Language of document : ECLI:EU:T:2013:322

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Prova tal-ksur — Drittijiet tad-difiża — Konkordanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata — Multi — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi — Ftehim Ewro-Mediterran”

Fil-Kawża T‑406/08,

Industries chimiques du fluor(ICF), stabbilita fi Tuneż (it-Tuneżija), inizjalment irrappreżentata minn M. van der Woude u T. Hennen, sussegwentement minn P. Wytinck u D. Gillet, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. É. Gippini Fournier, K. Mojzesowicz u N. von Lingen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3043, tal-25 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/39.180 — Fluworidu tal-aluminju), li tikkonċerna akkordju fuq is-suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju dwar l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq fuq livell dinji, kif ukoll, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, I. Labucka u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-fatti

1        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3043, tal-25 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/39.180 – Fluworidu tal-aluminju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), tikkonċerna akkordju fis-suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju dwar l-iffissar tal-prezzijiet u dwar it-tqassim tas-swieq fuq livell dinji, li fih tipparteċipa b’mod attiv ir-rikorrenti, Industries chimiques du fluor (ICF).

2        Ir-rikorrenti hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata taħt id-dritt Tuneżin, ikkwotata fil-borża ta’ Tuneż (it-Tuneżija) u hija attiva fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Boliden Odda A/S (iktar ’il quddiem “Boliden”) hija impriża rregolata taħt id-dritt Norevġiż attiva fil-produzzjoni u fil-bejgħ ta’ żingu u ta’ fluworidu tal-aluminju (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-23 ta’ Marzu 2005, Boliden ippreżentat quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talba għal immunità skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2002 dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammonti tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 2002, C 45, p. 3, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”). F’April 2005, Boliden għamlet preċiżazzjonijiet u tat informazzjoni supplimentari u għamlet dikjarazzjonijiet orali. Fit-28 ta’ April 2005, il-Kummissjoni tat lil Boliden l-immunità kondizzjonali minn multi skont il-paragrafu 8(a) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Fil-25 u 26 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni wettqet ispezzjonijiet skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) fil-bini ta’ fornituri Ewropej ta’ fluworidu tal-aluminju (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod partikolari ta’ Fluorsid SpA, kumpannija rregolata taħt id-dritt Taljan, ta’ Alufluor AB, ta’ Derivados del Fluor, SA u ta’ CE. Giulini & C. Srl.

5        Fit-23 u l-31 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni għamlet mistoqsijiet lil O., ex direttur kummerċjali tad-diviżjoni tal-fluworidu tal-aluminju “Noralf” ta’ Boliden, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 (premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Bejn Settembru 2006 u Frar 2007, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lill-impriżi kkonċernati mill-proċedura amministrattiva f’dan l-istadju, b’mod partikolari lir-rikorrenti, lil Boliden, lil Alufluor, lil Derivados del Fluor, lil Fluorsid, lil C.E. Giulini & C., kumpannija stabbilita fl-Isvizzera u azzjonista prinċipali ta’ Fluorsid, u lil Industrial Quimica de Mexico (IQM), kumpannija rregolata taħt id-dritt Messikan, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, u dawn l-impriżi wieġbu għalihom (premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fid-29 ta’ Marzu 2007, waqt laqgħa mal-Kummissjoni, Fluorsid ipprovdiet ċerti dokumenti. Fit-22 ta’ April 2007, Fluorsid għamlet “talba għall-immunità jew għal tnaqqis tal-multa” skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, li l-Kummissjoni interpretat bħala talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa. Fis-27 ta’ Mejju 2007, Fluorsid ippreżentat addendum għal din it-talba. Fit-13 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni informat lil Fluorsid li ma kellhiex l-intenzjoni li tnaqqsilha l-ammont tal-multi skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni (premessi 60 u 248 sa 249 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fl-24 ta’ April 2007, il-Kummissjoni bdiet formalment il-proċedura kontra, inter alia, ir-rikorrenti, Boliden, Fluorsid, Minmet u IQM u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ntbagħtitilhom fil-25 ta’ April 2007 u li ġew innotifikati biha bejn is-26 u t-30 ta’ April 2007. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tathom aċċess għall-fajl fil-forma ta’ CD-ROM (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Bl-eċċezzjoni ta’ Boliden, id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ilmenti mqajma fir-rigward tagħhom (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fit-13 ta Settembru 2007 saret seduta li għaliha pparteċipaw id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fil-11 u fl-14 ta’ April 2008, il-Kummissjoni indirizzat xi talbiet għal informazzjoni lid-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet filwaqt li stednithom jindikaw id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom u l-bejgħ tagħhom tal-fluworidu tal-aluminju u sabiex jagħtu xi dettalji dwar kwalunkwe bidla sinjifikattiva futura rigward l-attività tagħhom jew ta’ proprjetà (premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata).

II –  Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata

12      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej:

“Artikolu 1

L-impiżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81 [KE] u l’Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi mit-12 ta Lulju 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2000 ipparteċipaw fi ftehim u/jew fi prattika miftiehma fis-settur tal-fluworidu tal-aluminju:

a) Boliden […]

b) Fluorsid […] u Minmet […]

c) [ICF]

d) [IQM] u QB Industrias SAB

Artikolu 2

Il-multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      Boliden […]: EUR 0;

b) Fluorsid [...] u Minmet[...],in solidum: EUR 1 600 000;

c) [ICF] : EUR 1 700 000 EUR;

d) [IQM] u QB Industrias SAB, in solidum: EUR 1 670 000.

[…]” [tradizzjoni mhux uffiċjali]

B –  Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata

13      Fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat dan li ġej.

1.     Fuq is-settur tal-fluworidu tal-aluminju

14      Skont il-Kummissjoni, il-fluworidu tal-aluminju huwa kompost kimiku użat għall-produzzjoni tal-aluminju li jippermetti t-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku meħtieġ waqt il-fużjoni fil-kors tal-proċess tal-produzzjoni tal-aluminju primarju u li jikkontribwixxi għaldaqstant partikolarment għat-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-aluminju. Il-produtturi tal-aluminju huma l-konsumaturi prinċipali tal-fluworidu tal-aluminju. Il-produzzjoni annwali tal-aluminju fid-dinja hija ta’ iktar minn 20 miljun tunnellata, li madwar 30 % minnhom issir fl-Ewropa (premessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fl-2000, il-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju tar-rikorrenti fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) laħaq l-ammont ta’ EUR 8 146 129 u fid-dinja kollha laħaq l-ammont ta’ EUR 34 339 694. Fl-2007, id-dħul mill-bejgħ dinji laħaq l-ammont ta’ EUR 36 891 574 (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fl-2000, il-valur tas-suq totali stmat tal-fluworidu tal-aluminju mibjugħ fis-suq ħieles taż-ŻEE kien ta’ madwar EUR 71 600 000. Il-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju mibjugħ fis-suq ħieles dinji kkonċernat mill-akkordju kien, fl-2000, ta’ madwar EUR 340 000 000. Il-parti stmata tas-suq li akkumulaw l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata kienet tammonta għal 33 % fis-suq taż‑ŻEE u għal 35 % fis-suq dinji (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-fluworidu tal-aluminju huwa kkummerċjalizzat fuq bażi dinjija. Il-kummerċ isir mill-Istati Uniti lejn iż-ŻEE u miż-ŻEE lejn l-Istati Uniti, l-Afrika, l-Amerika ta’ Isfel u l-Awstralja (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tbigħ volumi kunsiderevoli ta’ dan il-prodott fiż-ŻEE (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-1997, l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-fluworidu tal-aluminju, l-Inorganic Fluorine Producers Association (IFPA), tgħaqqad flimkien il-produtturi tad-dinja kollha (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Fuq il-laqgħa ta’ Milano u fuq l-implementazzjoni tal-akkordju

18      Skont il-Kummissjoni, ċerti prattiki kollużivi fl-industrija tal-fluworidu tal-aluminju jmorru lura diġà għall-perijodu bejn it-twaqqif tal-IFPA fl-1997 u l-laqgħa ta’ Milano (l-Italja) tat-12 ta Lulju 2000, iżda ma teżisti ebda prova konvinċenti f’dan ir-rigward (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ppreċiżat li, waqt il-laqgħa ta’ Milano, kien hemm preżenti xi rappreżentanti ta’ Fluorsid, tar-rikorrenti u ta’ IQM, filwaqt li rappreżentant tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden ipparteċipa f’din il-laqgħa permezz tat-telefon. Waqt din il-laqgħa, dawn l-impriżi kienu ftiehmu fuq l-objettiv li jżidu l-prezzijiet b’20 %. Huma analizzaw diversi reġjuni tad-dinja, inkluża l-Ewropa, sabiex jistabbilixxu livell ta’ prezz ġenerali u, f’ċerti każi, tqassim tas-suq. Skont il-ftehim, l-għan ġenerali kien li jinkiseb livell ta’ prezz ogħla u li jiġi skoraġġut kwalunkwe tnaqqis kbir. Il-parteċipanti skambjaw ukoll informazzjoni kummerċjali sensittiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano ta’ R., rappreżentant ta’ Fluorsid, in-noti ta’ O., rappreżentant tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, u d-dikjarazzjoni ta’ O. (premessi 77 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Wara l-laqgħa ta’ Milano, l-impriżi kkonċernati baqgħu f’kuntatt ma xulxin (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fil-25 ta’ Ottubru 2000, T. tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden u A. ta’ IQM skambjaw xi informazzjoni fuq it-telefon dwar l-offerti rispettivi tagħhom lil klijent fl-Awstralja, inkluża informazzjoni dwar il-livell ta’ prezz, it-tul tal-kuntratt u l-volum offrut. Il-kontenut ta’ din il-konverżazzjoni telefonika tniżżel f’nota miktuba bl-id f’dak iż-żmien ta’ T. Indirizzata lil O., li kien ukoll mid-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fit-8 ta’ Novembru 2000, C., amministratur maħtur ta’ Minmet, bagħat nota lil Fluorsid dwar il-konverżazzjoni telefonika li kellu ma’ G. tar-rikorrenti, dak l-istess jum, dwar il-prezzijiet tal-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fid-9 ta’ Novembru 2000, Minmet bagħtet lil Fluorsid minuti oħrajn tal-laqgħa mar-rikorrenti f’Lausanne (l-Isvizzera) dwar il-klijentela u l-prezzijiet f’ċerti swieq, b’mod partikolari l-Brażil u l-Venezwela (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE

23      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-laqgħa ta’ Milano u l-aġir konsekuttiv li kien intiż għall-implementazzjoni tagħha, kienu jissodisfaw il-karatteristiċi kollha ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (premessi 115 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata) u li dan l-akkordju kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinu (premessi 123 sa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Dan il-ksur kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-Komunità Ewropea u fiż-ŻEE (premessi 130 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda l-portata ġeografika tiegħu kienet dinjija, billi estenda għar-reġjuni msemmija fil-minuti tal-laqgħa ta’ Milano, jiġifieri, b’mod partikolari, l-Ewropa, it-Turkija, l-Awstralja, l‑Amerika ta’ Isfel, l-Afrika ta’ Isfel, l-Amerika ta’ Fuq (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Skont il-Kummissjoni, l-akkordju seta’ kellu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri “u/jew” il-partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE (premessi 137 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.     Fuq it-tul tal-ksur

26      Minkejja ċerti indikazzjonijiet li kienu juru li l-produtturi tal-fluworidu tal-aluminju kienu diġà impenjaw ruħhom fil-prattiki kollużivi matul it-tieni nofs tas-snin disgħin, b’mod partikolari wara laqgħa miżmuma fil-Greċja fl-1999, il-Kummissjoni qieset li kellha biss provi konvinċenti tal-eżistenza ta’ akkordju sa “mill-inqasˮ it-12 ta’ Lulju 2000, id-data tal-laqgħa ta’ Milano (premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fis-settur tal-fluworidu tal-aluminju, il-kuntratti ta’ provvista huma nnegozjati minn qabel, waqt perijodu li jibda matul it-tieni nofs ta’ kull sena kalendarja u li jispiċċa fit-tmien din l-istess sena kalendarja jew matul l-ewwel ħames xhur tas-sena kalendarja ta’ wara. Dan jgħodd ukoll għal kuntratti multiannwali. Ċerti kuntratti multiannwali jipprevedu dejjem jew negozjati annwali fuq il-prezz wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja, jew reviżjoni tal-prezzijiet wara kull sitt xhur. Il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jikkonfermaw li l-prattika tas-settur kienet tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-prezzijiet minn qabel għas-sena kummerċjali ta’ wara. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li r-riżultat tal-kuntatti kollużivi ta’ Lulju 2000 kien japplika għan-negozjati mwettqa matul it-tieni nofs tas-sena 2000 (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Għaldaqstant, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-akkordju kien għadu fis-seħħ u li kien għadu jipproduċi effetti antikompetittivi b’riżultat tal-aġir tal-membri tiegħu, sa “mill-inqas” il-31 ta’ Diċembru 2000 (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

5.     Fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

29      Il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 1 700 000 (premessa 243 tad-deċiżjoni kkontestata) filwaqt li indikat li, skont il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), “l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru tas-snin tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      F’dan il-każ, il-ksur kien jikkonsisti, b’mod partikolari, fi ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezzijiet li, minħabba n-natura tiegħu stess, jinsab fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni. Dan għandu jirrifletti fil-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-parti akkumulata tas-suq, stmata fl-2000, tal-impriżi li pparteċipaw f’dan il-ksur ma kinitx taqbeż il-35 % fiż-ŻEE (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-portata ġeografika tal-akkordju kienet dinjija (premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni “ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-grad ta’ implementazzjoni tal-ksur [premessi 134 u 135, 154 sa 156, 172 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata] sabiex tiddetermina l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li jrid jittieħed inkunsiderazzjoniˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-fatturi msemmija iktar ’il fuq dwar in-natura tal-ksur u l-portata ġeografika tiegħu, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull waħda mill-impriżi, li minnu kellu jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi imposti kien ta’ 17 % (premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Peress li t-tul tal-ksur jikkorrispondi “mill-inqasˮ mal-perijodu bejn it‑12 ta’ Lulju u l-31 ta’ Diċembru 2000, il-fattur tal-multiplikazzjoni li għandu jiġi applikat lill-ammont bażiku ffissat huwa ta’ 0.5 (premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont addizzjonali sabiex l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali dwar l-iffissar tal-prezzijiet bħal dak f’dan il-każ, huwa ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ (premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammonti bażiċi tal-multa li kellha tiġi imposta fuq il-parteċipanti tal-akkordju kif ġej:

–        Boliden: EUR 1 miljun;

–        Fluorsid u Minmet: EUR 1.6 miljun;

–        ICF: EUR 1.7 miljun;

–        IQM, QB Industrias SAB: EUR 1.64 miljun.

34       Skont il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni finalment tat l-immunità lil Boliden li ġiet eżentata minn kull multa.

