Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Córdoba (Spanja) fid-19 ta’ Novembru 2020 – ZU u TV vs Ryanair Ltd

(Kawża C-618/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Córdoba

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ZU u TV

Konvenut: Ryanair Ltd

Domandi preliminari

Kumpannija tal-ajru li tbigħ biljetti permezz tas-sit internet tiegħu stess għal titjiriet li joperaw taħt il-kodiċi ta’ kumpannija tal-ajru oħra tista’ titqies bħala trasportatur tal-ajru li jopera għall-finijiet tal-Artikolu [3](5) tar-Regolament Nru 261/2004 1 fir-rigward tat-titjiriet speċifiċi li jbigħ, u li huma operati minn kumpannija oħra?

Kumpannija tal-ajru li tbigħ biljetti permezz tas-sit internet tiegħu stess għal titjiriet li joperaw taħt il-kodiċi ta’ kumpannija tal-ajru oħra tista’ titqies bħala trasportatur tal-ajru li jopera għall-finijiet tal-Artikolu [3](5) tar-Regolament Nru 261/2004 fir-rigward ta’ dawn it-titjiriet speċifiċi mibjugħa, u li huma operati minn kumpannija oħra, jekk din il-kumpannija l-oħra li topera t-titjira tkun parti mill-grupp ta’ impriżi tal-kumpannija li tbigħ biljetti għal dik it-titjira?

Il-kunċett ta’ trasportatur kontraenti fl-Artikolu 45 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jista’ jiġi ekwiparat mal-kunċett ta’ trasportatur tal-ajru li jopera previst fl-Artikolu [3](5) tar-Regolament Nru 261/2004?

Il-kunċett ta’ trasportatur attwali msemmi fl-Artikolu 45 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jista’ jiġi ekwiparat mal-kunċett ta’ trasportatur tal-ajru li jopera previst fl-Artikolu [3](5) tar-Regolament Nru 261/2004?

____________

1     Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10)