Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija

(Kawża C-109/22)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Nicolae, E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenut: Ir-Rumanija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, peress li naqset milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-301/17 1 , Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija, ir-Rumanija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Rumanija, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(2) TFUE, tħallas pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ dewmien għall-ksur tal-obbligu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza fil-Kawża C-301/17, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija, fl-ammont ta’ EUR 29 781.3 kuljum mid-data tal-għoti tas-sentenza f’dik il-kawża u sa l-adozzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C-301/17, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija;

tikkundanna lir-Rumanija, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(2) TFUE, tħallas somma f’daqqa, ibbażata fuq ammont ta’ kuljum ta’ EUR 3 311.5, immultiplikat bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew mill-jum ta’ wara s-sentenza fil-Kawża C-301/17, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija sad-data li fiha jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa mir-Rumanija sabiex tikkonforma ma’ dik is-sentenza, jew, fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri, sad-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, bil-kundizzjoni li tinqabeż is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 1 643 000;

tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Rumanija jirrigwarda n-nuqqas ta’ dan l-Istat Membru li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-301/17, peress li 44 mis-68 landfill li jsir riferiment għalihom f’dik is-sentenza għadhom ma ġewx magħluqa skont id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill 1 .

Il-Kummissjoni ssostni li r-Rumanija ma tistax toqgħod fuq sitwazzjonijiet purament interni sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ infurzar tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-ħtieġa ta’ studji ta’ fattibbiltà, proċeduri ta’ esproprjazzjoni, proċeduri amministrattivi jew in-nuqqas li jittieħdu l-miżuri meħtieġa mill-operaturi ekonomiċi li jagħmlu użu minn dawk il-landfills.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fuq ir-Rumanija għal kull jum ta’ dewmien għan-nuqqas ta’ infurzar tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ammont ta’ EUR 29 781.3 kuljum mid-data tal-għoti tas-sentenza f’dik il-kawża u sa l-adozzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C-301/17. Sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġi kkontrollat, ivverifikat u kkunsidrat il-progress li sar mir-Rumanija, il-Kummissjoni tipproponi li l-pagamenti ta’ penalità għal kull jum ta’ dewmien jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ perijodi ta’ dewmien ta’ 6 xhur fit-teħid tal-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-301/17, bl-użu ta’ formula li tnaqqas gradwalment, li tnaqqas it-total għal dawn il-perijodi b’perċentwali li tikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ta’ landfills li għalihom tkun ġiet żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li r-Rumanija tkun obbligata tħallas somma f’daqqa, ibbażata fuq ammont ta’ kuljum ta’ EUR 3 311.5, immultiplikat bin-numru ta’ jiem li għaddew mill-jum ta’ wara s-sentenza fil-Kawża C-301/17 sad-data li fiha jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa mir-Rumanija sabiex tikkonforma ma’ dik is-sentenza, jew, fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri, sad-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, bil-kundizzjoni li tinqabeż is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 1 643 000.

L-ammont ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità ġie ddeterminat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv tal-penali, skont il-kapaċità ta’ dan l-Istat Membru li jħallas, permezz tal-fattur “n”.

____________

1     Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2018 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija, C-301/17, EU:C:2018:846.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228, rettifika fil-ĠU 2018, L 91, p. 30.