Language of document : ECLI:EU:T:2015:498

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015(*

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar ta’ kwoti u ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva”

Fil-Kawża T‑398/10,

Fapricela – Indústria de Trefilaria, SA, stabbilita f’Ançã (il‑Portugall), irrappreżentata inizjalment minn M. Gorjão-Henriques u S. Roux, avukati, sussegwentement minn T. Guerreiro, R. Lopes u S. Alberto, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, P. Costa de Oliveira u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn M. Marques Mendes, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

56      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, Fapricela ppreżentat ir-rikors ineżami.

57      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz tad-digriet tal-15 ta’ Lulju 2011, Fapricela vs Il-Kummissjoni (T‑398/10 R, EU:T:2011:395), u l-ispejjeż ġew irriżervati. Ir-rikorrenti appellat minn din id-deċiżjoni u l-appell tagħha ġie miċħud permezz ta’ digriet tal-20 ta’ April 2012, Fapricela vs Il-Kummissjoni [C‑507/11 P(R), EU:C:2012:231].

58      Permezz ta’ att tat-12 ta’ Diċembru 2010, Fapricela aġġustat il-motivi u t-talbiet tagħha fid-dawl tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda u ppreżentat rikors emendat.

59      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha t-tieni deċiżjoni ta’ emenda. Il-Kummissjoni onorat din it-talba fis-17 ta’ Ġunju 2011.

60      Sussegwentement għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, Fapricela aġġustat għal darba oħra l-motivi u t-talbiet tagħha permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fid-29 ta’ Lulju 2011.

61      Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fil-21 ta’ Novembru 2011 bil-preżentata, mill-Kummissjoni, tal-kontroreplika fil-lingwa tal-kawża.

62      Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża fit-3 ta’ Ottubru 2013.

63      Ir-rapport preliminari msemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 ġie kkomunikat lis-Sitt Awla fis-7 ta’ Frar 2014.

64      Fl-14 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Qorti Ġenerali dwar il-ħlas bil-quddiem ta’ parti mill-multa imposta mill-Kummissjoni u dwar l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar pjan għall-ħlas tagħha.

65      Fid-9 ta’ April 2014, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 ta-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali bagħtet lista ta’ sittax-il mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni.

66      Permezz ta’ ittri tat-8 ta’ Mejju u tat-2 ta’ Ġunju 2014, rispettivament, il-Kummissjoni u r-rikorrenti wieġbu għal dawn il-miżuri.

67      Fl-14 ta’ Mejju 2014, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

68      Fapricela titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

69      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Fapricela għall-ispejjeż.

 Id-dritt

70      Ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi insostenn tar-rikors.

71      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fuq ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali, ta’ individwalità tal-pieni, ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u nuqqas ta’ motivazzjoni. Fapricela ssostni, essenzjalment, li hija ma pparteċipatx fil-club Europe, li hija ma kinitx taf b’dan il-club (l-ewwel parti) u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li hija kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata (it-tieni parti). Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fir-rigward tal-istrands (it-tielet parti).

72      It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ personalità tal-pieni. Fapricela ssostni, essenzjalment, minn naħa, li l-Linji gwida tal-2006 għandhom difett strutturali li jwassal, bl-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, għall-impożizzjoni ta’ multi iktar severi fuq l-impriżi ż-żgħar u, min-naħa l-oħra, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proporzjonalità u lil hinn mil-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, sensiela ta’ fatturi li kien imisshom wasslu għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li biha kienet issanzjonata.

73      It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball fil-kalkolu tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Fapricela fil-club España sa fejn il-Kummissjoni, skont Fapricela, żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu bejn Ottubru 2000 u Marzu 2001, li matulu hija kienet ħarġet mill-akkordju.

74      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-2006 u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Kummissjoni żbaljat meta ma tatx tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kapaċità ta’ ħlas.

75      Meta aġġustat il-motivi u t-talbiet tagħha fid-dawl tal-adozzjoni tal-ewwel u mbagħad tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, Fapricela ressqet, suċċessivament, żewġ motivi komplementari bbażati, minn naħa, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

76      Matul is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-tieni motiv komplementari.

77      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti ressqet motiv ġdid u sostniet, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba li ma kinitx ikkomunikatilha l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, li fiha l-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni inizjali fir-rigward tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

78      Għandhom jiġu eżaminati, wara xulxin, il-motiv ippreżentat matul is-seduta bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Fapricela (notifika tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda), l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv (konoxxenza tal-club Europe u ksur uniku u kontinwu), it-tielet motiv (tbegħid mill-club España minn Ottubru 2000 sad-9 ta’ April 2001), it-tielet parti tal-ewwel motiv (assenza ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju dwar l-istrands fil-kuntest tal-club España), it-tieni motiv (natura sproporzjonata tal-multa u tal-gravità tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tar-rikorrenti), ir-raba’ motiv (assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tar-rikorrenti) u, fl-aħħar nett, l-ewwel motiv komplementari mressaq fil-kuntest tal-aġġustament tal-motivi u tat-talbiet tagħha.

 I – Fuq il-motiv ippreżentat matul is-seduta, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda lir-rikorrenti

79      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-drittijiet tad-difiża tagħha sfaw miksura, kemm fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u kemm quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn il-Kummissjoni ma kkomunikatilhiex l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda li fiha l-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni inizjali fir-rigward tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

80      Bla ħsara għall-fatt li l-ammont dwar il-valur tal-bejgħ kien ikkomunikat mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fuq talba tagħha fis-16 ta’ Ġunju 2009 (ara l-Anness V1 tar-risposta), kif barra minn hekk ir-rikorrenti ammettiet matul is-seduta, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda hija annessa man-nota ta’ aġġustament tal-motivi u tat-talbiet ippreżentata mir-rikorrenti fit-12 ta’ Diċembru 2010 u, min-naħa l-oħra, li l-ittra tad-29 ta’ Ottubru 2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni nnotifikat din id-deċiżjoni lir-rikorrenti, tinsab ukoll annessa mal-imsemmija nota.

81      Għaldaqstant, għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda kienet effettivament innotifikata lilha u hija eżerċitat id-drittijiet tad-difiża tagħha billi aġġustat il-motivi u t-talbiet tagħha sussegwentement għal din in-notifika.

82      Għaldaqstant, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv ippreżentat għall-ewwel darba matul is-seduta, dan il-motiv għandu jiġi miċħud minħabba li ma huwiex issostanzjat fil-fatt.

 II – Fuq l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fuq ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali, ta’ individwalità tal-pieni, ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 A – Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

83      Skont il-premessa 659 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Fapricela kienet ukoll preżenti għal-laqgħa ta’ Madrid tas-17 ta’ Mejju 2001 (ara l-Anness 4). B’mod partikolari, filwaqt li tirreferi għal-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2001 (probabbilment din hija l-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001), hija ssostni li b’mod ċar ma kien propost ebda paragun mal-club Italia. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li n-noti kontemporanji għal din il-laqgħa jindikaw b’mod ċar li s-‘suġġett ta’ din il-laqgħa kien, għall-produtturi Spanjoli u Portugiżi, li jiġi spjegat lil Tréfileurope li l-ftehim Iberiku tagħhom dwar l-APS kien jiffunzjona perfettament (bħal fl-Italja: lista ta’ klijenti, volumi għal kull klijent u volumi totali)’.”

84      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li Fapricela ma kinitx taf bil-club Europe qabel il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001 (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      Din il-konoxxenza tardiva tal-club Europe ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-gravità tal-ksur (premessi 949 u 953 tad-deċiżjoni kkontestata).

 B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 1. Tfakkir tal-prinċipji fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova kif ukoll fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni

86      Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-oneru tal-prova, minn naħa, hija l-parti jew l-awtorità li jkunu qegħdin jallegaw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li għandhom jipproduċu l-prova ta’ dan il-ksur billi jistabbilixxu, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-fatti li jikkostitwixxu ksur u, min-naħa l-oħra, hija l-impriża li tkun qiegħda tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni huma ssodisfatti, b’tali mod li l-imsemmija awtorità jkollha allura tirrikorri għal provi oħra (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra, EU:T:2006:350, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra, EU:C:1998:608, punt 58, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C-219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 78). It-tul tal-ksur huwa element kostitwenti tal-kunċett ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, element li l-oneru tal-prova tiegħu jaqa’, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra, EU:T:1994:79, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2006:350, punt 51).

87      Madankollu, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jista’ jvarja sa fejn l-elementi fattwali invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fl-assenza tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li l-prova tkun ġiet prodotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2006:350, punt 53).

88      Fir-rigward tal-provi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-kompetizzjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra, EU:C:2007:53, punt 63, u tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T-78/00, Ġabra, EU:T:2004:221, punt 273). Peress li l-projbizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehimiet antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jistgħu jġarrbu dawk li ma josservawx din il-projbizzjoni huma magħrufa sew, huwa fil-fatt normali li l-attivitajiet li jagħmlu parti minn dawn il-prattiki u minn dawn il-ftehimiet jitwettqu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, ħafna drabi f’pajjiż terz, u li d-dokumentazzjoni relatata tkun limitata kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħat, dawn normalment ikunu frammentati u sparsi, b’tali mod li ħafna drabi jkun meħtieġ li ċerti dettalji jinbnew permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punti 55 sa 57). Tali indizji u koinċidenzi jippermettu li ma tiġix żvelata biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittiv, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra, EU:C:2006:593, punt 166).

89      Huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat twettaq (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra, EU:T:2000:180, punti 43 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra, EU:T:2005:367, punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ma huwiex neċessarju li kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (sentenzi JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 180, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2005:367, punt 218; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra, EU:T:1999:80, punti 768 sa 778 u, b’mod partikolari, punt 777). Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-ġurisprudenza teżiġi li, fl-assenza ta’ provi li jkunu jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi li jirrigwardaw fatti suffiċjentement qrib fiż-żmien, b’tali mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment aċċettat li dan il-ksur kompla mingħajr waqfien bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:C:2006:593, punt 169; Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:1994:79, punt 79, u Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2006:350, punt 51).

90      Fir-rigward tal-valur probatorju li għandhom jingħataw id-diversi provi, għandu jiġi enfasizzat li l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti b’mod liberu jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:C:2007:53, punt 63; ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra, EU:T:2004:218, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 273). Skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà, u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument, jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li fih ikun ġie redatt, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra, EU:T:2000:77, punt 1053; konklużjonijiet tal-Imħallef Vesterdorf li kien qiegħed jaġixxi bħala Avukat Ġenerali fil-kawża Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T‑1/89, EU:T:1991:38). B’mod partikolari, għandha tingħata importanza kbira lill-fatt li dokument ikun ġie redatt b’konnessjoni immedjata mal-fatti (sentenza tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra, EU:T:1999:54, punt 312) jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 207). Id-dokumenti li minnhom jirriżulta li kien hemm kuntatti bejn diversi impriżi u li dawn kellhom preċiżament l-għan li tiġi eliminata bil-quddiem l-inċertezza dwar l-aġir futur tal-kompetituri tagħhom għandhom juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra, EU:C:1975:174, punti 175 u 179). Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min jagħmilhom għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma provi partikolarment affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punti 207, 211 u 212).

91      Barra minn hekk, ġie deċiż b’mod kostanti li l-fatt li wieħed jikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tiegħu sabiex jitħejja ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra, EU:T:2008:254, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      L-eżistenza ta’ dubju f’għajnejn il-qorti għandha tibbenefika lid-destinatarji tad-deċiżjoni, b’tali mod li l-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk ikun għad għandha dubju dwar din il-kwistjoni (sentenzi JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2004:221, punt 177, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2005:367, punt 215). Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni tal-aħħar, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermata barra minn hekk mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta ma’ tali ksur, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra, EU:C:1999:358, punti 149 u 150; Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra, EU:C:1999:362, punti 175 u 176, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, EU:T:2005:367, punt 216).

93      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata fid-dawl biss tal-provi inklużi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur u għalhekk l-unika kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk, fil-mertu, ġietx prodotta jew le l-prova tal-ksur fid-dawl ta’ dawn il-provi (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, EU:T:2000:77, punt 726).

94      Fl-aħħar nett, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-qafas ta’ regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra, EU:C:2003:509, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra, EU:C:2004:379, punt 66).

 2. Fuq il-fondatezza tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ konoxxenza tal-aspett pan-Ewropew tal-akkordju

95      Ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kemm fir-rigward tal-perijodu tal-ksur preċedenti għas-17 ta’ Mejju 2001 u kemm fir-rigward tal-perijodu tal-ksur bejn is-17 ta’ Mejju 2001 u d-19 ta’ Settembru 2002.

 a) Fuq il-perijodu tal-ksur preċedenti għas-17 ta’ Mejju 2001

96      Fapricela tikkontesta, essenzjalment, ir-rilevanza tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ żewġ laqgħat li nżammu fil-25 ta’ Novembru 1999 u fit-18 ta’ Ottubru 2000, provi li jagħtu x’jifhem li r-rikorrenti kienet diġà taf, f’dak iż-żmien, bid-dimensjoni Ewropea tal-akkordju.

97      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-provi, u lanqas dawn iż-żewġ laqgħat, li ma kinitx qieset li kienu determinanti biżżejjed sabiex tikkunsidra li Fapricela kienet taf bid-dimensjoni Ewropea tal-akkordju qabel is-17 ta’ Mejju 2001.

98      Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar dawn iż-żewġ laqgħat huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda.

 b) Fuq il-perijodu bejn is-17 ta’ Mejju 2001 u d-19 ta’ Settembru 2002

99      Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, ir-rilevanza tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni li skontha jixhdu l-għarfien tagħha tad-dimensjoni Ewropea tal-akkordju b’effett mis-17 ta’ Mejju 2001.

100    Il-Kummissjoni tikkunsidra li żewġ laqgħat jistabbilixxu dan l-għarfien minn Fapricela tal-eżistenza tal-club Europe. Dawn huma l-laqgħat tas-17 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Lulju 2001.

101    Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni ssemmi, fin-noti tagħha, “laqgħat oħra” li fihom allegatament ipparteċipat ir-rikorrenti u li matulhom kienet allegatament diskussa d-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju, mingħajr ma tippreċiża liema kienu dawn il-laqgħat. Madankollu, l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, tal-Anness 4 tagħha, ma jippermettix li jiġi stabbilit liema kienu dawn il-laqgħat u għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għal-laqgħat tas-17 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Lulju 2001.

