Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2024 minn BdM Banca SpA, li kienet Banca Popolare di Bari SpA. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-415/21, Banca Popolare di Bari vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-145/24 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: BdM Banca SpA, li kienet Banca Popolare di Bari SpA (rappreżentanti: A. Zoppini, D. Gallo, G. Parisi, avvocati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(i)     tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-415/21, EU:T:2023:833, sa fejn il-Qorti Ġenerali:

a)    qieset ir-rikors inammissibbli sa fejn jirrigwarda d-danni relatati mat-tnaqqis tal-persunal;

b)    ma qisitx l-aġir illegali tal-Kummissjoni bħala ksur suffiċjentement serju;

c)    ma tatx deċiżjoni dwar l-eżistenza tad-danni imġarrba mill-bank, u lanqas dwar il-kwantifikazzjoni tagħhom, u qieset ir-rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-Kummissjoni u d-dannu mġarrba mill-bank bħala ineżistenti;

(ii)    għaldaqstant, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:

a)    tiddeċiedi b’mod definittiv dwar it-tilwima u, abbażi tal-motivi kollha esposti fid-dokumenti tad-difiża ppreżentati fl-ewwel istanza, anki fir-rigward tal-eżistenza tad-dannu u tal-kwantifikazzjoni tiegħu, tikkundanna lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tħallas lill-appellanti s-somma ta’ EUR 203.3 miljuni bħala kumpens għad-danni materjali, kif ukoll ammont xieraq bħala kumpens għad-danni morali, li għandhom jiġu kkalkolati ex æquo et bono, ikkawżati mid-deċiżjoni, kif ukoll l-ispejjeż fl-ewwel istanza u fl-appell;

b)    sussegwentement, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar it-talba tal-appellant.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tressaq l-aggravji li ġejjin.

I     Ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset inammissibbli r-rikors fir-rigward tad-danni marbuta tat-tnaqqis tal-persunal. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat tali dispożizzjoni, peress li s-suġġett tad-dannu invokat minn BdM Banca SpA ma setax evidentement jitqies istantanju peress li immaterjalizza ruħu biss mal-medda taż-żmien, hekk kif beda jsir b’mod konkret it-tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

II    Ksur tal-Artikolu 340(2) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx l-aġir illegali tal-Kummissjoni bħala ksur suffiċjentement serju. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kellha tirrileva l-assenza ta’ kwalunkwe marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, u konsegwentement, kellha tirrikonoxxi u tiddikjara l-eżistenza ta’ “ksur suffiċjentement serju” ta’ tali dispożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tuża bħala kriterju sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, il-kumplessità fattwali u legali tal-każ kopert mid-deċiżjoni 1 , minn naħa, peress li l-kriterju rigward il-kumplessità huwa stabbilit biss fil-ġurisprudenza li tirrigwarda l-eżami tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, filwaqt li huwa dubjuż jekk dan il-kriterju jistax jintuża f’azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali u, barra minn hekk, ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt użatu f’tali kuntest. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, fil-każ li jkun jista’ jiġi aċċettat l-estensjoni ta’ tali raġunament anki għall-ambitu ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, għandu jiġi enfasizzat li din l-allegata kumplessità kienet diġà eskluża qabel mill-Qorti Ġenerali, bis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, L-Italja et vs Il-Kummissjoni (T-98/16, T-196/16 u T-198/16, EU:T:2019:167) u, sussegwentement, mill-Qorti tal-Ġustizzja, bis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja et (C-425/19 P, EU:C:2021:154).

III    Ksur tal-Artikolu 340(2) TFUE u tal-Artikolu 91(e) u l-Artikolu 96 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-Kummissjoni u d-danni mġarrba minn BdM Banca SpA. B’mod partikolari, billi eskludiet l-eżistenza tar-rabta kawżali minħabba li BdM Banca SpA ma għamlitx distinzjoni bejn il-klijentela tagħha stess u dik ta’ Tercas, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 340(2) TFUE, peress li tali ċirkustanza hija irrelevanti fil-każ ineżami, billi ma tistax issir distinzjoni, wara l-assorbiment ta’ Tercas minn BdM Banca SpA (li f’dak iż-żmien kienet Banca Popolare di Bari), bejn il-klijenti ta’ waħda u tal-oħra. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 340 TFUE, billi qieset li l-intervent volontarju tal-FITD favur Tercas kienet ċirkustanza li setgħet tneħħi r-rabta kawżali, fid-dawl tal-fatt li l-miżura ta’ sostituzzjoni sussegwentement adottata kienet tidher, mill-perspettiva tal-klijent ta’ BdM Banca SpA, ħafna iktar ikkomplikata mix-xenarju imħabbar fil-pjan industrijali preċedenti u, konsegwentement, is-sitwazzjoni li kienet de facto inħolqot, anki wara l-kopertura estensiva mill-medja, kienet toħloq perċezzjoni ta’ stat ta’ inċertezza rigward riżultat pożittiv tal-proċess ta’ integrazzjoni ta’ Tercas u ta’ Caripe, u b’mod iktar ġenerali, fir-rigward tal-kapaċità ta’ BdM Banca SpA li tkompli bl-għanijiet strateġiċi tagħha taħt kundizzjonijiet ta’ bilanċ ekonomiku u patrimonjali, kif allegat u ddokumentat matul il-proċedura tal-ewwel istanza mibdija mill-istess BdM Banca SpA. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali siltet b’mod żbaljat elementi mis-sentenza preċedenti tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2021, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il-Kummissjoni (T-635/19, EU:T:2021:394), li fil-fatt kienet tirrigwarda tilwima li fiha l-Kummissjoni kienet sempliċement għamlet domandi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, iżda ma kienet adottat ebda deċiżjoni, filwaqt li fil-każ ineżami l-Kummissjoni adottat deċiżjoni vinkolanti. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ieħor meta ddikjarat li kienu jeżistu fatturi oħra, minbarra d-deċiżjoni, li allegatament ikkontribwixxew sabiex jiġu kkawżati d-danni mġarrba minn BdM Banca SpA, inkwantu l-eżistenza ta’ avvenimenti oħrajn li setgħu kkontribwixxew għad-danni invokati minn BdM Banca SpA ma jeskludux ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali, fejn dawn l-avvenimenti setgħu l-iktar jaffettwaw il-kwantifikazzjoni ta’ dawn id-danni. Fl-aħħar nett, huwa b’mod perentorju li l-Qorti Ġenerali sempliċement iddikjarat in-nuqqas ta’ affidabbiltà sostanzjali tar-rapporti ta’ perizja prodotti mill-appellanti minħabba li dawn huma bbażati fuq provi prodotti minn BdM Banca SpA, fid-dawl tal-fatt li, fl-assenza ta’ provi oħra prodotti mill-Kummissjoni, u li l-Qorti Ġenerali ma ordnatx perizja hekk kif jipprevedu r-Regoli tal-Proċedura, huwa evidenti li l-Qorti Ġenerali kien messha bbażat ruħha fuq il-perizji prodotti mill-appellanti.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat-23 ta’ Diċembr 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Il-każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)) (ĠU 2016, L 203, p. 1)