Language of document : ECLI:EU:C:2019:87

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fil‑31 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C55/18

Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO)

vs

Deutsche Bank SAE,

bl-intervent ta’:

Federación Estatal de Servicios de la Unión General de Trabajadores (FES-UGT),

Confederación General del Trabajo (CGT),

Confederación Solidaridad de Trabajadores Vascos (ELA),

Confederación Intersindical Galega (CIG)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Mistrieħ ta’ kuljum – Mistrieħ ta’ kull ġimgħa – Tul massimu ta’ ġimgħa ta’ xogħol – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Direttiva 89/391/KEE – Sigurtà u saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol – Obbligu għall-impriżi li jistabbilixxu sistema li tkejjel il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum”






1.        Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol, għanijiet segwiti mid-Direttiva 2003/88/KE (2) permezz, fost l-oħrajn, tal-iffissar ta’ limiti massimi għall-ħinijiet tax-xogħol, huwa neċessarju li l-Istati Membri jipprevedu l-obbligu għall-persuna li timpjega sabiex tintroduċi strumenti li jkejlu t-tul effettiv tal-ġurnata jew tal-ġimgħa ta’ xogħol?

2.        Din, essenzjalment, hija l-kwistjoni mqajma mit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) li hija s-suġġett ta’ din l-evalwazzjoni. Din it-talba tirriżulta mill-ambitu ta’ tilwima kollettiva introdotta minn ċerti sindakati tal-ħaddiema bl-għan li jiġi kkonstatat u ddikjarat l-obbligu tal-konvenut, Deutsche Bank SAE (iktar ’il quddiem “Deutsche Bank”), li jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum maħdum li tippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza adegwata tal-ħinijiet iffissati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi u mill-ftehimiet kollettivi.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet ser nispjega r-raġunijiet għalfejn inqis li tali dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu regoli tal-ħinijiet tax-xogħol li, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni ggarantita lill-Istati Membri minħabba l-funzjoni ta’ armonizzazzjoni minima tad-Direttiva 2003/88, jiżguraw l-osservanza effettiva tar-regoli dwar il-limiti tal-ħinijiet tax-xogħol, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl tax-xogħol effettivament maħdum. L-assenza ta’ mekkaniżmi simili fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jippreġudika, fil-fatt, fil-fehma tiegħi, l-effett utli tad-direttiva ċċitata.

4.        Inqis, għaldaqstant, li d-Direttiva 2003/88 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timponix espliċitament fuq il-persuni li jimpjegaw xi forma ta’ kejl jew stħarriġ tal-ħin tax-xogħol normali tal-ħaddiema inġenerali.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 tiddikjara dan li ġej:

“(4)      It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi”.

6.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Serħan ta’ kull jum”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11‑il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24‑siegħa”.

7.        Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11‑il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol hekk jiġġustifikaw, perjodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat.”

8.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

(a)      il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;

(b)      il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa”.

9.        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Disposizzjonijiet mixxellanji” jipprovdi:

“1.      Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, u basta li hu jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jassigura li:

(a)      li min jimpjega ma jkunx jeħtieġ li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 16(b), sakemm ma jkunx l-ewwel akkwista l-ftehim tal-ħaddiem ħalli jwettaq xogħol bħal dak;

(b)      l-ebda ħaddiem ma jkun suġġett għal xi detriment minn min jimpjegah minħabba li hu ma jkunx lest li jagħti l-ftehim tiegħu għal twettieq ta’ xogħol bħal dak;

(c)      min jimpjega iżomm rekords aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu xogħol bħal dak;

(d)      li r-rekords jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirristrinġu l-possibbiltà li jkunu misbuqa s-sigħat massimi ta’ xogħol matul ġimgħa;

(e)      min jimpjega jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom b’informazzjoni dwar każi li fihom ftehim ikun seħħ ma ħaddiema ħalli jwettqu xogħol b’eċċess ta’48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 16(b).

[…]

3.      Jekk l-Istati Membri jutilizzaw minn dawn l-għażliet li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artikolu, huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan”.

10.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (3) jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ikunu soġġetti għad disposizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

11.      L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 89/391 jistabbilixxi:

“Rappreżentanti tal-ħaddiema b’responsabbilità speċifika għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu lil min iħaddem sabiex jieħu miżuri xierqa u jgħaddulu proposti għal dak il-għan sabiex inaqqsu l-perikoli għal ħaddiema u/jew ineħħu sorsi ta’ perikolu”.

B.      Id-dritt Spanjol

12.      L-Artikolu 34 tal-Estatuto de los Trabajadores, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real decreto legislativo 2/2015 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali) 2/2015, li approva t-test irriformat tal-Istatut tal-Ħaddiema, tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (4) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi dan li ġej:

“1.      It-tul tal-ħin tax-xogħol huwa dak stabbilit fil-ftehimiet kollettivi jew fil-kuntratti individwali. It-tul massimu tal-ħin tax-xogħol normali huwa ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa ta’ xogħol effettiv ikkalkolat fuq medja fis-sena. […]

3.      Għandhom jgħaddu mill-inqas tnax‑il siegħa bejn it-tmiem ta’ perijodu ta’ xogħol u l-bidu tal-perijodu segwenti. In-numru ta’ sigħat normali ta’ xogħol effettivi ma jistax jaqbeż id-disa’ sigħat kuljum, sakemm ftehim kollettiv jew, fin-nuqqas ta’ dan, ftehim konkluż bejn l-impriża u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jkunx jipprevedi tqassim ieħor tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum; il-mistrieħ bejn il-perjodi ta’ xogħol xorta waħda għandu jiġi osservat. […]”.

13.      L-Artikolu 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, intitolat “Sahra”, jipprovdi hekk:

“1.      Is-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mit-tul massimu tal-ħin tax-xogħol normali stabbilit f’konformità mal-artikolu preċedenti jikkostitwixxu sahra. […]

2.      L-ammont ta’ sahra ma jistax jaqbeż it-80 siegħa fis-sena. […].

4.      It-twettiq ta’ sahra huwa volontarju, ħlief jekk ikun ġie stabbilit mod ieħor fi ftehim kollettiv jew f’kuntratt individwali ta’ impjieg, fil-limiti previsti fil-paragrafu 2.