102    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ laqgħat.

 Fuq il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001

103    Mit-tabella li tinsab fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Fapricela assistiet għal din il-laqgħa, punt dan li hija ma hijiex qiegħda tikkontesta.

104    Għall-kuntrarju, hija tinvoka, essenzjalment, sensiela ta’ argumenti ta’ natura ġenerali li jgħoddu wkoll għal-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2001. Fl-ewwel lok, hija ma pparteċipatx u lanqas ma kienet mistiedna għal-laqgħat tal-club Europe fil-peniżola Iberika, u lanqas għal xi laqgħa oħra internazzjonali li setgħet inżammet barra mill-peniżola Iberika. Skontha, dan huwa kkonfermat, l-ewwel nett, mill-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata ma jsir ebda riferiment għall-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat tal-club Europe jew ta’ Eurostress Information Service (iktar ’il quddiem “ESIS”), l-assoċjazzjoni prinċipali ta’ produtturi ta’ APS, jew fil-kuntest ta’ din l-assoċjazzjoni, it-tieni nett, mill-fatt li hija ma tissemmiex fit-Taqsima 9.1.5.1.7 li tikkonċerna n-negozjati li jinvolvu lil Spanja u lill-Portugall u, it-tielet nett, mill-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fil-club Europe estiż fl-2002 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq) ma kinitx stabbilita. Fit-tieni lok, hija ma kinitx topera barra mis-suq Iberiku. Fit-tielet lok, hija daħlet fl-akkordju fi stadju tardiv. Fir-raba’ lok, il-membri l-oħra ma kinux jikkunsidrawha bħala parti fl-akkordju pan-Ewropew. Fil-ħames lok, kollox juri, u b’mod partikolari l-mudell ta’ koordinazzjoni attribwit lil Tycsa, li l-membri l-oħra pprovaw jeliminawha minn dan il-ftehim pan-Ewropew.

105    Barra minn hekk, hija tressaq sensiela ta’ argumenti li jikkonċernaw speċifikament il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001. Fl-ewwel lok, hija ma tiftakarx li Tréfileurope kienet attendiet għal din il-laqgħa u tenfasizza li din il-parteċipazzjoni ma hijiex indikata fin-noti redatti f’din l-okkażjoni (p. 30044 tal-fajl amministrattiv). Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li dawn in-noti jiżvelaw biss diskussjoni bilaterali bejn Emesa u Tréfileurope li fiha hija ma kinitx involuta. Fit-tielet lok, il-parteċipazzjoni ta’ Tréfileurope tista’ l-iktar l-iktar titqies biss bħala tentattiv li tidħol fil-club España u minn dan wieħed ma jistax jikkonkludi li ma’ din l-impriża ġiet diskussa xi ħaġa oħra għajr il-ftehim Iberiku. Fir-raba’ lok, ebda prova, inkluż id-dokument li jinsab fil-paġna 34552 tal-fajl, ma tippermetti li jiġi stabbilit li matul din il-laqgħa ġie diskuss il-club Italia. Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tallega li, anki jekk kienet skambjata informazzjoni dwar dan is-suġġett, dan madankollu ma huwiex rilevanti sabiex jintwera li Fapricela kienet taf bid-dimensjoni extra-Iberika tal-akkordju. Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tal-provi li jinsabu fil-paġni 30044, 30045, 20008 sa 20011, 20063, 11690, 11691, 11697, 11698 u 34612 tal-fajl. Fis-seba’ lok, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, dawn id-dokumenti ma kinux ġew ikkomunikati lilha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tal-prinċipju tal-kontradittorju. Fit-tmien lok, hija tikkontesta li l-ishma tas-suq tagħha fl-Unjoni kienu ġew diskussi matul din il-laqgħa u, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni mogħtija f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni lill-elementi li jinsabu fil-paġna 30666 tal-fajl.

 – Fuq il-komunikazzjoni tal-provi lil Fapricela

106    Fapricela, wara li saritilha mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, irrikonoxxiet li kienet irċeviet id-DVD li kien intbagħtilha mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Ottubru 2008.

107    F’din l-okkażjoni hija rrikonoxxiet ukoll li l-Kummissjoni kienet informatha li d-dokumenti kunfidenzjali marbuta mat-talbiet għal klemenza, kif elenkati fid-DVD li kien intbagħtilha fit-8 ta’ Ottubru 2008, setgħu jiġu kkonsultati fl-uffiċċji tal-Kummissjoni.

108    Sussegwentement, matul is-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014, Fapricela rrikonoxxiet li l-provi kollha li kellha l-Kummissjoni, li fir-rigward tagħhom hija kienet qieset, fl-atti tagħha, li ma kinix ingħatat aċċess, kienu jew fil-pussess tagħha u mehmuża bħala annessi mar-rikors tagħha, jew disponibbli fid-DVD li kien intbagħtilha mill-Kummissjoni, jew aċċessibbli għal konsultazzjoni fl-uffiċċji ta’ din tal-aħħar.

109    Għaldaqstant, Fapricela rtirat l-ilment tagħha dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

 – Fuq il-preżenza ta’ Tréfileurope fil-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001

110    Għandu jiġi osservat li huwa mingħajr ma tiġi kontradetta minn Fapricela li l-Kummissjoni ssostni li l-preżenza ta’ Tréfileurope, fil-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001, hija kkonfermata minn Tréfileurope stess fid-dikjarazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2003 (li jinsabu fil-paġna 34552 tal-fajl) kif ukoll min-noti ta’ Emesa u mill-informazzjoni mogħtija minn Tycsa (ara l-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata, punt dwar il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001).

111    Fid-dawl ta’ dawn il-provi, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa għalhekk stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li din l-impriża kienet preżenti għal din il-laqgħa u li għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet imqajma mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

 – Fuq il-kontenut tad-diskussjoni li nżammet ma’ Tréfileurope waqt il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001

112    Fapricela u l-Kummissjoni la jaqblu dwar il-kontenut tal-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001, kif irrapportat mill-Kummissjoni fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dan il-kontenut.

113    Huwa minnu li huma jaqblu dwar il-fatt li ntqal li l-club España “kien qiegħed jiffunzjona perfettament tajjeb”, iżda r-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta minn dan tikkonkludi li ma’ Tréfileurope kien ġie diskuss l-aspett pan-Ewropew tal-akkordju. Hija tqis, barra minn hekk, li ebda prova ma tippermetti li jiġi sostnut li matul din il-laqgħa sar riferiment għall-club Italia.

114    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Kummissjoni ma tqisx, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien ġie diskuss il-club Europe jew l-akkordju kkunsidrat fl-intier tiegħu. L-unika diskussjoni indikata fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-club Italia, u dan iwassal lill-Kummissjoni sabiex tqis li l-parteċipanti f’din il-laqgħa neċessarjament kellhom, b’effett minn dak il-mument, għarfien tal-portata pan-Ewropea tal-akkordju.

115    Madankollu, qabel jiġi evalwat jekk diskussjoni dwar il-club Italia tistax tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-parteċipanti kollha f’din il-laqgħa fir-rigward tal-akkordju fl-intier tiegħu u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-aspett pan-Ewropew tal-akkordju, għandu jiġi vverifikat sa fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt il-kontenut tad-diskussjoni li seħħet.

116    Min-noti tal-Kummissjoni jirriżulta li l-prova fil-forma ta’ dokument li fuqha tibbaża ruħha fir-rigward tal-kontenut tad-diskussjoni li seħħet bejn il-membri tal-club España u Tréfileurope hija d-dikjarazzjoni magħmula minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-klemenza (paġna 34552 tal-fajl amministrattiv, Anness E2).

117    Minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li:

“Is-suġġett ta’ din il-laqgħa huwa, min-naħa tal-produtturi Spanjoli u Portugiżi, li jispejgaw lil Tréfileurope li l-ftehim Iberiku tagħhom dwar il-fili ta’ prestressing kien jiffunzjona perfettament (bħalma huwa l-każ fl-Italja: lista ta’ klijenti, kwantitajiet għal kull klijent, ishma ta’ kull wieħed mill-klijenti). Huma ħabbru wkoll lil Tréfileurope ż-żidiet fil-prezz miftiehma bejniethom.”

118    L-indikazzjoni “bħalma huwa l-każ fl-Italja” tista’ tagħti x’tifhem li Tréfileurope indikat matul il-laqgħa li l-club España kien jiffunzjona b’mod identiku għall-club Italia. Din hija t-teżi tal-Kummissjoni.

119    Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li din l-indikazzjoni hija s-sempliċi indikazzjoni ta’ paragun bejn il-club España u l-club Italia fformulata mir-rappreżentant ta’ Tréfileurope matul ir-redazzjoni ta’ dan il-paragrafu, mingħajr madankollu ma dan il-paragun bejn iż-żewġ clubs ma kien issemma matul il-laqgħa.

120    Il-Qorti Ġenerali tqis li, għaldaqstant, din il-prova ma tistax tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex jiġi stabbilit li l-parteċipanti fil-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001 kienu effettivament iddiskutew il-club Italia f’dik l-okkażjoni.

121    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tidentifika, f’noti ta’ qiegħ il-paġna fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata, provi li joriġinaw minn Emesa u minn Tycsa, li hija pproduċiet bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali (Anness E3).

122    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-provi l-oħra, inkluża l-ittra elettronika tas-Sur P., sempliċement jikkonfermaw il-kontenut ta’ laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001 li fiha pparteċipat Tréfileurope, iżda ma jippermettux li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt il-kontenut ta’ diskussjoni dwar il-club Italia li allegatament inżammet f’din l-okkażjoni.

123    Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni mressqa matul is-seduta fis-sens li minn dawn in-noti jirriżulta li matul din il-laqgħa kien hemm skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet fl-Italja, punt dan li b’ebda mod ma jirriżulta mill-provi prodotti.

124    Għaldaqstant, jeżisti dubju dwar il-kontenut tal-laqgħa, li minnu għandha tibbenefika r-rikorrenti.

125    Għaldaqstant, għandu jitqies li min-naħa tal-Kummissjoni ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrenti kellha neċessarjament għarfien tal-club Europe b’effett mil-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 2001.

 Fuq il-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2001

126    Għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ din il-laqgħa, fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ppreċiżat b’mod partikolari li:

“Noti ta’ din il-laqgħa jinkludu wkoll tabella li tindika volumi ta’ strands u allokazzjoni ta’ sehem tas-suq fi Spanja, fil-Portugall u fil-bqija tal-Unjoni Ewropea għal GSW, Aceralia u Fapricela (it-total tal-ishma tagħhom huwa 100 %, u juri li minn tal-inqas f’dan il-perijodu GSW u Aceralia biss kienu jesportaw fil-bqija tal-Ewropa, filwaqt li Fapricela kienet tbiegħ strands fil-pajjiżi Iberiċi biss).”

127    Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni li tinsab fin-noti li nstabu għand Tycsa (paġna 30066 tal-fajl amministrattiv, Anness VII tar-rikors, paġna 895) ma tħalli ebda dubju fir-rigward tal-portata ta’ din il-laqgħa.

128    Madankollu, l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni jikkonċernaw l-ishma tas-suq fi Spanja, fil-Portugal u fil-bqija tal-Unjoni ta’ GSW, ta’ Aceralia u ta’ Fapricela u jinsabu fit-tabella li tinsab fil-parti ta’ isfel fuq ix-xellug tad-dokument.

129    Issa, dawn l-elementi fil-verità sempliċement jistabbilixxu li ċerti membri tal-club España kienu jbigħu barra minn Spanja, u dan għall-kuntrarju ma jipprovax li matul din il-laqgħa kienet inżammet diskussjoni dwar il-club Europe, peress li dawn iż-żewġ aspetti tal-akkordju huma nettament distinti.

130    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma ressqitx prova li, b’effett mis-6 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrenti kienet neċessarjament taf bl-aspett pan-Ewropew tal-akkordju.

131    Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’.

 3. Fuq il-fondatezza tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-ksur bħala uniku u kontinwu min-naħa tal-Kummissjoni

132    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, Fapricela essenzjalment tqis li, peress li ma kellhiex għarfien tal-aspett pan-Ewropew tal-akkordju, hija ma tistax tiġi akkużata b’parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu bejn it-2 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002.

133    Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li akkordji jistgħu jitqiesu bħala elementi li jikkostitwixxu ftehim antikompetittiv uniku fil-każ biss li jiġi stabbilit li jagħmlu parti minn pjan globali li jsegwi għan komuni. Barra minn hekk, huwa biss meta l-impriża, meta tkun ipparteċipat f’dawn l-akkordji, kienet taf jew kien imissha kienet taf li, b’din il-parteċipazzjoni, hija kienet qiegħda tagħmel parti mill-ftehim uniku, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordji kkonċernati tista’ tikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha għal dan il-ftehim (sentenzi Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, EU:T:2000:77, punti 4027 u 4112, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T‑211/08, Ġabra, EU:T:2011:289, punti 31 et seq.).

134    B’hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li tliet kundizzjonijiet għandhom ikunu ssodisfatti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonata tal-impriża għal dan il-pjan u l-fatt li hija kellha għarfien (ipprovat jew preżunt) tal-aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa tal-parteċipanti l-oħra (sentenza Putters International vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 133 iktar ’il fuq, EU:T:2011:289, punt 35).

135    Għall-kuntrarju, jekk impriża tkun ipparteċipat direttament f’element wieħed jew iktar tal-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha, din l-impriża kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni kollha segwiti mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kellha għarfien tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat mill-imsemmija parteċipanti sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu, il-Kummissjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà biss fir-rigward tal-aġir li fih kienet ipparteċipat direttament u fir-rigward tal-aġir ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk li hija kienet qiegħda ssegwi u li fir-rigward tiegħu jiġi pprovat li kellha għarfien jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, Ġabra, EU:C:2012:778, punt 44).

136    Madankollu, dan ma jistax iwassal sabiex din l-impriża tiġi eżonerata mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li fir-rigward tiegħu jkun stabbilit li kienet ħadet sehem fih jew li fir-rigward tiegħu hija effettivament tista’ tinżamm responsabbli. Fil-fatt, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tagħha, peress li dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 135 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 45).

