Language of document : ECLI:EU:C:2021:231

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Marzu 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 10 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenitur – Ħtif ta’ wild – Ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru – Portata territorjali – Tneħħija ta’ wild fi Stat terz – Residenza abitwali miksuba f’dan l-Istat terz”

Fil-Kawża C‑603/20 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

SS

vs

MCP,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef fil-Ħames Awla, M. Ilešič, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas-6 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2020, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2020 tal-Ħames Awla li din it-talba tiġi milqugħa,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SS, minn A. Tayo, barrister, mogħtija mandat minn J. Dsouza, solicitor,

–        għal MCP, minn A. Metzer, QC u minn C. Proudman, barrister, mogħtija mandat minn H. Choudhery, solicitor,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali waqt is-seduta tat-23 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013 L 82, p. 63), kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2116/2004 tat-2 ta’ Diċembru 2004 (ĠU 2004, L 367, p. 1) (iktar il-quddiem ir-“Regolament Nru 2201/2003”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SS, missier ta’ wild minuri, P, u MCP, omm din il-wild, fir-rigward tat-talba tal-missier intiża sabiex jiġi ordnat ir-ritorn tal-wild lejn ir-Renju Unit u li tingħata deċiżjoni dwar id-drittijiet ta’ aċċess.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-ħtif internazzjonali ta’ minuri, iffirmata fil-25 ta’ Ottubru 1980 fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti għaliha.

4        Din il-konvenzjoni tinkludi diversi dispożizzjonijiet intiżi għall-ksib tar-ritorn immedjat ta’ wild imneħħi jew miżmum illegalment.

5        L-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprevedi li, wara li jkunu ġew informati bit-tneħħija illegali ta’ wild jew biż-żamma tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat Kontraenti li lejh tneħħa l-wild jew li fih qiegħed jinżamm ma jistgħux jiddeċiedu dwar il-mertu tad-drittijiet ta’ kustodja sakemm ma jiġix stabbilit li l-kundizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni għal ritorn tal-wild ma jkunux issodisfatti, jew sakemm ma jkunx għadda perijodu raġonevoli mingħajr ma tkun saret talba b’applikazzjoni ta’ din l-istess konvenzjoni.

 Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996

6        Il-Konvenzjoni fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, konkluża f’Den Haag fid-19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996”) ġiet irrattifikata u hija s-suġġett ta’ adeżjoni mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

7        Din il-konvenzjoni tipprevedi regoli intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tal-ulied fis-sitwazzjonijiet ta’ natura internazzjonali u li jiġu evitati konflitti bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati firmatarji fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni, ta’ liġi applikabbli, ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ulied.

8        Fir-rigward tal-ħtif ta’ wild, l-Artikolu 7 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) u (b) tiegħu:

“1      F’każ ta’ tneħħija nġusta jew ritenzjoni tat-tifel [tneħħija jew ta’ żamma illegali tal-wild], l-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti li fih it-tifel kien abitwalment jkun residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew ritenzjoni, jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sakemm it-tifel ikun akkwista residenza abitwali fi Stat ieħor, u:

a)      kull persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandu drittijiet ta’ kustodja kkunsenta fit-tneħħija jew ritenzjoni; jew

b)      it-tifel għex f’dak l-Istat ieħor għal perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandu drittijiet ta’ kustodja għandu jew missu kellu għarfien ta’ fejn hu t-tifel, l-ebda talba għar-ritorn li ġiet magħmula f’dak il-perjodu għadha pendenti, u t-tifel qed jgħix ħajja stabbli fl-ambjent ġdid tiegħu jew tagħha.”

9        Skont kliem l-Artikolu 52(2) u (3) tal-istess konvenzjoni:

“2.      Din il-Konvenzjoni ma taffetwax il-possibiltà għal wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti li jikkonkludu ftehimiet li jkunu jinsabu fihom, fir-rigward ta’ tfal [wlied] li abitwalment jkunu residenti fi kwalunkwe mill-Istati, Partijiet għal dawn il-ftehimiet, dispożizzjonijiet fuq materji irregolati minn din il-Konvenzjoni.

3.      Ftehimiet li għandhom jiġu konklużi minn wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti fuq materji fl-iskop ta’ din il-Konvenzjoni ma jaffetwawx, fir-relazzjoni ta’ dawn l-Istati ma’ Stati Kontraenti oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.”

