Language of document : ECLI:EU:T:2002:75

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Marzu 2002(*)

“ Kompetizzjoni ─ Akkordju ─ Pajpijiet għat-tisħin urban ─ Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE) ─ Ksur kontinwu ─ Bojkott ─ Aċċess għall-inkartament ─ Multa ─ Linji gwida għall-kalkolu tal-multi ─ Non-retroattività ─ Aspettattivi leġittimi”

Fil-kawża T-23/99

LR AF 1998 A/S, li qabel kienet Løgstør Rør A/S, stabbilita f’Løgstør (id-Danimarka), irrappreżentata minn D. Waelbroeck u H. Peytz, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver u É. Gippini Fournier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/60/KE ta’ l-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura skond l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E-4 – Pajpijiet pre-iżolati) (ĠU 1999, L 24, p. 1), jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta b’din id-deċiżjoni fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn P. Mengozzi, President, V. Tiili u R. M. Moura Ramos, Imħallfin,

Reġistratur: G. Herzig, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-25 ta’ Ottubru 2000,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-kumpannija LR AF 1998 A/S, li qabel kienet Løgstør Rør A/S, hija kumpannija Daniża li, fiż-żmien tal-fatti, kienet tipproduċi u tbiegħ pajpijiet pre-iżolati, użati b’mod partikolari fit-tisħin urban.

2        Fis-sistemi ta’ tisħin urban, l-ilma msaħħan f’post ċentrali jittieħed permezz ta’ pajpijiet taħt l-art, lejn il-postijiet li jkunu jridu jiġu msaħħna. Peress li t-temperatura ta’ l-ilma (jew tal-fwar) ittrasportat hija għolja ħafna, il-pajpijiet jridu jiġu iżolati biex jiżguraw distribuzzjoni ekonomika u bla riskji. Il-pajpijiet użati huma pre-iżolati u, għal dan il-għan, huma ġeneralment magħmulin minn tubu ta’ l-azzar mgħotti b’tubu tal-plastik, b’saff fowm iżolanti bejniethom.

3        Il-pajpijiet għat-tisħin urban huma s-suġġett ta’ kummerċ importanti bejn l-Istati Membri. L-ikbar swieq nazzjonali ta’ l-Unjoni Ewropea huma l-Ġermanja, b’40  % tal-konsum Komunitarju, u d-Danimarka, b’20 %. B’50 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka hija ċ-ċentru prinċipali ta’ produzzjoni ta’ l-Unjoni li tforni lill-Istati Membri kollha fejn jintuża t-tisħin urban.

4        B’ilment tat-18 ta’ Jannar 1995, l-impriża Żvediża Powerpipe AB infurmat lill-Kummissjoni li l-produtturi u l-fornituri l-oħra tal-pajpijiet għat-tisħin urban kienu qasmu s-suq Ewropew fil-kuntest ta’ akkordju u li huma kienu ħadu miżuri miftehma sabiex jagħmlu ħsara lill-attività tagħha, jew jillimitaw din l-attività għas-suq Żvediż, jew saħansitra li purament u sempliċiment jeliminawha mis-suq.

5        Fit-28 ta’ Ġunju 1995, huma u jaġixxu taħt deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 1995, uffiċjali tal-Kummissjoni u rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-istati Membri kkonċernati, wettqu, fl-istess ħin u mingħajr pre-avviż, investigazzjonijiet f’għaxar impriżi jew assoċjazzjonijiet preżenti fis-settur tat-tisħin urban, inkluża r-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“investigazzjonijiet”).

6        Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti u lill-parti l-kbira ta’ l-impriżi kkonċernati mill-fatti in kwistjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204).

7        Fl-20 ta’ Marzu 1997, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati. Sussegwentement, seduta ta’ l-impriżi kkonċernati nżammet fl-24 u fil-25 ta’ Novembru 1997.

8        Fil-21 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 1999/60/KE, dwar proċedura skond l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E.4 ─ Pajpijiet pre-iżolati) (ĠU 1999, L 24, p.1), irrettifikata qabel ma ġiet ippubblikata permezz tad-Deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 1998 [C(1998) 3415 finali] (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni” jew id-“Deċiżjoni kkontestata” li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi, u, partikolarment, ir-rikorrenti, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiċi miftehma fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) KE) (iktar ’il quddiem l-“akkordju”).

9        Skond id-Deċiżjoni, ftehim kien ġie konkluż, lejn l-aħħar tas-sena 1990, bejn l-erba’ produtturi Daniżi ta’ pajpijiet għat-tisħin urban fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni ġenerali fis-suq nazzjonali tagħhom. Dan il-ftehim għaqqad lir-rikorrenti kif ukoll lil ABB IC Møller A/S, il-kumpannija sussidjarja Daniża tal-grupp Żvizzeru-Żvediż ABB Asea Brown Boveri Ltd (iktar ’il quddiem “ABB”), Dansk Rørindustri A/S, magħrufa wkoll bl-isem Starpipe (iktar ’il quddiem “Dansk Rørindustri”), u Tarco Energi A/S (iktar ’il quddiem “Tarco” (iktar ’il quddiem, l-erba’ flimkien, il-“produtturi Daniżi”). Waħda mill-ewwel miżuri kienet tikkonsisti f’koordinazzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet kemm għas-suq Daniż kif ukoll għas-swieq ta’ l-esportazzjoni. Għall-finijiet ta’ tqassim tas-suq Daniż, ġew iffissati kwoti li wara ġew applikati u kkontrollati minn “grupp ta’ kuntatt” li jgħaqqad flimkien l-uffiċjali responsabbli għall-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati. Għal kull proġett kummerċjali (iktar ’il quddiem “proġett”), l-impriża li lilha l-grupp ta’ kuntatt ikun attribwixxa l-proġett informat lill-parteċipanti l-oħra bil-prezz li hija kellha l-intenzjoni tipproponi u mbagħad huma kienu jagħmlu offerta ogħla b’mod li l-fornitur indikat fl-akkordju jkun protett.

10      Skond id-Deċiżjoni, żewġ produtturi Ġermaniżi, il-grupp Henss/Isoplus (iktra ’il quddiem “Henss/Isoplus”) u Pan-Isovit GmbH ingħaqdu fil-laqgħat regolari tal-produtturi Daniżi mill-ħarifa ta’ l-1991. Fil-kuntest ta’ dawn il-laqgħat, saru negozjati bil-għan li jinqasam is-suq Ġermaniż. Dawn wasslu, f’Awwissu 1993, għal ftehim li jiffissaw kwoti ta’ bejgħ għal kull impriża parteċipanti.

11      Dejjem skond id-Deċiżjoni, intlaħaq ftehim bejn dawn il-produtturi kollha, fl-1994, bil-għan li jiġu ffissati kwoti għas-suq Ewropew kollu. Dan l-akkordju Ewropew kien ġie strutturat fuq żewġ livelli. Il-“grupp tad-diretturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jiġbor il-presidenti jew diretturi ġenerali ta’ l-impriżi parteċipanti fl-akkordju, kien attribwixxa kwoti lil kull impriża kemm fis-suq kollu kif ukoll f’kull wieħed mis-swieq nazzjonali, b’mod partikolari l-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja, l-Olanda u l-Iżvezja. Għal ċerti swieq nazzjonali, ġie stabbilit “grupp ta’ kuntatt” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kompost minn uffiċjali lokali responsabbli għall-bejgħ, li ngħata l-kompitu li jamministra l-ftehim billi jassenjaw il-proġetti u jikkoordina s-sottomissjonijiet għas-sejħiet għal offerti.

12      Rigward is-suq Ġermaniż, id-Deċiżjoni ssemmi li, wara laqgħa tas-sitt produtturi Ewropej ewlenin, (ABB, Dansk Rørindustri, il-grupp Henss/Isoplus, Pan-Isovit, Tarco u r-rikorrenti) u ta’ Brugg Rohrsyteme GmbH (iktar ’il quddiem “Brugg”), fit-18 ta’ Awwissu 1994, inżammet l-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ kuntatt għall-Ġermanja fis-7 ta’ Ottubru 1994. Il-laqgħat ta’ dan il-grupp baqgħu għaddejjin għal żmien twil wara l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, fit-tmiem ta’ Ġunju 1995, għalkemm minn dak iż-żmien ’il quddiem bdew isiru barra l-Unjoni Ewropea, fi Zurich (l-Iżvizzera). Il-laqgħat f’din il-belt baqgħu isiru sal-25 ta’ Marzu 1996.

13      Bħala element ta’ l-akkordju, id-Deċiżjoni tiċċita, b’mod partikolari, l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ miżuri miftehma intiżi sabiex jeliminaw l-unika impriża importanti li ma kinitx tagħmel parti mill-akkordju, Powerpipe. Il-Kummissjoni tippreċiża li xi wħud mill-parteċipanti fl-akkordju rreklutaw “impjegati importanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ Powerpipe u taw x’jifhmu lil din ta’ l-aħħar li kellha tirtira mis-suq Ġermaniż. Wara li Powerpipe ġiet assenjata proġett importanti fil-Ġermanja, f’Marzu 1995, inżammet laqgħa f’Düsseldorf, li fiha pparteċipaw is-sitt produtturi msemmijin qabel u Brugg. Skond il-Kummissjoni, waqt din il-laqgħa, ġie deċiż li jinbeda bojkott kollettiv kontra l-klijenti u l-fornituri ta’ Powerpipe. Dan il-bojkott sussegwentement ġie implementat.

14      Fid-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għalfejn mhux biss l-arranġament espress ta’ tqassim tas-swieq konkluż bejn il-produtturi Daniżi lejn l-aħħar ta’ l-1990, iżda wkoll id-diversi arranġamenti konklużi sa minn Ottubru 1991, flimkien, setgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw “ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ipprojbit mill-Artikolu 85(1) tat-Trattat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-akkordji “Daniżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienu biss l-espressjoni ta’ akkordju wieħed li beda fid-Danimarka, iżda li sa mill-bidu nett kellu bħala għan li fuq medda ta’ żmien twil jestendi l-kontroll tal-parteċipanti fuq is-suq komuni kollu. Skond il-Kummissjoni, il-ftehim li sar bejn il-produtturi kellu effett sinjifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

15      Għal dawn il-motivi, id-Deċiżjoni ddisponiet:

“Artikolu 1

ABB Asea Brown Boveri Ltd, Brugg Rohrsysteme GmbH, Dansk Rørindustri A/S, il-grupp Henss/Isoplus, KE KELIT Kunststoffwerk GmbH, Oy KWH Tech AB, Løgstør Rør A/S, Pan-Isovit GmbH, Sigma Tecnologie di rivestimento Srl u Tarco Energi A/S kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, billi pparteċipaw, bil-mod u sa’ l-estent indikat fil-motivazzjoni, f’għadd ta’ akkordji u prattiċi miftiehma li ġew stabbiliti, madwar Novembru jew Diċembru 1990, bejn l-erba’ produtturi Daniżi, li sussegwentement ġew estiżi għal swieq nazzjonali oħrajn, bil-parteċipazzjoni sussegwenti ta’ Pan-Isovit u Henss/Isoplus, u li wasslu biex jikkostitwixxu, sa l-aħħar ta’ l-1994, akkordju ġenerali li jkopri s-suq komuni kollu.

It-tul ta’ żmien tal-ksur kien skond kif ġej:

–        fil-każ ta’ [...] Løgstør, […]: bejn wieħed u ieħor minn Novembru-Diċembru 1990, u ta’ mill-inqas sa Marzu jew April 1996,

[...]

Il-karatteristiċi prinċipali ta’ l-akkordju kienu:

–        it-tqassim bejn il-produtturi tad-diversi swieq nazzjonali, u sussegwentement tas-suq Ewropew kollu, permezz ta’ sistema ta’ kwoti,

–        l-assenjazzjoni ta’ swieq nazzjonali lil ċerti produtturi u l-organizzazzjoni ta’ l-irtirar tal-produtturi l-oħrajn,

–        l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodott u ta’ kull proġett,

–        l-assenjazzjoni ta’ proġetti lil produtturi magħżula għal dan l-iskop u l-manipulazzjoni tal-proċeduri ta’ sottomissjoni għal sejħiet għall-offerti, bl-iskop li l-kuntratti in kwistjoni jiġu assenjati lil dawn il-produtturi,

–        sabiex jiġi protett l-akkordju kontra l-kompetizzjoni mill-unika impriża sinjifikanti li ma kinitx tagħmel parti minnu, Powerpipe […], l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ miżuri miftiehma intiżi sabiex ifixklu l-attività kummerċjali tagħha, jikkawżaw ħsara lit-tmexxija bla tfixkil tan-negozju tagħha jew sabiex purament u sempliċement jeliminawha mis-suq.