5.      Għall-finijiet tal-kalkolu tas-sahra, il-ħin tax-xogħol ta’ kull ħaddiem jiġi rreġistrat minn ġurnata għal oħra u jingħadd fil-mument iffissat għall-pagament tar-remunerazzjoni, fejn il-ħaddiem jingħata kopja tal-prospett fir-rendikont tal-ħlas korrispondenti”.

14.      It-tielet dispożizzjoni addizzjonali tar-Real Decreto 1561/1995, de 21 de septiembre 1995, sobre jornadas especiales de trabajo (id-Digriet Irjali 1561/1995 tal‑21 ta’ Settembru 1995 dwar il-Ħinijiet Speċjali tax-Xogħol) (5), intitolat “Kompetenzi tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-qasam tal-ħin tax-xogħol”, tiddikjara:

“Bla ħsara għall-kompetenzi rrikonoxxuti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-qasam tal-ħin tax-xogħol fl-Istatut tal-Ħaddiema u f’dan id-Digriet Irjali, dawn ir-rappreżentanti għandhom id-dritt […]:

a)      […]

b)      li jiġu informati kull xahar mill-persuna li timpjega dwar is-sahra magħmula mill-ħaddiema, irrispettivament mill-forma ta’ kumpens adottata; għal dan l-għan huma għandhom jirċievu kopja tal-prospett imsemmi fl-Artikolu 35(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema”.

II.    Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Fis‑26 ta’ Lulju 2017, il-Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO), sindakat tal-ħaddiema li jagħmel parti mill-organizzazzjoni sindakali l-iktar rappreżentattiva fil-livell statali fi Spanja, ippreżenta rikors kollettiv quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) kontra Deutsche Bank, fejn talab li tingħata sentenza li tiddikjara l-obbligu impost fuq din tal-aħħar li tistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum maħdum mill-persunal dipendenti.

16.      Tali sistema għandha tippermetti l-verifika, minn naħa, tal-osservanza tal-ħin tax-xogħol stabbilit u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu li tintbagħat lir-rappreżentanti sindakali l-informazzjoni relatata mas-sahra magħmula kull xahar, b’osservanza tal-Artikolu 35(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema u tat-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Irjali 1561/1995.

17.      Fil-kawża għamlu intervent, insostenn tal-pożizzjoni tal-CCOO, erba’ organizzazzjonijiet sindakali oħra: il-Federación Estatal de Servicios de la Unión General de Trabajadores (FES-UGT), il-Confederación General del Trabajo (CGT), il-Confederación Solidaridad de Trabajadores Vasco (ELA), il-Confederación Intersindacal Galega (CIG).

18.      Fil-fehma tar-rikorrenti, l-obbligu li tiġi stabbilita sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, moqrija flimkien mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikoli 3, 5, 6, 8 u 22 tad-Direttiva 2003/88. Deutsche Bank isostni, min-naħa l-oħra, li mis-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat‑23 ta’ Marzu u tal‑20 ta’ April 2017 jirriżulta li d-dritt Spanjol ma jipprevedix tali obbligu ġenerali.

19.      L-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) ikkonstatat li, minkejja li l-impriża konvenuta hija marbuta b’diversi regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol, li jirriżultaw minn diversi ftehimiet kollettivi nazzjonali tas-settur u azjendali, hija ma tuża l-ebda tip ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv maħdum mill-persunal li jippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-liġi u mill-ftehimiet kollettivi kif ukoll l-iżvolġiment eventwali ta’ sahra. L-impriża konvenuta tuża applikazzjoni informatika (Absences Calendar) li tippermetti li jiġu rreġistrati biss l-assenzi għal ġurnata sħiħa (leave, permessi, assenzi minħabba mard, eċċ.).

20.      L-Inspección de Trabajo y Seguridad Social (l-Ispettorat tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali) tal-Provinċji ta’ Madrid u Navarra talab lill-konvenut jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum u, fid-dawl tal-inosservanza ta’ tali talbiet, fassal proċess verbali ta’ ksur bi proposta ta’ sanzjoni. Is-sanzjoni ma ġietx applikata minħabba s-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat‑23 ta’ Marzu 2017.

21.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, f’dik is-sentenza, mogħtija f’assemblea plenarja iżda b’xi opinjonijiet kontra, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) eskludiet l-eżistenza fid-dritt Spanjol ta’ obbligu ġenerali li jiġi rreġistrat il-ħin tax-xogħol normali. B’mod partikolari, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) enfasizzat li l-Artikolu 35(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema fih l-obbligu biss għaż-żamma ta’ reġistru tas-sahra magħmula u għall-komunikazzjoni fl-aħħar ta’ kull xahar tan-numru ta’ sigħat eventwalment maħduma mill-ħaddiema lir-rappreżentanti sindakali tagħhom.

22.      Fuq il-bażi tal-imsemmija deċiżjoni t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ifformulat, essenzjalment, il-motivi li ġejjin: l-obbligu li jinżamm reġistru huwa stabbilit fl-Artikolu 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, li huwa relatat mas-sahra u mhux fl-Artikolu 34, li huwa relatat mal-ħin tax-xogħol; meta l-leġiżlatur Spanjol ried jimponi tali reġistru, huwa għamel dan b’mod speċifiku bħalma għamel għall-ħaddiema part‑time u l-ħaddiema mobbli, ta’ fuq il-baħar jew tal-ferroviji; l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/88 jimponi, bħalma jagħmel id-dritt Spanjol, l-obbligu li jinżamm reġistru tal-ħin tax-xogħol speċjali u mhux tal-ħin tax-xogħol normali li ma jaqbiżx it-tul massimu previst; iż-żamma ta’ tali reġistru timplika l-ipproċessar ta’ data personali tal-ħaddiem bir-riskju ta’ ndħil inġustifikat mill-impriża fil-ħajja privata tal-ħaddiem; in-nuqqas ta’ żamma ta’ tali reġistru ma huwiex ikklassifikat bħala ksur ċar u manifest tar-regoli dwar il-ksur u tas-sanzjonijiet fil-qasam soċjali; tali interpretazzjoni ma tmurx kontra d-dritt tad-difiża legali tal-ħaddiem minħabba li, skont ir-regoli proċedurali Spanjoli, ma huwiex ipprojbit li l-ħaddiem jagħti prova b’mezzi oħra tal-iżvolġiment eventwali ta’ sahra.