 Id-dritt tal-Unjoni

10      Il-premessi 12 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistipulaw:

“(12)      Ir-raġunijiet [regoli] ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri [tal-wild], u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[…]

(33)      Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea”.

11      L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

b)      l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.      Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

a)      drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]”.

12      L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7)      il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri [wild] li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

11)      il-kliem ‘tneħħija nġusta [illegali] jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn:

a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma

u

b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

13      Il-Kapitolu II tal-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, jinkludi fit-Taqsima 2, intitolata “Ir-Responsabbilità ta’ l-ġenituri”, l-Artikolu 8, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali”, li jipprevedi:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri [wild] li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

14      Skont kliem l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri [wild]”:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri [wild], il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u

a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma

jew

b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

i)      Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

ii)      talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

iii)      każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

15      L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, dwar il-proroga tal-ġurisdizzjoni, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

a)      mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri [wild]

u

b)      il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

[…]

3.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

a)      il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru

u

b)      il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-ahjar interess għall-minuri.

4.      Fejn il-minuri għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ xi Stat terz li mhuwiex parti kontrattanti [għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996], il-ġurizdizzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tiġi meqjusa li tkun għall-aħjar interessi ta’ l-minuri, u partikolarment jekk jinstab li huwa impossibbli li jinżammu l-proċedimenti f’dak l-Istat terz in kwistjoni.”

16      L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni residwa”, jipprevedi:

“Fejn ebda qorti ta’ xi Stat Membru għandha l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 13, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata, f’kull Stat Membru, mil-liġijiet ta’ dak l-Istat.”

17      L-Artikolu 60 tal-istess regolament, intitolat “Ir-Relazzjonijiet ma’ ċerti konvenzjonijiet multilaterali”, jipprovdi:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

[…]

e)      [il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980]”.

18      Skont kliem l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jittratta r-relazzjonijiet mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996:

“Dwar ir-relazzjoni mal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996], dan ir-Regolament għandu japplika:

a)      fejn il-minuri [wild] konċernat għandu/għandha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fit-territorju ta’ xi Stat Membru;

[…]”.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      SS u MCP, li huma t-tnejn li huma ċittadini Indjani għandhom awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju Unit, kienu jiffurmaw koppja mhux miżżewġa legalment meta l-wild tagħhom P, ċittadina Brittannika, twieldet matul is-sena 2017.

20      Isem il-missier jidher fuq iċ-ċertifikat tat-twelid b’tali mod li huwa, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenitur fir-rigward ta’ P.

21      Fix-xahar ta’ Ottubru 2018, l-omm, MCP, marret l-Indja ma wildha. Wara xi xhur, l-omm marret lura fir-Renju Unit mingħajr il-wild.

22      Bl-esklużjoni ta’ soġġorn qasir fir-Renju Unit, matul ix-xahar ta’ April 2019, il-wild baqgħet l-Indja, fejn hija tgħix man-nanna materna tagħha.

23      Skont il-qorti tar-rinviju, x’aktarx l-aġir tal-omm huwa ekwivalenti għal tneħħija u/jew għal żamma illegali tal-wild fl-Indja.

24      Il-missier jixtieq li P tgħix miegħu fir-Renju Unit u, sussidjarjament, li huwa jkun jista’ jkollu kuntatt magħha fil-kuntest ta’ drittijiet ta’ aċċess.

25      Għal dan il-għan, huwa ressaq, fis-26 ta’ Awwissu 2020, talba quddiem il-qorti tar-rinviju, intiża, minn naħa, sabiex jiġi ordnat ir-ritorn tal-wild lejn ir-Renju Unit u, minn naħa l-oħra, sabiex tingħata deċiżjoni dwar id-drittijiet ta’ aċċess.

26      Skont dik il-qorti, l-omm ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales, sa fejn ir-residenza abitwali tal-wild ma hijiex fir-Renju Unit.

27      Qabel tiddeċiedi, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisdizzjoni tagħha għandha tiġi evalwat abbażi tar-Regolament Nru 2201/2003. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li, fil-mument ta’ meta ġiet adita, minn naħa, il-wild kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Indja u li hija kienet kompletament integrata f’ambjent soċjali u tal-familja Indjan, sa fejn ir-rabtiet konkreti u fattwali tagħha mar-Renju Unit kienu ineżistenti, ħlief għaċ-ċittadinanza u, minn naħa l-oħra, li l-omm fl-ebda mument ma kienet aċċettat b’mod mhux ekwivoku l-ġurisdizzjoni tal-qrati u tat-tribunali tal-Ingilterra u ta’ Wales sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur fir-rigward ta’ P. Wara din il-konstatazzjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni tagħha ma setgħetx tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8 u fuq l-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-regolament.