[...]

Artikolu 3

Dawn il-multi ġew imposti fuq l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1, minħabba l-ksur ikkonstatat fl-imsemmi Artikolu:

[...].

g)      [Løgstør], multa ta’ ECU 8 900 000;

[...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti b’ittra tat-12 ta’ Novembru 1998, li hija rċevietha l-ġurnata ta’ wara.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Jannar 1999, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

18      Sebgħa mid-disgħa impriżi l-oħra li kienu meqjusin bħala responsabbli għall-ksur ressqu huma wkoll rikors kontra d-Deċiżjoni (kawżi T-9/99, T-15/99, T-16/99, T-17/99, T-21/99, T-28/99 u T-31/99).

19      Fuq rapport ta’ l-Imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-partijiet jirrispondu għal xi domandi bil-miktub u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet.

20      Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta pubblika li nżammet fil-25 ta’ Ottubru 2000.

21      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata in kwantu din hija indirizzata lilha;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

22      Il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

23      Fis-sustanza r-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ prinċipji ġenerali u żbalji ta’ fatt fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa. Fl-aħħar nett, il-ħames motiv huwa bbażat fuq livell eċċessiv tar-rata ta’ interessi applikata għall-multa f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament immedjat.

I –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat

A –  Fuq il-mekkaniżmu ta’ kumpens fil-kuntest ta’ l-akkordju Daniż

1.     L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni wettqet żball meta, fil-premessa 35 tad-Deċiżjoni tagħha, sostniet li, fit-tmien tas-sena 1991, hija kienet ipparteċipat f’mekkaniżmu ta’ kumpens. Wara t-talba ta’ Tarco għal kumpens għall-parti tas-suq li l-istess Tarco kienet tilfet, ir-rikorrenti kienet ipproponiet biss li tirtira, in favur ta’ Tarco, offerta magħmula fis-suq Islandiż li hija kienet taf li kienet diġà rrifjutata mill-klijent Islandiż. Għalkemm ġew diskussi mekkaniżmi oħra ta’ kumpens, finalment ir-rikorrenti ma għamlet ebda pagament lil Tarco. Dan juri li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tipparteċipa f’sistema ta’ kumpens u li hija ma kinitx de facto ipparteċipat fiha.

25      Il-konvenuta tosserva li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti huma insuffiċjenti, peress li hija tammetti li kienet idduskutiet kumpensi ma’ Tarco u pproponiet li tirtira ruħha minn proċedura ta’ l-aġġudikazzjoni. L-argument fejn jingħad li ma tħallas l-ebda kumpens monetarju ma jikkontradixxix l-analiżi magħmula tas-sistema ta’ kumpensi fid-Deċiżjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

26      Jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni, fil-premessa 35 tad-Deċiżjoni tagħha, issostni li għal dak li jikkonċerna l-akkordju fuq is-suq Daniż, m’hemmx dubju li mekkaniżmu ta’ kumpens ġie implementat fi tmiem is-sena 1991, iżda li l-modi eżatti tal-kumpens jibqgħu vagi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, minn banda, tirreferi għad-dikjarazzjonijiet ta’ Tarco, fejn jingħad li l-ħlasijiet tal-kumpens kienu saru bi flus kontanti u permezz ta’ fatturi magħmula għal kunsinni fittizji ta’ pajpijiet, u mill-banda l-oħra, għar-risposta tar-rikorrenti tat-2 ta’ Ottubru 1997 għat-talba għal informazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1997, fejn jingħad li talba għal kumpens ta’ Tarco kienet ġiet sodisfatta billi ttieħdu in kunsiderazzjoni ordnijiet li r-rikorrenti kienet diġà għamlet mingħand Tarco u bir-rinunzja tagħha, favur Tarco, għall-parteċipazzjoni tagħha fi proġett konġunt fl-Iżlanda (it-tieni paragrafu tal-premessa 35 tad-Deċiżjoni). Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li, kienet x’kienet il-proċedura eżatta tas-sistema ta’ kumpens fl-1991, kien ġie miftiehem li, għall-1992, kellha tapplika sistema ġdida, fejn l-ishma mis-suq in eċċess tal-kwoti jiġu “rkuprati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jerġgħu jiġu assenjati lill-produtturi li ma jilħqux il-kwota stabbilita (it-tielet pargrafu tal-punt 35 tad-Deċiżjoni).

27      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti rrikonoxxiet li, waqt diskuzzjonijiet ma’ Tarco wara t-talba ta’ l-istess Tarco għal kumpens għall-proġetti li hija tilfet, hija rnexxielha tissodisfa din it-talba billi ddikjarat li hija kienet ser tirtira l-offerta tagħha għal proġett Islandiż.

28      Issa, anke jekk ir-rikorrenti kienet taf li, fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx ser tingħata dan il-proġett u anke jekk, wara d-diskussjonijiet ma’ Tarco, ma sar ebda pagament, ma jistax jiġi kkontestat li r-rikorrenti rrinunzjat għal proġett favur Tarco sabiex tissodisfa talba għal kumpens li kienet ibbażata fuq il-mekkaniżmu elaborat fi ħdan l-akkordju.

29      Konsegwentement, il-Kummissjoni affermat ġustament li, anke jekk il-modi eżatti tal-kumpens jibqgħu vagi, ġie ppruvat li kien ġie implementat mekkaniżmu ta’ kumpens.

30      Għaldaqstant, l-ilment magħmul mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq l-eżistenza ta’ akkordju kontinwu bejn l-1990 u l-1996

31      Ir-rikorrenti tikkontesta li hija pparteċipat fi ksur ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat matul perijodu kontinwu “minn Novembru-Diċembru 1990, u ta’ mill-inqas sa Marzu jew April 1996” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond ir-rikorrenti, kien hemm żewġ akkordji separati, l-ewwel wieħed limitat għas-suq Daniż, minn Jannar 1991 sa April 1993, u t-tieni wieħed, li kien jestendi għas-suq Ewropew, minn Marzu 1995 sa Novembru jew Diċembru 1995 u, għal dak li jikkonċerna lid-Danimarka u l-Ġermana, ikkompletat b’kooperazzjoni b’effett minn tmiem is-sena 1994 u b’mod sporadiku, sa Marzu 1996.

32      L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti relattivi għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-attivitajiet ta’ l-akkordji, barra mis-suq Daniż, għall-perijodu 1990-1993, u sussegwentement, l-argumenti relattivi għas-sospensjoni tal-parteċipazzjoni tagħha, fl-1993, kif ukoll għall-ħolqien ta’ akkordju Ewropew, b’effett mis-sena 1995, u fl-aħħar nett, l-argumenti relattivi għad-dewmien u għan-natura kontinwa ta’ l-akkordju.

1.     Fuq il-parteċipazzjoni fl-akkordju barra mis-suq Daniż għall-perijodu 1990-1993

–       L-argumenti tal-partijiet

33      Ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm, matul il-perijodu 1991-1993, saru numru ta’ tentattivi mill-impriżi kkonċernati sabiex iwasslu għal kooperazzjoni fil-Ġermanja, dawn it-tentattivi ma seħħewx b’suċċess u l-kompetizzjoni ma ġietx distorta matul dan il-perijodu. Ir-rikorrenti ma xtaqet ebda ftehim ta’ tqassim tas-suq għaliex hija kien jidhrilha li kienet f’pożizzjoni li żżid sehemha mis-suq. Waqt laqgħat li fihom hija kienet preżenti, hija kienet adottat attitudni passiva, mingħajr ma ntrabtet bl-ebda mod.

34      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma pparteċipatx fi ftehim fuq iż-żieda tal-prezzijiet għas-sena 1991, inklużi l-prezzijiet fis-swieq għall-esportazzjoni. Il-Kummissjoni kienet żbaljata meta invokat, f’dan ir-rigward, in-nota meħuda waqt il-laqgħa tat-22 ta’ Novembru 1990 tas-sottokumitat tal-kunsill Daniż għat-Tisħin Urban (assoċjazzjoni li m’għandhiex x’taqsam mal-akkordju), peress li ż-żieda fil-prezzijiet imħabbra mill-produtturi f’dik l-okkażjoni kienet ġiet deċiża unilateralment. F’dak li jikkonċerna ż-żieda fil-prezzijiet tar-rikorrenti li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Novembru 1990, dan jirriżulta mill-fatt li l-prezzijiet il-ġodda kienu diġà ġew ippubblikati, qabel dik il-laqgħa. Il-produtturi ma setgħux “jikkoordinaw” iż-żidiet fil-prezzijiet li kienu diġà ġew deċiżi minn kull wieħed minnhom. Id-dikjarazzjoni ta’ Tarco f’sens ieħor, li fuqhom qegħda tibbaża ruħha l-Kummissjoni, huma żbaljati. Barra minn hekk, il-persuna li ffirmat din id-dikjarazzjoni ma kinitx tifforma parti mill-persunal ta’ Tarco dak iż-żmien u ma kinitx preżenti fil-laqgħa.

35      Matul il-perijodu 1991-1993, l-uniku ksur barra mis-suq Daniż inħoloq bi ftehim li jirrigwarda l-Ġermanja u li kien intiż li jżid il-listi ta’ prezzijiet gross b’effett mill-1 ta’ Jannar 1992 u bi ftehim ta’ kooperazzjoni fl-Italja, fl-14 ta’ Ottubru 1991, li jirrigwarda l-proġett ta’ Turin. Il-ftehim fuq il-listi ta’ prezzijiet gross kien ġie konkluż biss fil-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991. Waqt din il-laqgħa, madankollu, ebda ftehim ma kien ġie konkluż fuq il-listi ta’ prezzijiet gross u lanqas fuq programm ta’ laqgħat mensili. Il-ftehim fuq il-listi ta’ prezzijiet gross probabbilment ma kellu ebda effett dirett fuq is-suq Ġermaniż, peress li r-rikorrenti kienet tbiegħ f’dak is-suq permezz ta’ distributur indipendenti li kien jiffissa l-prezzijiet finali proprji tiegħu u peress li ż-żidiet fil-prezzijiet konformi mal-listi kienu kkumpensati bi skontijiet mogħtija mir-rikorrenti lid-distributur Ġermaniż tagħha. Fir-rigward tal-proġett ta’ Turin, kien hemm okkażjoni iżolata ta’ kooperazzjoni, mingħajr ebda effett fuq is-suq.

36      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma pparteċipatx fi ftehim li jikkonċerna t-tqassim tas-suq Ġermaniż għall-1994, kif tafferma l-Kummissjoni fil-premessi 50 u 51 tad-Deċiżjoni. Hija ma tiftakarx li ħadet sehem fil-laqgħat li nżammu f’Kopenħagen fit-30 ta’ Ġunju 1993 u fi Zurich fit-18 jew 19 ta’ Awwissu 1993, kif huma deskritti fil-premessi 49 u 50 tad-Deċiżjoni. Hija lanqas ma ftehmet fuq ir-redazzjoni ta’ lista ta’ prezzijiet uniformi jew fuq il-preparazzjoni ta’ sistema ta’ sanzjonijiet. Id-dokument li l-Kummissjoni ppreżentat bħala prova tal-kontenut ta’ dak il-ftehim, li jinsab fl-Anness 7 ta’ l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, mhuwiex ħlief proposta ta’ ABB li iktar tard kienet ġiet ippreżentata lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ ABB”). Ir-rifjut min-naħa tar-rikorrenti li tiffirma dak il-ftehim ma jikkuntrastax ma’ l-aċċettazzjoni tagħha li ssir verifika minn awdituri Żvizzeri ordnati mill-membri tal-ftehim sabiex jinkisbu ċifri fuq id-daqs globali tas-suq Ġermaniż, u lanqas mal-fatt li Pan-Isovit kellha l-impressjoni li r-rikorrenti kienet tixtieq ftehim. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet aġixxiet taparsi li kienet interessata li jintlaħaq ftehim b’kundizzjonijiet li hija kienet taf li kienu inaċċettabbli għall-impriżi Ġermaniżi tal-ftehim. Matul laqgħa qasira, fit-8 ta’ Settembru 1993, li għaliha r-rikorrenti kienet attendiet, hija kienet iddikjarat li ma kinitx tixtieq tikkonkludi l-ebda ftehim f’dak li jikkonċerna s-suq Ġermaniż. Waqt laqgħa fid-29 ta’ Settembru 1993, hija kienet irrifjutat għal darba oħra li taċċetta l-proposta ta’ ABB. Minn dan, ir-rikorrenti tikkonkludi li hija mhux biss irrifjutat li taċċetta ftehim ta’ tqassim tas-suq fil-Ġermanja, iżda, għall-kuntrarju, ostakolat it-tentattivi biex jintlaħaq tali ftehim.

