Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2023 minn PB mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-293/22, PB vs SRB

(Kawża C-727/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: PB (rappreżentant: N. de Montigny, avukata)

Parti oħra fil-proċedura: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi l-kawża u, billi tagħmel dak li kien imissha għamlet il-Qorti Ġenerali, tannulla d-deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2021 inkwantu din ma tinkludix l-isem tal-appellant fost il-membri tal-persunal ikklassifikati mill-ġdid għall-proċedura 2021;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż sostnuti mill-appellant fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jinvoka l-ilmenti li ġejjin, li huma kklassifikati skont it-tip ta’ aggravji:

inkwantu ċaħdet bħala inammissibbli ċerti annessi prodotti mill-appellant matul il-proċedura, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji manifesti fl-eżami tar-rilevanza tagħhom għall-eżami tal-motivi fil-mertu;

inkwantu ma siltet l-ebda konsegwenza mill-ammissjoni tas-SRB matul is-seduta dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni biss fil-kuntest tal-eżami ta’ riklassifikazzjoni kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi minkejja li l-appellant kien irreaġixxa b’mod kontradittorju għal din l-ammissjoni fis-sottomissjonijiet orali;

minkejja li l-appellant kien qajjem il-ksur ta’ medji statutorji u tal-kwoti stabbiliti fuq din il-bażi permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠE”), il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi fuq punt essenzjali ta’ illegalità li tivvizzja l-proċedura kollha ta’ riklassifikazzjoni u li taffettwa lill-appellant indipendentement mill-eżami individwali ta’ kull grad, bi ksur ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

fl-eżami tal-annessi, tal-fatti u tad-data trażmessa matul il-proċedura, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat ċerti elementi jew iddeċidiet b’mod kontradittorju u, b’mod mhux ġust u bi ksur tar-regoli relatati mal-oneru tal-prova kif ukoll mal-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ legalità li l-amministrazzjoni tgawdi minnha, sistematikament poġġiet fuq l-appellant l-oneru tal-prova ta’ fatt negattiv, jew inkwantu hija interpretat b’mod ristrettiv ħafna l-prinċipju ta’ inverżjoni tal-oneru tal-provi, u b’dan il-mod kisret ukoll id-dritt għal smigħ xieraq u għall-opportunitajiet ugwali għall-partijiet li għandu jgawdi minnhom kull rikorrent;

il-Qorti Ġenerali, b’mod kontradittorju, applikat b’mod mhux ġust ir-regoli fil-qasam ta’ amministrazzjoni tal-oneru tal-prova tal-punti ta’ difiża sottomessi mill-partijiet billi rrikjediet mill-appellant li jipproduċi l-prova ta’ fatt negattiv peress li hija bbażat ruħha fuq is-sempliċi allegazzjoni tas-SRB ta’ fatt negattiv sabiex tqis li kellu jiġi preżunt li s-SRB ma kienx applika d-DĠE tiegħu meta rriżulta li dawn kienu illegali, bi ksur tal-preżunzjoni skont liema l-amministrazzjoni hija preżunta li tosserva r-regoli li hija stess imponiet. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali, diversi drabi, fil-kuntest tal-eżami tar-regoli applikabbli fi ħdan is-SRB, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif dawn ir-regoli kienu effettivament implimentati u bbażat ruħha fuq sempliċi allegazzjonijiet neqsin minn sustanza mis-SRB, u b’dan il-mod wettqet kemm żnaturament tal-provi, kif ukoll ksur tal-Artikolu 54 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem iċ-“CEOS”) u tad-DĠE applikabbli;

fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 54 taċ-CEOS għas-SRB u tal-eżami tal-ewwel, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet illegalment li s-SRB kellha “marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’” sabiex torganizza l-eżerċizzju tagħha ta’ riklassifikazzjoni u tiddeċiedi dwar ir-riklassifikazzjonijiet, billi interpretat l-istess marġni ta’ evalwazzjoni bi ksur tal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, tal-medji u tal-kwoti stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tad-DĠE applikabbli u billi eskludiet kull difett u kull irregolarità u illegalità li toħroġ mill-applikazzjoni konkreta tal-imsemmija regoli;

dwar l-eżami tal-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nfisha u kisret il-kunċett ta’ motivazzjoni individwali, suffiċjenti u mhux kontradittorja, filwaqt li qieset li riferiment permezz ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ ilment kontra l-opinjoni mhux individwalizzata u mhux iddettaljata ta’ Kumitat Konġunt għar-Riklassifikazzjoni (iktar ’il quddiem il-“KK”) kien biżżejjed u seta’ sussegwentement jiġi kkompletat permezz tal-proċedura prekontenzjuża, hija ħawdet ukoll it-temporalità tal-għarfien mill-appellant tal-punti ta’ motivazzjoni billi għamlet riferiment għal annessi prodotti fil-mori tal-kawża u billi qalet li, fuq din il-bażi, l-appellant kien imissu jiddeduċi l-motivazzjoni individwali li tikkonċernah;

b’mod żbaljat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni billi qisitu inammissibbli minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ konkordanza minkejja li l-ilment jinkludi elementi li jagħmlu riferiment għal tali żball;

huwa wkoll bi ksur tar-regoli ta’ proċedura dwar l-ammissibbiltà ta’ motiv u n-natura operattiva tiegħu li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ pubblikazzjoni ta’ rapport finali mill-KK meta qieset illegalment li din l-assenza ta’ pubblikazzjoni setgħet ġiet ikkumpensata mit-talba għal aċċess għad-dokumenti meta l-proċeduri jissodisfaw għanijiet u għandhom regoli differenti u ma japplikawx għall-istess dokumenti;

fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali manifestament b’mod żbaljat, bi ksur tal-prinċipji applikabbli għat-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż, fosthom dak tal-ekwità li abbażi tagħha jitqassmu l-ispejjeż, ikkundannat lill-appellant għall-ispejjeż kollha tal-partijiet, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni tal-ksur, mis-SRB, tal-għan tal-fażi prekontenzjuża, tal-ammissjoni ta’ irregolarità proċedurali matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali u tal-produzzjoni, fl-aħħar tal-proċedura prekontenzjuża, ta’ elementi li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuqhom b’mod wiesa’ sabiex timmotiva s-sentenza mogħtija;

b’mod orizzontali, il-Qorti Ġenerali tagħmel ħsara għall-uniċità tal-ġurisprudenza fl-eżami tad-diversi kwistjonijiet ta’ dritt li huma sottomessi lilha.

____________