28      Fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ wild, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli għal kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet bejn il-qrati ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stat terz.

29      F’dan ir-rigward, hija tqis li kemm mill-formulazzjoni tiegħu kif ukoll mill-interpretazzjoni esposta fil-punt 4.2.1.1 tal-Gwida Prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea, jirriżulta b’mod ċar li r-regola prevista fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament tirrigwarda biss il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri u mhux il-kunflitti bejn l-Istat Membru u Stat terz. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat din l-interpretazzjoni fil-punt 33 tas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, UD (C‑393/18 PPU, EU:C:2018:835) fejn segwiet, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe tal-20 ta’ Settembru 2018, ippreżentati fl-istess kawża (C‑393/18 PPU, EU:C:2018:749). Madankollu, parti mill-ġurisprudenza nazzjonali tagħti portata territorjali ikbar lill-din id-dispożizzjoni.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja, ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tinżamm taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament [Nru 2201/2003], mingħajr limitu ratione temporis, fil-każ fejn minuri [wild] abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru titneħħa b’mod inġust [illegali] lejn (jew tinżamm fi) Stat terz li fih din il-minuri, wara din it-tneħħija (jew żamma), matul iż-żmien saret abitwalment residenti?”

 It-talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

31      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġu suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, minn naħa, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, adottat, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-Artikolu 61(c) KE, li issa sar l-Artikolu 67 TFUE, li jinstab fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’tali mod li dan ir-rinviju jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ddefinit fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura u, minn naħa l-oħra, li r-risposta għad-domanda preliminari hija determinanti sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali, sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni tiddependi fuqha.

33      Fir-rigward tal-kriterju dwar l-urġenza, peress li l-wild ilha sa mix-xahar ta’ Ottubru 2018, bl-eċċezzjoni ta’ soġġorn qasir fir-Renju Unit, tgħix b’mod permanenti fl-Indja, jeżisti r-riskju li t-titwil ta’ din is-sitwazzjoni jkun serjament, jekk mhux irrimedjabbilment, ta’ ħsara għar-relazzjoni bejn il-wild u missierha, jekk mhux saħansitra bejnha u bejn iż-żewġ ġenituri tagħha. Din is-sitwazzjoni x’aktarx tista’ tikkawża dannu irreparabbli għall-iżvilupp emozzjonali u psikoloġiku tagħha b’mod ġenerali, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-wild tinsab f’età sensittiva għall-iżvilupp tagħha.

34      Barra minn hekk, sa fejn l-integrazzjoni tal-familja u soċjali tal-wild hija diġà fi stat avvanzat fl-Istat terz fejn hija għandha, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ir-residenza abitwali attwali tagħha, it-titwil ta’ din is-sitwazzjoni jista’ jikkomprometti iktar u iktar l-integrazzjoni tal-wild fl-ambjent tal-familja u soċjali tagħha fil-każ ta’ eventwali ritorn fir-Renju Unit.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit-2 ta’ Diċembru 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, u wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

36      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, jekk jiġi kkonstatat li wild kiseb, fid-data tat-tressiq tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur, ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat terz wara ħtif lejn dan l-Istat, il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel il-ħtif tiegħu, iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom mingħajr limitu ratione temporis.

37      Konformement ma ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tipprovdi wkoll elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu jipprevedi, f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild, li l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel il-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu jżommu din il-ġurisdizzjoni, iżda li l-istess ġurisdizzjoni tiġi ttrasferita lill-qrati ta’ Stat Membru ieħor fil-mument meta l-wild kiseb residenza abitwali f’dan l-aħħar Stat Membru u meta, barra minn hekk, tkun issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi msemmija fl-imsemmi Artikolu 10.

39      Għalhekk, minn kliem l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l-kriterji magħżula minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild jirrigwardaw sitwazzjoni li hija limitata għat-territorju tal-Istati Membri. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tiġi attribwita, bħala prinċipju, lill-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel ma tneħħa jew inżamm b’mod illegali fi Stat Membru ieħor, bla ħsara għall-possibbiltà li l-imsemmija ġurisdizzjoni tiġi ttrasferita, jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, lill-qrati tal-Istat Membru li fih dan il-wild kiseb residenza abitwali l-ġdida tiegħu wara t-tneħħija jew iż-żamma illegali.