37      Skond ir-rikorrenti, is-sempliċi parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat li għandhom għan antikompetittiv ma tistax twassal għal responsabbiltà bħala parteċipanti fl-akkordju, peress li f’diversi okkażjonijiet hija kienet spjegat lill-parteċipanti l-oħra li hija ma kinitx interessata fil-kooperazzjoni kkontemplata, u għaldaqstant tbegħdet “pubblikament” mill-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew waqt il-laqgħat. Barra minn hekk, dawn id-diskussjonijiet qatt ma wasslu għal xejn u ma kellhom ebda effett fuq is-suq.

38      Il-konvenuta tosserva li, f’dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni barra mid-Danimarka bejn l-1991 u l-1993, kien ġie konkluż ftehim espress, l-ewwel fost il-produtturi Daniżi, fuq żieda fil-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni fil-bidu tas-sena 1991, u mbagħad, fuq żieda fil-prezzijiet fil-Ġermnja b’effett minn Jannar 1992, fuq l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-proġetti fl-Italja u fuq is-sistema ta’ kwoti f’termini ta’ ishma mis-suq għas-sena 1994. Dawn il-ftehim ma jistgħux jiġu meqjusin bħala avvenimenti iżolati. Fil-fatt, ir-rikorrenti pparteċipat f’diversi laqgħat regolari fil-kuntest ta’ ftehim li, b’effett mill-ħarifa 1991, kien estenda l-kooperazzjoni formali tal-produtturi Daniżi għas-suq Ġermaniż.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39      Skond ġurisprudenza stabbilita, meta impriża tipparteċipa, anke jekk ma tieħux sehem attiv, f’laqgħat bejn impriżi li jkollhom għan antikompetittiv u meta ma titbiegħedx pubblikament mill-kontenut ta’ l-istess laqgħat, u b’hekk tagħti x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija taqbel mar-riżultat tal-laqgħat u li ser tikkonforma ruħha miegħu, jista’ jiġi meqjus li hija pparteċipat fil-ftehim li jirriżulta minn dawk il-laqgħat (ara sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 232, ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907, punt 98, u tas-6 ta’ April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra p. II-791, punti 85 u 86).

40      F’dan il-kuntest, f’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ Ottubru 1991 sa Ottubru 1993, jeħtieġ li jiġu evalwati l-provi miġbura mill-Kummissjoni u l-konklużjonijiet li hija siltet minnhom, fil-premessi 38 et seq tad-Deċiżjoni.

41      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet korretta li, fil-premessi 31, 38 u 135 tad-Deċiżjoni, ikkonkludiet li r-rikorrenti pparteċipat fiż-żidiet miftehma mill-produtturi Daniżi fil-prezzijiet tagħhom fis-swieq ta’ l-esportazzjoni.

42      Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax li hija pparteċipat fil-laqgħa tat-22 ta’ Novembru 1990, li l-minuti tagħha (Anness 19 tas-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet) fihom lista ta’ żidiet fil-prezzijiet, li għal kull produttur Daniż isemmu persentaġġ wieħed jew tnejn akkumpanjat b’data, kemm taħt kolonna intitolata “Danimarka” kif ukoll taħt kolonna intitolata “Esportazzjoni”. Il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fuq l-imsemmi dokument, fejn hija ssostni li l-parteċipanti f’dik il-laqgħa kienu ftehmu li jikkoordinaw żieda fil-prezzijiet tagħhom għas-swieq ta’ l-esportazzjoni, hija kkorroborata bid-dikjarazzjoni magħmula minn Tarco li tgħid li l-parteċipanti f’dik il-laqgħa ftehmu fuq żidiet ippjanati fil-listi ta’ prezzijiet tagħhom kemm fir-rigward tal-bejgħ nazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni (risposta ta’ Tarco għat-talba għal informazzjoni tas-26 ta’ April 1996, iktar ’il quddiem ir-“risposta ta’ Tarco”).

43      Ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni billi tafferma li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ma ġewx “miftehma” waqt il-laqgħa msemmija. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni llimitat ruħha tikkonstata li l-produtturi Daniżi “”kkoordinaw” ż-żidiet tagħhom fil-prezzijiet għall-esportazzjoni, fatt li jimplika li l-parteċipanti ftehmu, ta’ l-inqas, fuq il-mod kif għandhom isiru ż-żidiet fil-prezzijiet ikkontemplati, mingħajr madankollu ma sostniet li l-parteċipanti, waqt il-laqgħa in kwistjoni, ftehmu wkoll fuq il-prinċipju jew fuq il-persentaġġ eżatt taż-żidiet fil-prezzijiet. Mill-minuti tal-laqgħa tat-22 ta’ Novembru 1990 jirriżulta li l-parteċipanti, fi kwalunkwe każ, ħabbru d-dati li fihom kellhom jgħollu l-prezzijiet kif ukoll, jekk ikun il-każ, iż-żmien previst għal din iż-żieda. Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet intitolata tikkonstata żieda miftehma fil-prezzijiet.

44      L-argument tar-rikorrenti li hija kienet diġà ppubblikat lista ta’ prezzijiet li kienu żdiedu diġà qabel il-laqgħa tat-22 ta’ Novembru 1990 mhuwiex rilevanti. Minn banda, fil-fatt, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx safejn il-lista ta’ prezzijiet ippubblikata, bid-Daniż, fit-12 ta’ Novembru 1990 kienet tapplika wkoll għall-esportazzjoni, peress li, waqt il-laqgħa tat-22 ta’ Novembru 1990, kienet inħasset il-ħtieġa li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni jiġu ttrattati separatament mill-prezzijiet għas-suq Daniż. Mill-banda l-oħra, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-lista (it-12 ta’ Novembru 1990) tikkorrispondi għal data msemmija fil-minuti tal-laqgħa tat-22 ta’ Novembru 1990 għaż-żieda fil-prezzijiet tar-rikorrenti għas-suq Daniż, mentri ż-żidiet l-oħra kollha mħabbra fil-kolonna intitolata “Esportazzjoni” kellhom jidħlu fis-seħħ f’data sussegwenti (l-1 ta’ Diċembru 1990 għal Dansk Rørindustri u l-1 ta’ Jannar 1991 għal Tarco u r-rikorrenti). Ir-rikorrenti ma tistax għalhekk tippretendi li hija żiedet il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni mingħajr ma kienet taf bl-intenzjoni tal-produtturi l-oħra li jaġixxu fl-istess sens.

45      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, b’kuntrast ma dak li ssostni r-rikorrenti, il-valur probatorju tar-risposta ta’ Tarco bl-ebda mhuwa affettwat bil-fatt li l-persuna li ffirmata ma kinitx preżenti fil-laqgħa tat-22 ta’ Novembru 1990, jew impjegata ma’ Tarco f’dak iż-żmien. Peress li r-risposta ngħatat għan-nom ta’ l-impriża bħala tali, hija għandha ċertu kredibbiltà li tisboq dik li jista’ jkollha r-risposta mogħtija minn membru ieħor tal-persunal tagħha, indipendentement mill-esperjenza jew l-opinjoni personali ta’ l-istess membru. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti ta’ Tarco, fir-risposta tagħhom, semmew espressament li din tirrappreżenta l-eżitu ta’ investigazzjoni interna li saret mill-impriża.

46      Fit-tieni lok, għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti tammetti li hija pparteċipat fi ftehim fuq żieda fil-prezzijiet gross fil-Ġermanja b’effett mill-1 ta’ Jannar 1992 u fi ftehim ta’ kooperazzjoni f’Ottubru 1991, li jirrigwarda l-proġett ta’ Turin.

47      F’dan ir-rigward, l-argument li l-ftehim in kwistjoni ma kellhomx effett fuq is-suq mhuwiex rilevanti. Bl-istess mod, l-argument li wara l-ftehim fuq iż-żieda fil-prezzijiet gross, fis-suq kien hemm kompetizzjoni ħajja li pprovokat tnaqqis fil-prezzijiet, huwa wkoll irrilevanti. Fil-fatt, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu, ladarba jidher li dan ta’ l-aħħar kellu bħala skop li jimpedixxi, joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496; tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 99, u Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 178; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T‑39/92 u T-40/92, Ġabra p. II-49, punt 87). Fir-rigward tal-ftehim fuq iż-żieda fil-prezzijiet gross fil-Ġermanja, jeħtieġ li jiġi rilevat li l-fatt li impriża li tipparteċipa ma’ impriżi oħrajn f’laqgħat li fihom jittieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tal-prezzijiet, ma tirrispettax il-prezzijiet iffissati, mhumiex ta’ natura tali li jikkonfutaw l-għan antikompetittiv ta’ dawk il-laqgħat u, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni ta’ l-impriża kkonċernata fil-ftehim, iżda jtendi jekk xejn li juri li hija ma implementatx il-ftehim in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’istanza tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 79).

48      Barra minn hekk, il-validità tad-Deċiżjoni ma tistax tiġi affettwata f’dak li jikkonċerna l-ftehim fuq iż-żieda fil-prezzijiet gross fil-Ġermanja mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li dan il-ftehim ma kienx inkluda l-elementi kollha msemmijin mill-Kummissjoni fit-tieni paragrafu tal-premessa 44 tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, l-elementi kruċjali tal-ftehim li, skond ir-risposta ta’ ABB ta’ l-4 ta’ Ġunju 1996 għat-talba għal informazzjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 (iktar ’il quddiem ir-“risposta ta’ ABB”), kienu ġew deċiżi, fil-prinċipju, waqt il-laqgħa tad-9 jew ta’ l-10 ta’ Ottubru 1991 jinstabu fin-noti qosra miktubin bl-idejn relattivi għal-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, li ttieħdu mir-rikorrenti (Anness 36 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet), li jsemmu, b’mod partikolari, “Lista ta’ prezzijiet minimi għall-klijenti”, “Prezz ex factory + 7 %”, “Laqgħa(t) mensili” u “Lista 13.1.92”. Anke jekk ftehim ġie konkluż biss fuq iż-żieda fil-prezzijiet gross, dan ma jinvalidax id-Deċiżjoni, peress li mit-tielet paragrafu tal-premessa 137 jirriżulta li l-Kummissjoni qieset bħala ftehim fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, għal dik l-epoka, biss il-ftehim dwar iż-żieda fil-prezzijiet fil-Ġermanja b’effett mill-1 ta’ Jannar 1992. Bl-istess mod, il-fatt li tali ftehim ġie konkluż waqt il-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991 u mhux waqt dik tad-9 jew ta’ l-10 ta’ Ottubru 1991 mhuwiex tali li jinvalida l-konklużjoni li l-Kummissjoni waslet għaliha minn dik is-serje ta’ laqgħat, senjatament li l-akkordju Daniż, li fih ipparteċipat ir-rikorrenti f’dak il-mument, intlaħaq f’xi żmien fil-ħarifa ta’ l-1991, bi ftehim fuq iż-żieda fil-prezzijiet gross fis-suq Ġermaniż. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li dan il-ftehim li, fi kwalunkwe każ, ġie konkluż l-iktar tard, f’Diċembru 1991, kien diġà s-suġġett ta’ diskussjoni waqt il-laqgħa tad-9 jew ta’ l-10 ta’ Ottubru 1991.

49      Fit-tielet lok, jidher li l-Kummissjoni pprovat debitament li r-rikorrenti, fi tmiem l-1993, kienet parti minn ftehim li jirrigwarda t-tqassim tas-suq Ġermaniż.

50      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li ABB irrikonoxxiet li, wara verifika li tistabbilixxi d-dħul ta’ kull produttur fl-1992, il-produtturi, fit-18 ta’ Awwissu 1993, waslu għal ftehim fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż skond l-ishma miskuba fl-1992, fuq il-preparazzjoni ta’ lista ġdida uniformi u fuq il-ħolqien ulterjuri ta’ sistema ta’ sanzjonijiet (risposta ta’ ABB). Skond ABB, in-negozjati fuq l-assenjazzjoni ta’ l-ishma mis-suq seħħew waqt il-laqgħat li nżammu fit-8 jew fid-9 ta’ Settembru 1993, f’Kopenħagen u, sussegwentement fi Frankfurt (risposta ta’ ABB).

