Language of document : ECLI:EU:C:2022:436

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2022 (1)

Kawża C199/21

DN

vs

Finanzamt Österreich

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (il‑Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà Soċjali – Regolament (KE) Nru 987/2009 – It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja lill-ġenitur li jkun ospita lill-wild – Nuqqas tal-ġenitur li jkun jista’ jitlob il-benefiċċji milli jeżerċita d-dritt tiegħu – Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni t-talba mressqa mill-ġenitur l-ieħor – Portata ta’ dan l-obbligu fuq it-talba għar-rimbors tal-benefiċċji tal-familja mogħtija lill-ġenitur l-ieħor”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita mill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija) b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (2), mir-Regolament (KE) Nru 987/2009 (3).

2.        B’mod iktar partikolari, ir-raba’ u l-ħames domanda, li fuqhom huma ffokati dawn il-konklużjonijiet, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża s-sens u l-portata tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 li d-dispożizzjonijiet tiegħu jipprovdu li, fejn persuna li tkun intitolata titlob il-benefiċċji tal-familja ma teżerċitax id-dritt tagħha, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-talba mressqa minn wieħed mill-persuni msemmija fl-imsemmi test.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

3.        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

i)      ‘membru tal-familja’ tfisser

[…]

3)      Jekk, taħt il-leġislazzjoni applikabbli taħt is-subparagrafi 1 u 2, persuna titqies bħala membru tal-familja jew membru tad-dar biss jekk hija tgħix fl-istess dar mal-persuna assigurata jew mal-persuna pensjonanta, din il-kondizzjoni għandha titqies bħallikieku sodisfatta jekk il-persuna konċernata tiddependi primarjament fuq il-persuna assigurata jew fuq il-persuna pensjonanta;

[…]

q)      ‘istituzzjoni kompetenti’ tfisser:

i)      l-istituzzjoni li l-persuna konċernat jkun assigurat magħha meta ssir l-applikazzjoni għal benefiċċju; jew

[…]

s)      ‘Stat Membru kompetenti’ tfisser l-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni kompetenti;

[…]

z)      ‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I”.

4.        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom”.

5.        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

j)      benefiċċji marbuta mal-familja.

[…]”

6.        L-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji”.

7.        L-Artikolu 67, taħt il-Kapitolu 8 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 u intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi li:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu”.

8.        L-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-istess Kapitolu 8 u intitolat “Regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ overlapping”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawn ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw:

a)      fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq bażijiet differenti, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun kif ġej: l-ewwel nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, it-tieni nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjoni, u fl-aħħar nett, drittijiet miksuba fuq il-bażi ta’ residenza;

b)      fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun stabbilita b’referenza għal kriterji sussidjarji li ġejjin:

[…]

ii)      fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjonijiet: il-post ta’ residenza tat-tfal, sakemm pensjoni hija pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ dan il-post, u b’mod addizzjonali, fejn jixraq, l-itwal perjodu ta’ assigurazzjoni jew residenza taħt il-leġislazzjonijiet differenti;

[…]

2.      Fil-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. Madanakollu, dan is-suppliment ma hemmx bżonn li jingħata fil-każ ta’ tfal li huma residenti fi Stat Membru ieħor meta l-persuna tkun intitolata għall-benefiċċju konċernat fuq il-bażi ta’ residenza biss.

[…]”

9.        L-Artikolu 68a (4) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-istess Kapitolu 8 u intitolat “Għoti ta’ benefiċċji”, jipprovdi li:

“Fil-każ li l-benefiċċji tal-familja ma jintużawx mill-persuna li lilha suppost ikunu pprovduti għall-manteniment tal-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti għandha tuża [tonora] l-obbligi legali tagħha billi tipprovdi dawk il-benefiċċji lill-persuna fiżika jew ġuridika li fattwalment tkun tmantni l-membri tal-familja, fuq it-talba u permezz [] tal-istituzzjoni fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom jew tal-istituzzjoni jew korp maħtura għal dak il-għan mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom”.

