Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fil-5 ta’ Jannar 2022 – NJ, OZ vs An Bord Pleanála, Ireland, Attorney General

(Kawża C-9/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NJ, OZ

Konvenuti: An Bord Pleanála, Ireland, Attorney General

fil-preżenza ta’: DBTR-SCR1 Fund a Sub Fund of TWTC Multi-Family ICAV

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent 1 għandu l-effett li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi […] kif ukoll xi modifiki li jsirulhom […] li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali […]” jinkludi pjan jew programm li huwa mħejji b’mod konġunt u/jew adottat minn awtorità fil-livell lokali u żviluppatur tas-settur privat bħala proprjetarju ta’ artijiet kontigwi ma’ dawk li huma l-proprjetà ta’ awtorità lokali?

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu l-effett li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi […] kif ukoll xi modifiki li jsirulhom […] li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi” jinkludi pjan jew programm li huwa espressament previst mill-pjan ta’ żvilupp legali ta’ awtorità lokali (liema pjan ta’ żvilupp ikun tfassal skont dispożizzjoni legali) jew b’mod ġenerali jew fejn il-pjan ta’ żvilupp jiddikjara li l-awtorità lokali “għandha tipprepara gwida speċifika skont iż-żona għaż-żoni ta’ żvilupp strateġiku u ta’ riġenerazzjoni […] bl-użu tal-mekkaniżmi xierqa ta’ pjanijiet lokali […], pjanijiet ġenerali ta’ skematika u pjanijiet lokali ta’ titjib tal-ambjent”?

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu l-effett li l-kunċett ta’ “pjanijiet u l-programmi kollha […] li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent 1 ] […]” jinkludi pjan jew programm li ma huwiex, fih innifsu, vinkolanti iżda li huwa espressament previst fi pjan ta’ żvilupp legali li huwa vinkolanti, jew li fil-fatt jipproponi jew jipprevedi emenda ta’ pjan li huwa stess kien suġġett għal evalwazzjoni ambjentali strateġika?

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent 1 għandu l-effett li jipprekludi li, waqt li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni l-politiki obbligatorji tal-gvern, b’mod partikolari dawk li ma humiex ibbażati esklużivament fuq kriterji ambjentali, peress li dawn huma politiki li f’ċerti ċirkustanzi jiddefinixxu sitwazzjoni fejn l-għoti ta’ permess ma jistax jiġi eskluż?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248.

1     ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.