Language of document : ECLI:EU:T:2016:152

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

16 ta’ Marzu 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Dazji tas-sisa — Maħfra parzjali ta’ dejn fiskali fil-kuntest ta’ arranġament ġuridiku — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Drittijiet tad-difiża — Drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati — Kriterju ta’ kreditur privat — Oneru tal-prova”

Fil-Kawża T‑103/14,

Frucona Košice a.s., stabbilita f’Košice (is-Slovakkja), irrappreżentata minn K. Lasok, QC, B. Hartnett, barrister, O. Geiss, avukat, u J. Holmes, barrister,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, P.‑J. Loewenthal u K. Walkerová, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2014/342/UE, tas-16 ta’ Ottubru 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (ĠU L 176, p. 38),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti u l-proċedura ta’ arranġament ġuridiku

1        Ir-rikorrenti, Frucona Košice a.s., hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Slovakk li kienet attiva, b’mod partikolari, fis-settur tal-produzzjoni tal-alkoħol u tal-ispirti.

2        Bejn Novembru 2002 u Novembru 2003, ir-rikorrenti bbenefikat minn diversi posponimenti ta’ ħlas ta’ djun fiskali kkostitwiti minn dazji tas-sisa dovuti minnha. Dawn il-posponimenti ta’ ħlas ingħatawlha wara li ġew ikkostitwiti garanziji finanzjarji favur l-awtorità tat-taxxa lokali tagħha, jiġifieri l-uffiċċju Košice IV (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa lokali”).

3        Fil-25 ta’ Frar 2004, minħabba diffikultajiet finanzjarji li hija kellha, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas id-dazji tas-sisa dovuti minnha għax-xahar ta’ Jannar 2004. Sussegwentement għal bidla leġiżlattiva li saret mill-1 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti ma setgħetx iktar tikseb il-posponiment tal-ħlas ta’ dawn id-dazji tas-sisa.

4        Għaldaqstant, il-liċenzja tar-rikorrenti sabiex tipproduċi u tipproċessa alkoħol u spirti ġiet irtirata. Minn dak iż-żmien, hija llimitat l-attività tagħha għad-distribuzzjoni, taħt it-trade mark Frucona, ta’ spirti mixtrija mingħand O.H., kumpannija li, skont ftehim mar-rikorrenti, kienet tipproduċihom b’liċenzja fid-distilleriji ta’ din tal-aħħar.

5        Ir-rikorrenti kienet tinsab ukoll f’sitwazzjoni ta’ dejn fis-sens taz-zákon č. 328/1991 Zb. o konkurze a vyrovnaní (Liġi Nru 328/1991 dwar stralċijiet ġudizzjarji u arranġamenti ġuridiċi).

6        Fit-8 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ressqet talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ arranġament ġuridiku quddiem il-Krajský súd v Košiciach (qorti reġjonali ta’ Košice (is-Slovakkja)), li fiha pproponiet lill-kredituri tagħha tħallas lil kull wieħed minnhom 35 % tal-ammont tas-somma li hija kellha tagħtihom (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ arranġament ġuridiku”). Id-dejn totali tar-rikorrenti kien jammonta għal madwar SKK 644.6 miljun, li madwar SKK 640.8 miljun minnhom kienu dejn fiskali.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004, il-Krajský súd v Košiciach awtorizzat il-ftuħ tal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku.

8        Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-kredituri tar-rikorrenti, inkluża l-awtorità tat-taxxa lokali, aċċettaw il-proposta ta’ arranġament ġuridiku matul seduta dwar dan l-arranġament. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku, l-awtorità tat-taxxa lokali kienet qed taġixxi bħala kreditur separat, kwalità li hija kienet tgawdi minnha minħabba l-garanziji kkostitwiti favur tagħha waqt il-posponimenti ta’ ħlas tad-dazji tas-sisa dovuti mir-rikorrenti (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

9        Qabel id-9 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti tiddikjara li bagħtet lill-awtorità tat-taxxa lokali, b’mod partikolari, rapport ta’ verifika mfassal minn kumpannija ta’ awdituri indipendenti (iktar ’il quddiem ir-“rapport E”), sabiex tippermetti lil din l-awtorità tevalwa l-vantaġġi rispettivi tal-arranġament ġuridiku u tal-istralċ ġudizzjarju.

10      Fil-21 ta’ Ġunju 2004, l-awtoritajiet tat-taxxa Slovakki għamlu spezzjoni fuq il-post, fl-uffiċini tar-rikorrenti. Waqt din l-ispezzjoni, ġiet iddeterminata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar fis-17 ta’ Ġunju 2004.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004, il-Krajský súd v Košiciach, ikkonfermat l-arranġament ġuridiku. Skont dan l-arranġament ġuridiku, il-kreditu tal-awtoritajiet tat-taxxa Slovakki kellu jiġi rrimborsat sa 35 %, jiġifieri kellu jitħallas ammont ta’ madwar SKK 224.3 miljun.

12      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2004, l-awtorità tat-taxxa lokali indikat b’mod partikolari lir-rikorrenti li l-modalitajiet tal-arranġament ġuridiku, li jipprevedu li parti mid-dejn fiskali ma kellhiex tiġi rrimborsata, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat indiretta suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

13      Fis-17 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ħalset b’mod partikolari lill-awtorità tat-taxxa lokali ammont ta’ SKK 224.3 miljun, li kien jikkorrispondi għal 35 % tad-dejn fiskali totali tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2004, il-Krajský súd v Košiciach iddikjarat l-għeluq tal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku. Fit-18 ta’ Awwissu 2006, il-Krajský súd v Košiciach naqqset l-ammont li kellu jitħallas lill-awtorità tat-taxxa lokali għal SKK 224.1 miljun.

 Il-proċedura amministrattiva

14      Fil-15 ta’ Ottubru 2004, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat preżumibbilment illegali favur ir-rikorrenti.

15      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Kummissjoni, wara talba għal informazzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar, bil-possibbiltà li r-rikorrenti kienet irċeviet għajnuna illegali u talbitha tawtorizza din l-għajnuna bħala għajnuna biex tiġi salvata impriża f’diffikultà.

16      Wara li ġabret informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni innotifikat lir-Repubblika Slovakka, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2005, bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar il-miżura inkwistjoni. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, C 233, p. 47).

17      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2005, ir-Repubblika Slovakka kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni. Bl-istess mod, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni. Dawn intbagħtu lir-Repubblika Slovakka sabiex hija tkun tista’ twieġeb, hekk kif hija għamlet permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2005.

 Id-deċiżjoni inizjali

18      Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/254/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/05 (ex NN 21/05) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (ĠU 2007, L 112, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”). Id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni kien jipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Slovakka lir-rikorrenti, ta’ ammont ta’ SKK 416 515 990, kienet inkompatibbli mas-suq komuni u kien jordna, fl-Artikolu 2 tagħha, l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

 Il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

19      Fit-12 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali.

20      Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (T‑11/07, Ġabra, EU:T:2010:498), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

21      Adita b’appell ippreżentat mir-rikorrenti skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, Ġabra, EU:C:2013:32), annullat is-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (EU:T:2010:498). Fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar il-mertu tat-tilwima fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew, sa fejn hija kienet ħadet dan il-fattur inkunsiderazzjoni, kienet naqset milli timmotiva d-deċiżjoni inizjali b’mod suffiċjenti fid-dritt. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi mressqa quddiemha li hija ma kinitx iddeċidiet fir-rigward tagħhom.

22      Sussegwentement għas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), u sabiex tirrimedja għal-lakuni identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, fis-16 ta’ Ottubru 2013, adottat id‑Deċiżjoni 2014/342/UE dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (ĠU L 176, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi li d-deċiżjoni inizjali “hija mħassra”.

23      Kien sussegwentement li, permezz ta’ digriet motivat tal-21 ta’ Marzu 2014, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (T‑11/07 RENV, EU:T:2014:173), il-Qorti Ġenerali, adita skont l-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991 permezz tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), ikkonstatat li ma kienx hemm iktar lok li tiddeċiedi dwar ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali.

 Id-deċiżjoni kkontestata

24      Hekk kif issemma fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li ssostitwixxiet id-deċiżjoni inizjali, sabiex tirrimedja għad-difetti li jaffettwaw lil din tal-aħħar, kif identifikati mis-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32) (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li kien neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni, essenzjalment, jekk, billi aċċettat il-proposta ta’ arranġament ġuridiku u, għaldaqstant, l-iskont ta’ 65 % tal-kreditu tagħha, l-awtorità tat-taxxa lokali kinitx aġixxiet fir-rigward tar-rikorrenti bħala kreditur privat f’ekonomija tas-suq. F’dan ir-rigward hija ppreċiżat li l-pożizzjoni ta’ din l-awtorità bħala l-kreditur tar-rikorrenti kienet eċċezzjonalment qawwija sa fejn din l-awtorità kienet tinsab f’sitwazzjoni ġuridika u ekonomika iktar favorevoli mill-kredituri privati tar-rikorrenti. L-awtorità tat-taxxa lokali kellha fil-fatt iktar minn 99 % tal-krediti kollha rreġistrati u kienet kreditur separat li l-krediti tagħha setgħu jiġu onorati f’kull ħin matul il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju permezz tal-bejgħ tal-attivi ggarantiti (premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat, il-Kummissjoni b’mod partikolari osservat li l-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar kienet tiddependi fuq jekk l-Istat Membru kkonċernat kienx ta vantaġġ ekonomiku lil impriża b’mod ieħor għajr fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika u li, jekk l-Istat Membru kien invoka dan il-kriterju matul il-proċedura amministrattiva, huwa kellu, fil-każ ta’ dubju, jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati li l-implementazzjoni tal-miżura kienet marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ operatur ekonomiku privat fis-suq. F’dan ir-rigward hija rreferiet għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, Ġabra, EU:C:2012:318, punti 81 sa 85) (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat dan li ġej:

“Fi ftit kliem, ir-Repubblika Slovakka tiddikjara li, fil-fehma tagħha, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija rrikonoxxiet li, fiż-żmien tal-arranġament, il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat sempliċiment ma ġietx ikkunsidrata, u talbet li l-miżura kkontestata tiġi ttrattata bħala għajnuna ta’ salvataġġ. Għalhekk jidher li, f’dan il-każ, ma kienx hemm konformità mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq u li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.”

28      It-tieni nett, wara li osservat, fil-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata li, “[ir-rikorrenti] kien[et] [dik] li allega[t] li l-miżura [kienet] ħielsa minn kull għajnuna u qed [t]ippreżenta d-dokumenti deskritti hawn fuq, b’mod partikolari r-rapporti minn żewġ awdituri”, il-Kummissjoni vverifikat jekk ir-Repubblika Slovakka kinitx aġixxiet, fir-rigward tar-rikorrenti, bħala kreditur privat.

29      Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ipparagunat, fir-rigward tal-provi prodotti mir-rikorrenti, il-proċeduri ta’ arranġament ġuridiku u ta’ stralċ ġudizzjarju (premessi 88 sa 119 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni nett, ipparagunat il-proċeduri ta’ arranġament ġuridiku u ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa (premessi 120 sa 127 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tielet nett, evalwat il-provi l-oħra prodotti mill-awtoritajiet Slovakki u mir-rikorrenti (premessi 128 sa 138 tad-deċiżjoni kkontestata). Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li kemm il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll dik ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienu, mil-lat tal-awtoritajiet tat-taxxa lokali, alternattivi iktar vantaġġużi mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku (premessi 119, 124 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx issodisfatt u li r-Repubblika Slovakka kienet tat lir-rikorrenti vantaġġ li din ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet tas-suq. Fil-premessa 140 ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonkludiet li l-annullament tad-dejn approvat mill-awtorità tat-taxxa lokali fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fl-aħħar, fil-premessa 182 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-għajnuna mill-Istat ma kinitx kompatibbli mas-suq intern.

31      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi ħames artikoli.

32      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, “[i]d-[d]eċiżjoni [inizjali] hija mħassra” (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

33      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Slovakka lir-rikorrenti, li tammonta għal SKK 416 515 990 hija inkompatibbli mas-suq intern.

34      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna lir-Repubblika Slovakka tirkupra l-għajnuna inkwistjoni, mogħtija illegalment lir-rikorrenti, flimkien mal-interessi.

35      Skont l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Slovakka hija obbligata tinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-miżuri li hija ħadet biex tikkonforma ruħha magħha.

36      Skont l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

37      Ir-rikorrenti rċeviet kopja tad-deċiżjoni kkontestata, mingħand l-awtoritajiet Slovakki, fl-24 ta’ Ottubru 2013.

38      Fl-14 ta’ Ġunju 2014, id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

39      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

40      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża, essenzjalment, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) u tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2014 u l-ispejjeż ġew irriżervati.

41      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji ġdida intiża, essenzjalment għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) u tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2014 u l-ispejjeż ġew irriżervati.

42      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, stiednet lir-rikorrenti tippreżenta ċerti dokumenti u għamlet lill-Kummissjoni mistoqsija bil-miktub. Il-partijiet laqgħu dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

43      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2015.

44      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

46      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. Essenzjalment, dawn huma bbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tielet fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet iktar vantaġġuża mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku u, ir-raba’ fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet iktar vantaġġuża mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

47      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha u d-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Slovakka. Hija b’mod partikolari ssostni li l-Kummissjoni kien imissha semgħetha fir-rigward ta’ ċerti elementi fil-fajl sussegwentement għas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti elementi ta’ din is-sentenza u kien imissha semgħet lill-partijiet ikkonċernati u lir-Repubblika Slovakka fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ġuridiċi u tal-kunsiderazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li dan il-motiv kellu jinftiehem b’mod wiesa’ bħala li jikkontesta ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li l-qorti kellha teżamina ex officio, peress li l-Kummissjoni rrifjutat, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha u llimitat ruħha, hekk kif hija ammettiet fir-risposta tagħha, għall-informazzjoni biss li hija kellha fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

49      Hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

50      L-ewwel nett, u fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tpoġġiet f’pożizzjoni, sa mill‑istadju tal-proċedura amministrattiva, li tkun tista’ tikkomunika b’mod utli l‑pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill‑Kummissjoni (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra, EU:C:1986:302, punt 27; tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra, EU:T:2008:262, punt 169; tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il‑Kummissjoni, T‑156/04, Ġabra, EU:T:2009:505, punt 101, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni T‑267/08 u T‑279/08, Ġabra, EU:T:2011:209, punt 70).

52      Madankollu, il-proċedura amministrattiva relatata mal-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss kontra l-Istat Membru kkonċernat. L-impriżi benefiċjarji mill-għajnuna jitqiesu biss li huma “partijiet ikkonċernati” f’din il-proċedura. Dawn ma jistgħux jippretendu li huma stess jipparteċipaw fi proċedura kontenzjuża mal-Kummissjoni, bħal dik miftuħa għall-benefiċċju tal-imsemmi Stat Membru (sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra, EU:C:2002:524, punti 81 u 83; Alitalia vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:262, punt 170, u EDF vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2009:505, punt 102).

53      Huwa b’dan il-mod li l-ġurisprudenza tagħti essenzjalment lill-partijiet ikkonċernati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Minn dan isegwi li l-persuni kkonċernati, mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (ara sentenzi Alitalia vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:262, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata; EDF vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2009:505, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2011:209, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, peress li tali drittijiet ma huma bl-ebda mod irrikonoxxuti lilha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Din il-konklużjoni hija inevitabbli anki jekk l-Istat Membru li ta l-għajnuna mill-Istat u r-rikorrenti, bħala benefiċjarja tagħha, jistgħu jkollhom interessi differenti fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EDF vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2009:505, punt 104).

55      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti ġietx involuta fil-proċedura amministrattiva b’mod adatt fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Alitalia vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:262, punt 173, u tat-30 ta’ April 2014, Tisza Erőmű vs Il‑Kummissjoni, T‑468/08, EU:T:2014:235, punt 206).

56      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza kostanti, matul il-fażi ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tintima lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑49/05 P, EU:C:2008:259, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ dan id-dmir, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali jikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-persuni kkonċernati kollha jsiru jafu dwar il-ftuħ ta’ proċedura, filwaqt li jiġi ppreċiżat li din il-komunikazzjoni hija intiża biss sabiex tinkiseb, min-naħa tal-persuni kkonċernati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il-Kummissjoni tifhem kif għandha timxi iktar ’il quddiem (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra, EU:T:2003:57, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Alitalia vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:262, punt 171).

57      F’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li, sussegwentement għall-pubblikazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2005 u għamlet ukoll osservazzjonijiet orali fit-28 ta’ Marzu 2006, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali li d-deċiżjoni kkontestata tissostitwixxi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija kellha, permezz tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għarfien biżżejjed tal-elementi rilevanti u li hija kienet f’pożizzjoni li tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

58      Minn dan jirriżulta li, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, fatt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax.

