Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2012 - AXA Versicherung vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-526/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: AXA Versicherung AG (Köln, il-Germanja) (rappreżentanti: C. Bahr, S. Dethof u A. Malec, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-rifjut ikkontestat;

sussidjarjament, tannulla parzjalment ir-rifjut inkwistjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjonijiet impliċiti negattivi tal-Kummissjoni, li jirrigwardaw it-talbiet konfermattivi tar-rikorrenti għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/39125 - Ħġieġ tal-karozzi.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba taħt l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 

F'dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu tagħha li teżamina b'mod konkret u individwali d-dokumenti mitluba taħt l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Minflok, hija illegalment ikklassifikat id-dokumenti kkonċernati bl-użu ta' kriterji formali.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba ċ-ċaħda ta' aċċess għal dokumenti speċifiċi fil-fajl

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta interpretat b'mod wiesa' l-portata tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li la l-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huma affettwati, u lanqas ma l-Kummissjoni tista' tirreferi għall-protezzjoni tal-iskop tal-investigazzjonijiet taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Barra minn hekk, il-proċess deċiżjonali ma huwiex ser jiġi serjament affettwat [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001].

Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat meta ċaħdet li kien hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba ċ-ċaħda kompleta tal-aċċess għal dokumenti speċifiċi

F'dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni lanqas biss tat aċċess parzjali għad-dokumenti rilevanti u għalhekk kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni lanqas ma eżaminat l-aċċess parzjali għad-dokumenti skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1049/2001.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba ċ-ċaħda ta' aċċess għat-test sħiħ tal-werrej tal-fajl tal-Kummissjoni

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, qiegħed jiġi sostnut li l-Kummissjoni żbaljat meta interpretat b'mod wiesa' l-portata tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 fid-dawl tat-talba tar-rikorrenti għal aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-iskop tal-investigazzjonijiet taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma humiex affettwati.

Barra minn hekk, hija targumenta li lanqas ma kienet ser tiġi affettwata l-protezzjoni tal-privatezza skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).