51      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jikkonċerna l-verifika li tistabbilixxi d-dħul ta’ l-1992, l-espożizzjoni ta’ ABB tikkorrispondi mal-konklużjonijiet li wieħed għandu jasal għalihom minn nota ta’ ABB IC Møller tad-19 ta’ Awwissu 1993 (Anness 53 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet), li turi tabella li, għall-produtturi Daniżi kif ukoll għal Pan-Isovit u Henss/Isoplus, issemmi d-dħul mill-bejgħ u s-sehem mis-suq għall-1992 kif ukoll ċifra li tirrappreżenta s-sehem mis-suq previst għall-1994. Skond ABB, id-data fuq id-dħul mill-bejgħ u l-ishma mis-suq ta’ l-impriżi kkonċernati ngħatat minn ditta Żvizzera ta’ awdituri (risposta ta’ ABB ta’ l-4 ta’ Ġunju 1996). Ir-rikorrenti, fil-paġna 36 ta’ l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ammettiet li kienet saret verifika tal-bejgħ minn ditta Żvizzera ta’ awdituri. F’dak li jikkonċerna l-għan ta’ din il-verifika, il-kredibbiltà ta’ l-ispjegazzjoni mogħtija minn ABB ma tistax tiġi kkontestata bl-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-istess rikorrenti talbet biss verifika tal-bejgħ tad-distributur tagħha fil-Ġermanja sabiex tipprovdi data affidabbli dwar id-daqs totali tas-suq Ġermaniż. Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jikkontempla li impriża tikkollabora ma’ ditta ta’ awdituri li lilha hija tagħti ċ-ċifri tal-bejgħ tagħha bil-għan waħdieni li, imbagħad, hija tkun tista’ tiddetermina sehemha stess mis-suq fir-rigward tas-suq globali, meta l-impriżi l-oħra li aċċettaw l-istess verifika jixtiequ li l-informazzjoni kollha relattiva għas-sehem mis-suq tiġi kkomunikata lilhom.

52      Imbagħad, f’dak li jikkonċerna l-konklużjoni ta’ ftehim fil-prinċipju fuq it-tqassim tas-suq, it-teżi ta’ ABB, li tinsab fir-risposta tagħha, li l-impriżi ftehmu, f’Awwissu 1993, fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż, anke jekk l-ishma mis-suq eżatti ta’ kull parteċipant kien għau qiegħed jiġi nnegozjat f’laqgħa wara oħra, hija kkonfermata mhux biss mill-indikazzjonijiet ta’ l-ishma mis-suq ta’ l-1994 fin-nota ta’ ABB IC Møller, imsemmija iktar ’il fuq, imma wkoll b’nota tat-18 ta’ Awwissu 1993 ta’ Pan-Isovit (Anness 52 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet) u bil-proposta ta’ ABB, li flimkien juru li, f’Awwissu u f’Settembru 1993, kienu saru negozjati fuq l-assenjazzjoni ta’ l-ishma mis-suq fil-Ġermanja.

53      Minn banda, l-eżistenza ta’ dawn in-negozjati hija kkonfermata bin-nota tat-18 ta’ Awwissu 1993 imsemmija iktar ’il fuq, redatta minn Pan-Isovit għal kumpannija parent tagħha u li tirrigwarda żjara magħmula għand ir-rikorrenti, fit-3 ta’ Awwissu 1993, li minnha jirriżulta li Pan-Isovit ġiet infurmata li r-rikorrenti kienet “fil-prinċipju interessata fi ftehim fuq il-prezzijiet imma biss jekk sehem[ha] mis-suq [...] [kien] adegwat” u li hija “bi ftehim ma’ ABB, kienet qed tipprova tpoġġi lil Tarco taħt kontroll fid-Danimarka u fil-Ġermanja”.

54      Mill-banda l-oħra, dan jinsab ikkonfermat mill-proposta ta’ ABB li, f’dak li jikkonċerna t-tqassim mis-suq, f’Settembru 1993, ma kienx għad baqa’ x’jiġi diskuss ħlief l-ammont tal-kwoti individwali. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-proposta ta’ ABB, li tirrigwarda sistema ta’ tqassim tas-suq Ġermaniż ibbażata fuq il-verifika tad-dħul, il-pagamenti li jridu jsiru f’każ li jinqabżu l-kwoti assenjati u l-lista ta’ prezzijiet komuni, kienet ġiet riċevuta mir-rikorrenti, skond l-osservazzjonijiet ta’ l-istess rikorrenti wara d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, f’Settembru 1993 u kienet sostnuta minn Pan-Isovit u Henss/Isoplus. F’dak li jikkonċerna l-ishma mis-suq, jeħtieġ li jiġi osservat li l-persentaġġi ċċitatati f’dik il-proposta jikkorrispondu maċ-ċifri li jinsabu fin-nota ta’ ABB IC Møller, imsemmija iktar ’il fuq (“26” għal Pan-Isovit, “25” għal ABB Isolrohr, “12” għar-rikorrenti, “4” għal Dansk Rørindustri/Starpipe), bl-eċċezzjoni ta’ Tarco u Henss/Isoplus, li f’dan id-dokument, ġew assenjati “17” u “16” rispettivament mentri l-proposta ta’ ABB issemmi “17,7 %” u “15,3 %”. F’dak li jikkonċerna ż-żieda min-naħa ta’ Tarco, jeħtieġ li jiġi nnutat li ABB iddikjarat, fir-risposta tagħha, li ċ-ċifri għall-1994 li jinsabu fin-nota ta’ ABB IC Møller “jirriflettu l-ftehim konkluż waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Awwissu [1993] li bis-saħħa tiegħu dawn l-ishma mis-suq inżammu għall-1994, b’xi aġġustamenti żgħar wara d-diskussjonijiet li saru waqt dik il-laqgħa” u li, waqt il-laqgħa tat-8 jew tad-9 ta’ Settembru 1993, “l-għan tal-laqgħa jidher li kien li jsiru negozjati dwar l-assenjazzjoni ta’ l-ishma mis-suq wara r-rapport tad-[ditta ta’ awdituri Żvizzera]: Tarco, apparentement, insistiet li tiġi assenjata 18 % mis-suq Ġermaniż”. Fid-dawl tal-qbil bejn id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, minn banda, u ż-żieda fis-sehem ta’ Tarco proposta minn ABB, Pan-Isovit u Henss/Isoplus f’Settembru 1993 fil-konfront tas-sehem li ssemma f’Awwissu 1993 fin-nota ta’ ABB IC Møller, mill-banda l-oħra, jeħtieġ li jiġi konkluż li, fi tmiem il-laqgħat li nżammu fix-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 1993, kien jeżisti ftehim intiż li jaqsam is-suq Ġermaniż, anke jekk id-diskussjoni fuq il-kwoti kienet għadha għaddejja.

55      L-argument tar-rikorrenti li hija ma aċċettatx is-sistema fil-kundizzjonijiet proposti minn ABB huwa irrilevanti. Fil-fatt, is-serje ta’ laqgħat li fihom l-impriżi ltaqgħu biex jiddiskutu t-tqassim ta’ l-ishma mis-suq ma kinux ikunu possibbli kieku, dak iż-żmien, ma kienx hemm volontà komuni, fost il-parteċipanti f’dawk il-laqgħat, li jirrestrinġu l-bejgħ fis-suq Ġermaniż permezz ta’ assenjazzjoni ta’ ishma mis-suq lil kull operatur.

56      Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li, biex ikun hemm ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, huwa biżżejjed li l-impriżi in kwistjoni jkunu esprimew il-volontà komuni tagħhom li, fis-suq, iġibu ruħhom b’ċertu mod (ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112, tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86, sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 130; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, punt 120).

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni, mill-kontinwazzjoni tal-laqgħat fuq l-assenjazzjoni ta’ l-ishma mis-suq, f’Awwissu u f’Settembru 1993, ġustament iddeduċiet l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-parteċipanti f’dawk il-laqgħat li jirrigwarda, ta’ l-inqas, il-prinċipju ta’ tqassim tas-suq Ġermaniż.

58      Huwa minnu li l-Kummissjoni ma pprovatx li tali ftehim fil-prinċipju eżista f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ pagamenti li kellhom jitħallsu f’każ li jinqabżu l-kwoti assenjati u f’dak li jikkonċerna l-lista ta’ prezzijiet komuni. Madankollu, dan ma jistax jinvalida l-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni, u dan peress li mit-tielet paragrafu tal-premessa 137, jirriżulta li l-Kummissjoni, f’Awwissu 1993, ikkunsidrat bħala ftehim fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, biss il-ftehim fuq is-sistema ta’ kwoti f’termini ta’ ishma mis-suq.

59      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ftehim fil-prinċipju fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż, jeħtieġ li jiġi osservat li, f’dak li jikkonċerna l-laqgħat tat-30 ta’ Ġunju u tat-18 jew tad-19 ta’ Awwissu 1993, li hija ssostni li ma tiftakarhomx, il-preżenza tagħha fl-imsemmija laqgħat hija kkonfermata minn ABB fir-risposta tagħha, mentri f’dak li jikkonċerna l-laqgħa tat-8 jew tad-9 ta’ Settembru 1993, hija stess irrikonoxxiet li kienet preżenti għalihom.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, anke jekk ir-rikorrenti ma kinitx preżenti waqt il-laqgħat tat-30 ta’ Ġunju u tat-18 jew tad-19 ta’ Awwissu 1993, mill-atti jirriżulta li hija kienet madankollu, involuta fin-negozjati li għalihom kienu seħħew il-laqgħat. Minn banda, fil-fatt, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, billi, matul is-sajf ta’ l-1993, tat il-kunsens tagħha għal verifika tal-bejgħ tagħha fis-suq Ġermaniż, kienet ikkonformat ruħha mad-deċiżjoni li ttieħdet f’dan ir-rigward waqt il-laqgħa tat-30 ta’ Ġunju 1993. Mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li, waqt il-laqgħa ma’ ABB, f’Ġunju 1993, it-tqassim tas-suq Ġermaniż kien is-suġġett ta’ diskussjoni li fiha hija affermat li ma riditx taċċetta d-diviżjoni tas-suq imsemmi bejn l-impriżi Ġermaniżi, minn banda, u l-impriżi Daniżi, mill-banda l-oħra, li jkun inqas minn relazzjoni ta’ “60:40” għal dan is-suq (osservazzjonijiet fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet). Fl-istess ħin, diviżjoni bħal din kienet ikkontemplata minn ABB, skond in-nota ta’ l-istess ABB tat-2 ta’ Lulju 1993, li saret in preparazzjoni għal-laqgħa mar-rikorrenti (anness 48 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijijet), fejn ABB tafferma li r-rikorrenti riedet, fil-fatt, sehem ikbar mis-suq. Minn dan l-aħħar dokument kif ukoll minn nota ta’ Pan-Isovit tat-18 ta’ Awwissu 1993, jirriżulta li, anke jekk, qabel il-laqgħa tat-18 jew tad-19 ta’ Awwissu 1993, kien għad m’hemmx fthiem fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż, ir-rikorrenti kienet tagħmel parti mill-impriżi li kienu qed ifittxu li jilħqu ftehim.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax taħrab mir-responsabbiltà tagħha għall-ftehim fil-prinċipju fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż billi ssostni li, waqt il-laqgħa tat-8 jew tad-9 ta’ Settembru 1993, hija kienet iddikjarat li hija ma xtaqitx tikkonkludi eba ftehim fil-Ġermanja u li hija rrifjutat li taċċetta l-proposta ta’ ABB waqt laqgħa tad-29 ta’ Settembru 1993.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni tar-rikorrenti matul il-laqgħat tat-8 jew tad-9 u tad-29 ta’ Settembru 1993 ma kkostitwietx tbegħid pubbliku fil-konfront tal-ftehim fil-prinċipju fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż li kien is-suġġett tan-negozjati f’Awwissu u f’Settembru 1993. Huwa minnu li, għalkemm, finalment, il-ftehim fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż ma wassalx għal ftehim bil-miktub u, sussegwentement, waqa’ kompletament, dan huwa dovut, prinċipalment għall-komportament tar-rikorrenti, kif ġie rikonoxxut minn ABB fir-risposta tagħha. Madankollu, safejn f’mument minnhom, kien hemm konsensus fuq il-prinċipju tat-tqassim tas-suq Ġermaniż, ir-rikorrenti ma pprovatx suffiċjentement li, f’dak il-mument, hija ħadet pożizzjoni li kienet turi biċ-ċar lill-parteċipanti l-oħra fin-negozjati li hija kienet qegħda titbiegħed minn dak il-prinċipju ta’ tqassim. Fil-fatt, mid-dokumenti kollha deskritti fil-punti 52 sa 54 iktar ’il fuq, jirriżulta li matul ix-xahar ta’ Awwissu u Settembru, parteċipanti oħra, bħal Pan-Isovit u ABB, ma fehmux il-pożizzjoni tar-rikorrenti bħala li hija kienet qegħda titbiegħed mill-prinċipju ta’ tqassim tas-suq.