59      Barra minn hekk, huwa wkoll paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq l-informazzjoni disponibbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha jew li hija stess ipprovdiet fl-osservazzjonijiet tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti, filwaqt li ssostni li l-Kummissjoni introduċiet motivi ġodda u evalwazzjonijiet ġodda fid-deċiżjoni kkontestata, irrikonoxxiet madankollu fir-replika, u kkonfermat waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, fatt li ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta, li l-Kummissjoni ma kienet ikkunsidrat ebda informazzjoni oħra barra dik li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali.

60      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni setgħet tuża din l-informazzjoni bil-għan tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kienet meħtieġa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li tiġbor mill-ġdid l-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

61      It-tieni nett, għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-proċedura intiża li tissostitwixxi att illegali tista’ titkompla mill-punt preċiż fejn kienet ġiet ikkonstatata l-illegalità, mingħajr il-ħtieġa għall-Kummissjoni li tibda mill-ġdid il-proċedura billi tmur lura lil hinn minn dan il-punt preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, Ġabra, EU:C:1998:533, punt 31; tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra, EU:C:2000:531, punt 82, u Alitalia vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2008:262, punti 99 u 142). Din il-ġurisprudenza dwar is-sostituzzjoni ta’ att annullat mill-qorti tal-Unjoni tapplika wkoll, fl-assenza ta’ kull annullament tal-att inkwistjoni mill-qorti, waqt l-irtirar u s-sostituzzjoni ta’ att illegali mill-awtur tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Région Nord‑Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2011:209, punt 83).

62      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li, fis-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32, punti 101 sa103), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, li l-Kummissjoni, sa fejn din kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju ta’ kreditur privat, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, jew li, sa fejn dan il-fattur ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, hija ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti fid-dritt. Min-naħa l-oħra, minn din is-sentenza bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kkontestat il-proċedura ta’ eżami tal-miżura kkontestata u lanqas l-eżattezza tad-data bażika miġbura matul din il-proċedura.

63      Barra minn hekk, huwa wkoll paċifiku li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni adottat din id-deċiżjoni bil-għan li tirrimedja għad-difetti kkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja u li jivvizzjaw id-deċiżjoni inizjali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi, b’mod partikolari, evalwazzjoni tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet meħtieġa tiftaħ mill-ġdid il-proċedura formali u tiġbor mill-ġdid l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

65      Minn dan jirriżulta li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali u mingħajr ma ġabret mill-ġdid l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kisritx id-dritt ta’ din tal-aħħar li tiġi involuta f’din il-proċedura.

66      Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa tali li jikkonfuta din il-konklużjoni.

67      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma tathiex il-possibbiltà tieħu pożizzjoni fuq l-elementi l-ġodda li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-effett tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), fuq l-istralċ ġudizzjarju ta’ L., kumpannija li topera fl-istess settur, u fuq ċerti punti tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (EU:T:2010:498). Fir-replika, hija żżid li l-Kummissjoni naqset milli tagħti lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità jipprovdu l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt kinitx applikabbli.

68      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, minn naħa, għandu jiġi nnotat li, fil-punti 141, 145, 146, 148, 177, 180, 181, 190, 191 u 198 tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (EU:T:2010:498), iċċitati mir-rikorrenti l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikkonstatat l-insuffiċjenza ta’ ċerta informazzjoni u ta’ ċertu allegazzjonijiet ippreżentati minnha waqt il-proċedura amministrattiva u l-assenza ta’ obbligu fir-rigward tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, mill-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti ma kinitx uriet ix-xebh bejn il-każ tagħha u dak ta’ L.

69      Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti essenzjalment jammonta għal kritika fir-rigward tal-Kummissjoni talli ma fetħitx mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u talli ma semgħethiex fir-rigward tal-informazzjoni kollha li hija kienet ipprovdiet matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali u li tqieset li hija insuffiċjenti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (EU:T:2010:498), jew mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inizjali. Issa, tali argument imur kontra l-ġurisprudenza, imfakkra fil-punt 52 iktar ’il fuq, li tgħid li l-partijiet ikkonċernati, fosthom il-benefiċjarju tal-għajnuna, ma jistgħux jippretendu jipparteċipaw fi proċedura kontenzjuża mal-Kummissjoni. Fil-fatt, kieku dan l-argument kellu jiġi aċċettat, dan ikollu preċiżament bħala effett li jibda tali parteċipazzjoni fi proċedura kontenzjuża.

70      Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma semgħetx lill-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-evalwazzjoni ġuridika u tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi nnotat li diġà ġie deċiż li la mid-dispożizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tisma’ lill-benefiċjarju ta’ riżorsi tal-Istat dwar l-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura inkwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat — u, a fortiori, lill-benefiċjarju tal-għajnuna — dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, meta l-partijiet ikkonċernati u l-Istat Membru kienu ġew intimati jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra, EU:T:2004:222, punt 198, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Nuova Terni Industrie Chimiche vs Il‑Kummissjoni, T‑64/08, EU:T:2010:270, punt 168; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il‑Kummissjoni (T‑129/95, T‑2/96 u T‑97/96, Ġabra, EU:T:1999:7, punti 230 u 231).

71      Fl-aħħar nett, għal dawn l-istess kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tismaha fir-rigward tal-effett tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), fuq l-analiżi tagħha.

72      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni naqset milli tiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha bil-għan tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u llimitat ruħha għall-informazzjoni biss li hija kellha waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali.

73      Ċertament, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tenfasizza r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ jekk il-provi invokati jikkostitwixxux d-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet misluta minnha (sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 76). Huwa wkoll minnu li, skont il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti, meta jirriżulta li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi applikat, hija l-Kummissjoni li għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, EU:C:2013:186, punt 33).

74      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjoni jifformaw parti mill-eżami tal-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, dawn ġew ifformulati waqt l-eżami tal-motivi mressqa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ appell u li jirrigwardaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-motivi relatati mal-legalità fil-mertu tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, b’mod iktar partikolari, mal-kriterju ta’ kreditur privat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, fis-sentenzi ċċitati fil-punt 73 iktar ’il fuq, dwar il-kwistjoni differenti tar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ tali deċiżjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tad-drittijiet proċedurali tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

75      Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti miġbura fil-qosor fil-punt 72 iktar ’il fuq jirrigwardaw il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux jistabbilixxu xi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha. L-istess japplika għall-fatt, fuq il-preżunzjoni li dan huwa minnu, li l-eżami inizjali tal-Kummissjoni ma kienx affidabbli.

76      It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li, għalkemm ir-rwoli tal-Istat Membru kkonċernat u tal-benefiċjarju tal-għajnuna waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali huma differenti, għandu jiġi żgurat li l-argumenti tal-benefiċjarju huma mismugħa permezz ta’ mezzi oħra meta l-Istat Membru ma jiddefendix l-interess tiegħu.

77      Madankollu, minn naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ma jiddefendix l-interess tal-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ibiddel ir-rwol ta’ dan tal-aħħar waqt il-proċedura amministrattiva u lanqas in-natura tal-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-proċedura, sal-punt li jingħatawlu, fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża, garanziji paragunabbli ma’ dawk ta’ dan l-Istat Membru.

78      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jiġi involut fil-proċedura b’mod adattat b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-rikorrenti, f’dan il-każ, ingħatat l-opportunità tipprovdi l-informazzjoni kollha li hija kienet tikkunsidra rilevanti u utli sussegwentement għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti f’dan l-istadju jirriżulta mingħajr dubju li hija kienet taf dwar il-fatt li l-awtoritajiet Slovakki ma kinux qegħdin jikkontestaw il-konklużjonijiet provviżorji misluta f’din id-deċiżjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, f’kull każ, hija kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha minkejja l-pożizzjonijiet diverġenti.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti kollha tar-rikorrenti intiżi essenzjalment sabiex jiġi stabbiliti li l-Kummissjoni kien imissha semgħetha sussegwentement għas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), għandhom jiġu miċħuda. Minn dan jirriżulta wkoll li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq il-fatt li, li kieku hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet addizzjonali, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata seta’ kien differenti.

80      It-tieni nett, ir-rikorrenti kkonfermat, b’tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li hija riedet ukoll tibbaża ruħha fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Slovakka, li l-Kummissjoni naqset milli tisma sussegwentement għas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), u fuq il-kwistjonijiet il-ġodda mqajma fid-deċiżjoni kkontestata.

81      Skont il-ġurisprudenza, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi illegalità li minn natura tagħha hija suġġettiva (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004 JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra, EU:T:2004:221, punt 425 u l-ġurisprudenza ċċitata), u li għandha għaldaqstant tiġi invokata mill-Istat Membru kkonċernat innifsu (sentenza Nuova Terni Industrie Chimiche vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, EU:T:2010:270, punt 186; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, EU:T:2004:222, punt 203).

82      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża li r-Repubblika Slovakka kienet il-vittma tiegħu.

83      It-tieni nett, għandha tiġi eżaminata l-allegazzjoni magħmula fir-replika li dan il-motiv kellu jinftiehem b’mod wiesa’ bħala li jikkontesta ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina ex officio, peress li l-Kummissjoni ammettiet fir-risposta tagħha li hija kienet eskludiet mill-analiżi tagħha l-informazzjoni kollha rċevuta wara l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2013, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑240/10, Ġabra, EU:T:2013:645, punt 70; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, Ġabra, EU:C:2014:2156, punt 103, u tat-22 ta’ Ottubru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑429/13 P, Ġabra, EU:C:2014:2310, punt 34).

85      Min-naħa l-oħra, motiv li jirrigwarda l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, li jaqa’ taħt il-ksur tat-trattati jew ta’ kull regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jista’ bħala prinċipju jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk dan jiġi invokat mir-rikorrenti (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑272/12 P, Ġabra, EU:C:2013:812, punt 28, u tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni, C‑271/13 P, EU:C:2014:175, punt 18; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 67).

86      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 73 sa 75 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti bil-għan li jiġi evalwat il-kriterju ta’ kreditur privat taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u mhux ta’ xi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

87      Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tagħhom sa fejn dawn tressqu għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata

89      Fil-kuntest tat-tieni motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti ssostni li l-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba, essenzjalment, li l-Kummissjoni b’mod żbaljat iddeduċiet mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:318, punti 81 sa 85), li s-sempliċi fatt li Stat Membru ma jiħux pożizzjoni fuq l-għajnuna fil-mument tal-fatti jew li jitlob li din il-miżura titqies li hija għajnuna biex tiġi salvata impriża f’diffikultà jimplika li din hija neċessarjament għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv u li dikjarazzjonijiet li l-Istat Membru jaqbel magħhom jistgħu ma jkunux affidabbli u ma jistgħux jiġu invokati kontra parti kkonċernata li tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, il-kwistjoni dwar f’liema kwalità r-Repubblika Slovakka aġixxiet f’dan il-każ ma tqumx, peress li din tal-aħħar setgħet taġixxi biss bħala kreditur. Għaldaqstant, tqum biss il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-kriterji msemmija fil-punti 70 sa 73 tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), ir-rikorrenti ma kinitx manifestament tkun tista’ tikseb il-vantaġġ inkwistjoni mingħand kreditur privat. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma għandha ebda prova li l-awtorità tat-taxxa ma kinitx ittrattat id-dejn fiskali inkwistjoni fil-kwalità ta’ kreditur, billi tfittex li tottimizza l-ammont li jista’ jiġi rkuprat. Issa, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità biss u mhux l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Slovakki, hekk kif indikata fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, hija rilevanti f’dan ir-rigward. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tqis b’mod żbaljat li huwa l-Istat Membru li għandu jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat.

90      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti essenzjalment minħabba li l-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-ġurisprudenza dwar l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat u minħabba li, f’kull każ, hija eżaminat l-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tevalwa jekk il-kundizzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju kinux ġew issodisfatti f’dan il-każ. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat tiddependi fuq il-kwalità li fiha l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li huwa dan l-Istat li għandu jinvoka u jistabbilixxi mingħajr dubju u fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati li huwa ħa d-deċiżjoni tiegħu fil-kwalità ta’ operatur ekonomiku u mhux ta’ awtorità pubblika. Skont il-Kummissjoni, kieku kellu jiġi aċċettat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna seta’ jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat, din il-ġurisprudenza tkun tapplika, a fortiori, bl-istess mod. It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi applikat mingħajr ma l-applikabbiltà tiegħu tkun stabbilita minn qabel, fid-dawl tal-intenzjoni tal-Istat Membru li jaġixxi bħala operatur privat. Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Slovakka pproduċiet provi intiżi sabiex jipprekludu l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju. It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq diverġenza ta’ pożizzjonijiet bejn l-awtoritajiet Slovakki u l-awtorità tat-taxxa lokali, il-Kummissjoni tfakkar li l-Istat Membru biss huwa parti fil-proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat.

91      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew lil ċerti produtturi hija, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq intern.

92      Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra, EU:C:1998:579, punt 34; Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 69, u Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 30).

93      Madankollu, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li sar disponibbli għaliha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 70, u Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Meta kreditur pubbliku jagħti faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn li huwa dovut lilu minn impriżi, din l-evalwazzjoni ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ kreditur privat. Fil-fatt, dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost il-fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna (sentenzi Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 71, u Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 32; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑342/96, Ġabra, EU:C:1999:210, punt 46, u tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, Ġabra, EU:C:1999:332, punt 24).

95      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju kienet tiddependi, finalment, fuq jekk l-Istat Membru kkonċernat tax vantaġġ ekonomiku lil impriża proprjetà tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika (sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 81).

96      Bl-istess mod, hemm lok li jitqies li l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat tiddependi, finalment, fuq jekk l-Istat Membru kkonċernat jagħtix vantaġġ ekonomiku lil impriża b’mod ieħor għajr milli fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EDF vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2009:505, punt 224). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, meta awtorità pubblika tagħti faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn dovut lilha minn impriża, l-aġir tagħha għandu jitqabbel ma’ dak ta’ kreditur privat li jfittex li jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet finanzjarji (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il‑Kummissjoni, T‑152/99, Ġabra, EU:T:2002:188, punt 167, u tas-17 ta’ Mejju 2011, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, T‑1/08, Ġabra, EU:T:2011:216, punt 70; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, EU:C:1999:210, punt 46, u DM Transport, punt 94 iktar ’il fuq, EU:C:1999:332, punt 24). F’dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet, il-kriterju ta’ operatur privat u, għaldaqstant, ta’ kreditur privat, huwa rilevanti, għaliex l-aġir tal-Istat jista’ jiġi adottat, għall-inqas bħala prinċipju, minn operatur privat bi skop ta’ profitt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EDF vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, EU:T:2009:505, punt 224).

97      Fil-kuntest tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li, jekk Stat Membru jinvoka dan il-kriterju matul il-proċedura amministrattiva, huwa għandu, fil-każ ta’ dubju, jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati li l-implementazzjoni tal-miżura hija marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 82). Dawn il-provi għandhom juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku inkwistjoni, l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implementata, investiment fl-impriża pubblika kkontrollata (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, fatturi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment (sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 84). Min-naħa l-oħra, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara li jkun ingħata dan il-vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva li l-investiment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat kien tabilħaqq profittabbli jew ġustifikazzjonijiet sussegwenti tal-pjan ta’ azzjoni tabilħaqq magħżul ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jistabbilixxu li dan l-Istat Membru, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, ħa tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Skont din il-ġurisprudenza, jekk l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni bil-provi meħtieġa, din tal-aħħar għandha tagħmel evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti minn dan l-Istat Membru, kwalunkwe prova oħra rilevanti li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tteħditx fil-kwalità ta’ azzjonist jew f’dik ta’ awtorità pubblika tal-istess Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 86).