23.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-konformità tal-pożizzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward tosserva, qabel kollox, li investigazzjoni dwar il-ħaddiema fi Spanja tal‑2016 żvelat li 53.7 % tas-sigħat ta’ sahra ma humiex irreġistrati. Barra minn hekk, żewġ rapporti (tal‑31 ta’ Lulju 2014 u tal‑1 ta’ Marzu 2016) tad-Direttorat Ġenerali tax-Xogħol tal-Ministeru għax-Xogħol u għas-Sigurtà Soċjali Spanjol affermaw li, sabiex jiġi aċċertat jekk twettqitx sahra, huwa neċessarju li jsir magħruf b’ċertezza n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol maħduma; li jispjega għalfejn l-Ispetturi tax-Xogħol talbu l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-uniku mezz li jista’ jivverifika qbiż eventwali tal-limiti massimi previsti fil-perijodu ta’ riferiment. Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li l-interpretazzjoni tad-dritt Spanjol adottata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikollha bħala konsegwenza, fil-prattika, li l-ħaddiema ma jkollhomx prova essenzjali sabiex juru ħidma li taqbeż is-sigħat tax-xogħol normali u r-rappreżentanti tagħhom ma jkollhomx għad-dispożizzjoni tagħhom mezz neċessarju sabiex jivverifikaw l-osservanza tar-regoli, bil-konsegwenza ulterjuri li l-istħarriġ tal-osservanza tal-ħin tax-xogħol u tal-perijodi ta’ mistrieħ jitħalla għas-sempliċi diskrezzjoni tal-persuna li timpjega.

24.      Skont il-qorti tar-rinviju, f’tali sitwazzjoni, id-dritt nazzjonali ma jkunx jista’ jiggarantixxi l-effettività tal-osservanza tal-obbligi relatati mal-ġestjoni tal-ħin tax-xogħol previsti fid-Direttiva 2003/88 u, fir-rigward tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, fid-Direttiva 89/391.

25.      F’tali kuntest, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jitqies li, permezz tal-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema kif interpretati mill-ġurisprudenza [Spanjola], adotta l-miżuri neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol u ta’ mistrieħ ta’ darba fil-ġimgħa u ta’ kuljum, prevista fl-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88[…], fir-rigward ta’ ħaddiema full-time li ma aċċettawx espressament, b’mod individwali jew kollettivament, li jaħdmu sigħat addizzjonali u li ma humiex ħaddiema mobbli, parti mill-flotta merkantili jew ħaddiema ferrovjarji?

2)      L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 3, 5, 6, 16 u 22 tad-Direttiva 2003/88 […], moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 89/391[…], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, li minnha ma jistax jiġi dedott, kif tenfasizza ġurisprudenza [Spanjola] stabbilita, li l-impriż[i] huma obbligati jistabbilixxu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum maħdum mill-ħaddiema full‑time li ma aċċettawx espressament, b’mod individwali jew kollettivament, li jaħdmu sigħat addizzjonali u li ma humiex ħaddiema mobbli, parti mill-flotta merkantili jew ħaddiema ferrovjarji?

3)      Għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkluża fl-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, li minnha ma jistax jiġi dedott, kif tenfasizza ġurisprudenza [Spanjola] stabbilita, li l-impriż[i] huma obbligati jistabbilixxu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum maħdum mill-ħaddiema full-time li ma aċċettawx espressament, b’mod individwali jew kollettivament, li jaħdmu sigħat addizzjonali u li ma humiex ħaddiema mobbli, parti mill-flotta merkantili jew ħaddiema ferrovjarji, tippermetti li jiġi ggarantit, fir-rigward ta’ ħaddiema ordinarji, l-obbligu, impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 3, 4, 6, 16 u 22 tad-Direttiva 2003/88 […], moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 89/391 […], li jillimitaw il-perijodu ta’ ħin tax-xogħol tal-ħaddiema kollha inġenerali?”

III. Analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

26.      B’mod preliminari, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi osservat li, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, it-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma marbuta ma’ xulxin u jissovrapponu lil xulxin f’diversi aspetti.

27.      Fil-fatt, mill-interpretazzjoni tagħhom jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda tiġi dderivata mir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari li, bejniethom, jissovrapponu lil xulxin fil-kontenut.

28.      Essenzjalment, permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, b’mod speċifiku l-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema kif interpretati mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jippermettux protezzjoni effettiva tal-ħaddiem fil-qasam tat-tul tal-ġurnata u tal-ġimgħa ta’ xogħol u tal-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, li hija prevista fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li ma jimponux iż-żamma ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum.

29.      F’tali kuntest, inqis għaldaqstant li huwa xieraq li t-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jiġu eżaminati flimkien, billi jiġu rriformulati kif ġej: l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 3, 5, 6, 16 u 22 tad-Direttiva 2003/88, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 89/391, dispożizzjonijiet li permezz tal-impożizzjoni ta’ limiti tat-tul għall-ħin tax-xogħol isegwu l-għan ta’ protezzjoni effettiva tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiem fuq il-postijiet tax-xogħol, jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikoli 34 u 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema Spanjol kif interpretati mill-ġurisprudenza Spanjola, li minnha ma jistax jiġi dedott li l-impriżi huma obbligati jistabbilixxu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum maħdum mill-ħaddiema full‑time li ma jkunux aċċettaw espressament, b’mod individwali jew kollettivament, li jagħmlu sahra u li ma humiex ħaddiema mobbli, parti mill-flotta merkantili jew ħaddiema ferrovjarji?

30.      F’dan ir-rigward, ninnota li ġew kontrapposti żewġ argumenti fuq il-mertu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li bi sfumaturi differenti.

31.      L-ewwel wieħed, imressaq mill-qorti tar-rinviju, mill-Kummissjoni u mill-federazzjonijiet tas-sindakati rikorrenti, iqis li d-dritt tal-Unjoni jimplika bla dubju obbligu strumentali li jiġi mkejjel il-ħin tax-xogħol impost fuq il-persuna li timpjega bil-konsegwenza li tali dritt jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik Spanjola li, fl-interpretazzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), teskludi l-eżistenza ta’ tali obbligu.

32.      It-tieni argument, imressaq mill-bank konvenut fil-kawża prinċipali, mir-Renju ta’ Spanja u mill-Istati Membri l-oħra li għamlu intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri r-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka, iqis li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika fid-Direttiva 2003/88, ma jistax jiġi impost obbligu ġeneralizzat fuq l-impriżi għall-kejl tal-ħin tax-xogħol.