63      Bil-parteċipazzjoni fin-negozjati li seħħew f’Awwissu u f’Settembru 1993, partikolarment bil-preżenza tagħha fil-laqgħa tat-8 jew tad-9 ta’ Settembru 1993, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut ta’ l-istess laqgħa, ir-rikorrenti tat lill-parteċipanti l-oħra x’jifhmu li hija kienet qegħda taqbel mar-riżultati tal-laqgħa u li hija kienet ser tikkonforma ruħha magħhom, b’mod li jista’ jiġi meqjus bħala li ġie ppruvat li hija pparteċipat fil-ftehim li rriżulta minn dik il-laqgħa (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq).

64      Peress li l-Kummissjoni ma takkużax lir-rikorrenti li daħlet fi ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, fuq sistema ta’ pagamenti kompensattivi u lista ta’ prezzijiet komuni u lanqas ma ssostni li l-ftehim fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż ġie effettivament implementat fil-prattika, huwa għalxejn li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija opponiet li jiġi konkluż ftehim bil-mitkub fuq il-pagamenti kompensattivi u fuq il-lista ta’ prezzijiet komuni kif ukoll fuq il-fatt li l-ftehim fuq it-tqassim tas-suq ma ġiex implementat.

65      Mis-suespost jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-perijodu bejn Novembru 1990 u Settembru 1993, il-Kummissjoni pprovat għas-suffiċjenza tad-dritt il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim fuq iż-żieda fil-prezzijiet barra mid-Danimarka fl-1990, fuq iż-żieda fil-prezzijiet fil-Ġermanja b’effett mill-1 ta’ Jannar 1992, fuq l-iffissar tal-prezzijiet u fuq it-tqassim tal-proġetti fl-Italja u fuq is-sistema ta’ kwoti f’termini ta’ ishma mis-suq f’Awwissu 1993.

66      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha f’attivitajiet antikompetittivi, barra mis-suq Daniż, għall-perijodu 1990 sa 1993, għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju fl-1993 u l-parteċipazzjoni fl-akkordju mill-1994

–        L-argumenti tal-partijiet

67      Ir-rikorrenti ssostni li hija ħarġet mill-akkordju f’April 1993. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija żbaljata tafferma li f’dak iż-żmien, “il-waqa’ tal-prezzijiet fid-Danimarka kienet il-konsegwenza tar-rapporti ta’ saħħa fl-akkordju u mhux tas-soppressjoni ta’ l-istess akkordju.” L-irtirar tagħha mill-akkordju huwa kkorroborat minn diversi memoranda interni ta’ ABB, li jsemmu l-komportament tagħha “kuntrarju għall-akkordju” u “aggressiv” kif ukoll it-tibdil qawwi tat-tqassim tas-suq Daniż minħabba t-talba tar-rikorrenti għal sehem ikbar mis-suq.

68      F’dak li jikkonċerna l-Ġermanja qabel l-1994 u d-Danimarka mix-xahar ta’ April 1993 sas-sena 1994, l-importanza tan-nuqqas ta’ qbil fil-kuntest ta’ l-akkordju filwaqt li dawn kellhom bħala effett li r-rikorrenti tabbanduna l-akkordju fl-1993 m’għandhiex tiġi mnaqqsa. F’dak li jikkonċerna l-perijodu li jibda mill-1993 sal-1994, il-Kummissjoni ma pprovatx l-iċken paralleliżmu fil-komportament fis-suq rilevanti, li, għall-kuntrarju, kien ikkratterizzat minn gwerra ta’ prezzijiet.

69      Ir-rikorrenti ma tikkontestatx li hija pparteċipat f’laqgħat okkażjonali fl-1993 u fl-1994. Għaldaqstant, hija pparteċipat f’laqgħa ma’ ABB, fil-5 u 6 ta’ Lulju 1993, li fiha hija kienet ċaħdet il-proposti ta’ ABB intiżi għad-dħul mill-ġdid tagħha fl-akkordju. Madankollu, dik il-parteċipazzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-prova ta’ komportament parallel kontinwu matul il-perijodu kkontestat. Il-parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi kkonċernati f’laqgħat okkażjonali f’dak li jikkonċerna s-suq Ġermaniż biss hija irrilevanti in kwantu dawn l-impriżi kollha, u r-rikorrenti b’mod partikolari, kienu stabbilixxew l-attitudni tagħhom fis-suq rilevanti b’mod indipendenti. Għaldaqstant, sabiex tinġieb prova dwar prattika miftehma, mhuwiex biżżejjed li jkunu eżistew xi kuntatti, li fi tmiemhom impriżi ma jkunux ftehmu fuq it-tqassim tas-suq. Fil-fatt, is-sitwazzjoni fis-suq rilevanti matul is-snin ta’ qabel is-sena 1995 turi biċ-ċar li ma kienx hemm komportament parallel.

70      F’dak li jikkonċerna l-akkordju Ewropew, ir-rikorrenti tammetti li hija kienet preżenti għal-laqgħa tat-3 ta’ Mejju 1994, li fiha ġew diskussi l-prezzijiet fis-suq Ġermaniż, iżda hija tikkontesta li użat xi lista ta’ prezzijiet dak iż-żmien. Sussegwentement, hija ma tiftakarx li pparteċipat fil-laqgħa tat-18 ta’ Awwissu 1994 f’Kopenħagen u pparteċipat f’laqgħa multilaterali għall-ewwel darba biss fit-30 ta’ Settembru 1994. Madankollu, id-Deċiżjoni tindika b’mod żbaljat li kien hemm ftehim globali fuq it-tqassim tas-suq Ewropew mill-ħarifa ta’ l-1994. Kien biss mill-20 ta’ Marzu 1995 li ġie konkluż arranġament finali li jirrigwarda dan is-suq u kien biss madwar dik id-data li kien hemm tentattivi biex jiġi implementat dak il-ftehim. Fir-rigward tas-suq Ġermaniż, l-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ kuntatt, fis-7 ta’ Ottubru 1994, ma wasslet għal ebda ftehim. L-ewwel laqgħa li fiha kienet saret l-assenjazzjoni tal-proġetti individwali lill-parteċipanti kienet inżammet f’Jannar 1995. Fir-rigward tas-suq Daniż, ftehim formali għat-tqassim tas-suq kien għadu lanqas ma daħal fis-seħħ f’Marzu ta’ l-1995.

71      Skond il-konvenuta, ir-rikorrenti ma abbandunatx il-ftehim f’April 1993. Matul id-dewmien tal-ksur, hija kompliet tattendi għal-laqgħat regolari. Fil-fatt, it-theddid kollu li hija għamlet kien intiż sabiex tingħata kwota ikbar min-naħa ta’ ABB. Iktar minn hekk, hija attendiet il-laqgħat ta’ Awwissu 1993 u ta’ Settembru 1993 u, matul il-ħarifa ta’ l-1993 jew il-bidu ta’ l-1994, hija aċċettat li tikkontribwixxi għas-salarju tal-persuna ngaġġata minn Powerpipe, wara talba ta’ ABB.

72      Huwa inutli li r-rikorrenti tipprova turi li l-akkordju kien ġie sospiż fl-1993-1994 peress li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni stess, tammetti li, minkejja li l-parteċipanti fl-akkordju kienu qegħdin ikollhom kuntatt bilaterali, id-diversi arranġamenti kienu ġew sospiżi bejn it-tmiem tas-sena 1993 u l-bidu tas-sena 1994.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

73      L-argumenti tar-rikorrenti għandhom jinftehmu fis-sens li, wara l-allegat irtirar mill-akkordju, f’April 1993, kien biss minn Marzu 1995, wara l-konklużjoni ta’ ftehim finali fuq it-tqassim tas-suq Ewropew, li l-istess rikorrenti ħadet sehem fi ftehim jew fi prattika miftehma fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat.

74      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, b’kuntrast ma dak li ssostni r-rikorrenti, mit-tibdil ta’ l-akkordju Daniż, madwar ix-xahar ta’ April 1993, ma jistax jiġi konkluż li, f’dak iż-żmien, hija waqfet tipparteċipa f’attivitajiet antikompetittivi fis-settur tat-tisħin urban.

75      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anke jekk, minn Marzu jew April 1993, il-prezzijiet fis-suq Daniż bdew jitbaxxew u l-arranġamenti fuq l-assenjazzjoni tal-proġetti ma kinuex iktar rispettati, il-produtturi Daniżi kif ukoll Pan-Isovit u Henss/Isoplus komplew bin-negozjati fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż waqt il-laqgħat tat-30 ta’ Ġunju 1993 f’Kopenħagen, tat-18 jew 19 ta’ Awwissu 1993 fi Zurich u tat-8 jew tad-9 ta’ Settembru 1993 f’Kopenħagen u fi Frankfurt, li wasslu għal ftehim fil-prinċipju, f’Awwissu 1993, li ġie żviluppat sussegwentement waqt il-laqgħat f’Settembru 1993. Kif ġie osservat fil-punti 59 sa 63 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni pprovat għas-suffiċjenza tad-dritt li r-rikorrenti pparteċipat f’dawn in-negozjati, partikolarment bil-preżenza tagħha fil-laqgħa tat-8 jew tad-9 ta’ Settembru 1993.

76      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ġustament affermat, għaldaqstant, fil-premessa 37 tad-Deċiżjoni li, f’dak iż-żmien, l-inżul fil-prezzijiet fid-Danimarka kienet il-konsegwenza tar-rapporti ta’ saħħa f-akkordju u mhux tas-soppressjoni ta’ l-istess akkordju.

77      Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ wara t-tibdil tal-ftehim fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż, f’Settembru jew Ottubru 1993, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li, matul ċertu perijodu, l-attivitajiet antikompetittivi fis-suq ma kinux sinjifikattivi u fi kwalunkwe każ ma setgħux jiġu ppruvati.

78      Fil-fatt, fil-premessa 52 tad-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni affermat li f’dak iż-żmien, fi ftit xhur, kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet b’20 % fis-swieq nazzjonali prinċipali. Il-Kummissjoni osservat li l-produtturi, madankollu, komplew jiltaqgħu, anke jekk, matul ċertu perijodu, il-laqgħat multilaterali kienu ġew sostitwiti b’kuntatti bi u trileaterali. Skond il-Kummissjoni, jidher li huwa wisq probabbli li ABB, waqt dawn il-kuntatti, fittxet li tinnegozja arranġament ġdid, sabiex terġa ġġib l-“ordni” f’dawk is-swieq (il-ħames paragrafu tal-premessa 52 tad-Deċiżjoni). Skond id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ltaqgħat ma’ ABB, fit-28 ta’ Jannar, 23 ta’ Frar u 11 ta’ Marzu 1994, kif ukoll ma’ Tarco, fit-8 ta’ Jannar u 19 ta’ Marzu 1994 (is-sitt u s-seba’ paragrafu tal-premessa 52). Madankollu, f’dak li jikkonċerna din is-serje ta’ laqgħat, ma teżisti l-ebda informazzjoni, ħlief l-affermazzjoni tar-rikorrenti li Tarco kienet inutilment talbitha kumpens bħala kundizzjoni għan-“negozjati paċifiċi” (is-seba’ paragrafu tal-premessa 52 tad-Deċiżjoni).

79      Sussegwentement, fil-premessa 53 tad-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni rrilevat li l-laqgħat bejn is-sitt produtturi reġgħu bdew iseħħu fis-7 ta’ Marzu, fil-15 ta’ April u fit-3 ta’ Mejju 1994. Matul dawn il-laqgħat ta’ Marzu u ta’ April, id-diskussjonijiet kienu rrigwardaw b’mod partikolari ż-żidiet fil-prezzijiet, iżda ma jidhirx li dawn kienu konklużivi. Madankollu, wara l-laqgħa tat-3 ta’ Mejju 1994, li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti, ABB, Henss u Pan-Isovit, ġiet redatta lista ta’ prezzijiet li kellha sservi ta’ bażi għall-kunsinni kollha fis-suq Ġermaniż (l-ewwel paragrafu tal-premessa 54 tad-Deċiżjoni). Skond il-Kummissjoni, huwa probabbli li, waqt laqgħa bejn is-sitt l-ikbar impriżi u Brugg, fit-18 ta’ Awwissu 1994, ġie miftiehem li tiġi redatta lista ġdida komuni u li jiġu limitati l-iskontijiet għal ċertu livell (it-tielet paragrafu tal-premessa 56 tad-Deċiżjoni).

80      Minn dan jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna l-perijodu li jibda minn wara Settembru jew Ottubru 1993, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, anke jekk il-kuntatti bejn l-impriżi komplew, m’hemmx prova ta’ ftehim jew ta’ prattika miftehma fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat san-negozjati fuq żieda fil-prezzijiet għas-suq Ġermaniż. Fir-rigward ta’ dawn in-negozjati, fid-deċiżjoni ġie ammess li dawn wasslu għal ftehim biss wara l-laqgħa tat-3 ta’ Mejju 1994.