137    Madankollu, ma huwiex possibbli li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika akkordju globali bħala ksur uniku u kontinwu tiġi separata b’dan il-mod ħlief meta, minn naħa, l-imsemmija impriża tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li kienet qiegħda tiġi akkużata b’kull wieħed mill-elementi ta’ aġir li jikkostitwixxu l-ksur, u għalhekk li tiddefendi ruħha dwar dan il-punt, u meta, min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni tkun suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 135 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 46).

138    Minn dan isegwi li, meta l-kundizzjonijiet indikati iktar ’il fuq ikunu ssodisfatti, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li impriża, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha f’wieħed mill-elementi ta’ aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, kellha għarfien tal-aġir antikompetittiv l-ieħor adottat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta li taċċetta r-riskju marbut miegħu, l-unika konsegwenza li għandha tislet minn dan hija li din l-impriża ma tistax tinżamm responsabbli għal dan l-aġir l-ieħor u, għaldaqstant, għall-ksur uniku u kontinwu fl-intier tiegħu u li d-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala infondata f’dan ir-rigward biss (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 135 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 47).

139    F’dan il-każ, ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li Fapricela kienet taf bid-dimensjoni extra-Iberika u pan-Ewropea tal-akkordju u bil-pjan ġenerali li jikkaratterizza dan l-akkordju, u dan la b’effett mis-17 ta’ Mejju 2001 (ara l-punt 125 iktar ’il fuq) u lanqas b’effett mis-6 ta’ Lulju 2001 (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

140    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tindika ebda prova oħra sussegwenti għas-6 ta’ Lulju 2001 li tistabbilixxi li Fapricela kellha għarfien tal-club Europe qabel id-19 ta’ Settembru 2002, id-data li fiha ntemm il-ksur.

141    Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li Fapricela kellha għarfien tal-club Europe matul il-perijodu tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tagħha.

142    Għalhekk, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li r-rikorrenti wettqet ksur uniku u kontinwu bejn it-2 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002 li huwa kkaratterizzat, minn naħa, minn parteċipazzjoni fil-club España matul dan il-perijodu u, min-naħa l-oħra, minn għarfien, għalkemm tardiv, tal-club Europe, b’effett minn Mejju 2001, peress li dan it-tieni komponent tal-ksur uniku ma ġiex effettivament stabbilit.

 4. Konklużjoni intermedjarja

143    Peress li għandhom jintlaqgħu l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel motiv, għandu jiġi annullat parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonstata li r-rikorrenti kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE billi pparteċipat, minbarra fi ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet fis-suq Iberiku, f’akkordju li jkopri s-suq intern u mbagħad fi ħdan iż-ŻEE.

 III – Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball fit-tul tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ Fapricela fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-club España

144    Fapricela ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat il-parteċipazzjoni kontinwa tagħha fil-club España mit-2 ta’ Diċembru 1998 sad-19 ta’ Settembru 2002. Hija ssostni li hija kienet iddistakkat ruħha minnu bejn Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2001 u li kellha aġir kompetittiv matul dan il-perijodu.

 A – Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

145    Skont il-premessi 529 u 530 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(529) Fapricela ssostni [...] li hija kienet involuta fil-ksur biss bejn l-1999 u Frar 2000 u bejn April u Lulju 2001 (filwaqt li tammetti li reġgħet bdiet l-attivitajiet ta’ akkordju b’effett mit-18 ta’ April 2001, hija ma kinitx tqis lilha nnifisha bħala membru tal-akkordju, punt dan li kienu jafu dwaru l-membri oħra) u (iżda b’mod uffiċjali biss) matul il-perijodu bejn Awwissu 2001 u Settembru 2002. Fapricela tagħmel riferiment ukoll għall-allegat rifjut espliċitu tagħha li tipparteċipa fil-laqgħa tat-28 ta’ Marzu 2001 u għall-fatt li hija ma kinitx ħallset il-miżata tagħha lill-ESIS fl-2000. Fapricela tikkonkludi li r-responsabbiltà tagħha għandha tiġi eskluża b’effett minn Marzu 2001 u li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma pparteċipatx effettivament fl-akkordju matul il-perijodu bejn Awwissu 2001 u Settembru 2002.

(530) Mill-provi deskritti fl-Anness 4 tad-deċiżjoni u fit-Taqsimiet 9.2.2.1 sa 9.2.2.5 jirriżulta li, b’effett mit-2 ta’ Diċembru 1998 sad-data tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, Fapricela pparteċipat b’mod regolari u kontinwu fil-laqgħat tal-club España u li, fl-assenza tagħha, il-każ tagħha kien diskuss. L-allegat rifjut ta’ Fapricela li tipparteċipa fil-laqgħa tat-28 ta’ Marzu 2001 ma jistax jitqies fis-sens li hija ddistakkat ruħha minn akkordju (ara l-premessa 589). Għall-kuntrarju, Fapricela kompliet tipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju inqas minn xahar wara (jiġifieri fit-18 ta’ April 2001, ara l-premessa 529 u l-Anness 4 tad-deċiżjoni). Barra minn hekk, l-allegata assenza ta’ Fapricela għal-laqgħat ta’ bejn Ottubru 2000 u April 2001 hija kontradetta mill-provi ċċitati fl-Anness 4 tad-deċiżjoni, li juru li Fapricela pparteċipat fil-laqgħat tat-18 ta’ Ottubru 2000, tat-23 ta’ Marzu 2001, tad-9 ta’ April 2001 u tat-18 ta’ April 2001. Fapricela ma ppreżentatx provi oħra li juru li hija kienet, fi kwalunkwe mument, iddistakkat ruħha pubblikament minn dak li kien miftiehem matul il-laqgħat u għalhekk mill-akkordju (ara l-premessa 588). Barra minn hekk, Fapricela tammetti li hija pparteċipat fil-laqgħa tad-9 ta’ April 2001 li matulha ntlaħaq ftehim intiż sabiex iżid il-prezzijiet skont it-tipi ta’ klijenti b’effett minn Ġunju 2001 u li, sa Setttembru 2002, hija pparteċipat b’mod regolari u kontinwu fil-laqgħat tal-club España. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li Fapricela pparteċipat mingħajr interruzzjoni fil-club España mit-2 ta’ Diċembru 1998 sad-19 ta’ Settembru 2002.”

 B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 1. Tfakkir tal-prinċipji dwar id-distakk

146    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, meta jiġi stabbilit li impriża pparteċipat f’laqgħat bejn impriżi kompetituri li kellhom natura antikompetittiva, hija din l-impriża li jkollha tressaq indizji ta’ natura li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha ma kellha ebda element antikompetittiv, filwaqt li turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’dawl differenti minn tagħhom. Sabiex il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali laqgħa ma tkunx tista’ titqies li hija l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali, u lanqas bħala qbil mar-riżultat tagħha, huwa meħtieġ li din l-impriża tiddistakka ruħha pubblikament minn din l-inizjattiva b’mod li l-parteċipanti l-oħra jqisu li hija qiegħda ttemm il-parteċipazzjoni tagħha, jew inkella li din l-impriża tirrapporta din l-inizjattiva lill-entitajiet amministrattivi (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2012, Comap vs Il-Kummissjoni, C‑290/11 P, EU:C:2012:271, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Frar 2013, Slovenská sporiteľňa, C‑68/12, Ġabra, EU:C:2013:71, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 2. Fuq il-fondatezza tat-tielet motiv

 a) Tfakkir tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

147    Għandhom jitfakkru l-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Fapricela fil-club España bejn it-18 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2001.

148    Il-Kummissjoni tikkunsidra l-ewwel nett il-parteċipazzjoni ta’ Fapricela fil-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2000 u tippreċiża:

“Tycsa [...]. Diskussjonijiet dwar l-istrateġija li għandha tiġi segwita fir-rigward tal-istrands. Waħda mil-laqgħat semi uffiċjali mal-produtturi Portuġiżi u Spanjoli, u li matulhom kienu diskussi ta’ spiss il-prezzijiet, ir-restrizzjonijiet ta’ bejgħ u l-klijenti, skont Emesa [...]. Anki Arcelor España et: attribuzzjoni ta’ kwoti: Fapricela 20 %, Tycsa 40 %, Emesa 40 %. Diskussjoni wkoll dwar it-tunnellati allokati: ‘Trefilunion 3 000 tunnellata Portugall... Global, toron = 88 000 tunnellati... Fapricela tiddikjara 300T/... fi Spanja’ (oriġinal bl-Ispanjol).”

149    Fir-rigward ta’ Jannar u ta’ Frar 2001, mingħajr ma kellha lista tal-parteċipanti, il-Kummissjoni ssemmi:

“[F]in-noti ta’ Emesa, kopji tal-bejgħ totali ta’ fili fis-suq Iberiku għall-ewwel trimestru, li jindikaw: ‘Proderac, GSW (Tycsa + TQ), Aceralia (Emesa + Galycas), Socitrel u Fapricela’, kif ukoll id-differenzi kkalkolati bejn il-bejgħ reali u l-kwoti miftiehma (‘ % reali u % miftiehma’ – oriġinal bl-Ispanjol).”

150    Fir-rigward tal-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni ma tikkonstatax il-parteċipazzjoni ta’ Fapricela iżda tindika xorta waħda:

“[M]atul il-laqgħa, tqassmu erba’ kopji dwar rispettivament: 1) il-bejgħ tas-‘suq Iberiku’ f’Jannar u Frar 2001 minn Proderac, GSW (Tycsa + CTQ), Aceralia (Emesa + Galycas), Socitrel u Fapricela [...]”

151    Fir-rigward tal-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni ssemmi l-preżenza ta’ Socitrel, “li tirrappreżenta wkoll lil Fapricela”; fir-rigward ta’ din il-laqgħa, hija tinnota li, “wara soluzzjoni ta’ tilwima bejn Fapricela, Tycsa u Emesa dwar il-kwistjoni ta’ liema impriża kellha tikkunsinna lil klijent partikolari, Fapricela ‘wiegħdet li ssegwi l-ftehim li kien jipprovdi riżultati tant tajbin’ (oriġinal bl-Ispanjol) (nbp)” u li, “fl-aħħar nett, ġew diskussi l-kunsinni u l-prezzijiet ta’ strands ta’ Fapricela, Emesa u Tycsa fir-rigward ta’ klijent partikolari”.

152    Fir-rigward tax-xahar ta’ April 2001, il-Kummissjoni tindika li “dokument li nstab għand Tycsa (nbp) dwar il-bejgħ fi Spanja u fil-Portugall isemmi d-differenzi fil-kwoti miftiehma għal Emesa, Galycas, GSW, Socitrel, Fapricela u Proderac fir-rigward ta’ Jannar, Frar, Marzu u t-total tal-ewwel trimestru tal-2001 (nbp)”.

153    Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li Fapricela pparteċipat fil-laqgħa tad-9 ta’ April 2001.

 b) L-argumenti tal-partijiet

154    Fapricela ssostni, essenzjalment:

–        li minn Ottubru 2000 hija ddistakkat ruħha mill-ftehim b’mod progressiv u li b’effett minn dak il-mument hija rrifjutat pubblikament li tipparteċipa fil-laqgħat sa Marzu 2001;

–        li hija kellha aġir awtonomu u kompetittiv matul dan il-perijodu, kif stabbilit mill-fatt li l-bejgħ tagħha żdied b’400 % f’Marzu 2001;

–        li hija reġgħet bdiet tipparteċipa b’effett mid-9 ta’ April 2001, iżda taħt pressjoni mill-membri l-oħra tal-akkordju.

155    Barra minn hekk, hija essenzjalment tikkontesta:

–        li Socitrel kienet irrappreżentatha matul il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001;

–        il-provi mressqa mill-Kummissjoni:

–        dwar il-fatt li l-prezzijiet tagħha kienu ġew diskussi f’Jannar u fi Frar 2001;

–        dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li nżammu matul il-laqgħat tal-15 u tat-23 ta’ Marzu 2001;

–        u ssostni li wħud minn dawn il-provi ma ġewx ikkomunikati lilha mill-Kummissjoni.

156    Hija tqis li pproduċiet provi kuntrarji suffiċjenti sabiex timponi t-trasferiment tal-oneru tal-prova għal fuq il-Kummissjoni.

157    Fl-aħħar nett, hija takkuża lill-Kummissjoni li ma weġbitx, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-argumenti li hija ressqet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u tikkontesta, inċidentalment, is-sena ta’ referenza meħuda meqjusa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minħabba l-allegat ħruġ tagħha mill-akkordju bejn Ottubru 2000 u April 2001.

158    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 c) Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

159    Fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Fapricela minħabba li numru ta’ provi allegatament ma ġewx ikkomunikati lilha mill-Kummissjoni, għandu jsir riferiment għall-punti 106 sa 109 iktar ’il fuq u għandu jitfakkar li, matul is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat għal dan l-ilment.

 d) Fuq il-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2000

160    Fir-rigward tal-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2002, Fapricela rrikonoxxiet, wara li sarulha mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti Ġenerali kif ukoll għal darba oħra matul is-seduta, li hija kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa.

161    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li Fapricela ma tressaq ebda prova li hija ddistakkat ruħha pubblikament matul il-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2000.

162    Fil-fatt, hija tinvoka biss elementi sussegwenti għal din il-laqgħa (il-paġni 20058 sa 20060 tal-fajl amministrattiv li għalihom tirreferi fil-punt 172 tar-rikors jikkonċernaw fil-fatt it-“tilwima” li allegatament kien hemm matul il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001) sabiex minnhom tislet il-konklużjoni li l-“assenza” tagħha mil-laqgħat ta’ wara l-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2000 u sal-laqgħa tad-9 ta’ April 2001 tfisser li hija kienet iddistakkat ruħha sa mil-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2000.

163    Barra minn hekk, mill-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul din il-laqgħa, ġew diskussi l-istrateġija li kellha tiġi segwita fir-rigward tal-istrands kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ kwoti, b’mod partikolari lil Fapricela, u t-tunnellati allokati b’mod partikolari lil din tal-aħħar (ara l-punt 148 iktar ’il fuq), mingħajr ma r-rikorrenti ressqet xi provi li jinnegaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

164    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 e) Fuq il-laqgħat li allegatament inżammu f’Jannar u fi Frar 2001

165    Fir-rigward tal-laqgħat li allegatament inżammu matul ix-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2001, għandu jiġi kkonstatat li mill-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-informazzjoni dwar il-“bejgħ totali ta’ fili fis-suq Iberiku għall-ewwel trimestru” kif ukoll id-“differenzi kkalkolati bejn il-bejgħ reali u l-kwoti miftiehma” ta’ diversi impriżi, fosthom Fapricela, kienet fil-pussess ta’ Emesa. L-Anness 4 jirreferi għall-paġni 27946, 28544 sa 28549 u 33622 tal-fajl amministrattiv.