2.      Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009

10.      Skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009:

“L-applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament [Nru 883/2004], għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn. Fejn persuna hi intitolata li titlob il-benefiċċji ma teżerċitax id-dritt tagħha, applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja ppreżentata mill-ġenitur l-ieħor, persuna ttrattata bħala ġenitur, jew persuna jew istituzzjoni li tkun qed taġixxi bħala t-tutur tat-tifel/tifla jew tat-tfal għandha titqies mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hi applikabbli”.

B.      Id-dritt Awstrijak

11.      L-Artikolu 2 tal-Bundesgesetz betreffend den Familienlastenausgleich durch Beihilfen (il-Liġi Federali dwar il-Kumpens għall-Ispejjeż tal-Familja permezz ta’ Allowances), tal-24 ta’ Ottubru 1967 (BGBl. 376/1967, iktar ’il quddiem il-“FLAG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali jipprovdi:

“1.      Il-persuni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju federali għandhom dritt għal allowances tal-familja,

[…]

b)      għall-ulied maġġorenni li għandhom ma għalqux 24 sena u li jattendu taħriġ professjonali

[…]

2.      Hija l-persuna li l-familja tagħha tinkludi lill-wild imsemmi fil-paragrafu 1 li għandha d-dritt għall-allowances tal-familja. Persuna li l-familja tagħha ma tinkludix lill-wild, imma li fuqha jaqgħu b’mod prinċipali l-ispejjeż għall-manteniment ta’ dan tal-aħħar, għandha d-dritt għall-allowances tal-familja jekk ebda persuna oħra ma għandha dritt skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

3.      Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “ulied ta’ persuna” tfisser:

a)      id-dixxendenti tagħha;

[…]

5.      Il-wild jappartjeni lil dar ta’ persuna jekk, f’każ ta’ ġestjoni singola tal-familja, huwa jkun jaqsam ir-residenza ma’ din il-persuna. L-appartenenza għall-familja ma tispiċċax,

a)      meta l-wild jibqa’ joqgħod biss b’mod temporanju barra mir-residenza komuni.

[…]”.

12.      L-Artikolu 26(1) tal-FLAG jipprovdi li:

“Kull min jirċievi l-allowances tal-familja mingħajr ma jkun intitolat għandu jirrimborsa l-ammonti inkwistjoni”.

III. Il-fatti li wasslu għat-tilwima, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.      DN, li twieled fil-Polonja, ilu, sa mill-2001 ċittadin Awstrijak u jirrisjedi, b’effett minn din l-istess sena, fl-Awstrija. Huwa żżewweġ sal-2011 ma’ ċittadina Pollakka u minn din l-unjoni twieldet, fl-1991, tifla, ukoll ċittadina Pollakka.

14.      Sa mill-2011, DN jirċievi mill-istituzzjonijiet kompetenti Pollakki u Awstrijaċi pensjoni tal-irtirar antiċipat ikkalkolata fuq il-bażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni li ġew wara fil-Polonja u fl-Awstrija.

15.      Bejn Jannar u Awwissu 2013, DN talab u rċieva benefiċċji tal-familja fil-forma ta’ kumpens u kreditu ta’ taxxa mogħtija, għat-tifla tiegħu, mill-amministrazzjoni fiskali Awstrijaka. DN għadda l-benefiċċji tiegħu lil bintu li kienet qiegħda tistudja fil-Polonja. L-ex konjuġi ta’ DN ma ressqitx talba għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji.

16.      Matul dan l-istess perijodu, ebda benefiċċju tal-familja ma tħallas fil-Polonja, peress li l-mezzi ta’ DN kienu jeċċedu l-limitu tad-dħul previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru biex jibbenefika minn tali allowances.

