Language of document : ECLI:EU:T:2007:257

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

12 ta’ Settembru 2007 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna maħsuba biex tkopri spejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni – Revoka ta’ deċiżjoni preċedenti – Skadenza tat-Trattat KEFA – Kompetenza tal-Kummissjoni – Kontinwità ta’ l-ordinament ġuridiku Komunitarju – Nuqqas ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-kawża T‑25/04,

González y Díez, SA, stabbilita f’Villabona-Llanera, Asturias (Spanja), irrappreżentata minn J. Díez-Hochleitner u A. Martínez Sánchez, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn J. Buendía Sierra, bħala aġent, imbagħad minn C. Urraca Caviedes, bħala aġent assistit minn Buendía Sierra, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament ta’ l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/340/KE tal-5 ta’ Novembru 2003, dwar l-għajnuna lill-impriża González y Díez, SA sabiex jiġu koperti spejjeż eċċezzjonali (għajnuna għall-2001 u użu ħażin ta’ l-għajnuna għall-1998 u l-2000) u li temenda d-Deċiżjoni 2002/827/KEFA (ĠU 2004, L 119, p. 26),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W .H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3632/93/KEFA tat-28 ta’ Diċembru 1993 li tistabbilixxi r-regoli tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 329, p. 12), tgħid li ġej:

“Għajnuna biex jiġu koperti spejjeż eċċezzjonali

1.      L-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi biex ikun jistgħu ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw jew li rriżultaw mill-immodernizzar, mir-razzjonalizzazzjoni u mir-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija tal-faħam u li m’għandhomx x’jaqsmu mal-produzzjoni attwali (spejjeż li ntirtu mill-imgħoddi) tista’ titqies bħala kumpatibbli mas-suq komuni jekk l-ammont tagħha ma teċċedix dawn l-ispejjeż. Din l-għajnuna tista’ tkopri:

–        l-ispejjeż li jkollhom biss l-impriżi li qed iwettqu jew wettqu ristrutturazzjoni,

–        l-ispejjeż li jkollhom numru ta’ impriżi.

Il-kategoriji ta’ l-ispejjeż li jirriżultaw mill-immodernizzar, mir-razzjonalizzazzjoni u mir-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija tal-faħam huma ddefiniti fl-anness ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        L-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, intitolat “Definizzjoni ta’ l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 5(1)”, jipprovdi b’mod partikolari:

“I. Spejjeż li jkollhom biss l-impriżi li qed iwettqu jew wettqu ristrutturazzjoni jew razzjonalizzazzjoni

Jiġifieri esklużivament:

[…]

ċ) il-ħlas ta’ pensjonijiet u ta’ benefiċċji’il barra mis-sistema statutorja lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom wara li jkun sar ristrutturazzjoni u razzjonalizzazzjoni u lil dawk li kellhom id-dritt għal dan il-ħlas qabel ma sar ir-ristrutturazzjoni;

[…]

e) l-ispejjeż ulterjuri li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ta’ taxxa, legali jew amministrattivi;

f) xogħol ieħor ta’ sigurtà taħt l-art bħala riżultat ta’ ristrutturazzjoni;

g) ħsara kkawżata minn tħaffir ta’ minjieri, bil-kundizzjoni li din tkun ġiet ikkawżata minn żoni ta’ estrazzjoni li kienu jintużaw preċedentement;

h) l-ispejjeż ulterjuri li jirriżultaw minn kontribuzzjonijiet lill-korpi inkarigati mill-provvista ta’ l-ilma u mit-tneħħija ta’ l-ilma użat;

i) l-ispejjeż oħra ulterjuri li jirriżultaw mill-provvista ta’ l-ilma u mit-tneħħija ta’ l-ilma użat;

[…]

k) id-deprezzament intrinsiku eċċezzjonali safejn dan jirriżulta mir-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija (mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni kull rivalutazzjoni li tkun saret wara l-1 ta’ Jannar 1986 li taqbeż ir-rata ta’ inflazzjoni);

l) l-ispejjeż marbutin maż-żamma ta’ l-aċċessibbiltà għar-riżervi tal-faħam wara li jitwaqqaf it-tħaffir.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Skond l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 3632/93 din daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994 u skadiet fit-23 ta’ Lulju 2002.

4        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 205, p. 1), jgħid li ġej:

“Għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali

1. L-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi li jwettqu jew wettqu xi attività konnessa mal-produzzjoni tal-faħam sabiex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż li jiġu jew li ġew mir-razzjonalizzazzjoni u r-ristrutturar [ristrutturazzjoni] ta’ l-industrija tal-faħam li mhumiex relatati mal-produzzjoni kurrenti (“djun li ntirtu”) tista’ titqies kompatibbli mas-suq komuni jekk l-ammont imħallas ma jeċċedix dawn l-ispejjeż. Din l-għajnuna tista’ tintuża biex tkopri:

(a) l-ispejjeż li ntefqu biss minn impriżi li qed iwettqu jew wettqu ristrutturar, i.e. spejjeż rrelatati mar-riabilitazzjoni ta’ siti li qabel kienu minjieri tal-faħam;

(b) l-ispejjeż li ntefqu minn għadd ta’ impriżi.

2. Il-kategoriji ta’ l-ispejjeż li jirriżultaw mir-razzjonalizzazzjoni u mi[r]-ristrutturar ta’ l-industrija tal-faħam huma definiti fl-Anness.”

5        L-anness tar-Regolament Nru 1407/2002, intitolat “Definizzjoni ta’ l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7”, jipprovdi b’mod partikolari:

“1. Spejjeż li ntefqu u disposizzjonijiet ta’ l-ispejjeż li jkunu saru biss minn impriżi li qed iwettqu jew wettqu ristrutturar [ristrutturazzjoni] u razzjonalizzazzjoni.

Esklussivament:

[…]

(ċ) il-ħlas ta’ pensjonijiet u benefiċċji barra mis-sistema statutorja lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat ta[r-]ristrutturar u r-razzjonalizzazzjoni u lill-ħaddiema li kienu intitolati għal dan il-ħlas qabel [ir-]ristrutturar;

[…]

(f) spejjeż li jifdal li jirriżultaw minn disposizzjonijiet amministrattivi;

(g) xogħol ieħor għas-sigurtà taħt l-art li jirriżulta mill-għeluq ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni;

(h) danni kkawżati mill-minjieri, bil-kondizzjoni li dawn kienu kkawżati mill-unitajiet tal-produzzjoni li kellhom jagħlqu minħabba [r-]ristrutturar;

(i) spejjeż relatati mar-rijabilitazzjoni ta’ dawk li qabel kienu siti tal-minjieri, [b’mod partikolari]:

- spejjeż li jifdal li jirriżultaw minn kontribuzzjoniljiet lill-korpi responsabbli mill-provvista ta’ l-ilma u mit-tneħħija ta’ l-ilma użat,

- spejjez oħra li jifdal li jirriżultaw mill-provvista ta’ l-ilma u mit-tneħħija ta’ l-ilma użat;

[…]

(k) deprezzament intrisiku eċċezzjonali li jirriżulta mill-għeluq ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni (mingħajr ma tieħu kont ta’ xi evalwazzjoni mill-ġdid li setgħet saret mill-1 ta’ Jannar 1994 u li tkun aktar mir-rata ta’ l-inflazzjoni).

[…]”

6        It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 14(1) tar-Regolament jipprovdi li dan ir-Regolament japplika b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002.

7        Il-Komunkazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 152/03 fuq ċertu aspetti ta’ kif jiġu ttrattati kawżi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA (ĠU 2002, C 152, p. 5) tenfasizza l-konsegwenzi li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikseb mill-iskadenza tat-Trattat KEFA fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ kif għandhom jiġu ttrattati kawżi li jikkonċernaw għanjuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrenti hija impriża tal-minjieri li l-impjanti tagħha jinsabu fl-Asturias. Hija għandha impjant fil-miftuħ fis-settur imsejjaħ bħala “Buseiro” u żewġ impjanti taħt l-art fis-settur imsejjaħ “Sorriba”, fejn wieħed minnhom jinsab fis-sezzjoni tas-settur imsejħa “La Prohida” u l-ieħor f’dik imsejħa “Tres Hermanos”.

9        Permezz tad-Deċiżjoni 98/637/KEFA tat-3 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 303, p. 57), u tad-Deċiżjoni 2001/162/KEFA, tat-13 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2001, L 58, p. 24), li jiddeċiedu dwar l-għotja ta’ għajnuna minn Spanja lill-industrija tal-faħam rispettivament għas-snin 1998 u 2000, il-Kummissjoni b’mod partikolari awtorizzat lir-Renju ta’ Spanja jagħti għajnuna li tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, intiża sabiex tkopri l-ispejjeż tekniċi ta’ l-għeluq tas-siti tat-tħaffir li jirriżultaw mill-miżuri ta’ mmodernizzar, ta’ razzjonalizzazzjoni, ta’ ristrutturazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ l-attività ta’ l-industrija Spanjola tal-faħam.

10      Rispettivament għas-snin 1998 u 2000, l-awtoritajiet Spanjoli ħallsu lir-rikorrenti sommom li jammontaw, rispettivament, għal ESP 651 908 560 (jew EUR 3 918 049,35) u ESP 463 592 384 (jew EUR 2 786 246,34), intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż tekniċi ta’ tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ 48 000 tunnellata fis-sena għall-1998 u ta’ 38 000 tunnellata fis-sena għall-2000. Dan it-tnaqqis fil-kapaċità ta’ produzzjoni kellu jseħħ, fl-1998, kompletament fis-sit tat-tħaffir fil-miftuħ ta’ Buseiro u, fl-2000, fil-minjiera ta’ taħt l-art ta’ Sorriba (sezzjoni tas-settur La Prohida), għall-ammont ta’ 26 000 tunnellata, kif ukoll fis-sit tat-tħaffir fil-miftuħ ta’ Buseiro, għall-ammont ta’ 12 000 tunnellata.

11      Fit-23 ta’ Lulju 1998, il-kumpannija Mina la Camocha akkwista 100 % tal-kapital tar-rikorrenti. Wara informazzjoni li dehret fl-istampa f’Ġunju ta’ l-1999 li tagħat x’tifhem li l-għajnuna li rċeviet ir-rikorrenti fl-1998 kienet teċċedi l-ispejjeż tat-tnaqqis intenzjonat fil-kapaċità, peress li ġiet irreġistrata fil-kontabbiltà bħala dħul ta’ l-impriża u ġiet ittrasferita lill-kumpannija prinċipali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tanalizza l-għajnuna li ngħatat lir-rikorrenti sabiex jiġu koperti l-ispejjeż eċċezzjonali u, b’ittra tal-25 ta’ Ottubru 1999, talbet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jipprovdilha informazzjoni f’dan ir-rigward. F’ittri ulterjuri, il-Kummissjoni wessgħet it-talbiet tagħha għall-informazzjoni fir-rigward ta’ l-għajnuna li tikkonċerna s-snin 2000 u 2001. Wara skambju ta’ korrispondenza li dam sa April ta’ l-2002, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu l-informazzjoni mitluba.

12      B’ittra tal-21 ta’ Novembru 2000, ikkompletata bl-ittri tad-19 u tal-21 ta’ Marzu 2001, ir-Renju ta’ Spanja nnotifika lill-Kummissjoni l-għajnuna lill-industrija tal-faħam li huwa kien ippreveda għas-sena finanzjarja 2001. Din l-għajnuna kienet tinkludi b’mod partikolari l-ammont ta’ ESP 393 971 600 (EUR 2 367 817) sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tar-rikorrenti li jirrigwardaw it-tnaqqis fil-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 34 000 tunnellata fis-sena għall-2001 fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida.

13      Bid-Deċiżjoni 2002/241/KEFA tal-11 ta’ Diċembru 2001 dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat minn Spanja lill-industrija tal-faħam għas-sena 2001 (ĠU 2002, L 82, p. 11) il-Kummissjoni awtorizzat lir-Renju ta’ Spanja jagħti l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż tekniċi ta’ l-għeluq tas-siti tat-tħaffir li jirriżultaw mill-miżuri ta’ mmodernizzar, ta’ razzjonalizzazzjoni, ta’ ristrutturazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ l-industrija tal-faħam Spanjola, ħlief, b’mod partikolari, għall-għajnuna dovuta lir-rikorrenti fir-rigward ta’ liema l-Kummissjoni ddikjarat li kienet se tieħu deċiżjoni iktar’il quddiem. Fir-rigward ta’ din l-aħħar għajnuna, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li l-ewwel tanalizza l-informazzjoni li l-awtoritajiet Spanjoli kellhom jikkomunikawlha fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti għas-snin 1998 u 2000.

14      B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2002, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-Kummissjoni li, bi stennija tad-deċiżjoni ta’ din ta’ l-aħħar f’dan ir-rigward, huwa kien ħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ ESP 383 322 896 (EUR 2 303 817) għas-sena 2001, somma li kienet inqas mill-ammont innotifikat.

15      Bid-Deċiżjoni 2002/827/KEFA tat-2 ta’ Lulju 2002 dwar l-għoti ta’ għajnuna minn Spanja lill-impriża González y Díez, SA, għas-snin 1998, 2000 u 2001 (ĠU L 296, p. 80), il-Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti, sabiex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni għas-snin 1998, 2000 u 2001, ta’ EUR 5 113 245,96 (ESP 850 772 542). Dan l-ammont kien jaqbel mas-somma, minn naħa, ta’ l-għajnuna mħallsa għas-snin 1998 u 2000, li kienet tammonta għal EUR 2 745 428, 96 (ESP 456 800 943), u, min-naħa l-oħra, ta’ l-għajnuna li kienet tammonta għal EUR 2 367 817 (ESP 393 971 600), li ġiet innotifikata lill-Kummissjoni mir-Renju ta’ Spanja għas-sena 2001.

16      Fis-17 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors għal annullament kontra l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza taħt in-numru T-291/02.

17      Fid-dawl ta’ l-argumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni esprimiet xi dubji fuq ċertu elementi proċedurali li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/827. Il-Kummissjoni ddeċidiet għaldaqstant li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tħassar l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 u sabiex tissostitwixxi din id-deċiżjoni b’deċiżjoni ġdida. B’ittra tad-19 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ Spanja d-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Ġiet ippubblikata stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skond din id-dispożizzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-10 ta’ April 2003 (ĠU L 87, p. 17).

18      Fil-5 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/340/KE dwar l-għajnuna mogħtija lill-impriża González y Díez, SA sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali (għajnuna għall-2001 u użu ħażin ta’ l-għajnuna għall-1998 u l-2000) u li temenda d-Deċiżjoni 2002/827 (ĠU 2004, L 119, p. 26) (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-Renju ta’ Spanja fis-6 ta’ Novembru 2003 taħt in-numru C (2003) 3910 u ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ April 2004.

19      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-għajnuna mogħtija mir-Renju ta’ Spanja lir-rikorrenti, li tammonta għal EUR 3 131 726,47, sabiex jiġu koperti, skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni għas-snin 1998 u 2000, tikkostitwixxi applikazzjoni ħażina tad-Deċiżjoni 98/637 u tad-Deċiżjoni 2001/162 u hija inkompatibbli mas-suq komuni.