166    L-ewwel nett, Fapricela ssostni li l-paġna 27946 hija sempliċi paġna mingħajr kontenut u li ma kinitx ingħatat aċċess għall-paġna 33622. It-tieni nett, il-paġna 28544 tinkludi tabella b’informazzjoni dwar il-bejgħ imwettaq f’Jannar, fi Frar u f’Marzu 2001, li madankollu ma setgħetx tħejjiet f’Jannar jew fi Frar 2001 iżda biss sussegwentement, u jista’ jkun li din it-tabella tinkludi informazzjoni mogħtija minn Fapricela wara r-ritorn tagħha fil-club España. It-tielet nett, il-paġni 28546 u 28547 jinkludu informazzjoni dwar l-istess perijodu, mingħajr ma hija indikata d-data li fiha tfasslu, iżda li jinsabu wara t-tabella preċedenti li diġà tinkludi informazzjoni dwar Marzu. Ir-raba’ nett, fir-rigward tat-tabella ta’ previżjonijiet ta’ bejgħ ta’ Marzu (28548), allegatament stabbilita fil-15 ta’ Marzu 2001, din it-tabella tattribwixxi lil Fapricela bejgħ inqas sostanzjali minn dak indikat fit-tabella li tinsab fil-paġna 28544 tal-fajl. Din id-differenza bejn iċ-ċifra tal-previżjonijiet magħmula fil-15 ta’ Marzu 2001 u ċ-ċifra tal-bejgħ effettivament imwettaq tikkorrobora l-affermazzjoni li, matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti kienet iddistakkat ruħha mill-club España. Il-parteċipanti fil-club España ma kellhomx, fil-fatt, aċċess għal informazzjoni reali dwar il-bejgħ ta’ Fapricela u kienu stennew li dawn iċ-ċifri jġarrbu tnaqqis sinjifikattiv, punt dan li jista’ jinftiehem biss f’kuntest ta’ tentattiv ta’ esklużjoni mis-suq ta’ impriża li kienet qiegħda tirrifjuta li tipparteċipa fil-club España.

167    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-paġni 27946 u 33622 huma kompletament irrilevanti fir-rigward tal-perijodu bejn Jannar u Frar 2001 peress li dawn huma, rispettivament, paġna vojta ħlief għall-indikazzjoni “notebook” u l-ewwel paġna tat-talba għal klemenza mressqa minn Arcelor España, SA, Mittal Steel Company NV u s-sussidjarji tagħha u minn Tréfileurope u s-sussidjarji tagħha, li ma tinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-perijodu bejn Jannar u Frar 2001.

168    It-tieni nett, mit-tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali lill-Kummissjoni jirriżulta li l-paġni 28544 sa 28549 tal-fajl amministrattiv huma fil-verità rilevanti fir-rigward tal-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001 (punt 15 tat-tweġiba tal-Kummissjoni). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-riferimenti magħmula fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata għal dawn il-paġni tal-fajl huma żbaljati.

169    It-tielet nett, il-paġni 28544 sa 28549 tal-fajl amministrattiv jinkludu diversi tabelli dwar il-bejgħ tad-diversi membri tal-club España għax-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2001, bl-iżvilupp pożittiv jew negattiv tagħhom, kif ukoll tabella (paġna 28548) dwar il-previżjonijiet ta’ bejgħ fil-15 ta’ Marzu 2001.

170    Kif tindika Fapricela, tidher differenza bejn it-tabella dwar il-previżjonijiet ta’ bejgħ fil-15 ta’ Marzu 2001 u t-tabella (paġna 28544) dwar il-bejgħ fix-xahar ta’ Marzu 2001.

171    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm xejn li jippermetti li mill-paġni 28544 sa 28549 jiġi dedott li nżammu laqgħat matul Jannar u Frar 2001.

172    L-iktar l-iktar, għandu jiġi kkonstatat li informazzjoni sensittiva dwar il-bejgħ ta’ Fapricela għax-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2001 kienet għad-dispożizzjoni ta’ Emesa, mingħajr ma huwa possibbli li jiġi identifikat il-mument li fih kienet waslitilha din l-informazzjoni. Barra minn hekk, l-eżistenza simultanja ta’ tabelli ta’ previżjoni iżda wkoll ta’ tabelli mhux ta’ previżjoni dwar ix-xahar ta’ Marzu 2001 tagħti l-impressjoni li din l-informazzjoni nġabret wara x-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2001.

173    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li setgħet kienet hija stess li pprovdiet din l-informazzjoni, jekk ikun il-każ wara r-ritorn tagħha fil-club España.

174    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-provi mressqa mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi stabbilit li din l-informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata lil Emesa matul Jannar u Frar 2001, minkejja li jibqa’ iktar minn probabbli li din l-informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata lill-membri l-oħra tal-akkordju mir-rikorrenti stess f’mument mhux speċifikat iżda li, fir-rigward ta’ wħud minnhom, jista’ jkun madwar nofs Marzu, peress li informazzjoni “previżjonali” dwar il-bejgħ ta’ Fapricela fil-15 ta’ Marzu 2001 kienet fil-pussess ta’ Emesa, fejn in-natura previżjonali ta’ din l-informazzjoni tippreżumi li kienet ġiet ikkomunikata qabel din id-data.

 f) Fuq il-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001

175    L-ewwel nett, Fapricela tikkontesta li kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kkunsidratx li Fapricela kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa iżda biss li informazzjoni sensittiva ta’ Fapricela kienet ġiet diskussa fil-kuntest ta’ din il-laqgħa. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet ta’ Fapricela għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

176    It-tieni nett, Fapricela tikkontesta essenzjalment ir-rilevanza ta’ numru partikolari ta’ paġni tal-fajl amministrattiv (33622, 11690 u 11691, 11485, 11492 u 11493, 20061) li għalihom isir riferiment fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata dwar din il-laqgħa, peress li ma jikkonċernawx speċifikament il-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001.

177    Għandu jiġi osservat li, fil-fatt, il-paġni 33622, 11690 u 11691, 11485, 11492 u 11493 u 20061 ma jikkonċernawx speċifikament il-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001 u ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu l-kontenut tad-diskussjonijiet li nżammu fil-kuntest ta’ din il-laqgħa.

178    It-tielet nett, Fapricela tikkontesta essenzjalment li kienet is-sors tal-informazzjoni sensittiva dwarha li kienet ġiet diskussa matul il-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001 (paġni 20062, 30035 u 30036 tal-fajl amministrattiv) u ssostni li din l-informazzjoni ma kinitx preċiża.

179    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li Fapricela għandha raġun meta ssostni li l-indikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-bejgħ tagħha li tinsab fil-paġna 20062 tal-fajl amministrattiv – li toriġina min-noti ta’ Emesa – hija ppreċeduta bil-kliem “wieħed jaf li”.

180    Madankollu, tali indikazzjoni ma teskludix li hija kienet is-sors ta’ din l-informazzjoni (ara l-punti 173 u 174 iktar ’il fuq).

181    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-paġni 30035 u 30036 tal-fajl amministrattiv – li joriġinaw minn Tycsa – isemmu l-bejgħ ta’ Fapricela (u b’mod partikolari l-bejgħ f’Jannar u fi Frar 2001 u l-previżjonijiet ta’ bejgħ għal Marzu 2001: paġna 30036) kif ukoll il-kwota tagħha (paġna 30035).

182    Fit-tielet lok, għandhom jitqiesu wkoll il-paġni 28544 sa 28549 tal-fajl amministrattiv – dokumenti li kienu diġà fil-pussess ta’ Emesa – li għalihom isir ukoll riferiment fir-rigward tal-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001 fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

183    Għandu jiġi osservat li joħorġu ċerti differenzi fiċ-ċifri bejn dawk li jinsabu fit-tabella li kellha Emesa u dawk li jissemmew fin-noti kontemporanji ta’ Tycsa:

–        Jannar Spanja: Emesa: tabella paġna 28544: 157; tabella paġna 28547: 157; Tycsa paġna 30066: 157;

–        Jannar Portugall: Emesa: tabella paġna 28544: 582; tabella paġna 28547: 582; Tycsa paġna 30066: 582;

–        Frar Spanja: Emesa: tabella paġna 28544: 168; tabella paġna 28547: 168; Tycsa paġna 30066: 166;

–        Frar Portugall: Emesa: tabella paġna 28544: 628; tabella paġna 28547: 628; Tycsa paġna 30066: 686;

–        Emesa: previżjoni Marzu – fil-15 ta’ Marzu 2001 Spanja: tabella paġna 28548: 100; Tycsa: previżjoni Marzu: paġna 30066: 200;

–        Emesa: previżjoni Marzu – fil-15 ta’ Marzu 2001 Portugall: tabella paġna 28548: 200; Tycsa: previżjoni Marzu paġna 30066: 600;

–        Marzu Spanja: Emesa: tabella paġna 28544: 636; Tycsa paġna 30066: ebda indikazzjoni;

–        Marzu Portugal: tabella paġna 28544: 1709; Tycsa paġna 30066: ebda indikazzjoni.

184    Madankollu, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni dwar ix-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar hija simili jew qrib ħafna u li din l-informazzjoni setgħet eventwalment tiġi kkoreġuta fid-dawl tal-iktar informazzjoni reċenti disponibbli, peress li probabbilment it-tabelli kienu ġew ippreparati bil-quddiem u peress li l-informazzjoni li tinsab fin-noti ta’ Tycsa hija dik aġġornata.

185    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ laqgħa li kellha tinżamm fil-15 ta’ Marzu 2001, id-differenzi li jidhru bejn iċ-ċifri previżjonali għall-bejgħ matul Marzu li jinsabu fit-tabelli li kellha Emesa u fin-noti kontemporanji ta’ Tycsa ma jippermettu li tinstilet ebda konklużjoni peress li, fi kwalunkwe każ, Fapricela ma pparteċipatx f’din il-laqgħa.

186    Barra minn hekk, ma tista’ tinstilet ebda konsegwenza mill-fatt li jeżistu differenzi – indikati mir-rikorrenti – bejn il-previżjonijiet ta’ bejgħ fil-15 ta’ Marzu 2001 għal Spanja u għall-Portugall (li jinsabu fil-paġna 28548 tal-fajl amministrattiv) u l-bejgħ ikkontabbilizzat għal Spanja u għall-Portugall fix-xahar ta’ Marzu 2001 (li jinsab fil-paġna 28544 tal-fajl amministrattiv), li jinsabu f’tabella li neċessarjament ma kinitx stabbilita qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Marzu 2001.

187    Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li informazzjoni sensittiva u preċiża dwar Fapricela, li fir-rigward tagħha din tal-aħħar ma stabbilixxietx li kienet ineżatta, ġiet diskussa matul il-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001.

188    F’tali ċirkustanzi, peress li għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda spjegazzjoni alternattiva verosimili għall-fatt li l-membri l-oħra tal-club España kellhom informazzjoni daqstant preċiża dwarha, l-iktar spjegazzjoni plawżibbli, kif issostni l-Kummissjoni, hija li din l-informazzjoni setgħet kienet ġiet ikkomunikata mir-rikorrenti stess.

189    Għaldaqstant, ir-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi li l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001 ma jistgħu jingħataw ebda valur probatorju – u lanqas wieħed limitat.

 g) Fuq il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001

190    Fir-rigward tal-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ssemmi l-preżenza ta’ Socitrel “li tirrappreżenta wkoll lil Fapricela”, għandu jiġi osservat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, “wara soluzzjoni ta’ tilwima bejn Fapricela, Tycsa u Emesa dwar il-kwistjoni ta’ liema impriża kellha tikkunsinna lil klijent partikolari, Fapricela ‘wiegħdet li ssegwi l-ftehim li kien jipprovdi riżultati tant tajbin’ (oriġinal bl-Ispanjol) (nbp)” u li, “fl-aħħar nett, ġew diskussi l-kunsinni u l-prezzijiet ta’ strands ta’ Fapricela, Emesa u Tycsa fir-rigward ta’ klijent partikolari”.

191    Ir-rikorrenti tikkontesta li Socitrel irrappreżentatha u tqis, essenzjalment, li l-minuti ta’ din il-laqgħa jixhdu li kien hemm nuqqas ta’ ftehim bejnha u l-membri l-oħra tal-club España u, għaldaqstant, li hija kienet iddistakkat ruħha minn dan il-club.

192    Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

193    Fil-fatt, skont in-noti ta’ Emesa li jinsabu fil-paġna 20060 tal-fajl amministrattiv:

“Il-laqgħa tibda u s-Sur S. ippropona li jaġixxi bħala ‘rappreżentant’ tas-Sur T. [ta’ Fapricela], li rrifjuta li jattendi għal-laqgħa. Is-Sur S. jiddeċiedi li jċempillu sabiex jippreżentalu l-iktar skużi sinċieri ta’ Tycsa u ta’ Emesa, li l-attitudni tagħhom kienet weġġgħet partikolarment lid-direttur ta’ Fapricela; jidher li huwa aċċetta l-iskużi u jwiegħed li jsegwi l-ftehim li kien ipprovda riżultati tant tajbin. Jiżgura li [J.C.] ser jassisti għal-laqgħat li jmiss.”

194    Dawn il-minuti tal-laqgħa jwasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li, wara tilwima bejn Fapricela, minn naħa, u Emesa u Tycsa, min-naħa l-oħra, Fapricela ddeċidiet li ma tattendix għal-laqgħa. Is-Sur S. madankollu intervjena sabiex isolvi t-tilwima bejn dawn il-kumpanniji. Is-Sur T., ta’ Fapricela, aċċetta l-iskużi ta’ Emesa u ta’ Tycsa u indika li Fapricela kellha l-intenzjoni ssegwi l-ftehim li kien hemm bejn il-membri tal-club España u li Fapricela kienet ser tattendi għal-laqgħat li kien imiss ta’ dan il-club, kif għamlet madwar ħmistax-il jum wara, b’effett mid-9 ta’ April 2001.