17.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2014, l- amministrazzjoni fiskali Awstrijaka talbet l-irkupru tal-kumpensi u krediti ta’ taxxa mogħtija lil DN peress li, minħabba li rċieva pensjoni tal-irtirar antiċipat mill-Polonja u mill-post ta’ residenza ta’ bintu f’dan l-istess Stat, l-Awstrija, skont ir-regoli ta’ preċedenza stabbiliti fl-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 883/2004, għandha biss kompetenza sussidjarja biex tagħti l-benefiċċji tal-familja. Filwaqt li invokat, ukoll, motiv alternattiv ta’ rkupru, din l-amministrazzjoni fiskali ssostni li, skont l-Artikolu 2(2) tal-FLAG, kienet biss l-omm, li tirrisjedi fil-Polonja ma’ bintha, li kellha dritt għall-allowances tal-familja Awstrijaċi. Minn dan hija tiddeduċi li, skont l-Artikolu 26(1) tal-FLAG, jeħtieġ li jiġu rkuprati dawn il-benefiċċji mingħand il-missier minkejja li l-omm, li għandha dritt tapplika għalihom, ma kinitx għadha tista’ tikseb il-ħlas tagħhom minħabba d-dekorrenza tal-perijodu retroattiv.

18.      Filwaqt li sostna li l-Awstrija kienet obbligata tħallsu l-benefiċċji tal-familja skont l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FLAG, DN adixxa lill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija) b’rikors kontra din id-deċiżjoni.

19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) ddeċidiet, fid‑19 ta’ Marzu 2021, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-frażi ‘l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni’ fit-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 883/2004] għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għall-Istat Membru li kien preċedentement responsabbli għall-benefiċċji tal-familja bħala l-Istat tal-impjieg u li issa huwa obbligat iħallas pensjoni tax-xjuħija [tal-irtirar], li d-dritt għaliha huwa bbażat fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju tiegħu?

2)      Il-frażi ‘drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjonijiet’ fl-Artikolu 68(1)(b)(ii), tar-Regolament Nru 883/2001[2004] għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm lok għal dritt għall-benefiċċji tal-familja permezz ta’ [malli jkun hemm] riċezzjoni tal-pensjoni meta, l-ewwel, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jew tad-dritt nazzjonali dwar id-dritt għall-benefiċċji tal-familja jipprovdu r-riċezzjoni ta’ pensjonijiet bħala rekwiżit u, it-tieni, ir-rekwiżit ta’ riċezzjoni tal-pensjoni jiġi effettivament issodisfat, b’mod li ‘sempliċi riċezzjoni ta’ pensjoni’ ma taqax taħt l-Artikolu 68(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 883/2001[2004] u l-Istat Membru kkonċernat ma għandux jitqies bħala “Stat tal-pensjoni” taħt id-dritt tal-Unjoni?

3)      It-tielet domanda, li qiegħda ssir sussidjarjament għall-ewwel u għat-tieni domanda, jekk sempliċi riċezzjoni ta’ pensjoni hija biżżejjed għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ Stat tal-pensjoni:

Fil-każ ta’ riċezzjoni ta’ pensjoni tax-xjuħija, li d-dritt għaliha ġie kweżit b’applikazzjoni tar-regoli dwar ħaddiema migranti u preċedentement permezz tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali [jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament dwar il-ħaddiema transkonfinali u joħroġ mit-twettiq minn qabel ta’ mpjieg] fi Stat Membru matul perijodu li fih la l-Istat ta’ residenza waħdu u lanqas iż-żewġ Stati ma kienu pajjiżi membri tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-frażi ‘għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ’ fit-tieni sentenza tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1980, Laterza (C‑733/79, EU:C:1980:156), tinftiehem fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi benefiċċji tal-familja sa estent [ammont] massimu possibbli anki fil-każ ta’ riċezzjoni ta’ pensjoni?

4)      It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 [], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-Artikolu 2(5) tal-[FLAG 1967] li jipprovdi li, fil-każ ta’ divorzju, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja u għall-kreditu fiskali għall-ulied ikun tal-ġenitur li jieħu ħsieb id-dar sakemm il-wild maġġur li jistudja jkun jappartjeni għal tali dar, iżda li ma jkunx ressaq talba la fl-Istat ta’ residenza u lanqas fl-Istat tal-pensjoni, b’mod li l-ġenitur l-ieħor, li jgħix bħala pensjonant fl-Awstrija u li jsostni effettivament l-ispejjeż kollha għas-sostenn tal-wild, jista’ jinvoka d-dritt għall-benefiċċji tal-familja u għall-kreditu fiskali għall-ulied quddiem l-istituzzjoni responsabbli tal-Istat Membru fejn id-dispożizzjonijiet legali għandhom japplikaw bi preċedenza, direttament abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009?

