Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzgericht - l-Awstrija) – DN vs Finanzamt Österreich

(Kawża C-199/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 67 u 68 – Benefiċċji tal-familja – Dritt għall-benefiċċji abbażi ta’ pensjoni – Persuna li tirċievi pensjonijiet imħallsa minn żewġ Stati Membri – Stat(i) Membru/i li fih/om il-persuna li tirċievi l-pensjoni għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja – Regolament (KE) Nru 987/2009 – It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja lill-ġenitur li jkun laqa’ l-wild fid-dar tiegħu – Astensjoni ta’ dan il-ġenitur li jitlob l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji – Obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-talba mressqa mill-ġenitur l-ieħor – Talba għal rimbors tal-benefiċċji tal-familja mħallsa lill-ġenitur l-ieħor – Ammissibbiltà)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DN

Konvenut: Finanzamt Österreich

Dispożittiv

It-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

meta persuna tirċievi pensjonijiet f’żewġ Stati Membri, din il-persuna għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Meta l-ġbir ta’ tali benefiċċji f’wieħed minn dawn l-Istati Membri huwa eskluż skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-regoli ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 68(1) u (2) ta’ dan ir-regolament ma japplikawx.

It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja mogħtija, fl-assenza ta’ talba mill-ġenitur li għandu dritt għalihom skont din il-leġiżlazzjoni, lill-ġenitur l-ieħor, li t-talba tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, mill-istituzzjoni kompetenti, u li fil-fatt isostni waħdu l-piż finanzjarju marbut mal-manteniment tal-wild.

____________

1     ĠU C 242, 21.6.2021.