6.     Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

35      Il-Kummissjoni qieset li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma jurux li l-aġir veru tagħha fis-suq “seta’ jwassalha li toħloq effetti antikompetittivi tal-ksur ikkonstatat, lanqas li hija [kienet] dejjem ġabet ruħha indipendentement mis-suq matul il-perijodu ta’ ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bil-kontra, il-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni juru li r-rikorrenti żammet kuntatti bilaterali mal-kompetituri tagħha, anki wara l-laqgħa ta’ Milano (premessi 245 sa 247 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ma kkonstatax ċirkustanza attenwanti favur ir-rikorrenti li tista’ twassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-ammont tal-multa lil għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kellu jkun ta’ EUR 1.7 miljun (premessa 276 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors b’ittra u permezz ta’ faks, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fid-19 u l-20 ta’ Settembru 2008. Il-verżjoni stampata tar-rikors waslet fir-Reġistru fl-24 ta’ Settembru 2008. Ittra ta’ trażmissjoni kienet mehmuża kull darba li ntbagħtet ittra.

38      Fis-27 ta’ Ottubru 2008, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-natura oriġinali tal-verżjoni stampata tar-rikors irċevuta fl-24 ta’ Settembru 2008.

39      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, alternattivament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

41      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

42      Peress li membru tal-Awla ma setax jisma’ l-kawża, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

43      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni li tipproduċi ċerti dokumenti u li twieġeb bil-miktub għal mistoqsijiet. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu mogħti.

44      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2012.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

45      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors

46      Id-deċiżjoni kkontestata tal-25 ta’ Ġunju 2008 kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-10 ta’ Lulju 2008. It-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, miżjud bit-terminu ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, kien skada fit-22 ta’ Settembru 2008. Kopja tar-rikors kienet waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali b’posta elettronika fid-19 ta’ Settembru 2008 u b’faks fl-20 ta’ Settembru 2008, filwaqt li l-verżjoni stampata kienet waslet biss fl-24 ta’ Settembru 2008. Fil-każ fejn il-verżjoni stampata ma hijiex l-oriġinali tar-rikors, iżda fotokopja tal-oriġinali, l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura ma japplikax u r-rikors, ippreżentat tardivament, huwa inammissibbli. Il-firma li tidher fil-kopja tar-rikors ma hijiex firma miktuba bl-id, iżda kopja ta’ din il-firma. Ir-rekwiżit ta’ firma miktuba bl-id fis-sens tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi kkunsidrat bħala regola sostanzjali ta’ forma u huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni stretta, b’mod li l-ksur tagħha jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors. Il-Kummissjoni tressaq din il-kwistjoni għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddetermina l-ammissibbiltà tar-rikors.

47      Skont ir-rikorrenti, l-“iżball ta’ mmaniġġar amministrattiv” inkwistjoni ma jippreġudika la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura. Fid-19 ta’ Settembru 2008, il-kunsill legali tar-rikorrenti kien bagħat permezz ta’ faks ir-rikors promotur iffirmat minn M. van der Woude u T. Hennen. L-ewwel paġna tal-faks kienet ġiet iffirmata minn T. Hennen u P. Wytinck, soċji ta’ M. van der Woude. Fl-istess jum, T. Hennen kien bagħat ir-rikors, l-ewwel paġna tal-ittra, kif ukoll il-konferma li rċieva l-faks permezz ta’ posta elettronika lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u M. van der Woude kienet bagħtet din il-posta elettronika lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Settembru 2008. Fit-23 ta’ Settembru 2008, T. Hennen kien bagħat permezz tal-kumpannija UPS, seba’ kopji tar-rikors lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fosthom kopja li kienet ippreżentata bħala oriġinali u sitt kopji konformi. L-ewwel paġna ta’ din it-trażmissjoni kienet iffirmata minn T. Hennen. Is-seba’ kopji mibgħuta fit-23 ta’ Settembru 2008 huma identiċi għat-test trażmess b’faks u b’posta elettronika u kollha huma ffirmati minn T. Hennen. Il-verżjoni tar-rikors ippreżentata bħala li kienet l-oriġinali, iżda li l-verżjoni oriġinali tagħha ma kinitx intbagħtet minħabba “żball ta’ mmaniġġar”, tinkludi firma mhux miktuba bl-id.

48      Ir-rikorrenti ssostni li l-verżjoni stampata tar-rikors trażmessa lir-Reġistru hija tassew “oriġinali”. Anki jekk il-firma ma hijiex miktuba bl-id, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ċertezza legali kien ġie osservat. L-ewwel nett, il-verżjonijiet kollha tar-rikors ippreżentati fir-Reġistru huma materjalment identiċi. It-tieni nett, jirriżulta ċar mill-ewwel paġna tat-23 ta’ Settembru 2008, iffirmata bl-id minn T. Hennen, li l-intenzjoni tar-rikorrenti kienet li titrażmetti kopja oriġinali. Il-firma fuq l-ittra hija identika għal dik riprodotta fuq id-dokument preżunt bħala l-oriġinali tar-rikors, kif ukoll dawk iffirmati fuq id-dokumenti l-oħra kollha trażmessi lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. It-tielet nett, il-verżjoni ppreżentata bħala l-oriġinali tar-rikors hija identika għal dik skannjata u trażmessa permezz tal-posta elettronika. Ir-raba’ nett, peress li T. Hennen kien iffirma d-dokumenti kollha trażmessi lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ma hemm ebda dubju li dawn id-dokumenti huma x-xogħol tal-avukat imqabbad mill-klijent tiegħu. Ir-rikorrenti tikkonkludi billi żżid li ma jista’ jkun hemm ebda dubju dwar l-awtur tar-rikors ippreżentat bħala l-oriġinali.

49      L-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-oriġinali tal-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.

50      Skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk att tal-proċedura ikun l-ewwel ġie trażmess lir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni użat mill-Qorti Ġenerali qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ proċedura, dan it-terminu jiġi kkunsidrat bħala osservat, bil-kundizzjoni li l-oriġinal iffirmat tal-att jiġi ddepożitat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara.

51      F’dan il-każ, il-verżjoni stampata tar-rikors ġiet ippreżentata fir-Reġistru fit-terminu ta’ għaxart ijiem wara t-trażmissjoni tal-verżjonijiet permezz ta’ faks u posta elettronika.

52      Kif ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ firma miktuba bl-id fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura huwa intiż li jiggarantixxi, bil-għan ta’ ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li, fil-verità, din ma tkunx ix-xogħol tal-awtur li jkun ġie inkarigat għal dan il-għan. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat bħala regola sostanzjali tal-proċedura u għandu jiġi applikat strettament, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tal-azzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Marzu 2007, Il‑Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, Ġabra p. II‑1581, punt 51).

53      L-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u jeħtieġ għal dan il-għan li r-rikors ikun awtentiku u li jiġi ppreżentat minn avukat debitatament awtorizzat mill-klijent tiegħu.

54      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-dokument tat-8 ta’ Settembru 2008 mehmuż mar-rikors, K. Hennen kien debitament awtorizzat mir-rikorrenti.

55      Minkejja li r-rikors stess, mibgħut fit-23 ta’ Settembru 2008, ma kellux firma oriġinali tal-avukat rappreżentant, iżda biss fotokopja tagħha, dan huwa mehmuż ma’ ittra inkluża li tinkludi firma miktuba bl-id oriġinali tal-istess avukat rappreżentant, K. Hennen, li tikkorrispondi wkoll mal-firma li tinsab fl-ittra inkluża mat-trażmissjoni permezz ta’ faks. Huwa għalhekk ċar li l-firma tal-ittra inkluża, dik tar-rikors fil-verżjoni stampata mibgħuta fit-23 ta’ Settembru 2008 u dik tal-verżjoni tar-rikors mibgħut permezz ta’ faks huma tal-istess avukat, K. Hennen. Minn dan jirriżulta li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-identità tal-awtur tar-rikors li kien ġie ppreżentat bħala oriġinali. Minbarra dan, ittra jew formula ta’ trażmissjoni, iffirmata mir-rappreżentant tar-rikorrenti, u nota, mhux iffirmata, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu att ta’ proċedura uniku debitament iffirmat meta huma jagħmlu parti mill-istess spedizzjoni postali, bħal f’dan il-każ.

56      Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-trażmissjoni tar-rikors, permezz ta’ posta elettronika u faks, ġiet debitament awtentifikata fil-ħin skont l-Artikolu 43(5) tar-Regoli tal-Proċedura u li, għaldaqstant, l-azzjoni hija ammissibbli.

II –  Fuq il-mertu

A –  Sunt tal-motivi għal annullament

57      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, erba’ motivi, li wħud minnhom jinqasmu f’diversi partijiet.

58      L-ewwel motiv huwa prinċipalment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003. Id-deċiżjoni kkontestata tissanzjona ksur differenti minn dak deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u l-Kummissjoni bbażat ruħha, wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fuq dokumenti ġodda fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ma setgħetx issir taf bl-ilmenti veri tal-Kummissjoni, li kien wassal li jitkissru id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

59      It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE. L-ewwel parti tat-tieni motiv hija bbażata fuq li l-fatti akkużati lir-rikorrenti ma jikkostitwixxux ksur tal-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, il-provi invokati mid-deċiżjoni kkontestata ma jistabbilixxux la ftehim ta’ ffissar tal-prezzijiet u lanqas prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE. It-tieni parti tat-tieni motiv, invokata sussidjarjament, hija bbażata fuq li l-fatti akkużati lir-rikorrenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu.

60      It-tielet motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. L-ewwel parti hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-punt 18 tal-linji gwida tal-2006. It-tieni parti hija bbażata fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku u tal-ammont addizzjonali tal-multa.

61      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Ewro-Mediterran li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Tuneżina, min-naħa l-oħra (ĠU 1998, L 97, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ewro-Mediterran), tal-prinċipju ta’ premura u tal-korteżija internazzjonali.

62      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel tibda bit-tieni motiv.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

1.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq li l-fatti akkużati lir-rikorrenti ma jikkostitwixxux ksur tal-Artikolu 81 KE

a)     Osservazzjonijiet preliminari

63      Ir-rikorrenti tikkontesta ksur tal-Artikolu 81 KE u l-eżistenza ta’ akkordju kif ukoll is-suġġett jew l-effett antikompetittiv ta’ skambju ta’ informazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll il l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta affermat li l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

64      Il-provi identifikati fid-deċiżjoni kkontestata juru l-iktar l-eżistenza ta’ kuntatti li matulhom il-parteċipanti rrivedew is-swieq differenti li kienu joperaw fihom. Ir-rikorrenti ma kinitx ftiehmet mal-kompetituri tagħha fuq il-prezzijiet, la permezz ta’ ftehim, la permezz ta’ prattika miftiehma. L-iktar, il-fatti kkunsidrati mid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu skambju ta’ informazzjoni fejn l-għan jew l-effett antikompetittiv ma kienx ġie stabbilit. Il-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-impriżi kkonċernati kienu ftiehmu fuq żieda fil-prezzijiet tal-fluworidu tal-aluminju ta’ 20 % jew ta’ ffissar bl-iskop ta’ żieda. Il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jiżvelaw biss żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni, data tas-suq magħrufa minn kulħadd, u x-“xewqa” tal-parteċipanti ta’ żieda fil-prezz korrispondenti mal-prodott tagħhom. Madankollu l-parteċipanti kienu ddubitaw li s-suq jista’ jaċċetta tali żieda fil-prezz. Ir-rikorrenti ssostni li d-diskussjoni kienet “ta’ natura ipotetika” u li ma kienx hemm qbil fir-rieda għal żieda fil-prezzijiet tal-fluworidu tal-aluminju ta’ 20 %. Dan huwa dokument analitiku u mhux ftehim. In-noti meħuda minn O. waqt il-laqgħa ta’ Milano huma wkoll ta’ natura analitika, iżda ma jaqgħux taħt il-ftehim fil-prezzijiet. In-noti ta’ O. tad-diviżjoni “Noralf” ta’ Boliden, tal-25 ta’ Ottubru 2000, dwar l-Awstralja, ma kinux jagħmlu parti minn ftehim jew mill-laqgħa ta’ Milano. Bl-istess mod, in-noti ta’ Fluorsid, tat-8 ta’ Novembru 2000 u ta’ R., ta’ Fluorsid, tad-9 ta’ Novembru 2000, ma humiex prova ta’ ftehim fuq il-prezzijiet u ma jagħmlu ebda riferiment għall-allegat ftehim ta’ Milano. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-idea li erba’ produtturi għandhom il-possibbiltà li jiftiehmu fuq żieda fil-prezz dinji hija “ekonomikament assurda”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni la pprovat l-għan tal-iskambju ta’ informazzjoni u lanqas l-effett antikompetittiv tiegħu.

65      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

66      L-ewwel nett għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li rrikonoxxiet, minn naħa, li kien f’idejn il-parti jew l-awtorità li allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li tipproduċi l-prova ta’ dan billi tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-fatti li jikkostitwixxu ksur u, min-naħa l-oħra, kien f’idejn l-impriża li qed tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni tal-ksur li tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni kienu ssodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha għaldaqstant tirrikorri għal elementi oħrajn ta’ prova (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra. p. I‑8417, punt 58; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 78, u tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 50).

67      F’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni għandha tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur allegat kien twettaq [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni (29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20]. L-eżistenza ta’ dubju min-naħa tal-qorti għandha tiswa ta’ ġid lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għalhekk tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod korrett jekk għadu jippersisti dubju fir-rigward tagħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 215).

68      Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Ikun suffiċjenti li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

69      Barra minn hekk, huwa abitwali li l-attivitajiet li jirrigwardaw ftehim u prattiki antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tiġi mnaqqsa għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn l-operaturi, bħal minuti ta’ laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Meta Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51).

b)     Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

70      Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq id-dokumenti segwenti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE: il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano (premessi 77 u 81 sa 88 tad-deċiżjoni kkontestata), in-noti meħuda minn O., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden waqt din il-laqgħa (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata), id-dikjarazzjoni ta’ O. quddiem il-Kummissjoni fit-23 u l-31 ta’ Awwissu 2006 dwar l-imsemmija minuti (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata), in-noti ta’ O., tal-25 ta’ Ottubru 2000, dwar il-konverżazzjoni telefonika bejn id-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden u IQM (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll in-noti ta’ C., ta’ Minmet, tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 (premessi 95 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dawn id-dokumenti l-Kummissjoni ddeduċiet li kienet inżammet laqgħa bejn ir-rappreżentanti ta’ Fluorsid, R., ir-rikorrenti, G., u ta’ IQM, A., fit-12 ta’ Lulju 2000 f’Milano, l-Italja, li għaliha r-rappreżentant tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, M. O., pparteċipa permezz tat-telefon. Il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano tfasslu minn R., ta’ Fluorsid. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-laqgħa kellha kontenut u għan antikompetittivi (premessi 115 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      It-termini tekniċi użati fid-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq huma dawk li ġejjin:

–        “US$/T jew US$/MT”, li jfissru li l-prezzijiet huma indikati f’dollari Amerikan (USD) għal kull tunnellata jew tunnellata metrika;

–        “incoterms”, li tfisser “international commercial terms” (termini tal-kummerċ internazzjonali);

–        “C & F filo” (cost and freight u free in liner out), li tfisser “kost u nol u tgħabija franka u ħatt bil-kundizzjonijiet tal-bastiment”;

–        “cfr” (cost and freight), li tfisser “kost u nolˮ;

–        “fca” (free carrier), li tfisser “trasport bla ħlas”;

–        “fob” (free on board), li tfisser “frank abbord”;

–         “LME” (London Metal Exchange), li huwa sit għall-iskambju ta’ metalli. Il-prezz tal-LME jiddetermina l-pezz tal-aluminju. Fid-dokumenti li jsir riferiment għalihom, din l-abbrevjazzjoni tindika l-prezz tal-aluminju;

–        “AlF3” hija l-abbrevjazzjoni għall-fluworidu tal-aluminju. Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li l-prezz tal-fluworidu tal-aluminju jista’ jiġi kkalkolat bħala perċentwali tal-LME. Skont l-indikazzjonijiet tal-partjiet, il-prezz tal-AlF3 huwa normalment ta’ bejn 45 u 55 % tal-LME, jiġifieri ammont ta’ bejn USD 650 u USD 900.