20      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jiddikkjara li l-għajnuna mħallsa lir-rikorrenti, li tammonta għal EUR 2 249 759,37 (ESP 374 328 463), sabiex tkopri, għas-sena 2001, l-spejjeż eċċezzjonali ta’ l-għeluq ta’ impjanti li seħħ fil-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2001, hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1407/2002.

21      L-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-għajnuna li tammonta għal EUR 602 146,29 (ESP 100 188 713) mogħtija għas-sena 2001, għall-investimenti f’infrastrutturi tal-minjieri għall-finijiet ta’ l-isfruttament tas-sezzjoni tas-settur Tres Hermanos, hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1407/2002. L-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata jżid li l-għajnuna li tammonta għal EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) mogħtija għas-sena 2001, sabiex jiġi kkostitwit fond li jkopri l-ispejjeż futuri marbutin ma’ l-għeluq tas-sezzjoni tas-settur La Prohida u l-għeluq parzjali tas-settur Buseiro, li seħħ fil-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2001, hija wkoll inkompatibbli ma’ din l-istess dispożizzjoni.

22      L-Artikolu 4(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata jordna lir-Renju ta’ Spanja sabiex jirkupra mingħand ir-rikorrenti l-għajnuna mħallsa għas-snin 1998 u 2000, imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din l-istess deċiżjoni. L-Artikolu 4(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata jordna l-irkupru mingħand ir-rikorrenti ta’ l-ammont ta’ EUR 54 057,63 (ESP 8 994 433), imħallas illegalment qabel l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2001 u li jikkostitwixxi żieda mhux awtorizzata meta mqabbel ma’ l-għajnuna awtorizzata abbażi ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ kull ammont ieħor imħallas illegalment fl-istess ċirkustanzi.

23      L-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 għandhom jiġu mħassra.

24      Wara li l-Kummissjoni ppreżentat talba għal dikjarazzjoni li mhemmx lok għal deċiżjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza temmet il-proċedura fil-kawża T-291/02 b’digriet tat-2 ta’ Settembru 2004, González y Díez vs Il-Kummissjoni (mhux ippubblikata fil-Ġabra).

 Il-proċedura

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

26      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għamelet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom huma wieġbu fit-termini mogħtija.

27      It-trattazzjonijiet u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2007.

28      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreżentat dokument li kien jinkludi espożizzjonijiet skematiċi tas-settur Sorriba. Wara li nstemgħu il-partijiet, dan id-dokument ġie inkluż fil-fajl b’deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla Estiża.

29      Il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tiddepożita fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza dokument intitolat “Anexo al informe pericial sobre la ayuda a la reducción de actividad de la empresa Gonzáles y Díez, SA” (anness għar-rapport ta’ l-esperti fuq l-għajnuna għat-tnaqqis fl-attività ta’ l-impriża Gonzáles y Díez, SA), tas-17 ta’ Settembru 2002. Ir-rikorrenti ngħatat l-opportunita li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmi dokument, liema osservazzjonijiet hija ippreżentat fit-termini mogħtija. Wara li nstemgħu il-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tinkludi d-dokument fil-fajl.

30      Il-proċedura orali ngħalqet b’deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla Estiża tad-9 ta’ Marzu 2007.

 It-talbiet tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fil-proċedura li kienet segwita bit-tħassir ta’ l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 u bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u tal-forom proċedurali sostanzjali, u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti ssostni li la t-Trattat KEFA u lanqas it-Trattat KE ma jagħtu lill-Kummissjoni l-kompetenza li tadotta d-deċiżjoni li tibda l-proċedura ta’ tħassir u li tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

35      Fir-rigward tat-Trattat KEFA, ir-rikorrenti tallega li dan ma setgħax iservi bħala bażi legali wara li skada fit-23 ta’ Lulju 2002 (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Alber għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, International Power et vs NALOO, C‑172/01 P, C‑175/01 P, C‑176/01 P u C‑180/01 P, Ġabra p. I‑11421, I‑11425, punt 48).

36      Fir-rigward tat-Trattat KE, ir-rikorrenti ssostni li, skond l-Artikolu 305(1) KE, dan ma jipprovdix bażi legali lill-Kummissjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq l-għajnuna mogħtija għas-snin 1998, 2000 u 2001.

37      Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE applikabbli għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ma jistgħux ikunu applikabbli retroattivament għal ssitwazzjonijiet li jippreċedu l-iskadenz ta’ dan l-aħħar Trattat. Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi għal sitwazzjonijiet li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tagħhom huma inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1991 Crispoltoni, C‑368/89, Ġabra p. I‑3695, punt 17; tal-15 ta’ Lulju 1993, GruSa Fleisch, C‑34/92, Ġabra p. I‑4147, punt 22; il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1997, Moksel, C‑223/95, Ġabra p. I‑2379, I‑2381, punti 40 sa 42). In sostenn ta’ din l-allegazzjoni, hija tirreferi wkoll għall-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 788, p. 354), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tat-trattati. Skond ir-rikorrenti, li kieku l-Istati Membri kellhom l-intenzjoni li jawtorizzaw l-applikazzjoni tat-Trattat KE għall-industrija tal-faħam fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-24 ta’ Lulju 2002, huma kienu jipprovdu dan b’mod espliċitu.

38      Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 88(2) KE u fuq ir-regoli ta’ applikazzjoni tiegħu, tħassar jew temenda għajnuna lill-industrija tal-faħam awtorizzata skond is-sistema tat-Trattat KEFA jew fir-rigward ta’ liema l-ebda pożizzjoni ma ġiet adottata meta din is-sistema kienet għadha fis-seħħ.

39      Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1407/2002, li jipprovdi l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi regolament b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002, jikkonferma n-nuqqas ta’ applikabbiltà retroattiva tat-Trattat KE. Ir-rikorrenti tindika wkoll li mill-kontenut materjali ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu biss l-intenzjoni li jilleġiżla għall-futur, peress li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma tirregola l-għajnuna lill-industrija tal-faħam mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

40      Ir-rikorrenti tosserva li, f’kull każ, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet li jillimitaw id-drittijiet individwali ma jistax jiġi injorat la mill-Istati Membri, u l-anqas mil-leġiżlatur Komunitarju, peress li dan il-prinċipju ġie stabbilit mis-sistemi kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri.

41      Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni kienet taf li r-regoli tat-Trattat KE ma kinux applikabbli għall-għajnuna lill-industrija tal-faħam li tikkonċerna perijodu li jippreċedi l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Dan jirriżulta mill-punt 25 tal-Komunikazzjoni 2002/C 152/03, kif ukoll mill-fatt li l-Kummissjoni indikat, fil-punt 46 ta’ din il-komunikazzjoni, li hija kienet tqis li kien neċessarju li tagħlaq il-proċeduri li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA.

42      Ir-rikorrenti tenfasizza li hija mhijiex qed tipprova turi l-eżistenza ta’ lacuna ġuridika wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Hija qed tallega sempliċement li l-Kummissjoni jmissha wżat is-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat KEFA biex tħassar l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827.

43      Fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi rrispettata sabiex jiġi vverifikat it-twettieq ta’ l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat KEFA f’dak li jikkonċerna l-għajnuna mogħtija lilha għas-snin 1998, 2000 u 2001, ir-rikorrenti ssostni li l-Artiklu 226 KE jista’ jkun applikabbli.

44      Ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza ta’ l-Artikolu 3 UE f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni u tikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx parti mis-sistema Komunitarja ta’ l-attribuzzjoni tal-kompetenzi. Hija tikkontesta wkoll ir-rilevanza tal-prinċipju espost mill-Kummissjoni, skond liema fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, ir-regola l-ġdida għandha tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li ġiet fis-seħħ taħt ir-regola l-qadima. Fil-fatt, ir-rikorrenti tenfasizza li hija topponi biss l-applikazzjoni retroattiva tat-Trattat KE għal sitwazzjoni mgħoddija, u mhux futura, li ġiet fis-seħħ taħt regola mħassra. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li tista’ ssir distinzjoni bejn ir-regoli sostantivi u r-regoli proċedurali.

45      Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi solvuta fid-dawl ta’ l-unità tas-sistema ġuridika Komunitarja li tiġbor fiha t-Trattati KEFA u KE, li tissemma fl-Artikolu 3 UE. Hija tosserva, sussegwentement, li l-kompetenza li l-Kummissjoni għandha li tistħarreġ l-għajnuna mill-Istat hija ċara, peress li kemm it-Trattat KEFA, kif ukoll it-Trattat KE, jagħtuha setgħat ta’ stħarriġ f’dan il-qasam.

46      Il-Kummissjoni ssostni li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, regola ġdida hija immedjatament applikabbli fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li ġiet fis-seħħ taħt ir-regola l-qadima (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Alber għas-sentenza International Power et vs NALOO, iċċitata iktar’il fuq, punt 48). B’hekk, l-ebda dispożizzjoni tranżitorja ta’ dritt primarju ma ġiet adottata fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni żżid li l-ġurisprudenza li teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA skond l-Artikolu 305 KE tikkonċerna s-soluzzjoni ta’ kunflitti bejn regoli li huma fis-seħħ simultanjament u ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet fejn dawn ir-regoli jiġu wara xulxin f’termini ta’ żmien.

47      Hija tosserva li tradizzjonalment huwa stabbilit li hemm distinzjoni bejn ir-regoli proċedurali u r-regoli sostantivi. Fir-rigward tar-regoli proċedurali, huma applikabbli dawk fis-seħħ meta tinfetaħ il-fażi in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 22). Għaldaqstant, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li għandha bħala suġġett għajnuna mogħtija qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA għandha ssir abbażi ta’ l-Artikolu 88 KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1).

48      Fir-rigward tad-dritt materjali applikabbli, il-Kummissjoni tqis li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għajnuna li tikkonċerna s-sena 2001 u, min-naħa l-oħra, dik li tikkonċerna s-snin 1998 u 2000. Fir-rigward ta’ l-għajnuna ta’ l-2001, id-deċiżjoni kkontestata kellha tapplika l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1407/2002, skond il-punt 47 tal-Komunikazzjoni 2002/C 152/03, skond ir-rieda tal-leġiżlatur, espressa fil-premessa 24 tar-regolament Nru 1407/2002, li din tiġi applikata retroattivament, kif ukoll skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 50), u skond ir-rwol tal-lex generalis li l-Artikolu 305 KE jirrikonoxxi lit-Trattat KE fil-konfront tat-Trattat KEFA.

49      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, f’kull każ, il-kontenut ta’ l-Artikolu 7 u ta’ l-anness tar-Regolament Nru 1407/2002 huwa identiku għal dak ta’ l-Artikolu 5 u ta’ l-aness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 li kienet preċedentement applikabbli, apparti mill-fatt li s-sistema legali l-ġdida tawtorizza għajnuna għall-għeluq totali ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni filwaqt li s-sistema legali KEFA kienet tawtorizza wkoll għajnuna fir-rigward ta’ għeluq parzjali. Il-Kummissjoni tosserva madankollu li, f’dan il-każ, l-għajnuna ta’ l-2001 kienet intiża għall-għeluq totali ta’ l-impjanti tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida. Għalhekk, peress li s-sistema applikabbli kienet identika f’dan il-każ, is-suċċessjoni fiż-żmien tas-sistemi li rriżultaw mit-Trattat KEFA u t-Trattat KE ma kkaġunatx ħsara lir-rikorrenti.

50      Fir-rigward ta’l-għajnuna ta’ l-1998 u l-2000, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata m’għamlet l-ebda analiżi ġdida abbażi tar-regoli ġenerali tat-Trattat KEFA jew tat-Trattat KE, iżda llimitat ruħha li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjonijiet 98/637 u 2001/162 ġewx irrispettati. Il-legalità ta’ din l-għajnuna għandha għaldaqstant tiġi evalwata biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, li jibqgħu kompletament fis-seħħ.

51      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha tipproċedi abbażi ta’ l-Artikolu 226 KE, l-istituzzjoni tikkunsidra li jekk jiġi aċċettat li t-Trattat KE huwa applikabbli sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mogħtija skond it-Trattat KEFA, l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 88 KE, li huwa l-Artikolu applikabbli ratione materiae, ma jistax jiġi kkontestat.

52      Il-Kummissjoni tosserva fl-aħħar nett li l-argument tar-rikorrenti, ibbażata fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, iwassal għall-kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni l-anqas mhija kompetenti sabiex tirrevoka d-Deċiżjoni 2002/827 u li jkun impossibbli li tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tat-Trattat KEFA wara l-iskadenza ta’ dan it-Trattat, peress li l-kompetenza tal-Qrati Komunitarji għandha l-istess bażi bħall dik tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

53      It-Trattati Komunitarji waqqfu sistema legali unika (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/91 ta’ l-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I‑6079, punt 21; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Stahlwerke Peine-Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T‑120/89, Ġabra p. II‑279, punt 78), fil-kuntest ta’ liema, kif inhu indikat fl-Artikolu 305(1) KE, it-Trattat KEFA jikkostitwixxi sistema legali speċifika li tidderoga mir-regoli ta’ natura ġenerali stabbiliti mit-Trattat KE.

54      Skond l-Artikolu 97 tiegħu, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002. Konsegwentement, fl-24 ta’ Lulju 2002, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali li tirriżulta mit-Trattat KE ġie estiż għas-setturi li inizzjalment kienu rregolati mit-Trattat KEFA.

55      Jekk is-suċċessjoni tal-qafas ġuridiku tat-Trattat KE fuq dak tat-Trattat KEFA wassal, b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002, għal tibdil tal-bażi legali, tal-proċeduri u tar-regoli sostantivi applikabbli, dan għandu jiġi interpretat fil-kuntest ta’ l-unità u l-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u ta’ l-għanijiet tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-introduzzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera, li fi ħdanha l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni huma ggarantiti u li ġeneralment tagħti lok għar-regoli fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE (ara, fl-aħħar nett, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 31) kif ukoll tat-Trattat KEFA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C‑280/99 P sa C‑282/99 P, Ġabra p. I‑4717, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T‑89/96, Ġabra p. II‑2089, punt 106). F’dan il-kuntest, għalkemm ir-regoli tat-Trattati KEFA u KE li jirregolaw id-dixxiplina fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat huma sa ċertu punt differenti, madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-għajnuna mogħtija taħt it-Trattat KEFA tissoddisfa l-kunċett ta’ għajnuna skond l-Artikoli 87 KE u 88 KE. Għaldaqstant il-persegwiment ta’ l-għan li jkun hemm kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-setturi li inizzjalment kienu jaqgħu taħt is-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar mhuwiex interrott minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, peress li dan l-għan huwa persegwit ukoll mit-Trattat KE.

56      Il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u ta’ l-għanijiet tagħha li jmexxu t-tħaddim tagħha teżiġi għaldaqstant li, bħala suċċessur l-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta’ l-Azzar, u fil-kuntest proċedurali li huwa dak tagħha, il-Komunità Ewropea tiggarantixxi, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt it-Trattat KEFA, ir-rispett tad-drittijiet u ta’ l-obbligi li jkun hemm eo tempore kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-individwi skond it-Trattat KEFA u r-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Din il-ħtieġa hija neċessarja iktar u iktar fejn id-disotrsjoni tal-kompetizzjoni, li tirriżulta min-nuqqas ta’ rispett tar-regoli fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, x’aktarx testendi l-effetti tagħha fiż-żmien wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, taħt it-Trattat KE.