5)      It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li, sabiex il-ħaddiem tal-Unjoni jiġi stabbilit bħala parti fi proċeduri nazzjonali ta’ Stat Membru dwar benefiċċji tal-familja, huwa neċessarju li jsostni fil-biċċa l-kbira l-manteniment tal-wild fi-sens tal-Artikolu 1(i)(3) tar-Regoalment Nru 883/2004?

6)      Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ djalogu prevista fl-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali proċedura għandha titmexxa mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati mhux biss fil-każ ta’ għoti ta’ benefiċċji tal-familja, iżda wkoll fil-każ ta’ rkupru ta’ benefiċċji tal-familja?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Ċek u mill-Kummissjoni Ewropea.

V.      Analiżi ġuridika

21.      Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma ffokati fuq ir-raba’ u l-ħames domanda.

A.      Fuq ir-riformulazzjoni tad-domandi

22.      Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li tirriżerva lill-ġenitur li jgħix mal-wild id-dritt għall-benefiċċji tal-familja b’mod li, anki fl-assenza ta’ talba għall-ħlas tal-benefiċċji magħmula minn dan il-ġenitur, il-ġenitur l-ieħor, li jsostni fil-fatt il-manteniment tal-wild, ma jistax jikseb il-ħlas tal-imsemmija benefiċċji.

23.      Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk, f’ċirkustanzi bħal dawn tal-kawża prinċipali, il-ġenitur l-ieħor, jistax jinvoka d-dritt għall-benefiċċji familjari fuq il-bażi tal-imsemmi artikolu.

24.      F’dan ir-rigward, jidhirli li s-sentenza Trapkowski (5) tista’ tagħti elementi ta’ risposta lill-qorti tar-rinviju. Fil-motivi ta’ dik id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-ewwel nett li r-Regolamenti Nri 987/2009 u 883/2004 ma jistabbilixxux il-persuni li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja (6), anki jekk huma jistabbilixxu r-regoli li jippermettu li jiġu stabbiliti l-persuni li jistgħu japplikaw għal dawn il-benefiċċji (7). Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-istruttura tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn it-tressiq ta’ talba għal benefiċċji tal-familja u d-dritt li persuna tirċievi tali benefiċċji (8). Dejjem skont il-formulazzjoni tal-imsemmi artikolu, hija enfasizzat li għalkemm huwa biżżejjed jekk waħda mill-persuni li jistgħu jitolbu l-benefiċċji tal-familja tressaq talba għall-għoti ta’ tali benefiċċji sabiex l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni t-talba tal-ġenitur l-ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li tali istituzzjoni, billi tapplika d-dritt nazzjonali, tasal għall-konklużjoni li l-persuna li għandha d-dritt li tirċievi l-benefiċċji tal-familja fir-rigward ta’ wild hija persuna oħra minn dik li ressqet it-talba għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji (9).

25.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 bl-ebda mod ma timponi fuq Stat Membru li jagħti benefiċċji lill-“ġenitur l-ieħor” meta l-ġenitur li seta’ jitlob il-benefiċċji tal-familja ma eżerċitax id-dritt tiegħu. Konsegwentement, l-imsemmi test bl-ebda mod ma jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, lill-istituzzjoni kompetenti Awstrijaka milli tiċħad, fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji, it-talba għall-ħlas tal-imsemmi benefiċċji mressqa minn DN.

