 dwar l-irkupru tal-indennizzi ta' għajnuna parlamentari.

Ir-rikorrent iressaq ħames motivi insostenn tar-rikors tiegħu.

L-ewwel nett, huwa jiddikjara li l-Parlament interpreta u applika ħażin l-Artikolu 14 tal-leġiżlazzjoni dwar l-ispejjeż u l-indennizzi tal-membri tal-Parlament Ewropew (SIM), fost l-oħrajn, billi fittex li jimponi fuq ir-rikorrent, retroattivament, kundizzjonijiet stretti li ma kienu qatt kundizzjonijiet għall-membri tal-Parlament Ewropew fiż-żmien inkwistjoni u billi ma identifikatx bi preċiżjoni liema element ta' spiża tqieset li tħallset indebitament.

It-tieni nett, huwa jsostni li l-Parlament ibbaża ruħu fuq allegat "kunflitt ta' interess" billi kiser il-prinċipju taċ-ċertezza legali għaliex aġixxa b'mod inkompatibbli mal-prattika preċedenti, mhux konformi mar-regoli ppubblikati u mingħajr ma ppreżenta standards ċari u trasparenti. Ir-rikorrent jiddikjara li d-deċiżjoni tal-Parlament hija infondata fil-fatt u fid-dritt.

It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li l-Parlament ma kkonformax ruħu mar-rekwiżiti fundamentali ta' proċedura tal-Artikolu 27 SIM fir-rigward, fost oħrajn, tal-konsultazzjoni preliminari tal-kwesturi, tal-ġustifikazzjoni taċ-ċirkustanzi "eċċezzjonali", tas-smiegħ tar-rikorrent qabel ma tittieħed deċiżjoni kif ukoll tar-rekwiżit li deċiżjoni tiġi adottata mill-Bureau.

Ir-raba' nett, ir-rikorrent isostni li l-konvenut talab lura l-VAT mir-rikorrent mingħajr ma kellu bażi legali biex jagħmel hekk.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jiddikjara li l-Parlament irrefera l-każ tiegħu lill-OLAF prematurament, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u mingħajr bażi legali jew ġustifikazzjoni.

____________