81      Bl-istess mod, il-Kummissjoni, fil-parti tad-deċiżjoni relattiva għall-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti, ikkunsidrat li kien hemm “sospensjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-arranġamenti ta’ l-akkordju. L-ewwel nett, waqt l-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur in kwistjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, anke jekk kien hemm kontinwità bejn l-akkordji Daniżi u Ewropej b’mod li kien hemm ksur wieħed u kontinwu, l-arranġamenti ġew sospiżi matul perijodu qasir (it-tielet paragrafu tal-premessa 145 tad-deċiżjoni). B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni f’dan ir-rigward, fit-tielet paragrafu tal-premessa 141 tad-Deċiżjoni semmiet li f’dak li jikkonċerna l-perijodu bejn Settembru 1993 sa Marzu 1994, “kull interruzzjoni setgħet tiġi kkunsidrata bħala sospensjoni ta’ l-arranġamenti u relazzjonijiet normali: il-produtturi mill-ewwel indunaw li ġlieda mtawwla għall-poter kienet tmur kontra l-interessi tagħhom u rritornaw għall-mejda tan-negozajti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Anke waqt l-evalwazzjoni tad-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat li “matul is-sitt xhur li għaddew bejn Ottubru 1993 u Marzu 1994, wieħed jista’ jgħid li l-arranġamenti kienu ġew sospiżi, anke jekk (fi kliem ABB) il-laqgħat bilaterali u trilaterali komplew isiru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “mix-xahar ta’ Mejju 1994, il-kollużjoni kienet reġgħet ġiet stabbilita fil-Ġermanja bl-applikazzjoni tal-lista għall-Ewropa kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-ewwel paragrafu tal-premessa 152 tad-Deċiżjoni).

82      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha, akkużatha li pparteċipat f’attività antikompetittiva għall-perijodu ta’ wara r-rifjut tagħha li tiffirma l-ftehim fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż, jiġifieri wara Settembru-Ottubru 1993, sa Marzu 1994.

83      Għal dak li jikkonċerna l-kontinwazzjoni ta’ l-akkordju, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li r-rikorrenti pparteċipat fi ftehim fuq lista ta’ prezzijiet għas-suq Ġermaniż, wara l-laqgħa li nżammet fit-3 ta’ Mejju 1994, u sussegwentement, mill-ħarifa 1994, fi ftehim fuq sistema ta’ kwoti għas-suq Ewropew.

84      L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-lista ta’ prezzijiet fis-suq Ġermaniż, jeħtieġ li jiġi osservat li, skond ir-risposta ta’ ABB, kien hemm lista ta’ prezzijiet li, wara l-laqgħa tat-3 ta’ Mejju 1994 f’Hanover, kellha tiġi użata għall-kunsinni kollha destinati għall-fornituri Ġermaniżi. Dan jinsab ikkonfermat bl-ittra ta’ l-10 ta’ Ġunju 1994 li biha Henss u d-diretturi tar-rikorrenti, ta’ ABB, ta’ Dansk Rørindustri, ta’ Pan-Isovit u ta’ Tarco ġew mistiedna mill-koordinatur ta’ l-akkordju għal laqgħa li kellha tinżamm fit-18 ta’ Awwissu 1994 (Anness 56 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet) u li tgħid:

“Il-laqgħa fuq is-sitwazzjoni tas-suq fl-RFA hija ffissata għad-data li ġejja:

Il-Ħamis 18 ta’ Awwissu 1994 fil-11am [...]

Peress li l-lista tad-9 ta’ Mejju 1994 mhix kompluta f’dak li jikkonċerna ċerti partijiet u li, minnħabba f’hekk, il-paraguni ta’ l-offerti involvew ċerti konfrontazzjonijiet u differenzi ta’ interpretazzjoni importanti, jiena ser nimla l-partijiet neqsin bil-lista hawn annessa.”

85      Minn din l-ittra jirriżulta li kien hemm lista ta’ prezzijiet li kellha tiġi applikata waqt is-sottomissjonijiet ta’ l-offerti u li kienet diġà ġiet implementata, minkejja li b’xi problemi. L-eżistenza ta’ din il-lista hija kkonfermata minn Tarco, fit-tieni risposta tagħha, iddatata l-31 ta’ Mejju 1996, għat-talba għal informazzjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, li ssemmi lista ta’ prezzijiet mibgħuta mill-koordinatur ta’ l-akkordju lid-diretturi “probabbilment f’Mejju 1994”. Skond ir-risposta ta’ ABB miżuri intiżi li “jtejbu” l-livell ta’ prezz fil-Ġermanja kienu ġew diskussi, sussegwentement, waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Awwissu 1994 f’Kopenħagen.

86      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ftehim fuq lista komuni ta’ prezzijiet, jeħtieġ li jiġi osservat li l-istess rikorrenti ammettiet li kienet preżenti waqt il-laqgħa tat-3 ta’ Mejju 1994, li fiha ġiet diskussa s-sitwazzjoni tal-prezzijiet fis-suq Ġermaniż u li, sussegwentement, intbagħtitilha effettivament lista ta’ prezzijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat bħala ppruvat li r-rikorrenti pparteċipat fil-laqgħa tat-18 ta’ Awwissu 1994, anke jekk quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ssostni li d-direttur tal-bejgħ tagħha kellu l-intenzjoni li jassistiha iżda li finalment spiċċa biex ma għamilx dan. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-preżenza ta’ rappreżentant tar-rikorrenti f’dik il-laqgħa ġiet ikkonfermata mhux biss mir-rikorrenti nnifisha, permezz tat-tabella ta’ vjaġġi professjonali magħmulin mid-direttur tal-bejgħ tagħha annessa mar-risposta tagħha ta’ l-25 ta’ April 1996 għat-talba għal informazzjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, imma wkoll bir-risposta ta’ ABB u minn Brugg (tabella li tinsab fl-Anness 2 tar-risposta ta’ Brugg tad-9 ta’ Awwissu 1996 għat-talba għal informazzjoni). Fid-dawl ta’ l-ittra ta’ stedina għal-laqgħa tat-18 ta’ Awwissu 1994, intiża għar-rikorrenti u li ssemmi l-lista ta’ prezzijiet li ntbagħtet lilha, il-Kummissjoni ddeduċiet korrettament il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fuq il-lista ta’ prezzijiet mill-preżenza tagħha għal-laqgħat tat-3 ta’ Mejju u t-18 ta’ Awwissu 1994.

87      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li hija qatt ma applikat tali ftehim, peress li l-fatt biss li impriża, li tipparteċipa ma’ oħrajn f’laqgħat li fihom jittieħdu deċiżjoni fir-rigward tal-prezzijiet, ma tirrispettax il-prezzijiet iffissati mhuwiex tali li jinvalida l-għan antikompetittiv ta’ dawk il-laqgħat u, konsegwentement, il-parteċipazzjoni fl-akkordju ta’ l-impriża kkonċernata, iżda l-iktar l-iktar juri li hija ma implementatx il-ftehim in kwistjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punt 47).

88      Imbagħad, f’dak li jikkonċerna l-ftehim fuq it-tqassim tas-suq Ewropew, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti tammetti li, waqt il-laqgħa tat-30 ta’ Settembru, u sussegwentement, waqt il-laqgħat l-oħra, fit-12 ta’ Ottubru u 16 ta’ Novembru 1994, diskussjoni rrigwardat it-tqassim tas-suq Ewropew, iżda hija ssostni li ntlaħaq ftehim biss f’Marzu 1995.

89      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni pprovat għas-suffiċjenza tad-dritt l-affermazzjoni tagħha li waqt il-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1994, ġie konkluż ftehim fil-prinċipju dwar l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kwoti globali għas-suq Ewropew, fejn iċ-ċifri preċiżi kellhom jiġu stabbiliti għal kull suq nazzjonali u l-implementazzjoni tagħhom fdata f’idejn il-laqgħat tal-gruppi ta’ kuntatt fuq skala inferjuri (ir-raba’ paragrafu tal-premessa 59 tad-Deċiżjoni).

90      Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett li ABB, fir-risposta tagħha, irrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ tqassim globali tas-suq Ewropew kien ġie deċiż diġà waqt il-laqgħa ta’ Settembru 1994, għalkemm it-tqassim ta’ l-ishma individwali kien ġie deċiż sussegwentement, waqt il-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 1994. Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1994, ir-rikorrenti, filwaqt li sostniet li ma kien ġie konkluż ebda ftehim u li dan kien jeħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ Brugg u ta’ produttur ieħor Ewropew, KWH, ammettiet li kien jeżisti konsensus sabiex titkompla l-proċedura, li kien ġie miftiehem li r-rikorrenti għandha tikkunsidra l-proposta ta’ ABB, li ABB iżżur l-impriżi kollha, inklużi KWH u Brugg, sabiex tasal għal soluzzjoni finali u li l-isma mis-suq jiġu stabbiliti jekk, u fil-mument li, ABB jirnexxilha ddaħal lil KWH fil-ftehim. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tannulla l-konklużjoni li l-Kummissjoni ġibdet mir-risposta ta’ ABB, li l-parteċipanti li ħadu sehem fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1994 kienu ftehmu fuq il-prinċipju tat-tqassim tas-suq Ewropew. Effettivament, billi inkarigaw lil ABB tilħaq ftehim ma’ l-impriżi involuti kollha, il-parteċipanti f’dik il-lagqħa wrew il-volontà komuni tagħhom li jikkoordinaw il-komportament tagħhom fis-suq billi jassenjaw l-ishma mis-suq lil kull operatur, anke jekk l-iffissar ta’ l-ishma ta’ kull wieħed minnhom kien jiddependi fuq l-ishma mis-suq eventwalment assenjati lil Brugg u lil KWH.

91      Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet intitolata tafferma li l-prinċipji tal-ftehim fuq it-tqassim tas-suq Ewropew kien ġie konkluż waqt il-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1994, anke jekk l-iffissar ta’ l-ishma individwali kellu jiġi deċiż biss iktar tard. F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, id-data ta’ l-20 ta’ Marzu 1995 ma tistax titqies bħala d-data li fiha l-assenjazzjoni ta’ l-ishma mis-suq Ewropew kienet, għall-ewwel darba, is-suġġett ta’ ftehim komuni, peress li, skond id-dikjarazzjonijiet konkordanti ta’ ABB, fir-risposta tagħha, u ta’ Pan-Isovit (risposta ta’ l-istess Pan-Isovit tas-17 ta’ Ġunjnu 1996 għat-talba għal informazzjoni), tali ftehim ġie konkluż waqt il-laqgħa tas-16 ta’ Novembru 1994.

92      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi osservat li peress li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim globali tat-tqassim tas-suq Ewropew ġiet ippruvata permezz tal-preżenza tagħha waqt il-laqgħat tat-30 ta’ Settembru, 12 ta’ Ottubru u tas-16 ta’ Novembru 1994, huwa irrilevanti li wieħed jargumenta li dak il-ftehim ġie implementat fid-diversi swieq nazzjonali biss ulterjorment, wara l-konklużjoni tal-ftehim fi ħdan il-gruppi ta’ kuntatt nazzjonali.

93      Mis-suespost jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda in kwantu huma intiżi li jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula fid-Deċiżjoni rigwardanti s-sospensjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju fi tmiem is-sena 1993, u l-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-istess akkordju mill-bidu tas-sena 1994.

94      Madankollu, jeħtieġ ukoll li tiġi eżaminata l-pożizzjoni tar-rikorrenti in kwantu hija tikkontesta wkoll l-evalwazzjoni tad-dewmien u tan-natura kontinwa tal-ksur.

3.     Fuq id-dewmien u n-natura kontinwa tal-ksur li bih hija akkużata r-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

95      Ir-rikorrenti tosserva li, peress li kien hemm żewġ akkordji separati, hija ma pparteċipatx fi ksur ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat matul perijodu kontinwu, “minn Novembru-Diċembru 1990, u ta’ mill-inqas sa Marzu jew April 1996” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri matul total ta’ 5 snin u 5 xhur. Mill-banda l-oħra, il-perijodu għandu jkun ta’ sentejn u 3 xhur f’dak li jikkonċerna l-akkordju Daniż inizjali, u f’dak li jikkonċerna l-akkordju Ewropew sussegwenti, skond il-pajjiżi, ta’ 4 sa 16 jew l-iktar 18-il xahar, fil-każ tal-Ġermanja.

