Language of document : ECLI:EU:T:2010:256

Kawża T-407/08

MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Metromeet — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti meeting metro — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

Teżisti, għall-pubbliku rilevanti, kompost minn professjonisti Ġermaniżi tal-metroloġija u minn fornituri ta’ servizzi f’dan il-qasam, probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal figurattiv Metromeet, li għalih ir-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ntalbet għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 35 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u s-sinjal verbali meeting metro, irreġistrat preċedentement fil-Ġermanja għal prodotti u servizzi fl-istess klassijiet.

Is-sempliċi bdil fl-ordni ta’ elementi ta’ trade mark ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ xebh viżiv bejn is-sinjali inkwistjoni. Bl-istess mod, il-fatt li l‑elementi verbali jiġu ppronunzjati f’ordni inversa ma jistax jipprekludi li s-sinjali jkunu globalment jixxiebhu fuq il-livell fonetiku.

Fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma, parzjalment identiċi u, minn tal-inqas parzjalment jixxiebhu u, min-naħa l-oħra, peress li s-sinjali inkwistjoni jippreżentaw xebh viżiv u fonetiku, minkejja li dan huwa dgħajjef, u identiċità kunċettwali, bejn l-imsemmija sinjali ma teżistix differenza suffiċjenti li tippermetti li tiġi evitata kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’moħħ il-pubbliku.

(ara l-punti 29, 30, 38, 40, 46)