Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas – il-Litwanja) – UAB ,,Vittamed technologijos“, fi stralċ vs Valstybinė mokesčių inspekcija

(Kawża C-293/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa – Oġġetti u servizzi użati mill-persuna taxxabbli għall-ħolqien ta’ beni kapitali – Artikoli 184 sa 187 – Aġġustament tat-tnaqqis – Obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT fil-każ ta’ tpoġġija fi stralċ ta’ din il-persuna taxxabbli u tat-tħassir ta’ din tal-aħħar mir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UAB ,,Vittamed technologijos“, fi stralċ

Konvenut: Valstybinė mokesčių inspekcija

fil-preżenza ta’: Kauno apskrities valstybinė mokesčių inspekcija

Dispożittiv

L-Artikoli 184 sa 187 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

persuna taxxabbli għandha l-obbligu li taġġusta t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa relatata mal-akkwist ta’ oġġetti jew ta’ servizzi intiżi sabiex jipproduċu beni kapitali, fil-każ fejn, minħabba d-deċiżjoni tal-proprjetarju jew tal-azzjonist uniku ta’ din il-persuna taxxabbli li tpoġġi din tal-aħħar fi stralċ, kif ukoll tat-talba u l-ksib tat-tħassir tal-imsemmi persuna taxxabbli mir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT, il-beni kapitali maħluqa ma ġewx użati fil-kuntest ta’ attivitajiet ekonomiċi ntaxxati u mhux ser ikunu qatt.

Ir-raġunijiet li jippermettu li tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni ta’ tpoġġija fi stralċ tal-istess persuna taxxabbli, u, għaldaqstant, l-abbandun tal-attività ekonomika taxxabbli prevista, bħal telf f’żieda kostanti, in-nuqqas ta’ ordnijiet u d-dubji tal-azzjonist tal-persuna taxxabbli fir-rigward tal-profittabbiltà tal-attività ekonomika prevista, huma irrilevanti fir-rigward tal-obbligu ta’ din tal-aħħar li taġġusta t-tnaqqis tal-VAT ikkonċernat, peress li din il-persuna taxxabbli ma għandhiex iktar l-intenzjoni, u dan b’mod definittiv, li tuża’ l-imsemmija beni kapitali għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati.

____________

1     ĠU C 289, 19.7.2021.