99      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija kienet esprimiet xi dubji dwar il-fatt li r-Repubblika Slovakka kienet aġixxiet fir-rigward tar-rikorrenti bħala kreditur privat (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li tinnota li l-kundizzjonijiet tal-arranġament ġuridiku kienu identiċi għall-kredituri privati u għall-awtorità tat-taxxa lokali (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata), hija osservat li l-pożizzjoni ta’ din l-awtorità bħala kreditur kienet eċċezzjonalment qawwija. Minn dan hija ddeduċiet li “[g]ħalhekk [kien] jeħtieġ li jiġi eżaminat fid-dettall jekk l-Uffiċċju tat-Taxxa [kienx uża] il-mezzi kollha disponibbli għalih biex jikseb l-ogħla rimborż possibbli tal-ammonti riċevibbli tiegħu, kif kien jagħmel bħala kreditur f’ekonomija tas-suq” (premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

100    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni b’mod partikolari fakkret, fil-premessi 81 u 82 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, iċċitata essenzjalment fil-punti 93 u 94 iktar ’il fuq, u dwar l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju, b’analoġija mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 95 u 97 iktar ’il fuq. Sussegwentement, wara li rrilevat dan li ġej fil-premessi 83 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pproċediet bl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju:

“(83) Fi ftit kliem, ir-Repubblika Slovakka tiddikjara li, fil-fehma tagħha, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija rrikonoxxiet li, fiż-żmien tal-arranġament, il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat sempliċiment ma ġietx ikkunsidrata, u talbet li l-miżura kkontestata tiġi ttrattata bħala għajnuna ta’ salvataġġ. Għalhekk jidher li, f’dan il-każ, ma kienx hemm konformità mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq u li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(84)      [Ir-rikorrenti] kien[et] d[i]k li allega[t] li l-miżura [kienet] ħielsa minn kull għajnuna u qed [t]ippreżenta d-dokumenti deskritti hawn fuq, b’mod partikolari r-rapporti minn żewġ awdituri.”

101    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għall-qari ssuġġerit mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, din l-istituzzjoni essenzjalment qieset li l-kriterju ta’ kreditur privat kien applikabbli. Dan il-qari huwa neċessarju b’mod partikolari fid-dawl tal-premessi 78 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata, kif imsemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq. Dan huwa neċessarju wkoll fid-dawl tal-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni tirreferi għall-invokazzjoni ta’ dan il-kriterju mir-rikorrenti nnifisha, peress li din tal-aħħar ipproduċiet dokumenti f’dan ir-rigward, qabel ma l-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika dan il-kriterju fir-rigward tal-mertu tal-kawża.

102    Dan il-qari tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ikkontestat mill-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-riferiment, f’din il-premessa għall-“ġurisprudenza msemmija hawn fuq” jista’, minħabba l-ġeneralità tiegħu u n-nuqqas ta’ preċiżjoni tiegħu, jirreferi kemm għall-ġurisprudenza dwar l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat kif ukoll għal dik relatata mal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, rispettivament imsemmija fil-premessi 82 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kliem ieħor, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li “jidher li, f’dan il-każ, ma kienx hemm konformità mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq u li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat” tista’ tinftiehem mhux biss fis-sens li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx applikabbli, kif tallega preżentement il-Kummissjoni, iżda wkoll fis-sens li, fid-dawl tal-provi prodotti mir-Repubblika Slovakka, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu ma kinux issodisfatti. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 101 iktar ’il fuq, dan l-aħħar qari huwa neċessarju, kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni.

103    Issa, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni ma setgħetx, fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, tislet sempliċement mill-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat mir-Repubblika Slovakka l-konklużjoni li din il-miżura kienet effettivament tikkostitwixxi tali għajnuna, xorta jibqa’ l-fatt li din f’kull każ evalwat il-kriterju ta’ kreditur privat fuq il-mertu u eżaminat il-kundizzjonijiet kollha li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

104    Minn dan jirriżulta li dan il-motiv, li huwa intiż kontra l-konklużjoni li l-miżura inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat peress li r-Repubblika Slovakka kienet issuġġeriet hekk, huwa ineffettiv. Din il-konklużjoni tapplika mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra, miġbura fil-qosor fil-punt 89 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ressqet b’mod partikolari bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni. Dawn l-argumenti huma intiżi fil-fatt sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi li jivvizzja l-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata u ma għandhomx effett fuq in-natura irrilevanti ta’ dan l-iżball.

105    Minn dan jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali ma tistax, hekk kif essenzjalment titlobha tagħmel il-Kummissjoni fil-kuntest kemm tal-eżami tat-tieni motiv kif ukoll f’dak tat-tielet u tar-raba’ motivi, li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, tikkonstata l-inapplikabbiltà ta’ dan il-kriterju f’dan il-każ. Tali konstatazzjoni fil-fatt twassalha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha.

106    Issa, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattat FUE jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, jew dwar użu ħażin ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk ir-rikors huwa fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. L-Artikolu 264 TFUE jipprovdi li, jekk ir-rikors huwa fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk, fi kwalunkwe każ, tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’dik tagħha (ara s-sentenzi Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑246/11 P, EU:C:2013:118, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    It-tieni nett, għandu jingħad ukoll li, anki jekk il-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem fis-sens li, hekk kif hija tafferma fil-preżent, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat f’dan il-każ, din il-premessa tkun ivvizzjata bi żball ta’ liġi, li madankollu, ikun irrilevanti fid-dawl tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għall-motivi msemmija fil-punti 103 u 104 iktar ’il fuq u fil-punt 127 iktar ’l isfel.

108    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, b’analoġija mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, jekk Stat Membru jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat matul il-proċedura amministrattiva, huwa għandu, fil-każ ta’ dubju, jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati li l-implementazzjoni tal-miżura hija marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ operatur privat.

109    Madankollu għandu jiġi nnotat li minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li, meta l-Istat Membru kkonċernat ma jinvokax il-kriterju ta’ kreditur privat u jqis li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tista’, għal din ir-raġuni biss, tiddispensa ruħha minn kull eżami ta’ dan il-kriterju jew tqisu inapplikabbli. Għall-kuntrarju, il-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi invokat mill-benefiċjarju tal-għajnuna.

110    Fil-fatt, l-ewwel nett, skont il-ġurisprudenza, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huma l-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni li għandhom iressqu l-argumenti tagħhom intiżi sabiex juru li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jew li din hija kompatibbli mas-suq komuni, peress li l-għan tal-proċedura formali huwa proprju dak li jagħti kjarifika lill-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni kollha tal-kawża (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, Ġabra, EU:T:2008:537, punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni, T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, Ġabra, EU:T:2011:493, punt 246 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Issa, il-kriterju ta’ kreditur privat ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat inkompatabbli mas-suq intern, imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE, huma ssodisfatti. Fil-fatt, mill-punt 94 iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost il-fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 103).

112    Minn dan jirriżulta li, minbarra l-fatt li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, il-possibbiltà li jiġi invokat il-kriterju ta’ kreditur privat bl-ebda mod ma huwa rriżervat lill-Istat Membru kkonċernat, interpretazzjoni tal-ġurisprudenza b’mod li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun ipprojbit milli jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat għas-sempliċi motiv li l-Istat Membru kkonċernat la invoka dan il-kriterju u lanqas ikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna tkun inkompatibbli mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 110 iktar ’il fuq, li tgħid li l-benefiċjarju jista’ jressaq l-argumenti tiegħu intiżi sabiex juru li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

113    Sussegwentement, fil-punt 61 tas-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni (C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, Ġabra, EU:C:2013:682), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, f’dik il-kawża, la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, l-awtorità li kienet tat vantaġġ ekonomiku, l-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarju tal-għajnuna ma kienu invokaw fatturi li juru li l-miżura inkwistjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi mwettqa minn din l-awtorità għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profittabbiltà tagħha, fatt li minnu jista’ jiġi dedott li, minbarra l-Istat Membru kkonċernat, il-benefiċjarju ta’ għajnuna jista’ jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat billi jistabbilixxi, skont il-każ, li l-miżura inkwistjoni kienet ġiet deċiża minn dan l-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ operatur ekonomiku.

114    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 97 u 108 iktar ’il fuq għandha tinqara fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:318, punt 82), jiġifieri l-invokazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq mill-Istat Membru nnifsu. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx adita bil-kwistjoni dwar jekk il-benefiċjarju setax jinvoka dan il-kriterju meta l-Istat Membru kkonċernat allega li l-miżura inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li biss dan l-Istat Membru jista’ validament jinvoka dan il-kriterju.

115    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħall-Istat Membru li jinvoka l-kriterju ta’ kreditur privat, meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jinvokaha, huwa għandu, f’każ ta’ dubju, jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati li l-implementazzjoni tal-miżura kienet marbuta mal-kwalità ta’ operatur ekonomiku ta’ dan l-Istat Membru.

116    F’dan il-każ, huwa veru li r-Repubblika Slovakka ma invokatx il-kriterju ta’ kreditur privat u ssuġġeriet li l-miżura inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Madankollu, ir-rikorrenti invokat dan il-kriterju matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, hekk kif jirriżulta mill-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, ipproduċiet dokumenti insostenn ta’ din l-allegazzjoni, fosthom b’mod partikolari r-rapporti ta’ żewġ awdituri.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, fid-dawl b’mod partikolari tal-punt 112 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi mis-sempliċi fatt li l-Istat Membru qies li l-miżura kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u ma invokax il-kriterju ta’ kreditur privat li dan il-kriterju kien inapplikabbli f’dan il-każ.

118    Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 95, 97 u 98 iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li, peress li r-rikorrenti invokat dan il-kriterju u kienet ipproduċiet dokumenti għal dan il-għan, kienet il-Kummissjoni li kellha tivverifika jekk dawn id-dokumenti kinux jikkorrispondu għar-rekwiżiti stabbiliti minn din il-ġurisprudenza u, fl-affermattiv, twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti, kull prova rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni kinitx marbuta mal-kwalità ta’ operatur ekonomiku jew ma’ dik ta’ awtorità pubblika tal-Istat Membru inkwistjoni. Issa, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni, fil-premessi 47 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti, ma kienx stabbilit li r-rapport E kien tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità tat-taxxa lokali qabel l-aċċettazzjoni, minnha, tal-arranġament ġuridiku, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ddeċidietx fuq il-karatteristiċi ta’ dawn id-dokumenti u ma wettqitx din l-evalwazzjoni sabiex tiddetermina l-applikabbiltà tal-kriterju f’dan il-każ.

119    Barra minn hekk, f’kull każ għandu jiġi nnotat li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:318, punti 81 sa 85), li ċċarat il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq u li fuqha l-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjoni tagħha li l-kriterju ta’ kreditur privat ma huwiex, f’dan il-każ, applikabbli, ingħatat fil-5 ta’ Ġunju 2012, jiġifieri xahar qabel is-seduta li nżammet fil-5 ta’ Lulju 2012 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32). Huwa wkoll paċifiku li, f’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni ċertu tagħlim mislut mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:318).

120    Ċertament, fis-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espliċitament fuq l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat, kif essenzjalment sostniet il-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet pprovduti minn din tal-aħħar, din il-kwistjoni ma ġietx indirizzata fl-appell.

121    Madankollu, huwa paċifiku li, fil-punti 68 sa 91 u 100 sa 104 tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali u mill-Kummissjoni, tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat fis-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (EU:T:2010:498), u fid-deċiżjoni inizjali rispettivament.

122    Issa, l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat hija kundizzjoni minn qabel neċessarja għall-applikazzjoni tiegħu, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 71 tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost il-fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna.

123    Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, hemm lok li jitqies li hija impliċitament iżda neċessarjament qieset li dan il-kriterju huwa applikabbli.

124    Minn naħa, din il-konklużjoni tidher iktar u iktar valida peress li, filwaqt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inizjali, kienet ikkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat ma kinux issodisfatti u li l-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet fil-mertu motivi u argumenti intiżi kontra parti mir-raġunament li fuqu din il-konstatazzjoni hija bbażata, il-Qorti tal-Ġustizzja — hija u tiddeċiedi wara l-annullament tas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq (EU:T:2010:498), fuq it-tilwima fl-ewwel istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja — essenzjalment iddeċidiet li l-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju fid-deċiżjoni inizjali kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew, minn tal-inqas, b’nuqqas ta’ motivazzjoni (sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punti 101 sa 103).

125    Barra minn hekk, il-konklużjoni misluta fil-punt 123 iktar ’il fuq tapplika irrispettivament mill-fatt li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat ma kinitx ġiet ikkontestata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talbiet tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-portata tal-kawża, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti mqajma minnhom insostenn tal‑pretensjonijiet tagħhom, għaliex altrimenti jkollha, f’xi ċirkustanzi, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (digrieti tas-27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et, C‑470/02 P, EU:C:2004:565, punt 69; tat-13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il‑Kummissjoni, C‑172/05 P, ĠabraSP, EU:C:2006:393, punt 41, u s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra, EU:C:2010:541, punt 65). Minn dan jirriżulta li, sabiex tevita li tibbaża s-sentenza tagħha, li permezz tagħha hija essenzjalment invalidat parti mir-raġunament li fuqu hija bbażata l-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat ma kinux issodisfatti u li tippreżumi l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju, fuq kunsiderazzjonijiet ġuridiċi żbaljati, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet, anki fl-assenza ta’ kull kontestazzjoni, tikkonstata l-inapplikabbiltà tiegħu. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx hekk, hemm lok li jitqies li hija riedet tikkonferma l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju f’dan il-każ.

126    Għaldaqstant, jekk fil-preżent kellha tiġi miċħuda, hekk kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-awtorità ta’ res judicata relatata mas-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), tkun injorata.

127    Minn dan jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni intiż sabiex tintwera l-inapplikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat ma jistax jiġi aċċettat. Għaldaqstant, sa fejn il-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-konklużjoni li dan il-kriterju huwa inapplikabbli f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Madankollu, peress li l-Kummissjoni eżaminat dan il-kriterju fil-mertu, dan l-iżball, waħdu, ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

128    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li t-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet iktar vantaġġuża mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku

129    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li kreditur privat kien jagħżel il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u mhux l-arranġament ġuridiku. Dan il-motiv huwa maqsum f’sitt sensiliet ta’ argumenti, li jirrigwardaw, l-ewwel, kritika ġenerali tal-approċċ tal-Kummissjoni, it-tieni, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju, it-tielet sal-ħames, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u, is-sitt, żball li jivvizzja l-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Tfakkiriet preliminari tal-ġurisprudenza

130    Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tal-evalwazzjoni komparattiva tal-proċeduri ta’ stralċ ġudizzjarju u ta’ arranġament ġuridiku mill-Kummissjoni fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti, hemm lok li l-ewwel nett titfakkar il-ġurisprudenza relatata mal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, mat-tqassim tal-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ġew issodisfatti u mal-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni tal-istess kriterju.

131    L-ewwel nett, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 92 sa 94 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża. Madankollu, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq u din l-evalwazzjoni ssir, bħal prinċipju, meta kreditur pubbliku jagħti lil impriża faċilitajiet ta’ ħlas ta’ dejn, permezz tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ dan il-kreditur tal-kriterju ta’ kreditur privat.

132    Tali faċilitajiet ta’ ħlas jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk, fid-dawl tal-importanza tal-vantaġġ ekonomiku mogħti b’dan il-mod, l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb, manifestament, faċilitajiet paragunabbli minn kreditur privat li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli ta’ dik ta’ kreditur pubbliku u li jkun qed ifittex li jitħallas is-somom dovuti lilu minn debitur li jkollu diffikultajiet finanzjarji (ara s-sentenzi Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Għaldaqstant huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe element rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikseb, manifestament, faċilitajiet paragunabbli minn tali kreditur privat (sentenzi Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 73, u Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 47; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26, iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 86).

134    F’dan ir-rigward, għandha titqies li hija rilevanti l-informazzjoni kollha li tista’ tinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, prudenti u diliġenti b’mod normali, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku u li jipprova jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet sabiex iħallas (sentenzi Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 78, u Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 54).

135    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta, bħal f’dan il-każ, sabiex jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu kreditur privat, prudenti u diliġenti b’mod normali, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtoritajiet Slovakki kellu jagħżel bejn diversi proċeduri, bil-għan li jidentifika l-iktar alternattiva vantaġġuża, huwa kellu jevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punti 79 u 80, u Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 56).

136    Din l-għażla tal-kreditur privat hija influwenzata minn sensiela ta’ fatturi, bħall-kwalità tiegħu ta’ kreditur ipotekarju, privileġġat jew ordinarju, in-natura u l-portata tal-garanziji eventwali li jkollu, l-evalwazzjoni tiegħu tal-possibbiltajiet li l-impriża terġa’ tiġi fuq saqajha kif ukoll il-qligħ li jagħmel fil-każ ta’ stralċ (sentenzi HAMSA vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, EU:T:2002:188, punt 168, u Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, EU:T:2011:216, punt 84; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, EU:C:2014:175, punt 61), kif ukoll ir-riskji li jara t-telf tiegħu ikompli jikber (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, Ġabra, EU:T:2007:253, punt 283). Il-proċess deċiżjonali tal-kreditur privat jista’ wkoll ikun influwenzat, b’mod mhux negliġibbli, mit-tul tal-proċeduri, peress li dan jipposponi l-irkupru tas-somom dovuti u jista’ għaldaqstant jaffettwa, fil-każ ta’ proċeduri twal, b’mod partikolari, il-valur tagħhom (sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 81).