57      Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 88(2) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippremetti lill-Kummissjoni li tistħarreġ, wara t-23 ta’ Lulju 2002, il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija fl-oqsma li jaqgħu, ratione materiae u ratione temporis, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, kif ukoll l-applikazzjoni mill-Istat Membri ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat adottati skond it-Trattat KEFA, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li seħħu qabel ma’ skada dan it-Trattat.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li s-suċċessjoni, fi ħdan is-sistema legali Komunitarja, tar-regoli tat-Trattat KE f’qasam inizzjalment irregolat mit-Trattat KEFA għandha sseħħ fir-rispett tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi fiż-żmien. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għalkemm ir-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati bħala li japplikaw għall-kawżi pendenti kollha meta dawn jidħlu fis-seħħ, dan ma jgħoddx għar-regoli sostantivi. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar għandhom jiġu interpretati, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, bħala li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss safejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li t-tali effett għandu jingħatalhom (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Salumi, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9, u ta’ l-10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T‑42/96, Ġabra p. II‑401, punt 55).

59      Minn din il-perspettiva, fir-rigward tal-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet materjali applikabbli għal sitwazzjoni ġuridika li definittivament ingħalqu qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u l-ħtiġijiet li jikkonċernaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet materjali, adottati skond it-Trattat KEFA, għall-fatti li, ratione materiae u ratione temporis, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Iċ-ċirkustanza li l-kuntest leġiżlattiv in kwistjoni ma jkunx fis-seħħ meta ssir l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali, u dan minħabba l-fatt li t-Trattat KEFA skada, bl-ebda mod ma taffettwa din il-kunsiderazzjoni, u dan għaliex din l-evalwazzjoni tirrigwarda sitwazzjoni ġuridika definittivament magħluqa fi żmien meta kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet materjali adottati skond it-Trattat KEFA.

60      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 88(2) KE, wara proċedura li saret skond ir-Regolament Nru 659/1999. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-bażi legali u l-proċedura segwita sa ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata jaqgħu taħt, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 58 iktar’il fuq, ir-regoli proċedurali. Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni ġustament applikat l-Artikolu 88(2) KE u r-regoli proċedurali previsti fir-Regolament Nru 659/1999.

61      Fir-rigward tar-regoli sostantivi, u safejn l-argumenti tar-rikorrenti jsostnu l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-applikazzjoni allegatament żbaljata tar-Regolament Nru 1407/2002, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna sitwazzjonijiet ġuridiċi definittivament ingħalqu qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, peress li l-fatti kollha in kwistjoni seħħew qabel it-23 ta’ Lulju 2002. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala suġġett l-eżami, minn naħa, ta’ l-applikazzjoni eventwalment abbużiva ta’ l-għajnuna mħallsa għas-snin 1998 u 2000 u, min-naħa l-oħra, tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna mogħtija għas-sena 2001 qabel ma ngħatat l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

62      Għaldaqstant, l-istħarriġ ta’ l-użu ta’ l-għajnuna mill-Istat mogħtija għas-snin 1998 u 2000 għandu jseħħ fid-dawl tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni 98/637 u 2001/162, minħabba li dawn id-deċiżjonijiet effetwaw l-eżekuzzjoni ta’ din l-għajnuna. Safejn dawn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jeħtieġu l-osservanza l-qafas leġiżlattiv stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 3632/93, l-użu ta’ l-għajnuna mill-Istat mogħtija għas-snin 1998 u 2000 għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli li din id-deċiżjoni tipprovdi.

63      Barra minn hekk, il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat mogħtija għas-sena 2001 għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli tad-Deċiżjoni Nru 3632/93. Fil-fatt, għalkemm il-qafas leġiżlattiv li din id-deċiżjoni stabbiliet ma baqax fis-seħħ b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002 u ma jistax, konsegwentement, jiddetermina l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija wara din id-data, dan, madankollu, xorta waħda kien jikkostitwixxi s-sistema applikabbli meta seħħew il-fatti in kwistjoni.

64      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata madankollu li, għalkemm fil-premessa 63(a) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li hija stħarrġet l-użu ta’ l-għajnuna għas-snin 1998 u 2000 fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 98/637 u 2001/162, u, indirettament, tar-regoli tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-istituzzjoni ddeċidiet xorta waħda li twettaq analiżi ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida abbażi ta’ l-Artikolu 7 u ta’ l-anness tar-Regolament Nru 1407/2002.

65      Bl-istess mod, minkejja li, fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha li teżamina l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż li jirrigwardaw l-għeluq parzjali tas-settur ta’ Buseiro abbażi tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, fil-premessi 81 sa 83 hija xorta waħda eżaminat b’mod espliċitu il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ parti minn din l-għajnuna abbażi tar-Regolament Nru 1407/2002.

66      Barra minn hekk, fil-premessa 63(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li, skond il-punt 47 tal-Komunikazzjoni 2002/C 152/03, hija kellha l-intenzjoni li teżamina l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna għas-sena 2001, mogħtija qabel l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, ma’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1407/2002.

67      Madankollu għandu jiġi osservat li, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1407/2002, dan ta’ l-aħħar japplika b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002. Eċċezzjoni, prevista fl-Artikolu 14(2), tippermetti, fuq talba mmotivata ta’ Stat Membru, li l-għajnuna li tkopri spejjeż għas-sena 2002 tkun tista’ tibqa’ tiġi suġġetta għar-regoli u l-prinċipji tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, bl-eċċezzjoni tar-regoli li jikkonċernaw it-termini ta’ żmien u l-proċeduri. Għaldaqstant mill-kliem ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1407/2002 jirriżulta b’mod ċar li dan ir-regolament japplika għal sitwazzjonijiet li ngħalqu l-iżjed kmieni mill-24 ta’ Lulju 2002.

68      Il-Kummissjoni għaldaqstant ma kinitx iġġustifikata li tipprovdi, fil-punt 47 tal-Komunikazzjoni 2002/C 152/03, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija qabel it-23 ta’ Lulju 2002 mingħajr l-approvazzjoni preċedenti tagħha kienet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1407/2002.

69      Barra minn hekk, id-diversi argumenti mressqa mill-Kummissjoni in sostenn ta’ din l-ipoteżi għandhom jiġu miċħuda. L-ewwel nett, il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1407/2002 ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jagħti effett retroattiv lil dan ir-regolament (ara l-punt 58 iktar’il fuq) b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu applikabbli għas-sitwazzjonijiet li nħolqu qabel l-24 ta’ Lulju 2002. Din il-premessa ssemmi, barra minn hekk, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1407/2002 li jipprovdi li, minkejja li dan ir-regolament daħal fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri fit-2 ta’ Awwissu 2002, dan diġà kien applikabbli b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002.

70      Sussegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar’il fuq. Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju msemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li jgħid li regola ġdida tapplika immedjatament fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nibdet taħt ir-regola l-qadima, hija valida biss għas-sitwazzjonijiet li jkunu għadhom għaddejjin meta tidħol fis-seħħ ir-regola l-ġdida, u mhux fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li, bħal f’dan il-każ, ikunu definittivament ingħalqu taħt ir-regola l-qadima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar’il fuq, punti 51 u 52).

71      Fl-aħħar nett, mill-istess natura ta’ lex generalis tat-Trattat KE fir-rigward tat-Trattat KEFA, imsemmija fl-Artikolu 305 KE, jirriżulta li s-sistema speċifiku li toħroġ mit-Trattat KEFA u mir-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu hija, abbażi tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet li jseħħu qabel l-24 ta’ Lulju 2002.

72      Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li r-Regolament Nru 1407/2002 ma kienx jikkostitwixxi l-qafas legali abbażi ta’ liema setgħet tiġi eżaminata l-applikazzjoni ħażina ta’ l-għajnuna għas-snin 1998 u 2000, jew il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna mogħtija għas-sena 2001.

73      Il-Kummissjoni madankollu ssostni li l-kontenut ta’ l-Artikolu 7 ta’ l-anness tar-Regolament Nru 1407/2002 huwa identiku għal dak ta’ l-Artikolu 5 ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 u li l-applikazzjoni tar-regoli li jirriżultaw mit-Trattat KE minflok ir-regoli li jirriżultaw mit-Trattat KEFA ma ppreġudikatx lir-rikorrenti.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-irregolarità kkonstatata f’dan il-każ tagħti lok għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, għall-annullament tagħha, biss safejn din l-irregolarità jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-kontenut tagħha. Fil-fatt, jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-Kummissjoni kienet tasal għal riżultat identiku, safejn il-vizzju in kwistjoni, f’kull każ, ma kienx tali li jinfluwenza l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, ma jkunx hemm lok li din ta’ l-aħħar tiġi annullata (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-kontenzjuż tal-bażi ġuridika, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punt 98; tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑211/01, Ġabra p. I‑8913, punt 52, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet proċedurali, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1980, Distillers vs Il-Kummissjoni, 30/78, Ġabra p. 2229, punt 26; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31, u, fl-aħħar nett, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II-3085, punt 67).

75      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet materjali tar-Regolament Nru 1407/2002 li abbażi tiegħu l-użu ħażin u l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna ġew eżaminati, jiġifieri l-Artikolu 7 u l-paragrafu 1(ċ)(f)(g)(h)(i) u (k) ta’ l-anness ta’ dan ir-regolament, jipprovdu regoli identiċi għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 5 u fil-paragrafu I(ċ)(f)(g)(h)(i) u (k) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet tasal għal konklużjonijiet identiċi li kieku applikat korrettement id-Deċiżjoni Nru 3632/93.

76      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, f’ċertu każijiet, il-Kummissjoni xorta waħda għamlet applikazzjoni bir-reqqa tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, peress li hija eżaminat jekk ċertu spejjeż kinux jaqgħu taħt il-kategorija prevista fil-paragrafu I(1) ta’ l-anness ta’ din id-deċiżjoni, li tikkostitwixxi kategorija ta’ spejjeż li ma ġietx ikkunsidrata fl-anness tar-Regolament Nru 1407/2002.

77      Peress li l-applikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 140/2002 minnflok l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 ma kellhiex konsegwenza fuq is-sens u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, m’hemmx lok li jiġi kkunsidrat li din l-irregolarità, tkun kemm tkun spjaċevoli, hija tali li twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar’il fuq, l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta, abbażi ta’ l-Artikolu 88(2) KE, id-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud. Dan jgħodd ukoll safejn ir-rikorrenti, permezz ta’ dan l-ewwel motiv, ssostni l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1407/2002.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fil-proċedura segwita għat-tħassir ta’ l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura applikata mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx approprjata.

80      Fi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni, hija tikkontesta l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv u ssostni li deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 88(2) KE tista’ tiġi kkontestata safejn din timplika l-kwalifikazzjoni ta’ l-għajnuna bħala waħda eżistenti jew ġdida (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II‑3437, punti 39 sa 43). Minn naħa, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-kwalifikazzjoni ta’ l-għajnuna eżaminata f’din il-kawża mid-Deċiżjoni 2002/827 u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2003 li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni ma biddlitx il-kwalifikazzjoni in kwistjoni. Għaldaqstant ma kienx hemm lok li jitressaq rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni.

81      Ir-rikorrenti ssostni, sussegwentement, li la l-Artikolu 88(2) KE u l-anqas ir-Regolament Nru 659/1999 ma jinkludu dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-proċedura li għandha tiġi applikata għat-tħassir ta’ deċiżjoni sfavorevoli. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 huwa applikabbli biss għat-tħassir ta’ deċiżjonijiet favorevoli deċiżi skond l-Artikolu 4(2) jew (3), jew l-Artikolu 7(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tikkonstata jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ l-għajnuna, jew li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, u dan bi jew mingħajr kundizzjonijiet. L-artikoli mħassra jikkonċernaw għajnuna li jew ġiet ikkunsidrata bħala li kienet suġġetta għal użu abbżiv, jew inkella li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 li jipprovdi għat-tħassir ta’ deċiżjoni ladarba din tkun ibbażata fuq informazzjoni li mhijiex eżatta mogħtija waqt il-proċedura huwa ta’ importanza determinanti. B’hekk it-tħassir ta’ l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 ma jirriżultax minn informazzjoni li mhijiex eżatta, iżda minn illegalità kkważata mill-ksur tar-regoli proċedurali applikabbli.

82      Ir-rikorrenti ssostni li, peress li r-Regolament Nru 659/1999 ma jipprovdi l-ebda proċedura għat-tħassir tad-deċiżjonijiet sfavorevoli illegali, il-Kummissjoni jmissha pproċediet ex officio u mingħajr dewmien għat-tħassir tad-deċiżjoni kkontestata. Billi applikat il-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex tħassar l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-legalità minħabba li, filwaqt li rrikonoxxiet l-illegalità tagħhom, hija żammet dawn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ sad-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-5 ta’ Novembru 2003, u ġegħlet, minħabba f’hekk, lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż u l-inkonvenjenti marbuta mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija mill-awtoritajiet Spanjoli. Il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni ġusta, kif stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, skond liema kull persuna għandha b’mod partikolari d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u mill-organi ta’ l-Unjoni.

83      Ir-rikorrenti tgħid ukoll li l-Kummissjoni, peress li qieset li kien neċessarju li jitħassru l-Artikoli 1, 2 u 5, ma tistax tikkontesta l-illegalità tad-Deċiżjoni 2002/827.

84      Hija tikkontesta, barra minn hekk, ir-rilevanza tal-fatt li r-rikors ma sarx kontra l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li r-rikors m’għandhux bħala suġġett l-annullament tat-tħassir li sar skond din id-dispożizzjoni, iżda għandu bħala suġġett il-proċedura ta’ tħassir applikata mill-Kummissjoni.

85      Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli minħabba n-natura tardiva tiegħu. Fil-fatt, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura tad-19 ta’ Frar 2003 tidher li eskludiet it-tħassir immedjat ta’ l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827. Ir-rikorrenti jmissha għaldaqstant ressqet rikors kontra d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura.

86      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li ladarba r-rikors ma sarx kontra l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li tħassar l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827, dan ma jistax jikkomporta l-metodu li bih sar it-tħassir. Li kieku l-Kummissjoni pproċediet sabiex twettaq tħassir immedjat, hija kien ikollha f’kull każ tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE sabiex teżamina mill-ġdid il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Skond il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ tħassir immedjat bl-ebda mod ma jaffettwa d-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, jekk jitqies li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jippermettix it-tħassir li sar f’dan il-każ, din l-illegalità tikkonċerna biss l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, liema dispożizzjoni mhijiex imsemmija f’dan ir-rikors.