40      Iċ-ċirkustanza li l-imsemmi artikolu juża l-espressjoni “Stat Membru” u mhux it-termini “Stat” jew “Stat terz”, u li jissuġġetta l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni għal residenza abitwali attwali jew preċedenti “fi Stat Membru” mingħajr ma jsemmi l-eventwalità ta’ residenza miksuba fit-territorju ta’ Stat terz, jimplika wkoll li dan l-istess artikolu jirregola biss il-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild bejn l-Istati Membri.

41      Għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, li t-termini tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament neċessarjament jimplikaw li l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tiddependi fuq kunflitt potenzjali ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati ta’ diversi Stati Membri (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, UD, C‑393/18 PPU, EU:C:2018:835, punt 33).

42      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, hekk kif għamlet il-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa magħmul biss minn frażi waħda, tant li diġà mill-istruttura tiegħu jirriżulta li dan jifforma ħaġa waħda indisassoċjabbli. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tistax tinqara bħala li hija komposta minn żewġ partijiet separati li waħda minnhom tippermetti b’mod awtonomu li tiġi ġġustifikata ż-żamma, bi prinċipju, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru mingħajr limitu ratione temporis, fil-każ ta’ ħtif ta’ wild lejn Stat terz.

43      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fir-rigward tar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, li tgħid li l-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ wild għandhom, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenitur.

44      Fil-fatt, skont kliem l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 8 japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 12.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tinnewtralizza l-effett li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, tinvolvi fil-każ ta’ ħtif ta’ wild, jiġifieri t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lejn l-Istat Membru li fih il-wild kiseb residenza abitwali ġdida, wara l-ħtif tiegħu. Hemm ir-riskju li dan it-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni jagħti vantaġġ proċedurali lill-awtur tal-att illegali, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, hekk kif ġie osservat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali jkomplu madankollu jkollhom ġurisdizzjoni tagħhom dejjem sakemm ma jkunx hemm ċerti kundizzjonijiet.

46      Issa, meta l-wild kiseb residenza abitwali barra mill-Unjoni Ewropea, wara li jkun tneħħa u nżamm illegalment fi Stat terz, l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli fin-nuqqas ta’ residenza abitwali fi Stat Membru. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax tali ipoteżi. Minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament li tippermetti li titwarrab il-ġurisdizzjoni li għaliha jista’ jkollha pretensjonijiet il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida abbażi tar-regola ġenerali, titlef ir-raġuni għall-eżistenza tagħha u għalhekk lanqas ma tibqa’ applikabbli. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 10 ma jiġġustifikax iż-żamma mingħajr limitu ratione temporis tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu, meta dan il-wild kien is-suġġett ta’ ħtif lejn Stat terz.

47      It-tieni nett, għandu jitfakkar li regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandha tiġi interpretata b’mod strett u għalhekk ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mir-regolament ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 25; tas-16 ta’ Jannar 2014, Kainz, C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 27).

48      B’konsegwenza ta’ dan, ma hemmx lok li tali regola tiġi interpretata billi tittieħed inkunsiderazzjoni biss parti mill-formulazzjoni tagħha sabiex minnha ssir applikazzjoni awtonoma. Issa, dan ikun il-każ jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiġi interpretat billi wieħed jibbaża ruħu esklużivament fuq element tal-ewwel parti ta’ dan l-artikolu, sabiex minnha jiġi dedott li, meta wild inħataf lejn Stat terz, il-qrati tal-Istat Membru li fih huwa preċedentement kellu r-residenza abitwali tiegħu jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom bi prinċipju u mingħajr limitu ratione temporis sakemm il-kundizzjoni l-oħra prevista fl-istess artikolu, li tirrigwarda l-ksib ta’ residenza abitwali fi Stat Membru ieħor, ma tistax tiġi ssodisfatta.

49      It-tielet nett, tali interpretazzjoni tkun tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10 każ, jiġifieri dak tal-ħtif ta’ wild lejn Stat terz, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jinkludi.