195    Għaldaqstant, minkejja li ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li Fapricela kienet formalment irrappreżentata minn Socitrel f’din il-laqgħa, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Fapricela fis-sens li l-attitudni tagħha matul din il-laqgħa tixhed li kienet qiegħda tiddistakka ruħha mill-club España.

 h) Fuq il-laqgħa tad-9 ta’ April 2001

196    Huwa paċifiku li r-rikorrenti pparteċipat fil-laqgħa tad-9 ta’ April 2001 u ma hijiex tikkontesta li ħadet sehem b’mod attiv fid-diskussjonijiet li nżammu matul din il-laqgħa.

197    Fil-fatt, Fapricela ssostni biss li għalkemm huwa minnu li hija kienet ingħaqdet mill-ġdid mal-club España fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa, hija kienet għamlet dan taħt pressjoni mill-membri l-oħra tal-club, punt dan li ser jiġi eżaminat fil-punti 204 et seq. iktar ’il quddiem.

 i) Konklużjoni intermedjarja dwar il-laqgħat li nżammu bejn it-18 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2001

198    Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali tqis, fid-dawl tal-provi miġbura mill-Kummissjoni:

–        li Fapricela pparteċipat fil-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2000 u li ebda indizju ma jixhed li din b’xi mod iddistakkat ruħha fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa;

–        li Fapricela ma attendietx għal-laqgħat tal-club España li nżammu f’Novembru u f’Diċembru 2000;

–        li bejn Jannar u l-15 ta’ Marzu 2001, informazzjoni sensittiva dwarha kienet ġiet skambjata u minn tal-inqas diskussa mill-membri l-oħra tal-club España matul il-laqgħa tal-15 ta’ Marzu 2001 u li huwa verosimili li din l-informazzjoni kienet ikkomunikata minn Fapricela stess;

–        li problema li kienet qamet bejn Fapricela u żewġ membri oħra tal-club España kienet riżolta matul il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001, li fl-okkażjoni tagħha Fapricela indikat li kienet ser tieħu sehem fil-laqgħat li kien imiss;

–        li hija reġgħet bdiet tieħu sehem b’mod sħiħ fil-laqgħat tal-club España b’effett mid-9 ta’ April 2001.

 j) Fuq l-aġir awtonomu u kompetittiv tar-rikorrenti bejn it-18 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2001

199    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li hija kellha aġir awtonomu u kompetittiv bejn it-18 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2001, għandu jiġi kkonstatat li Fapricela ma tippreżenta ebda prova li tista’ tistabbilixxi l-fondatezza ta’ din l-affermazzjoni.

200    Huwa minnu li l-bejgħ tagħha żdied f’Marzu 2001 meta mqabbel ma’ Jannar u ma’ Frar 2001 (ara l-Anness VII tar-rikors, paġna 33900) u qabeż il-previżjonijiet (ara l-Anness VII tar-rikors, paġna 33903).

201    Madankollu, dan l-element, waħdu, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jistabbilixxi li Fapricela kienet ħarġet mill-akkordju u, b’mod partikolari, matul perijodu ta’ madwar sitt xhur, minn Ottubru 2000 sad-9 ta’ April 2001.

202    Fil-fatt, dan l-element għandu jiġi evalwat fil-kuntest tiegħu – Fapricela kienet preżenti għal-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2000, informazzjoni dwarha kienet ġiet skambjata fl-ewwel trimestru tal-2001, hija aċċettat li ttemm tilwima bejnha u żewġ membri oħra tal-club España matul il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001 u li tieħu sehem mill-ġdid fil-laqgħat li kien imiss, kif għamlet b’effett mil-laqgħa tad-9 ta’ April 2001 – u t-teżi tal-Kummissjoni, fis-sens li dan seta’ kien mod ta’ pressjoni sabiex tinnegozja żieda fil-kwota tagħha, hija spjegazzjoni iktar plawżibbli ta’ dawn il-fatti minn dik imressqa mir-rikorrenti, fid-dawl tal-kontenut reali tal-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001 (ara l-punti 190 sa 195 iktar ’il fuq).

203    Għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti ppreżentati b’mod sussidjarju mir-rikorrenti fis-sens li din l-allegata rieda li jkollha pożizzjoni awtonoma u kompetittiva fis-suq kienet damet minn tal-inqas xahar, ħaġa din li tidher saħansitra inqas kredibbli iżda li għall-kuntrarju hija ta’ natura li tikkonferma t-teżi tal-Kummissjoni fis-sens li din iż-żieda fil-bejgħ tirrifletti pożizzjoni meħuda minn Fapricela intiża sabiex tikseb negozjati ġodda dwar il-kwota tagħha.

 k) Fuq l-argumenti dwar il-pressjoni li allegatament kienet suġġetta għaliha r-rikorrenti sabiex tingħaqad mill-ġdid mal-akkordju

204    Għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li kien biss minħabba l-pressjoni mill-kompetituri tagħha li hija ngħaqdet mill-ġdid mal-akkordju f’April 2001.

205    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti lanqas ma tressaq l-iċken prova insostenn ta’ din it-teżi.

206    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li hija ressqet elementi f’dan is-sens, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-pressjonijiet, eżerċitati minn impriżi u intiżi sabiex iwasslu lil impriżi oħra jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jeżentawx, irrispettivament mill-portata tagħhom, lill-impriża kkonċernata mir-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq, ma jibdlu b’ebda mod il-gravità tal-akkordju u ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, peress li l-impriża kkonċernata setgħet tiddenunzja l-eventwali pressjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u setgħet tressaq ilment quddiemhom (ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010, Chalkor vs Il-Kummissjoni, T‑21/05, Ġabra, EU:T:2010:205, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 l) Konklużjoni dwar il-fondatezza tat-tielet motiv

207    Bħala konklużjoni, u fuq il-bażi tal-provi għad-dispożizzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li Fapricela ma ddistakkatx ruħha mill-club España bejn it-18 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2001.

208    L-iktar l-iktar, huwa stabbilit li matul dan il-perijodu kien hemm nuqqas ta’ qbil li kien jinvolvi lil Fapricela, li għalih instabet soluzzjoni fit-23 ta’ Marzu 2001, liema soluzzjoni wasslet sabiex ir-rikorrenti terġa’ tibda tieħu sehem b’mod regolari fil-laqgħat tal-club España sussegwenti.

209    Issa, is-sempliċi fatt li impriża tgħaddi minn perijodu ta’ nuqqas ta’ qbil jew ta’ kriżi fi ħdan akkordju ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkaratterizza distakk min-naħa tagħha fir-rigward tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra, EU:T:2006:103, punti 127 sa 137, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra, EU:T:2006:268, punti 246 sa 248).

210    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Fapricela fis-sens li hija kienet iddistakkat ruħha mill-club España bejn it-18 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2001 għandhom jiġu miċħuda.

211    Għalhekk, minħabba dan, lanqas ma jistgħu jintlaqgħu l-argumenti tar-rikorrenti dwar is-sena ta’ referenza li kien imissha ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

212    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni li tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni warrbet it-teżi mressqa mir-rikorrenti dwar l-allegat distakk min-naħa tagħha.

213    Mill-bqija, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li, fid-deċiżjoni kkontestata, tivverifika u twieġeb kull allegazzjoni ppreżentata mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva, iżda li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni għandha tesponi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il-Kummissjoni, T‑357/06, Ġabra, EU:T:2012:488, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 IV – Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar il-portata tas-suq ta’ prodotti kkonċernati mill-ftehim li fih ipparteċipat Fapricela fil-kuntest tal-club España

215    Fapricela ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-club España, bejn it-2 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002, fir-rigward tas-suq tal-istrands u tikkontesta l-provi meħuda inkunsiderazzjoni minnha fir-rigward tal-laqgħat tat-23 ta’ Marzu u tas-7 ta’ Ġunju 2001.

 A – Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet parti tal-ewwel motiv, fejn huwa allegat li ma teżistix prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju fir-rigward tal-istrands bejn, minn naħa, it-2 ta’ Diċembru 1998 u s-7 ta’ Ġunju 2001 jew, alternattivament, bejn it-2 ta’ Diċembru 1998 u t-23 ta’ Marzu 2001 u, min-naħa l-oħra, bejn is-7 ta’ Ġunju 2001 u d-19 ta’ Settembru 2002

216    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju Iberiku dwar l-istrands huma inammissibbli peress li ġew ippreżentati biss fl-istadju tar-replika.

217    Għandu jiġi osservat li mill-punt 15 tar-rikors, li jinsab fil-parti introduttorja, u mill-punt 54 tiegħu, li jikkonċerna l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni jew tal-għarfien tal-club Europe minn Fapricela, jirriżulta b’mod inċidentali li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni tikkontesta wkoll il-prodotti li kienu s-suġġett tal-ftehim Iberiku sa fejn kien jikkonċernaha.

218    Għandu jiġi enfasizzat li dawn l-argumenti huma ppreżentati wkoll, fil-kuntest tat-tieni motiv, fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rata tal-gravità tal-ksur u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (punti 133 u 145 tar-rikors).

219    Kien biss fid-dawl tar-risposta iktar strutturata tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li r-rikorrenti ppreżentat l-argumenti tagħha b’tali mod li tat l-impressjoni li dawn l-argumenti huma parti distinta mill-ewwel motiv (ara l-punti 49 sa 54 tar-replika).

220    Għandu jitfakkar li huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu ħarġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imqajjem preċedentement, direttament jew indirettament, fir-rikors promotur u li jkun marbut mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra, EU:T:2010:168, punt 199).

221    Barra minn hekk, l-argumenti li s-sustanza tagħhom tkun marbuta mill-qrib ma’ motiv imqajjem fir-rikors promotur ma jistgħux jitqiesu li huma motivi ġodda u l-preżentazzjoni tagħhom tista’ ssir fl-istadju tar-replika jew fis-seduta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1958, Compagnie des hauts fourneaux de Chasse vs L-Awtorità Għolja, 2/57, Ġabra, EU:C:1958:5).

222    Għandu jitqies li, fil-kawża ineżami, u fid-dawl tar-rikors, l-argumenti iktar strutturati ppreżentati minn Fapricela fl-istadju tar-replika tagħha dwar l-assenza ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-club España fir-rigward tal-istrands ma jikkostitwixxux motiv ġdid iżda jaqgħu fil-kunċett ta’ estensjoni ta’ lment eżistenti.

223    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 B – Tfakkir tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

224    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-diskussjonijiet li nżammu fil-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001. Hija tosserva:

“[I]nżammet diskussjoni bejn Tycsa u Emesa dwar il-bejgħ u l-prezzijiet tal-istrands, fejn intqal li Fapricela kienet ilmentat li kien diffiċli li tbiegħ l-istrands fi Spanja. Ġie enfasizzat li huma ffissaw il-prezz għal 98 escudos sa Ġunju u sussegwentement għal 102 escudos (nota ta’ qiegħ il-paġna 785). Noti miktubin bl-idejn indipendenti, li nstabu għand Tycsa, jikkorroboraw id-diskussjonijiet prinċipali (b’mod partikolari dwar l-ordinijiet kkompletati, il-volum/il-prezz, klijent b’klijent għall-Portugall) li nżammu matul din il-laqgħa (nota ta’ qiegħ il-paġna 786)” (premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata).

225    Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-laqgħa tas-7 ta’ Ġunju 2001, l-ewwel parti ta’ din il-laqgħa, li nżammet matul in-nofstanhar ta’ filgħodu u li għaliha attendiet Fapricela, kienet iddedikata kompletament għal negozjati ġodda dwar is-suq Iberiku tal-istrands [premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata u Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata; il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għall-paġni 19997 u 19998 (informazzjoni mogħtija minn Emesa) u għall-paġni 30046 u 30047 (noti miktubin bl-idejn ta’ Tycsa) tal-fajl amministrattiv].

226    Fit-tielet lok, mill-premessi 484 u 491 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Anness 4 tagħha, u b’mod partikolari mill-elementi dwar il-laqgħat tal-1 ta’ Ġunju 1993, tal-20 ta’ April 1995, ta’ Settembru, ta’ Ottubru u ta’ Novembru 1995, tat-3 u tad-9 ta’ Settembru 1996, tat-22 ta’ Jannar u tat-18 ta’ Novembru 1997, tal-aħħar ta’ Diċembru 1997 u tat-28 ta’ Jannar 1998, jirriżulta li, sa mill-bidu, l-impriżi li kienu jipparteċipaw fil-club España skambjaw informazzjoni u ftiehmu dwar it-tqassim tal-ishma tas-suq u dwar l-iffissar tal-prezzijiet fir-rigward tal-istrands.

227    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, mill-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-elementi dwar il-laqgħat tal-14 ta’ April u tal-21 ta’ Settembru 1999, tat-8 ta’ Settembru, tat-18 ta’ Ottubru, tal-15, tal-20 u tat-22 ta’ Diċembru 2000, tat-23 ta’ Marzu, tas-17 ta’ Mejju, tat-18 ta’ Ġunju u tas-6 ta’ Lulju 2001 u tal-31 ta’ Mejju 2002 kif ukoll mill-premessi 502, 504, 506, 508, 510, 512, 515 sa 517 u 521 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-perijodu li matulu Fapricela pparteċipat fil-club España, kienu komplew jinżammu negozjati u skambji ta’ informazzjoni sensittiva dwar l-istrands. Mill-Anness 4 jirriżulta b’mod partikolari li Fapricela kienet preżenti għal-laqgħa tat-8 ta’ Settembru 2000, li matulha ġie ffissat prezz minimu għall-istrands għas-sena 2001, u għal-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2000, li matulha tqassmu l-ishma tas-suq għall-istrands.

 C – Fuq il-fondatezza tat-tielet parti tal-ewwel motiv

228    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li Fapricela sempliċement tikkontesta l-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ żewġ laqgħat biss, li nżammu fit-23 ta’ Marzu u fis-7 ta’ Ġunju 2001 rispettivament.

229    Madankollu, Fapricela ma tikkontestax id-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna l-kontenut tad-diskussjonijiet dwar l-istrands li nżammu matul il-laqgħat tal-14 ta’ April u tal-21 ta’ Settembru 1999, tat-8 ta’ Settembru, tat-18 ta’ Ottubru, tal-15, tal-20 u tat-22 ta’ Diċembru 2000, tas-17 ta’ Mejju, tat-18 ta’ Ġunju u tas-6 ta’ Lulju 2001 u tal-31 ta’ Mejju 2002.