87      Il-Kummissjoni ssostni, sussegwentement, li rriżultat li d-Deċiżjoni 2002/827 kienet ibbażata fuq informazzjoni parzjalment inkorretta, wara l-ilmenti li saru mir-rikorrenti meta hija pprovdiet tagħrif ġdid fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tammetti li l-motivi li wassluha sabiex terġa tiftaħ il-proċedura, jiġifieri dubji fir-rigward tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/827 u interess għat-tisħiħ tal-garanziji proċedurali, ma jissemmewx espliċitament fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, skond il-Kummissjoni, il-każijiet ta’tħassir previsti minn din id-dispożizzjoni mhumiex eżawrjenti. Il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jippermettu t-tħassir ta’ deċiżjonijiet negativi ladarba jirriżultaw xi dubji fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni, 15/85, Ġabra p. 1005, punti 12 u 17).

88      Fir-rigward tal-mod li bih tmexxa l-eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni ssostni li dan l-eżami mill-ġdid seta jaffettwa l-kompetituri tar-rikorrenti. Il-metodu ta’ l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni kien għaldaqstant, skond l-istituzzjoni, konformi mal-prinċipji tal-legalità u ta’ l-amministrazzjoni ġusta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-ammissibbiltà

89      Skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skond l-Artikoli 230 KE il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jeffetwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu s-sitwazzjoni legali tiegħu b’mod sinjifikattiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Lulju 1998, Regione Toscana vs Il-Kummissjoni, T‑81/97, Ġabra p. II‑2889, punt 21, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ġunju 2003, Forum 187 vs Il-Kummissjoni, T‑276/02, Ġabra p. II‑2075, punt 39).

90      Fir-rigward ta’ atti jew deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’numru ta’ fażijiet, b’mod partikolari wara proċedura interna, bħala prinċipju, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni ta’ l-istituzzjoni wara din il-proċedura, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 10, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra p. II‑367, punt 42).

91      Skond din il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni sabiex tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 88(2) KE tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE. Deċiżjoni bħal din tipproduċi, fil-fatt, effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet interessati, peress li hija ttemm il-proċedura in kwistjoni u tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà tal-miżura investigata mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-partijiet interessati dejjem għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u f’dan il-kuntest għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-diversi elementi li fuqhom hija bbażata l-pożizzjoni definittivament adottata mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra p. II‑5015, punt 45).

92      Din il-possibbiltà hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tikkawżax jew le effetti legali li jistgħu ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura formali ma jistax ikollha bħala konsegwenza li jitnaqqsu d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati billi tipprekludihom milli jikkontestaw id-deċiżjoni finali u li jinvokaw in sostenn tar-rikors tagħhom id-difetti li jikkonċernaw l-istadji kollha tal-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni (sentenza Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 46 u 47).

93      Il-Kummissjoni ma tistax, għaldaqstant, tinvoka n-natura tardiva tat-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti.

–       Fuq il-mertu

94      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali. Fil-fatt, peress li l-proċedura prevista mill-Artikou 9 tar-Regolament Nru 659/1999 mhijiex applikabbli, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ legalità u ta’ l-amministrazzjoni tajba billi ħassret l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 biss wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija bil-għan li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, u mhux immedjatament, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ l-imsemmija proċedura formali.

95      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 ma ġietx applikata f’dan il-każ. Fil-fatt, la d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-anqas id-deċiżjoni kkontestata ma jsemmu l-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999. Minn dan jirriżulta li, safejn, b’dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta applikat il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, dan għandu jiġi miċħud bħala li mhuwiex ibbażat fuq il-fatti.

96      Barra minn hekk, kif issostni r-rikorrenti, din il-proċedura ma kinitx applikabbli. Fil-fatt mill-kliem użat fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika esklużivament għat-tħassir ta’ deċiżjonijiet pożittivi meħuda skond l-Artikolu 4(2) jew (3), jew l-Artikolu 7(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, adottati abbażi ta’ informazzjoni li mhijiex eżatta pprovduta matul il-proċedura. F’dan il-każ, l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 jagħtu lok għal deċiżjoni negativa, peress li jikkonstataw l-applikazzjoni ħażina ta’ ammont ta’ għajnuna awtorizzata għas-snin 1998 u 2000 u l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna mogħtija illegalment għas-sena 2001.

97      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, f’kull każ, il-possibbiltà li l-Kummissjoni għandha li tiritira deċiżjoni fuq għajnuna mill-Istat mhijiex limitata għas-sempliċi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija biss espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li t-tħassir retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs L-Assemblea, 7/56, 3/57 sa 7/57, Ġabra p. 81, 116, u tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 10; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Gooch vs Il-Kummissjoni, T‑197/99, Ġabra SP p. I‑A‑271 u II‑1247, punt 53), b’mod partikolari ladarba l-att amministrattiv in kwistjoni ġie adottat abbażi ta’ indkazzjonijiet li mhumiex eżatti jew inkompleti pprovduti mill-parti interessata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1961, S.N.U.P.A.T. vs L- Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, Ġabra p. 103, 160). Il-possibbiltà li jiġi rtirat b’mod retroattiv att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi mhijiex madankollu limitat għal din iċ-ċirkustanza biss, peress li t-tali rtirar jista’ dejjem iseħħ, bla ħsara għall-osservanza, mill-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att, tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rispett ta’ terminu raġonevoli u ta’ l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju ta’ l-att li seta’ jafda fil-legalità ta’ dan ta’ l-aħħar.

98      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jirriżulta li r-raġuni għall-ftuħ ta’ din il-proċedura formali ma kinitx dovuta għal evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2002/827, fuq in-natura abbużiva ta’ l-applikazzjoni ta’ l-għajnuna awtorizzata għas-snin 1998 u 2000 u fuq il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna mogħtija għas-sena 2001, iżda biss fuq ċerti dubji dwar jekk ir-regoli proċedurali applikabbli ġewx irrispettati.

99      Barra minn hekk, mill-fajl ma jirriżultax li, fil-ftuħ tal-proċedura formali, il-Kummissjoni kellha elementi li jindikaw li l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 kienu jirriżultaw minn evalwazzjoni żbaljata tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

100    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ tħassir immedjat ta’ l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 ma kinx ta’ natura tali li jaffettwa b’xi mod l-kontenut ta’ l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors għal annullament. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma pprovatx, u l-anqas allegat, li ż-żamma fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2002/827 matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet setgħet taffettwa l-possibbiltà għall-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

101    F’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti (ara l-punt 82 iktar’il fuq), li jgħid li n-nuqqas ta’ tħassir immedjat ġegħlitha tbati l-ispejjeż u l-inkonvenjenti tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija mill-awtoritajiet Spanjoli, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fiha nnifisha, din iċ-ċirkustanza mhijiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal annullament.

102    Għaldaqstant, anki jekk jiġi ikkunsidrat, kif issosnti r-rikorrenti, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ legalità u ta’ l-amministrazzjoni ġusta billi naqset milli tħassar l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 wara li bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, it-tali irregolarità, jekk jitqies li ġiet stabbilita, f’kull każ mhijiex tali li twassal għall-illegalità ta’ l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

103    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u tal-forom proċedurali sostanzjali.

 L-argumenti tal-partijiet

104    It-tielet motiv huwa maqsum fi tnejn, l-ewwel parti hija dik prinċipali filwaqt li t-tieni parti hija sussidjarja.

105    Fil-kuntest ta’ l-ewwel parti, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura formali ta’eżami kienet tenfasizza li l-imsemmija proċedura kienet infetħet mill-ġdid sabiex jitħassru l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 u tas-sostituzzjoni ta’ din ta’ l-aħħar minn deċiżjoni finali ġdida.

106    Id-deċiżjoni kkontestata ddikjarat abbużiva u inġustifikata l-għajnuna li tammonta għal EUR 513 757,49 (ESP 85 482 054), fir-rigward it-tħaffir żejjed fis-settur tat-tramuntana ta’ Buseiro, u l-għajnuna li tammonta għal EUR 508 456,24 (ESP 84 600 000), fir-rigward ta’ xaftijiet u xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba. Skond ir-rikorrenti, din l-għajnuna ġiet għaldaqstant ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni mid-Deċiżjoni 2002/827, u ma kinitx għaldaqstant koperta mill-Artikoli 1, 2 u 5 tagħha.

107    Safejn il-pożizzjoni favorevoli tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-għajnuna msemmija iktar’il fuq ma kinitx ibbażata fuq informazzjoni li ma kinitx eżatta, waħda mill-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 ma ġietx soddisfatta. Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ tħassir hija mmotivata biss bil-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fil-proċedura segwita għall-finijiet ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/827. Konsegwntement, ladarba l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 ma ġewx soddisfatti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi peress li r-rikorrenti setgħet leġittimament tikkunsidra li d-Deċiżjoni 2002/827 kienet definittiva safejn kienet tikkonċerna l-għajnuna li ma kinitx ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

108    Ir-rikorrenti tenfasizza li l-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2002/827 hija bbażata fuq dokument li jirrigwarda l-iżvilupp tas-siti ta’ minijieri abbandunati, li kienet tispjega kif tqassmu l-ispejjeż ikkawżati minħabba l-għeluq ta’ parti mill-impjanti tal-minjieri, fejn dawn l-ispejjeż kienu jinkludu espliċitament l-ispejjeż li għalhihom kien intiż l-ammont ta’ EUR 1 022 213,33 li jikkonċerna t-tħaffir żejjed fis-settur tat-tramuntan ta’ Buseiro u t-tlestija ta’ xaftijiet u xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għall-finijiet tat-tħassir tad-Deċiżjoni 2002/827 li l-Kummissjoni użat dan id-dokument in sostenn ta’ l-analiżi preliminari ta’ l-għajnuna li rċeviet ir-rikorrenti.

109    Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li jgħid li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/827 ma tikkonċernax l-ispejjeż li għalihom kien dovut l-ammont ta’ EUR 1 022 213,33 u tfakkar li l-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-portata litterali tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u ċ-ċirkustanzi tal-kawża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 36, u tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑114/00, Ġabra p. I‑7657, punt 63).

110    Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni sussidjarjament li, fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 jippermetti, f’dan il-każ, it-tħassir tad-Deċiżjoni 2002/827, il-Kummissjoni tkun kisret il-proċedura applikabbli skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999.

111    Din id-dispożizzjoni teżiġi li, qabel it-tħassir ta’ deċiżjoni favorevoli, il-Kummissjoni twettaq proċedura formali ta’eżami u li, fid-deċiżjoni li tiftaħ din il-proċedura formali, hija twettaq evalwazzjoni preliminari ta’ l-elementi tad-deċiżjoni li hija għandha l-intenzjoni li tħassar u tesprimi d-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni. L-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa dak li jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, skond il-prinċipju li jgħid li l-ebda deċiżjoni sfavorevoli m’għandha tiġi adottata mingħajr ma l-partijiet li jkunu ser jiġu affettwati ħażin mill-att ikollhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dubji li l-Kummissjoni jkollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 29, il-konklużjonijiet ta’l-Avukat Ġenerali Alber għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, I‑7876, punti 96 u 99, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punti 142 u 147).

112    Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa mill-Kummissjoni ma kellhiex bħala għan it-teħid ta’ pożizzjoni favorevoli għall-impriża fformulata fid-Deċiżjoni 202/827, li tiddikjara ċerta għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, iżda biss it-tħassir ta’ l-Artikoli 1, 2 u 5 ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni m’għamlet l-ebda evalwazzjoni preliminari, u lanqas ma esprimiet dubji fir-rigward ta’ l-għajnuna li kienet is-suġġett ta’ teħid ta’ pożizzjoni favorevoli fid-Deċiżjoni 2002/827. Bil-kontra ta’ dan, skond ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-għajnuna meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni fid-Deċiżjoni 2002/827 kienet mill-ġdid ġiet ikkunsidrata bħala tali.

113    Billi ma nfurmatx lill-awtoritajiet Spanjoli u lir-rikorrenti la dwar id-dubji li hija kellha fir-rigward ta’ l-għajnuna li ġiet ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni fid-Deċiżjoni 2002/827, u lanqas dwar il-possibbli li din ta’ l-aħħar tiġi mħassra b’mod iktar wiesgħa mis-sempliċi Artikoli 1, 2 u 5, il-Kummissjoni ma ppermettietx lir-Renju ta’ Spanja u lir-rikorrenti li jippreżentaw osservazzjonijiet utili f’dan ir-rigward. L-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata huma konsegwentement ivvizzjati minn vizzju proċedurali.

114    Il-Kummissjoni tikkontesta dan il-motiv fuq il-merti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

115    F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2002/827 jirriżulta li din kellha b’mod partikolari bħala għan l-eżami, minn naħa, ta’ l-applikazzjoni eventwalment abbużiva ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, mogħtija għas-snin 1998 u 2000, li tammonta, rispettivament, għal EUR 3 918 049,35 (ESP 651 908 560) u ta’ EUR 2 786 246,34 (ESP 463 592 384), u li kienet koperta mid-Deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni 98/637 u 2001/162, u, min-naħa l-oħra, tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, mogħtija għas-sena 2001 qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tammonta għal EUR 2 367 817 (ESP 393 971 600).

116    Mill-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2002/827, moqrija fid-dawl tal-premessi 3 u 19 sa 22 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali awtorizzata għas-snin 1998 u 2000 kienet is-suġġett ta’ applikazzjoni ħażina li kienet tammonta għal EUR 2 745 428,96 (ESP 456 800 943). Fir-rigward ta’ l-għajnuna sabiex jiġu koperti spejjeż eċċezzjonali mogħtija għas-sena 2001, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-għajnuna kollha kemm hi, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 2 367 817 (ESP 393 971 600), kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

117    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 iddikjaraw bħala inkompatibbli mas-suq komuni u ordnaw lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna kollha li kienet tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali mogħtija għas-snin 1998, 2000 u 2001, ħlief, madankollu, għall-ammont ta’ EUR 3 958 866,73 (ESP 658 700 000), mogħti għas-snin 1998 u 2000, fir-rigward ta’ liema l-artikoli msemmija iktar’il fuq ma semmew xejn, u li, konsegwentement baqgħa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni 98/637 u 2001/162.

118    Skond ir-rikorrenti, l-ammonti ta’ EUR 513 757,49 (ESP 85 482 054) u ta’ EUR 508 456,24 (ESP 84 600 000), relatati, rispettivament, ma’ tħaffir żejjed fil-parti tat-tramuntana tas-settur ta’ Buseiro u mat-tlestija ta’ xaftijiet u ta’ xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba, jagħmlu parti mill-ammont ta’ EUR 3 958 866,73 (ESP 658 700 000), li jikkorrispondi mal-parti ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali mogħtija għas-snin 1998 u 2000 li ma kinitx is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ħażina.