72      Għandu jiġi nnotat ukoll li d-dokumenti li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata ġew prodotti jew minn Boliden, jew mill-membri l-oħrajn tal-akkordju, fosthom b’mod partikolari r-rikorrenti. Hija la kkontestat l-awtentiċita, la l-kredibbiltà u lanqas in-natura probatorja tal-imsemmija dokumenti, u ebda element fil-fajl ma jippermetti li jiġi preżunt li kien hemm bżonn li jiġi kkontestat il-valur probatorju tagħhom. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kontenut ta’ dawn il-provi fih innifsu, iżda sempliċement tikkontesta l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni minnhom sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju.

c)     Fuq il-prova tal-ksur

73      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano kkonkludew ftehim dwar iż-żieda tal-prezzijiet ta’ 20 % għall-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju. Huma stabbilixxew ukoll livell ta’ prezz ġenerali f’diversi reġjuni tad-dinja, inkluża l-Ewropa, u f’ċerti każijiet, qasmu s-swieq u skambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Għaldaqstant, għandhom jiġu evalwati l-provi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-konklużjonijiet tagħha.

74      L-ewwel nett, il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirreferu għal żieda ta’ 20 % tal-ispejjeż kollha bejn Ġunju 1999 u Ġunju 2000, li trendi neċessarja żieda tal-prezzijiet tal-fluworidu tal-aluminju fl-2001 ta’ 20 %. F’dan ir-rigward ġie sussegwentement ippreċiżat dan li ġej (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata):

“[P]eress li l-pezz tal-bejgħ tal-[fluworidu tal-aluminju] fl-2000 ġie ffissat fit-tmiem l-ewwel parti tal-1999 u li l-ispejjż tagħna f’nofs is-sena 2000 huwa 20 % ogħla milli fl-1999, hemm bżonn li l-prezzijiet tagħna tal-[fluworidu tal-aluminju] fl-2001 ikunu 20 % ogħla minn dawk tas-sena 2000. It-tliet partijiet [Fluorsid, ir-rikorrenti IQM] ftiehmu li din iż-żieda kienet raġonevoli mill-perspettiva tal-produttur. Madankollu, għandu jiġi mistoqsi jekk il-provvista/it-talba tas-suq jippermettux tali żieda” (paġna 1 tal-minuti tal-laqgħa ta’ Milano).

75      Għaldaqstant, mill-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirriżulta b’mod ċar li r-rappreżentanti li pparteċipaw f’din il-laqgħa, fosthom dak tar-rikorrenti, ftiehmu dwar żieda fil-prezzijiet tagħhom għall-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju fl-2001 ta’ 20 %.

76      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda s-suq Ewropew, il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirreferu għal ftehim bejn dawn ir-rappreżentanti għall-2001 dwar prezz ta’ USD 775 “fca”, jiġifieri USD 800 “fob”, għal kull tunnellata ta’ fluworidu tal-aluminju (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Għas-sena 2001, [ICF] tixtieq tgħolli l-prezz għal USD 800/t fca Mordijk [u] USD 775/t fob Gabes. [Il-]prezz tal-produttur Ewropew [huwa għaldaqstant ta’] 775/800 USD/t fca/fob [għal kull] produttur Ewropew” (paġna 6 tal-minuti ta’ Milano).

77      Minn dawn id-dokumenti kollha jirriżulta li dan il-prezz jikkostitwixxi prezz minimu ta’ bejgħ, li l-membri tal-akkordju ma kellhomx jagħmlu offerti fis-suq ikkonċernat inqas minnu.

78      Dawn il-konklużjonijiet huma kkonfermati min-noti ta’ O., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, meħuda waqt il-laqgħa ta’ Milano, li għaliha pparteċipa permezz tat-telefon, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet orali tiegħu magħmula fit-23 u l-31 ta’ Awwissu 2006 quddiem il-Kummissjoni (premessi 77, 89 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, minn dawn in-noti u d-dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-parteċipanti ta’ din il-laqgħa affermaw li kellhom bżonn ta’ żieda ta’ 20 % tal-prezzijiet u kkonkludew, wara li ħadu kont tal-kost, li l-prezzijiet għall-2001 kellhom jogħlew b’20 % u jiġu ffissati għal USD 800 għal kull tunnellata, jiġifieri 50 % tal-prezz LME.

79      Barra minn hekk, diversi dokumenti bid-data ta’ wara l-laqgħa ta’ Milano juru li l-parteċipanti ta’ din il-laqgħa osservaw it-termini ta’ dan il-ftehim, żammew xi kuntatti bilaterali f’dan ir-rigward u skambjaw data kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari sabiex jikkontrollaw lil xulxin rigward il-politiki rispettivi tagħhom dwar il-prezzijiet. Għaldaqstant, in-nota ta’ T., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, indirizzata lil O., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden wkoll, li tirrigwarda konverżazzjoni telefonika tal-25 ta’ Ottubru 2000 bejn T. u A., ta’ IQM, tindika li dawn tal-aħħar skambjaw informazzjoni dwar l-offerti tagħhom tal-prezz lil klijent fl-Awtralja. Dawn l-offerti tal-prezz kienu jikkorrispondu mal-prezz minimu ta’ USD 800 għal kull tunnellata miftiehem waqt il-laqgħa ta’ Milano. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li IQM offriet lil dan il-klijent livell ta’ prezz ta’ “USD 850 ‑ 875 ‑ 900”, filwaqt li d-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden irrilevat li offriet prezz ta’ madwar USD 800 għal kull tunnellata, iżda għadha ma kkonkludietx ftehim mal-klijent Awstraljan (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Barra minn hekk, min-nota ta’ C., ta’ Minmet, dwar il-konverżazzjoni telefonika tat-8 ta’ Novembru 2000 ma’ G., ta’ ICF, jirriżulta li din tal-aħħar kienet ilmentat dwar il-prezzijiet “baxxi” offerti minn Minmet fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti fl-Eġittu – fejn dawn kienu ta’ “725 USD fob/745 USD cfr” – u staqsiet kif Minmet kellha l-intenzjoni tgħolli l-prezz fil-Venezwela għal USD 875, fid-dawl tal-fatt li l-Venezwelani għandhom aċċess għas-sejħa għal offerti fl-Eġittu. Skont din l-istess nota, C. ta’ Minmet wieġeb li s-sitwazzjoni kienet diffiċilment kontrollabbli minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja u G. kkonferma li l-prezzijiet offerti lil Albras, klijent produttur ta’ aluminju fil-Brażil, kienu jeċċedu USD 800 għal kull tunnellata. Jirriżulta wkoll minn din in-nota li, wara l-laqgħa ta’ Milano, ir-rikorrenti kienet f’kuntatt ma’ parteċipant ieħor għal din il-laqgħa, Minmet, rigward il-ftehim li kien ġie konkluż, sabiex jiġu kkontrollati l-prezzijiet mitluba minn Minmet u li tinforma l-prezzijiet tagħha stess lil Albras (ara wkoll il-premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

81      Minbarra dank, skont il-minuti tad-9 ta’ Novembru 2000, stabbiliti minn C., ta’ Minmet, u mibgħuta lil Fluorsid, dwar laqgħa ma’ G. u T., tar-rikorrenti, din tal-aħħar indikat li kienet talbet bħala prezz lill-klijent Albras 845 USD “cfr” għal 3 000 tunnellati metriċi u option ta’ 1 000 tunnellati metriċi, u ta’ “USD 740 ‘fob + 65 freight’” u Derivados del Fluor talbet lil Albras prezz ta’ USD 803 għal kull tunnellata cfr. Minmet tirraporta f’dawn il-minuti li r-rikorrenti tallega li talbet USD 845 għal kull tunnellata “fob” lill-klijent Egyptalum u li ċaħdet it-talba tiegħu li tnaqqas il-prezz għal USD 750 għal kull tunnellata. Skont dwar il-minuti, ir-rikorrenti lmentat dwar il-prezz pjuttost baxx mitlub minn Minmet. Dawn il-minuti jrreferu wkoll għal skambju ta’ informazzjoni li jikkonċerna l-aġir kummerċjali ta’ IQM fl-Awstralja, fl-Amerika ta’ Fuq u fil-Brażil, kif ukoll rigward is-suq Venezwelan. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar suq, huwa indikat li r-rikorrenti kkonfermat li xtaqet tagħmel limitu fl-offerta tagħha ta’ 6 000 tunnellati metriċi, filwaqt li Minmet insistiet sabiex il-prezzijiet jaqbżu USD 800 għal kull tunnellata “cfr” (ara wkoll il-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Għaldaqstant, mid-dokumenti relattivi għall-kuntatti tal-25 ta’ Ottubru 2000, tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 jirriżulta li l-impriżi kkonċernati kkontrollaw lil xulxin fir-rigward il-livell tal-prezzijiet. Barra minn hekk, kif indikat b’mod korrett il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-prezzijiet kienu jikkorrispondu mar-riżultati tan-negozjati li saru matul il-laqgħa ta’ Milano. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dokumenti tal-25 ta’ Ottubru, tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 jirreferu għal kuntatti sussegwenti għal-laqgħa ta’ Milano bejn il-parteċipanti ta’ din il-laqgħa, b’mod partikolari, bejn Fluorsid, Minmet u r-rikorrenti, li kienu manifestament marbuta mal-ftehim dwar il-prezzijiet miftiehma waqt din il-laqgħa, peress li jirreferu għal elementi ewlenin ta’ dan il-ftehim.

83      Dan il-ftehim dwar il-prezzijiet kien jikkonċerna, minn naħa, is-swieq Ewropej. F’dan ir-rigward, il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jindikaw il-kwantitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ ta’ fluworidu tal-aluminju mwettaq fl-2000, b’mod partikolari għan-Norveġja, l-Isvezja, Spanja u l-Italja (paġna 2 tal-minuti ta’ Milano), kif ukoll previżjonijiet ta’ bejgħ għas-sena 2001 għar-Rumanija, l-Italja, in-Norveġja, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi (paġni 2 u 3 tal-minuti ta’ Milano). Minbarra dan, il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jevokaw skambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-bejgħ tal-parteċipanti tal-akkordju fl-Ewropa, b’mod partikolari fl-Italja, fir-Rumanija, fi Spanja, fl-Iskandinavja, fil-Ġermanja, fil-Benelux u fir-Renju Unit. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti indikat li xtaqet iżżid il-prezz fl-2001 għal USD 800 għal kull tunnellata “fca Mordijk” u għal USD 775 għal kull tunnellata “fob Gabes” bir-riżultat li l-prezz tal-produttur Ewropew kien ta’ USD 775/800 għal kull tunnellata “fca/fob” (paġna 6 tal-minuti ta’ Milano; ara wkoll il-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 76 iktar ’il fuq).

84      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni stabbilixxiet li dan il-ftehim kien japplika wkoll għal diversi reġjuni tad-dinja. Għaldaqstant, skont il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano, dwar l-Awstralja, l-“idea ta’ prezz” għall‑2001 kienet ta’ USD 800 għal kull tunnellata “fob Europe” jiġifieri “50 % LME fob” filwaqt li l-prezz Ewropew seta’ jkun ogħla mill-prezz għaċ-Ċina u kellu jkun ta’ USD 875 għal kull tunnellata. Għal dak li jikkonċerna l-Amerika ta’ Isfel, fil-minuti jidhru prezzijiet għas-sena 2000 u prezzijiet minimi għas-sena 2001. Għall-Venezwela, kien jidher għas-sena 2001 il-prezz ta’ USD 850 għal kull tunnellata metrika “C & F filo” u bħala prezz minimu assolut USD 890 għal kull tunnellata metrika. Għall-Brażil, il-produtturi kollha jaqblu fuq il-fatt li l-prezz għandu jkun iffissat għal madwar “50 % LME fob” u USD 875 għal kull tunnellata “cfr”. Fir-rigward tal-Amerika ta’ Fuq, il-prezz ta’ Alcoa għas-sena 2000 huwa ta’ USD 775 għal kull tunnellata metrika “ex Point Comfort” u għas-sena 2001 ta’ USD 800/825 għal kull tunnellata metrika “ex Point Comfort”. Fornituri li ma jipprovdux lil Alcoa għandhom jiksbu l-prezz ta’ USD 825 għal kull tunnellata, inkwantu prezz “tluq mill-maħżen”, u ta’ USD 825 għal kull tunnellata kkunsinnata. Il-parteċipanti fil-laqgħa ta’ Milano indikaw l-interess tagħhom li jiffornixxu ċerti reġjuni tad-dinja. Għall-Indja, il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jindikaw li hemm interess li jinbiegħu 3 000 tunnellati, iżda li l-prezz għandu jkun ta’ USD 900 għal kull tunnellata metrika kkunsinnata. Għat-Turkija, jidher il-prezz ta’ USD 800 għal kull tunnellata “fob” (paġni 6 u 7 tal-minuti tal-laqgħa ta’ Milano; ara wkoll il-premessi 86 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      Fid-dikjarazzjonijiet orali tiegħu magħmula quddiem il-Kummissjoni fit-23 u l-31 ta’ Awwissu 2006, O., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, iddikjara barra minn hekk li l-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano kienu ftiehmu fuq il-klijenti ta’ kull wieħed minnhom kif ukoll fuq il-livell ta’ prezz li kellu jinżamm fl-Ewropa u barra mill-Ewropa. L-għan tal-laqgħa ta’ Milano kien għalhekk li joħorġu bi spjegazzjoni komuni dwar il-mod li bih il-livelli l-ġodda ta’ prezzijiet kellhom jiġu introdotti. Il-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano qassmu l-kwantitajiet li kellhom joffru lid-diversi klijenti. Kien hemm ftehim impliċitu sabiex jiġu rrispettati l-klijenti rispettivi ta’ kull wieħed minnhom u l-kunsinni magħmula lil kull wieħed minnhom (ara l-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      Bl-istess mod, skont nota relatata mat-telefonata tal-25 ta’ Ottubru 2000, A., ta’ IQM, xtaq “jibqa’ f’kuntatt” ma’ T., tad-diviżjoni “Noralf” ta’ Boliden, u ddikjara li qabel, fir-rigward tal-Awstralja, sabiex id-diviżjoni “Noralf” ta’ Boliden tikkunsinna 3 000 tunnellati billi indika li ġew ikkunsinnati 7 000 tunnellati fl-1999 u xtaq iżomm dan il-livell. Minbarra dan, jirriżulta minn din in-nota li, f’din l-okkażjoni, T. fakkar il-prezz ta’ USD 800 li kien jikkorrispondi ma’ dak ikkunsidrat għall-Awstralja waqt il-laqgħa ta’ Milano. Għalhekk, din in-nota hija prova ta’ kuntatti bejn id-diviżjoni “Noralf” ta’ Boliden u IQM wara l-laqgħa ta’ Milano dwar il-prezz u l-kwantitajiet ikkunsinnati jew offerti ta’ fluworidu tal-aluminju fl-Awstralja, li l-kontenut tagħha huwa konformi ma’ dak li ġie miftiehem fil-laqgħa ta’ Milano (ara wkoll il-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