137    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kellha f’dan il-każ tiddetermina jekk, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, għall-finijiet li jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu, kreditur privat prudenti u diliġenti b’mod normali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtoritajiet Slovakki ma kienx manifestament jaċċetta l-proposta ta’ arranġament ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, EU:T:2011:216, punt 85). Għal dan il-għan, bil-għan li tidentifika l-iktar alternattiva vantaġġuża, hija kellha tipparaguna, abbażi tal-interessi ta’ kreditur privat, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 57).

138    It-tieni nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat ġew issodisfatti, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta, fil-kuntest tal-kriterju ta’ kreditur privat, hija twettaq l-evalwazzjoni globali msemmija fil-punt 133 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kull prova oħra rilevanti f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, meta jirriżulta li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi applikat, il-Kummissjoni għandha titlob lil dan l-Istat Membru jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti (sentenza Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 33).

139    Minn dan jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 34). Dan japplika iktar u iktar meta d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata mhux fuq nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi li ġew mitluba mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, iżda fuq il-konstatazzjoni li kreditur privat ma kienx jaġixxi bl-istess mod bħall-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, konstatazzjoni li tippreżumi li l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni kollha rilevanti neċessarja għar-redazzjoni tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 35).

140    It-tieni nett, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni jirriżulta li din l-istituzzjoni ma tistax tiġi akkużata li ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi eventwali li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma kinux, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u permezz ta’ evalwazzjoni ġenerali liema huma l-punti li setgħu jitressqu quddiemha (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra, EU:T:2004:4, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 85 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 60).

141    Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, li twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-informazzjoni l-iktar kompluta u affidabbli possibbli għal dan il-għan (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra, EU:C:2010:480, punt 90; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 85 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 62).

142    Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l‑Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Scott, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza essenzjalment jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tinjora informazzjoni li ma ġietx ipprovduta lilha matul il-proċedura amministrattiva meta hija tista’ validament tqis li hija għandha informazzjoni iktar affidabbli jew li din l-informazzjoni ma hijiex rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Scott, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punti 95 sa 98).

144    It-tielet nett, għandu jiġi nnotat li l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri partikolari jistgħux jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux imxew bl-istess mod bħal kreditur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra, EU:C:2007:698, punt 59; Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 74, u Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 48).

145    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenzi Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 75, u Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Scott, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punti 64 u 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Għaldaqstant, sa fejn l-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kriterju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, skont ġurisprudenza stabbilita, din tkun is-suġġett ta’ stħarriġ limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Lenzing, punt 144 iktar ’il fuq, EU:C:2007:698, punti 59 sa 61).

147    Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Scott, punt 141 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:2013:186, punt 50).

148    Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata, bħala prinċipju, il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti.

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li kreditur privat ma kienx jaċċetta l-proposta ta’ arranġament ġuridiku. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-ammont probabbli li l-awtorità tat-taxxa lokali setgħet tikseb fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u tat-tul ta’ din il-proċedura b’paragun mal-ammont propost fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku.

150    Għaldaqstant, minn naħa, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li l-ammont probabbli li l-awtorità tat-taxxa lokali setgħet tikseb fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kien ikun kunsiderevolment ogħla minn dak miksub fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku. Fil-fatt, wara li aġġustat l-evalwazzjonijiet imwettqa fir-rapport E, evalwat id-dħul probabbli mill-bejgħ tal-attiv ta’ din tal-aħħar fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju u naqset minn dan l-aħħar ammont l-ispejjeż ta’ tali proċedura, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 104 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, din l-awtorità setgħet tikseb somma ta’ SKK 356.7 miljun, jiġifieri SKK 132.4 miljun iktar mis-somma proposta fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku (SKK 224.3 miljun). Barra minn hekk il-Kummissjoni żiedet, fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “lanqas jekk” kellu jiġi applikat il-metodu ta’ evalwazzjoni tar-rapport E, din l-awtorità setgħet tikseb, fi stralċ ġudizzjarju, ammont ta’ SKK 225.5 miljun, li xorta jibqa’ ogħla mill-ammont miksub fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku.

151    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, l-ewwel nett, il-Kummissjoni, fil-premessi 109 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata qieset li dan it-tul ma kienx ikollu influwenza sinjifikattiva fuq id-deċiżjoni ta’ kreditur privat, peress li, essenzjalment, l-awtorità tat-taxxa lokali bħala kreditur privileġġat setgħet tiġi rrimborsata f’kull mument b’minn tal-inqas SKK 194 miljun b’riżultat tal-bejgħ tal-attiv immobilizzat mogħti b’garanzija. It-tieni nett, fil-premessi 113 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni xorta waħda evalwat, minn naħa, it-tul probabbli ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, filwaqt li qieset li, din tkun probabbilment iqsar mit-tul medju ta’ tali proċedura, u, min-naħa l-oħra, l-effett tagħha fuq l-ammont li jista’ jiġi rċevut mill-kreditur fit-tmiem ta’ tali proċedura (SKK 356.7 miljun wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-proċedura), filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan l-aħħar rigward, skont il-Kummissjoni, minħabba d-daqs tad-dħul probabbli mill-bejgħ tal-attiv inkwistjoni, anki tul ta’ erba’ sa ħames snin ma kien ikollu ebda rwol sinjifikattiv fid-deċiżjoni tal-kreditur privat.

152    Essenzjalment u bla ħsara għall-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, jirriżulta għalhekk li din tal-aħħar, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 133 sa 137 iktar ’il fuq, wettqet analiżi tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenzi tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju b’paragun mal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dħul probabbli minn bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel proċedura u l-effett tat-tul probabbli tagħha, kif ukoll il-kwalità ta’ kreditur privileġġat tal-awtorità tat-taxxa lokali.

153    Madankollu r-rikorrenti essenzjalment issostni li din l-analiżi hija żbaljata u mhux ibbażata fuq provi suffiċjenti. L-ewwel nett, hija tikkritika, b’mod partikolari, l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni u tikkontesta l-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata (l-ewwel sas-sitt sensiliet ta’ argumenti). Sussegwentement, hija tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-dħul probabbli minn bejgħ tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju (it-tieni sensiela ta’ argumenti). Fl-aħħar, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tat-tul probabbli ta’ tali proċedura u tal-effett tagħha fuq l-għażla ta’ kreditur privat (it-tielet sal-ħames sensiliet ta’ argumenti).

154    L-ewwel nett, hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-evalwazzjoni, minn naħa, tad-dħul probabbli minn bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju u, min-naħa l-oħra, tat-tul ta’ tali proċedura u tal-effett tagħha fuq l-għażla ta’ kreditur privat.

 Fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni tad-dħul mit-trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju (it-tieni sensiela ta’ argumenti)

155    Ir-rikorrenti tikkontesta l-istima ta’ SKK 435 miljun tad-dħul mit-trasferiment tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju. Essenzjalment, filwaqt li tirrileva li l-Kummissjoni kellha tevalwa din il-kwistjoni mil-lat ta’ kreditur privat u li hija ma kellhiex la l-esperjenza u lanqas l-għarfien neċessarju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni llimitat ruħha tagħmel stimi mingħajr ma wettqet investigazzjoni dwar il-benefiċċji probabbli ta’ bejgħ u lanqas ipprovat tikseb opinjoni ta’ espert jew provi oħra li jissostanzjaw l-istima tagħha u li hija ma setgħetx tissostitwixxi l-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni fir-rapport E b’fatturi oħra, sakemm ma tkunx kisbet provi rilevanti minn naħa ta’ espert kompetenti.

156    B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-dħul mit-trasferiment, rispettivament, tal-attiv immobilizzat tagħha, tal-ħażniet tagħha kif ukoll tal-krediti tagħha bi skadenza qasira fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju.

157    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li, billi evalwat id-dħul minimu probabbli mit-trasferiment tal-attiv immobilizzat tagħha għal SKK 194 miljun, filwaqt li r-rapport E kien japplika koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 45 %, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent inventat, arbitrarju, irrazzjonali u mhux provat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dan l-ammont ma jikkorrispondix għal stima tad-dħul minn trasferiment matul proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u li l-ammont ta’ SKK 397 miljun indikat mill-awtoritajiet Slovakki ġie evalwat abbażi tal-kontabbiltà tagħha. Barra minn hekk, il-kiri minn O.H. tal-attiv ta’ produzzjoni tagħha ma jippermettix li tinsilet ebda konklużjoni dwar il-benefiċċju probabbli tal-bejgħ tiegħu fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju u l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istralċ ġudizzjarju ta’ L., li għadu għaddej.

158    It-tieni nett, fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tal-ħażniet tagħha, minn naħa, ir-rikorrenti tqis li kreditur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni l-implikazzjoni tar-revoka tal-liċenzja tagħha għall-ispirti fuq il-bejgħ tal-prodotti mhux lesti li kienu jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-ħażniet tagħha fid-9 ta’ Lulju 2004. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni tassumi b’mod żbaljat u mingħajr ma tikkonfuta l-provi msemmija fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata li l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju jkunu l-istess bħal dawk li taħthom hija setgħet tillikwida l-ħażniet tagħha matul il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku.

159    It-tielet nett, fir-rigward tad-dħul mit-trasferiment tal-krediti tagħha bi skadenza qasira, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni b’mod żbaljat irrifjutat li tagħmel it-tieni aġġustament magħmul fir-rapport E, mingħajr raġunijiet jew provi li jikkontradixxu dan l-aġġustament. Issa, kreditur privat kien jagħmel dan l-aġġustament sabiex jiddetermina l-valur probabbli li jista’ jiġi rkuprat tal-krediti li jifdal.

160    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha tar-rikorrenti. Essenzjalment, minn naħa, hija ssostni li hija ħadet inkunsiderazzjoni u eżaminat fid-dettall l-informazzjoni rilevanti disponibbli, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li hija ma tistax tkun meħtieġa tqis kull rapport ta’ espert bħala rilevanti jew titlob opinjoni ta’ espert. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tallega li hija waslet għall-konklużjoni li l-informazzjoni tar-rapport E ma kinitx affidabbli u li hija għamlet aġġustament fir-rigward tal-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni li jinsabu f’dan ir-rapport, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-provi li l-awtorità tat-taxxa lokali kellha fil-mument tal-fatti. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni żżid li hija ma għandhiex l-obbligu li tieħu l-istess passi li kien jieħu kreditur privat, iżda li tivverifika li l-awtorità pubblika aġixxiet bħala tali.

161    B’mod partikolari, l-ewwel nett, fir-rigward tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis li, fl-assenza ta’ spjegazzjoni tal-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni li jinsab fir-rapport E, kien adatt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni l-oħra kollha disponibbli relatata mal-valur ta’ dan l-attiv li kreditur privat kien jeżamina. Peress li hija r-rikorrenti li għandha l-obbligu tistabbilixxi n-natura fondata tal-allegazzjoni tagħha relatata mal-loġika tal-kreditur privat, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li tipprovdi l-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni korrett, iżda li tevalwa l-informazzjoni kollha disponibbli sabiex tiddetermina jekk l-allegazzjoni tar-rikorrenti hijiex issostanzjata b’mod kredibbli. Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment għal O.H., il-Kummissjoni tindika li, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, hija llimitat ruħha tiċħad l-argument ibbażat fuq il-fatt li ma seta’ jinstab ebda xerrej. Barra minn hekk, dan ir-riferiment juri t-tendenza tar-rikorrenti li tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq ċertu dettalji mingħajr każ għall-konstatazzjoni, minn naħa, li anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni tar-rapport E, id-dħul mit-trasferiment tal-attiv tagħha kien ikun ogħla mis-somma proposta fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku u, min-naħa l-oħra, li n-natura żvantaġġuża tal-arranġament ġuridiku kienet tidher b’mod flagranti fid-dawl tal-istimi kkoreġuti minnha.

162    It-tieni nett, fir-rigward tal-ħażniet tar-rikorrenti, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tiċħad il-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni tar-rapport E, li fir-rigward tiegħu ma ngħatat ebda spjegazzjoni, u tibbaża l-valutazzjoni raġonevoli tad-dħul mill-bejgħ tal-ħażniet fuq l-informazzjoni l-oħra disponibbli, jiġifieri indikazzjoni tar-rikorrenti li hija setgħet tikseb SKK 110 miljun mill-bejgħ tal-ħażniet tagħha u l-evoluzzjoni konkreta tagħhom. Issa, bejgħ ta’ ħażniet f’dawn iċ-ċirkustanzi sabiex jiġi ffinanzjat l-arranġament ġuridiku jista’ jitqabbel maċ-ċirkustanzi ta’ bejgħ matul stralċ ġudizzjarju, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-liċenzja tar-rikorrenti kienet diġà tneħħitilha fil-mument ta’ dan il-bejgħ. It-tieni nett, il-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata kienet intiża biss sabiex tiċħad ir-rapporti prodotti bħala prova.

163    It-tielet nett, fir-rigward tal-krediti bi skadenza qasira, il-Kummissjoni tqis li, għalkemm kien neċessarju li l-valur kontabbilistiku tagħhom jiġi aġġustat sabiex jiġi rifless il-valur reali tagħhom u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni krediti li ma jistgħux jiġu rkuprati jew ta’ kwalità ħażina, xejn ma kien jiġġustifika valur inqas minn dak li r-rikorrenti kienet hija stess ipprevediet li tikseb mingħand id-debituri tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti għada ma tagħti ebda ġustifikazzjoni għat-tieni aġġustament, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-Kummissjoni, il-fatt li impriża tiġi ddikjarata fi stralċ ġudizzjarju ma jbiddilx l-irkupru tal-krediti mingħand id-debituri tagħha.

164    Bil-għan li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-dħul mit-trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti matul stralċ ġudizzjarju, hemm lok li jitfakkar li din l-evalwazzjoni hija bbażata, kemm fir-rapport E kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, fuq “koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni” li ġew applikati għad-diversi attivi tar-rikorrenti.

165    Hekk kif jirriżulta mill-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, tali koeffiċjenti jesprimu s-sehem perċentwali tal-valur tat-trasferiment tal-attiv fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju meta mqabbel mal-valur kontabbilistiku tiegħu. Dawn huma intiżi sabiex jikkalkolaw il-valur residwu tal-attiv ittrasferit f’dan il-kuntest filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tat-trasferiment; għandu jiġi ppreċiżat li, skont it-tip ta’ attiv, huwa stmat li l-valur miksub mit-trasferiment tiegħu fil-kuntest tal-istralċ huwa ħafna inqas mill-valur kontabbilistiku tiegħu. La l-użu ta’ koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni u lanqas id-definizzjoni tagħhom ma huma kkontestati f’dan il-każ.

166    Madankollu, l-istima proposta fir-rapport E u l-istima magħmula mill-Kummissjoni jvarjaw f’żewġ aspetti. Skont il-Kummissjoni, dan ir-rapport ma kienx jikkostitwixxi fil-fatt bażi affidabbli għall-ippragunar tal-proċeduri ta’ stralċ ġudizzjarju u ta’ arranġament ġuridiku (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

167    Minn naħa, filwaqt li r-rapport E ħa bħala punt tat-tluq is-sitwazzjoni tal-attiv tar-rikorrenti fil-31 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni użat is-sitwazzjoni ta’ dan l-attiv fis-17 ta’ Ġunju 2004 (premessi 90 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax. F’din l-aħħar data, hekk kif jirriżulta mit-tabella 5 inkluża fid-deċiżjoni kkontestata, il-valuri kontabbilistiċi tad-diversi attiv tar-rikorrenti ġew stabbiliti kif ġej:

–        attiv immobilizzat (artijiet, binja, makkinarju u tagħmir, attiv intanġibbli, attiv finanzjarju): SKK 200 miljun;

–        ħażniet: SKK 84 miljun;

–        flus kontanti: SKK 161 miljun;

–        krediti kummerċjali bi skadenza qasira: SKK 63 miljun.

168    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx taċċetta l-metodu użat fir-rapport E sabiex tevalwa d-dħul minn trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, hija indikat li dan ir-rapport ma kien jinkludi ebda spjegazzjoni dwar il-mod li bih kienu ġew iddeterminati l-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-koeffiċjenti applikati f’dan ir-rapport fir-rigward tal-attiv immobilizzat (45 %), tal-ħażniet (20 %) u tal-krediti bi skadenza qasira (20 %, applikati fuq 59 % tal-valur kontabbilistiku ta’ dawn il-krediti) kienu ġew evalwati fuq livelli baxxi wisq (premessi 95 u 98 sa 101 tad-deċiżjoni kkontestata).

169    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeterminat hija stess il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni rilevanti sabiex tistma d-dħul probabbli minn trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ.

170    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni. Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tagħha, hemm lok, b’rigward għall-argumenti tal-partijiet, li tiġi ppreċiżata l-importanza mogħtija lill-opinjonijiet ta’ espert fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni qabel ma tiġi evalwata l-formulazzjoni tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni.

