Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Satversmes tiesa (il-Latvija) fl-1 ta’ Frar 2023 – AZ, 1Dream OÜ, Produktech Engineering AG, BBP, Polaris Consulting Ltd vs Latvijas Republikas Saeima

(Kawża C-49/23, 1Dream et)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Satversmes tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AZ, 1Dream OÜ, Produktech Engineering AG, BBP, Polaris Consulting Ltd

Konvenut: Latvijas Republikas Saeima

Domandi preliminari

Leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha qorti nazzjonali tiddeċiedi fuq il-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fi proċeduri separati dwar l-oġġetti miksuba illegalment, li jkunu separati mill-proċeduri kriminali prinċipali qabel ma jiġi kkonstatat it-twettiq ta’ reat kriminali u qabel ma persuna tkun instabet ħatja tar-reat, u li tipprevedi wkoll il-konfiska abbażi ta’ elementi meħuda mill-proċess kriminali, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea 1 , b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tagħha, u taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u proprjetà konnessi mal-kriminalità 2 , b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tagħha?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “ordni ta’ konfiska” fis-sens tad-Direttiva 2014/42, b’mod partikolari tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(6) tagħha, jinkludi mhux biss dawk id-deċiżjonijiet ġuridiċi li permezz tagħhom jiġi ddikjarat li l-oġġetti nkisbu illegalment u tiġi ordnata l-konfiska tagħhom iżda wkoll dawk li permezz tagħhom jintemmu l-proċeduri dwar l-oġġetti miksuba illegalment?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, leġiżlazzjoni li ma tipprevedix id-dritt tal-persuni li jkollhom rabta mal-oġġetti li jippreżentaw rikors kontra l-ordnijiet ta’ konfiska hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2014/42?

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, adita b’rikors għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità ppreżentat kontra leġiżlazzjoni nazzjonali ddikjarata bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiddikjara li l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa applikabbli u li l-effetti ġuridiċi tal-imsemmija leġiżlazzjoni għandhom jinżammu b’mod temporanju sal-mument stabbilit fid-deċiżjoni tal-imsemmija qorti bħala l-mument li fih d-dispożizzjoni kkontestata għandha tieqaf tipproduċi effetti?

____________

1     ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114.

1     ĠU 2006, L 159M, p. 223.