87      Fl-aħħar net, mill-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirriżulta wkoll li, sussegwentement, il-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano, jiġifieri Fluorsid, ICF u IQM, skambjaw informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-volumi ta’ bejgħ fl-2000, kif ukoll dwar il-previżjonijiet għall-2001 rigward id-diversi pajjiżi tad-dinja b’indikazzjonijiet ta’ kwantitajiet preċiżi, kif ukoll informazzjoni skont il-produtturi u l-klijenti. Għal dak li jirrigwarda s-“swieq individwali”, il-minuti jsemmu dan li ġej (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Eżaminajna kull wieħed mis-swieq sabiex nistabbilixxu livell ġenerali tal-prezz u, f’ċerti każijiet, anki tqassim tas-suq. Madankollu, aħna kollha [ftehmna] li, irrispettivament minn min jikseb il-bejgħ, għandu jinkiseb livell ta’ prezz ogħla. Konsegwentement, għandna niskoraġġixxu kwalunkwe roħs kbir fil-prezz” (paġna 5 tal-minuti tal-laqgħa ta’ Milano).

88      Minn dan isegwi li l-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, fost din informazzjoni dwar il-volumi ta’ produzzjoni, dwar il-kwantitajiet li biegħu jew li kienu qed jipprevedu li jbigħu, dwar il-klijenti tagħhom kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja, dwar id-determinazzjoni tal-prezz tagħhom kif ukoll dwar it-tqassim bejniethom tas-swieq, sabiex jiftiehmu dwar dawn il-parametri tal-kompetizzjoni.

89      Għaldaqstant, minn dawn il-provi kollha, li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-kontenut tagħhom fih innifsu, jirriżulta li l-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, konkluż matul il-laqgħa ta’ Milano, li għaliha pparteċipaw ir-rikorrenti.

90      Konsegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-għan antikompetittiv tal-laqgħa ta’ Milano u l-eżistenza ta’ ftehim li jikser l-Artikolu 81(1) KE, mingħajr ma hemm bżonn li jintwera li dan il-ftehim ipproduċa effetti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/42 P, Ġabra p. I‑4125, punt 123, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 181). F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex ikun evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Issa, bħalma ġie kkonstatat minn ġurisprudenza stabbilita, in-natura alernattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li għandu jiġi applikat fih. Madankollu ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim meta l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar jiġi stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55, u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I-9083, punt 135).

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx għalfejn jiġi eżaminat jekk il-kriterji ġurisprudenzjali li jirregolaw il-kunċett ta’ prattika miftiehma (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90 iktar ’il fuq, punti 111 sa 114, 131 u 132, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 187 u 190) humiex ukoll sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, peress li l-kriterju li jikkostitwixxi “ftehim”, meħtieġ sabiex tapplika l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81 KE huwa sodisfatt f’dan il-każ, din hija sempliċement klassifikazzjoni alternattiva tal-istess akkordju li ma għandhiex effett fuq il-bqija tal-analiżi.

92      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq it-tieni parti, ippreżentata sussidjarjament, ibbażata fuq il-fatt li l-fatti li bihom hija akkużata r-rikorrenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu

a)     Osservazzjonijiet preliminari

93      Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-ksur bħala wieħed uniku u kontinwu. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għamlet ebda rabta bejn il-kuntatti differenti li saru bejn il-parteċipanti fl-akkordju. Minbarra dan, il-Kummissjoni lanqas ma tidher li għandha provi tal-akkordju wara l-laqgħa ta’ Milano. Il-kuntatti bilaterali bejn id-diviżjoni “Noralf” ta’ Boliden u IQM, minn naħa, u Fluorsid u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-parteċipanti kollha fil-laqgħa ta’ Milano kellhom kuntatti bejniethom. Fl-aħħar nett, id-dokumenti relatati mal-kuntatti ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2000 ma jagħmlux riferiment għal-laqgħa ta’ Milano.

94      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud.

b)     Fuq il-ksur uniku u kontinwu

95      L-ewwel nett hemm lok li jitfakkar il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu.

96      Kien ġie deċiż li jkun artifiċjali jekk dan l-aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan waħdieni, jiġi maqsum b’mod li jitqies bħala diversi ċirkustanzi distinti ta’ ksur, filwaqt li bil-kontra ta’ dan, dan huwa ksur uniku li seħħ b’mod progressiv kemm permezz ta’ diversi ftehim kif ukoll permezz ta’ prattiki miftiehma (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 81, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il‑Kummissjoni, T‑211/08, Ġabra p. II-3729, punt 31).

97      F’ċirkustanzi bħal dawn, impriża li pparteċipat fi ksur permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 83, u Putters International vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 32).

98      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova li l-impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 87, u Putters International vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 33).

99      Fil-fatt, akkordji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala komponenti ta’ ftehim antikompetittiv uniku biss jekk jiġi stabbilit li dawn huma parti minn pjan globali li jsegwi għan komuni. Barra minn dan, huwa biss jekk meta tipparteċipa f’dawn l-akkordji, l-impriża kienet taf jew imissha kienet taf li, meta għamlet dan, hija kienet tagħmel parti mill-ftehim uniku, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordji kkonċernati tikkostitwixxi espressjoni tal-adeżjoni tagħha għall-ftehim (ara s-sentenza Putters International vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 34, u l-ġurisprudenza li hija ċċitata fiha).

100    Għalhekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 96 sa 99 jirriżulta li tliet kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonali tal-impriża f’dan il-pjan, u l-fatt li hija kienet taf bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra li jikkostitwixxi ksur (sentenza Putters International vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 35).

101    Għalhekk, il-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li kien jikkonsisti f’aġir kontinwu li jsegwi għan ekonomiku uniku intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jew inkella ċirkustanzi ta’ ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan (l-istess għan tal-elementi kollha) u l-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw f’għan komuni) (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il‑Kummissjoni,, T‑385/06, Ġabra p. II‑1223, punt 86; tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 89, u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 257). Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom ksur tal-Artikolu 81 KE (sentenzi Aalberts Industries et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u BPB vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 252).

102    Minbarra dan, kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jkun relatat mal-kwalifika legali ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti f’diversi ftehim, fi prattiki miftiehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 696 sa 698 ; HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 186; tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 159, u Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 91).

103    Meta d-diversi azzjonijiet jifformaw parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 258, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 178 ; sentenzi Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 90, u Aalberts Industries et vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 87). Il-manifestazzjonijiet differenti tal-aġir li jikkostitwixxi ksur għandhom jidhru minn kuntest globali li jispjega r-raġuni tal-eżistenza tagħhom. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-provi, il-valur probatorju tal-punti ta’ fatt differenti huwa miżjud jew ikkorroborat mill-punti ta’ fatt eżistenti oħra li, flimkien, jagħtu immaġni loġika u kompleta ta’ ksur uniku (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 271).

104    Huwa importanti wkoll li jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat bir-riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett fuq il‑kompetizzjoni jikkostitwixxi, inkwantu għan jew effett, element kosustantiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan ikollu bħala konsegwenza li aġir differenti, li jikkonċerna s-settur ekonomiku, ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE ikollu sistematikament jiġi kklassifikat bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, sabiex aġir differenti jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu, hemm lok li jiġi vverifikat jekk dan l-aġir differenti għandux rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull element ta’ dan l-aġir huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkontesta l-imsemmija rabta, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inklużi l-metodi użati) u, b’rabta ma’ dan, l-għan tat-tipi differenti ta’ aġir inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punti 179 sa 181; Anman & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 92, u Aalberts Industries et vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 88).

105    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-laqgħa ta’ Milano, il-konverżazzjoni telefonika bejn id-diviżjoni “Noralf” ta’ Boliden u IQM tal-25 ta’ Ottubru 2000 u l-kuntatti ta’ Novembru 2000 jifformaw ksur uniku u kontinwu mmexxi mir-rieda komuni tal-parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, li jaġixxu fis-suq tal-fluworidu tal-aluminju b’mod partikolari. Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipanti f’din il-laqgħa ftiehmu permezz ta’ ftehim “u/jew” permezz ta’ prattika miftiehma, li jallinjaw l-aġir tagħhom fis-suq u li jillimitaw għalhekk l-awtonomija rispettiva tagħhom f’termini ta’ strateġija kummerċjali. Dan l-aġir huwa parti minn kuntest ta’ pjan globali li jsegwi għan antikompetittiv uniku u komuni, jiġifieri li joħloq distorsjoni fl-evoluzzjoni normali tal-prezzijiet tal-fluworidu tal-aluminju (premessi 125 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    Hekk kif stabbilixxiet il-Kummissjoni, mill-provi li fuqhom ibbażat id-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, u kif ġew analizzati fil-punti 73 sa 89 iktar ’il fuq, li l-parteċipanti għal-laqgħa ta’ Milano, fosthom ir-rikorrenti, skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet iffatturati jew li kellhom jiġu ffatturati u qablu bejniethom fuq żidiet fil-prezzijiet. Huma wkoll skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva fuq il-previżjonijiet ta’ bejgħ u l-aġir tagħhom fir-reġjuni ġeografiċi differenti, u żammew lil xulxin informati bl-azzjonijiet, offerti u prezzijiet tagħhom fis-suq wara l-laqgħa ta’ Milano. L-aġir kollu tal-impriżi parteċipanti kellu l-istess għan wieħed, jiġifieri ż-żieda tal-prezz tal-fluworidu tal-aluminju u l-koordinazzjoni korrispondenti tal-aġir tal-parteċipanti fl-akkordju fis-suq. Mid-dokumenti li jipproduċu prova tal-kuntatti bejniethom wara l-laqgħa ta’ Milano jirriżulta li l-parteċipanti għal din il-laqgħa żammew kuntatt ma’ xulxin, komplew jiskambjaw informazzjoni kummerċjali fuq is-suġġett tal-laqgħa ta’ Milano, il-prezzijiet offerti lil diversi klijenti fir-reġjuni differenti tad-dinja, u żguraw li huma jikkorrispondu dwar dak li kien ġie miftiehem dwaru waqt il-laqgħa ta’ Milano. F’dan ir-rigward, il-fatt li d-dokumenti dwar il-kuntatti ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2000 ma jagħmlux riferiment għal-laqgħa ta’ Milano ma huwiex deċiżiv u riferiment espliċitu għal-laqgħa ta’ Milano ma huwiex neċessarju. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod ċar minn dawn id-dokumenti, il-prezzijiet indikati fihom jaqblu perfettament ma’ dawk miftiehma waqt il-laqgħa ta’ Milano. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-aġir fis-suq tal-membri tal-akkordju li jikkonċerna l-prezz tal-fluworidu tal-aluminju kif miftiehem inizjalment kien kompla.

107    Il-fatt li l-kuntatti differenti, kemm il-laqgħa ta’ Milano kif ukoll il-kuntatti sussegwenti, kienu seħħu fi spazju ta’ żmien relattivament qasir, ma jaffettwax il-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Tul ta’ żmien minimu jew numru minimu ta’ atti jew ta’ laqgħat ma humiex meħtieġa sabiex jiġi stabbilit ksur uniku u kontinwu, iżda t-tul u l-frekwenza flimkien jistgħu jsaħħu l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ksur. Huwa determinanti li l-elementi differenti jagħmlu parti minn pjan wieħed, ħaġa li l-Kummissjoni wriet fid-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa aġir li għandu l-istess għan, jiġifieri l-ftehim fuq il-prezz tal-fluworidu tal-aluminju u l-osservanza ta’ dan il-ftehim mill-parteċipanti fl-akkordju.

108    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet bl-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ ksur uniku u kontinwu.

109    Għalhekk hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

C –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003

1.     Osservazzjonijiet preliminari

110    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma osservatx l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-prinċipju fundamentali tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża billi adottat id-deċiżjoni kkontestata. Id-deċiżjoni kkontestata tissanzjona fatti u ċirkustanzi oħra barra dawk ikkunsidrati kontra r-rikorrenti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn iż-żewġ nuqqasijiet kienu ppreġudikaw id-dritt tar-rikorrenti li ssostni b’mod effettiv l-argumenti tagħha waqt il-proċedura amministrattiva. Kien hemm differenzi notevoli fir-rigward tal-atturi u t-tul tal-ksur. Il-portata ġeografika tal-akkordju kkundannat mid-deċiżjoni kkontestata hija b’mod sinjifikattiv iktar wiesgħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prattiki restrittivi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-ekonomija, l-istruttura u l-għan tal-ksur deskritt fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkorrispondux mad-deskrizzjoni tal-ksur fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fit-termini tagħha, ir-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur kumpless għal żmien twil, li kien ikkaratterizzat minn fażi preparatorja ta’ laqgħat bilaterali u fażi definittiva wara l-konklużjoni ta’ ftehim fil-Greċja fid-29 ta’ Lulju 1999 li matulha l-prezzijiet kienu ġew miftiehma għas-sena 2000. Il-laqgħa ta’ Milano tikkostitwixxi mal-laqgħa fil-Greċja l-quċċata tal-akkordju u kienet ippermettiet lill-impriżi kkonċernati li jiffissaw il-prezzijiet għas-sena 2001. Il-Kummissjoni ma kienet sabet il-prova ta’ ebda laqgħa oħra tal-akkordju matul snin wara l-laqgħa ta’ Milano. Il-kuntatti ulterjuri kienu limitati għal skambju ta’ informazzjoni bilaterali. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata li ma tirreferix għall-fażi preparatorja u għal-laqgħa fil-Greċja, tiddeskrivi l-laqgħa ta’ Milano bħala li timmarka l-bidu ta’ ksur ieħor, wara sensiela ta’ avvenimenti preċedenti, u tikkonstata li l-kuntatti sussegwenti għal-laqgħa ta’ Milano kienu ppermettew lill-parteċipanti li jiżguraw l-implementazzjoni tal-allegat ftehim tagħhom. Minbarra dan, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fid-deċiżjoni kkontestata fuq dokumenti li ma kinux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ir-rikorrenti tikkonkludi li d-differenzi bejn il-ksur imsemmi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dak issanzjonat mid-deċiżjoni kkontestata huma tali li huwa biss mal-qari ta’ din tal-aħħar li r-rikorrenti setgħet issir taf bil-veri lmenti tal-Kummissjoni. Matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma kellhiex l-okkażjoni li tesprimi ruħha dwar ir-rwol primordjali tal-laqgħa ta’ Milano, lanqas fuq il-kuntatti ulterjuri li jippresupponu l-implementazzjoni. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija wkoll motiv ta’ konfużjoni għar-rikorrenti rigward id-daqs ġeografiku tal-akkordju. Ir-rikorrenti ma setgħetx tesprimi ruħha dwar l-elementi ġodda li l-Kummissjoni ressqet sabiex tistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta’ ksur wieħed u kontinwu għal ksur differenti, fejn ibbażat fuq kuntatti li fuqhom hija ma kellhiex l-okkażjoni li tesprimi ruħha. Għalhekk il-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Il-preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża huwa iktar gravi jekk, fuq provi, il-partijiet kienu fil-pożizzjoni li jsostnu l-argumenti tagħhom, l-eżitu tal-proċedura setgħet tkun differenti.