26.      Dan premess, nosserva li, f’din il-kawża, il-problema ma hijiex verament analoga għal dik ittrattata fis-sentenza Trapkowski peress li, fl-ewwel lok, l-istituzzjoni kompetenti Awstrijaka laqgħet it-talba mressqa minn DN minħabba bintu. Huwa biss, sussegwentement, li l-imsemmija amministrazzjoni talbet ir-rimbors tal-ammonti li jikkorrispondu għall-benefiċċji tal-familja mogħtija lil DN billi bbażat ruħha, bħala raġuni alternattiva għall-irkupru, fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu, min-naħa, li l-allowances tal-familja jingħataw lill-persuna li fid-dar tagħha jkun hemm il-wild, u min-naħa l-oħra, li kull min jirċievi indebitament l-imsemmija allowances għandu jirrimborsahom. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar ir-rilevanza ta’ dawn il-motivi biex tiddeċiedi fuq it-talba għall-ħlas lura tal-benefiċċji tal-familja mressqa mill-amministrazzjoni fiskali.

27.      Issa, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jista’ jkollhom effett determinanti fuq is-soluzzjoni tat-tilwima peress li, f’dan il-każ, l-amministrazzjoni fiskali Awstrijaka, fl-assenza ta’ talba mressqa mill-omm, ħadet inkunsiderazzjoni t-talba mressqa mill-missier u tatu benefiċċji tal-familja minħabba l-wild. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi jekk, f’tali ċirkustanzi, l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni li tippermetti li jiġu rkuprati l-benefiċċji tal-familja mħallsa lil DN minħabba bintu.

28.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa neċessarju, bil-għan li tingħata risposta utli għas-soluzzjoni tal-kawża, li ssir riformulazzjoni tad-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja (10).

29.      Nissuġġerixxi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula r-raba’ u l-ħames domanda kif ġej:

“It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas li l-persuna li tkun tista’ titlob dawn il-benefiċċji milli teżerċita d-dritt tagħha, tippermetti li jiġu rkuprati l-benefiċċji tal-familja li jkunu ngħataw lil waħda mill-persuni msemmija f’dan it-test li t-talba tagħha tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti?”

B.      Fuq id-domandi rriformulati

30.      Id-domandi hekk irriformulati jimplikaw għaldaqstant li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009. Peress li dan ir-regolament ġie adottat għall-eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, jidhirli li huwa meħtieġ li jinftiehem l-iskop u l-għan tar-regoli adottati fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja minn dan it-tieni regolament. F’dan il-każ, dan l-approċċ jidhirli li huwa iktar neċessarju peress li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sens u l-portata tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandhom, minħabba r-riferiment għall-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004 li huwa jagħmel, jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar artikoli (11).

31.      Sabiex jiġi ggarantit l-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema kif iddefinit fl-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 48 ta’ dan it-trattat jipprovdi, essenzjalment, għat-twaqqif ta’ sistema ta’ koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali. Wara li inizjalment ġiet organizzata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (12), li l-mekkaniżmi tiegħu kienu saru kumplessi wisq (13), il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali hija llum irregolata mir-Regolament Nru 883/2004. Kif tesprimi l-premessa 4 tiegħu (14), dan ir-regolament ma għandux, bħar-Regolament Nru 1408/71 (15), bħala għan l-armonizzazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, imma biss li jiżgura l-kordinazzjoni tagħhom.

32.      Sabiex jiżgura dan l-għan, ir-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi b’mod partikolari regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet li jippermettu, fil-preżenza ta’ diversi liġijiet jew fl-assenza ta’ liġi, li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali li skontha l-benefiċċji jkunu jistgħu jingħataw. Dawn ir-regoli, stabbiliti mill-Artikoli 11 sa 16 ta’ dan ir-regolament, huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-prinċipju ġenerali ta’ uniċità tal-liġi applikabbli (16).

33.      Dan premess, ir-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi regoli derogatorji applikabbli għad-diversi kategoriji ta’ benefiċċji. Għal dan il-għan, l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi, fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, l-Istat jew Stati Membri kompetenti biex jagħtu tali benefiċċji (17). Għal dan il-għan, dan l-artikolu jistabbilixxi prinċipju li jgħid li persuna tista’ titlob il-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex dak li għandu l-kompetenza biex iħallas dawn il-benefiċċji bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom f’dan l-aħħar Stat Membru (18). Kif tgħid il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż, essenzjalment, sabiex iwaqqaf Stat Membru milli jkun jista’ jissuġġetta l-għoti jew l-ammont tal-benefiċċji tal-familja fuq ir-residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru li jipprovdi l-benefiċċji (19).

