Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2022 minn Finanziaria d'investimento Fininvest SpA (Fininvest) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fil-11 ta’ Mejju 2022 fil-Kawża T-913/16, Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest), Silvio Berlusconi vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

(Kawża C-512/22 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Finanziaria d'investimento Fininvest SpA (Fininvest) (rappreżentanti: M. Carpinelli, R. Vaccarella, A. Baldaccini, A. Saccucci, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew, Il-Kummissjoni Ewropea, Silvio Berlusconi

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Mejju 2022;

2)    konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2016;

3)    sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma tistax tagħti deċiżjoni f’dan l-istadju, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Mejju 2022 u tibgħat il-kawża lura quddiem awla oħra ta’ din l-istess Qorti Ġenerali;

4)    tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż tal-istanza, inkluż fir-rigward tal-ewwel istanza;

5)    bħala miżura istruttorja, jekk dan jitqies neċessarju, tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni jew ta’ istruzzjoni xierqa għad-depożitu tal-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali tas-16 ta’ Settembru 2021 u r-reġistrazzjoni awdjo tas-seduta.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju. Żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-effetti tal-kontroll eżerċitat mill-appellanti fuq Banca Mediolanum – Żball manifest ta’ evalwazzjoni u żnaturament tal-fatti fir-rigward tal-akkwist ta’ holding kwalifikanti – Sostituzzjoni leġittima tal-motivi tal-miżura kkontestata – Ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju – Żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatt ta’ “akkwist” ta’ holding kwalifikanti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt nazzjonali – Nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Kontradizzjoni tal-motivi – Eċċess ta’ poter.

Il-motiv huwa maqsum f’sitt partijiet, li jirrigwardaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

(A)    il-konstatazzjoni tal-kontroll konġunt fuq Banca Mediolanum eżerċitat, “qabel l-amalgamazzjoni inkwistjoni”, mill-appellanti permezz ta’ patt parasoċjali stuplat ma’ Fin. Prog. L-Italja: Evalwazzjoni żbaljata tal-konsegwenzi;

(B)    Berlusconi bħala detentur ta’ holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum: rikostruzzjoni żbaljata tas-sekwenza “miżura tal-Banca d’Italia tas-7.10.2014” – “amalgamazzjoni” – “sentenza tal-Consiglio di Stato tat-3.03.2016”; Żnaturament tal-fatti u żball ta’ liġi manifest;

(C)     is-sostituzzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ motivazzjoni speċifika għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat: Ksur tal-Artikoli 263 u 264 TFUE;

(D)    il-kunċett ġdid Ewropew ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti: Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali;

(E)    il-ħolqien mill-Qorti Ġenerali ta’ sitwazzjoni mhux prevista mil-leġiżlazzjoni Ewropea;

(F)     id-distinzjoni bejn holding kwalifikanti indiretta u holding kwalifikanti diretta: Ksur tal-Artikolu 22 tad-DRK IV u tal-Artikolu 22 tat-Test Uniku tal-Liġi dwar il-Banek u l-Kreditu (TUB).

It-tieni aggravju. Żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-preżunta leġittimità tad-Direttiva 2013/36/UE 1 – Ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti u tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali – Natura kontradittorja manifesta tal-motivazzjoni.

It-tielet aggravju. Żball ta’ liġi – Ksur tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata u tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali – Ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (riferiment għad-disa’ aggravju) – Nuqqas ta’ motivazzjoni

Ir-raba’ aggravju. Żbalji ta’ liġi dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna li tittrasponi d-Direttiva 2013/36/UE – Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatt deċiżiv li seħħ fil-mori tal-kawża (riabilitazzjoni) li jwassal awtomatikament għar-rijabilitazzjoni tar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

L-aggravju jinqasam f’erba’ partijiet, li jirrigwardaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

(A)    in-nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-Artikolu 23(1) tad-DRK IV u, fi kwalunkwe każ, l-illegalità tad-Digriet Ministerjali Nru 144/1998;;

(B)    in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-lista (ta’ dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati għall-finijiet ta’ awtorizzazzjoni) prevista fl-Artikolu 23(4) tad-DRK IV;

(C)    in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-Guidelines tal-2008;

D) Id-digriet ta’ riabilitazzjoni miksub minn Silvio Berlusconi: Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatt deċiżiv li seħħ fil-mori tal-kawża li jwassal awtomatikament għar-rijabilitazzjoni tar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

Il-ħames aggravju. Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36/UE f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tal-kundizzjoni ta’ influwenza possibbli tal-kandidat għall-akkwist f’każ ta’ telf tar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba stabbiliti mil-leġiżlazzjoni interna.

Is-sitt aggravju. Żbalji ta’ liġi dwar ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE f’dak li jirrigwarda l-allegat awtomatiżmu li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni interna ta’ traspożizzjoni – Projbizzjoni ta’ awtomatiżmu – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

Is-seba’ aggravju. Żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 1 u tal-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 2 – Ksur tad-dritt intern applikabbli – Ksur tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta – Motivazzjoni manifestament illoġika u kontradittorja.

It-tmien aggravju. Illegalità tat-terminu mqassar (3 ijiem) previst fl-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet – Ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt korrispondenti li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri – Motivazzjoni kontradittorja u manifestament illoġika – Nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ raġonevolezza u proporzjonalità tat-terminu u n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li teżerċita ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward

Id-disa’ aggravju. Żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura fir-rigward tal-motivi l-ġodda ppreżentati wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2018 – Żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ “punt ta’ liġi ġdid”, motivazzjoni insuffiċjenti u manifestament illoġika – Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta – Nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ eżami ex officio tal-motivi

L-għaxar aggravju. Żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq il-konklużjoni pożittiva tal-probation lis-servizzi soċjali – Motivazzjoni manifestament illoġika – Ksur tad-dritt intern – Ksur tal-Artikolu 84. Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta – Nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ eżami ex officio tal-motiv.

Il-ħdax-il aggravju. Ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regolament Nru 10355/2021 dwar l-inammissibbiltà tal-provi ġodda – Żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rilevanza għad-deċiżjoni, tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2018 u tas-sentenza tal-Awli magħquda tal-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) Nru 10355/2021 – Nuqqas ta’ eżami ta’ dokument deċiżiv għall-ammissibbiltà tal-motivi l-ġodda – Ksur tad-drittijiet tad-difiża u b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta.

____________

1     Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, ĠU 2017, L 20, u l-ĠU 2020, L 203, p. 95).

1     Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

1     Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU 2014, L 141, p. 1).