111    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar il-prinċipji li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-kuntest tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi sunt tal-ilmenti biżżejjed ċar li permezz tiegħu il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bl-aġir li ġew akkużati bih mill-Kummissjoni. Issa, id-deċiżjoni finali ma għandhiex tkun neċessarjament kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress illi l-Kummissjoni għandha tkun fil-pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tat-tweġibiet tal-impriżi kkonċernati.

112    Fir-rigward tat-tul u n-numru ta’ atturi tal-ksur, il-Kummissjoni tallega li hija għandha tkun tista’ tbiddel l-evalwazzjoni tagħha dwar it-tul u l-parteċipanti fil-ksur, b’mod partikolari meta hija tnaqqas il-portata tal-ilmenti meqjusa. Il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat il-perijodu bejn it-12 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2000 fid-deċiżjoni kkontestata minflok il-perijodu mit-30 ta’ Ġunju 1997 sal-31 ta’ Diċembru 2001. Ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti mill-fatt ta’ dawn id-differenzi. Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-akkordju, il-Kummissjoni tfakkar id-dimensjoni dinjija tal-akkordju, li kien diġà ġie stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li jirriżulta ċar mill-minuti tal-laqgħa ta’ Milano. Ir-rikorrenti kienet taf bid-dimensjoni dinjija tal-akkordju u kellha l-possibbiltà li tesprimi ruħha dwaru matul il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-loġika u l-istruttura tal-akkordju. F’dak li jikkonċerna n-natura tal-ksur, il-Kummissjoni tosserva li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata jistipulaw it-tnejn li huma li l-attivitajiet antikompetittivi deskritti jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ ftehim “u/jew” ta’ prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE u li dan l-aġir jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu. Sussegwentement, il-fatti kkunsidrati insostenn tal-ksur kienu diġà magħrufa mir-rikorrenti li kellha l-okkażjoni li tagħti l-verżjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għall-fażi preparatorja u dwar il-laqgħa tal-Greċja u l-laqgħa ta’ Milano dan ma kienx il-bidu ta’ ksur ikkonċepit “ab nihilo”. Madankollu, il-provi għall-perijodu qabel il-laqgħa ta’ Milano ma kinux suffiċjenti. Minbarra dan, ir-rikorrenti kellha l-okkażjoni li tesprimi ruħha dwar ir-rwol primordjali tal-laqgħa ta’ Milano kif ukoll fuq il-kuntatti bilaterali li seħħew wara l-laqgħa ta’ Milano.

113    Fir-rigward ta’ dokumenti dwar kuntatti fit-8 u 9 ta’ Novembru 2000 bejn Minmet u r-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li dawn is-dokumenti li kienu jinsabu fil-fajl trażmess lir-rikorrenti flimkien mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li ntużaw mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, bħala tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti jiċħdu l-eżistenza ta’ ftehim. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, wara l-laqgħa ta’ Milano, il-kumpanniji implikati fil-ftehim kienu komplew jiskambjaw informazzjoni fuq is-suq permezz ta’ kuntatti bilaterali. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-provi dwar il-laqgħa ta’ Milano juru b’mod suffiċjenti fid-dritt il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontesta u li r-rikorrenti ma wrietx li hija kienet tbiegħdet mill-ftehim konkluż waqt din il-laqgħa.

114    Għalhekk l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)     Ġeneralitajiet

115    Hemm lok li jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 26, u l-ġurisprudenza li hija ċċitata fiha).

116    Kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf il-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10; tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 21, u tad‑9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju inkwantu jipprovdi li l-partijiet għandhom jirċievu dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha tiddikjara b’mod ċar l-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 67), sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni kif ukoll il-provi li hija għandha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 315 u 316, u s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 66 u 67) u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 85 u 86). Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta l-imsemmija deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Madankollu, l-indikazzjoni tal-elementi essenzjali li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 14), peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70). Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet magħmula fid-dawl tar-risposta tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li dawn setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija fformulat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il‑Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 448, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, punt 438). Konsegwentement, sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’ fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tal-partijiet, jew tirrinunzja għal ċerti oġġezzjonijiet jew anki għall-oġġezzjonijiet kollha li tkun oriġinarjament ifformulat fir-rigward tagħhom u tbiddel, għaldaqstant, il-pożizzjoni tagħha favurihom, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, tiddeċiedi li żżid oġġezzjonijiet ġodda, sakemm tagħti lill-impriżi kkonċernati l-possibbiltà li jsostnu l-perspettiva tagħhom rigward dan is-suġġett (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Barra minn hekk, kif ġie rikonoxxut mill-ġurisprudenza, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ meta hija turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kellha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ irregolarità proċedurali, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet tuża dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 28; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147, punt 94).

120    Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, li tikkonċerna l-każ fejn ikun ġie rrifjutat l-aċċess għal dokument, li huwa suffiċjenti li l-impriża turi li setgħet tuża dan id-dokument għad-difiża tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, Ġabra p. I-10329, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott taħt din is-sentenza, Ġabra p. I-10329, punt 171, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 74 u 75; Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, punt 23, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punti 318 u 324). Din l-impriża ma hijiex obbligata tistabbilixxi li din l-irregolarità influwenzat, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda unikament li din setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott taħt is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ‘il fuq, punti 179 u 181, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni. C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 81; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 128; tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 318, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 74). L-impriża kkonċernata, fil-każ li d-dokumenti ma jiġux żvelati, ma tkunx ipproduċiet il-prova li l-proċedura amministrattiva kienet twassal għal riżultat differenti fil-każ li d-dokumenti ġew żvelati (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott taħt is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 181, u s-sentenza Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, punt 28). Ikun ukoll biżżejjed li jiġi mitlub li l-impriża kkonċernata turi possibbiltà, anki żgħira, li d-dokumenti li ma ġewx żvelati waqt il-proċedura amministrattiva setgħu kienu utli għad-difiża tagħha (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott taħt is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 181, u s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 131).

b)     Kunsiderazzjonijiet tal-każ ineżami

 Introduzzjoni

121    F’dan il-każ, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kkunsidrat fatti u ċirkustanzi inkriminanti fid-deċiżjoni kkontestata barra dawk ikkunsidrati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dan huwa relatat mal-atturi u mat-tul kif ukoll mal-portata ġeografika u d-deskrizzjoni tal-ksur. Minbarra dan, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dokumenti li ma kinux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ir-rikorrenti tallega li ma setgħetx tesprimi ruħha fuq dawn il-punti.

 Rigward l-ilment li jikkonċerna l-parteċipanti u t-tul tal-akkordju

122    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti tad-differenza fir-rigward tal-atturi tal-ksur, hemm lok li jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset in-numru ta’ parteċipanti fil-ksur meta pparagunati ma’ dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Kif imfakkar fil-punti 117 u 118 iktar ’il fuq, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni tista’ tadatta, jew emenda l-evalwazzjoni tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, il-fatt li impriża terza, barra r-rikorrenti, kienet destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda mhux tad-deċiżjoni kkontestata, ma jippreġudikax id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Għalhekk il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi naqset in-numru ta’ destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata barra minn hekk li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument insostenn ta’ dan l-argument.

123    Fir-rigward tat-tul tal-ksur, għandu jiġi osservat li dak ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, għall-perijodu mit-12 ta’ Lulju sa 31 ta’ Diċembru 2000, huwa iqsar minn dak stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għall-perijodu mit-30 ta’ Ġunju 1997 sal-31 ta’ Diċembru 2001. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li ċerti elementi kienu jindikaw li kienu diġà jeżistu ċerti prattiki kollużorji fl-industrija tal-fluworidu tal-aluminju qabel il-ftehim ta’ Milano tat-12 ta’ Lulju 2000, iżda ma kinitx teżisti prova deċiżiva għal dan il-perijodu preċedenti (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni naqset it-tul tal-ksur skont il-valur probatorju mogħti għall-provi, billi indikat li hija kellha provi manifesti ta’ kollużjoni mit-12 ta’ Lulju 2000, bil-laqgħa ta’ Milano u l-provi tagħha u tal-kontenut tagħha (premessi 73 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tqis il-laqgħa ta’ Milano bħala prova ta’ bidu tal-ksur, u mhux diġà l-laqgħa tal-Greċja tad-29 ta’ Lulju 2009, kif ikkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jikkostitwixxi restrizzjoni tat-tul tal-ksur allegat mill-Kummissjoni. Din ir-restrizzjoni ma tikkostitwixxix ilment supplimentari u bl-ebda mod ma tippreġudika l-interessi tar-rikorrenti. Bil-kontra, it-tnaqqis tat-tul tal-ksur ikkunsidrat fid-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet meta pparagunat ma’ dak ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata huwa favorevoli għar-rikorrenti u għalhekk ma jistax, bħala prinċipju, jippreġudika l-interessi tagħha (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 435). Dan iwassal għal abbandun parzjali u ammissibbli ta’ lment mill-Kummissjoni favur ir-rikorrenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 115).

124    Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha l-okkażjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, inkluż fuq l-indikazzjonijiet dwar tul tal-ksur itwal għall-inklużjoni tal-perijodu iqsar finalment ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti sostniet biss li “t-tul kellu jiġi limitat għad-data tal-iskambji ta’ informazzjoni effettivi, jiġifieri t-12 ta’ Lulju 2000” (premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, b’riferiment għall-premessa 245 ta’ din id-deċiżjoni).

125    Għalhekk lanqas ma hemm ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fir-rigward tat-tul tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata.

 Rigward l-ilment li jikkonċerna l-portata ġeografika tal-akkordju

126    Fir-rigward tal-ilment li jikkonċerna l-portata ġeografika tal-akkordju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rispettivament ikkunsidrat portata dinjija tal-akkordju, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-dimensjoni ġeografika tal-ksur hija kklassifikata bħala dinjija kemm fil-paragrafu 163 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata.

127    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma hemmx differenza li tikkonċerna l-portata ġeografika bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tesprimi ruħha rigward il-portata ġeografika dinjija tal-akkordju li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma kinux ippreġudikati.

 Fuq l-ilment li jikkonċerna l-loġika u l-istruttura tal-akkordju u d-dokumenti relatati mal-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000


 i) Introduzzjoni

128    Ir-rikorrenti tallega li l-ksur deskritt fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkorrispondix ma’ dak deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari rigward l-“ekonomija”, l-“istruttura” u l-“għan” tiegħu.

129    Issa, l-essenzjali tal-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-konstatazzjoni tal-ksur jikkorrispondu ma’ dawk imqajma fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minn dan jirriżulta li dawn il-fatti kienu magħrufa mir-rikorrenti u li hija kellha l-okkażjoni li tesprimi ruħha dwar dan is-suġġett waqt il-proċedura amministrattiva (ara paragrafi 62 sa 71 tat-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Għalhekk, il-laqgħa ta’ Milano u r-rwol importanti tagħha kienu diġà msemmija biżżejjed fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara paragrafi 103 sa 116, 151, 163 sa 165, 200 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Fil-punt 16 tar-rikors, ir-rikorrenti stess tiċċita d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bħala li tistabbilixxi li l-laqgħa ta’ Milano, flimkien mal-laqgħa tal-Greċja, tikkostitwixxi l-“quċċata tal-akkordju”.

130    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet ibbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq dokumenti li ma kinux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari d-dokumenti relatati mal-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000. Waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma kellhiex l-okkażjoni li tesprimi ruħha fuq il-kuntatti wara l-laqgħa ta’ Milano.

 ii) Fuq il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

131    Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li kienu saru kuntatti mill-1997 (paragrafi 76 et seq) u ssemmi laqgħa fil-Greċja fid-29 ta’ Lulju 1999 (paragrafi 85 et seq) kif ukoll “kuntatti sussegwenti” (paragrafi 92 et seq) u l-laqgħa ta’ Milano (paragrafi 103 et seq). Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fid-deskrizzjoni tal-fatti dwar il-funzjonament tal-akkordju, issemmi kuntatti bejn il-membri tal-akkordju, fosthom kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano. Il-Kummissjoni kkunsidrat li “[wara] l-laqgħa ta’ Milano, il-kumpanniji involuti fil-ftehim li kien intlaħaq, komplew jiskambjaw informazzjoni dwar is-suq tal-fluworidu tal-aluminju permezz ta’ kuntatti bilaterali” (punt 117) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward hija ssemmi espliċitament il-kuntatti tal-25 ta’ Ottubru 2000, kuntatti matul is-sena 2001, konferenza fil-perijodu bejn is-17 sal-21 ta’ Frar 2002, konferenza oħra f’San Diego, California (l-Istati Uniti) fis-6 ta’ Marzu 2003 kif ukoll kuntatti f’Jannar 2004 u fil-21 ta’ Jannar 2005 (paragrafi 118 sa 123). Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-akkordju kien ġie implementat, fatt li hija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur (punt 227).