34.      L-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi għaldaqstant finzjoni fis-sens li l-familja kollha tittieħed inkunsiderazzjoni bħallikieku l-persuni kkonċernati kollha kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti u kienu residenti hemmhekk. Fi kliem ieħor, dan l-artikolu jimplika approċċ globali (20), fejn l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata b’dan it-test li teżamina s-sitwazzjoni tal-familja kollha kemm hi biex tistabbilixxi d-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja. Tali tifsira ġiet wara kollox adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja li, għall-interpretazzjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, iddeċidiet li l-benefiċċji tal-familja ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu bħala dovuti lil individwu indipendentement mis-sitwazzjoni familjari tiegħu (21). Kif tenfasizza, ġustament, il-Kummissjoni, minn dan isegwi li d-dritt għall-benefiċċji tal-familja ma huwiex dovut lil ġenitur wieħed imma lill-familja.

35.      Dan l-approċċ globali jidhirli li jaqbel bi sħiħ mal-għan mogħti lill-benefiċċji tal-familja mir-Regolament Nru 883/2004. Fuq dan il-punt, biex jiġi stabbilit jekk benefiċċju jikkostitwixxix benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) ta’ dan ir-regolament, jeħtieġ li jsir riferiment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 1(z) tal-imsemmi regolament li jgħid li l-kliem “benefiċċju marbut mal-familja” jfissru l-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I tal-istess regolament. Filwaqt li bbażat ruħha fuq din id-definizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod kostanti, li l-benefiċċji tal-familja huma intiżi għalhekk sabiex jgħinu soċjalment lill-ħaddiema li għandhom ir-responsabbiltà ta’ familja billi jinvolvu lis-soċjetà f’dawn l-ispejjeż. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kliem “jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu, b’mod partikolari, għal kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied (22).

36.      Dan l-għan huwa muri wkoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68a tar-Regolament Nru 883/2004 li huwa intiż li jiggarantixxi li l-benefiċjarji tal-benefiċċji tal-familja jużawhom skont l-għanijiet li għalihom ikunu mmirati. Minn din il-perspettiva, dan it-test jipprevedi li, fil-każ fejn il-benefiċjarju tal-benefiċċju ma jużax l-allowance tal-familja li għalih għandu dritt biex imantni l-membri tal-familja tiegħu, l-ammont tal-imsemmija benefiċċji tal-familja għandu jitħallas lill-persuna li fil-fatt tipprovdi għall-bżonnijiet tal-membri tal-familja.

37.      L-iskop u l-għan tal-benefiċċji tal-familja jikkostitwixxu għaldaqstant kriterji determinanti għat-talba u l-implimentazzjoni tar-regoli previsti f’din il-materja mir-Regolament Nru 883/2004. Minn dan jirrizulta li l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandu jinqara u jiġi interpretat fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi. F’dan ir-rigward, dan l-artikolu (23) jipprovdi, essenzjalment, li, fejn persuna li hi intitolata li titlob il-benefiċċji tal-familja ma teżerċitax id-dritt tagħha, it-talba li titressaq minn waħda mill-persuni l-oħra msemmija f’dak it-test, li fosthom hemm “il-ġenitur l-ieħor”, għandha “titqies” mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hi applikabbli.

38.      Fil-fehma tiegħi, it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 tirrifletti l-approċċ dwar il-familja sanċit, fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, mir-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, nikkunsidra li, bil-fatt li ppreveda li t-talba mressqa mill-“ġenitur l-ieħor” kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħallikieku kienet ġiet ippreżentata mill-ġenitur li għandu dritt għall-benefiċċji tal-familja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura li, f’kull sitwazzjoni, l-imsemmija benefiċċji jikkontribwixxu, skont l-għan tagħhom, għall-baġit tal-familja u jikkumpensaw għall-ispejjeż li tonfoq il-persuna li tmantni effettivament lill-wild.