50      F’dan ir-rigward, mill-oriġini tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi leġiżlazzjoni stretta f’dak li jirrigwarda l-ħtif ta’ wild fi ħdan l-Unjoni, iżda li huwa ma kellux l-intenzjoni li jissuġġetta għal din il-leġiżlazzjoni l-ħtif ta’ wild lejn Stat terz, tali ħtif għandu jkun kopert, b’mod partikolari, minn konvenzjonijiet internazzjonali bħal ma hija l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, li diġà kienet fis-seħħ fl-Istati Membri kollha fid-data tal-Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet ta’ manteniment, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Mejju 2002 (COM(2002) 222 finali, ĠU 2002 C 203 E, p. 155) (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ regolament”), li hija l-oriġini tar-Regolament Nru 2201/2003, u l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, li magħha kienu għadhom ma kellhomx l-opportunità li jaderixxi diversi Stati Membri.

51      Din il-konstatazzjoni tirriżulta b’mod ċar mill-espożizzjoni tal-motivi relatata ma din il-proposta ta’ regolament, li tosserva li, “sabiex ikunu koperti s-sitwazzjonijiet ta’ natura internazzjonali, il-Kummissjoni ppreżentat […] proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri jiffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (COM(2002) 222 final/2, p. 3).

52      Ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ ħtif ta’ wild teżisti flimkien ma dik stabbilita permezz ta’ konvenzjonijiet internazzjonali hija mfakkra fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Rapport tal-Kumitat dwar il-Libertajiet u d-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, tas-7 ta’ Novembru 2002, dwar il-proposta ta’ regolament (Finali A5-0385/2002, p. 19), li jistipula li l-imsemmija proposta, billi tipprevedi leġiżlazzjoni ċara u koerenti fil-każ ta’ ħtif ta’ wild fl-Unjoni, tikkostitwixxi “strument li jista’ jipprovdi kuntest iktar integrat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jista’ jiġi applikat b’mod parallel għall [k]onvenzjonijiet ta’ Den Haag tal-1980 u tal-1996 fir-relazzjonijiet internazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

53      Issa, l-imsemmija interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, li abbażi tagħha l-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild iżomm il-ġurisdizzjoni tiegħu mingħajr limiti ratione temporis meta l-wild ikun inħataf lejn Stat terz, tkun timplika, meta l-wild kiseb residenza abitwali fi Stat terz li huwa parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, wara ħtif, li l-effetti tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 52(3) ta’ din il-konvenzjoni jiġu mxejjna.

54      Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 jipprevedi, l-istess bħall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, trasferiment ta’ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tal-wild, jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Dawn huma marbuta, b’mod partikolari, mal-mogħdija taż-żmien flimkien mal-kunsens jew il-passività tad-detentur tad-drittijiet ta’ kustodja kkonċernat, sa fejn il-wild ikun integra ruħu fl-ambjent il-ġdid tiegħu.

55      Din il-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ ġurisdizzjoni tkun madankollu definittivament eskluża jekk, abbażi tal-imsemmi Artikolu 10, il-qrati ta’ Stat Membru jkollhom iżommu, mingħajr limitu ratione temporis, il-ġurisdizzjoni tagħhom. Għal dan il-fatt, din iż-żamma ta’ ġurisdizzjoni tkun tmur ukoll kontra l-Artikolu 52(3) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, li tipprojbixxi li leġiżlazzjoni konkluża bejn diversi Stati kontraenti dwar suġġetti rregolati minnha – bħal dik prevista mir-Regolament Nru 2201/2003 – taffettwa, fir-relazzjonijiet ta’ dawn l-Istati mal-Istati kontraenti l-oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni. Issa, sa fejn il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenitur ma tkunx tista’ tiġi ttrasferita lill-dawn il-qrati tal-Istati kontraenti, dawn ir-relazzjonijiet ikunu neċessarjament affettwati.

56      Minn dan isegwi li l-Istati Membri, li kollha kemm huma rratifikaw jew aderixxew mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, isibu ruħhom imġiegħla jaġixxu, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, kontra l-obbligi internazzjonali tagħhom.

57      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-leġiżlazzjoni speċifika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkonċerna l-każijiet ta’ ħtif ta’ wild minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor. Minn dan isegwi li r-regola ta’ ġurisdizzjoni relatata, jiġifieri dik li tirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li din tapplika fil-każ ta’ ħtif ta’ wild lejn Stat terz.

58      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li twassal għaż-żamma ta’ ġurisdizzjoni illimitata ratione temporis ma tkunx konformi ma wieħed mill-għanijiet fundamentali mfittxija minn dan ir-regolament, jiġifieri l-issodisfar tal-interess superjuri tal-wild, billi tingħata preċedenza, għal dan il-għan, lill-kriterju ta’ prossimità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-17 ta’ Ottubru 2018, UD, C‑393/18 PPU, EU:C:2018:835, punt 48).