132    Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien beda fit-30 ta’ Ġunju 1997, id-data tal-laqgħa f’Sousse (it-Tuneżija), kien ġie intensifikat mil-laqgħa tal-Greċja fid-29 ta’ Lulju 1999, “meta l-ftehim definittiv dwar iż-żieda fil-prezzijiet għall-bejgħ fl-2000 ġie konkluż u daħal fis-seħħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li ftehim simili kien ġie konkluż fit-12 ta’ Lulju 2000 f’Milano għall-prezzijiet ta’ bejgħ għas-sena 2001. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li fil-każ ta’ Fluorsid, tar-rikorrenti u ta’ IQM, il-ksur kien kompla “mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 2001”, filwaqt li t-tmiem il-perijodu tal-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim kien jikkorrispondi mat-tmiem il-perijodu li fih il-bejgħ ikkonċernat mill-ftehim kien sar (punt 216).

 iii) Fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

133    Fil-premessi 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal “kuntatti bilaterali matul il-ħarifa 2000”, b’mod partikolari dawk tal-25 ta’ Ottubru u tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000. Dawn il-kuntatti juru azzjoni meħuda wara l-ftehim milħuq matul il-laqgħa ta’ Milano bl-għan tal-applikazzjoni tiegħu. Fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi mill-ġdid għad-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 dwar l-implementazzjoni tal-ksur fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa. Hemmhekk, hija tindika wkoll li ħadet inkunsiderazzjoni l-grad ta’ implementazzjoni tal-ksur sabiex tiddetermina l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni u tirreferi, b’mod partikolari, għall-premessi 154 sa 156 tad-deċiżjoni kkontestata.

134    Għal dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-ftehim dam mill-inqas matul il-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Lulju sal‑31 ta’ Diċembru 2000 (premessi 241 u 147 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-kuntratti ta’ provvista huma nnegozjati minn qabel waqt perijodu li jibda matul it-tieni nofs ta’ kull sena kalendarja u li jispiċċa fit-tmien din l-istess sena kalendarja jew matul l-ewwel ħames xhur tas-sena kalendarja ta’ wara” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, skont il-prattika tas-settur tal-fluworidu tal-aluminju, il-prezzijiet kienu jiġu ddeterminati minn qabel għas-sena kummerċjali ta’ wara.

135    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li d-dokumenti relattivi għall-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano, fosthom dawk tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, ma jissemmewx fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda t-tul tal-ksur.

 iv) Kunsiderazzjonijiet

–       Fuq l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva

136    Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tirreferi għal dokumenti fir-rigward tal-kuntatti sussegwenti għal-laqgħa ta’ Milano, kif imsemmija fil-punt 131 iktar ’li fuq. Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ssemmix espliċitament id-dokumenti relatati mal-kuntatti bilaterali tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, li min-naħa l-oħra huma msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

137    Madankollu, dawn id-dokumenti relatati mal-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 kienu jinsabu fil-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, li kkomunikathom lill-partijiet tal-proċedura amministrattiva, fosthom ir-rikorrenti, waqt it-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u ta’ aċċess għall-fajl. Ir-rikorrenti għalhekk kellha aċċess għal dawn id-dokumenti kollha. Għalhekk, is-sitwazzjoni fil-każ ineżami hija b’mod sinjifikattiv differenti fil-każijiet ta’ rifjut ta’ aċċess għall-fajl jew għal ċerti dokumenti, li fihom il-ġurisprudenza rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li, minn naħa, ir-rikorrenti bbenefikat minn aċċess sħiħ għall-fajl, inklużi d-dokumenti relatati mal-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, u li, min-naħa l-oħra, il-kuntatti sussegwenti għal-laqgħa ta’ Milano kienu espliċitament imsemmija, ċertament b’mod ġenerali, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

–       Fuq l-importanza tad-dokumenti inkwistjoni għall-evalwazzjoni tal-implementazzjoni tal-ksur

138    Kemm il-kuntatti bilaterali tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2001, li ma humiex imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll dawk li huma espliċitament imsemmija fiha, jistabbilixxu li r-rikorrenti kienet involuta fl-akkordju u fl-implementazzjoni tiegħu wara l-laqgħa ta’ Milano. Madankollu, f’dan ir-rigward, kien suffiċjenti li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha dwar ksur uniku u kontinwu u dwar l-implementazzjoni tiegħu fuq diversi elementi, fosthom il-laqgħa ta’ Milano u kuntatti bilaterali u multilaterali li saru wara din il-laqgħa, b’mod partikolari kuntatt li sar fil-25 ta’ Ottubru 2000, u għaldaqstant, fil-ħarifa 2000. Fil-fatt, l-uniċi provi esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu diġà biżżejjed sabiex iwissu lir-rikorrenti bil-fatt li l-Kummissjoni setgħet tużahom fir-rigward tagħha bħala mezzi ta’ prova inkriminanti. Fid-dawl tad-dokumenti relattivi għall-kuntatti li saru war l-laqgħa ta’ Milano, imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 ma kinux għaldaqstant provi indispensabbli sabiex jiġi pprovat il-ksur kontinwu u l-implementazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 128, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-kuntatt li sar fil‑25 ta’ Ottubru 2000, li kien diġà ssemma fil-premessa 118 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, fihom infishom, id-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad- 9 ta’ Novembru 2000 ma kinux deċiżivi għar-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li ksur kontinwu kif ukoll l-implementazzjoni tiegħu li jmorru lil hinn mid-data tal-31 ta’ Diċembru 2000 kienu diġà ġew ikkonstatati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fuq il-bażi ta’ provi oħrajn.

139    F’dan rigward, hemm lok li jitfakkar li, kif ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, id-drittijiet tad-difiża jiġu miksura biss meta teżisti possibbiltà li, fl-assenza tal-irregolarità proċedurali mwettqa, jiġifieri, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ riferiment għad-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti.

140    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan ma kienx il-każ hawnhekk.

141    Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 137 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 mingħajr ma ddeduċiet l-iċken prova li tiskaġunaha, sew fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u sew fil-mori tal-kawża. Barra minn hekk, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti anki rrinunzjat li tieħu pożizzjoni fuq il-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano li kienu espliċitament imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (paragrafi 117 sa 123 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Bl-istess mod, fil-mori tal-kawża, ir-rikorrenti la spjegat u lanqas ma ssostanzjat kif il-fatt li l-imsemmija dokumenti ma ssemmewx espliċitament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, seta’ jippreġudika l-effettività tad-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva u kif hija setgħet tiddefendi ruħha b’mod iktar effettiv kieku kienet ġiet informata espliċitament, f’din l-okkażjoni, bil-fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tuża d-dokumenti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 bħala provi inkriminanti fid-deċiżjoni kkontestata biex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u fl-implementazzjoni tiegħu. Bil-kontra, fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll tal-fatt li r-rikorrenti kienet kompletament konxja minnhom, hemm lok li jiġi ddedott li r-rikorrenti ma pprovatx li minnhom hija setgħet toħroġ elementi li jiskaġunawaha rigward l-eżistenza ta’ ftehim u tal-implementazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni – fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa – effetti ta’ dan il-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-fatt li ma kinitx informata, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża d-dokumenti inkwistjoni bħala provi inkriminanti kien tali li jaffettwa l-effettività tad-difiża tagħha u, konsegwentement, ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata mis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 80).

–       Fuq l-importanza tad-dokumenti inkwistjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur

142    Kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, it-tul tal-ksur ma kienx ibbażat fuq il-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 wara l-laqgħa ta’ Milano. Fir-rigward tat-tul tal-ksur wara l-laqgħa ta’ Milano, id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet stabbilixxiet li l-ksur dam fis-seħħ anki iktar mil-laqgħa ta’ Milano, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2001, għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienet perfettament f’pożizzjoni li tirrikonoxxi r-rilevanza tal-provi li jirrigwardaw il-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano bejn l-impriżi kkonċernati, bħal dawk inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata, għad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur, li l-Kummissjoni essenzjalment iddeduċiet mill-prattika tas-settur tal-fluworidu tal-aluminju li l-prezzijiet jiġu ddeterminati minn qabel għas-sena kummerċjali ta’ wara. Fid-dawl ta’ din il-prattika, il-Kummissjoni kienet intitolata, diġà abbażi tal-provi msemmija espliċitament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tikkunsidra t-tieni nofs tas-sena kollu sal-31 ta’ Diċembru 2001 bħala inkluż fit-tul tal-ksur. F’dan ir-rigward, ir-riferiment addizzjonali, fid-deċiżjoni kkontestata, għad-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 huwa irrilevanti.

143    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li t-tul ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa t-tul minimu ta’ ksur, peress li perijodi ta’ inqas minn sitt xhur jingħaddew bħala nofs sena u l-fattur tal-multiplikazzjoni li għandu jiġi applikat lill-ammont bażiku tal-multa huwa biss ta’ 0.5 fiż-żewġ każijiet. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li t-tul tal-ksur ġie limitat għas-sempliċi laqgħa ta’ Milano, mingħajr ma jitqiesu l-effetti tal-ftehim milħuq fiha u tal-kuntatti li saru wara din il-laqgħa, il-fattur tat-tul għad-determinazzjoni tal-multa kien ikun l-istess.

 v) Konklużjoni

144    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma kinux ġew miksura. Għalhekk l-ewwel motiv għandu jiġi skartat.

D –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida tal-2006 li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

1.     Osservazzjonijiet preliminari

145    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi indikat li dan huwa hawnhekk każ ta’ applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006

146    Dan il-motiv essenzjalment jinqasam fi tliet partijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, it-tieni nett, applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida tal-2006 dwar id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ u, it-tielet nett, determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa u tal-ammont addizzjonali.

147    L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkru l-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.

148    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandu jiġi impost f’dak li jikkonċerna ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

149    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-gravità tal-ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241; Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 54, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 91).

150    Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li huma kienu għamlu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip kien jirrappreżenta għall-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I-13085, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Ġie deċiż ukoll li xi elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru ta’ drabi u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni sostnuta mill-ordni pubbliku ekonomiku kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u l-parti tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva (ara s-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Dan in-numru kbir ta’ elementi jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq eżami fid-dettall taċ-ċirkustanzi tal-ksur (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 58).

153    Sabiex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha li jiffissaw il-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni adottat linji gwida għall-kalkolu tal-multi (punt 3 tal-linji gwida tal-2006). F’dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni tindika fuq liema bażi hija ser tieħu inkunsiderazzjoni tali jew tali ċirkustanza tal-ksur u l-konsegwenzi fuq l-ammont tal-multa li jistgħu jirriżultaw minn dan (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 59).

154    Il-linji gwida li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn isemmu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-amministrazzjoni ma setgħetx titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li sempliċement kienu jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur użat mill-Kummissjoni u l-kriterji li hija kienet obbligat ruħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa (ara s-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Fil-fatt, il-linji gwida huma strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ livell superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-linji gwida ma jikkostitwixxux għalhekk il-bażi legali ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punti 209 sa 213, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 219 u 223).

156    Għaldaqstant, għalkemm il-linji gwida ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita mill-amministrazzjoni, li minnha hija ma tistax titbiegħed, fil-każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet, b’riskju li tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punti 209 u 210, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91).

157    Skont il-punt 5 tal-linji gwida tal-2006, kif applikabbli għal dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tirreferi, bħala bażi għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, għall-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi b’relazzjoni mal-ksur. It-tul tal-ksur għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni bħala element importanti. It-teħid flimkien tal-valur tal-bejgħ b’relazzjoni mal-ksur u tat-tul tiegħu jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Skont il-punt 6 tal-linji gwida tal-2006, ir-riferiment għal dawn l-elementi jagħti indikazzjoni tajba tal-ordni tal-kobor tal-ammont tal-multa, iżda ma għandux jinftiehem bħala l-bażi ta’ “metodu ta’ kalkolu awtomatiku u aritmetikuˮ. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

158    Skont il-punti 10 u 11 tal-linji gwida tal-2006, għall-iffissar tal-multa l-Kummissjoni għandha tiddetermina ammont bażiku għal kull impriża, li hija tista’ taġġusta.

159    Skont il-punti 12 u 13 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa huwa ffissat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi, imwettaq mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE, normalment matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Skont il-punt 15 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni għandha tuża l-“aħjar data disponibbliˮ. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

160    Il-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi dan li ġej:

“Meta l-portata ġeografika ta’ ksur taqbeż it-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (pereżempju fil-każ ta’ akkordji dinjija), il-bejgħ ikkonċernat tal-impriża ġewwa ż-ŻEE jista’ ma jirriflettix b’mod xieraq il-piż ta’ kull impriża fil-ksur. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ ta’ ftehim dinjija ta’ tqassim tas-suq.

F’tali ċirkostanzi, bil-għan li jiġu riflessi fl-istess ħin id-dimensjoni aggregata tal-bejgħ ikkonċernat fiż-ŻEE kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur, il-Kummissjoni tista’ tistima l-valur totali tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi b’relazzjoni mal-ksur fis-settur ġeografiku (iktar vast miż-ŻEE) ikkonċernat, tiddetermina s-sehem mill-bejgħ ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur f’dan is-suq u tapplika dan is-sehem għall-bejgħ aggregat ta’ dawn l-istess impriżi ġewwa ż-ŻEE. Ir-riżultat jintuża bħala valur tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

161    Skont il-punt 19 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat fuq il-bażi tal-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru tas-snin li dam il-ksur. Skont il-punt 20 tal-linji gwida tal-2006, l-evalwazzjoni tal-gravità ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl ta’ kull ċirkustanza rilevanti tal-każ. Skont il-punt 21 tal-linji gwida tal-2006, bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huwa ffissat fil-livell li jista’ jammonta għal 30 %.

2.     Fuq l-ewwel parti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

162    Hemm lok li jiġi osservat li, fit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tirreferi wkoll għal ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, mingħajr ma hija tiżviluppa jew issostni dan l-aspett fil-kuntest tal-argumentazzjoni mqajma insostenn ta’ dan il-motiv.

163    Issa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima kif ukoll sunt tal-motivi invokati. Indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din il-preżentazzjoni għandha tkun biżżejjed ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali hija obbligata tiċħad bħala inammissibbli kap ta’ talbiet tar-rikors li jiġi ppreżentat lilha, ladarba l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat dan il-kap tat-talbiet ma jirriżultawx, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tal-istess rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, punt 37; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, C‑150/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, Ġabra p. I‑13335, punt 28).

164    B’mod partikolari, jekk il-preżentazzjoni tal-motivi tar-rikors permezz tas-sustanza tagħhom, pjuttost milli l-kwalifika legali tagħhom, tista’ tkun biżżejjed, dan huwa bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-motivi joħorġu mir-rikors f’termini ċari biżżejjed. Minbarra dan, l-espressjoni astratta biss tal-motivi ma tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra iktar ’il fuq, peress illi r-rikors għandu jispjega minn xiex jikkonsistu l-motivi invokati. Ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti minimi rikors li ma fih ebda sunt, anki qasir, tal-motivi jew punti ta’ liġi invokati, ta’ natura li l-konvenut ikun jista’ jevalwa fuq liema motivi r-rikorrent jibbaża r-rikors tiegħu jew jifhem kif it-talbiet tiegħu jistgħu jiġu sostnuti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 1997, Tremblay et vs Il‑Kummissjoni, T‑224/95, Ġabra p. II‑2215, punt 79, u tas-26 ta’ Marzu 2010, Proges vs Il‑Kummissjoni, T‑577/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 19 sa 21).