230    Huwa minnu li għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tindikax liema kienu l-parteċipanti tal-laqgħat li nżammu fl-14 ta’ April u fil-21 ta’ Settembru 1999, fil-15, fl-20 u fit-22 ta’ Diċembru 2000, u fil-31 ta’ Mejju 2002, iżda sempliċement tindika li fl-okkażjoni ta’ dawn il-laqgħat kienu nżammu diskussjonijiet dwar l-istrands.

231    Għall-kuntrarju, il-parteċipazzjoni ta’ Fapricela hija kkonstatata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-laqgħat tat-8 ta’ Settembru u tat-18 ta’ Ottubru 2000 (barra minn hekk, Fapricela kkonfermat, matul is-seduta, li kienet ipparteċipat għal din il-laqgħa tal-aħħar), tas-17 ta’ Mejju, tat-18 ta’ Ġunju u tas-6 ta’ Lulju 2001. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tressaq diversi provi oħra, imsemmija fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxu li l-istrands kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet matul dawn il-laqgħat.

232    Issa, Fapricela ma tressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat jew il-kontenut tad-diskussjonijiet li nżammu matul dawn il-laqgħat.

233    It-tieni nett, fir-rigward tal-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001, Fapricela ttenni l-argumenti tagħha fis-sens li hija ma pparteċipatx f’din il-laqgħa u tikkontesta li Socitrel kienet irrappreżentatha fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa.

234    Issa, anki jekk ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li Socitrel irrappreżentat lil Fapricela matul din il-laqgħa, dawn l-argumenti għandhom xorta waħda jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 194 u 195 iktar ’il fuq.

235    Barra minn hekk, mill-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-provi miġbura mill-Kummissjoni u msemmija f’dan l-anness jirriżulta li, matul il-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001:

“Il-partijiet iddiskutew ukoll, klijent klijent, l-offerti magħmula jew li kellhom isiru, inkluż fir-rigward tal-istrands [...]. Fl-aħħar nett, ġew diskussi l-kunsinni u l-prezzijiet tal-istrands ta’ Fapricela, ta’ Emesa u ta’ Tycsa fir-rigward ta’ klijent partikolari.”

236    Barra minn hekk, fil-premessa 512 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ppreċiżat dan li ġej:

“[I]nżammet diskussjoni bejn Tycsa u Emesa dwar il-bejgħ u l-prezzijiet tal-istrands, fejn intqal li Fapricela kienet ilmentat li kien diffiċli li tbiegħ l-istrands fi Spanja. Ġie enfasizzat li huma ffissaw il-prezz għal 98 escudos sa Ġunju u sussegwentement għal 102 escudos [...]. Noti miktubin bl-idejn indipendenti, li nstabu għand Tycsa, jikkorroboraw id-diskussjonijiet prinċipali (b’mod partikolari dwar l-ordinijiet kkompletati, il-volum/il-prezz, klijent b’klijent għall-Portugall) li nżammu matul din il-laqgħa [...]”

237    B’hekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Fapricela, dawn l-indikazzjonijiet bl-ebda mod ma jwasslu sabiex jiġi stabbilit li hija ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju fir-rigward tal-istrands, iżda sabiex jiġi kkonstatat li kienu saru skambji ta’ informazzjoni li kienet toriġina b’mod partikolari mingħand Fapricela dwar is-suġġett tal-istrands, kif jixhdu żewġ sorsi differenti, jiġifieri Tycsa u Emesa.

238    It-tielet nett, fir-rigward tal-laqgħa tas-7 ta’ Ġunju 2001, għandu qabel kollox jitfakkar li l-kontenut tal-laqgħa huwa deskritt bil-mod segwenti fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Laqgħa dwar l-istrands filgħodu u dwar il-fili waranofsinhar. Ġew diskussi kwoti u prezzijiet għal Aceralia, Tycsa u Fapricela (‘Acer, Tyc, Fabr’), kif ukoll klijent attribwit għal Tycsa, Fapricela, Aceralia u Trefilerías Quijano (‘Tyc, Fab, Acer, TQ’). Inżammet ukoll diskussjoni dwar l-attribuzzjoni ta’ klijentela fir-rigward tax-xogħlijiet pubbliċi.

Nofstanhar ta’ filgħodu: it-tliet impriżi parteċipanti nnegozjaw mill-ġdid il-ftehim tagħhom u qassmu s-suq Iberiku tal-istrands. Il-kwota ta’ Fapricela tiżdied (minn 20 %, fit-18.10.2000) għal 25 %, għad-detriment taż-żewġ gruppi l-oħra [tnaqqis (minn 40 %, fit-18.10.2000) għal 37.5 %]. Diskussjoni ddettalljata dwar l-attribuzzjoni ta’ klijentela, inkluża r-redazzjoni ta’ lista tal-produtturi prinċipali ta’ komponenti prefabbrikati fil-Portugall u fi Spanja skont il-konsum tagħhom ta’ strands (f’ordni mill-kbir għaż-żgħir), li tidentifika l-fornitur jew fornituri attwali ta’ dawn il-produtturi (/konsumaturi) sabiex dawn il-klijenti jitqassmu bejn Tycsa, Emesa u Fapricela. Implementazzjoni ta’ forma partikolari ta’ attribuzzjoni ta’ klijentela għal ċerti proġetti li jeħtieġu kwantitajiet kbar ta’ strands u teħid ta’ responsabbiltà minn konsorzju ta’ impriżi differenti (oriġinal bl-Ispanjol): UTES (‘Unión Temporal de Empresas’): l-ewwel offerta mitluba minn UTES ser tintrebaħ minn Fapricela, bi prezz partikolari ffissat għal kull tunnellata, minħabba li l-oħrajn ser joffru prezzijiet ogħla; it-tieni offerta kellha tiġi allokata b’mod artifiċjali lil Tycsa, it-tielet waħda lil Emesa, u din is-sekwenza kellha tiġi repetuta suċċessivament. Wieħed jista’ jaqra wkoll: ‘Proderac għandha tikkomunika l-lista tal-klijenti tagħha u ebda informazzjoni ma ser tiġi skambjta magħha’ (oriġinal bl-Ispanjol).”

239    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li Fapricela ma tikkontestax li kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa.

240    Fit-tieni lok, il-provi miġbura mill-Kummissjoni (provi fil-forma ta’ dokumenti li joriġinaw minn GSW, Tycsa/Celsa, Emesa u Galycas) jippermettu li jiġi stabbilit li l-laqgħa kkonċernat l-istrands fin-nofstanhar ta’ filgħodu u l-fili waranofsinhar u li Fapricela attendiet għall-parti tal-laqgħa ddedikata għad-diskussjoni dwar l-istrands.

241    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni, sempliċement issostni li l-parteċipazzjoni tagħha f’din il-laqgħa ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fir-rigward ta’ dan is-suq qabel din id-data u wara din id-data.

242    Issa, għandu jiġi kkonstatat li Fapricela ma tiċħadx li matul din il-laqgħa kien sar skambju ta’ informazzjoni sensittiva dwarha.

243    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li, fil-perijodu li matulu Fapricela pparteċipat fil-club España, kienu komplew b’mod kontinwu ftehimiet jew prattiki miftiehma u skambji ta’ informazzjoni sensittiva dwar l-istrands (f’dan ir-rigward hija tirreferi għall-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod iktar partikolari għall-elementi dwar il-laqgħat tal-14 ta’ April u tal-21 ta’ Settembru 1999, tal-15, tal-20 u tat-22 ta’ Diċembru 2000, u tal-31 ta’ Mejju 2002, kif ukoll għall-premessi 502, 504, 506, 508, 510, 512, 515 sa 517, 521 u 530 tad-deċiżjoni kkontestata).

244    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li teżisti sensiela ta’ provi suffiċjentement preċiżi u konkordanti sabiex jiġi stabbilit li, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha fil-club España, Fapricela, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tagħha, ipparteċipat ukoll fil-ftehim jew fil-prattika miftiehma fl-intier tagħhom, inkluż fir-rigward tal-istrands.

245    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 V – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ personalità tal-pieni

 A – Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

246    Skont il-premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(949)      [...] Fir-rigward ta’ Socitrel, Proderac, Fapricela u Fundia, impriżi li pparteċipaw biss fil-club [España] (li kien ikopri biss Spanja u l-Portugall) jew, fil-każ tal-aħħar impriża, fil-‘koordinazzjoni’ dwar Addtek, u li fir-rigward tagħhom seta’ jiġi stabbilit biss għarfien tal-ksur uniku u kontinwu fi stadju tardiv tal-ksur (is-17 ta’ Mejju 2001 u l-14 ta’ Mejju 2001 rispettivament, ara t-Taqsima 12.2.2.4), il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika iktar limitata fid-determinazzjoni tas-sehem tal-valur tal-bejgħ. Is-sitwazzjoni hija differenti għall-parteċipanti l-oħra fil-club [España] (Emesa/Galycas, Tycsa/Trefilerías Quijano) li fl-istess ħin ipparteċipaw f’diversi livelli tal-akkordju u/jew li fir-rigward tagħhom l-għarfien tal-ksur uniku u kontinwu seta’ jiġi stabbilit fi stadju nettament iktar bikri. Bl-istess mod, fir-rigward tal-parteċipanti fil-club Italia, is-sitwazzjoni hija differenti minn dik ta’ Socitrel, Proderac u Fapricela, peress li l-portata ġeografika tal-club Italia tikkorrispondi fil-parti l-kbira tagħha għal dik tal-ftehimiet pan-Ewropej u għalhekk testendi ferm lil hinn mill-portata ġeografika tal-club [España] (Spanja u l-Portugall).”

247    Skont il-premessa 953 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(953)      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji diskussi iktar ’il fuq fir-rigward tan-natura tal-ksur (ara t-Taqsima 19.1.3.1) u tal-portata ġeografika (ara t-Taqsima 19.1.3.3), il-parti tal-valur tal-bejgħ li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għandha tkun ta’ 16 % għall-impriża Fundia, 18 % għall-impriżi Socitrel, Fapricela u Proderac u 19 % għall-impriżi l-oħra kollha.”

248    Barra minn hekk, skont il-premessi 987 u 988 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(987)      Fapricela [… tinvoka] ukoll il-parteċipazzjoni limitata [tagħha] fil-ksur u [tagħmel] riferiment għall-parteċipazzjoni [tagħha] f’numru limitat ta’ laqgħat u/jew għal interruzzjonijiet fil-parteċipazzjoni [tagħha] fil-laqgħat tal-akkordju matul diversi perijodi. Fapricela ssostni wkoll li hija qatt ma eżerċitat attività ta’ koordinazzjoni.

(988)      Il-Kummissjoni tinnota li Fapricela sistematikament ipparteċipat u kkontribwixxiet f’iktar minn tletin laqgħa tal-club [España] bejn l-1998 u l-2002, li matulhom hija pparteċipat kompletament fl-arranġamenti ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti u ta’ klijenti u fl-iffissar tal-prezzijiet u li matulhom hija skambjat informazzjoni kummerċjali sensittiva mal-parteċipanti l-oħra tal-club [España], kif irrikonoxxiet hija stess. Barra minn hekk, fl-2001, Fapricela espliċitament ‘wiegħdet li ssegwi l-ftehimiet li kienu taw riżultati daqstant tajbin’, filwaqt li indikat is-sodisfazzjoni tagħha bl-akkordju wara li nstabet soluzzjoni għal tilwima (ara l-premessa 509). Għaldaqstant, ir-rwol tagħha la jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘sostanzjalment limitat’ fis-sens tal-Linji gwida tal-2006 u lanqas bħala passiv jew emulattiv fis-sens tal-Linji gwida tal-1998, minkejja li hija qatt ma aġixxiet bħala koordinatriċi. Fl-aħħar nett, kif diġà spjegat fil-premessi 527 et seq. u, b’mod partikolari, fil-premessa 530, l-allegazzjoni ta’ Fapricela fis-sens li hija kienet waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul ċerti perijodi hija kontradetta mill-provi.”

249    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rwol sostanzjalment limitat ta’ Fapricela, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta:

“(1016)      [...] Fapricela tiddikjara li, minn tal-inqas f’okkażjoni waħda, hija kien irnexxielha tirbaħ klijent ta’ Emesa billi tapplika prezz iktar baxx minn dak ta’ Emesa. [...] u Fapricela barra minn hekk tirreferi għall-kunflitti mal-membri l-oħra tal-akkordju [...].

[...]

(1018)      Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li l-maġġoranza tal-provi ppreżentati jikkonsistu prinċipalment f’informazzjoni li hija ċċertifikata biss mill-azjenda li ppreżentatha. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li okkażjonalment kien hemm qerq fir-rigward tal-prezzijiet iffissati u/jew tal-klijenti attribwiti ma jistabbilixxix, fih innifsu, li parti ma implementatx il-ftehimiet kollużivi. Kunflitti interni, rivalitajiet u qerq huma normali fl-akkordji kollha, b’mod partikolari meta jitwettqu fuq tul twil ta’ żmien (ara wkoll il-premessi 604 u 680). Għalhekk, il-fatt li impriża ma tkunx osservat uħud mill-ftehimiet ma jfissirx li hija ma applikat ebda wieħed mill-ftehimiet kollużivi u li adottat aġir perfettament kompetittiv fis-suq.

(1019)      L-applikazzjoni tal-ftehimiet kollużivi kienet żgurata minn sistema ta’ kontroll (ara t-Taqsimiet 9.1.6, 9.2.1.7 u 9.2.2.5) u l-laqgħat frekwenti ħafna tal-akkordju bejn kompetituri li matulhom kienet skambjata b’mod regolari informazzjoni kunfidenzjali, kienu jippermettu lill-partijiet iqabblu ċ-ċifri tagħhom u jiftiehmu dwar/jirrevedu l-kwoti, l-prezzijiet u l-attribuzzjoni ta’ klijentela. Huwa stabbilit li [...] Fapricela [...], bħad-destinatarji l-oħra kollha ta’ din id-deċiżjoni, ipparteċipa[t] b’mod regolari f’laqgħat li matulhom kienu jiġu diskussi u kkontrollati l-prezzijiet, il-kwoti u l-klijenti (ara wkoll it-Taqsima 9, it-Taqsima 14 u l-Annessi 2,3 u 4 tad-deċiżjoni [...].

[...]