33.      Biex nirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju nqis neċessarju li niċċara, qabel kollox, il-portata tad-Direttiva 2003/88 fis-sistema tad-dritt soċjali tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, sabiex sussegwentement niddetermina, fuq il-bażi ta’ tali analiżi, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tali direttiva jipprevedux l-eżistenza ta’ obbligu ġeneralizzat ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol.

B.      Għanijiet u kontenut tad-Direttiva 2003/88

34.      Id-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, għan li jintlaħaq, fost l-oħrajn, permezz tal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħin tax-xogħol (6).

35.      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 jiffissaw perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum (ħdax‑il siegħa konsekuttiva matul kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, skont l-Artikolu 3) u ta’ kull ġimgħa (erbgħa u għoxrin siegħa għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, skont l-Artikolu 5), kif ukoll limitu massimu ta’ tmienja u erbgħin siegħa għat-tul medju ta’ ġimgħa ta’ xogħol, inkluża s-sahra (skont l-Artikolu 6(b)).

36.      Permezz tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa implimentat l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, wara li rrikonoxxa, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, jipprovdi, fil-paragrafu 2, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”. Tali dritt huwa marbut direttament mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem li hija protetta b’mod iktar wiesa’ fit-Titolu I tal-Karta (7).

37.      Id-dritt għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u d-dritt għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa jikkostitwixxu, barra minn hekk, espressjoni tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħalma jirriżulta mit-test ta’ diversi kostituzzjonijiet nazzjonali (8).

38.      Huwa f’dan il-kuntest sistematiku li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem inkwantu huma regoli minimi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tiegħu (9), protezzjoni, li ma taqax biss fl-interess individwali tal-ħaddiem, iżda wkoll ta’ dak tal-persuna li timpjega kif ukoll tal-interess ġenerali (10).

39.      L-ewwel konsegwenza li, fil-fehma tiegħi, tista’ tinsilet mir-rabta ta’ strumentalità bejn id-Direttiva 2003/88 u d-drittijiet soċjali fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta hija li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 u d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandhom ikunu xierqa sabiex jippermettu t-tgawdija sħiħa u effettiva mid-drittijiet suġġettivi rrikonoxxuti minnha lill-ħaddiema, filwaqt li jiġi eliminat kull ostakolu li fil-fatt jista’ jillimita jew jippreġudika l-imsemmija tgawdija.

40.      Għal dan l-għan, fl-interpretazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/88 għandu jitqies li, bħalma enfasizzat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fil-kuntratt ta’ xogħol, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu (11).

41.      Konsegwentement, kull prattika jew ommissjoni min-naħa tal-persuna li timpjega li jkollha effett potenzjalment dissważiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-ħaddiem, għandha titqies li hija inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva (12).

42.      Barra minn hekk, dejjem skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħufija, għandu jitqies li l-ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah, meta t-talba għal dawn tkun tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ impjieg għad-detriment ta’ dan il-ħaddiem (13).

43.      Fid-dawl ta’ tali premessi, interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 li tippermetti li l-għanijiet tagħha jintlaħqu b’mod koerenti u li d-drittijiet li din tagħti lill-ħaddiema jiġu protetti b’mod sħiħ u effettiv, għandha timplika l-identifikazzjoni ta’ obbligi speċifiċi imposti fuq l-individwi involuti fl-implimentazzjoni tagħha li jkunu xierqa sabiex jiġi evitat li l-iżbilanċ strutturali fir-relazzjoni ekonomika bejn persuna li timpjega u ħaddiem jippreġudika t-tgawdija effettiva mid-drittijiet mogħtija mill-istess direttiva.

C.      Fuq in-neċessità li jiġi ggarantit l-effett utli tad-Direttiva 2003/88

44.      Il-kuntest sistematiku deskritt iktar ’il fuq jippermetti li jiġi ppreċiżat aħjar il-kontenut tal-obbligi li timponi d-Direttiva 2003/88 fuq id-diversi persuni li għalihom din tapplika.

45.      Qabel kollox l-Istati Membri huma marbuta, fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, “jieħdu l-miżuri meħtieġa” sabiex jiżguraw li l-ħaddiem jibbenefika mid-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva nnifisha (mistrieħ ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa, matul il-ġimgħa ta’ xogħol, eċċ.).

46.      Il-formulazzjoni tal-artikoli kollha li jinsabu fil-preskrizzjonijiet minimi fil-qasam tal-limiti għall-ħinijiet tax-xogħol (l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 li huma ta’ interess għall-każ ineżami) “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli […]” għandha, fil-fehma tiegħi, sinjifikat doppju.

47.      Minn naħa, din tikkonferma l-importanza tal-mument ta’ implimentazzjoni fi ħdan il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b’possibbiltajiet wiesgħa ta’ deroga iżda b’funzjonijiet stabbiliti.

48.      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kuntest sistematiku deskritt fil-kapitolu preċedenti, tali formulazzjoni ssaħħaħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw ir-riżultat tal-protezzjoni effettiva tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiem, liema protezzjoni tidħol fost l-għanijiet fundamentali li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2003/88, bħalma jirriżulta espliċitament, fost l-oħrajn, mill-premessa 4 tad-Direttiva nnifisha.

49.      Il-formulazzjoni lingwistika użata repetutament għaldaqstant tidher li timplika li, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu l-forom u l-modi kif jimplimentaw id-Direttiva 2003/88, huma xorta waħda għandhom jadottaw miżuri li jistgħu jiżguraw it-tgawdija effettiva tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva nnifisha, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konkretament xierqa għall-kisba tar-riżultat tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema permezz tal-osservanza effettiva tal-limiti fuq il-ħinijiet tax-xogħol.

50.      Għandu jingħad ukoll li, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ direttiva fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, huwa indispensabbli li d-dritt nazzjonali inkwistjoni effettivament jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn dan l-ordinament tkun preċiża u ċara biżżejjed u li d-destinatarji jkunu jistgħu jagħrfu l-portata sħiħa tad-drittijiet tagħhom (14).

51.      B’mod partikolari, l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw il-“miżuri meħtieġa” għandu jiġi osservat, minbarra fit-traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol, fl-introduzzjoni ta’ dak kollu meħtieġ għar-rispett tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 31 tal-Karta, filwaqt li jiġi eliminat kull ostakolu li, fil-fatt, jippreġudika jew jillimita t-tgawdija tad-drittijiet suġġettivi rrikonoxxuti għal dan l-għan mid-Direttiva 2003/88 li, kif osservat fil-punt 36 preċedenti, tikkostitwixxi implimentazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Karta.

