Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Marzu 2011 - Centre national de la recherche scientifique vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-167/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiz

Partijiet

Rikorrent: Centre national de la recherche scientifique (Pariġi, Franza) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tirrestitwixxi l-allegat kreditu ta' EUR 20 989.82 mitlub mill-Kummissjoni skont il-kuntratt fit-talba għal ħlas tagħha Nru 2010-1232, tas-26 ta' Ottubru 2010, u li wassal għall-att ta' tpaċċija tas-17 ta' Diċembru 2010 (ref. BUDG/C3 D(2010) B.2 - 1232), flimkien mal-interessi moratorji skont ir-rata legali, skont id-dritt Belġjan li jirregola l-kuntratt;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha kemm huma.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu II.19(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt LSHB-CT-2004-503319 dwar il-proġett "ALLOSTEM" li jaqa' taħt is-sitt programm-qafas ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku (2002-2006) (iktar 'il quddiem "il-kuntratt ALLOSTEM"), peress li l-Kummissjoni llimitat, jekk mhux ċaħdet, lir-rikorrent mill-possibbiltà li jipproduċi prova ta' eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt fir-rigward tal-eliġibbiltà għall-ispejjeż tal-persunal u billi ma osservatx il-kriterji ta' definizzjoni tal-ispejjeż eliġibbli.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw mill-Artikoli II.19 u II.20 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt "ALLOSTEM", peress li l-Kummissjoni eskludiet l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mar-"riżerva għat-telf tal-post tax-xogħol" u mal-leave tal-maternità ta' bijologa impjegata b'kuntratt għal żmien determinat.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 12 tal-kuntratt "ALLOSTEM" li jissuġġetta għad-dritt Belġjan l-evalwazzjoni tan-natura ċerta ta' kull kreditu dovut skont l-imsemmi kuntratt. Ir-rikorrent isostni:

li l-Kummissjoni bbażat ruħha unikament fuq id-dritt tal-Unjoni u mhux fuq id-dritt Belġjan sabiex tevalwa jekk il-kreditu mitlub kienx ta' natura ċerta jew le, u

li l-kreditu huwa s-suġġett ta' kontestazzjoni serja li tneħħilha kull natura ċerta.

____________