165    Bħala konsegwenza, peress illi r-rikorrenti llimitat ruħha sabiex tistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, mingħajr madankollu ma spjegat ħlief b’mod suċċint din il-parti, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

3.     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida tal-2006 li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

a)     Osservazzjonijiet preliminari

166    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tallega li l-valur tal-bejgħ tagħha kien ġie kkalkolat skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu 18 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, iżda li l-Kummissjoni wettqet żewġ żbalji fl-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi fil-premessa 25 dħul mill-bejgħ dinji ta’ EUR 34 339 694 għas-sena 2000, li kien ġie kkomunikat mir-rikorrenti fit-tweġiba tagħha tat-30 ta’ Ottubru 2006. Ir-rikorrenti tikkunsidra li dan l-ammont ma jikkorrispondix mal-aħjar ammont disponibbli waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-25 ta’ April 2008, ir-rikorrenti kienet ipprovdiet data vverifikata fuq it-talba speċifika tal-Kummissjoni, li kienet tipprovdi li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti għas-sena 2000 kien ta’ EUR 32 368 295, li kellha tintuża mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 15 tal-linji gwida tal-2006. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma kinitx applikat korrettament il-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006. Il-Kummissjoni kienet għamlet l-istima tal-perċentwali tal-bejgħ ta’ kull impriża fis-settur ġeografiku iktar wiesgħa miż-ŻEE meta pparagunat mal-bejgħ tal-parteċipanti fl-akkordju. Din l-istima kellha ssir fir-rigward tal-bejgħ tal-impriżi l-oħra kollha attivi fis-suq tal-fluworidu tal-aluminju. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li, jekk il-Kummissjoni kienet użat l-ammonti vverifikati, li huma inqas mill-ammonti kkunsidrati, u kienet għamlet applikazzjoni korretta tal-paragrafu 18, hija kienet tasal għal perċentwali inqas minn 28.5 % meħud mid-deċiżjoni kkontestata.

167    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u titlob li din il-parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

168    Hemm lok li jiġi osservat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta l-ammont bażiku stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, billi tikkontesta l-valur tal-bejgħ stabbilit mill-Kummissjoni kif ukoll il-gravità tal-ksur. Madankollu, ir-rikorrenti ma tqajjimx dubju dwar it-tul tal-ksur, lanqas dwar l-aġġustamenti tal-ammont bażiku.

169    Din il-parti tinqasam f’żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, użu ta’ ammonti ta’ bejgħ żbaljati għall-kalkolu tal-ammonti tal-multi u, min-naħa l-oħra, applikazzjoni żbaljata tal-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006 minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ impriżi oħra li ma pparteċipawx fl-akkordju.

b)     Fuq id-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni

170    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet użat ammonti ta’ bejgħ mhux preċiżi għall-kalkolu tal-multi.

171    Fir-rigward tal-ammont bażiku, il-linji gwida tal-2006 jistabbilixxu li dan ser jiġi ffissat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ ta’ beni jew ta’ servizzi, imwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE, normalment matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (paragrafi 12 u 13 tal-linji gwida tal-2006). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tuża l-“aħjar data disponibbli” (paragrafu 15 tal-linji gwida tal-2006). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

172    Meta l-portata ġeografika ta’ ksur taqbeż it-territorju taż-ŻEE, pereżempju fil-każijiet ta’ kartelli dinjija, bħal f’dan il-każ, il-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006 jindika li l-bejgħ ikkonċernat tal-impriża ġewwa ż-ŻEE jista’ ma jirriflettix b’mod xieraq il-piż ta’ kull impriża fil-ksur, u dan jista’ partikolarment ikun il-każ ta’ ftehim dinjija ta’ tqassim tas-suq. F’tali ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ tqis il-valur totali tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat, iktar wiesa’ miż-ŻEE, u tiddetermina l-parti tal-bejgħ ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur f’dan is-suq u tapplika din il-parti għall-bejgħ aggregat ta’ dawn l-istess impriżi ġewwa ż-ŻEE.

173    F’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet ipprovdiet dħul mill-bejgħ għas-snin 1997 sa 2005 dwar il-bejgħ tagħha ta’ fluworidu tal-aluminju b’ittra tat-30 ta’ Ottubru 2006, kemm fuq il-livell dinji kif ukoll fiż-ŻEE, kif ukoll permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2008 għas-snin 1999, 2000 u 2001. Fl-ittra tal-25 ta’ April 2008 hemm indikat ukoll ir-rata ta’ konverżjoni tad-dinar Tuneżin f’Euro għas-snin indikati, fosthom is-sena 2000.

174    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet bħala bejgħ ta’ fluworidu tal-aluminju imwettaq mir-rikorrenti fis-sena 2000 fiż-ŻEE s-somma ta’ EUR 8 146 129 u fis-settur ġeografiku kopert mill-ksur, inkluż is-settur dinji, is-somma ta’ EUR 34 339 694 (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni indikat li hija kienet ibbażat ruħha fuq l-ammonti pprovduti mir-rikorrenti fit-30 ta’ Ottubru 2006 kif ukoll fuq l-ittri tar-rikorrenti tal-25 ta’ April u 12 ta’ Mejju 2008, u li hija applikat rati ta’ konverżjoni pprovduti mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-25 ta’ April 2008 għall-konverżjoni tad-dinar Tuneżin f’Euro.

175    Fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fid-dokument tal-25 ta’ April 2008, hemm indikat fih li dawn huma “fi fob nett ta’ kummissjoni” jiġifieri mingħajr spejjeż ta’ trasport u ta’ kummissjonijiet. Issa, huwa d-dħul mill-bejgħ li jirrifletti b’mod komplet ir-realtà tal-ammont tat-tranżazzjoni li huwa interessanti għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa. Għalhekk, huwa d-dħul mill-bejgħ hekk kif jirriżulta mill-kontabbiltà tal-impriża li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni barra minn hekk indikat li hija kienet indirizzat talba għal informazzjoni lir-rikorrenti rigward l-ammonti ppreżentati fil-25 ta’ April 2008 li r-rikorrenti ma kinitx wieġbet għaliha b’mod komplet. Minbarra dan, hemm lok li jitfakkar il-paragrafu 16 tal-linji gwida tal-2006 li jistabbilixxi li meta d-data li tkun saret disponibbli minn impriża hija inkompleta jew mhux ta’ min jorbot fuqha, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ din l-impriża abbażi ta’ data parzjali li hija kisbet jew ta’ kull informazzjoni oħra li hija tikkunsidra rilevanti jew xierqa.

176    Barra minn hekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-valur tal-bejgħ jirrifletti l-prezz hekk kif huwa ffatturat lill-klijent, mingħajr tnaqqis għall-ispejjeż ta’ trasport jew spejjeż oħra, F’dan il-kuntest, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza li, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ trasport, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, peress li produttur jikkunsinna għad-destinazzjoni, fuq it-talba tal-klijent, il-kwantitajiet mibjugħa, is-servizz ta’ trasport jagħmel parti sħiħa mill-bejgħ tal-prodott. Il-prezz mitlub għal tali servizz, anki fejn jikkorrispondi mar-rimbors tas-somom dovuti mill-bejjiegħ lit-trasportatur indipendenti li għalih sar użu għal dan is-servizz, huwa għalhekk komponent tal-prezz globali ta’ bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 5030).

177    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament li l-ammonti pprovduti fit-30 ta’ Ottubru 2006 kienu l-aħjar ċifri disponibbli fis-sens tal-paragrafu 15 tal-linji gwida tal-2006. Bħala konsegwenza din l-ewwel parti tal-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida tal-2006 dwar id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, għandha tiġi miċħuda.

178    Hemm lok li jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward, li, fil-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, skont il-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006, il-valur tal-bejgħ ikkalkolat fiż-ŻEE għar-rikorrenti huwa ta’ EUR 6 739 601. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għad-data pprovduta mir-rikorrenti fit-30 ta’ Ottubru 2006, li skont din il-valur tal-bejgħ tagħha fl-2000 kien ta’ EUR 8 146 129 fiż-ŻEE u ta’ EUR 34 339 691 fiż-żona ġeografika koperta mill-ksur, u għalhekk fid-dinja (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)     Fuq il-bejgħ u fuq il-parti mis-suq

179    Fir-rigward tat-tieni parti ta’ din il-parti tal-motiv, hemm lok li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, skont il-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006, is-setgħa relattiva ta’ kull impriża inkwistjoni tikkorrispondi mal-perċentwali tal-bejgħ tagħha fir-rigward tal-ksur fiż-żona ġeografika koperta mill-akkordju meta pparagunat mal-bejgħ aggregat f’dan is-settur tal-impriżi kkonċernati kollha. Din il-perċentwali kellha tiġi sussegwentement applikata għall-bejgħ aggregat fir-rigward tal-ksur tal-impriżi inkwistjoni fiż-ŻEE (premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni għalhekk ippreċiżat li l-kwistjoni jekk il-bejgħ magħluq ta’ impriżi oħra kellux jittieħed inkunsiderazzjoni u l-kwistjoni tal-metodu eżatt ta’ definizzjoni tas-suq ġeografiku kienu mingħajr interess għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ u tal-multa definittiva (premessa 233 tad-deċiżjoni kkontestata).

180    Barra minn hekk, skont il-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti “produtturi kbar ta’ aluminju, u għalhekk konsumaturi kbar ta’ fluworidu tal-aluminju, għandhom produzzjoni sinjifikattiva ‘magħluqa’ ta’ fluworidu tal-aluminju, li jfisser li huma jipproduċu (prinċipalment) għall-użu tagħhom stess, anki jekk huma xtraw ukoll, matul il-perijodu tal-ksur, fluworidu tal-aluminju mingħand produtturi oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

181    Ir-rikorrenti tikkonstata l-legalità tal-premessi 232 et seq tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet fiha għamlet applikazzjoni żbaljata tal-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni bejgħ magħmul minn impriżi oħra li ma pparteċipawx fl-akkordju fosthom xi impriżi li kellhom produzzjoni magħluqa. Minbarra dan, il-Kummissjoni kienet marret kontra l-prassi deċiżjonali tagħha stess.

182    Fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti, hemm lok li jitfakkar li, skont il-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni tista’, sabiex tirrifletti kemm id-dimensjoni aggregata tal-bejgħ ikkonċernat fiż-ŻEE kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur, tqis il-valur totali tal-bejgħ ta’ beni jew ta’ servizzi f’relazzjoni mal-ksur fis-settur ġeografiku (iktar wiesa’ miż-ŻEE) ikkonċernat, tiddetermina l-parti mill-bejgħ ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur f’dan is-suq u tapplika din il-parti għall-bejgħ aggregat ta’ dawn l-istess impriżi ġewwa ż-ŻEE. Ir-riżultat jintuża bħala valur tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.

183    Mill-istruttura u mit-test tal-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006 jirriżulta li l-espressjoni “il-valur totali tal-bejgħ tal-beni jew servizzi f’relazzjoni mal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandha tinftiehem bħala li tindika l-valur totali ta’ bejgħ tal-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur u mhux il-valur totali tal-bejgħ tal-impriżi kollha attivi fis-suq fejn l-impriżi wettqu l-ksur. Fil-fatt, il-bejgħ tal-impriżi li ma jipparteċipawx fil-ksur ma huwiex bejgħ “f’relazzjoni mal-ksur”.

184    Minbarra dan, din l-interpretazzjoni tat-test tingħaqad mal-istruttura tal-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006 li huwa intiż li jirrifletti kemm id-dimensjoni aggregata tal-bejgħ ikkonċernat u l-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur. Dan l-aħħar għan jimplika li jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-valur ta’ bejgħ tal-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur.

185    Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni preċedenti tagħmel parti mill-kuntest u l-istruttura tal-linji gwida kollha tal-2006 li huma intiżi sabiex jieħdu bħala bażi għad-determinazzjoni tal-multa l-valur tal-bejgħ affettwat mill-ksur. Hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni skont il-paragrafi 13 u 14 tal-linji gwida tal-2006, li jinsabu taħt l-istess titlu bħall-paragrafu 18, jikkorrispondi ma’ dak imwettaq mill-impriżi minħabba l-ksur.

186    Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-riferiment għas-“suq” li jinsab fil-paragrafu 18 tal-linji gwida tal-2006. Fil-fatt, dan is-“suq” jirreferi biss għas-suq ġeografiku iktar wiesa’ miż-ŻEE ikkonċernat mill-bejgħ tal-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur.

187    Għaldaqstant, ir-rikorrenti żbaljat meta allegat li l-osservanza tal-linji gwida kienet wasslet lill-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni bejgħ ta’ impriżi oħra u wkoll tal-produzzjoni magħluqa ta’ operaturi bħal Alan u Alcoa.

188    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-interpretazzjoni tal-linji gwida tal-2006 ma hijiex ikkontestata mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni kif murija mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/742/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E‑1/36 604 – Aċidu ċitriku) (ĠU 2002, L 239, p. 18), li tikkonsisti li taġġusta l-ammont tal-multi skont il-piż relattiv tal-partijiet fil-kuntest ta’ akkordji li jestendu lil hinn mill-Unjoni.

189    Fil-fatt, kif il-ġurisprudenza rrikonoxxiet, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal tipi differenti ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda, bil-kontra, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni teħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika. Dan japplika mhux biss meta l-Kummissjoni żżid il-livell ta’ l-ammont tal-multi meta tiddeċiedi dwar multi fil-każijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda ssirx permezz tal-applikazzjoni, bħal fil-każ preżenti, ta’ regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali bħal-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punti 227 u 230).

190    Issa, il-prassi deċiżjonali preċedenti li għaliha tirreferi r-rikorrenti kienet ibbażata fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 1998 dwar il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”).

191    Minbarra dan, fil-paragrafi 3 sa 5 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni indikat li hija xtaqet tiżviluppa u tirfina l-politika tagħha fil-qasam ta’ multi li kienet intiża li tnaqqas il-ksur u tiddiswadi lill-impriżi l-oħra milli jaġixxu b’aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 u 82 KE, jew li jkomplu jkollhom tali aġir. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tieħu bħala bażi għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi, il-valur tal-bejgħ ta’ beni jew ta’ servizzi fir-rigward tal-ksur. Għalhekk, il-Kummissjoni esponiet ir-raġuni li għaliha hija kienet adottat metodu ġdid rigward il-kalkolu tal-ammont tal-multa, jiġifieri n-neċessità li tiġi żgurata l-implementazzjoni l-iktar effettiva tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u r-rikorrenti ma ressqitx argumenti li jistgħu jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan it-tibdil ta’ approċċ.

192    Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-2006 ma kellhomx jiġu interpretati fir-rigward tal-applikazzjoni li kienet saret għal dawk tal-1998.