171    Qabel kollox, fir-rigward tal-opinjonijiet ta’ espert, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tiċħad il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni użati fir-rapport E.

172    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-Kummissjoni tista’, iżda mingħajr ma hija obbligata, tagħmel użu minn esperti minn barra, hija madankollu ma hijiex eżentata milli tevalwa x-xogħol tagħhom (sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra, EU:T:2004:266, punt 72, u tat-13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, Ġabra, EU:T:2010:386, punt 251). Rapport ta’ espert jista’ jiġi kkunsidrat li għandu valur probatorju, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-qorti, biss fir-rigward tal-kontenut oġġettiv tiegħu. Barra minn hekk, sempliċi affermazzjoni mhux issostanzjata li tinsab f’tali dokument ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat (sentenza Valmont vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2004:266, punt 71).

173    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif affermat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 168 iktar ’il fuq), li r-rapport E ma jinkludi ebda spjegazzjoni dwar il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni użati sabiex jiġi ddeterminat id-dħul massimu possibbli minn bejgħ tal-attiv tal-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 172 iktar ’il fuq, il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni użati f’dan ir-rapport ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala li għandhom valur probatorju.

174    Sa fejn ir-rikorrenti tallega, f’dan ir-rigward, li evalwazzjonijiet bħal dawk imwettqa fil-kuntest tar-rapport E huma bbażati fuq l-esperjenza u l-ġudizzju, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 172 iktar ’il fuq, tali allegazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat il-valur probatorju ta’ rapport ta’ espert u sabiex il-Kummissjoni tiġi obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet li dan jinkludi.

175    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta meta ma aċċettatx il-metodoloġija tar-Rapport E. Madankollu għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport, b’mod sussidjarju u għall-finijiet ta’ evalwazzjoni minima.

176    Minn dan jirriżulta wkoll li l-argumenti kollha li r-rikorrenti tislet mill-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni użati fir-rapport E, billi takkuża lill-Kummissjoni li ma kkunsidrathomx jew billi ssostni li kreditur privat kien jikkunsidrahom, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

177    It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma talbitx opinjoni ta’ espert ġdida, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-ilment li l-Kummissjoni ma rrikorrietx għal esperti esterni għar-redazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi milqugħ fih innifsu, peress li ebda dispożizzjoni tat-Trattat jew tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma timponi tali obbligu fuq il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra, EU:T:1998:140, punt 72, u tas-16 ta’ Marzu 2000, Astilleros Zamacona vs Il‑Kummissjoni, T‑72/98, Ġabra, EU:T:2000:79, punt 55).

178    Sa fejn ir-rikorrenti tirreferi, f’dan il-kuntest, għall-punti 13 u 14 u 20 sa 28 tas-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438), li minnhom hija tiddeduċi li, anki meta hija twettaq evalwazzjoni diskrezzjonarja tal-fatti u tal-provi, il-Kummissjoni għandha tikseb l-opinjoni rilevanti ta’ espert, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, bid-differenza tal-leġiżlazzjoni rilevanti f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża li tat lok għas-sentenza invokata mir-rikorrenti kienet tipprevedi li l-Kummissjoni kellha tikkonsulta, jekk ikun meħtieġ, grupp ta’ esperti. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 177 iktar ’il fuq, ebda konsegwenza ma tista’ tiġi dedotta minn din is-sentenza għall-finijiet ta’ din il-kawża.

179    It-tieni nett, għandha madankollu tiġi evalwata l-fondatezza tal-istimi magħmula mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, hemm lok li f’dan ir-rigward jitfakkar li, għalkemm, hekk kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 177 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex bħala prinċipju obbligata tirrikorri għal opinjonijiet ta’ esperti esterni għar-redazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li hija kellha tiddetermina jekk kreditur privat ma kienx manifestament jaċċetta l-proposta ta’ arranġament ġuridiku u li hija l-Kummissjoni li kellha l-oneru tal‑prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat ma ġewx issodisfatti f’dan il-każ (ara, l-punti 132, 133, 137 u 139 iktar ’il fuq).

180    Għaldaqstant hemm lok li jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet prinċipali espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata qabel ma jiġi evalwat, fid-dawl, b’mod partikolari tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 145 sa 147 iktar ’il fuq, jekk dawn l-evalwazzjonijiet humiex, hekk kif tallega essenzjalment ir-rikorrenti, ivvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, jekk dawn humiex issostanzjati b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-provi fil-fajl u jekk il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni d-data kollha rilevanti.

181    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat id-dħul probabbli minn trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti għal SKK 435 miljun, inkluż 194 bħala attiv immobilizzat, 43 bħala ħażniet, 37 bħala krediti bi skadenza qasira u 161 bħala flus kontanti (tabella 5 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni għaldaqstant applikat koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni li jammontaw rispettivament, għal kull waħda minn dawn il-partijiet tal-attiv, għal 97, 52, 59 u 100 %, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li d-determinazzjoni tal-ewwel tliet koeffiċjenti hija kkontestata f’dan il-każ.

182    B’mod iktar partikolari, l-ewwel nett, il-Kummissjoni evalwat id-dħul probabbli mit-trasferiment tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju għal SKK 194 miljun. Dan l-ammont jikkorrispondi għall-valur tal-attiv mogħti b’garanzija lill-awtorità tat-taxxa lokali, kif mogħti mir-rikorrenti abbażi ta’ evalwazzjonijiet imwettqa minn esperti indipendenti fl-2003 jew fl-2004. Skont il-Kummissjoni, tali prezz ta’ espert kellu normalment jirrifletti l-valur ġenerali tal-attiv li jikkorrispondi għall-prezz li bih dan seta’ jinbiegħ f’mument partikolari. Dan il-valur kien fil-fatt ġie stabbilit sabiex jiġi aċċertat il-valur ta’ dan l-attiv bħala garanzija (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan huwa prezz minimu, peress li l-valur tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti kien ġie evalwat għal SKK 397 miljun mill-awtoritajiet Slovakki, hekk kif imsemmi fl-ewwel nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab fit-tabella 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-allegazzjoni tar-rikorrenti li kien diffiċli li jinstab xerrej, billi qieset li kien hemm, għall-attiv ta’ produzzjoni ta’ din tal-aħħar, interess immedjat min-naħa ta’ kompetitur.

183    It-tieni nett, fir-rigward tal-ħażniet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni użat koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 52 % essenzjalment peress li r-rikorrenti setgħet tikseb SKK 110 miljun mill-bejgħ tal-ħażniet tagħha fl-2004, fejn dan il-koeffiċjent jikkorrispondi għall-parti ta’ dan l-ammont fir-rigward tal-valur kontabbilistiku tal-ħażniet fiż-żmien rilevanti. Il-Kummissjoni żżid li, fid-dawl tal-attività tar-rikorrenti, seta’ jiġi preżunt li l-ħażniet tagħha kienu kkostitwiti minn prodotti lesti jew kważi lesti li setgħu jinbiegħu faċilment (premessi 98 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

184    It-tielet nett, fir-rigward tal-krediti bi skadenza qasira tar-rikorrenti, il-Kummissjoni użat koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 59 %. Dan jikkorrispondi għal aġġustament applikat, fir-rapport E, għall-valur kontabbilistiku ta’ dawn il-krediti sabiex tiġi riflessa l-impossibbiltà ta’ rkupru jew il-kwalità ħażina ta’ ċerti krediti u, għaldaqstant, sabiex jiġi rifless il-valur reali tal-krediti li jistgħu jiġu rkuprati. Min-naħa l-oħra, filwaqt li jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Slovakki, il-valur hekk iddeterminat kien jikkorrispondi għall-krediti li setgħu jiġu inforzati, il-Kummissjoni ma applikatx koeffiċjent ieħor, bid-differenza tar-rapport E li kien għamel tieni aġġustament fir-rigward ta’ koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 20 % (premessi 100 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

185    Minn dawn it-tfakkiriet mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni permezz ta’ deduzzjoni mill-provi fil-fajl tal-proċedura amministrattiva. Għalkemm dawn id-deduzzjonijiet ċertament saru abbażi ta’ provi prodotti mir-rikorrenti jew mhux ikkontestati minnha, xorta jibqa’ madankollu l-fatt li l-Kummissjoni ma għamlet ebda analiżi metodoloġika jew ekonomika u ma talbitx, waqt il-proċedura amministrattiva, informazzjoni addizzjonali intiża sabiex jiġu vverifikati u ssostanzjati l-konklużjonijiet li hija kienet siltet minn dawn il-provi.

186    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-provi fil-fajl tal-proċedura amministrattiva ma humiex ta’ natura li jissostanzjaw, b’mod suffiċjenti fid-dritt u b’mod inekwivoku, il-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni bil-għan tal-evalwazzjoni, għal SKK 435 miljun, tad-dħul mill-bejgħ tal-attiv tar-rikorrenti fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju.

187    Għaldaqstant, l-ewwel nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dħul probabbli mit-trasferiment tal-attiv immobilizzat, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti indikat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li l-valur tal-attiv mogħti b’garanzija kien jammonta għal madwar SKK 194 miljun. F’dan ir-rigward hija ppreċiżat li dan il-valur kien mislut minn rapporti ta’ evalwazzjoni indipendenti preparati matul is-snin 2003 u 2004 u li dan seta’ jiġi vverifikat fid-deċiżjonijiet ta’ posponiment tal-ħlas tat-taxxi meħuda mill-awtorità tat-taxxa lokali bejn l-2000 u l-2003. Hija żiedet ukoll li dan l-ammont ma kienx jammonta awtomatikament għad-dħul probabbli minn trasferiment tal-attiv mogħti b’garanzija fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju u li, skont diversi evalwazzjonijiet indipendenti, id-dħul massimu probabbli kien jinsab bejn 20 u 50 % ta’ dan il-valur.

188    Bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet talbet lir-rikorrenti tipproduċi r-rapporti msemmija fil-punt 187 iktar ’il fuq, hija pproduċiet rapport redatt minn K. kif ukoll tlettax-il deċiżjonijiet ta’ posponiment ta’ ħlas tat-taxxi stabbiliti bil-għan tal-kostituzzjoni tal-garanziji bejn Lulju 2000 u Settembru 2003.

189    Min-naħa tagħha, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx talbet, matul il-proċedura amministrattiva, il-produzzjoni tar-rapporti msemmija fil-punt 187 iktar ’il fuq. Hija madankollu osservat li hija kellha d-deċiżjonijiet ta’ posponiment ta’ ħlas imsemmija fil-punt 188 iktar ’il fuq kif ukoll il-konklużjonijiet tal-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċini tar-rikorrenti fil-21 ta’ Ġunju 2004, kif msemmija f’ittra tal-awtoritajiet Slovakki li hija hemżet mar-risposta tagħha . Il-Kummissjoni sostniet għal darb’oħra li, peress li r-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-punt 187 iktar ’il fuq kienu ġew ordnati speċifikament sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-attiv għall-finijiet tal-kostituzzjoni tal-garanziji, hija setgħet tuża ċ-ċifra stabbilita mir-rikorrenti. Skont il-Kummissjoni, fil-fatt, meta l-valur ta’ attiv huwa stabbilit għall-finijiet tal-użu tiegħu bħala garanzija, iċ-ċifra stabbilita għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni x’jiġri jekk il-garanzija tiġi invokata.

190    Ċertament mill-elementi esposti fil-punti 188 u 189 iktar ’il fuq jirriżulta li l-partijiet jaqblu, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-valur tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti għal SKK 194 miljun, imressqa minn din tal-aħħar innifisha, kienet intiża għall-kostituzzjoni ta’ garanziji favur l-awtorità tat-taxxa lokali fil-mument tal-posponiment tal-ħlas tat-taxxi dovuti minnha.

191    Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-fatturi esposti fil-punti 188 u 189 iktar ’il fuq, il-provi fil-fajl ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk din l-evalwazzjoni tal-attiv mogħti b’garanzija tirriflettix il-valur kontabbilistiku tal-attiv immobilizzat mogħti b’garanzija, il-prezz fis-suq tiegħu jew il-prezz ta’ trasferiment tiegħu fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju. L-opinjonijiet tal-partijiet ma jaqblux f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, filwaqt li, hekk kif jirriżulta mill-punt 187 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ddubitat l-adegwatezza bejn l-ammont ta’ SKK 194 miljun u d-dħul minn trasferiment tal-attiv immobilizzat tagħha fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata u quddiem il-Qorti Ġenerali, tippreżumi li dan l-ammont kellu jirrifletti l-valur ġenerali tal-attiv li jikkorrispondi għall-prezz li għalih dan jista’ jiġi ttrasferit f’mument partikolari, inkluż fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju, mingħajr ma fittxet li tivverifika l-għan, il-metodu jew l-affidabbiltà tal-evalwazzjoni li fuqha hija bbażat ruħha.

192    Sussegwentement, għalkemm xi wħud mid-deċiżjonijiet relatati mal-posponiment tad-djun fiskali prodotti mir-rikorrenti jinkludu evalwazzjoni ċċifrata tal-attiv mogħti b’garanzija billi jirreferu għal evalwazzjonijiet magħmula fl-2002, dawn id-deċiżjonijiet, meħuda flimkien, ma jippermettux madankollu li jiġi aċċettat l-ammont totali ta’ SKK 194 miljun. B’mod partikolari, diversi minn dawn id-deċiżjonijiet jinkludu biss lista tal-attiv mogħti b’garanzija mingħajr madankollu ma jiċċifraw il-valur tiegħu.

193    Barra minn hekk, l-ittra tal-awtoritajiet Slovakki msemmija fil-punt 189 iktar ’il fuq tirreferi għall-ispezzjoni li seħħet fil-21 ta’ Ġunju 2004 fl-uffiċini tar‑rikorrenti u tindika r-riżultati tagħha. F’din l-ittra huwa indikat li l-attiv immobilizzat ta’ din tal-aħħar kien jammonta, hekk kif jirriżulta minn evalwazzjoni ta’ espert, għal SKK 200 miljun. Min-naħa l-oħra, anki fuq il-preżunzjoni li din hija l-istess evalwazzjoni bħal dik imsemmija mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi osservat li din l-ittra ma tinkludi ebda indikazzjoni tal-valur tal-attiv immobilizzat mogħti b’garanzija. Din lanqas ma tindika li l-ammont ta’ SKK 194 miljun, li lanqas ma huwa barra minn hekk imsemmi fiha, jikkorrispondi għad-dħul probabbli minn trasferiment tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju.

194    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fid-dawl tal-provi prodotti mill-partijiet, l-evalwazzjoni użata mill-Kummissjoni, li tmur lura għall-aħħar tas-sena 2003 jew għall-bidu tas-sena 2004, hija bbażata fuq evalwazzjonijiet magħmula bejn is-sena 2000 u s-sena 2003 fiż-żmien tal-posponimenti ta’ ħlas. Għaldaqstant l-ammont ta’ SKK 194 miljun ma jirriżultax, kif osservat ir-rikorrenti waqt is-seduta, minn evalwazzjoni kontemporanja. Issa, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-valur tal-attiv mogħti b’garanzija, b’mod partikolari tal-vetturi u tal-makkinarju, biż-żmien jonqos.

195    Fl-aħħar nett, għandu jintqal ukoll li l-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni applikat mill-Kummissjoni huwa partikolari għoli, sa fejn dan jikkorrispondi għal 97 % tal-valur kontabbli tal-attiv immobilizzat kollu tar-rikorrenti (SKK 194 fuq 200 miljun). Issa, hekk kif ġustament sostniet ir-rikorrenti, iċ-ċirkustanzi ta’ bejgħ fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju jnaqqsu l-valur ta’ attiv meta mqabbel ma’ bejgħ f’kundizzjonijiet kummerċjali normali li fihom il-bejjiegħ jista’ jagħżel b’mod partikolari l-mument tal-bejgħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess osservat, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li, bl-għajnuna tal-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni, “huwa preżunt li l-valur tal-assi miksub permezz ta’ bejgħ ta’ likwidazzjoni normalment huwa inqas mill-valur kontabilistiku, skont it-tip ta’ assi”.

196    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 191 sa 195 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-provi fil-fajl tal-proċedura amministrattiva ma jippermettux li jiġi ssostanzjat b’mod suffiċjenti fid-dritt il-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni applikat mill-Kummissjoni bil-għan tal-evalwazzjoni tad-dħul mit-trasferiment tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti.