119    F’dan ir-rigward, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, għandu jiġi ppreċiżat li għalkemm, fid-Deċiżjoni 2002/827, il-Kummissjoni ma sostnietx li din il-parti ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali mogħtija għas-snin 1998 u 2000 kienet is-suġġett ta’ applikazzjoni ħażina, ma jistax madankollu jiġi kkunsidrat, a contrario, li hija qieset li din kienet is-suġġett ta’ applikazzjoni konfromi mal-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93. Fid-dawl ta’ l-elementi li tressqu għall-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat biss li ma kienx hemm lok li tiġi kkonstatata l-applikazzjoni ħażina ta’ dawn l-ammonti ta’ għajnuna. Għaldaqstant, il-fatt li d-Deċiżjoni 2002/827 ikkonstatat biss l-applikazzjoni ħażina ta’ parti mill-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali mogħtija għas-snin 1998 u 2000 ma jagħti l-ebda dritt suġġettiv ulterjuri lir-rikorrenti li ma ġiex mogħti lilha mid-deċiżonijiet inizzjali ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward tal-parti l-oħra ta’ l-għajnuna in kwistjoni, li ma kinitx is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ applikazzjoni ħażina. Għaldaqstant kif diġà ġie rrilevat fil-punt 117 iktar’il fuq, il-parti msemmija baqgħet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni 98/637 u 2001/162 u tibbenefika, f’dan ir-rigward, minn preżunzjoni ta’ applikazzjoni mhux ħażina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u Zemag vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 86).

120    Barra minn hekk, safejn il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tħassar l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827, jiġifieri d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali mogħtija għas-snin 1998, 2000 u 2001, u tadotta deċiżjoni ġdida f’dan ir-rigward, hija kienet marbuta, fir-rigward ta’ l-eżami ta’ l-applikazzjoni eventwalment abbużiva ta’ l-għajnuna mogħtija għas-snin 1998 u 2000, li terġa twettaq dan l-eżami fuq bażi fattwali identika għal dik li kienet teżisti fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/827. Bl-istess mod, safejn l-għajnuna kollha intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali mogħtija għas-sena 2001 ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni kellha teżamina mill-ġdid din l-għajnuna kollha. Għaldaqstant, l-eżami li sar fil-kuntest tal-proċedura formali ġdida kellu jkun ibbażat fuq l-ammonti kollha ta’ l-għajnuna li kienu s-suġġett ta’ l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/827. Kif ġie osservat fil-punt 115 iktar’il fuq, mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2002/827 jirriżulta li s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni kien jikkonsisti mill-eżami, minn naħa, ta’ l-applikazzjoni eventwalment abbużiva ta’ l-ammonti ta’ EUR 3 918 049,35 (ESP 651 908 560) u ta’ EUR 2 786 246,34 (ESP 463 592 384), mogħtija lir-rikorrenti rispettivament għas-snin 1998 u 2000, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 3632/93 u, min-naħa l-oħra, tal-konformità ma’ din l-istess dispożizzjoni ta’ l-ammont ta’ EUR 2 367 817 (ESP 393 971 600), mogħti lir-rikorrenti għas-sena 2001, qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

121    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tallega li kien hemm aspettattivi leġittimi peress li l-ammonti ta’ għajnuna li ma ġewx ikkunsidrati bħala li kienu s-suġġett ta’ applikazzjoni ħażina fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2002/827 ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ l-eżami tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura formali ġdida fir-rigward ta’ liema d-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet innotifikata lir-Renju ta’ Spanja b’ittra tad-19 ta’ Frar 2003.

122    Għal dawn ir-raġunijiet, anki jekk jiġi kkunsidrat, kif issostni r-rikorrenti, li l-ammonti ta’ EUR 513 757,49 (ESP 85 482 054) u ta’ EUR 508 456,24 (ESP 84 600 000), relatati, rispettivament, għat-tħaffir żejjed fil-parti tat-tramuntana tas-settur ta’ Buseiro u t-tlestija ta’ xaftijiet u xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba, ma kinux koperti mill-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827, mhemmx lok, f’kull każ, li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mill-fatt li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din l-aħħar deċiżjoni, ikkunsidrat li dawn l-ammonti ta’ għajnuna kienu kompatibbli mas-suq komuni.

123    L-ewwel parti tat-tielet motiv għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

124    Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq ksur tal-proċedura applikabbli skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi mfakkar li, skond din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura formali fejn ikollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet ikollhom għarfien dwar ir-raġuni li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra provviżorjament li l-miżura in kwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punt 138, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra p. II‑4217, punt 105).

125    Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni, meta tmexxi proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat, l-aspettattivi leġittimi li setgħu tqajmu mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, T‑6/99, Ġabra p. II‑1523, punt 126), u, sussegwentement, ta’ l-aspettattiva leġittima li hija ma tibbażax id-deċiżjoni finali fuq in-nuqqas ta’ elementi li, fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-partijiet interessati ma setgħux iqisu li għandhom jipprovdulha.

126    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma esprimiet l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ l-ammonti ta’ EUR 513 757,49 (ESP 85 482 054) u ta’ EUR 508 456,24 (ESP 84 600 000), relatati, rispettivament, mat-tħaffir żejjed fis-settur ta’ Buseiro u t-tlestija ta’ xaftijiet u xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba.

127    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, madankollu, li d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tinkludi indikazzjonijiet ta’ natura li jippermettu lill-partijiet interessati jesponu l-argumenti tagħhom rigward il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-ammonti ta’l-għajnuna in kwistjoni.

128    Fir-rigward ta’ l-għajnuna intiża li tkopri l-ammont ta’ EUR 513 757,49 (ESP 85 482 054), relatat mat-tħaffir żejjed fis-settur ta’ Buseiro, għandu jiġi osservat li, fil-punt 5 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali, intitolat “Talba għal informazzjoni”, il-Kummissjoni talbet li jiġi kkomunikat lilha rapport indipendenti ta’ l-esperti tal-minjieri, li jinkludi b’mod partikolari “il-ġustifikazzjoni ta’ jekk l-ispejjeż għat-tneħħija tat-terrapien fis-siti tat-tħaffir fil-miftuħ ta’ Buseiro iddaħħlux fl-eżerċizzju ta’ eżekuzzjoni bħala spejjeż ta’ xogħolijiet jew bħala spejjeż ta’ investiment”.

129    Kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 jirriżulta li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali biss dawk l-ispejjeż li m’għandhomx relazzjoni mal-produzzjoni kurrenti. Din ir-regola, li għandha bħala għan li jiġi evitat li l-istess spejjeż ma jibbenefikawx kumulattivament minn għajnuna għall-produzzjoni u għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali, hija applikata fir-raba’ paragrafu tal-punt V tad-Deċiżjoni 98/637, kif ukoll fil-premessa 41 tad-Deċiżjoni 2001/162.

130    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora, fid-dawl tal-qafas ġuridiku applikabbli, li r-regoli tiegħu ġew imfakkra fid-Deċiżjonijiet ta’ Awtorizzazzjoni 98/637 u 2001/162, li l-iskrizzjoni, fil-kontabbiltà ta’ l-impriża, ta’ l-ispejjeż ta’ tneħħija tat-terapien fis-settur ta’ Buseiro bħala spejjeż tal-produzzjoni kienet tali li twassal il-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali li kellha tkopri dawn l-ispejjeż ma kinitx tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93.

131    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-ispejjeż li jikkonċernaw it-tneħħija tat-terrapien fis-settur ta’ Buseiro jirriżultaw mill-għeluq ta’ l-impjanti tal-minjieri, hija ma tikkontestax il-fatt li dawn l-ispejjeż ġew parzjalment koperti minn għajnuna għat-tħaddim skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 u li, għaldaqstant, dawn kienu suġġetti ta’ akkumulazzjoni ta’ għajnuna.

132    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li t-talba għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 128 iktar’il fuq, kienet ta’ natura tali li tippermetti lir-rikorrenti li tesponi l-argumenti tagħha u li tipprovdi l-elementi li hija setgħet tqis li kienu neċessarji dwar dan il-punt u dan b’ għarfien sħieħ tal-fatti tal-kawża.

133    Fir-rigward ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ammont ta’ EUR 508 456,24 (ESP 84 600 000), fir-rigward tat-tlestija ta’ xaftijiet u xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fil-punt 4.2 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fir-rigward ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali għas-sena 2001, il-Kummissjoni osservat li “l-ispejjeż li jikkorrispondi għax-xogħol ta’ sigurtà ġewwa l-minjiera ma [kinitx] tikkorrispondi […] mar-ristrutturazzjoni ta’ l-1998-2001, peress li dan ix-xogħol [kien] ta’ xaftijiet għall-ventilazzjoni meħtieġa għall-użu ta’ riżervi minjieri oħra fis-settur ta’ Sorriba”.

134    Barra minn hekk, fil-punt 5 ta’ din id-deċiżjoni, fir-rigward tat-talba għal informazzjoni, il-Kummissjoni talbet li r-rapport indipendenti ta’ l-esperti tal-minjieri jagħti spjegazzjonijiet dwar jekk l-għan tax-xogħol ta’ estrazzjoni għas-sena 2001, intiż sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tas-setturi viċini ta’ xulxin u l-modifika ta’ l-istruttura ta’ ventilazzjoni, kienx jikkonsisti f’li tiġi assigurata s-sigurtà ta’ impjanti abbandunati jew inkella f’xogħol neċessarju għall-użu ta’ riżervi ġodda.

135    Għandu jiġi għaldaqstant ikkonstatat li l-Kummissjoni esprimiet ċerti dubji rigward il-konformità ma’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż relatati mat-tlestija ta’ xaftijiet u ta’ xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba. Ir-rikorrenti setgħet għaldaqstant tippreżenta b’mod utili l-osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura amministrattiva.

136    Peress li l-ebda argument mressaq mir-rikorrenti in sostenn tat-tieni parti tat-tielet motiv ma jista’ jiġi milqugħ, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

137    Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

138    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddikjarat seba’ ammonti ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza se teżamina suċċessivament l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn l-ammonti ta’ għajnuna.

 Fuq l-ammont ta’ EUR 295 409,47 (ESP 49 152 000) rigward il-kostruzzjoni ta’ mina ta’ 1 030m fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida

–       Id-deċiżjoni kkontestata

139    Fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari li l-ispiża li tikkonċerna t-tlestija ta’ mini ta’ 1 030 m meħtieġa għat-tħaffir ta’ 170 000t ta’ faħam abbandunat ġiet attribwita, fil-kontabbiltà ta’ l-impriża, għal spejjeż ta’ tħaffir. Minħabba li 40 % ta’ dawn ta’ l-aħħar ġew koperti minn għajnuna mogħtija mill-Istat, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex tevita akkumulazzjoni ta’ għajnuna inkompatibbli, mhux iktar minn 60 % ta’ l-ispejjeż għat-tlestija ta’ dawn l-1 030 m ta’ mini setgħu ikunu ġustifikati, jiġifieri EUR 443 114,21 (ESP 73 728 000). Il-Kummissjoni qieset għaldaqstant li l-ammont li kien jifdal, jiġifieri EUR 295 409,47 (ESP 49 152 000), ma kienx kompatibbli mas-suq komuni.

–       L-argumenti tal-partijiet

140    Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija inġustifikata fid-dawl tal-waqfien b’mod definittiv mit-tħaffir kollu fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida u fid-dawl tal-fatt li l-istituzzjoni kkunsidrat li l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż marbutin ma’ l-abbandun definittiv ta’ totali ta’ 3 070 m ta’ mini f’postijiet oħra fis-sezzjon tas-settur ta’ La Prohida kienet kompatibbli mas-suq komuni.

141    Għalkemm il-Kummissjoni tikkunsidra li l-istima ta’ l-ispiża għat-tlestija ta’ dawn l-1 030 m ta’ mini hija eċċessiva, hija ma pprovdiet l-ebda kriterju kumparattiv li jippermetti li jiġi determinat kemm kellha tkun din l-ispiża fil-kundizzjonijiet tas-suq.

142    Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li parti kunsiderevoli mill-1 030 m ta’ mini abbandunati intużat għall-estrazzjoni ta’ faħam u tosserva li l-Kummissjoni ma tindikax il-parti preċiża tal-mini li ntużaw għall-allegat tħaffir tar-riżervi tal-faħam, u l-anqas it-tul ta’ żmien ta’ dan l-allegat użu. Hija tinsisti fuq il-fatt li l-mina msemmija iktar’il fuq kienet nieqsa minn kull utilità prattika qabel l-għeluq tagħha, safejn din kienet ġiet imħaffra esklużivament għall-finijiet ta’ l-aċċess għal 170 000t ta’ faħam li l-estrazzjoni tiegħu kienet ġiet abbandunata, u din hija r-raġuni li għaliha r-ristrutturazzjoni ta’ din il-mina kien sar skond l-ispiża għat-tlestija tagħha.

143    Bħala tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li 40 % ta’ l-ispejjeż marbutin ma’ l-abbandun definittiv ta’ 1 030 m ta’ mini fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida ġew koperti minn għajnuna għat-tħaddim, ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna għat-tħaddim u l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali għandhom għanijiet distinti u konsegwentement għandhom jiġu ddifferenzjati. Il-fatt li dawn l-ispejjeż ġew imniżżlin bħala spejjeż ta’ tħaffir fil-kontabbiltà annwali ma jipprekludix l-assimilazzjoni tagħhom bħala spejjeż eċċezzjonali, minħabba li dawn l-ispejjeż ma jirriżultawx mill-produzzjoni kurrenti, iżda mill-għeluq ta’ l-impjanti tal-minjieri.

144    Il-Kummissjoni tikkontesta l-merti ta’ l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

145    Għandu jiġi osservat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti tammetti espressament li l-ispejjeż li jikkonċernaw it-tlestija ta’ l-1 030 m ta’ mini jinsabu mniżżla, fil-kontabbiltà ta’ l-impriża, bħala spejjeż ta’ tħaffir. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-fatt, imsemmi fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-ispejjeż ġew koperti minn għajnuna għat-tħaddim skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93. Peress li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-proporzjoni ta’ l-ispejjeż li kienet koperta minn għajnuna għat-tħaddim ma ġietx stabbilita b’mod suffiċjentement preċiż mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija ma pprovdiet l-ebda element li jippermetti li jiġi pprovat żball min-naħa ta’ l-istituzzjoni.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi milqugħ l-argument li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi aċċettat li l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali kienet kompatibbli biss sa massimu ta’ 60 % ta’ l-ispejjeż li ttieħdu in kunsiderazzjoni. Fil-fatt, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, jekk għajnuna għall-għeluq ta’ 100 % tiġi aċċettata, dan jagħti lok għal akkumulazzjoni ta’ għajnuna li tlaħħaq il-140 %, li hija manifestament inkompatibbli mas-suq komuni.

147    Għandu jiġi kkunsidrat, barra minn hekk, li, peress li r-raġuni li għaliha l-ammont ta’ għajnuna in kwistjoni ġie ddikjarata inkompatibbli hija bbażata fuq il-fatt li l-ispiża li tikkonċerna t-tlestija ta’ l-1 030 m ta’ mini ġiet imniżżla taħt l-ispejjeż ta’ tħaffir, l-argument tar-rikorrenti, intiż sabiex isostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-ispiża għat-tlestija ta’ dawn il-mini kienet eċċessiva, hija mingħajr effett.

148    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ ssostni li l-Kummissjoni aċċettat il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż li jikkonċernaw l-abbandun definittiv ta’ 3 070 m ta’ mini f’postijiet oħra fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida. Fil-fatt, il-Kummissjoni awtorizzat din l-għajnuna fid-dawl tal-fatt li, fil-kontabbiltà ta’ l-impriża, l-ispejjeż relatati kienu jirrigwardaw kapital fiss.

149    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud billi infondat.

