Language of document : ECLI:EU:T:2011:727

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Diċembru 2011

Kawża T-365/11 P

AO

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Terminu ta’ appell — Tardività — Oriġinal iffirmat tar-rikors ippreżentat wara li skada t-terminu — Każ fortuwitu — Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L‑Ewwel Awla), tal-4 ta’ April 2011, AO vs Il‑Kummissjoni (F‑45/10) u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. AO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Appell — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 102(2))

2.      Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ appell — Dekadenza — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Kunċett kompost minn elementi oġġettivi u suġġettivi

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45)

3.      Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ appell — Dekadenza — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Kunċett — Żball fl-indirizz imputabbli lil terza persuna — Esklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45)

1.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari kontra d-deċiżjonijiet finali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Dan it-terminu għall-preżentata ta’ appell huwa ta’ ordni pubbliku, li kien ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali u sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni u kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, ħaġa li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk kienx ġie osservat.

(ara l-punti 23, 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, Ġabra p. I‑403, punt 21

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il‑Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, Ġabra p. II‑1355, punti 38 u 39

2.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ ssir deroga għat-termini tal-proċedura fil-każ biss ta’ ċirkustanzi għal kollox eċċezzjonali, ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Il-kunċetti ta’ każ fortuwitu u ta’ forza maġġuri jinkludu element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi anormali u li ma għandhomx x’jaqsmu mal-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-operatur għandu jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija, u b’mod partikolari, juri diliġenza sabiex josserva t-termini previsti. Peress li dan jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-inammissibbiltà li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservazzjoni tat-termini għall-preżentata ta’ appell, li huma ta’ ordni pubbliku, il-kunċett ta’ każ fortuwitu għandu jkun allegat u jkun muri mill-parti li għandha l-intenzjoni li tibbenefika minnu.

(ara l-punti 31 sa 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Novembru 2007, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑242/07 P, Ġabra p. I‑9757, punti 16 u 17, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kummissjoni u de Brito Sequeira Carvalho, T‑40/07 P u T‑62/07 P, Ġabra SP p. I‑B‑1‑89 u II‑B‑1‑551, punt 205

3.      F’dak li jikkonċerna t-termini għall-preżentata ta’ appell, il-kunċett ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri li jista’ jiġġustifika deroga għat-termini għall-preżentata ta’ appell li huma ta’ ordni pubbliku, skont l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-preparazzjoni, is-sorveljanza u l-verifika tal-atti proċedurali li għandhom jiġu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-parti kkonċernata u tar-rappreżentant legali tagħha. Huma b’mod partikolari dawn tal-aħħar li għandhom jissorveljaw u jivverifikaw li l-envelops jew pakketti li fihom dawn l-atti, kif ukoll id-dokumenti li jiċċertifikaw li l-atti elenkati jkunu ntbagħtu mwaħħla magħhom, kienu ġew ippreparati korrettament u, b’mod partikolari, li fuqhom jinkiteb l-indirizz korrett tal-Qorti Ġenerali. Minbarra dan, hija l-parti kkonċernata u r-rappreżentant legali tagħha li għandhom jissorveljaw u jivverifikaw li l-fornituri tas-servizzi ta’ kurrier li jiddeċiedu li lilhom jagħtu l-kompitu, skont il-każ, li jibagħtu dawk l-atti jwettqu korrettament il-missjoni tagħhom, fit-termini kuntrattwalment previsti.

Żball fl-indirizz li jirriżulta mill-fatt li l-avukat tal-appellant, fil-prattika, ikun iddelega lill-fornitur tas-servizzi ta’ kurrier il-kompitu li jipprepara li jibgħat bil-posta l-oriġinal iffirmat tal-appell, u b’mod partikolari, li jikkompleta huwa stess l-indirizz ta’ destinazzjoni fid-dokument tal-grupp ta’ dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ kurrier li jiċċertifika l-passaġġ bl-ajru tal-atti elenkati, billi għalhekk jieħu r-riskju ta’ eventwali konfużjoni bejn l-indirizzi differenti li jidhru fil-paġna ta’ quddiem ta’ dan l-oriġinal huwa, bħala konsegwenza, imputabbli għal nuqqas ta’ sorveljanza u ta’ verifika tal-avukat tal-appellant, u, għaldaqstant, tal-appellant stess.

F’dan il-kuntest, il-fatt li l-iżball ta’ indirizz jirriżulta mill-intervent ta’ terza persuna, li tkun ġiet imqabbda mill-avukat tal-appellant sabiex tipprepara li jintbagħat l-original iffirmat tal-appell lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi rikonoxxut bħala ċirkustanza eċċezzjonali jew avveniment anormali u li ma għandux x’jaqsam mal-appellant. Isegwi li tali żball ma jistax jiġġustifika l-eżistenza ta’ każ fortuwitu fir-rigward tal-appellant.

(ara l-punti 37, 39, 40 u 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, Ġabra p. I‑8849, punti 48 sa 50