96      In kwantu l-konvenuta ssostni li hija ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li “l-arranġamenti, fil-bidu, ma kinux kompluti u kellhom effett limitat barra mis-suq Daniż”, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ksur inqas estensiv kellu jwassal għall-konklużjoni li huwa inqas serju iktar milli ta’ inqas dewmien.

97      Il-konvenuta tosserva li l-akkordju kien ksur wieħed iktar milli serje ta’ arranġamenti multipli iżda distinti, li dam sar-rebbiegħa ta’ l-1996 u mhux sal-ħarifa ta’ l-1995 u lejn it-tmiem, kellu iktar effetti negattivi minn qabel.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

98      Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, id-dewmien tal-ksur li bih kienet akkużata r-rikorrenti jestendi “bejn wieħed u ieħor minn Novembru-Diċembru 1990, u ta’ mill-inqas sa Marzu jew April 1996.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

99      Iktar minn hekk, fir-raba paragrafu tal-premessa 153 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni “ssostni li għandha tikkonkludi li d-dewmien tal-parteċipazzjoni tad-diversi impriżi fil-ksur kien is-segwenti: a) ABB [ir-rikorrenti], Tarco u [Dansk Rørindustri]: beda lejn ix-xahar ta’ Novembru 1990, imbagħad infirex progressivament fil-Komunità kollha u baqa’ ta’ mill-inqas sa Marzu jew April 1996, salv għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, minn Ottubru 1993 sa madwar Marzu 1994, fejn l-arranġamenti kienu ġew sospiżi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

100    Jeħtieġ li jingħad li l-Kummissjoni kkalkulat korrettament id-dewmien tal-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti.

101    Fl-ewwel lok, ma jistax jiġi kkontestat li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti bdiet f’”Novembru-Diċembru 1990” fis-suq Daniż, u li l-istess rikorrenti waqfet tipparteċipa fl-akkordju Ewropew biss “f’Marzu jew April 1996” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn banda, fil-punti 42 sa 45 iktar ’il fuq, ġie stabbilit li r-rikorrenti, f’Novembru 1990, ħadet sehem fiż-żidiet fil-prezzijiet miftehma waqt laqgħa tat-22 ta’ Novembru 1990. Mill-banda l-oħra, f’dak li jikkonċerna t-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tirrikonoxxi li pparteċipat ukoll f’laqgħa tal-grupp ta’ diretturi, fl-4 ta’ Marzu 1996, u għal-laqgħat tal-grupp ta’ kuntatt Ġermaniż sal-25 ta’ Marzu 1996.

102    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li l-Kummissjoni kien imissha kkonstatat li kien hemm żewġ akkordji separati u kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju Daniż kien waqaf f’April 1993 u li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju Ewropew beda biss f’Marzu 1995. Fil-fatt, fil-punti 50 sa 65 u 84 sa 88 iktar ’il fuq, ġie kkonstatat li r-rikorrenti ħadet sehem ukoll fi ftehim fil-prinċipju fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż f’Awwissu jew f’Settembru 1993 u pparteċipat, sussegwentement, b’effett minn Mejju 1994, fil-ftehim fuq il-lista ta’ prezzijiet komuni fil-Ġermanja. Mill-premessa 153 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni, waqt l-evalwazzjoni tad-dewmien tal-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti, ħadet speċifikament in kunsiderazzjoni s-sospensjoni ta’ l-arranġamenti ta’ l-akkordju matul il-perijodu bejn madwar Ottubru 1993 sa madwar Marzu 1994.

103    Barra minn hekk, it-teħid in kunsiderazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-perijodu tas-sospensjoni ta’ l-akkordju huwa kkonfermat fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, mit-tielet paragrafu tal-premessa 175 tad-Deċiżjoni, jiriżulta li d-dewmien ikkunsidrat għall-finijiet tal-multa huwa identiku għal dak ikkunsidrat għal ABB. F’dak li jikkonċerna lil ABB, fil-premessa 170 tad-Deċiżjoni, jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-arranġamenti ġew sospiżi “bejn it-tmiem ta’ l-1993 u l-bidu ta’ l-1994” magħdud maċ-ċirkustanzi li l-arranġamenti, fil-bidu, ma kinux kompluti u kellhom effett limitat barra mis-suq Daniż u mal-fatt li l-arranġamenti laħqu l-aħjar forma biss bl-akkordju Ewropew milħuq fl-1994/1995, jifforma parti mill-fatturi li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni sabiex iżżid b’1.4 il-multa għal ksur li dam iktar minn ħames snin.

104    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-fatt li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju għandha titqies li reġgħet bdiet f’Mejju 1994 mentri d-Deċiżjoni ħadet in kunsiderazzjoni sospensjoni biss sa “madwar Marzu 1994” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mhuwiex tali li jinvalida l-evalwazzjoni tad-dewmien tal-ksur mill-Kummissjoni, u dan peress li mill-premessa 170 tad-Deċiżjoni jirriżulta li fi kwalunkwe każ, is-sospensjoni ta’ l-akkordju għal diversi xhur ma kienx ħlief fattur wieħed fost fatturi oħra meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-konsegwenzi tad-dewmien tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, b’mod li l-imsemmija konsegwenzi ma kinux jiddependu minn numru preċiż ta’ xhur li matulhom kienu sospiżi l-arranġamenti ta’ l-akkordju.

105    Fid-dawl tal-fatt li s-sospensjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-akkordju ġiet meħuda in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tad-dewmien ta’ l-akkordju, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tiġbed argument mill-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat l-akkordju in kwistjoni bħala ksur wieħed u kontinwu.

106    Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni, in kwantu kklassifikat l-akkordju in kwistjoni bħala ksur wieħed u kontinwu, ċaħdet l-argument imressaq matul il-proċedura amministrattiva, partikolarment mir-rikorrenti, fejn ingħad li l-akkordji “Daniżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienu kkostitwixxew żewġ ksur totalment distinti u indipendenti wieħed mill-ieħor. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni enfasizzat li kien jeżisti, malli beda l-akkordju fid-Danimarka, obbjettiv fuq medda ta’ żmien twil intiż sabiex il-kontroll jiġi estiż għas-suq kollu (it-tielet paragrafu tal-premessa 140 tad-Deċiżjoni), li, għall-perijodu bejn Settembru 1993 sa Marzu 1994, kull interruzzjoni setgħet tiġi kkunsidrata bħala sospensjoni ta’ l-arranġamenti u relazzjonijiet normali (it-tielet paragrafu tal-premessa 141 tad-Deċiżjoni) u li kien hemm kontinwità evidenti f’termini ta’ metodi u prattiċi bejn il-ftehim il-ġdid konkluż fi tmiem l-1994 għas-suq Ewropew kollu u l-arranġamenti preċedenti (l-ewwel paragrafu tal-premessa 142 tad-Deċiżjoni).

107    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, billi fid-Deċiżjoni kkunsidrat li l-akkordju Ewropew stabbilit fi tmiem l-1994 ma kienx ħlief kontinwazzjoni ta’ l-akkordju preċedenti bejn il-produtturi fis-suq tat-tisħin urban, ma qisitx li r-rikorrenti kienet ipparteċipat kontinwament f’akkordju għall-perijodu kollu bejn Novembru 1990 sa Marzu 1996. Din l-interpretazzjoni hija iktar meħtieġa peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament li “għalkemm il-ksur kien wieħed u kontinwu, l-intensità u l-effetti tiegħu varjaw fiż-żmien fuq il-perijodu kollu in kwistjoni: il-ksur estenda ruħu b’mod progressiv (minkejja ż-żmien qasir li fih l-arranġamenti kienu ġew sospiżi), mill-arranġamenti li jaffettwaw l-ewwel nett lid-Danimarka fl-1991 għal swieq oħra, sakemm, lejn l-1994, ikkostitwixxa akkordju panEwropew li jkopri kważi l-kummerċ kollu tal-prodott in kwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (it-tielet paragrafu tal-premessa 145 tad-Deċiżjoni).

108    Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-dewmien u n-natura kontinwa tal-ksur għandhom jiġu miċħuda.

109    Għaldaqstant, l-ilment dwar l-eżistenza ta’ akkordju kontinwu mill-1990 sal-1996 għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

C –  Fuq il-parteċipazzjoni fl-akkordju Ewropew f’dak li jikkonċerna s-suq Taljan

1.     L-argumenti tal-partijiet

110    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li f’dan ir-rigward, żbaljat meta ħadet in kunsiderazzjoni s-suq Taljan, li fih hija ma kinitx preżenti. Hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-ksur f’dan is-suq li twettaq mid-distributur lokali tagħha, Socologstor, u dan peress li hija għandha biss sehem ta’ 49 % f’din l-impriża.

111    F’dan ir-rigward, m’hemmx raġuni għalfejn wieħed għandu jittratta s-sitwazzjoni ta’ Socologstor b’mod differenti minn dik ta’ KE KELIT Kunststoffwerk GmbH (iktar ’il quddiem “KE KELIT”), li kienet ukoll distributriċi tal-prodotti tagħha, iżda li fuqha ġiet imposta multa separata. Anke jekk il-preżenza tar-rikorrenti f’laqgħat li jirrigwardaw is-suq Taljan setgħet tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma pprovatx li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li timponi l-volontà tagħha fuq Socologstor sabiex toħloq kwalunkwe restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni.

112    Il-konvenuta tirreferi għall-provi dwar l-assenjazzjoni ta’ kwoti għall-Italja lill-produtturi kollha, inkluża r-rikorrenti, kif ukoll għall-preżenza ta’ l-istess rikorrenti f’laqgħa tal-grupp ta’ kuntatt għall-Italja u waqt laqgħa oħra li tirrigwarda lill-istess pajjiż, fid-9 ta’ Ġunju 1995. Ir-rikorrenti ma kinitx tidħol fl-isbriga li tattendi għal-laqgħat imsemmijin kieku hija ma kellha ebda interess reali fl-Italja. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tibda proċeduri direttament kontra Socologstor ma jistax jiskolpa lir-rikorrenti mill-azzjonijiet imwettqa bl-akkordju fl-Italja.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

113    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija pparteċipat fl-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ kuntatt għall-Italja, fil-21 ta’ Marzu 1995 f’Milan, kif ukoll għal-laqgħa l-oħra fuq l-Italja, fid-9 ta’ Ġunju 1995 fi Zurich.

114    Barra minn hekk, minn ċerti noti miskuba mill-Kummissjoni mingħand l-impriżi in kwistjoni, jirriżulta li f’dak li jikkonċerna s-suq Taljan, ir-rikorrenti kienet involuta fl-assenjazzjoni ta’ kwoti u ta’ proġetti (Annessi 64, 111 u 188 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet); fatt li huwa wkoll ikkonfermat minn Pan-Isovit (risposta ta’ l-istess Pan-Isovit tas-17 ta’ Ġunju 1996 għat-talba għal informazzjoni).

115    Konsegwentement, jeħtieġ li jingħad li l-Kummissjoni kellha biżżejjed provi biex tikkonstata li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju Ewropew kienet testendi wkoll għas-suq Taljan, mingħajr il-bżonn li jiġi evalwat safejn ir-rikorrenti setgħet tikkontrola l-komportament tad-distributur tagħha f’dan is-suq.

116    L-ilment li għamlet ir-rikorrenti għandu għalhekk jiġi miċħud.

D –  Fuq il-kooperazzjoni dwar l-istandards ta’ kwalità

1.     L-argumenti tal-partijiet

117    Ir-rikorrenti tafferma li hija ma pparteċipatx fil-ksur li bih ġew akkużati l-produtturi ta’ pajpijiet li jikkonsisti fl-użu ta’ l-istandards ta’ kwalità biex jinżammu l-prezzijiet f’ċertu livell u biex tiġi ttardjata l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda iktar ekonomiċi. Mill-banda l-oħra, hija kienet il-vittma ta’ dak il-komportament, li kien dirett primarjament kontra t-teknoloġija żviluppata minnha.

118    F’dan ir-rigward, il-konvenuta ssostni żbaljatament li dak il-ksur ma jiffurmax parti mill-komportament sanzjonat bid-Deċiżjoni. Fil-fatt, għalkemm dak il-ksur ma kienx inkluż fost il-“karatteristiċi prinċipali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-ksur, id-Deċiżjoni, fil-premessa 2 tagħha, tipprovdi li dak il-komportament jikkostitwixxi ksur separat, attribwit b’mod partikolari lir-rikorrenti. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jsemmi espliċitament il-motivazzjoni mogħtija f’partijiet oħra fid-Deċiżjoni sabiex jiddefinixxi l-ksur in kwistjoni.

