Language of document : ECLI:EU:T:2010:480





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Novembru 2010 – Il‑Kummissjoni vs Irish Electricity Generating

(Kawża T-323/09)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku, inkluża d-dimostrazzjoni, fil-qasam tal-enerġija mhux nukleari (1994-1998) – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt – Rimbors tas-somom imħallsa bil-quddiem – Interessi moratorji – Proċedura fil-kontumaċja”

1.                     Proċedura - Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ - Kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja għat-twettiq ta’ proġett fil-qasam tal-enerġija mhux nukleari - Ammont tal-ispejjeż ammissibbli approvati li huwa inqas mill-ammont tas-somma mħallsa bil-quddiem mill-Kummissjoni - Talba tal-Kummissjoni għar-rimbors tal-ammont żejjed imħallas - Obbligu għall-parti kontraenti li tipproduċi prova tal-eżistenza u tan-neċessità tal-ispejjeż iddikjarati lill-Kummissjoni għall-eżekuzzjoni tal-proġett (Artikolu 238 KE) (ara l-punti 60, 61)

2.                     Proċedura - Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ - Kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja għat-twettiq ta’ proġett fil-qasam tal-enerġija mhux nukleari - Ammont tal-ispejjeż ammissibbli approvati li huwa inqas mill-ammont tas-somma mħallsa bil-quddiem mill-Kummissjoni - Dritt għar-rimbors parzjali tas-somma mħallsa bil-quddiem, flimkien mal-interessi moratorji - Rata tal-interessi moratorji, mitluba mill-Kummissjoni, li hija inqas minn dik ikkalkolata skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli (Artikolu 238 KE) (ara l-punti 73-76)

Suġġett

Rikors ibbażat fuq klawżola ta’ arbitraġġ intiż sabiex tinkiseb il-kundanna ta’ Irish Electricity Generating Co. Ltd sabiex tirrimborsa s-somma ta’ EUR 180 664.70 li tikkorrispondi għal parti mill-ħasijiet bil-quddiem li l-Kummissjoni kienet ħallsitha fil-kuntest tal-kuntratt WE/178/97/IE/GB, flimkien mal-interessi moratorji.

Dispożittiv

1)

Irish Electricity Generating Co. Ltd hija kkundannata tirrimborsa lill-Kummissjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 180 664.70, flimkien mal-interessi moratorji:

–        bir-rata ta’ 5.56 % fis-sena mill-25 ta’ Awwissu 2003 sad-data ta’ din is-sentenza;

–        bir-rata annwali applikata skont il-liġi Irlandiża, jiġifieri attwalment l-Artikolu 26 tad-Debtors (Ireland) Act, 1840 (liġi dwar id-debituri), emendat, sa limitu ta’ rata ta’ 5.56 % fis-sena, mid-data ta’ din is sentenza, sal-clearance sħiħ tad-dejn.

2)

Irish Electricity Generating hija kkundannata għall-ispejjeż.