Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta' Ġunju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Bíróság Gazdasági Kollégiuma - ir-Repubblika tal-Ungerija) - RANI Slovakia s.r.o. vs Hankook Tire Magyarország Kft

(Kawża C-298/09) 1

"L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Direttiva 96/71/KE - Kollokament ta' ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta' provvista ta' servizzi - Impriża ta' impjieg temporanju - Rekwiżit ta' stabbiliment fit-territorju tal-Istat Membru li fih jingħata s-servizz"

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Bíróság Gazdasági Kollégiuma

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RANI Slovakia s.r.o.

Konvenuta: Hankook Tire Magyarország Kft

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Fővárosi Bíróság - Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(ċ) KE, tal-Artikoli 49, 52 u 54 KE, kif ukoll tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-eżerċizzju tal-attività ta' impriża ta' impjieg temporanju għall-kumpanniji li huma stabbiliti fit-territorju nazzjonali biss

Dispożittiv

L-Artikoli 49 KE sa 54 KE ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirrigwarda l-eżerċizzju tal-attività ta' impriża ta' impjieg temporanju, fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni ta' dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea, tibqa' valida sakemm il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma jkunx adotta programm jew direttivi bil-għan li jiġu implementati dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-liberalizzazzjoni tal-kategorija ta' provvista ta' servizzi inkwistjoni.

La d-dsatax-il premessa tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, u lanqas l-Artikolu 1(4) tagħha ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista' jirriżerva l-eżerċizzju tal-attività ta' impriża ta' impjieg temporanju biss għall-kumpanniji li huma stabbiliti fit-territorju nazzjonali jew jagħtihom trattament iktar vantaġġuż, għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni tal-attività inkwistjoni, minn dak mogħti lill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

L-Artikoli 49 KE sa 54 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-eżerċizzju tal-attività ta' impriża ta' impjieg temporanju lill-impriżi li huma stabbiliti fit-territorju nazzjoanli.

____________

1 -

2 - ĠU C 267, 07.11.2009