Language of document : ECLI:EU:T:2015:512

Kawża T‑422/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Trafilerie Meridionali SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Ksur uniku, kumpless u kontinwu — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju — Grad ta’ preċiżjoni mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni — Sensiela ta’ indizji — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Deċiżjoni li tħalli dubju f’għajnejn il-qorti — Osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

(Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

2.      Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu minkejja r-rwol limitat tagħha — Ammissibbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

3.      Akkordji — Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom skop antikompetittiv — Ċirkustanza li tippermetti, fl-assenza ta’ tbegħid mid-deċiżjonijiet meħuda, li jiġi konkluż li l-impriża pparteċipat fl-akkordju sussegwenti — Prova tal-parteċipazzjoni f’laqgħat li taqa’ fuq il-Kummissjoni — Assenza ta’ prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-laqgħat miżmuma matul parti speċifika mit-tul kollu ta’ ksur uniku — Konsegwenzi

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Iffissar tal-ammont bażiku — Gravità tal-ksur — Gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża — Distinzjoni — Akkordju b’diversi partijiet

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur uniku — Prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża li taqa’ fuq il-Kummissjoni — Provi insuffiċjenti

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ċirkustanzi attenwanti — Natura indikattiva taċ-ċirkustanzi msemmija fil-Linji gwida

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-Linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Individwalizzazzjoni tal-piena f’diversi stadji tad-determinazzjoni tal-ammont — Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha — Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ċirkustanzi attenwanti — Ksur imwettaq b’negliġenza — Elementi insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-negliġenza

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Kapaċità ta’ ħlas — Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ defiċit tal-impriża kkonċernata — Assenza — Kapaċità ta’ ħlas reali tal-impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari — Teħid inkunsiderazzjoni — Kundizzjonijiet — Teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 35)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata — Evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ssanzjonati

(Artikoli 101 TFUE u 261 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikoli 53; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata — Tnaqqis tal-ammont ta’ multa imposta bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni

(Artikoli 101 TFUE u 261 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23(3) u 31)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 88-90)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 91-96)

3.      Sabiex tiġi pprovata b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju antikompetittiv, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma kienet opponiet għalihom b’mod manifest. Meta tkun stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq indizji ta’ natura li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull inklinazzjoni antikompetittiva billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom.

F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ tbegħid fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’laqgħa jeħtieġ, sabiex ikun applikabbli, li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata kienet ipparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma kienet oġġezzjonat manifestament għalihom waqt dawn il-laqgħat, sabiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju.

Għaldaqstant, fil-każ ta’ impriża li pparteċipat f’akkordju matul diversi snin, meta ma jkunx stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li din l-impriża kienet ipparteċipat, kemm direttament u kemm indirettament, fil-laqgħat matul perijodu ta’ madwar disa’ xhur, b’tali mod li l-membri l-oħra tal-akkordju ma kellhomx idea preċiża tal-aġir tagħha fis-suq matul dan il-perijodu, il-Kummissjoni ma tistax tqis li l-imsemmija impriża kienet ipparteċipat fil-prattiki antikompetittivi matul l-imsemmi perijodu.

(ara l-punti 97, 295-297)

4.      Fil-qasam ta’ sanzjoni imposta fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni dwar l-akkordju, wara li tkun stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ksur uniku u wara li tkun identifikat il-parteċipanti f’dan il-ksur, il-Kummissjoni hija meħtieġa, sabiex timponi multi, teżamina l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-parteċipanti f’dan il-ksur. Dan jirriżulta b’mod partikolari mil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprevedu kemm trattament iddifferenzjat fir-rigward tal-ammont inizjali (ammont inizjali speċifiku) u kemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat b’mod partikolari skont ir-rwol attiv jew passiv tal-impriżi kkonċernati fl-implementazzjoni tal-ksur.

Fi kwalunkwe każ, impriża qatt ma tista’ tkun suġġetta għal multa li l-ammont tagħha jkun ikkalkolat fuq il-bażi ta’ parteċipazzjoni f’kollużjoni li fir-rigward tagħha ma tkunx inżammet responsabbli. Bl-istess mod, impriża tista’ tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li bihom tkun akkużata individwalment.