197    It-tieni nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dħul mill-krediti bi skadenza qasira tar-rikorrenti, l-ewwel nett hemm lok li jingħad li r-rikorrenti ma tikkontestax l-aġġustament ta’ 59 % magħmul mill-Kummissjoni. Dan l-aġġustament, li jirriżulta mir-rapport E, huwa intiż, skont din tal-aħħar, sabiex jirrifletti l-impossibbiltà ta’ rkupru jew il-kwalità ħażina ta’ ċerti krediti (ara l-punt 184 iktar ’il fuq).

198    F’dan ir-rigward, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni, mhux imqajma mir-rikorrenti, dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, tuża l-koeffiċjent ta’ 59 % applikat fir-rapport E anki jekk hija kienet tqis li dan ir-rapport ma kienx affidabbli, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ kull spjegazzjoni li tinsab f’dan ir-rapport u fid-dawl tal-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti, la s-sinjifikanza u lanqas il-fondatezza ta’ dan il-koeffiċjent ma jistgħu jitqiesu li huma stabbiliti. Għaldaqstant, filwaqt li, skont il-Kummissjoni, essenzjalment, dan il-koeffiċjent jippermetti li jiġu ddeterminati l-krediti bi skadenza qasira ta’ kwalità tajba li jistgħu jiġu rkuprati jew ittrasferiti mingħajr telf fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju, tieni aġġustament ikun meħtieġ, skont ir-rikorrenti, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ tali stralċ li matulu rkupru jew trasferiment ta’ krediti bi skadenza qasira jsir b’ammont iżgħar mill-valur rekuperabbli tagħhom u jkun jimplika spejjeż, riskji u dewmien.

199    Issa, ebda prova fil-fajl ma tippermetti li tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li s-somma tal-krediti bi skadenza qasira ddeterminata b’applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ 59 % hija rekuperabbli kollha kemm hi, mingħajr ma tiġi affettwata miċ-ċirkustanzi ta’ trasferiment fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-provi fil-fajl ma jippermettux li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt il-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 59 % applikat mill-Kummissjoni għall-krediti bi skadenza qasira.

201    Minn dan li ntqal u, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet misluta fil-punti 196 u 200 iktar ’il fuq jirriżulta li l-provi fil-fajl tal-proċedura amministrattiva ma humiex ta’ natura li jissostanzjaw, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dħul probabbli minn trasferiment tal-attiv immobilizzat u mill-krediti bi skadenza qasira fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju. Għaldaqstant jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi neċessarji, l-iktar kompluti u affidabbli possibbli sabiex tadotta din id-deċiżjoni u li hija kien imissha, kif essenzjalment issostni r-rikorrenti, ipprovat tikseb informazzjoni supplimentari sabiex tivverifika u tissostanzja l-konklużjonijiet tagħha.

202    Minn dan jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-analiżi, mill-Kummissjoni, tad-dħul mill-bejgħ tal-ħażniet tar-rikorrenti, il-provi fil-fajl tal-proċedura amministrattiva ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-evalwazzjoni, għal SKK 435 miljun, tad-dħul mit-trasferiment tal-attiv differenti tagħha fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju.

203    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni.

204    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tallega li, peress li ma hijiex hija li għandha tagħti prova li l-analiżi tagħha hija eżatta, iżda hija r-rikorrenti li għandha l-obbligu tistabbilixxi li l-allegazzjoni tagħha relatata mal-loġika tal-kreditur privat hija fondata, hija ma hijiex meħtieġa li tipprovdi l-koeffiċjent ta’ likwidazzjoni korrett, iżda li tevalwa l-informazzjoni kollha disponibbli sabiex tiddetermina jekk l-allegazzjoni tar-rikorrenti hijiex issostanzjata b’mod kredibbli.

205    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument imur kontra l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat ġew issodisfatti. Issa, il-Kummissjoni ma tistax teħles lilha nnifisha minn dan l-oneru ta’ prova billi tillimita ruħha tagħmel, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, sempliċi assunzjonijiet mhux issostanzjati b’mod suffiċjenti fid-dritt.

206    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat timplika “ċaqliq” fl-oneru tal-prova, sa fejn huwa l-Istat Membru jew il-benefiċjarju tal-miżura li għandu jikkonfuta l-provi prodotti minnha u li fid-dawl tagħhom il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ma jidhrux li huma ssodisfatti, għandu jitqies li dawn is-sempliċi assunzjonijiet mhux issostanzjati mressqa mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata tali inverżjoni tal-oneru tal-prova.

207    It-tieni nett, il-Kummissjoni tirreferi, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għall-fatt li d-dħul minn trasferiment tal-attiv immobilizzat evalwat għal SKK 194 miljun huwa biss prezz minimu, peress li l-awtoritajiet Slovakki kienu stmaw il-valur tal-attiv mogħti b’garanzija għal SKK 397 miljun.

208    Issa, minn naħa, minbarra l-fatt li din l-evalwazzjoni mill-awtoritajiet Slovakki hija kkontestata mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif issostni din tal-aħħar u hekk kif jirriżulta mill-premessi 22 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-awtoritajiet indikaw matul il-proċedura amministrattiva li l-ammont ta’ SKK 397 miljun kien ġie ddeterminat abbażi tal-kontabbiltà tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ammont ma jistax iservi ta’ bażi għall-istima tad-dħul minn trasferiment tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li hija ma kellha ebda prova dwar il-veraċità ta’ dan l-ammont, b’mod li dan ma setax jintuża fil-kalkoli. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li dan l-ammont, li skont ir-rikorrenti ġie evalwat qabel il-kostituzzjoni tal-garanziji, f’kull każ ma għadux jikkorrispondi iktar għas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fis-17 ta’ Ġunju 2004 li l-Kummissjoni użat bħala bażi għall-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, f’din id-data, il-valur kontabbli tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti kien ta’ SKK 200 miljun.

209    It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkritika t-tendenza tar-rikorrenti li tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq ċertu dettalji tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr każ għall-konstatazzjoni li, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni tar-rapport E, id-dħul probabbli mit-trasferiment tal-attiv tar‑rikorrenti kien ikun ogħla mis-somma proposta fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku u li n-natura żvantaġġuża tal-arranġament ġuridiku kienet tidher b’mod flagranti fid-dawl tal-istimi kkoreġuti minnha.

210    Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-dħul probabbli mit-trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt minn provi (ara l-punti 201 u 202 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ssostni b’mod żbaljat li l-attraenza tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju meta mqabbla mal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku tidher b’mod flagranti fid-dawl tal-istimi mwettqa abbażi tal-metodoloġija tagħha stess. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa veru li, anki jekk jintużaw il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni użati fir-rapport E, id-dħul mit-trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti jibqa’ SKK 1.2 miljun ogħla minn dak miksub fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku, xorta jibqa’ l-fatt li din l-osservazzjoni biss ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi li kreditur privat kien manifestament jippreferi l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju fuq il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku. Fil-fatt, din il-konklużjoni tiddependi wkoll fuq l-effett tat-tul tal-ewwel proċedura fuq l-għażla tal-kreditur (ara l-punti 222 sa 234 iktar ’il quddiem).

211    Ir-raba’ nett, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-interess ta’ O.H. fir-rigward tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti, sa fejn dan huwa intiż biss sabiex jindika li din tal-aħħar ma stabbilixxietx l-assenza ta’ xerrej potenzjali, huwa irrilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tad-dħul mit-trasferiment tal-attiv immobilizzat tagħha.

212    Il-ħames nett, għandu jingħad ukoll li, essenzjalment, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-krediti bi skadenza qasira tar-rikorrenti ġew miċħuda fil-punti 198 u 199 iktar ’il fuq.

213    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu milqugħa l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dħul probabbli minn trasferiment tal-attiv tagħha fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju.

 Fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u tal-effett tagħha fuq l-għażla tal-kreditur privat (it-tielet sal-ħames sensiliet ta’ argumenti)

214    Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u tal-effett tagħha fuq l-għażla tal-kreditur privat.

215    L-ewwel nett, hija tqis li l-premessa li t-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet irrilevanti minħabba l-kwalità ta’ kreditur privileġġat tal-awtorità tat-taxxa lokali hija vvizzjata bl-istess żball bħal dak irrilevat fis-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32). Minn naħa, hija tirrileva li l-fatt li persuna għandha d-dritt tbigħ attiv immedjatament ma jfissirx li hija tista’ ssib xerrej immedjatament. Issa, minkejja l-eżempju ta’ L., il-Kummissjoni la eżaminat din il-kwistjoni u lanqas ikkonstatat l-eżistenza ta’ xerrej potenzjali lest li jħallas id-dħul probabbli minn trasferiment kif stabbilit minnha. Min-naħa l-oħra, id-dħul probabbli mit-trasferiment tal-attiv iggarantit huwa biss ta’ SKK 90 miljun. Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li, għalkemm il-kwalità ta’ kreditur privileġġat tal-awtorità tat-taxxa lokali hija ta’ interess, dan l-element ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-konklużjoni misluta mill-Kummissjoni fil-premessi 110 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru tal-prova.

216    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tat-tul possibbli tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. Minn naħa, hija tqis li, fid-dawl tal-provi disponibbli, dan it-tul ma setax jiġi preċiżament previst. Min-naħa l-oħra, l-eżempju tal-istralċ ġudizzjarju ta’ L., invokat minnha bħal prova tad-diffikultà li ssib xerrej għall-attiv tagħha, kien partikolarment rilevanti. Issa, meta hija tiġi informata b’fatt rilevanti, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq investigazzjoni adatta. Barra minn hekk, il-possibbiltà li tingħalaq malajr proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma tiddependix minn numru ta’ kredituri, iżda mill-faċilità li biha l-attiv jista’ jiġi mmobilizzat.

217    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni li tinsab fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li, fid-dawl tal-ammonti korretti, jiġifieri SKK 225.5 miljun fir-rigward tar-riżultat probabbli minn trasferiment tal-attiv tagħha u SKK 90 miljun fir-rigward tat-trasferiment immedjat tal-attiv iggarantit, jirriżulta li l-proposta ta’ arranġament ġuridiku kienet manifestament iktar attraenti mill-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju.

218    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

219    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, tallega li, għalkemm huwa veru li l-eżistenza ta’ dritt ta’ trasferiment ta’ attiv immedjatament ma jfissirx li huwa possibbli li jinstab xerrej immedjatament, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma tistax takkużaha li ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ xerrej lest li jħallas il-prezz indikat minnha, peress li hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi li l-aġir tal-kreditur pubbliku jissodisfa loġika ekonomika razzjonali. Il-Kummissjoni żżid li mill-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-attiv immobilizzat tar-rikorrenti kien qajjem interess. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha, hija ma kellha ebda raġuni tikkonkludi li kien probabbli li r-rikorrenti kienet tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal L. It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, it-tieni argument tar-rikorrenti jikkonsisti fir-repetizzjoni tal-argumenti li fir-rigward tagħhom hija kienet diġà wieġbet fil-kuntest tat-tieni lment. It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li hija ma rrepetietx l-iżball irrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), iżda li għall-kuntrarju hija kienet irrimedjat għall-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li biha kienet ivvizzjata d-deċiżjoni inizjali. Issa, b’rigward għall-kwalità ta’ kreditur privileġġat tal-awtorità tat-taxxa lokali, it-tul ta’ stralċ ġudizzjarju ma kellu ebda effett f’dan il-każ fuq l-għażla tal-kreditur privat.

220    It-tieni nett, il-Kummissjoni l-ewwel nett tosserva li l-premessi 113 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu analiżi sussidjarja għall-konklużjoni prinċipali li t-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma kien ikollu ebda influwenza sinjifikattiva. Sussegwentement, fir-rigward tal-każ ta’ L., il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni ppreżentata f’dan l-istadju mir-rikorrenti ma hijiex issostanzjata, hija tardiva u, f’kull każ, hija insuffiċjenti. Fl-aħħar, minbarra l-fatt li r-rikorrenti naqset milli tispjega r-raġuni għaliex in-numru ta’ kredituri ma kienx importanti għall-evalwazzjoni tat-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni misluta fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq numru ta’ fatturi.

221    It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li hija diġà wieġbet għall-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni tagħha tad-dħul prevedibbli mit-trasferiment tal-attiv ta’ din tal-aħħar fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju. Hija żżid li r-rikorrenti tidher li tirrikonoxxi li l-kreditur privat jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa jkun jista’ jbigħ immedjatament l-attiv iggarantit bħala fattur li jsaħħaħ l-attraenza tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju.

222    F’dan il-każ, fil-premessi 109 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, primarjament, li t-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma kienx ikollu influwenza sinjifikattiva fuq id-deċiżjoni ta’ kreditur privat. Skont il-Kummissjoni, irrispettivament minn dan it-tul, l-awtorità tat-taxxa lokali bħala kreditur privileġġat setgħet tiġi rrimborsata f’kull mument b’ammont ta’ mill-inqas SKK 194 miljun b’riżultat tat-trasferiment tal-attiv immobilizzat mogħti b’garanzija. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żiedet li, anki jekk jiġi applikat il-metodu ta’ evalwazzjoni li jinsab fir-rapport E fir-rigward tal-ħażniet u tal-krediti bi skadenza qasira tar-rikorrenti, din l-awtorità setgħet tistenna li tikseb SKK 185 miljun iktar fit-tmiem tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. Skont il-Kummissjoni, l-awtorità tat-taxxa lokali kien imissha għaldaqstant kienet taf li, definittivament, id-dejn irrimborsat fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju kien ikun ħafna ikbar mis-somma proposta fil-kuntest ta’ arranġament ġuridiku u li, b’paragun miegħu, hija kien ikollha tistenna biss fir-rigward ta’ parti minn din is-somma.

223    Minn din it-tfakkira mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-awtorità tat-taxxa lokali setgħet tikseb — immedjatament u irrispettivament mill-iżvilupp tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju — ammont ta’ SKK 194 miljun b’riżultat tat-trasferiment tal-attiv immobilizzat tar-rikorrenti. Issa, hekk kif jirriżulta mill-konklużjoni misluta fil-punt 196 iktar ’il fuq, din il-premessa ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-provi fil-fajl.

224    Minn dan jirriżulta li l-konklużjoni, misluta fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma għandux influwenza sinjifikattiva fuq id-deċiżjoni ta’ kreditur privat ipotetiku hija vvizzjata bl-istess difett.

225    Fil-premessi 113 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu evalwat, għal raġunijiet ta’ kompletezza, it-tul probabbli ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u l-effett tiegħu fuq l-ammont li jista’ jirċievi kreditur fi tmiem tali proċedura. Skont il-Kummissjoni, it-tul tal-proċedura jkun probabbilment iqsar mit-tul medju fid-dawl tan-numru ristrett tal-kredituri tar-rikorrenti u tal-valur ta’ likwidazzjoni tal-attiv tagħha (premessi 113 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet li, minħabba d-daqs tad-dħul mit-trasferiment ta’ dan l-attiv, kif stmat b’applikazzjoni tal-metodoloġija tagħha, meta mqabbel mal-ammont propost fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku, anki tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ta’ erba’ jew ta’ ħames snin ma jkollu ebda rwol sinjifikattiv fid-deċiżjoni tal-kreditur privat. Ikun biss fil-każ ta’ tul li jeċċedi d-disa’ snin li l-valur attwali jkun inqas mis-somma miftiehma fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku, filwaqt li madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, ebda kreditur privat ma kien iqis bħala probabbli tul daqshekk twil (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

226    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjoni magħmula fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-premessa li, fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju, kreditur privat seta’ jikseb ammont ta’ SKK 356.7 miljun, li jikkorrispondi għad-dħul mit-trasferiment tal-attiv evalwat mill-Kummissjoni wara tnaqqis tal-ispejjeż tal-proċedura. Issa, hekk kif tosserva r-rikorrenti u hekk kif ġie rrilevat fil-punt 201 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-dħul mit-trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-provi fil-fajl.

227    It-tieni nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tal-evalwazzjoni, fil-premessi 113 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, tat-tul probabbli ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju. Fil-fatt, anki fuq il-preżunzjoni li l-fatt li din il-proċedura setgħet issir malajr huwa stabbilit, hemm lok li jitfakkar li dan il-fatt waħdu, f’kull każ, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-konklużjoni, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li kreditur privat kien jippreferi l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju minflok l-arranġament ġuridiku.

228    Fil-fatt, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 201 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tar-riżultat probabbli minn trasferiment fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 136 iktar ’il fuq, minbarra l-fattur tat-tul, dak tal-ammont li jista’ jinkiseb fil-kuntest ta’ proċedura alternattiva jinfluwenza l-għażla tal-kreditur privat.