52.      Mill-kumplament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Istati Membri, fi kwalunkwe każ, huma marbuta b’obbligu preċiż u inkundizzjonat dwar ir-riżultat li jridu jilħqu fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2003/88 (15), fejn għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali kollha sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu (16) u jevitaw li jiġi ppreġudikat, anki permezz tal-ommissjonijiet mil-leġiżlatur nazzjonali (17), l-effett utli tad-direttiva nnifisha.

53.      B’riferiment speċifiku għar-regola tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tippreċiża li jeħtieġ li l-effikaċja tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-ħaddiema tiġi żgurata bis-sħiħ, liema fatt jimplika neċessarjament l-obbligu għall-Istati Membri li jiggarantixxu l-osservanza tal-preskrizzjonijiet minimi individwali stabbiliti mid-Direttiva nnifisha. Tali interpretazzjoni, fil-fatt, hija l-unika waħda konformi mal-għan tal-imsemmija direttiva li tiggarantixxi protezzjoni effikaċi tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema (18).

54.      Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għaldaqstant għandha tiggarantixxi bis-sħiħ l-effett utli tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mid-Direttiva 2003/88 għall-finijiet tal-protezzjoni effettiva tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ dawn tal-aħħar (19).

55.      Tali obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-direttiva, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli, jikkorrispondu ma’ responsabbiltà speċifika tal-persuna li timpjega (20) li, min-naħa tagħha, għandha l-obbligu li tadotta l-miżuri adegwati sabiex tippermetti lill-ħaddiema jeżerċitaw mingħajr ostakolu d-drittijiet iggarantiti lilhom mid-Direttiva 2003/88.

D.      Kejl tal-ħin tax-xogħol u effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiem

56.      Huwa fl-ambitu tal-kuntest ġuridiku espost sa issa li, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-assenza ta’ sistema ta’ kejl tat-tul u tal-attribuzzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiem essenzjalment iċċaħħadx id-drittijiet irrikonoxxuti mid-Direttiva 2003/88, filwaqt li tippreġudika l-effett utli tad-dispożizzjonijiet previsti fiha u l-protezzjoni tad-drittijiet li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-ħaddiema fl-Unjoni.

57.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, fin-nuqqas ta’ tali sistema, ma jkun hemm ebda garanzija li l-limiti ratione temporis stabbiliti mid-Direttiva 2003/88 jiġu effettivament osservati u għaldaqstant li d-drittijiet li d-Direttiva stess tagħti lill-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr ostakoli.

58.      Fil-fatt, fl-assenza ta’ sistema li tkejjel il-ħinijiet tax-xogħol ma hemmx mod kif tiġi stabbilita b’oġġettività u ċertezza l-kwantità ta’ xogħol effettivament maħduma u l-allokazzjoni ta’ ħin għaliha. Barra minn hekk, mingħajr tali sistema ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn is-sigħat maħduma ta’ xogħol normali jew ta’ sahra u, għalhekk, li jiġi vverifikat, b’mod faċli u ċert, jekk il-limiti introdotti mid-Direttiva 2003/88 humiex osservati b’mod konkret jew le.

59.      Għall-mitigazzjoni tal-assenza ta’ garanziji ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet marbuta mal-osservanza tal-ħinijiet tax-xogħol, barra minn hekk, ma jistgħux ikunu suffiċjenti s-setgħat mogħtija lill-korpi ta’ stħarriġ bħal dawk mogħtija lill-ispetturi tax-xogħol. Fil-fatt, anki l-awtorità pubblika maħtura għall-istħarriġ tal-osservanza tas-sistema ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fl-assenza ta’ sistema li tkejjel il-ħin, hija mċaħħda mill-possibbiltà konkreta li tispezzjona u tikkontesta nuqqas ta’ osservanza eventwali tal-obbligi.

60.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li d-diffikultajiet ta’ spezzjoni, fl-assenza ta’ sistema affidabbli ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol, tas-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma, barra minn hekk, ġew enfasizzati quddiem il-qorti tar-rinviju fiż-żewġ rapporti, iċċitati fil-punt 23 preċedenti tad-Direttorat Ġenerali tax-Xogħol tal-Ministeru għax-Xogħol u għas-Sigurtà Soċjali, awtorità li l-liġi Spanjola tiddelegalha l-funzjonijiet ta’ stħarriġ fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (21).

61.      F’dan ir-rigward, barra minn hekk, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat l-importanza tal-eżistenza ta’ sistema ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-limiti għall-ħin tax-xogħol. Fis-sentenza Worten (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, C‑342/12, EU:C:2013:355), fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu tal-persuna li timpjega li tipprovdi lill-awtoritajiet maħtura aċċess immedjat għar-reġistru tal-ħin tax-xogħol jista’ jkun meħtieġ jekk jikkontribwixxi għal applikazzjoni iktar effikaċi tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (22).

62.      Għalhekk, għalkemm il-wiri immedjat tar-reġistru tal-preżenzi jista’ jkun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ħin tax-xogħol għall-protezzjoni tal-ħaddiem, a fortiori l-assenza ta’ kwalunkwe strument ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol iċċaħħad lill-persuni maħtura għall-istħarriġ minn element essenzjali għall-verifika tal-osservanza tar-regoli.

63.      Fit-tieni lok, l-assenza ta’ sistema effikaċi ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol mhux talli ma tippermettix il-konstatazzjoni effettiva tax-xogħol maħdum, iżda tagħmilha wkoll ferm iktar diffiċli għall-persuna li timpjega sabiex tipproteġi quddiem il-qrati d-drittijiet li tagħtiha d-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali sistema, f’każ li l-persuna li timpjega timponi prestazzjonijiet ta’ xogħol bi ksur tal-limiti tal-ħin tax-xogħol previsti mid-direttiva msemmija iktar ’il fuq, ikun estremament diffiċli li jitnedew rimedji effikaċi kontra tali aġir illegali.