 Fuq l-ammont ta’ EUR 513 757,49 (ESP 85 482 054) rigward it-tneħħija ta’ 1 005 080 m³ ta’ terrapien fis-settur ta’ Buseiro

–       Id-deċiżjoni kkontestata

150    Fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-ammont ta’ EUR 1 902 805,52 (ESP 316 600 200), marbut mat-tneħħija ta’ 1 005 080 m³ ta’ terrapien fis-settur ta’ Buseiro, tniżżel fil-kontabbiltà ta’ l-impriża bħala spiża ta’ tħaffir. Il-Kummissjoni osservat li r-rikorrenti rċeviet għajnuna intiża sabiex tkopri t-telf minħabba tħaffir li tammonta għal 27 % ta’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni. Konsegwentement, 27 % ta’ l-EUR 1 902 805,52 (ESP 316 600 200) li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ tneħħija ta’ terrapien iġġustifikati mill-impriża, jiġifieri EUR 513 757,49, ma setgħux jiġu koperti minn għajnuna għall-għeluq, peress li kienu diġà koperti minn għajnuna intiża sabiex tikkumpensa għat-telf tas-sit tat-tħaffir fil-miftuħ.

–       L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkunsidra li l-volum ta’ terrapien supplementari li tneħħa ngħata valur aktar milli mistħoqq, mingħajr ma pprovdiet madankollu elementi li jippermettu li jiġi determinat il-volum li t-tneħħija tiegħu setgħet tiġi kkunsidrat bħala raġonevoli. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza ta’ l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-vina ta’ faħam abbandunata kellha livell għoli ta’ rmied, peress li, indipendentament mill-perċentwali ta’ rmied fir-riżervi ta’ 585 000 t abbandunati, il-volum ta’ terrapien li tneħħa sabiex ikun hemm aċċess għal livell ta’ madwar 545 m taħt il-baħar, fejn kienu jinsabu dawn ir-riżervi, ma varjax.

152    Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li l-ispiża għat-tneħħija ta’ 1 005 080 m³ ta’ terrapien supplementari, jiġifieri ESP 315 għal kull m³, kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq meta din twettqet, kif ikkonferma r-rapport indipendenti ta’ l-esperti tal-minjieri. Hija żżid li dan il-prezz huwa inferjuri għall-ispiża li r-rikorrejti għamlet għax-xogħol ta’ mmodernizzar, ta’ tnedija, ta’ tgħabija u ta’ trasport ta’ terrapien fl-1995 u fl-1996, li kienet tammonta għal madwar ESP 352,6 għal kull m³.

153    B’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, li jgħidu li 27 % ta’ l-ispejjeż relatati mat-tneħħija ta’ terrapien fis-settur ta’ Buseiro kienu koperti minn għajnuna għat-tħaddim, ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna għat-tħaddim u l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali għandhom għanijiet distinti u għandhom għaldaqstant jiġu ddifferenzjati. Il-fatt li dawn l-ispejjeż ġew inklużi bħala spejjeż ta’ tħaffir fil-kontabbiltà annwali ma jipprekludix li dawn jiġu assimilati bħala spejjeż eċċezzjonali, peress li dawn l-ispejjeż ma jaqgħux taħt il-produzzjoni kurrenti, iżda taħt l-għeluq ta’ l-impjanti tal-minjieri.

154    Il-Kummissjoni tikkontesta l-merti ta’ l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

155    Għandu jiġi osservat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti tammetti espliċitament li l-ispejjeż li jikkonċernaw it-tneħħija ta’ l-1 005 080 m³ ta’ terrapien huma mniżżla bħala spiża ta’ tħaffir fil-kontabbiltà ta’ l-impriża, kif inhu indikat, barra minn hekk, fir-rapport indipendenti ta’ l-esperti tal-minjieri. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-fatt, imsemmi fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-ispejjeż ġew koperti, għal madwar 27 %, minn għajnuna għat-tħaddim. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 145 iktar’il fuq, safejn, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-proporzjoni ta’ l-ispejjeż li ġew koperti minn għajnuna għat-tħaddim ma ġietx stabbilita bi preċiżjoni suffiċjenti mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija ma pprovdiet l-ebda element li jippermetti li jiġi pprovat żball min-naħa ta’ l-istituzzjoni.

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi aċċettat il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali biss sa massimu ta’ 73 % ta’ l-ispiża totali ta’ tneħħija ta’ l-1 005 080 m³ ta’ terrapien in kwistjoni. Fil-fatt, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, jekk għajnuna għall-għeluq ta’ 100 % ta’ dawn l-ispejjeż tiġi aċċettata, dan jagħti lok għal akkumulazzjoni ta’ għajnuna li tlaħħaq il-127 %, li hija manifestament inkompatibbli mas-suq komuni.

157    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni li għaliha l-ammont ta’ EUR 513 757,49 ġie ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni hija bbażata fuq l-argument li l-ispejjeż li jikkonċernaw it-tneħħija ta’ terrapien ġew attribwiti bħala spejjeż għat-tħaffir fil-kontabbiltà ta’ l-impriża, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, magħmulin għal-kompletezza, li jikkonċernaw l-għoti ta’ valur iktar milli mistħoqq tal-volum ta’ terrapein imneħħi u l-ispiża għal dan ix-xogħol, huma mingħajr effett.

158    Għaldaqstant, jeħtieġ li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ammont ta’ EUR 547 066,46 (ESP 91 024 200) li jirrigwarda l-garanziji ssottoskritti mill-Gvern ta’ l-Asturias għar-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet

–       Id-deċiżjoni kkontestata

159    Fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-ispiża ta’ EUR 547 066,46 (ESP 91 024 200), li tirrigwarda l-garanziji ssottoskritti mill-Gvern ta’ l-Astirias għar-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet wara t-tmiem tax-xogħolijiet fis-sit ta’ tħaffir fil-miftuħ, taqa taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-faħam estratt miż-żona tal-punent tas-settur ta’ Buseiro. Hija kkunsidrat li “r-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet [kienet] tikkostitwixxi l-aħħar element taċ-ċiklu ta’ produzzjoni ta’ minjiera fil-miftuħ u [li] l-ispiża għal din ir-rijabilitazzjoni [kienet] komponenti ta’ l-ispiża totali tal-faħam estratt”. Hija osservat li r-rikorrenti “ma [kinitx] iġġustifikat li l-abbandun ta’ l-art imħaffra [kien] jimplika spejjeż addizzjonali ta’rijabilitazzjoni” u li bil-kontra ta’ dan hija kienet tiġġustifika dawn l-ispejjeż “minħabba obbligu legali li jirriżulta mid-digriet Reali 1116/1984, tad-9 ta’ Mejju 1984, u d-deċiżjoni tal-Ministeru ta’ l-Industrija u ta’ l-Enerġija tat-13 ta’ Ġunju 1984 li tikkompletah, li jimponi li, wara t-tħaffir, il-meded mimsusa [għandhom] jiġu rijabilitati”. Il-Kummissjoni osservat li “[l]-impriża [kienet] irċeviet għajnuna mill-Istat sabiex tkopri t-telf kollu mit-tħaffir, inkluża r-rijabilitazzjoni tal-minjiera fil-miftuħ ta’ Buseiro, [u li] [l]-għajnuna l-ġdida kellha tiżdied ma dik irċevuta sabiex tkopri t-telf mit-tħaffir”. L-istituzzjoni għaldaqstant ikkunsidrat li l-ammont ta’ EUR 547 066,46 (ESP 91 024 200) ma setgħax jiġi awtorizzat.

–       L-argumenti tal-partijiet

160    Ir-rikorrenti tindika li d-digriet Reali 1116/1984, tad-9 ta’ Mejju 1984, u d-deċiżjoni ta’ applikazzjoni tat-13 ta’ Ġunju 1984 tal-Ministeru ta’ l-Industrija u ta’ l-Enerġija jimponu lill-impriżi tal-minjieri sabiex jirrijabilitaw l-artijiet li jinsabu f’siti għat-tħaffir ta’ faħam fil-miftuħ li ġew abbandunati.

161    Ir-rikorrenti irrijabilitat is-77 ettaru ta’ artijiet ikkonċernati mis-sit għat-tħaffir tad-depożitu ta’ faħam fil-mitfuħ ta’ Buseiro. Parti minn din is-superfiċji, jiġifieri 24,87 ettaru, kienet tikkorrispondi ma superfiċji ta’ art imħaffra fiż-żona tal-lvant tad-depożitu ta’ faħam ta’ Buseiro li kienet ġiet abbandunat minħabba l-livell ġdid ta’ baħar. Ir-rikorrenti tindika li, skond l-obbligi legali tagħha, hija ħolqot fondi kawtelatorji li kienu jammontaw għal total ta’ EUR 1 693 504,15 (ESP 281 775 381) bħala garanzija għar-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet, u li l-ispiża tax-xogħol ta’ rijabilitazzjoni ta’ l-24,87 ettaru ta’ art imħaffra ġiet evalwata proporzjonalment skond il-fondi kawtelatorji hekk kkostitwiti, din l-ispiża għaldaqstant kienet tammonta għal EUR 547 066,46 (ESP 91 024 200).

162    Ir-rikorrenti ssostni li l-abbandun u r-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet jaqgħu taħt l-immodernizzar, ir-razzjonalizzazzjoni u r-ristrutturazzjoni li hija kienet wettqet biex tgawdi mill-għajnuna, intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali, prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, u mhux mit-tmiem taċ-ċiklu ta’ produzzjoni tal-faħam fis-settur ta’ Buseiro. Hija tosserva li mhuwiex loġiku li l-Kummissjoni tikkunsidra li huma ġġustifikati biss l-ispejjeż relatati ma’ l-abbandun ta’ l-art imħaffra, u mhux dawk marbuta mar-rijabilitazzjoni tagħha, peress li din ta’ l-aħħar hija direttament marbuta ma’ l-abbandun ta’ l-art imħaffra.

163    Ir-rikorrenti tallega li l-argument tal-Kummissjoni jwassal għall-kunsiderazzjoni li kull spiża sostnuta għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ natura regolamentari ma tistax tiġi kkwalifikata bħala spiża eċċezzjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, u dan jagħti l-wieħed x’jifhem li l-paragrafu I (e) ta’ l-anness ta’ l-imsemmija deċiżjoni, li jikkwalifika bħala spejjeż eċċezzjonali l-ispejjeż residwi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet fiskali, legali jew amministrattivi, huwa nieqes minn kull effett prattiku.

164    B’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti indikat li d-deċiżjoni kkontestata kien fiha żball, safejn fiha ġie indikat li l-24,87 ettaru ta’ art imħaffra in kwistjoni kienu jinsabu fiż-żona tal-punent tas-settur ta’ Buseiro, filwaqt li fil-verità dawn kienu jinsabu fiż-żona tal-lvant ta’ dan is-settur. Barra min hekk, hija ppreċiżat li dawn l-artijiet ma kinux meħtieġa għall-attivitajiet ta’ estrazzjoni mwettqa fiż-żona tal-punent tas-settur ta’ Buseiro u li dawn ma sarux għal dan il-għan. Madankollu, waqt is-seduta, ir-rikorrenti reġgħet irreferiet għal din l-affermazzjoni u indikat li l-artijiet in kwistjoni ntużaw għall-ħażna ta’ terrapien li kien ġej mill-estrazzjoni ta’ faħam fil-parti tal-punent tas-settur ta’ Buseiro.

165    Il-Kummissjoni tikkontesta l-merti ta’ l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

166    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li r-rikorrenti ssostni biss li l-abbandun u r-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet irriżultaw minn ristrutturazzjoni imwettaq sabiex tinkiseb għajnuna taħt l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93.

167    Safejn, skond id-digriet Reali 1116/1984, tad-9 ta’ Mejju 1984, u skond kif inhu stabbilit bejn il-partijiet, l-ispejjeż ta’ rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet għandhom f’kull każ jiġu sostnuti mill-impriżi fit-tmiem taċ-ċiklu ta’ produzzjoni, dawn jiffurmaw parti mill-attività tal-minjieri. Konegwentement, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tqis li dawn l-ispejjeż jidħlu normalment ma’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni.

168    Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti rċiviet għajnuna biex tkopri t-telf mit-tħaffir, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-ispejjeż kienu diġà ġew koperti minn għajnuna għat-tħaddim u li għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali tkun supplementari għall-għajnuna rċevuta sabiex jiġi kopert it-telf mit-tħaffir.

169    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jirriżultax li, waqt il-proċedura amministrattiva, din ipprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tiġġustifikat li, minħabba l-abbandun ta’ l-isfruttar ta’ parti mir-riżervi tas-settur ta’ Buseiro, parti ta’ l-ispejjeż li jikkonċernaw ir-rijabilitazzjoni ta’ l-24,87 ettaru ta’ l-art imħaffra in kwistjoni ma ġietx koperta mill-prodott ta’ l-attivitajiet ta’ tħaffir.

170    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-għajnuna li tammonta għal EUR 547 066,46 (ESP 91 024 200) kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

171    Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-ispejjeż għar-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali ladarba spejjeż oħra relatati ma’ l-abbandun tad-depożitu ġew meqjusa bħala ġġustifikati, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-ispejjeż ta’ rijabilitazzjoni kienu jikkonsistu fi spejjeż li r-rikorrenti kellha, f’kull każ, issostni mat-tmiem taċ-ċiklu ta’ produzzjoni. Il-Kummissjoni għaldaqstant setgħet, mingħajr ma tmur kontra dak li qalet hija stess, tqis, minn naħa, li spejjeż l-oħra relatati ma’ l-abbandun art imħaffra setgħu jiġu koperti minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni ladarba dawn ma jmisshomx ġew sostnuti mir-rikorrenti li kieku hija ma wettqet tnaqqis fil-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, li l-ispejjeż ta’ rijabilitazzjoni ta’ l-24,87 ettaru ta’ art normalment jaqgħu taħt l-ispejjeż tat-tħaffir safejn, kif ġie rilevat fil-punt 167 iktar’il fuq, dawn l-ispejjeż kellhom f’kull każ jiġu sostnuti mir-rikorrenti ladarba jasal fi tmiemu ċ-ċiklu ta’ produzzjoni.

172    Barra minn hekk, ir-rikorrenti mhijiex fondata li ssostni li l-argument tal-Kummissjoni jwassal sabiex il-paragrafu I(e) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 jitlef kull effett prattiku. Fil-fatt, l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li l-ispejjez għar-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet għandhom, f’kull każ, jiġu sostnuti mir-rikorrenti f’mument jew ieħor, ladarba dan ix-xogħol jaqa taħt l-aħħar fażi taċ-ċiklu ta’ produzzjoni. Il-paragrafu I(e) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 madankollu jippermetti li jiġu koperti spejjeż li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet fiskali, legali jew amministrattivi li l-impriża ma kienx ikollha ssostni fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni.