39.      Konsegwentement, nikkunsidra, filwaqt li nsegwi r-raġunament li għadni kif esponejt, li l-ħlas lura tal-ammonti li jikkorrispondu għall-benefiċċji huwa possibbli biss sakemm dan ma jkunx kontra l-istruttura tal-mekkaniżmi stabbiliti, fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja, mir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009. Għal dan il-għan, biex tiġi evalwata l-fondatezza tat-talba għar-rimbors, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, wara t-talba ppreżentata minn waħda mill-persuni msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni kollha tal-familja li tkun għamlet l-istituzzjoni kompetenti wasslitx biex il-benefiċċji tal-familja jikkontribwixxu effettivament għall-ispejjeż tal-familja. Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jidhirli li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu jipprekludu l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja, anki jekk l-istituzzjoni kompetenti tkun tat dawn il-benefiċċji lil persuna li ma hijiex dik indikata mid-dritt nazzjonali bħala li tista’ titlob l-imsemmija benefiċċji.

40.      Tali analiżi hija, barra minn hekk, koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ċertament, kif din tal-aħħar tfakkar fis-sentenza Trapkowski (24), it-teħid inkunsiderazzjoni meħtieġ skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 ma jipprekludix li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tagħti l-benefiċċji tal-familja lil persuna oħra li ma hijiex dik li ressqet it-talba peress li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji, fosthom l-identifikazzjoni tal-persuna li hija intitolata għalihom, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali. Madankollu, minn imkien ma jirriżulta mit-termini użati fl-imsemmija sentenza li l-istituzzjoni kompetenti tkun obbligata tasal għal tali konklużjoni. Għaldaqstant, l-eżami tas-sitwazzjoni kollha tal-familja previst fl-imsemmi artikolu jħalli lill-istituzzjoni kompetenti l-possibbiltà li tagħti l-allowances tal-familja lil persuna oħra differenti minn dik indikata mid-dritt nazzjonali.

41.      Issa, f’tali ipoteżi, il-kontestazzjoni, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali, ta’ dan l-għoti ta’ pensjoni ma tistax ikollha l-konsegwenza li tikser l-istruttura tal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali stabbiliti mir-Regolament Nru 883/2004. F’dan ir-rigward, infakkar li, għalkemm il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tal-familja huma ddeterminati skont id-dritt nazzjonali, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni (25). Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li d-determinazzjoni, skont id-dritt nazzjonali, tal-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja ma għandhiex ikollha bħala effett li timponi r-rimbors tal-imsemmija benefiċċji li, wara l-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, jkunu laħqu l-għan tagħhom.

42.      Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talba għall-ħlas lura tal-benefiċċji tal-familja magħmula mill-amministrazzjoni fiskali Awstrijaka taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li teżamina ċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ. Dan premess, jidhirli li, fl-istat tal-elementi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, li nipproponi jien, tipprekludi r-rimbors tal-benefiċċji tal-familja.

43.      Fil-fatt, id-dritt Awstrijak kien jindika l-ex konjuġi ta’ DN bħala l-persuna li tista’ titlob il-benefiċċji tal-familja minħabba bintha maġġorenni li kienet tirrisjedi magħha fil-Polonja. Peress li l-omm ma eżerċitatx id-dritt tagħha, DN ippreżenta, quddiem l-istituzzjoni kompetenti Awstrijaka talba għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji. Wara li ħadet inkunsiderazzjoni din it-talba, din l-istituzzjoni tat il-benefiċċji tal-familja lil DN, li ħallas l-ammonti korrispondenti kollha lil bintu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, kieku DN kellu jkun obbligat jirrimborsa l-benefiċċji tal-familja, l-ex konjuġi tiegħu ma tkunx tista’ tikseb il-ħlas peress li, skont id-dritt Awstrijak, it-terminu għall-ħlas tal-imsemmija benefiċċji kien iddekorra.