64.      F’dan ir-rigward ma jidhirx suffiċjenti li jiġi affermat, bħalma għamel ir-Renju ta’ Spanja matul is-seduta, li l-ħaddiem ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu quddiem il-qrati. Mingħajr sistema xierqa ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol normali, il-ħaddiem, fil-fatt, ikollu oneru probatorju ferm ikbar fil-każ li jaġixxi f’qorti kontra l-persuna li timpjega fil-każijiet ta’ ksur tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2003/88.

65.      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-ħaddiem jista’ jirrikorri għal mezzi oħra sabiex juri quddiem il-qrati n-nuqqas ta’ osservanza mill-persuna li timpjega tal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli dwar il-ħin tax-xogħol, bħal pereżempju xhieda jew indizji oħra bħal posta elettronika jew messaġġi rċevuti jew mibgħuta, huwa daqstant minnu li n-nuqqas ta’ elementi oġġettivi dwar it-tul tal-ġurnata ta’ xogħol tal-ħaddiem iċaħħdu minn indizju probatorju inizjali essenzjali.

66.      Barra minn hekk, l-effikaċja tax-xhieda quddiem il-qrati ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dgħufija tal-ħaddiem fir-relazzjoni tax-xogħol u għalhekk ir-retiċenza possibbli li l-kollegi jixhdu kontra l-persuna li timpjega minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni.

67.      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 40 sa 42 preċedenti, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat kif is-sitwazzjoni ta’ dgħufija tal-ħaddiem fi ħdan ir-relazzjoni ta’ impjieg tista’ fil-fatt tiskoraġġixxi lill-ħaddiem innifsu milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah.

68.      Tali saħħa dissważiva, marbuta intrinsikament mal-pożizzjoni kuntrattwali tal-persuna li timpjega, tiżdied b’mod kunsiderevoli meta s-sistema ma jkollhiex strumenti ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol u għalhekk trendi partikolarment diffiċli l-prova eventwali quddiem il-qrati.

69.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol iddgħajjef b’mod kunsiderevoli l-effettività tad-drittijiet li d-Direttiva 2003/88 tiggarantixxi lill-ħaddiema, li jaqgħu, essenzjalment, fuq id-diskrezzjoni tal-persuna li timpjega.

70.      Għandu jingħad ukoll li, anki jekk tali obbligu ma huwiex previst espliċitament mid-Direttiva 2003/88, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan huwa strumentali u essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minnha u għall-benefiċċju tad-drittijiet suġġettivi rrikonoxxuti minnha.

71.      Barra minn hekk, l-assenza ta’ sistema ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol iddgħajjef, ukoll, b’mod sinjifikattiv id-drittijiet ta’ informazzjoni u l-funzjoni relatata ta’ stħarriġ tar-rappreżentanti sindakali tal-ħaddiema, irrikonoxxuti espliċitament lilhom fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, mill-Artikoli 4(1) u 11(3) tad-Direttiva 89/391, b’mod koerenti ma’ kif inhu stabbilit mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (23).

72.      Fi ftit kliem, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru li l-obbligu li jitkejjel il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum għandu funzjoni essenzjali insostenn tal-osservanza tal-obbligi l-oħra kollha previsti mid-Direttiva 2003/88 bħal-limiti għat-tul tal-ġurnata ta’ xogħol, il-mistrieħ ta’ kuljum, il-limiti għat-tul tal-ġimgħa ta’ xogħol, il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa u l-iżvolġiment eventwali ta’ sahra. Tali obbligi ma humiex marbuta biss mad-dritt tal-ħaddiem u tar-rappreżentanti tiegħu li jkunu jistgħu jistħarrġu b’mod perjodiku l-kwantità ta’ xogħol maħdum għall-finijiet ta’ remunerazzjoni, iżda fuq kollox għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

73.      L-interpretazzjoni mogħtija fil-punti preċedenti, fil-fehma tiegħi, ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argumenti diversi mressqa insostenn tat-teżi kuntrarja mill-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

74.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ma nqisx bħala deċiżiv l-argument li, sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali li jiġi introdott xi mekkaniżmu ta’ kejl tal-ħinijiet effettivi tax-xogħol maħdum, jibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tipprevedi sistema ta’ kejl tal-ħinijiet tax-xogħol, fejn, pjuttost, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol f’każijiet speċjali (24).

75.      Tali argument, marbut mal-argument magħruf tal-interpretazzjoni ġuridika espress fid-dictum ubi lex voluit dixit, ubi noluit tacuit, madankollu huwa kontradett mir-riżultati tal-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tad-Direttiva 2003/88 mogħtija fil-punti preċedenti li wrew in-neċessità tal-eżistenza ta’ sistema ta’ kejl tal-ħinijiet effettivi tax-xogħol maħdum sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-limitazzjoni massima tal-ħin tax-xogħol.

76.      Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ obbligu espliċitu ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol għal ċerti każijiet speċjali bl-ebda mod ma tmur kontra l-interpretazzjoni proposta minni. Ċerti kategoriji ta’ ħaddiema u l-ħaddiema ta’ ċerti setturi speċifiċi, fil-fatt, jeħtieġu protezzjoni speċifika, minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tal-prestazzjoni bħal pereżempju l-ħaddiema part‑time jew il-ħaddiema mobbli, u għalihom id-dritt tal-Unjoni jipprevedi sistemi ta’ stħarriġ partikolarment rigorużi u kompleti.

77.      Għall-ħaddiema “normali”, li ma jidħlux f’tali kategoriji speċifiċi, id-Direttiva 2003/88 tippreżumi, pjuttost, l-eżistenza ta’ mezz ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol li jista’ jkun sempliċi reġistru fiżiku, elettroniku jew strument differenti, sakemm ikun xieraq għall-iskop ikkonċernat.

78.      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dannu allegat għad-drittijiet fundamentali relatati mat-trattament tad-data personali permezz tal-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li, minkejja li l-kontenut ta’ reġistru tal-ħin tax-xogħol jista’ jidħol fil-kunċett ta’ “data personali” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, dan tal-aħħar ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tqegħid tal-imsemmi reġistru tal-ħin tax-xogħol għad-dispożizzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex tippermetti l-konsultazzjoni immedjata (25).

79.      Naturalment il-persuna li timpjega jkollha tagħmel użu leġittimu mid-data disponibbli fir-reġistru, filwaqt li tippermetti l-aċċess biss lil persuni li jkollhom interess ikkwalifikat.

