Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Settembru 2008 - ICF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-406/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Industries Chimiques du Fluor SA (ICF) (Tunis, it-Tuniżija) (rappreżentanti: M. van der Woude u T. Hennen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3043 finali, tal-25 ta' Ġunju 2008, fil-Każ COMP/39.180 - Fluworidu tal-aluminju, li biha l-Kummissjoni kkonstatat li ċerti imprizi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea permezz ta' akkordju fuq is-suq mondjali tal-fluworidu tal-aluminju, bl-għan li jogħlew il-prezzjijiet, billi jiġu eżaminati reġjuni differenti tad-dinja, inkluża l-Ewropa, sabiex jiġi stabbilit livell ta' prezz ġenerali, u f'ċerti każijiet, ftehim dwar it-tqassim tas-suq, kif ukoll bl-iskambju ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi ibbażati fuq:

ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/20031, sa fejn il-ksur deskritt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ivarja minn dak li finalment ġie deċiż fid-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni kkontestata ġiet ibbażata fuq siltiet li ma ssemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

ksur tal-Artikolu 81 KE, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata għamlet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti li r-rikorrenti ġiet akkużata bihom, billi kklassifikat b'mod żbaljat, skambju ta' informazzjoni okkażjonali ta' akkordju u/jew prattika miftehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-fatti inkwistjoni mhumiex, fi kwalunkwe każ, ikkunsidrati bħala ksur uniku u kontinwu;

ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, meta ġie ffissat l-ammont tal-multa, sa fejn il-Kummissjoni użat il-linji gwida b'mod żbaljat sabiex tikkalkula l-multi, i) billi ma bbażatx ruħha fuq id-dħul tal-kumpannija kif ivverifikat u ii) billi naqset milli tistima l-valur totali tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi li huma relatati mal-ksur fis-settur ġeografiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat fil-kwalifikazzjoni tal-fatti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza, insostenn tat-talba tagħha għal tnaqqis tal-multa, is-sehem żgħir konġunt tas-suq tal-partijiet fl-akkordju u n-nuqqas ta' implimentazzjoni;

ksur tal-Ftehim Ewro-Mediterranju mat-Tuneżija2, inkwantu l-Kummissjoni applikat b'mod esklussiv, id-dispożizzjonijiet Komunitarji tal-kompetizzjoni, għalkemm ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jistgħu japplikaw ukoll, speċjalment b'mod parallell mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni messa kkonsultat il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni EU/Tuneżija, kif mitlub mill-Artikolu 36 tal-ftehim. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li, l-approċċ unilaterali tal-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipju ta' korteżija internazzjonali, kif ukoll l-obbligu tagħha ta' premura.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).

2 - Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (ĠU 1998, L 97, p. 2).