229    Barra minn hekk, anki fuq il-preżunzjoni li, minkejja r-riżervi li l-Kummissjoni ġustament esprimiet fir-rigward tar-rapport E (ara l-punti 173 sa 175 iktar ’il fuq), din l-istituzzjoni kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha b’mod sussidjarju fuq l-evalwazzjoni aġġornata ta’ dan ir-rapport, xorta waħda għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, kreditur privat seta’ jistenna li jikseb SKK 225.5 miljun fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju, jiġifieri bilkemm SKK 1.2 miljun iktar mill-ammont propost fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku. Issa, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma eżaminat l-effett tat-tul ta’ stralċ ġudizzjarju, anki jekk dan huwa iqsar mill-medja, fuq l-għażla ta’ kreditur privat li seta’ jistenna li jikseb tali ammont, f’kull każ hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ din id-differenza żgħira fir-rigward tal-ammonti konsegwenti kkonċernati, jista’ raġonevolment jitqies li kreditur privat, anki pprivileġġat, kien manifestament jippreferi jirċievi immedjatament ammont ta’ SKK 224.3 miljun minflok jistenna r-riżultat ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju li fiha huwa seta’ jikseb SKK 1.2 miljun iktar, u dan anki fuq il-preżunzjoni li din il-proċedura tista’ tintemm f’terminu relattivament qasir.

230    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-effett tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju għandhom jiġu milqugħa.

231    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni.

232    L-ewwel net, il-Kummissjoni tallega li hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi li l-aġir tal-kreditur privat jissodisfa loġika ekonomika razzjonali.

233    Dan l-argument imur kontra l-ġurisprudenza relatata mat-tqassim tal-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet tal-kreditur privat huma ssodisfatti, hekk kif esposta fil-punti 138 sa 143 iktar ’il fuq.

234    It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni twieġeb għad-diversi argumenti tar-rikorrenti dwar il-possibbiltà li jinstab malajr xerrej għall-attiv immobilizzat u dwar l-interess ta’ O.H. għal dan l-attiv, dwar l-evalwazzjoni tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u dwar il-każ tal-kumpannija L., huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma humiex relatati mal-konstatazzjoni li l-analiżi mill-Kummissjoni tal-effett tat-tul fuq l-għażla tal-kreditur privat hija vvizzjata minħabba l-fatt li din hija bbażata fuq evalwazzjoni hija stess ivvizzjata, għaliex hija bbażata fuq provi insuffiċjenti, tad-dħul probabbli mit-trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn l-argumenti l-oħra kollha huma irrilevanti f’dan l-istadju.

235    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-provi fil-fajl ma humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjoni, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li kreditur privat kien jippreferi stralċ ġudizzjarju tar-rikorrenti minflok il-proposta ta’ arranġament ġuridiku.

236    Minn dan jirriżulta li t-tielet motiv imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi milqugħ, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa minn din tal-aħħar dwar l-evalwazzjoni tad-dħul probabbli minn bejgħ tal-ħażniet tagħha.

237    Madankollu, hemm lok li jingħad li l-konklużjoni, fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterju ta’ kreditur privat ma ġiex issodisfat hija bbażata mhux biss fuq il-konstatazzjoni li kreditur privat kien jippreferi stralċ ġudizzjarju mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku, iżda wkoll fuq dik li tali kreditur kien jippreferi eżekuzzjoni tat-taxxa minn din il-proposta. Għaldaqstant huwa biżżejjed li waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri, stralċ ġudizzjarju jew eżekuzzjoni tat-taxxa, tkun iktar vantaġġuża mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku sabiex tiġi ġġustifikata l-konklużjoni li l-kriterju ta’ kreditur privat ma ġiex osservat f’dan il-każ.

238    Għall-kuntrarju, minn dan jirriżulta li huwa biss jekk kemm il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienu inqas vantaġġużi mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku li l-konklużjoni, fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterju ta’ kreditur privat ma ġiex issodisfatt, tkun ivvizzjata b’illegalità.

239    Għaldaqstant, il-konklużjoni misluta fil-punt 235 iktar ’il fuq ma hijiex, waħedha, ta’ natura li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa wkoll neċessarju li r-raba’ motiv, relatat mal-paragun tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u tal-arranġament ġuridiku, ikun ukoll fondat. Għaldaqstant, hemm lok li dan jiġi eżaminat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet iktar vantaġġuża mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku

240    Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet iktar vantaġġuża mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku. Wara li, preliminarjament, esponiet l-istadji ta’ din il-proċedura kif prevista fid-dritt Slovakk, ir-rikorrenti tressaq sitt sensiliet ta’ argumenti insostenn ta’ dan il-motiv. Dawn jistgħu jiġu miġbura f’żewġ kategoriji: dawk li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat bil-għan li jiġu pparagunati l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku (l-ewwel u t-tieni sensiliet ta’ argumenti) u dawk li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju (it-tielet sas-sitt sensiliet ta’ argumenti).

 Fuq l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat bil-għan li jiġu pparagunati l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku (l-ewwel u t-tieni sensiliet ta’ argumenti)

241    Minn naħa, ir-rikorrenti tqis li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx rilevanti bil-għan li jiġu pparagunati l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku peress li l-ewwel proċedura ma kinitx aċċessibbli għal kreditur privat. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-affermazzjoni li ebda prova bil-għan li tiġi stabbilita l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju ma ġiet prodotta f’dan il-każ.

242    Hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament dawn iż-żewġ kwistjonijiet

243    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li, għar-raġunijiet li hija esponiet fil-kuntest tat-tieni motiv imressaq insostenn ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata.

244    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument u essenzjalment tirrepeti l-argumenti li hija ressqet bi tweġiba għat-tieni motiv tar-rikorrenti. Hija għaldaqstant tfakkar li l-indikazzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, li l-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ma kinitx ġiet ikkunsidrata timmina kull tentattiv li jiġi invokat il-kriterju ta’ kreditur privat. Hija żżid li, jekk il-benefiċjarju tal-miżura jista’ jinvoka dan il-kriterju, huwa għandu iktar u iktar jistabbilixxi b’mod inekwivoku li dan l-Istat kien konxju tal-fatt, qabel jew fl-istess ħin tal-għoti tal-vantaġġ, li huwa kien qiegħed jagħtih fil-kwalità tiegħu ta’ operatur privat.

245    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 95 u 97 iktar ’il fuq li hija ttrasponiet għall-kreditur privat fil-premessa 82 ta’ din id-deċiżjoni, li ebda prova ma kienet ġiet prodotta dwar il-fatt li l-awtorità tat-taxxa lokali kienet ikkunsidrat proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u waslet għall-konklużjoni li din il-proċedura kienet inqas vantaġġuża mill-arranġament ġuridiku (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, filwaqt li ppreċiżat li r-rikorrenti ma pparagunatx l-arranġament ġuridiku propost mar-riżultat eventwali ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, għamlet dan il-paragun minħabba li, hekk kif ikkonfermaw l-awtoritajiet Slovakki, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet tikkostitwixxi għażla reali għall-awtorità tat-taxxa lokali, jew qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku jew wara l-veto li hija setgħet teżerċita kontra l-arranġament propost u li “[g]ħalhekk, [kien] jeħtieġ li, meta jiġi applikat it-test tal-kreditur [privat] [...], tiġi kkunsidrata din l-alternattiva” (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

246    Issa, mingħajr ma huwa meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-possibbiltà għar-rikorrenti li tipproċedi permezz ta’ sempliċi riferiment għall-argumenti mressqa insostenn ta’ motiv ieħor intiż sabiex jiġu kkontestati kunsiderazzjonijiet oħra espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, ir-rikorrenti kienet essenzjalment qed tikkontesta l-konklużjoni, fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, li mill-fatt li l-Istat Membru ma kienx invoka l-kriterju ta’ kreditur privat u kien, għall-kuntrarju, indika li l-miżura kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kien jirriżulta li l-miżura kienet tikkostitwixxi effettivament għajnuna mill-Istat. Issa, ebda konklużjoni ta’ dan it-tip ma ġiet misluta mill-Kummissjoni fil-premessa 120.

247    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni osservat li l-kriterju ta’ kreditur privat ma kienx applikabbli bil-għan tal-paragun tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku u anki jekk il-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem fis-sens li impliċitament tinkludi tali konklużjoni, għandu jitfakkar li, fl-evalwazzjoni tat-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti, ġie kkunsidrat li dan il-kriterju kien applikabbli għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Issa, peress li l-kriterju huwa applikabbli fih innifsu, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma tistax tagħmel distinzjoni, bil-għan tal-applikabbiltà tiegħu, ibbażata fuq id-diversi alternattivi għall-miżura kkontestata.

248    F’dan ir-rigward għandu barra minn hekk jingħad li, hekk kif jirriżulta mill-punt 245 iktar ’il fuq, mill-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod inekwivoku li l-Kummissjoni qieset li kellha tiġi kkunsidrata l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa meta jiġi applikat il-kriterju ta’ kreditur privat peress li din il-proċedura kienet tikkostitwixxi għażla reali għall-awtorità tat-taxxa lokali. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li jiġi eżaminat fil-mertu l-kriterju ta’ kreditur privat f’dan il-kuntest peress li l-eżekuzzjoni tat-taxxa kienet tikkostitwixxi għażla reali u, hekk kif hija tafferma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sabiex tissaħħaħ id-deċiżjoni kkontestata.

249    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ma hijiex aċċessibbli għal kreditur privat u peress li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi ebda proċedura analoga li kreditur privat seta’ jibbenefika minnha. Minn dan jirriżulta li din il-proċedura ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat.

250    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

251    Diġà ġie deċiż li l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat ma kinitx tiddependi fuq il-forma li biha l-vantaġġ kien ġie mogħti iżda fuq il-klassifikazzjoni tal-miżura meħuda bħala deċiżjoni adottata minn operatur privat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, Ġabra, EU:C:2014:213, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 93). F’dan ir-rigward il-fattur deċiżiv huwa jekk il-miżura inkwistjoni ssodisfatx kriterju ta’ razzjonalità ekonomika, b’mod li kreditur privat, li jixtieq jimmassimizza l-possibbiltajiet tiegħu li jirkupra l-kreditu tiegħu jew għall-inqas il-biċċa l-kbira minn dan il-kreditu, jista’ wkoll jaċċetta li jieħu tali miżura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2014:213, punt 36).

252    F’dan il-każ, huwa paċifiku li kreditur privat seta’, bl-istess mod bħall-awtorità tat-taxxa lokali, jaċċetta li jirrinunzja parzjalment għall-kreditu tiegħu fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku. Minn naħa l-oħra, il-partijiet jaqblu li biss l-awtorità tat-taxxa lokali kellha l-għażla tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa.

253    Madankollu, b’analoġija mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 251 iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li s-sempliċi fatt li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ma kinitx aċċessibbli għal kreditur privat ma huwiex ta’ natura li jipprekludi l-analiżi tal-kriterju ta’ kreditur privat bil-għan ta’ paragun ta’ din il-proċedura mal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku. Fil-fatt, dan il-fatt ma jimpedixxix li tiġi vverifikata r-razzjonalità ekonomika tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità tat-taxxa lokali li tagħżel il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku.

254    F’dan il-kuntest, hemm lok ukoll li tiġi miċħuda bħala irrilevanti l-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti li abbażi tagħha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255    Fil-fatt, minbarra l-fatt li din il-ġurisprudenza ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk il-kriterju ta’ kreditur privat jistax jiġi applikat bil-għan ta’ paragun tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenzi rispettivi taż-żewġ proċeduri ta’ rkupru ta’ krediti u li minnhom waħda biss hija disponibbli għall-kreditur privat filwaqt li l-kreditur pubbliku jista’ jirrikorri għaż-żewġ proċeduri, hemm lok li jiġi rrilevat li mis-sentenzi ċċitati insostenn ta’ din l-affermazzjoni fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs EDF, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:318, punt 79), jiġifieri s-sentenzi Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq (EU:C:1986:302, punt 14), tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (40/85, Ġabra, EU:C:1986:305, punt 13), tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra, EU:C:1994:325, punt 22), u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑334/99, Ġabra, EU:C:2003:55, punt 134), jirriżulta li hemm lok li meta jiġi applikat il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, titwarrab kull kunsiderazzjoni ta’ natura soċjali, ta’ politika reġjonali jew settorjali u li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż jew responsabbiltajiet oħra li l-Istat Membru għandu fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika.

256    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat bil-għan li jiġu pparagunati l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku.

 Fuq l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat bil-għan li jiġu pparagunati l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku (it-tielet sas-sitt sensiliet ta’ argumenti)

257    It-tielet sas-sitt sensiliet ta’ argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv jirrigwardaw evalwazzjoni komparattiva, fil-kuntest tal-kriterju ta’ kreditur privat, tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku.

258    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li, fil-premessi 121 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żbalji fir-rigward tad-determinazzjoni kemm tal-mument kif ukoll tal-operazzjoni li fir-rigward tagħhom kellhom jiġi applikat il-kriterju ta’ kreditur privat. L-ewwel nett, fir-rigward tal-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, hija tosserva li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ma kinitx legalment disponibbli sussegwentement għall-proposta ta’ arranġament ġuridiku u sakemm il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku kienet għaddejja, fatt li l-Kummissjoni impliċitament irrikonoxxiet. Min-naħa l-oħra, l-unika kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk, fid-9 ta’ Lulju 2004, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kinitx manifestament iktar vantaġġuża mill-arranġament ġuridiku. It-tieni nett, fir-rigward tal-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tevalwa l-posponimenti ta’ ħlas bejn Novembru 2002 u Novembru 2003 u li hija kellha tillimita ruħha għall-eżami tal-unika operazzjoni rilevanti f’dan il-każ mingħajr ma’ tispekola dwar kwistjonijiet li ma jaqawx taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tagħha.

259    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi biss affermazzjonijiet ipotetiċi u żbaljati kif ukoll kwistjonijiet purament spekulattivi u mhux riżolti mill-Kummissjoni, li ma jistgħux iservu ta’ motivazzjoni għal tali deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-kwistjoni rilevanti dwar jekk kreditur privat kienx jipposponi l-ħlas tad-dejn fiskali.

260    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u injorat l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:32), sa fejn hija naqset milli teżamina l-informazzjoni kollha disponibbli li setgħet tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat fir-rigward kemm tal-ammont li seta’ jinkiseb fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kif ukoll tal-ispejjeż ta’ din il-proċedura. Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni hija din l-istituzzjoni li għandha tistabbilixxi fid-deċiżjoni kkontestata l-fatti li jiġġustifikaw il-konklużjoni tagħha li eżekuzzjoni tat-taxxa kienet twassal għal dħul ikbar minn dak tal-arranġament ġuridiku.

261    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji fir-rigward tat-tul possibbli ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija ssostni li, peress li l-Kummissjoni llimitat ruħha tippreżumi mingħajr analiżi jew prova li din il-proċedura setgħet issir malajr, hija naqset milli teżamina din il-kwistjoni jew, għall-inqas, milli timmotiva d-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fid-dritt. Min-naħa l-oħra, hija tallega li kreditur privat kien jeżamina l-perijodu ta’ żmien probabbli ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa taħt il-leġiżlazzjoni rilevanti u kien jieħu inkunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet kollha ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, fosthom ir-riskju li r-rikorrenti tiġi ddikjarata falluta matul din il-proċedura u t-tul ta’ żmien neċessarju sabiex jinstab xerrej lest li jħallas l-ammont minimu b’rigward għal-limiti tal-leġiżlazzjoni Slovakka. Bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-fatt li din kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata b’kunsiderazzjoni għall-informazzjoni kollha disponibbli, ir-rikorrenti ssostni fir-replika li, skont il-ġurisprudenza, din l-istituzzjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikseb l-informazzjoni kollha rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tagħha.

262    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

263    L-ewwel nett, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa setgħet tinbeda qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku kif ukoll fil-każ ta’ rifjut ta’ approvazzjoni tal-arranġament ġuridiku mill-qrati nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-argument ta-rikorrenti relatat mal-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-osservazzjoni relatata mal-avvenimenti preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni. Il-Kummissjoni llimitat ruħha tissuġġerixxi li, anki qabel il-konklużjoni tal-arranġament ġuridiku, il-konformità tal-aġir tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat kien kwestjonabbli, mingħajr madankollu ma qieset neċessarju li tibbaża ruħha fuq dan l-element sabiex tikkonkludi li, f’kull każ, kreditur privat ma kienx jagħżel l-arranġament ġuridiku.

264    It-tieni nett, il-Kummissjoni tafferma li l-kwistjoni dwar jekk il-posponimenti ta’ ħlas preċedenti għall-arranġament ġuridiku kinux eżenti minn kull għajnuna ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-konklużjoni li l-arranġament ġuridiku kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-premessi 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu osservazzjonijiet superfluwi għall-finijiet tal-motivazzjoni li fuqha hija bbażata l-konklużjoni relatata mal-eżistenza ta’ għajnuna.