173    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ammont ta’ EUR 372 176,75 (ESP 61 925 000) li jikkorrispondi mal-prezz ta’ xiri ta’ l-artijiet periferiċi taż-żona tal-punent tas-settur ta’ Buseiro abbandunati wara li nbidel il-livell tal-baħar

–       Id-deċiżjoni kkontestata

174    Fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

“L-artijiet mixtrija mill-impriża għas-sit tat-tħaffir fil-miftuħ jagħmlu parti mill-assi fissi ta’ l-impriża, iżda dawn mhumiex beni suġġetti għal-deprezzament. Il-Kummissjoni ma tistax tawtorizza l-għajnuna li tammonta għal EUR 372 176,75 ([ESP] 61 925 000) li tikkorrispondi mal-prezz ta’ xiri ta’ l-artijiet, peress li dawn mhumiex ikkunsidrati bħala assi mitlufa u peress li l-għajnuna ma tikkorrispondi ma’ l-ebda punt mill-anness tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002”.

–       L-argumenti tal-partijiet

175    Ir-rikorrenti ssostni li x-xiri ta’ l-artijiet in kwistjoni kien jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ xogħol ta’ tħaffir u t-tlestija tas-sisien neċessarji għall-aċċess għad-depożitu ta’ faħam skond il-proġett inizzjali. Dan ix-xogħol tilef l-utilità tiegħu wara t-tibdil fil-livell tal-baħar fiż-żona tal-punent tad-depożitu. Ir-rikorrenti tippreċiża li d-differenza fil-prezz bejn l-artijiet li ġew akkwistati hija attribwibbli għall-prezz superjuri għall-kundizzjonijiet tas-suq li l-bejjiegħ irnexxielu jimponi minħabba l-urġenza li kien hemm għall-akkwist ta’ proprjetà estiża.

176    Ir-rikorrenti tesponi li dawn l-artijiet mhumiex assi mitlufa u ma jikkostitwux beni li jiddeprezzaw. Fl-opinjoni tagħha, l-ispejjeż in kwistjoni jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ta’ deprezzament intrinsiċi eċċezzjonali skond il-paragrafu I (k) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93.

177    Hija barra minn hekk issostni li l-Kummissjoni tikkontradiċi lilha nnifisha peress li, sabiex tikunsidra bħala ġustifikata l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-valur reżidwu tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida li kien jammonta għal EUR 2 053 495,41 (ESP 341 672 888), l-istituzzjoni inkludiet l-ispiża għall-akkwist ta’ l-artijiet abbandunati wara l-għeluq tas-sezzjoni tas-settur li kienet tammonta għal ESP 10 436 600.

178    Il-Kummissjoni tikkontesta l-merti ta’ l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

179    Il-paragrafu I(k) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 jippermetti li tingħata l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni sabiex ikunu koperti l-ispejjeż li jikkonċernaw “deprezzament intrinsiku eċċezzjonali safejn dan jirriżulta mir-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija (mingħajr ma tiġi kkunsidrata kull evalwazzjoni mill-ġdid li saret mill-1 ta’ Jannar 1986 li taqbeż ir-rata ta’ inflazzjoni)”.

180    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti tammetti, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-artijiet in kwistjoni ma kienux suġġetti għal deprezzament wara l-waqfien ta’ l-attivitajiet li għalihom dawn kienu intużaw. Ir-rikorrenti ma tistax għaldaqstant validament issostni li dawn l-ispejjeż jistgħu jaqgħu taħt il-kategorija msemmija fil-paragrafu I(k) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93.

181    Konsegwentement, mhemmx lok li jitqies li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-ispejjeż in kwistjoni ma setgħux jiġu koperti minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

182    Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-prattika ta’ Kummissjoni hija inkoerenti u kontraddittorja, safejn din aċċettat li l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-valur reżidwu tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida tkopri wkoll l-ispiża għall-akkwist ta’ l-artijiet abbandunati. Madankollu għandu jiġi osservat li din iċ-ċirkustanza ma tbiddilx il-konstatazzjoni msemmija iktar’il fuq, li tgħid li l-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-prezz tax-xiri ta’ l-artijiet akkwistati mill-impriża għas-sit tat-tħaffir fil-miftuħ ma kienx jikkorrispondi għal deprezzament intrinsiku eċċezzjonali, imsemmi fil-paragrafu I(k) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, ladarba ġie stabbilit li dawn l-artijiet ma kinux jikkostitwixxu beni li jiddeprezzaw.

183    Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li, safejn il-Kummissjoni aċċettat li spejjeż ta’ artijiet li ma kinux is-suġġett ta’ deprezzament kienu koperti minn għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali abbażi tal-paragrafu I(k) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, jew ta’ dispożizzjoni ekwivalenti tar-Regolament Nru 1407/2002, it-tali aċċettazzjoni ma jkollhiex bħala konsegwenza li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dan il-punt. Jista’ madankollu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi aċċettat li l-ispiża tax-xiri ta’ l-artijiet mhux iddeprezzati abbandunati wara l-għeluq tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida tista’ tiġi koperta minn għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, skond il-prinċipju tal-legalità, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka favuriha illegalità kommessa fil-kutnest ta’ l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ ammonti oħra ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 160).

184    Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ammont ta’ EUR 1 403 316,30 (ESP 233 492 186) li jirrigwarda l-ispejjeż sostnuti wara l-ħlas lura tas-sussidji mogħtija fil-kuntest tal-PSAK

–       Id-deċiżjoni kkontestata

185    Fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ l-ammont ta’ EUR 1 403 316,30 (ESP 233 492 186) li jikkonċerna s-sussidji li għandhom jiħallsu lura u li r-rikorrenti rċeviet fil-kuntest tal-program intitolat “Plan Estratégico de Acción Competitiva” (PSAK) (Pjan Strateġiku ta’ Azzjoni Kompetittiva), intiż sabiex jippromwovi l-produzzjoni ta’ faħam taħt kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli u sabiex iżid il-produttività, il-Kummissjoni osservat li dan is-self kien “ingħata waqt il-perijodu 1990-1993, li matulhu l-proġetti [kienu] ġew eżegwiti”, u li mill-anness III tal-ftehim iffirmat mal-Ministeru ta’ l-Industrija u ta’ l-Enerġija jirriżulta li s-self li għandu jitħallas lura, ta’ ESP 315 500 000, kien prinċipalment intiż sabiex tiġi stabbilita sistema ġdida ta’ tħaffir permezz ta’ estrazzjoni. Skond il-Kummissjoni, “l-anness III tal-ftehim li jirrigwarda l-PSAK [kien] jirreferi għal ‘sinjali ċari ta’ produzzjoni eċċezzjonali fil-miftuħ, u dan [kien] itejjeb il-vijabbiltà stmata tal-proġett kollu’ u għall-mira ta’ produzzjoni annwali ta’ 240 000 t li jistgħu jiġu kkummerċjallizzati, liema ammont inqabeż”.

186    Il-Kummissjoni kkonstatat li l-ħlas lura ta’ ESP 233 492 186 (EUR 1 403 316) fl-1999 u fl-2000 kien jikkorrispondi għall-ħlas lura tas-self miksub bejn l-1990 u l-1993 u ma kellu l-ebda konnessjoni mal-pjan ta’ tnaqqis ta’ l-attivitajiet ta’ l-impriża nnotifikat lill-Kummissjoni għall-perijodu 1998-2001. Il-Kummissjoni esponiet ukoll li mill-ittra rreġistrata tal-Ministeru ta’ l-Industrija u ta’ l-Enerġija, mibgħuta fit-22 ta’ Diċembru 1997, kif ukoll minn dokumenti oħra li ntbagħtu lilha, jirriżulta li l-ħlas lura li l-impriża għamlet fl-1999 u fl-2000 kienu kunsiderevolment ogħla mill-previżjonijiet tal-pjan inizzjali, minħabba dewmien fil-ħlas. Hija osservat li s-self li għandu jitħallas lura ta’ ESP 313 500 000 kien jinkludi wkoll sussidji għal fondi mitlufa ta’ ESP 209 000 000 u ta’ ESP 23 000 000 intiżi għal attivitajiet ta’ investiment u ta’ żvilupp teknoloġiku.

187    Il-Kummissjoni fakkret li r-rikorrenti kienet tirċievi kull sena għajnuna intiża sabiex tkopri madwar 40 % ta’ l-ispejjeż ta’ tħaffir ta’ taħt l-art kif ukoll 27 % ta’ l-ispejjeż ta’ tħaffir fil-miftuħ. Barra minn hekk, il-valur kollu reżidwu fil-31 ta’ Diċembru 2000 ta’ l-assi fissi fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida u ta’ parti importanti mis-settur ta’ Buseiro kellu jiġi awtorizzat fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni għaldaqstant ikkunsidrat li l-għajnuna li tammonta għal ESP 233 492 186 (ESP 181 292 186 għas-sena 1998 u ESP 52 200 000 għas-sena 2000) li tikkorrispondi għall-ħlas lura ta’ sussidji mogħtija fil-kuntest tal-PSAK, li jista’ jinkludi investimenti fl-impjanti tal-minjieri tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida, wassal għal akkumulazzjoni ta’ għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

–       L-argumenti tal-partijiet

188    Ir-rikorrenti tosserva li hija rċeviet b’mod partikolari somma ta’ ESP 313 500 000 bħala sussidju li għandu jitħallas lura li, skond kuntratt konkluż fit-30 ta’ Diċembru 1989 mal-Ministeru ta’ l-Industrija u ta’ l-Enerġija, ingħata għas-siti u l-assi sabiex ikun hemm żieda fil-produzzjoni tal-minjieri. Il-terminu għall-ħlas lura ta’ din is-somma kopra l-perijodu ta’ bejn l-1994 u l-2000. Waqt is-snin 1999 u 2000, ir-rikorrenti ħallset lura total ta’ ESP 233 492 186.

189    Ir-rikorrenti ssostni li hija kellha l-obbligu li tħallas lura din is-somma, li kienet intiża, oriġinalment, għaż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha, filwaqt li fl-istess ħin tniedi proċess ta’ tnaqqis progressiv ta’ din il-produzzjoni, matul is-snin 1998 u 2000, fid-depożiti ta’ faħam ta’ Buseiro u ta’ La Prohida. Ir-rikorrenti ma kinitx għaldaqstant f’pożizzjoni li tikkumpensa u li tamortizza l-ħlas lura ta’ l-ammont imsemmi iktar’il fuq permezz ta’ żieda fil-kapaċità tagħha ta’ estrazzjoni.

190    Il-Kummissjoni tikkontesta l-merti ta’ l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

191    Għandu jiġi osservat li r-rikorreti ma tikkontestax l-argument li l-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni twassal għal akkumulazzjoni ta’ għajnuna li hija inkompatibbli peress li, minn naħa, l-impriża rċeviet għajnuna intiża sabiex tkopri madwar 40 % ta’ l-ispejjeż tat-tħaffir ta’ taħt l-art u 27 % ta’ l-ispejjeż tat-tħaffir fil-miftuħ u li, min-naħa l-oħra, l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-valur reżidwu kollu, fil-31 ta’ Diċembru 2000, ta’ l-assi fissi fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida u ta’ parti importanti tas-settur ta’ Buseiro hija awtorizzata mid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li l-ħlas lura li hija għamlet fl-1999 u fl-2000 hija superjuri sew għall-previżjonijiet tal-pjan inizzjali, minħabba dewmien fil-ħlas.

192    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata barra minn hekk li r-rikorenti ma tiġġustifikax il-fatt li pprovdiet lill-Kummissjoni, waqt il-proċedura amministrattiva, informazzjoni preċiża li tippermetti lil din ta’ l-aħħar, jekk ikun meħtieġ, li tiddetermina l-parti tas-self mogħti fil-kuntest tal-PSAK li ma kintix diġà ġiet ammortizzata permezz taż-żieda fil-kapaċità ta’ estrazzjoni li kien hemm qabel l-adozzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni, u li lanqas ma ġiet inkluża fil-valur reżidwu ta’ l-impjanti tal-minjieri koperti mill-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali.

193    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar il-fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata billi rrifjutat milli tawtorizza l-ammont ta’ EUR 1 403 316,30 (ESP 233 492 186) relatat ma’ l-ispejjeż sostnuti wara l-ħlas lura tas-sussidji mogħtija fil-kuntest tal-PSAK.

194    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ammont ta’ EUR 602 146,29 (ESP 100 188 713) relatat mat-tlestija ta’ xaftijiet u ta’ xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba

–       Id-deċiżjoni kkontestata

195    Fil-premessi 83 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-għajnuna li tammonta għal EUR 602 146,29 (ESP 100 188 713) li kellha bħala għan it-tlestija ta’ xaftijiet u ta’ xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni għas-settur ta’ Tres Hermanos, kienet tikkorrispondi għal investimenti fl-infrastrutturi tal-minjieri. Hija kkunsidrat li l-investimenti l-ġodda ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li ntirtu mill-passat skond ir-Regolament Nru 1407/2002 jew skond id-Deċiżjoni Nru 3632/93. Il-Kummissjoni osservat, barra minn hekk, li min-notifika tar-Renju ta’ Spanja tad-19 ta’ Diċembru 2002 jirriżulta li dan ma kellux l-intenzjoni li jagħti, fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-minjieri tal-faħam ta’ l-2003-2007, għajnuna għall-investiment bħal dik prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1407/2002. Skond il-Kummissjoni, tali għajnuna għall-investiment kienet tkun, barra minn hekk, inkompatibbli ma’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri t-telf mit-tħaffir magħmul fis-settur ta’ Sorriba li r-Renju ta’ Spanja jagħti lir-rikorrenti. Fil-fatt, din l-għajnuna ma tikkorrispondix għall-paragrafu I(1) ta’ l-anness tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, minħabba li l-investimenti in kwistjoni kellhom bħala għan l-użu tar-riżervi tas-sezzjoni tas-settur ta’ Tres Hermanos. Din l-għajnuna lanqas ma kienet tikkorrispondi għall-anness tar-Regolament Nru 1407/2002. Skon il-Kummissjoni, l-investimenti l-ġodda ma setgħux għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li ntirtu mill-passat.

–       L-argumenti tal-partijiet

196    Ir-rikorrenti tosserva li l-abbandun progressiv tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida kien jissupponi l-adattazzjoni mill-ġdid tas-sistema ta’ ventilazzjoni li teżisti fil-mina li baqgħet attiva. Għaldaqstant, tlestew 463 m ta’ xaftijiet ta’ ventilazzjoni li jammontaw għal total ta’ EUR 581 825,70 (ESP 96 807 659,90).

197    Hija ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset żbaljatament li x-xogħol ta’ ventilazzjoni kien iservi għat-tħaffir tas-sezzjoni tas-settur ta’ Tres Hermanos. Hija tenfasizza li l-abbandun tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida seħħ fi stadji, u dan ħoloq il-ħtieġa li ssir adattazzjoni progressiva tas-sistema interna ta’ ventilazzjoni għall-mini ta’ taħt l-art li baqgħu jintużaw provviżorjament, skond l-eżiġenzi imposti mil-leġiżlazzjoni Spanjola. Safejn ix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni u l-mini ta’ taħt l-art li għalihom kienu intenzjonati dawn ix-xaftijiet ma jintużawx, m’għandux jitqies li l-adattazzjoni tas-sistema ta’ ventilazzjoni kienet tikkostitwixxi investiment ġdid.