59      Fil-fatt, skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ regolament (COM(2002) 222 finali/2, p. 12), il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi, f’dak li jirrigwarda preċiżament l-għoti tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild, bilanċ bejn, minn naħa, in-neċessità li l-awtur tal-ħtif jiġi prekluż milli jikseb vantaġġ mill-att illegali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse, C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 43) u, min-naħa l-oħra, l-opportunità li l-qorti li tkun l-eqreb għall-wild tingħata l-possibbiltà tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenitur.

60      Issa, iż-żamma mingħajr kundizzjonijiet, mingħajr limitu ratione temporis, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, minkejja l-fatt li l-ħtif lejn Stat terz seta’, sa dan iż-żmien, ikun is-suġġett, b’mod partikolari, ta’ kunsens min-naħa ta’ kull persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja, u mingħajr ebda kundizzjoni li tippermetti li jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-wild ikkonċernat, jew li jiġi żgurat l-interess superjuri tiegħu, tkun tipprekludi lill-qorti meqjusa bħala li tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa l-miżuri li għandhom jiġu addottati fl-interess superjuri tal-wild, milli tkunu tista’ tiddeċiedu dwar it-talbiet relatati ma tali miżuri. Tali riżultat ikun imur kontra l-għan imfittex mir-Regolament Nru 2201/2003, li għandu jinqara, hekk kif jirriżulta mill-premessa 33 ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

61      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li twassal għal żamma ta’ ġurisdizzjoni mingħajr limiti ratione temporis tkun tmur ukoll kontra l-loġika tal-mekkaniżmu ta’ ritorn jew ta’ żamma immedjata stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Fil-fatt, jekk, konformement mal-Artikolu 16 ta’ din il-konvenzjoni, jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni għal ritorn tal-wild ma humiex sodisfatti, jew jekk għadda perijodu raġonevoli mingħajr ma tkun saret talba b’applikazzjoni ta’ din l-istess konvenzjoni, l-awtoritajiet tal-Istat li lejh il-wild tneħħa jew inżamm isiru l-awtoritajiet tar-residenza abitwali tal-wild u għandhom ikunu jistgħu, inkwantu l-iktar qrati ġeografikament qrib għal din ir-residenza abitwali, jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenitur. Din il-konvenzjoni tkompli tkun applikabbli, b’mod partikolari, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-partijiet kontraenti l-oħra għal din il-konvenzjoni, konformement mal-Artikolu 60(e) ta’ dan ir-regolament.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament li twassal għaż-żamma tal-ġurisdizzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini mingħajr limitu ratione temporis fil-każ ta’ ħtif ta’ wild lejn Stat terz la hija ġġustifikata mill-formulazzjoni, la mill-kuntest li minnu jifforma parti l-imsemmi artikolu, la mix-xogħlijiet preparatorji u lanqas mill-għanijiet tal-istess regolament. Din tkun ixxejjen ukoll l-effett tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 fil-każ ta’ ħtif ta’ wild lejn Stat terz li huwa parti kontraenti għal din il-konvenzjoni u tkun tmur kontra l-loġika tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

63      Minn dan isegwi li, fil-każ fejn wild kien is-suġġett ta’ ħtif lejn Stat terz, li fih huwa kiseb, wara dan il-ħtif, residenza abitwali, u fejn il-qorti ta’ Stat Membru li quddiema titressaq azzjoni għar-responsabbiltà tal-ġenitur tikkonstata li hija ma tistax, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet fil-proċedura dwar il-ġurisdizzjoni, tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-qorti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ konvenzjonijiet internazzjonali bilaterali jew multilaterali li jkunu eventwalment applikabbli, jew, fin-nuqqas ta’ tali konvenzjoni internazzjonali, fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali tagħha, konformement mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax fil-każ fejn jiġi kkonstatat li wild kiseb, fid-data tat-tressiq tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur, ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat terz wara ħtif lejn dan l-Istat. Jekk dan ikun il-każ, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita għandha tiġi ddeterminata konformement mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, jew, fin-nuqqas ta’ tali konvenzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2116/2004 tat-2 ta’ Diċembru 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax fil-każ fejn jiġi kkonstatat li wild kiseb, fid-data tat-tressiq tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur, ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat terz wara ħtif lejn dan l-Istat. Jekk dan ikun il-każ, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita għandha tiġi ddeterminata konformement mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, jew, fin-nuqqas ta’ tali konvenzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.