(1022) Bħala konklużjoni, huwa ċar li ebda waħda mill-partijiet ma pprovat li hija kienet effettivament irrinunzjat għall-applikazzjoni tal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija kienet b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi fir-rigward tal-implementazzjoni tal-akkordju, b’tali mod li fixklet il-funzjonament stess tiegħu. Minn dan isegwi li ebda ċirkustanza attenwanti ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fuq il-bażi tar-rinunzja għall-applikazzjoni jew ta’ rwol sostanzjalment limitat.

(1023)      Madankollu, il-Kummissjoni hija lesta taċċetta li l-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ Proderac u Trame kienet limitata. Dan huwa dovut għall-fatt li dawn il-parteċipanti operaw fil-periferija tal-akkordju, kellhom numru iktar limitat ta’ kuntatti ma’ parteċipanti oħra fl-akkordju u ħadu sehem fil-ksur b’mod limitat biss.”

 B – Kunsiderazzjonijiet preliminari

250    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Fapricela tiddedika siltiet twal għall-allegat nuqqas strutturali li għandhom il-Linji gwida tal-2006 u li jwasslu, essenzjalment, sabiex l-impriżi ż-żgħar (bi prodott wieħed) jiġu ssanzjonati b’mod iktar sever mill-impriżi l-kbar (b’iktar minn prodott wieħed).

251    Madankollu, meta saritilha mistoqsija matul is-seduta dwar is-sens tal-punt 57 tar-replika, Fapricela kkonfermat li l-intenzjoni tagħha ma kinitx li tikkontesta l-legalità tal-Linji gwida tal-2006 iżda li tikkontesta biss l-applikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

252    Għaldaqstant, it-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq in-natura sproporzjonata tal-multa u fuq l-assenza li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi fl-iffissar tar-rata tal-gravità tal-ksur u tal-ammont addizzjonali applikat għal finijiet ta’ dissważjoni u, it-tieni waħda, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 C – Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-multa u fuq l-assenza li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi fl-iffissar tar-rata tal-gravità tal-ksur u tal-ammont addizzjonali applikat għal finijiet ta’ dissważjoni

 1. Tfakkir tal-prinċipji

253    Għandu jitfakkar li, skont il-Linji gwida tal-2006:

“13.      Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi, imwettaq mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni ser tuża, normalment, il-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

[...]

19.      L-ammont bażiku tal-multa ser ikun marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-livell tal-gravità tal-ksur, u mmultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20.      L-evalwazzjoni tal-gravità ser issir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami.

21.      Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ser jiġi ffissat f’livell li jista’ jilħaq it-30 %.

22.      Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-parti l-baxxa jew fil-parti għolja ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u jekk il-ksur kienx implementat jew le.

23.      Il-ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi. Fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Għaldaqstant, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser ikun ġeneralment fil-parti għolja ta’ din l-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

254    Skont ġurisprudenza stabbilita, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jkunu ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, bħalma huma, b’mod partikolari, ir-rwol li kellha kull waħda mill-partijiet fil-ksur u r-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni. Meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra, EU:C:1999:357, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, EU:T:2000:77, punt 4949 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255    Il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta tiġi ddeterminata l-multa (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 90; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 86, u Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 135 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 45).

256    Għandu jitfakkar ukoll li, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, trattament iddifferenzjat bejn l-impriżi kkonċernati huwa inerenti għall-eżerċizzju tas-setgħat li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija meħtieġa tindividwalizza s-sanzjoni skont l-aġir u l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn l-impriżi, sabiex tiġi żgurata, f’kull każ ineżami, l-effikaċja sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑564/08 P, EU:C:2009:703, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Caffaro vs Il-Kummissjoni, C‑447/11 P, EU:C:2013:797, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

257    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont diversi elementi u ebda wieħed minn dawn l-elementi ma għandu jingħata importanza sproporzjonata meta mqabbel mal-elementi l-oħra tal-evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonali għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra, EU:T:2006:270, punti 226 sa 228 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 220 iktar ’il fuq, EU:T:2010:168, punt 264 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 2. Fuq il-fondatezza tal-ewwel parti tat-tieni motiv

258    Fapricela tressaq diversi argumenti insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, li hija bbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-multa u fuq l-assenza li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi fl-iffissar tar-rata tal-gravità tal-ksur u tal-ammont addizzjonali applikat għal finijiet ta’ dissważjoni.

259    L-ewwel nett, Fapricela ssostni li hija l-impriża li t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kien l-iqsar wieħed.

260    Issa, minn naħa, it-tul tal-ksur għandu jinżamm distint mill-gravità tiegħu [Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003] u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ffissat it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-club España għall-perijodu bejn it-2 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002.

261    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni tagħha kienet limitata għall-peniżola Iberika.

262    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet debitament dan l-element inkunsiderazzjoni meta kkunsidrat, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ, il-valur tal-bejgħ imwettaq minn Fapricela fil-peniżola Iberika biss (ara l-punt 246 iktar ’il fuq).

263    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li r-rwol minuri tagħha ma tteħidx inkunsiderazzjoni. Hija ssostni wkoll li hija kellha biss rwol passiv fi ħdan l-akkordju u mhux rwol attiv, b’differenza minn impriżi Iberiċi oħra bħalma huma Tycsa u Emesa. F’dan is-sens, hija ssostni li hija qatt ma kellha funzjoni ta’ koordinazzjoni, b’differenza, pereżempju, minn Tycsa, u li hija żammet aġir kompetittiv fis-suq.

264    Madankollu, il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward fil-premessi 988 u 1019 sa 1022 tad-deċiżjoni kkontestata u għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tar-rikors tagħha, Fapricela b’ebda mod ma tistabbilixxi li dawn l-evalwazzjonijiet huma żbaljati.

265    Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

266    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li, fl-2001, hija kellha t-tielet dħul mill-bejgħ l-iktar baxx fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li kellha s-seba’ multa l-iktar għolja.

267    Madankollu, dan il-fatt ma għandu ebda impatt fuq l-ammont tal-multa peress li ma huwiex id-dħul mill-bejgħ tal-impriża iżda biss il-valur tal-bejgħ ta’ beni, imwettaq mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE, li jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa.

268    Il-ħames nett, Fapricela ssostni li kien biss tardivament li hija ngħaqdet mal-club España.

269    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-element ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tul tal-ksur li kienet akkużata bih.

270    It-sitt nett, Fapricela tqis li ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet ipparteċipat f’numru ta’ laqgħat iktar limitat mill-membri l-oħra tal-akkordju.

271    Madankollu, fl-essenzjal tagħhom, dawn l-argumenti jikkoinċidu ma’ dawk dwar l-allegat rwol minuri li allegatament kellha Fapricela fil-kuntest tal-club España, argumenti li ma jistgħux jintlaqgħu għar-raġunijiet indikati fil-punti 263 sa 265 iktar ’il fuq.

272    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li Fapricela pparteċipat f’iktar minn tletin laqgħa fil-perijodu li matulu hija kienet tagħmel parti mill-club España.

273    F’dan ir-rigward, il-fatt li hija ma kinitx assistiet għal-laqgħat kollha tal-akkordju fil-perijodu tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tagħha huwa irrilevanti peress li jirriżulta li hija pparteċipat b’mod kontinwu fil-ksur bejn it-2 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002.

274    Is-seba’ nett, fir-rigward tal-argumenti ta’ Fapricela fis-sens li hija ma pparteċipatx fil-ksur fir-rigward tal-istrands f’perijodu partikolari, dawn l-argumenti huma s-suġġett tat-tielet parti tal-ewwel motiv, li għandha tiġi miċħuda bħala infondata (punt 244 iktar ’il fuq).

275    It-tmien nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li hija ma pparteċipatx fil-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2001 u fis-sens li hija kienet iddistakkat ruħha mill-akkordju bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2000 u x-xahar ta’ April 2001, għandu jitfakkar li dawn l-argumenti għandhom jitqiesu li huma infondati (ara l-punt 210 iktar ’il fuq).

276    Id-disa’ nett, Fapricela tallega l-assenza ta’ implementazzjoni tal-ftehimiet, il-gwerra dwar il-prezzijiet li kien hemm bejn il-membri tal-akkordju u l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni kunsiderevoli fis-suq, kif jixhdu l-marġni ta’ profitt estramement limitati tagħha matul il-perijodu tal-ksur.

277    Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

278    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-akkordji sigrieti ħafna drabi jiżvolġu, essenzjalment, f’atmosfera ta’ suspett. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali atmosfera ma tolqotx neċessarjament l-impatt konkret tal-akkordju (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra, EU:T:2006:267, punti 172 u 174).

279    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li kunflitti interni, rivalitajiet u qerq huma normali fl-akkordji kollha, b’mod partikolari meta jitwettqu fuq tul twil ta’ żmien.

280    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti lanqas ma tressaq l-iċken bidu ta’ prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha dwar l-assenza ta’ implementazzjoni tal-akkordji – jew mill-membri tal-club España jew min-naħa tagħha – u dwar gwerra tal-prezzijiet li kien hemm fi ħdan il-club España matul il-perijodu tal-ksur, bejn l-1998 u l-2002, ikkonstatat fil-konfront tagħha.

281    Il-provi, u b’mod partikolari l-kontenut tad-diskussjonijiet li nżammu matul dan il-perijodu kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-Anness 4 tagħha, jixhdu, għall-kuntrarju, koordinazzjoni kontinwament imġedda li kienet tinkludi lil Fapricela.

282    Barra minn hekk, il-fatt li l-membri ta’ akkordju jkunu okkażjonalment tbiegħdu mill-arranġamenti ma jfissirx li dawn ma jkunux implementaw il-ftehimiet kollużivi. Fil-fatt, impriża li, minkejja l-konċertazzjoni mal-kompetituri tagħha, issegwi politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha (sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra, EU:T:1998:90, punt 230).

283    Fl-aħħar nett, l-elementi fil-forma ta’ ċifri mressqa minn Fapricela fil-punt 147 tar-rikors ikkonsolidat dwar il-marġni tal-profitti tagħha bl-ebda mod ma huma ssostanzjati permezz ta’ dokumenti tal-kontabbiltà ċċertifikati u probatorji u bl-ebda mod ma juru li hija ma kinitx ħadet sehem fl-akkordji li bihom hija akkużata jew li hija ma kinitx implementathom.

284    L-għaxar nett, Fapricela ssostni essenzjalment li hija qatt ma pparteċipat fid-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju, u lanqas ma kellha għarfien tagħha, u dan għandu impatt fuq il-gravità tal-ksur ikkonstatat fil-konfront tagħha.

285    Għandu jitfakkar li l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv għandhom jintlaqgħu peress li ma huwiex stabbilit li r-rikorrenti kellha għarfien tal-club Europe.

286    Issa, il-Kummissjoni ħadet preċiżament inkunsiderazzjoni, sabiex tiffissa bħala 18 % r-rata tal-gravità tal-ksur imwettaq b’mod partikolari minn Fapricela, Proderac u Socitrel, l-għarfien tardiv tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju minn dawn it-tliet impriżi membri tal-club España.

287    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, b’hekk, wettqet żball fir-rigward ta’ Fapricela.

288    Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-ammont addizzjonali għal finijiet tad-dissważjoni, li r-rata tiegħu hija ffissata, fid-deċiżjoni kkontestata, b’riferiment u fuq il-bażi tal-motivazzjoni mogħtija fir-rigward tar-rata tal-gravità tal-ksur (ara l-premessa 962 tad-deċiżjoni kkontestata).

 D – Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

289    Minn naħa, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li l-Kummissjoni ma tathiex tnaqqis komparabbli għal dak li l-Kummissjoni tat lil Arcelor u lil Ori Martin fl-okkażjoni tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

290    Min-naħa l-oħra, Fapricela ssostni li dan il-prinċipju kien miksur ukoll, l-ewwel nett, minħabba li hija ġiet ittrattata b’mod analogu għal Socitrel u għal Proderac meta s-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik ta’ dawn iż-żewġ impriżi, it-tieni nett, minħabba li hija ngħatat biss tnaqqis ta’ 1 % fir-rigward tal-gravità meta mqabbla mal-impriżi – b’mod partikolari Emesa u Tycsa – li fir-rigward tagħhom ir-rata tal-gravità tal-ksur kienet iffissata bħala 19 %, meta l-impriżi li jagħmlu parti minn din il-kategorija kienu kollha wettqu ksur ħafna iktar gravi minn dak imwettaq minnha, u, it-tielet nett, minħabba li hija kien imissha ġiet ittrattata b’mod inqas sever minn Fundia, li pparteċipat fi ftehim dwar klijent ħafna ikbar, jiġifieri Addtek, minn dawk ikkonċernati mill-ftehim li kienet ipparteċipat fih hija stess.

291    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra, EU:C:2007:261, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

292    Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda – jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, tad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja involuta fl-akkordju minflok id-dħul mill-bejgħ tal-grupp – ma jistgħux iwasslu għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Fapricela, li fil-fatt ma tinsabx f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ Arcelor, ta’ SLM jew ta’ Ori Martin, peress li hija ma kinitx akkwistata, sussegwentement għat-tmiem tal-perijodu tal-ksur, minn impriża oħra.

293    Għalhekk, hija ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’tali ċirkustanzi.

294    Fir-rigward tat-tieni lment, għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 953), stabbilixxiet tliet kategoriji għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata tal-gravità, billi bbażat ruħha fuq in-natura tal-ksur imwettaq (premessi 939 sa 945), fuq is-sehem tas-suq ikkunsidrat flimkien (premessa 946) u fuq id-dimensjoni ġeografika tal-akkordju (premessi 947 sa 949):

–        kategorija ta’ 16 %, li tikkonċerna biss lil Fundia u li hija ġġustifikata mill-fatt li din l-impriża pparteċipat biss fil-“koordinazzjoni” dwar Addtek (premessa 939);

–        kategorija ta’ 18 %, rata li hija ġġustifikata fuq il-bażi ta’ żewġ kriterji: il-parteċipazzjoni fil-club España biss u l-għarfien tardiv tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju; Socitrel, Proderac u r-rikorrenti jinsabu f’din il-kategorija (premessa 949);

–        kategorija ta’ 19 %, li fiha jinsabu l-impriżi l-oħra kollha li pparteċipaw fl-akkordju (premessa 953).