80.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li d-dritt Spanjol ittraspona l-provvedimenti tad-Direttiva 2003/88 b’mod saħansitra iktar favorevoli għall-ħaddiem (fejn naqqas, pereżempju, in-numru massimu ta’ sigħat fil-ġimgħa), dan joħloq konfużjoni fir-rigward tas-sinjifikat differenti mogħti mill-obbligi sostanzjali (il-preskrizzjonijiet minimi tad-Direttiva) u minn dawk li huma pjuttost strumentali (sistemi ta’ stħarriġ tal-osservanza effettiva ta’ dawk tal-ewwel).

81.      Fil-kawża ineżami ma hijiex inkwistjoni l-implimentazzjoni korretta tal-obbligi li jaqgħu espliċitament fuq l-Istati Membri mid-Direttiva 2003/88 (tul minimu tal-mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, tul massimu tal-ġimgħa ta’ xogħol, eċċ.), iżda l-fatt li għall-finijiet tal-osservanza korretta ta’ dawk l-obbligi jkunx neċessarju jew le li jiġi previst ukoll strument ta’ stħarriġ xieraq.

82.      Fir-raba’ lok, lanqas ma jidhirli possibbli li jsir riferiment, sabiex tiġi kkontestata t-teżi favur l-eżistenza ta’ obbligu legali li tiġi prevista sistema ta’ kejl tal-ħinijiet tax-xogħol, għall-protezzjoni li s-sistema legali tal-Unjoni tagħti lil-libertà ta’ intrapriża, li tinkludi d-dritt għall-għażla tal-mudelli organizzattivi meqjusa iktar xierqa għall-iżvolġiment tal-attività speċifika.

83.      F’dan ir-rigward jeħtieġ li jitfakkar li r-raba’ premessa tad-Direttiva 2003/88 tafferma b’mod ċar li “[t]-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi”.

84.      Barra minn hekk, fis-seduta r-rappreżentanti tal-konvenut fil-kawża prinċipali ma indikawx liema huma l-ostakoli effettivi prattiċi għall-adozzjoni ta’ sistema li tgħodd il-ħin tax-xogħol fi ħdan l-impriża.

85.      Madankollu għalkemm, bħalma ser jintqal fil-kapitolu li jmiss, l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattivi fl-adozzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-ħin tax-xogħol, għandha tidħol fil-marġni diskrezzjonali tagħhom ukoll il-provvista ta’ sistemi differenti minħabba l-kumplessità organizzattiva u l-karatteristiċi ta’ kull impriża.

E.      Awtonomija tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ kejl

86.      Għalkemm mill-interpretazzjoni proposta minni fil-punti preċedenti tirriżulta l-eżistenza ta’ obbligu li tiġi introdotta sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol, minħabba l-iskop ta’ armonizzazzjoni minima tad-Direttiva 2003/88 u konformement ma’ dak li ġie affermat fil-punt 49 preċedenti, inqis madankollu li d-determinazzjoni tal-forom u tal-modi ta’ implimentazzjoni ta’ tali obbligu, kif ukoll id-definizzjoni tal-modalitajiet konkreti li jippermettu stħarriġ faċli tal-osservanza tar-regoli dwar il-limiti tal-ħinijiet tax-xogħol għandhom jaqagħu taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri (26).

87.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-teknoloġija attwali tippermetti l-iktar sistemi varji ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol (27) (reġistri fiżiċi, applikazzjonijiet informatiċi, badges elettroniċi), sistemi li jistgħu jkunu differenti wkoll skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-impriżi individwali.

88.      Minkejja li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv fl-għażla tal-forom u tal-modi ta’ implimentazzjoni tal-obbligu li jintroduċu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol, mir-raġunament magħmul fil-punti preċedenti, u b’mod partikolari mill-obbligu tal-Istati Membri enfasizzat fil-punti 45 et seq. preċedenti li jiggarantixxu l-effett utli tad-Direttiva 2003/88 u l-effettività tad-drittijiet irrikonoxxuti minnha lill-ħaddiema, jirriżulta li tali sistema ta’ reġistrazzjoni għandha tkun xierqa sabiex jintlaħqu tali għanijiet (28).

F.      Fuq id-domandi preliminari

89.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tqisx li jissussisti l-obbligu għall-impriżi li jintroduċu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum mill-ħaddiema kollha. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata konformement mal-artikoli ċċitati tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

90.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali, meta japplikaw id-dritt intern, huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-iskop tad-direttiva inkwistjoni b’tali mod li jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, b’hekk, jikkonformaw ruħhom mal-Artikolu 288 TFUE (29).

91.      Għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-każ ineżami fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-imsemmi obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu għall-qrati nazzjonali li jbiddlu, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Konsegwentement, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali konformement mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ġiet interpretata b’mod kostanti f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (30).

92.      Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk, bl-użu tal-istrumenti ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti fid-dritt Spanjol, ikunx possibbli li l-Istatut tal-Ħaddiema jiġi interpretat b’tali mod li jitqies li dan jipprevedi l-obbligu għall-impriża li tintroduċi sistema ta’ kejl tal-preżenzi ta’ kuljum tal-ħaddiema full‑time.

93.      Fejn l-interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, peress li ma jkunx permess li d-Direttiva 2003/88 tiġi applikata direttament fir-relazzjonijiet orizzontali bejn persuni privati, għandu jiġi vverifikat jekk sabiex jiġi impost l-obbligu fuq l-impriża li żżomm sistema ta’ kejl tal-preżenzi ta’ kuljum jistax jiġi applikat l-Artikolu 31(2) tal-Karta.

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni fejn irrikonoxxiet l-effett dirett fir-relazzjonijiet orizzontali bejn persuni privati tal-Artikolu 31(2) tal-Karta fir-rigward tad-dritt għal-leave (31). Peress li l-istruttura tad-dritt għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ (ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa) hija l-istess bħal tad-dritt għal-leave u peress li dawn huma drittijiet marbuta b’mod strett, u t-tnejn li huma għandhom l-għan li jipproteġu l-kundizzjonijiet tax-xogħol salutari, siguri u dinjitużi, u li huma previsti mill-imsemmija dispożizzjoni tal-Karta, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett fir-relazzjonijiet orizzontali tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tista’, fil-fehma tiegħi, tapplika wkoll fir-rigward tad-drittijiet għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ tal-ħaddiem.