193    Għar-raġunijiet li jippreċedu, it-tieni parti ta’ din it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

4.     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa u ta’ applikazzjoni żbaljata tal-ammont addizzjonali

194    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, iktar konkretament tal-evalwazzjoni tan-natura tagħha kif ukoll fl-analiżi tagħha tas-sehem mis-suq tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan kien ikun żbaljat għall-Kummissjoni li tikkunsidra l-implementazzjoni fost il-fatturi li fuqhom huwa bbażat l-ammont bażiku tal-multa.

195    Għalhekk, ir-rikorrenti tallega klassifikazzjoni żbaljata tal-ksur mill-Kummissjoni. Il-fatti kkunsidrati kontra r-rikorrenti jistgħu l-iktar jiġu kklassifikati bħala skambju okkażjonali ta’ informazzjoni, li ma jikkostitwixxux ksur ikkaratterizzati għad-dritt tal-kompetizzjoni u ma jaqgħux taħt ftehim orizzontali ta’ prezz fis-sens tal-paragrafi 23 u 24 tal-linji gwida. Il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet u għaldaqstant ta’ restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien wassal lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-ammont bażiku b’ammont addizzjonali skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006. Ir-rikorrenti tallega minbarra dan li l-ksur ikkunsidrat ma jistax jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tirrepeti l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, li ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Bħala konsegwenza r-rikorrenti titlob il-bidla tal-premessi 236 u 242 tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali.

196    Skont ir-rikorrenti, il-parti mis-suq akkumulata ta’ 35 % ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontesta timponi fuq l-akkordju preżunt piż ekonomiku sproporzjonat, sa fejn dan il-perċentwali kien ġie kkalkolat billi ma ttieħditx inkunsiderazzjoni l-produzzjoni magħluqa tal-produtturi kbar ta’ aluminju. Il-Kummissjoni kienet għalhekk għamlet analiżi żbaljata ta’ wieħed mill-fatturi prinċipali ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni.

197    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-ftehim ta’ Milano fuq allegata żieda fil-prezzijiet kien kompla japplika matul it-tieni parti tal-2000 u rreferiet għall-kuntatti bilaterali bejn IQM u d-diviżjoni “Noralf” ta’ Boliden fil-25 ta’ Ottubru 2000 u fuq id-diskussjonijiet bejn ir-rikorrenti u Fluosid f’Novembru 2000, filwaqt li dawn il-kuntatti bilaterjali ma kellhom ebda rabta mal-laqgħa ta’ Milano u ma jistgħux jiġu kkunsidrati kontra r-rikorrenti, peress li ma kinux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk, ebda implementazzjoni tal-akkordju ma tista’ tiġi dedotta fl-assenza ta’ dokumenti u provi validi oħra wara d-data tal-laqgħa ta’ Milano. Issegwi n-neċessità li jitneħħa totalment l-ammont addizzjonali u li jitnaqqas sostanzjalment il-perċentwali ta’ 17 % applikat sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku.

198    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li t-tielet parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda

199    F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li, fir-rigward l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE huwa ġust li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm akkordju, ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq bejn il-parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti (ara punti 66 sa 92 iktar ’il fuq). Dan ma jistax jiġi kkontestat f’dan l-istadju mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti rigward il-multa imposta mill-Kummissjoni.

200    Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, bi qbil mal-paragrafu 23 tal-linji gwida tal-2006, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni korrettament ikkunsidrat li fil-każ ineżami dan kien ksur li kkonsista, b’mod partikolari, fi ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet li, min-natura tiegħu stess, huwa wieħed mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi.

201    Huwa għalhekk mingħajr ma twettaq żball li l-Kummissjoni setgħet tapplika l-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006 li jistabbilixxi li, “indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni tinkludi fl-ammont bażiku somma inkluża bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...], sabiex tiddiswadi lill-impriżi minn [...] jipparteċipaw fi ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezz [u] ta’ tqassim tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali], billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari fatturi, bħan-natura tal-ksur, il-parti mis-suq akkumulat tal-parteċipanti kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew mhux tal-ksur, kif previsti fil-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006.

202    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-parti mis-suq akkumulat ma qabżitx 35 % fiż-ŻEE fl-2000 (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, b’riferiment għall-premessa 33 tagħha) u li l-portata ġeografika tal-ksur kienet dinjija (premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata) b’riferiment għall-premessa 136 tagħha). Barra minn hekk hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni sehem mis-suq ta’ inqas minn 35 % li wassalha sabiex ma żżidx l-ammont bażiku. Dawn l-elementi li jikkonċernaw il-gravità tal-ksur ġew stabbiliti korrettament mill-Kummissjoni, kif żviluppat fil-punti 199 u 201 iktar ’il fuq.

203    Fir-rigward tal-implementazzjoni tal-akkordju, il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim ta’ Milano kien kompla japplika matul it-tieni parti tas-sena 2000. Fil-fatt, il-Kummissjoni wriet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ ftehim bejn id-destinatarji tad-deċiżjoni, fosthom ir-rikorrenti. Il-konklużjoni ta’ ftehim matul il-laqgħa ta’ Milano ġiet stabbilita, kif ukoll il-kuntatti bilaterali li segwew din il-laqgħa, b’mod partikolari fil-25 ta’ Ottubru 2000. Matul dawn il-kuntatti bilaterali, kif ġie stabbilit iktar ’il fuq fil-kuntest tal-ewwel motiv li jikkonċerna l-eżistenza tal-ksur, id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari r-rikorrenti, eżerċitaw kontroll reċiproku tal-livelli tal-prezzijiet. Il-prezzijiet indikati matul dawn il-kuntatti sussegwenti għal-laqgħa ta’ Milano jikkorrispondu mal-kontenut tal-ftehim konkluż waqt din il-laqgħa. Il-Kummissjoni setgħet bħala konsegwenza validament tikkunsidra li dawn il-kuntatti kienu jirreferu għall-ftehim tal-laqgħa ta’ Milano u għalhekk huma l-prova tal-implementazzjoni tal-akkordju.

204    Peress illi, kif żviluppat fil-punti 66 sa 109, it-tieni motiv tar-rikorrenti huwa miċħud, u li d-deċiżjoni kkontestata li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ftehim hija kkonfermata, kif ukoll it-tul u l-gravità tagħha, hemm lok li din il-parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa, tiġi miċħuda bħala infondata.

205    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tieħu bħala proporzjon għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa li għandha timponi fuq ir-rikorrenti l-ammont ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ.

206    Min-naħa l-oħra, minkejja li t-tul tal-ksur ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi nnotat li l-Kummissjoni stabbilixxiet dan it-tul bħala li huwa mit-12 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2000 “tal-inqas” fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri perijodu inqas minn sitt xhur. Skont il-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni applikat il-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.5 %. Fil-fatt, il-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni kompletament it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur, l-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ huwa mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, fejn il-perijodi preċedenti għal sitt xhur ittieħdu inkunsiderazzjoni bħala nofs sena.

207    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Ewro-Mediterran, tal-prinċipju ta’ premura u tal-korteżija internazzjonali

1.     Osservazzjonijiet preliminari

208    Ir-rikorrenti tallega li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterran japplikaw f’dan il-każ, anki jekk parallelament mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Issa, il-Kummissjoni kienet eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 36(1) tal-Ftehim Ewro-Mediterran favur l-applikazzjoni esklużiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni kienet invokat il-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 36(6) tal-Ftehim Ewro-Mediterran. L-adozzjoni ta’ tali miżura unilaterali kellha tiġi ppreċeduta minn konsultazzjoni tal-kumitat ta’ assoċjazzjoni. Ir-rikorrenti tikkunsidra li n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prevista fil-Ftehim Ewro-Mediterran jikkostitwixxi ksur ta’ formalità essenzjali, li l-osservanza tagħha setgħet ikollha influwenza determinanti fuq l-eżitu tal-kawża. L-approċċ unilaterali segwit mill-Kummissjoni jmur kontra mhux biss l-Artikolu 36 tal-Ftehim Ewro-Mediterran, iżda wkoll il-prinċipju ta’ korteżija internazzjonali, kif ukoll id-dmir ta’ premura tagħha.

209    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud.

210    Kif ġie rikonoxxut mill-ġurisprudenza, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa applikabbli għal akkordju li jipproduċi l-effetti tiegħu fit-territorju tas-suq intern, indipendentement mill-fatt li waħda mill-impriżi li tipparteċipa fi ftehim tinsab f’pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, Ġabra p. 949, punti 22 sa 29; tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, punti 11 sa 23, u s-sentenza Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punti 69 sa 93).

2.     Fuq il-Ftehim Ewro-Mediterran

211    Il-Ftehim Ewro-Mediterran bejn il-Komunità u t-Tuneżija jagħmel parti mill-kuntest tal-ftehim Ewro-Mediterranji ta’ Assoċjazzjoni tal-Komunità ma’ seba’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Dawn il-ftehim jipprovdu kuntest għad-djalogu politiku Tramuntana-Nofsinhar, li jservu bħala bażi għal-liberalizzazzjoni progressiva tal-iskambji fl-ispazju Mediterran u jiffissaw il-kundizzjonijiet tal-kooperazzjoni fl-qasam ekonomiku, soċjali u kulturali bejn il-Komunità u kull pajjiż li jagħmel parti.

212    Fir-rigward tal-Ftehim Ewro-Mediterran, indipendentement min-natura legali tiegħu u tal-effett tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma jipprevalix fuq id-dritt tal-Unjoni applikabbli, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 81 KE, u ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Bil-kontra, l-Artikolu 36 tal-Ftehim Ewro-Mediterran invokat mir-rikorrenti jipprevedi l-impenn tal-partijiet sabiex japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni u jistipula espliċitament li kull prattika kuntrarja hija evalwata abbażi tal-kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli previsti fl-Artikoli 81 KE, 82 KE u 87 KE (Artikolu 36(2) tal-Ftehim Ewro-Mediterran). L-Artikolu 36(6) tal-Ftehim Ewro-Mediterran jipprevedi biss konsultazzjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari jekk id-dritt tal-kompetizzjoni ma jistax isolvi l-problema.

213    Id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax prattika li taffettwa speċifikament il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, iżda prattika b’dimensjoni dinjija li taffettwa s-suq Ewropew. Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, eżerċitat il-kompetenza tagħha u applikat l-Artikolu 81 KE li jikkonċerna l-effetti fuq il-kompetizzjoni ġewwa ż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterran u iktar u iktar ma tmurx kontra dan il-ftehim. Għalhekk ma hemm ebda raġuni sabiex jiġi applikat il-Ftehim Ewro-Mediterran u l-mekkaniżmi tiegħu.

214    Għalhekk dan l-argument ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq il-korteżija internazzjonali u fuq id-“dmir ta’ premura”.

215    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-korteżija internazzjonali (comitas gentium), ir-rikorrenti ma spjegatx dan il-prinċipju invokat, la ddeterminat l-impatt tiegħu, u lanqas ma indikat kif iqajjem dubju dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Ma huwiex possibbli li wieħed isir jaf għal liema raġuni jirriżulta li l-Kummissjoni kellha “tikkuntattja l-awtoritajiet Tuneżini qabel ma tapplika unilateralment id-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni Komunitarji”.

216    Minbarra dan, sa fejn l-argument imressaq mir-rikorrenti jqajjem dubju dwar il-kompetenza tal-Komunità sabiex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tagħha għal aġir bħal dak li ġie kkonstatat f’dan il-każ (sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punti 31 u 32), hemm lok, fi kwalunkwe każ, li jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha kompetenza sabiex tinvestiga u tissanzjona ksur għall-Artikolu 81 KE dwar is-suq Ewropew. Issa, tali ksur ġie stabbilit mill-Kummissjoni f’dan il-każ. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità għal tali aġir irriżulta fir-rigward tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 18; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p.II‑753, punti 89 et seq).

217    Fir-rigward tal-allegat “dmir ta’ premura” invokat mir-rikorrenti, li skont dan il-Kummissjoni jmissha kkuntattjat, b’mod partikolari, l-awtoritajiet Tuneżini, dan ma kienx ġie sostnut jew spjegat. Dak li r-rikorrenti tinvoka għalhekk ma huwiex ċar. Barra minn hekk, ir-rikorrenti wkoll lanqas ma tindika kif dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

218    Issa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkru l-prinċipji u l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 163 u 164 iktar ’il fuq.

219    Peress li r-rikorrenti kull ma stqarret huwa nuqqas ta’ osservanza tal-“korteżija internazzjonali” u allegat li kien jeżisti “dmir ta’ premura” mingħajr madankollu ma spjegatx ħlief fil-qosor dan l-argument, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

220    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

221    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. Minbarra dan, f’dak li jikkonċerna t-talba, ippreżentata sussidjarjament, intiża għal bidla fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fid-dawl b’mod partikolari għall-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ma hemmx lok, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li din it-talba tintlaqa’.

222    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

223    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Industries chimiques du fluor hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Azizi

Labucka

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I – Il-fatti

II – Id-deċiżjoni kkontestata

A – Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata

B – Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata

1. Fuq is-settur tal-fluworidu tal-aluminju

2. Fuq il-laqgħa ta’ Milano u fuq l-implementazzjoni tal-akkordju

3. Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE

4. Fuq it-tul tal-ksur

5. Fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

6. Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

Il-proċedura t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

II – Fuq il-mertu

A – Sunt tal-motivi għal annullament

B – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq li l-fatti akkużati lir-rikorrenti ma jikkostitwixxux ksur tal-Artikolu 81 KE

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

c) Fuq il-prova tal-ksur

2. Fuq it-tieni parti, ippreżentata sussidjarjament, ibbażata fuq il-fatt li l-fatti li bihom hija akkużata r-rikorrenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Fuq il-ksur uniku u kontinwu

C – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a) Ġeneralitajiet

b) Kunsiderazzjonijiet tal-każ ineżami

Introduzzjoni

Rigward l-ilment li jikkonċerna l-parteċipanti u t-tul tal-akkordju

Rigward l-ilment li jikkonċerna l-portata ġeografika tal-akkordju

Fuq l-ilment li jikkonċerna l-loġika u l-istruttura tal-akkordju u d-dokumenti relatati mal-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000

i) Introduzzjoni

ii) Fuq il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

iii) Fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

iv) Kunsiderazzjonijiet

– Fuq l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva

– Fuq l-importanza tad-dokumenti inkwistjoni għall-evalwazzjoni tal-implementazzjoni tal-ksur

– Fuq l-importanza tad-dokumenti inkwistjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur

v) Konklużjoni

D – Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida tal-2006 li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq l-ewwel parti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

3. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida tal-2006 li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Fuq id-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni

c) Fuq il-bejgħ u fuq il-parti mis-suq

4. Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa u ta’ applikazzjoni żbaljata tal-ammont addizzjonali

E – Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Ewro-Mediterran, tal-prinċipju ta’ premura u tal-korteżija internazzjonali

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq il-Ftehim Ewro-Mediterran

3. Fuq il-korteżija internazzjonali u fuq id-“dmir ta’ premura”.

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.