295    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ Fapricela ma hijiex komparabbli għal dik ta’ Fundia, peress li r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar kienet essenzjalment stabbilita biss minħabba l-“koordinazzjoni” tal-bejgħ lil klijent wieħed biss, jiġifieri lil Addtek, filwaqt li Fapricela pparteċipat fi ksur ikkaratterizzat minn qsim tas-suq (iffissar ta’ kwoti), mill-attribuzzjoni ta’ klijentela u mill-iffissar orizzontali ta’ prezzijiet fil-kuntest tas-suq Iberiku.

296    It-tieni nett, Emesa u Tycsa pparteċipaw b’mod attiv fil-club Zurich (mill-1992 għall-ewwel waħda u mill-1993 għat-tieni waħda) u fil-club Europe, filwaqt li Fapricela ma pparteċipat fl-ebda wieħed minn dawn il-clubs.

297    Għalkemm huwa minnu li d-differenza bejn ir-rati tal-kategoriji rispettivi li fihom jaqgħu Emesa u Tycsa, minn naħa, u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra, hija żgħira, għandu jitfakkar li, skont il-punt 21 tal-Linji gwida tal-2006, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni jista’ jilħaq it-30 % u li, skont il-punt 23 ta’ dawn il-Linji gwida, il-ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni u, fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Għaldaqstant, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser ikun ġeneralment lejn il-parti għolja tal-iskala.

298    Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li, fid-dawl tan-natura tal-ksur imfakkra fil-premessa 939 tad-deċiżjoni kkontestata (qsim tas-suq/iffissar ta’ kwoti, attribuzzjoni ta’ klijentela u ffissar orizzontali ta’ prezzijiet), ir-rata tal-gravità stabbilita mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kategorija li wettqet il-ksur tinsab fil-baxx tal-parti għolja tal-iskala (minn 15 sa 30 %), u dan iwassal sabiex id-differenza fil-konfront ta’ kategorija oħra li wettqet ksur ikkaratterizzat ukoll minn ftehimiet orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ qsim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni tkun waħda żgħira.

299    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn il-kategorija li jaqgħu fiha b’mod partikolari Emesa u Tycsa, minn naħa, u dik li jaqgħu fiha Socitrel, Fapricela u Proderac, min-naħa l-oħra, hija bbażata fuq elementi oġġettivi.

300    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax, billi tibbaża ruħha biss fuq din id-differenza żgħira bejn iż-żewġ rati ta’ gravità stabbiliti mill-Kummissjoni, tinvoka ksur tal-ugwaljanza fit-trattament.

301    It-tielet nett, għal Fapricela, Socitrel u Proderac kienet applikata madankollu rata ta’ gravità ta’ 18 % minflok ta’ 19 % fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-club España biss u fuq il-bażi tal-għarfien tardiv tagħhom tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju.

302    Issa, għandu jitfakkar li ma huwiex stabbilit li Fapricela kellha għarfien tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju (ara l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel motiv iktar ’il fuq).

303    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tinkludi lil Fapricela fl-istess kategorija bħal Socitrel u bħal Proderac.

304    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’.

305    Madankollu, għandhom jiġu miċħuda l-bqija tal-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Socitrel fl-akkordju kien itwal minn tagħha peress li dan il-fattur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tul tal-ksur u mhux fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu.

306    Dan jgħodd ukoll fir-rigward tan-numru ta’ laqgħat li għalihom attendiet Socitrel, peress li dan il-fattur, u dan anki fir-rigward ta’ Fapricela, ma għandu ebda impatt fuq in-natura kontinwa tal-ksur imwettaq minnhom (ara l-punt 273 iktar ’il fuq).

 E – Konklużjoni intermedjarja

307    Bħala konklużjoni, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv u, għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa hija vvizzjata bi żball.

308    Għaldaqstant, hemm lok li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat parzjalment sa fejn jimponi multa fuq Fapricela.

[omissis]

 VII – Fuq l-ewwel motiv komplementari, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Fapricela, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 A – Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

400    Fl-okkażjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni kkompletat il-premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata billi inkludiet fiha tabella li tinkludi l-valuri tal-bejgħ ikkunsidrati fir-rigward tad-diversi impriżi. Fir-rigward ta’ Fapricela huwa indikat, fil-punt 6 ta’ din it-tabella: “Fapricela: tweġiba tas-16 ta’ Ġunju 2009: 2.12.1998-19.9.2002: [valur tal-bejgħ ikkunsidrat fir-rigward ta’ Fapricela]”.

 B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

401    L-ewwel nett, sa fejn dan il-motiv jikkoinċidi parzjalment mal-motiv imqajjem waqt is-seduta, dwar l-assenza ta’ notifika lir-rikorrenti tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda li allegatament wasslet għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, għandu jsir riferiment għall-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 79 sa 82 ta’ din is-sentenza.

402    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni kkoreġiet żbalji materjali li kienu ħarbulha fid-deċiżjoni inizjali, iżda hija ma emendatx l-ammont tal-multa imposta fuq Fapricela.

403    Barra minn hekk, il-korrezzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Fapricela kienet intiża li tispeċifika, fid-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-bejgħ kif dan il-valur kien ġie kkomunikat minn Fapricela lill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha lill-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2009.

404    Barra minn hekk, matul is-seduta r-rikorrenti rrikonoxxiet li l-ammont bażiku tal-multa kien fil-fatt ikkalkolat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inizjali fuq il-bażi tal-ammont tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat fir-rigward ta’ Fapricela, li kien jinkludi l-valur tal-bejgħ ta’ strands minn Fapricela.

405    Għalhekk, hija ma tistax issostni li ma setgħetx tifhem, qabel l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, li l-valur tal-bejgħ ta’ strands kien inkluż fil-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

406    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali dwar dan il-punt għandu jiġi miċħud.

407    It-tielet nett, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda tinkludi motivazzjoni li tippermetti li jinftiehmu l-iżbalji li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkoreġi u tindika b’mod ċar l-emendi li hija kienet qiegħda tagħmel fid-deċiżjoni inizjali. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda huwa wkoll mingħajr bażi fir-rigward ta’ dan il-punt.

408    Ir-raba’ nett, jekk jitqies li, permezz tal-argumenti tagħha, Fapricela għandha l-intenzjoni ssostni li hija ma nstemgħetx qabel l-adozzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet ta’ emenda, li skontha jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti nstemgħet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, fit-tieni lok, li l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda tagħmel biss korrezzjonijiet materjali fid-deċiżjoni inizjali, fit-tielet lok, li r-rikorrenti ma tindikax kif il-fatt li tinstema’ dwar l-elementi kkoreġuti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni li kienet ikkomunikatilha hija stess matul il-proċedura amministrattiva kien ser jibdel b’xi mod jew ieħor il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jew kien jippermettilha tiżgura aħjar id-difiża tagħha (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2013, Fluorsid u Minmet vs Il-Kummissjoni, T‑404/08, Ġabra, EU:T:2013:321, punt 110) u, fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, li l-ammont tal-multa li kienet imposta fuq Fapricela ma ġiex emendat, la bl-ewwel deċiżjoni ta’ emenda u lanqas bit-tieni waħda.

409    Huwa minnu li t-tieni deċiżjoni ta’ emenda emendat l-ammont tal-multa imposta fuq żewġ impriżi, Arcelor u Ori Martin.

410    Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda – jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, tad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja involuta fl-akkordju minflok id-dħul mill-bejgħ tal-grupp – bl-ebda mod ma jikkonċernaw lil Fapricela, li s-sitwazzjoni tagħha kienet kompletament differenti.

411    Għaldaqstant, Fapricela ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’tali ċirkustanzi, bħalma lanqas ma tista’ ssostni li kellha dritt li tinstema’ minn qabel.

412    Għandhom jiġu miċħuda wkoll, għall-istess raġunijiet, l-allegazzjonijiet tagħha dwar ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju jew tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li l-emendi introdotti permezz tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda ma kinux jikkonċernawha.

413    Il-ħames nett, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà taġġusta l-motivi u t-talbiet tagħha wara l-adozzjoni ta’ kull waħda miż-żewġ deċiżjonijiet ta’ emenda, possibbiltà li hija użat darbtejn, u għalhekk hija ma tistax issostni li l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ikkawżat xi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

414    Għaldaqstant, l-ewwel motiv komplementari għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 VIII – Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata

415    Ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

416    Madankollu, din it-talba għandha tiġi miċħuda sa fejn l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata huwa intiż, permezz tal-paragrafu 1 tiegħu, li jordna lill-impriżi li kienu għadhom ma temmewx il-ksur sabiex itemmuh. Issa, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet temmet il-ksur f’Settembru 2002. Għalhekk, fid-data li fiha ppreżentat ir-rikors, ir-rikorrenti ma kellhiex interess tikseb l-annullament ta’ din id-dispożizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

417    Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) huwa intiż li jordna lill-impriżi destinatarji sabiex ma jerġgħux iwettqu ksur. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Fapricela wettqet ksur u li hija għandha tiġi kkundannata għal dan il-ksur, b’tali mod li huwa ġġustifikat li tiġi ordnata sabiex ma twettaqx ksur ieħor.

418    Għaldaqstant, it-talba tagħha għall-annullament tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha, bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

 IX – Fuq l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha

 A – Tfakkir tal-kalkolu tal-ammont tal-multa mill-Kummissjoni

419    Għandhom jitfakkru l-elementi tal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuq Fapricela:

–        valur tal-bejgħ ta’ azzar għal prestressing, inkluż fil-forma ta’ kejbils u ta’ strands; imwettaq fl-2001 (a);

–        parti tal-valur tal-bejgħ (b): 18 %;

–         numru ta’ snin (koeffiċjent ta’ tul) (c): 3.75;

–        perċentwali applikata għall-ammont addizzjonali (d): 18 %;

–        ammont bażiku totali: [(a) x (b) x (c)] + [(a) x (d)];

–        żieda minħabba ċirkustanzi aggravanti: le;

–        tnaqqis minħabba ċirkustanzi attenwanti: le;

–        ammont bażiku totali (mhux mibdul);

–        applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ: EUR 8 874 000;

–        tnaqqis minħabba l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-klemenza: le;

–        tnaqqis minħabba l-inkapaċità tal-impriża li tħallas il-multa, fid-dawl ta’ ċirkustanzi soċjoekonomiċi partikolari: le;

–        ammont finali tal-multa: EUR 8 874 000.

 B – Tfakkir tal-prinċipji

420    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, skont l-Artikolu 261 TFUE, lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li jippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha u, b’hekk, tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, billi tibdel b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra, EU:C:2007:88, punti 61 u 62, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

421    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu.

422    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħalma huma l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li dawn setgħu kisbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

423    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li elementi oġġettivi bħalma huma l-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru u l-intensità ta’ dan l-aġir, il-portata tas-suq milqut u d-deterjorament imġarrab mill-ordni pubbliku ekonomiku kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali ksur preċedenti (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 422 iktar ’il fuq, EU:C:2011:815, punt 57).

424    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, min-natura tiegħu, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mill-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-Linji gwida tagħha meta tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra, EU:T:2007:380, punt 213 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 C – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-kawża ineżami

425    Fil-kawża ineżami, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tissanzjona l-parteċipazzjoni ta’ Fapricela fil-ksur, mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ dan il-ksur u mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni jirriżulta li s-sanzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kull impriża responsabbli għall-ksur fir-rigward tal-ksur.

426    Il-ksur li għandu jiġi kkonstatat fil-konfront ta’ Fapricela huwa l-parteċipazzjoni mingħajr waqfien tagħha fil-club España biss, peress li ma huwiex stabbilit li Fapricela kienet taf bil-club Europe (ara l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel motiv, punti 130 u 142 iktar ’il fuq).

427    Fir-rigward tat-tul tal-ksur imwettaq minn Fapricela, dan jestendi mit-2 ta’ Diċembru 1998 sad-19 ta’ Settembru 2002, peress li ma huwiex stabbilit li Fapricela kienet iddistakkat ruħha mill-club España bejn it-18 ta’ Ottubru 2000 u d-9 ta’ April 2001 (ara l-punt 207 iktar ’il fuq).

428    Fir-rigward tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Fapricela, għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li Fapricela kellha għarfien, anki jekk tardiv, tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

429    Għalhekk, dan il-kriterju ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità oġġettiva tal-ksur imwettaq minn Fapricela.

430    B’hekk, il-ksur imwettaq minn Fapricela huwa inqas gravi minn dak imwettaq minn Socitrel u Proderac, li magħhom il-Kummissjoni kienet qabblet lil Fapricela (premessa 953 tad-deċiżjoni kkontestata).

431    Madankollu, il-ksur imwettaq minn Fapricela huwa iktar gravi minn dak imwettaq minn Fundia. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Fundia kienet ipparteċipat biss fil-“koordinazzjoni” tal-bejgħ lil klijent wieħed biss, jiġifieri lill Addtek (premessi 935 u 953 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Fapricela pparteċipat f’“koordinazzjoni” li kienet tkopri diversi klijenti oħra.

432    Fir-rigward tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għandu jsir riferiment għal dak ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li jinkludi l-istrands, peress li huwa stabbilit li Fapricela pparteċipat ukoll fil-ftehim dwar l-istrands fi ħdan il-club España (ara l-punt 244 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha raġun meta kkunsidrat biss il-bejgħ imwettaq minn Fapricela fi Spanja u fil-Portugall (premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata).

433    Ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tqis xi ċirkustanza attenwanti jew aggravanti u lanqas ma hemm lok li tqis xi ċirkustanza partikolari oħra. Il-fatt li r-rikorrenti pparteċipat biss fil-club España huwa fil-fatt diġà rifless fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ imwettaq minnha fi Spanja u fil-Portugall biss.

434    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-multa responsabbli għaliha Fapricela ma jistax ikun ta’ inqas minn EUR 17 000 000.

435    Madankollu, b’applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa imposta fuq Fapricela ma jistax jaqbeż EUR 8 874 000.

436    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li hemm lok li l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Fapricela għandu jiġi ffissat bħala EUR 8 874 000, li jikkostitwixxi ammont xieraq fid-dawl tan-natura, tat-tul u tal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

437    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

438    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011, hija annullata sa fejn tikkonstata li Fapricela – Indústria de Trefilaria, SA kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE billi pparteċipat, minbarra fi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni fis-suq Iberiku, f’akkordju li kien ikopri s-suq intern u mbagħad fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u sa fejn imponitilha multa ta’ EUR 8 874 000.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Fapricela – Indústria de Trefilaria huwa ffissat għal EUR 8 874 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.