265    It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-ġurisprudenza hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati li l-vantaġġ ma ngħatax mill-Istat Membru kkonċernat fil-kwalità tiegħu ta’ operatur privat u seta’ jinkiseb fis-suq. Issa, fl-assenza ta’ kull tentattiv mir-rikorrenti li tipprovdi l-informazzjoni neċessarja, il-Kummissjoni tqis li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli u tevalwa minkejja kollox il-kredibbiltà tal-allegazzjoni li ma kien hemm ebda għajnuna minħabba l-fatt li l-Istat Membru aġixxa bl-istess mod bħal kreditur privat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li hija kienet eżaminat il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa sabiex issaħħaħ id-deċiżjoni kkontestata. F’kull każ, l-argumenti tar‑rikorrenti relatati mal-ammont li jista’ jinkiseb fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kif ukoll mal-ispejjeż iġġenerati minn din il-proċedura ma humiex fondati. Fir-rigward tal-aħħar punt, il-Kummissjoni tosserva li jidher li huwa aċċettat li proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ma tinvolvix daqshekk spejjeż amministrattivi bħal proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li hija ma kellha ebda informazzjoni dwar xi spejjeż oħra li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

266    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li hija eżaminat it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u li, minkejja l-insuffiċjenza ta’ informazzjoni disponibbli f’dan ir-rigward, hija kkonkludiet li, għall-kuntrarju għat-tendenza ta’ dewmien karatteristika ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, il-fatt li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa titmexxa mill-kreditur innifsu jinfluwenza b’mod pożittiv fuq l-effikaċità u, għaldaqstant, it-tul ta’ din il-proċedura.

267    Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 131 sa 147 iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-evalwazzjoni komparattiva, mill-Kummissjoni, tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku bil-għan tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat.

268    Skont din il-ġurisprudenza, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kellha f’dan il-każ tiddetermina jekk, fid-dawl tal-fatturi msemmija fil-punt 136 iktar ’il fuq, għall-finijiet li jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu, kreditur privat prudenti u diliġenti b’mod normali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtoritajiet Slovakki kienx manifestament jippreferi l-proposta ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku. Għal dan il-għan, bil-għan li tidentifika l-iktar alternattiva vantaġġuża, il-Kummissjoni kellha tipparaguna, abbażi tal-interessi ta’ kreditur privat, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri (ara l-punti 132 sa 137 iktar ’il fuq).

269    Sussegwentement, meta, fil-kuntest tal-kriterju ta’ kreditur privat, hija twettaq l-evalwazzjoni globali msemmija fil-punt 133 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kull prova oħra rilevanti f’dan il-każ. Għaldaqstant, meta jirriżulta li l-kriterju ta’ kreditur privat jista’ jiġi applikat, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat ġew issodisfatti. Dan japplika iktar u iktar meta d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata mhux fuq nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi li ġew mitluba mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, iżda fuq il-konstatazzjoni li kreditur privat ma kienx jaġixxi bl-istess mod bħall-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, konstatazzjoni li tippreżumi li l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni kollha rilevanti neċessarja għar-redazzjoni tad-deċiżjoni tagħha (ara l-punti 138 u 139 iktar ’il fuq).

270    Fl-aħħar, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 147 iktar ’il fuq jirriżulta li hija l-Qorti Ġenerali li għandha b’mod partikolari tistħarreġ jekk il-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni u jekk dawn humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li hija siltet minnhom, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 134 iktar ’il fuq, għandha titqies li hija rilevanti l-informazzjoni kollha li tista’ tinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, prudenti u diliġenti b’mod normali, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku u li jipprova jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet sabiex iħallas.

271    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, waqt il-proċedura amministrattiva, la r-Repubblika Slovakka u lanqas ir-rikorrenti ma pparagunaw, fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat, il-proċeduri ta’ arranġament ġuridiku u ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. B’mod partikolari, mill-provi fil-fajl jirriżulta li, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, ir-rikorrenti llimitat ruħha ssostni li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ma setgħetx tiġi applikata f’dan il-każ peress li l-iżvolġiment ta’ tali proċedura huwa ostakolat bil-ftuħ jew ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju jew ta’ proċedura ta’ arranġament ġuridiku. Ir-rikorrenti ssostni li, kieku hija ma kinitx għamlet proposta ta’ arranġament ġuridiku, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienet tiddeterjora sal-punt li, fi żmien ftit ġimgħat, hija kien ikollha dejn eċċessiv u għaldaqstant kienet tkun legalment obbligata jew li tiddikjara ruħha falluta jew li tagħmel proposta ta’ arranġament ġuridiku. L-awtoritajiet Slovakki b’mod partikolari ppreċiżaw, bi tweġiba għal din l-osservazzjoni tar-rikorrenti, li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa setgħet tinbeda wara r-rifjut ta’ approvazzjoni tal-arranġament ġuridiku mill-qrati nazzjonali.

272    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet dan il-paragun bejn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku minħabba li l-ewwel waħda kienet tikkostitwixxi għażla reali għall-awtorità tat-taxxa lokali, jew qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku jew wara l-veto li hija setgħet teżerċita kontra l-arranġament propost (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija essenzjalment waslet għall-konklużjoni li eżekuzzjoni tat-taxxa kienet twassal għal dħul ogħla minn dak tal-arranġament ġuridiku (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata) u li kreditur privat, kieku kellu l-possibbiltà, kien jippreferi l-eżekuzzjoni tat-taxxa mill-proposta ta’ arranġament ġuridiku (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

273    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni, filwaqt li tosserva li l-awtoritajiet Slovakki u r-rikorrenti ma kinux jaqblu dwar il-valur tal-attiv immobilizzat mogħti b’garanzija u tqis li ma kienx neċessarju li jiġi ddeterminat liema data kienet korretta (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata), irrilevat li, jekk il-valur tal-attiv tar-rikorrenti kien fir-realtà jammonta biss għal nofs il-valur tal-garanzija, dan ifisser li l-garanzija meħtieġa għall-posponimenti ta’ ħlas mogħtija bejn Novembru 2002 u Novembru 2003 kienu insuffiċjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-posponimenti, probabbilment, naqsu milli jissodisfaw il-kriterju ta’ kreditur privat. Filwaqt li tqis li ma kienx neċessarju għaliha li jiġi ddeterminat jekk dawn il-miżuri kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni madankollu rrilevat li, jekk dawn il-posponimenti kienu diġà jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, ma jkunx iktar possibbli li jsir riferiment għall-kriterju ta’ kreditur privat meta d-dejn pospost jiġi sussegwentement parzjalment annullat (premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

274    Issa, hekk kif ġustament issostni r-rikorrenti u mingħajr ma hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-posponimenti ta’ ħlas bejn Novembru 2002 u Novembru 2003, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa purament ipotetiku, ma jistax waħdu jippermetti li tiġi ġġustifikata l-konklużjoni li l-annullament parzjali tad-dejn fiskali ta vantaġġ lir-rikorrenti li hija ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni llimitat ruħha tagħmel assunzjonijiet mingħajr madankollu ma teżamina l-kwistjonijiet hekk imqajma minnha, mingħajr ma tipproduċi ebda prova insostenn tagħhom, u mingħajr ma tislet minnhom xi konklużjoni definittiva.

275    Barra minn hekk, il-Kummissjoni taċċetta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-kwistjoni dwar jekk il-posponimenti ta’ ħlas preċedenti għall-arranġament ġuridiku kinux eżenti minn kull għajnuna ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-konklużjoni li l-arranġament ġuridiku kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li l-premessi 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu osservazzjonijiet superfluwi għall-finijiet tal-motivazzjoni li fuqha hija bbażata l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

276    It-tieni nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, anki jekk l-ammont tal-attiv immobilizzat mogħti b’garanzija kien jammonta biss għal SKK 194 miljun, kreditur privat kien xorta waħda jippreferi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-awtorità tat-taxxa setgħet tipproċedi direttament għat-trasferiment tal-attiv tad-debitur fil-kuntest ta’ tali proċedura. Skont il-Kummissjoni, fil-mument tal-konklużjoni tal-arranġament ġuridiku, il-valur tal-attiv kurrenti tar-rikorrenti, jiġifieri SKK 43 miljun bħala ħażniet, mill-inqas SKK 37 miljun bħala krediti li jistgħu jiġu rkuprati u SKK 161 miljun bħala flus kontanti, kien jeċċedi l-ammont propost fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku. Il-Kummissjoni żiedet li r-rikorrenti kellha attiv immobilizzat ta’ valur ta’ mill-inqas SKK 194 miljun (premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar, hija rrilevat li, bid-differenza ta’ stralċ ġudizzjarju, eżekuzzjoni tat-taxxa ma kinitx tagħti lok għal spejjeż amministrattivi u li, peress li din kienet mibdija u kkontrollata mill-awtorità tat-taxxa stess, seta’ jitqies li din il-proċedura setgħet titmexxa malajr (premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet li eżekuzzjoni tat-taxxa kienet twassal għal dħul ogħla mill-arranġament ġuridiku (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

277    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq it-tkomplija tal-evalwazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-istralċ ġudizzjarju.

278    Issa, fil-punt 201 iktar ’il fuq ġie konkluż li din l-evalwazzjoni ma kinitx issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-provi fil-fajl.

279    Sussegwentement, fir-rigward tat-tul ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, il-Kummissjoni llimitat ruħha “tippreżumi li din kienet titmexxa malajr”, b’mod partikolari b’paragun mal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, peress li din kienet mibdija u kkontrollata mill-amministrazzjoni nnifisha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqet ebda evalwazzjoni ta’ dan it-tul, kemm fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jew, minn tal-inqas, bħala medja fid-dawl tal-istadji tal-proċedura kif stabbilita mid-dritt Slovakk. Barra minn hekk il-Kummissjoni tirrikonoxxi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-insuffiċjenza tal-informazzjoni disponibbli fir-rigward tat-tul ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa.

280    Issa, għandu jitfakkar li t-tul tal-proċeduri jikkostitwixxi fattur li jista’ jinfluwenza, b’mod sinjifikattiv, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:32, punt 81).

281    Fl-aħħar, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, is-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja tista’ tikkostitwixxi fattur rilevanti fl-evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:T:2003:57, punt 251, u tat-30 ta’ Ġunju 2015, Il‑Pajjiżi l-Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/13, T‑190/13 u T‑193/13, EU:T:2015:447, punt 88).

282    Issa, filwaqt li, waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti indikat li proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa setgħet tiġi interrotta minħabba li hija seta’ jkollha tiddikjara ruħha falluta minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma ħadet dan il-fattur inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas evalwat il-possibbiltajiet li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa tista’, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, tiġi kompluta f’dan il-każ. Dan il-vojt ma jistax jimtela bl-affermazzjoni, quddiem il-Qorti Ġenerali, li din l-allegazzjoni tar-rikorrenti hija purament spekulattiva.

283    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, il-Kummissjoni llimitat ruħha tirrileva li din il-proċedura, bid-differenza tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, ma kinitx tagħti lok għal spejjeż amministrattivi. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa setgħetx tiġġenera xi tip ta’ spejjeż. Hija lanqas ma indirizzat l-importanza eventwali tal-effett tagħhom fuq l-ammont li seta’ jinkiseb fil-kuntest ta’ tali proċedura.

284    Għaldaqstant jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellhiex fil-pussess tagħha l-provi materjali li jippermettu li tafferma li kreditur privat kien, fid-9 ta’ Lulju 2004, manifestament jagħżel il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa.

285    Din il-konklużjoni tapplika mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, li essenzjalment jirrigwardaw il-possibbiltà u l-probabbiltà ta’ bejgħ dirett fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, il-valur tal-attiv li espert kien jiddetermina kieku dan kien meħtieġ, l-użu tal-ammonti ddeterminati fl-evalwazzjoni tad-dħul probabbli minn bejgħ tal-attiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, il-limiti legali applikabbli fil-każ ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u l-effett tagħhom fuq il-possibbiltà ta’ trasferiment tal-attiv bl-ammonti indikati mill-Kummissjoni, l-istralċ ġudizzjarju ta’ L. u r-riskju ta’ dissipazzjoni tal-attiv tar-rikorrenti.

286    Il-konklużjoni misluta fil-punt 284 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata bl-argumenti tal-Kummissjoni.

287    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li skont il-ġurisprudenza hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati li l-vantaġġ inkwistjoni ma ngħatax mill-Istat Membru kkonċernat fil-kwalità tiegħu ta’ operatur privat u seta’ jinkiseb fis-suq. Hija żżid li hija pparagunat iż-żewġ proċeduri abbażi biss tal-informazzjoni li hija kellha u li hija ma kellhiex il-provi li r-rikorrenti setgħet tipproduċi sabiex tissostanzja l-pożizzjoni tagħha li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet inqas vantaġġuża mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku.

288    Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 138, 139, 141 u 269 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li, peress li hija applikat il-kriterju ta’ kreditur privat bil-għan ta’ paragun tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku u peress li hija essenzjalment ikkonstatat li kreditur privat kien jippreferixxi l-ewwel proċedura mit-tieni waħda, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha tagħmel assunzjonijiet mhux issostanzjati u li ma jistgħux jiġu vverifikati minħabba li hija ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti. Hija lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza relatata mal-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju, li minnha jirriżulta li huwa l-Istat Membru kkonċernat jew il-parti kkonċernata li tinvokah li għandha tistabbilixxi li l-miżura kkontestata kienet tirriżulta mill-kwalità ta’ operatur ekonomiku ta’ dan l-Istat Membru, sabiex tiġġustifika l-fatt li hija llimitat ruħha, fl-assenza ta’ tali provi, tislet konsegwenzi impreċiżi fl-istadju tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.

289    It-tieni nett, il-konklużjoni misluta fil-punt 284 iktar ’il fuq lanqas ma hija kkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni bi tweġiba għall‑argumenti invokati mir-rikorrenti. Dawn l-argumenti tal-Kummissjoni jirrigwardaw essenzjalment il-possibbiltà u l-probabbiltà ta’ bejgħ dirett fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, il-valur tal-attiv li espert kien jiddetermina kieku dan kien meħtieġ, l-użu tal-ammonti ddeterminati fl-evalwazzjoni tad-dħul probabbli minn bejgħ tal-attiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, l-istralċ ġudizzjarju ta’ L., il-limiti legali applikabbli fil-każ ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u, fl-aħħar, ir-riskju ta’ dissipazzjoni tal-attiv tar-rikorrenti.

290    Issa, minn naħa, għandu jiġi nnotat li l-konklużjoni misluta fil-punt 284 iktar ’il fuq hija bbażata biss fuq il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex fil-pussess tagħha l-provi materjali li jippermettu li tafferma li kreditur privat kien, fid-9 ta’ Lulju 2004, manifestament jagħżel il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni, li tirriżulta mill-fatt li ġew milqugħa l-argumenti tar-rikorrenti li jallegaw li l-Kummissjoni, li kellha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet tal-kriterju ta’ kreditur privat ma kinux issodisfatti f’dan il-każ, kienet naqset milli tevalwa t-tul u l-ispejjeż kif ukoll is-sitwazzjoni ekonomika tagħha stess fil-kuntest tal-paragun tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku, ġiet misluta mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma minnha u msemmija fil-punt 285 iktar ’il fuq. Issa, peress li l-argumenti tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 289 iktar ’il fuq ġew ippreżentati bi tweġiba għal dawn l-aħħar argumenti tar-rikorrenti, dawn ma jistgħux f’kull każ jippermettu li tiġi invertita l-konklużjoni, misluta fil-punt 284 iktar ’il fuq.

291    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-raba’ motiv imressaq mir-rikorrenti huwa fondat.

292    Għaldaqstant u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 236 u 291 iktar ’il fuq, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

293    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2014/342/UE, tas-16 ta’ Ottubru 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s., hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn Frucona Košice, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Marzu 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti u l-proċedura ta’ arranġament ġuridiku

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni inizjali

Il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kienet iktar vantaġġuża mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku

Tfakkiriet preliminari tal-ġurisprudenza

Fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni tad-dħul mit-trasferiment tal-attiv tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ stralċ ġudizzjarju (it-tieni sensiela ta’ argumenti)

Fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju u tal-effett tagħha fuq l-għażla tal-kreditur privat (it-tielet sal-ħames sensiliet ta’ argumenti)

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji li jivvizzjaw il-konklużjoni li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet iktar vantaġġuża mill-proċedura ta’ arranġament ġuridiku

Fuq l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ kreditur privat bil-għan li jiġu pparagunati l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku (l-ewwel u t-tieni sensiliet ta’ argumenti)

Fuq l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat bil-għan li jiġu pparagunati l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u ta’ arranġament ġuridiku (it-tielet sas-sitt sensiliet ta’ argumenti)

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.