198    Ir-rikorrenti żżid li minbarra t-tlestija tax-xaftijiet ta’ ventilazzjoni msemmija iktar’il fuq u ta’ l-irkupru ta’ mina transversali, xogħol ieħor, meħtieġ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-ventilazzjoni tal-minjiera saru bil-għan li jkun hemm konnessjoni bejn ir-raba’ livell tas-sezzjoni tas-settur ta’ Tres Hermanos u l-ewwel livell tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida. Hija tosserva li t-tlestija ta’ dawn ix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni kienet il-konsegwenza ta’ l-abbandun tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida u li dawn ix-xogħolijiet ma kinux iseħħu li kieku din is-sezzjoni tas-settur ma kinitx ingħalqet definittivament.

199    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li, sa dak inhar, is-sistema ta’ ventilazzjoni tas-sezzjoni tas-settur ta’ Tres Hermanos kienet għadha attiva u kienet tiddependi fuq ventilatur li kien jinsab fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida, peress li din is-sezzjoni tas-settur, minn dak inhar il-quddiem, kienet ingħalqet totalment.

200    Il-Kummissjoni tikkontesta l-merti ta’ l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

201    Mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 jirriżulta li l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali għandha bħala għan li tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw jew li rriżultaw mill-immodernizzar, mir-razjonalizzazzjoni jew mir-ristrutturazzjoni ta’ l-industrija tal-faħam u li mhumiex relatati mal-produzzjoni attwali.

202    Kif tammetti l-istess rikorrenti, l-abbandun tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida kien jeħtieġ it-twettieq ta’ ċertu xogħol sabiex tiġi żgurata l-ventilazzjoni tas-sezzjoni tas-settur ta’ Tres Hermanos, li baqgħet attiva. Għaldaqstant, ix-xogħol ta’ ventilazzjoni in kwistjoni, anke jekk jiġi kkunsidrat li r-raġuni warajħ kien l-għeluq tal-minjiera ta’ La Prohida, xorta waħda jibqa’ relatat mal-produzzjoni attwali tal-minjiera ta’ Tres Hermanos, skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93.

203    Għalkemm ir-rikorrenti ssostni li x-xogħol in kwistjoni kien meħtieġ biex tiġi żgurata l-ventilazzjoni tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida waqt il-perijodu li jippreċedi l-abbandun ta’ din ta’ l-aħħar, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, fid-dawl tar-relazzjoni bejn l-ammonti investiti u n-natura provviżorja tal-ventilazzjoni tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida waqt il-perijodu li fih dan kien fil-proċess li jiġi abbandunat, il-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li dan ix-xogħol, fil-verità, kellu bħala għan li jiżgura l-ventilazzjoni fis-sezzjoni tas-settur ta’ Tres Hermanos u, għaldaqstant, li dan kellu x’jaqsam mal-produzzjoni attwali. Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija sostnuta miċ-ċirkustanza, ikkonfermata mir-rikorrenti waqt is-seduta, li s-sistema ta’ ventilazzjoni in kwistjoni għadha operattiva u tiżgura l-ventilazzjoni fis-sezzjoni tas-settur ta’ Tres Hermanos.

204    Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li, fid-dawl ta’ l-informazzjoni li hija kellha, il-Kummissjoni m’għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi rrifjutat li tawtorizza l-ammont ta’ EUR 602 146,29 (ESP 100 188 713), li jikkonċerna t-tlestija ta’ xaftijiet u xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba.

205    Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li dan l-ilemnt għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) intiż sabiex ikopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni li għandhom jirriżultaw fil-futur minħabba l-għeluq tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida

–       Id-deċiżjoni kkontestata

206    Fil-premessi 84 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-istima ta’ ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) intiżi sabiex ikopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni li għandhom jirriżultaw fil-futur minħabba l-għeluq tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida, minħabba l-għeluq parzjali tas-settur ta’ Buseiro, jew minħabba t-tnejn li huma, ma ġietx inkluża fin-notifika ta’ l-għajnuna prevista mir-Renju ta’ Spanja għas-sena 2001. Skond il-Kummissjoni, dan l-ammont ma setax jiġi ddikjarat kompatibbli peress li kien jaqbeż dak li kien ġie nnotifikat u minħabba li tħallas antiċipatament mir-Renju ta’ Spanja għall-imsemmija sena.

–       L-argumenti tal-partijiet

207    Ir-rikorrenti tesponi, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l- in kwistjoni ma kienx jikkonċerna biss is-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida, iżda wkoll is-settur ta’ Buseiro. F’dan ir-rigward, ir-rapport ta’ l-esperti indipendenti tal-minjieri juri li l-imsemmija stima kienet esklużivament intiża sabiex tkopri l-ispejjeż futuri tad-depożitu ta’ faħam taħt l-art fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida.

208    Ir-rikorrenti ssostni, sussegwentement, li n-notifiki li saru mir-Renju ta’ Spanja fir-rigward ta’ l-għajnuna prevista li tingħata sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali ma tagħmilx distinzjoni bejn kif inhuma mqassma l-ispejjeż skond l-użu previst tagħhom. L-imsemmija notifiki kienu jirrigwardaw l-ammonti totali ta’ l-għajnuna għall-industrija tal-faħam, u dan huwa kkonfermata mill-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni kienu jikkonċernaw ammonti globali u ma jipprovdu l-ebda analiżi ta’ l-ispejjeż partikolari ta’ kull waħda mill-impriżi li għalihom kienet intenzjonata l-għajnuna. Ir-rikorrenti żżid li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 341/94/KEFA tat-8 ta’ Frar 1994, li timplementa d-Deċiżjoni Nru 363/93 (ĠU L 49, p. 1), ma kinitx timponi li l-Istati Membri għandhom jindikaw l-ispejjeż preċiżi li għalihom kienet intiża l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali, peress li l-għajnuna prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93 tista’ tiġi nnotifikata f’format liberu skond il-paragrafu 3 ta’ l-anness 2 tad-Deċiżjoni Nru 341/94. Il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant issostni li l-istima ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) stabbilita mir-rikorrenti sabiex tkopri l-ispejjeż futuri relatati ma’ ħsara tal-wiċċ ta’ l-art ma kinitx inkluża fin-notifika ta’ l-għajnuna prevista mir-Renju ta’ Spanja għas-sena 2001.

209    Barra minn hekk, l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti fl-1998, fl-2000 u fl-2001 ma ngħatatx biss fir-rigward ta’ spejjeż effettivament sostnuti, iżda wkoll skond stimi ta’ spejjeż futuri.

210    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-istima in kwistjoni kienet tikkostitwixxi biss żieda fl-istima li hija kienet stabbiliet fl-2001. Fil-fatt, mill-kontabbiltà annwali tar-rikorrenti għas-sena 2001 jirriżulta li kienet ġiet stabbilita stima ta’ ESP 70 000 000 sabiex jiġu koperti spejjeż li jirriżultaw mill-waqfien ta’ l-attività fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida. Madankollu rriżulta li din is-somma kienet insuffiċjenti sabiex tkopri dawn l-ispejjeż.

211    Il-Kummissjoni ssostni li din l-istima ma tikkorrispondi ma’ l-ebda għajnuna nnotifikata u effettivament imħallsa mir-Renju ta’ Spanja. Din hija tentattiv min-naħa tar-rikorrenti sabiex tikseb dikjarazzjoni ta’ kumpatibbiltà mas-suq komuni ta’ parti mill-għajnuna ddikjarata abbużiva u inkompatibbli billi torbotha ma’ spejjeż futuri indeterminati li dwarha l-Kummissjoni ma tistax tivverifika r-relazzjoni ma’ l-ispejjeż reali ta’ l-għeluq. Minħabba f’hekk, l-ebda għajnuna f’dan ir-rigward ma tista’ tiġi awtorizzata. Hija żżid li l-għajnuna awtorizzata f’dan il-każ tkopri kunsiderevolment l-ispejjeż ta’ l-għeluq, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu previsti stimi għal spejjeż supplementari futuri. Barra minn hekk, l-ispejjeż ekwivalenti huma kunsiderevolement inferjuri fi Stati Membri oħra.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

212    Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni li l-ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) ma ġiex inkluż fin-notifika ta’ l-għajnuna prevista mir-Renju ta’ Spanja għas-sena 2001. Konsegwentement, hija tikkonstesta wkoll l-allegazzjoni li dan l-ammont mhuwiex inkluż fl-għajnuna effettivament imħallsa għas-sena 2001 qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

213    Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li mir-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja nnotifika, għas-sena 2001, għajnuna favur ir-rikorrenti li tammonta għal ESP 393 971 600, jew EUR 2 367 817. Kif tosserva l-Kummissjoni, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tiddikjara bħala kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna li tammonta għal EUR 2 249 759,37 (ESP 374 328 463) sabiex tkopri, għas-sena 2001, l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ l-għeluq.

214    Konsegwentement, l-awtorizzazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000), kien ipotetikament itella l-ammont totali ta’ l-għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali għas-sena 2001 iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni għal-livell ogħla mill-ammont innotifikat mir-Renju ta’ Spanja kif ukoll mill-ammont ta’ EUR 2 303 817 (ESP 383 322 896) li effettivament tħallas lir-rikorrenti.

215    Għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li parti mill-ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000), jiġifieri s-somma ta’ EUR 54 057,63 (ESP 8 994 433), tibqa’ inqas mill-ammont globali ta’ EUR 2 303 817 (ESP 383 322 896) li effettivament tħallas lir-rikorrenti.

216    Il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element li jippermetti l-kunsiderazzjoni li dan l-ammont ta’ EUR 54 057,63 ma kienx inkluż fl-ammont globali ta’ l-għajnuna nnotifikata mir-Renju ta’ Spanja lill-Kummissjoni.

217    Safejn parti mill-ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) mogħtija malli ġiet stabbilita l-istima in kwistjoni kienet għadha tista’ tiġi koperta minn għajnuna li ġiet effettivament imħallsa lill-impriża, hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina jekk dan l-ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) jew, minn ta’ l-inqas, il-parti rilevanti ta’ dan, li tammonta għal EUR 54 057,63 (ESP 8 994 433), kienx jissoddisfa l-kundizzjonijiet legali sabiex ikun eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali.

218    Għandu jiġi madankollu kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet eżami bħal dan. Fil-fatt, din ma eżaminatx l-ammont mogħti meta ġiet stabbilita l-istima in kwistjoni la fid-dawl ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93, u lanqas fid-dawl ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1407/2002. Kif jirriżulta mill-punt 206 iktar’il fuq, l-istituzzjoni llimitat ruħha li tikkonstata, fil-premessi 84 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) kien jaqbeż dak li kien ġie nnotifikat qabel dak li tħallas antiċipatament.

219    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, billi naqset milli teżamina, jekk setgħax jibbenefika minn għajnuna intiża sabiex tkopri spejjeż eċċezzjonali, minn ta’ l-inqas, l-ammont ta’ EUR 54 057,63 (ESP 8 994 433), inkluż fl-ammont totali ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000), mogħti mal-kostituzzjoni ta’ fond intiż sabiex ikopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni li jirriżultaw fil-futur minħabba l-għeluq tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet applikabbli.

220    Safejn il-Kummissjoni ssostni ulterjorment, fid-difiża tagħha, li l-istima in kwistjoni tikkostitwixxi tentattiv min-naħa tar-rikorrenti sabiex tikseb dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà ta’ parti mill-għajnuna ddikjarata abbużiva u inkompatibbli, huwa biżżejjed li jiġi osservat li din l-allegazzjoni mhijiex sostnuta. Barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza ma tinsabx fost il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li fuqhom huwa bbażat ir-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna intiża, ipotetikament, sabiex tkopri l-ammont ta’ l-istma in kwistjoni. Dan in-nuqqas ta’ motivi fuq dan il-punt ma jistax jittaffa waqt il-proċedimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22).

221    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi milqugħ.

222    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar il-fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi milqugħ f’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq l-ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000), li jikkorrispondi ma’ l-istima intiż sabiex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni li jirriżultaw fil-futur minħabba l-għeluq tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida, u dan fil-parametri ta’ l-ammont ta’ EUR 54 057,63 (ESP 8 994 433). Madankollu, fir-rigward tal-bqija, dan l-ilment u r-raba’ motiv kollu għandu jiġi miċħud.

 Konklużjoni

223    Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata, safejn jinkludi l-ammont ta’ EUR 54 057,63 (ESP 8 994 433), kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati. Mill-bqija, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

224    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

225    F’dan il-każ, peress li r-rikors imressaq mir-rikorrenti ntlaqa’ parzjalment, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi tiddeċiedi li r-rikorrenti tbati erba’ kwinti ta’ l-ispejjeż tagħha u erba’ kwinti ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din ta’ l-aħħar tbati kwint ta’ l-ispejjeż tagħha u kwint ta’ l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 3(b), safejn jikkonċerna l-ammont ta’ EUR 54 057,63 (ESP 8 994 433), u l-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/340/KE tal-5 ta’ Novembru 2003, dwar l-għajnuna lill-impriża González y Díez, SA sabiex jiġu koperti spejjeż eċċezzjonali (għajnuna għall-2001 u użu ħażin ta’ l-għajnuna għall-1998 u l-2000) u li temenda d-Deċiżjoni 2002/827/KEFA, huma annullati.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati erba’ kwinti ta’ l-ispejjeż tagħha u erba’ kwinti ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar għandha tbati kwint ta’ l-ispejjeż tagħha u kwint ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

       Papasavvas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Awwissu 2007.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fil-proċedura segwita għat-tħassir ta’ l-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni 2002/827 u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq l-ammissibbiltà

– Fuq il-mertu

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u tal-forom proċedurali sostanzjali.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

Fuq l-ammont ta’ EUR 295 409,47 (ESP 49 152 000) rigward il-kostruzzjoni ta’ mina ta’ 1 030m fis-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida

– Id-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammont ta’ EUR 513 757,49 (ESP 85 482 054) rigward it-tneħħija ta’ 1 005 080 m³ ta’ terrapien fis-settur ta’ Buseiro

– Id-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammont ta’ EUR 547 066,46 (ESP 91 024 200) li jirrigwarda l-garanziji ssottoskritti mill-Gvern ta’ l-Asturias għar-rijabilitazzjoni ta’ l-artijiet

– Id-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammont ta’ EUR 372 176,75 (ESP 61 925 000) li jikkorrispondi mal-prezz ta’ xiri ta’ l-artijiet periferiċi taż-żona tal-punent tas-settur ta’ Buseiro abbandunati wara li nbidel il-livell tal-baħar

– Id-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammont ta’ EUR 1 403 316,30 (ESP 233 492 186) li jirrigwarda l-ispejjeż sostnuti wara l-ħlas lura tas-sussidji mogħtija fil-kuntest tal-PSAK

– Id-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammont ta’ EUR 602 146,29 (ESP 100 188 713) relatat mat-tlestija ta’ xaftijiet u ta’ xogħol ieħor ta’ ventilazzjoni fis-settur ta’ Sorriba

– Id-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammont ta’ EUR 601 012,10 (ESP 100 000 000) intiż sabiex ikopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni li għandhom jirriżultaw fil-futur minħabba l-għeluq tas-sezzjoni tas-settur ta’ La Prohida

– Id-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.