Għaldaqstant, is-sanzjonijiet għandhom ikunu individwalizzati, fis-sens li għandhom jikkonċernaw l-aġir u l-karatteristiċi partikolari għall-impriżi kkonċernati. Tali individwalizzazzjoni tas-sanzjoni hija iktar u iktar neċessarja meta jkun involut ksur kumpless ikkostitwit minn sensiela sħiħa ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma bejn impriżi li l-interessi kummerċjali tagħhom huma kunfliġġenti fuq perijodu twil ħafna u meta l-parteċipazzjoni ta’ waħda minn dawn l-impriżi fl-akkordju jkollha diversi karatteristiċi partikolari meta mqabbla mal-parteċipazzjonijiet tal-atturi prinċipali li jagħmlu parti mill-akkordju. F’dan ir-rigward, impriża li r-responsabbiltà tagħha tkun stabbilita fir-rigward ta’ diversi partijiet ta’ ksur tikkontribwixxi iktar għall-effikaċja u għall-gravità ta’ dan l-akkordju minn impriża li wkoll tkun wettqet ksur iżda li tkun involuta biss f’parti waħda minn dan l-istess akkordju. Għaldaqstant, l-ewwel impriża twettaq ksur iktar gravi minn dak imwettaq mit-tieni waħda. B’hekk, il-parteċipazzjoni ta’ impriża fl-aspett intern biss ta’ akkordju hija intrinsikament inqas gravi minn dik ta’ impriża li ma pparteċipatx biss fl-aspett intern iżda wkoll fl-aspett estern tal-akkordju.

(ara l-punti 99-103, 148, 314)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 115, 132, 133, 135, 144, 175, 194)

6.      Il-lista ta’ ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-punt 29 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ma hijiex eżawrjenti kif jirriżulta li din il-lista hija introdotta bl-espressjoni “bħalma huma”.

(ara l-punt 313)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 315-329)

8.      Fir-rigward ta’ sanzjoni imposta għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni dwar l-akkordji, skont it-tieni inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/200, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas, fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti, l-ammont bażiku tal-multa meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza.

F’dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni ta’ impriża ma tistax tkun ir-riżultat ta’ negliġenza iżda hija r-riżultat ta’ azzjoni intenzjonata min-naħa tagħha, meta mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-membri l-oħra tal-akkordju jirriżulta li l-imsemmija impriża kienet xtaqet tingħaqad magħhom. Bl-istess mod, in-natura tagħha ta’ impriża familjari żgħira, li tbigħ il-prodotti tagħha fis-suq nazzjonali biss u li ma tesportax, id-daqs żgħir tas-sehem tas-suq tagħha, il-fatt li ma għandhiex servizz legali intern jew l-allegata injoranza tagħha tal-prinċipji li jirregolaw id-dritt tal-kompetizzjoni, jew inkella l-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ma jikkostitwixxux ċirkustanzi ta’ natura li turi li ma kienx b’mod intenzjonat li hija daħlet, imbagħad ħarġet u mbagħad reġgħet daħlet f’akkordju.

(ara l-punti 335-337)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 356-365, 373-376, 383, 392)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 366-371)

11.    Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, skont l-Artikolu 261 TFUE, lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li jippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha u, b’hekk, tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, billi tibdel b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha.

F’dan ir-rigward, min-natura tiegħu, l-iffissar ta’ multa mill-qorti tal-Unjoni ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta mill-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-Linji gwida tagħha meta tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami.

F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa maħsuba sabiex tiġi ssanzjonata l-parteċipazzjoni fi ksur uniku, mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, minbarra l-gravità tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tiegħu, u mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni jirriżulta li s-sanzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kull impriża responsabbli għall-ksur fir-rigward ta’ dan il-ksur. Dan għandu jkun b’mod partikolari l-każ meta jkun hemm ksur kumpless u li jkun dam ħafna li huwa kkaratterizzat min-natura eteroġenea tal-parteċipanti.

(ara l-punti 394, 398, 399)