44.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkonstata, l-ewwel nett, li t-talba mressqa minn DN ittieħdet inkunsiderazzjoni u li l-benefiċċji tal-familja ngħatawlu fil-kuntest tal-implimentazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti tal-proċedura prevista, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004, mill-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009. Nirrileva mbagħad, li, anki jekk dawn ma tħallsux lill-omm, il-benefiċċji tal-familja kkontribwixxew effettivament għall-manteniment tal-wild li minħabba fih huma kienu ngħataw.

45.      Jidhirli li f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rimbors tal-benefiċċji tal-familja, mitlub skont id-dritt nazzjonali, jkollu bħala effett li jikser ir-regoli ta’ koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali adottati fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

VI.    Konklużjoni

46.      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għar-raba’ u ħames domanda preliminari, kif irriformulati, magħmula mill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija):

It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas li l-persuna li tkun tista’ titlob dawn il-benefiċċji milli teżerċita d-dritt tagħha, tippermetti li jiġu rkuprati l-benefiċċji tal-familja li jkunu ngħataw lil waħda mill-persuni msemmija f’dan it-test li t-talba tagħha tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti, sakemm l-imsemmija benefiċċji jkunu kkontribwixxew fil-fatt għall-manteniment tal-membri tal-familja li għalihom ikunu ngħataw.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 72).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).


4      Dan l-artikolu ddaħħal fir-Regolament Nru 883/2004 permezz tal-punt 18 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009, li jemenda r-Regolament Nru 883 (ĠU 2009, L 284, p. 43).


5      Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski (C‑378/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Trapkowski”, EU:C:2015:720).


6      Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li jirriżulta ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 li l-persuni intitolati għall-benefiċċji tal-familja jiġu identifikati skont id-dritt nazzjonali (ara s-sentenza Trapkowski, punt 44).


7      Sentenza Trapkowski punt 43.


8      Sentenza Trapkowski punt 46.


9      Sentenza Trapkowski punti 47 u 48.


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, Moser (C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 34).


12      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 35).


13      F’dan is-sens, fil-premessa 3 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa enfasizzat li “r-regoli Komunitarji dwar il-kordinazzjoni [huma] komplikati u li jieħdu ż-żmien” u li huwa essenzjali li dawn jiġu ssostitwiti “billi jkunu immodernizzati u simplifikati”.


14      Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 883/2004 tipprovdi li: “[h]uwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni”.


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht (C‑262/97, EU:C:2000:492, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


16      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004 tipprovdi li: “[i]l-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss”.


17      L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi regoli ta’ preċedenza f’każ ta’ kumulu ta’ liġijiet u ta’ drittijiet għall-benefiċċji. Nosserva, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhrux li japplikaw għal dan il-każ. Fil-fatt, minn kliem id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju stess jirriżulta li, matul il-perijodu li kien is-suġġett tal-kawża prinċipali, ebda benefiċċju tal-familja ma tħallas fil-Polonja. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sitwazzjoni ta’ kumulu, fis-sens tal-imsemmi artikolu, tippreżumi li l-benefiċċji jkunu dovuti f’diversi Stati Membri. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski (C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


18      Sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, Moser (C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2019, Moser (C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tal-25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għall-kooperazzjoni) (C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 76).


20      Għal preżentazzjoni tal-għan u tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, ara M. Fuchs u R. Cornelissen “EU Social Security Law, A Commentary on EU Regulations 883/2004 and 987/2009”, C.H. Beck. Hart. Nomos, 2015, p. 405 et seq.


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2009, Slanina (C‑363/08, EU:C:2009:732, punt 31) u tat-2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm l-ewwel sentenza ngħatat għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, il-formulazzjoni ta’ dan it-test hija viċina ħafna għal dik tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004.


22      Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2021, ASGI et (C‑462/20, EU:C:2021:894, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 ma kinux jinsabu fil-proposta inizjali mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Huma ġew introdotti b’emenda waqt l-eżami fl-ewwel qari tat-test mill-Parlament Ewropew. Madankollu, il-motivi ta’ din l-emenda ma humiex identifikati fix-xogħlijiet preparatorji (ĠU 2004, C 76E, p. 178).


24      Punt 48 ta’ din is-sentenza.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 68 u 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).