95.      Għalhekk, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu invokati direttament fil-konfront tal-persuna li timpjega, bil-kundizzjoni li din tkun sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (32), ċirkustanza li tapplika fil-każ ineżami peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

96.      F’dan ir-rigward, inqis li l-kontenut tad-drittijiet għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perjodi ta’ mistrieħ tal-ħaddiem iggarantiti mill-Artikolu 31(2) tal-Karta u tal-obbligi korrispondenti tal-persuna li timpjega huwa estiż sabiex jinkludi wkoll l-adozzjoni ta’ sistema ta’ kejl tal-ħinijiet tax-xogħol.

97.      Insostenn ta’ tali interpretazzjoni estensiva tad-drittijiet għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għall-mistrieħ jista’ jiġi osservat, preliminarjament, li bħala “dritt soċjali” huwa fin-natura ta’ dan it-tip ta’ drittijiet li d-detentur jitlob azzjonijiet pożittivi min-naħa tal-Istat jew minn persuni oħra obbligati. Dan it-tip ta’ drittijiet jista’ jiġi ggarantit biss permezz tal-azzjonijiet pożittivi min-naħa tal-persuna obbligata, fejn l-assenza jew l-insuffiċjenza tagħhom iċċaħħad lid-dritt mill-effettività.

98.      L-osservazzjonijiet preċedenti magħmula fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88, li enfasizzaw kif l-effettività tad-dritt għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perjodi ta’ mistrieħ tiddependi mill-possibbiltà li jkun jeżisti metodu ċert u oġġettiv li jippermetti li jiġu vverifikati s-sigħat ta’ xogħol realment maħduma, jiffavorixxu barra minn hekk interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta li minnha tiġi dedotta l-eżistenza ta’ obbligu għall-impriża li tadotta mekkaniżmu simili ta’ stħarriġ, fejn madankollu din tibqa’ libera li tagħżel it-tekniki li tqis l-iktar xierqa fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi proprji marbuta mal-organizzazzjoni tal-impriża.

IV.    Konklużjonijiet

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja):

1)      L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 3, 5, 6, 16 u 22 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu l-obbligu fuq l-impriżi sabiex jistabbilixxu sistema ta’ kejl tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum maħdum mill-ħaddiema full‑time li ma jkunux aċċettaw espressament, b’mod individwali jew kollettivament, li jaħdmu sahra u li ma jkunux ikklassifikati bħala ħaddiema mobbli, bħala parti mill-flotta merkantili jew bħala ħaddiema ferrovjarji u jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li minnha ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta’ tali obbligu.

2)      L-Istati Membri huma liberi li jipprevedu l-forma ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kuljum l-iktar xierqa sabiex jinkiseb l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati iktar ’il fuq.

3)      Il-qorti tar-rinviju, madankollu, għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, jekk tistax tasal għal interpretazzjoni ta’ tali dritt li tkun ta’ natura li tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. F’każ li jkun impossibbli li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik diskussa fil-kawża prinċipali tiġi interpretata b’mod li jiggarantixxi l-konformità mad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha tiskarta l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali u tiżgura li jiġi osservat l-obbligu fuq l-impriża sabiex tadotta sistema xierqa ta’ kejl tal-ħin effettiv tax-xogħol.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 381).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349.


4      BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015.


5      BOE Nru 230, tas‑26 ta’ Settembru 1995.


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 45); tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 23).


7      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża King (C‑214/16, EU:C:2017:439, punt 36).


8      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Schultz-Hoff (C‑520/06, EU:C:2008:38, punt 53 u nota ta’ qiegħ il-paġna 22), fejn, minkejja li tagħmel raġunament dwar id-dritt għal-leave, jiġu eżaminati diversi testi kostituzzjonali ta’ pajjiżi membri, filwaqt li tikkonkludi li l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu diversi mudelli fil-kostituzzjonijiet ta’ Stati Membri differenti.


9      Sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 24); tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 49) u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 41).


10      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:338, punt 52).


11      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 41).


12      B’riferiment għad-dritt għal-leave rrikonoxxut mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 42).


13      B’riferiment għad-dritt għal-leave rrikonoxxut mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 41 u 42).


14      Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑97/01, EU:C:2003:336, punt 32).


15      Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 – C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 104).


16      Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356), punt 55; tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717), punt 39; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawżi magħquda Pfeiffer et (minn C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2003:245, punt 23).


17      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Schultz‑Hoff (C‑350/06, EU:C:2008:37, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31).


18      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 40); sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punti 45 u 53); sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Fuß (C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 64).


19      Digriet tal‑11 ta’ Jannar 2007, Vorel (C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 36); f’dan ir-rigward, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Hälvä et (C‑175/16, EU:C:2017:285, punt 44).


20      Ir-responsabbiltà speċifika tissemma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:338, punt 35), b’riferiment għad-dritt għal-leave.


21      Minn tali rapporti jirriżulta li sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum titqies bħala l-uniku mezz li jista’ jivverifika qbiż possibbli tal-limiti massimi previsti fil-perjodu ta’ riferiment.


22      Ara l-punt 37 tas-sentenza.


23      Tali dispożizzjoni tirrikonoxxi lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom id-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni fil-kuntest tal-impriża.


24      Bħal, pereżempju, fil-każ tal-ħaddiema part‑time jew tal-ħaddiema mobbli. F’dan ir-rigward ara l-Artikolu 9(b) tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224), l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal‑21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 363, Rettifika ĠU 2010 L 338, p. 62), u l-klawżola 12 tal-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 2014/112/UE tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (ĠU 2014, L 367, p. 86).


25      Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Worten (C‑342/12, EU:C:2013:355, punti 27 u 28).


26      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 47); b’riferiment għad-dritt għal-leave; fl-aħħar nett, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:338, punt 25), iżda preċedentement, b’riferiment għad-dmir tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implimentazzjoni tad-dritt, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Schultz-Hoff (C‑520/06, EU:C:2008:38, punti 45, 55 u 56).


27      Fl-osservazzjonijiet tagħha magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni enfasizzat dan l-aspett.


28      F’dan ir-rigward, fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fajl u tal-affermazzjonijiet fis-seduta, jidher, prima facie, li s-sistema adottata mill-konvenut fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 19 preċedenti, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ idoneità deskritti iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk dan huwiex il-każ jew le.


29      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 58).


30      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 60).


31      Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punti minn 49 sa 51 u minn 69 sa 79).


32      Ara l-Artikolu 51(1) tal-Karta.