119    Il-konvenuta tosserva li d-Deċiżjoni fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv, ma ssemmix l-użu ta’ standards ta kwalità fost il-karatteristiċi prinċipali tal-ksur. Il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti, li għandha teknoloġija iktar effiċjenti, kinitx vittma ta’ kooperazzjoni f’dak li jikkonċerna l-istandards ta’ kwalità għandha tiġi eżaminata waqt l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attentwanti meħudin in kunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

120    Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ standards ta’ kwalità sabiex jinżamm ċertu livell ta’ prezzijiet u tiġi ttardjata l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda iktar ekonomiċi jissemma fost il-karatteristiċi tal-ksur in kwistjoni kif iċċitati fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni. Iktar tard fid-Deċiżjoni, fil-premessi 113 sa 115, hija u teżamina r-rwol ta’ l-assoċjazzjoni professjonali “European District Heating Pipe Manufacturers Association” (iktar ’il quddiem il-EuHP”) fl-akkordju, il-Kummissjoni ssemmi l-intenzjoni ta’ ABB li tuża l-istandards ta’ kwalità bħala mezz biex topponi l-użu min-naħa tar-rikorrenti ta’ proċess ta’ produzzjoni kontinwu li jippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u, konsegwentement, il-prezzijiet. Barra minn hekk, fl-aħħar inċiż tal-premessa 147 tad-Deċiżjoni, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ġġenerati mill-akkordju jissemma: “l-użu ta’ standards sabiex tiġi impedita jew ittardjata l-wasla ta’ teknoloġiji ġodda li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet (il-membri ta’ l-EuHP)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

121    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-kooperazzjoni dwar l-istandards ta’ kwalità mhix elenkata fost il-karatteristiċi prinċipali ta’ l-akkordju ċċitati fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata kif irrettifikata. Jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-verżjoni Daniża tad-Deċiżjoni li ġiet innotifikata lir-rikorrenti, fil-21 ta’ Ottubru 1998, fid-dispożittiv tagħha, kien fiha effettivament silta li ssemmi l-kooperazzjoni dwar l-istandards ta’ kwalità bħala waħda mill-karatteristiċi prinċipali ta’ l-akkordju. Issa, il-Kummissjoni, billi neħħiet preċiżament din is-silta mid-dispożittiv, b’deċiżjoni rettifikatorja tas-6 ta’ Novembru 1998, indikat biċ-ċar l-intenzjoni tagħha li ma tqisx dik il-kooperazzjoni bħala li tifforma parti mill-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti.

122    Anke jekk jibqa’ jkun hemm ċerta inkoerenza in kwantu, fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni, il-kooperazzjoni dwar l-istandards ta’ kwalità mhix elenkata fost il-karatteristiċi tal-ksur in kwistjoni, imma, madankollu, tinsab deskritta f’diversi okkażjonijiet fil-premessi tagħha, m’hemm l-ebda dubju, wara l-kjarifika li saret permezz tar-rettifika msemmija iktar ’il fuq, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma takkużax lir-rikorrenti li wettqet ksur ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat billi pparteċipat f’kooperazzjoni dwar l-istandards ta’ kwalità.

123    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni billi targumenta li hija ma pparteċipatx f’dik il-kooperazzjoni.

124    Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq l-azzjonijiet miftehma kontra Powerpipe

1.     L-argumenti tal-partijiet

125    Ir-rikorrenti tikkontesta kull affermazzjoni li tikkonċernaha, li hemm fid-Deċiżjoni, dwar l-azzjonijiet miftehma fil-konfront ta’ Powerpipe. Għalkemm hija kienet preżenti fil-laqgħat li fihom ġew diskussi l-azzjonijiet kontra Powerpipe, hija ma kienet implementat ebda azzjoni mifthema kontra l-istess Powerpipe.

126    Preliminarjament, ir-rikorrenti tippreċiża li l-laqgħa ta’ Billund ta’ Lulju 1992 u l-ingaġġar tad-direttur ġenerali ta’ Powerpipe, impriża Żvediża, seħħew qabel l-adeżjoni ta’ l-Iżvezja ma’ l-Unjoni Ewropea, fl-1 ta’ Jannar 1995. Konsegwentement, dawn il-fatti huma rilevanti biss in kwantu affettwaw il-kompetizzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea. Dan l-effett, jekk eżista, kien minimu.

127    Ir-rikorrenti kienet fil-fatt preżenti għal-laqgħa ta’ Billund bejn ABB, Powerpipe u hija stess, li fiha ABB tat twissija lil Powerpipe. Madankollu is-suġġett ta’ dik il-laqgħa kien li jiġi diskuss l-eventwali bejgħ ta’ Powerpipe lil ABB u/jew lir-rikorrenti u l-istess rikorrenti rtirat min-negozjati ma’ ABB fil-mument meta din indikat biċ-ċar l-intenzjoni tagħha li tagħlaq u taqsam lil Powerpipe.

128    Għal dak li jikkonċerna l-ingaġġar tad-direttur ġenerali ta’ Powerpipe, kien hemm għal ftit żmien il-ħsieb li jinfetaħ uffiċċju ta’ lobbying fi Brussell, u l-proposta ta’ ABB li din il-persuna tiġi ingaġġata konġuntement għal dan il-post dehret li kienet għażla tajba. Din il-kwistjoni qamet mill-ġdid biss iktar tard, probabbilment matul il-ħarifa ta’ l-1993 jew fil-bidu tas-sena 1994. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet taf bl-ingaġġ ta’ dan biss fil-mument li ABB ippreżentatilha l-fattura ta’ l-ispejjeż marbutin ma’ dan. Ir-rikorrenti fehmet li l-persuna in kwistjoni xtaqet titlaq minn ma’ Powerpipe u kienet hija stess ikkuntattjat lil ABB. Huwa f’dan il-kuntest li hija aċċettat li tħallas parti mill-ispejjeż marbutin mal-ingaġġar tagħha. Hija ma kienet konxja ta’ edba kampanja ta’ ABB intiża sabiex tingaġġa impjegati oħra ta’ Powerpipe u ma pparteċipatx f’dan l-eżerċizzju.

129    Hija ma tiċħadx li kienet ikkuntattjat lil Powerpipe fl-1994 sabiex tikkonvinċiha tirtira mill-proġett Neubrandenburg, wara li Henss għamlet pressjoni qawwija għal dan il-għan, u li ssuġġeriet lil Powerpipe ssib soluzzjoni amikevoli ma’ Henss/Isoplus. Madankollu, hija bl-ebda mod ma heddedt lil Powerpipe f’din il-konversazzjoni jew waqt it-tieni konversazzjoni telefonika.

130    Għal dak li jikkonċerna l-proġett Leipzig-Lippendorf, ir-rikorrenti tesponi li, minkejja l-fatt li fil-kuntest ta’ l-akkordju kien ġie miftiehem li dan il-proġett kellu jiġi assenjat lit-tliet produtturi Ġermaniżi, hija kienet iddeċidiet li tipprova takkwistah. Hija tippreċiża li hija kellha madankollu tordna lill-kumpannija sussidjarja Ġermaniża tagħha sabiex tirtira l-offerta sottomessa fil-kuntest ta’ dan il-proġett għall-pajpijiet ta’ 20 metru u li tissostitwiha b’offerta għall-pajpijiet ta’ 18-il metru. Fil-fatt, din l-ewwel offerta kienet teħtieġ investimenti sinjifikattivi fil-faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni tagħha li ma setgħux ikunu vijabbli. Kien bi żball li l-offerta l-ġdida ma ġiet sottomessa qatt. Peress li l-awtorità aġġudikatriċi ma kinitx kuntenta bl-irtirar ta’ l-ewwel offerta, in-negozjati tar-rikorrenti magħha kienu sussegwentement ġew interrotti.

131    Fir-rigward tal-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, ir-rikorrenti tosserva li, f’dak iż-żmien, safejn taf hi, l-awtorità aġġudikatriċi tal-Leipzig-Lippendorf kienet għadha ma ddeċidietx li tagħti dan il-proġett lil Powerpipe. Ir-rikorrenti ma kinitx preżenti matul l-ewwel parti ta’ dik il-laqgħa li fiha setgħet ġiet diskussa azzjoni kollettiva kontra Powerpipe. Matul il-parti tal-laqgħa li hija assistiet, Henss insistiet fuq il-kwistjoni ta’ azzjonijiet kollettivi. Madankollu ir-rikorrenti kienet stiednet lill-konsorzju tat-tliet produtturi Ġermaniżi jippruvaw jallinejaw ruħhom mal-prezzijiet ta’ Powerpipe u offritilhom ukoll li tfornihom b’pajpijiet, bħala subkuntrattur. Barra minn hekk, id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-inkapaċità teknika ta’ Powerpipe biex tissodisfa l-offerta, b’mod partikolari fit-termini previsti. Matul il-laqgħa, ir-rikorrenti kienet issuġġeriet lil ABB tispjega lill-awtorità aġġudikatriċi l-ħsara diġà kkaġunata lill-immaġni tat-tisħin urban in ġenerali li saret bl-għażla ta’ fornitur li mhuwiex kwalifikat biżżejjed għall-proġett ta’ Turin. L-approċċ ta’ ABB ma’ l-awtorità aġġudikatriċi ma kienx ta’ suċċess, peress li l-konsorzju ma xtaqx jallinja ruħu mal-prezzijiet ta’ Powerpipe. Kien biss f’April 1995 li r-rikorrenti ndunat li Powerpipe kienet ingħatat il-kuntratt.

132    Ir-rikorrenti ma kienet implementat ebda ftehim kontra Powerpipe. Safejn taf hi, l-istess kien japplika għall-produtturi l-oħra, bl-eċċezzjoni ta’ ABB u Isoplus. Dawn iż-żewġ impriżi, waqt il-laqgħa ta’ l-EuHP, fil-5 ta’ Mejju 1995, insistew li tinbeda azzjoni miftehma kontra Powerpipe sabiex din issibha diffiċli takkwista l-prodott. Peress li r-rikorrenti ma kinitx tipproduċi l-prodotti rikjesti mis-subkuntrattur tal-proġett Leipzig-Lippendorf, hija xorta waħda ma setgħetx tipprovdihom. Ma kienx hemm konferma ta’ ebda ftehim dirett kontra Powerpipe waqt il-laqgħa miżmuma fit-13 ta’ Ġunju 1995.

133    Fir-rigward tal-każ ta’ Lymatex, li hija subkuntrattur tar-rikorrenti, l-istess rikorrenti bl-ebda mod ma ordnatilha tikkaġuna ħsara lil Powerpipe. Dak iż-żmien, Lymatex kienet akkumulat ħafna ordnijiet b’lura fil-kunsinni ta’ joints lir-rikorrenti filwaqt li l-istess rikorrenti kellha l-obbligu kuntrattwali li tforni ruħha mingħand Lymatex għall-joints kollha li kellha bżonn fl-1995. B’kuntrast ma’ dak li ntqal fid-Deċiżjoni, fil-premessa 102, ir-rikorrenti kienet insistiet biss li Lymatex tirrispetta l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konront tagħha. Ir-rikorrenti ntbagħtilha abbozz ta’ ittra lil Powerpipe, fuq inizjattiva ta’ Lymatex, apparentament sabiex turi lir-rikorrenti li Lymatex kienet qed tipprova ssolvi l-problemi ta’ kunsinni tagħha, u r-rikorrenti qatt ma kkummentat fuqha.

134    Barra minn hekk, il-problema li kellha Powerpipe fl-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi kuntrattwali tagħha kienu dovuti minħabba l-komportament proprju tagħha. F’dak li jikkonċerna l-proġett Århus Kommunale Væerker (ÅKV), Powerpipe daħlet għal kuntratt mhux realistiku, li kien jimponilha l-obbligu, li kien impossibbli li tesegwixxi, li tforni b’mod partikolari, joints ta’ l-istess tip bħal dawk tar-rikorrenti, u dan f’terminu qasir. Kien minħabba n-nuqqassijiet ta’ Powerpipe fir-rigward tal-kunsinni li l-awtorità aġġudikatriċi ta’ dan il-proġett finalment annullat il-kuntratt. Għaldaqstant id-deċiżjoni li dan il-kuntratt jiġi annullat ġiet meħuda indipendentement mid-deċiżjoni ta’ Lymatex li ma tfornix iktar lil Powerpipe. Dan jinsab ikkorroborat mill-fatt li d-deċiżjoni li dawn il-kunsinni ta’ Powerpipe jiġu annullati ttieħdet fl-10 ta’ Mejju 1995, u allura l-istess ġurnata li fiha Lymatex infurmat lil Powerpipe li hija kienet taf bil-problemi temporanji tal-kunsinni u ma setgħetx taċċetta ordnijiet ġodda qabel Settembru 1995. Il-motivi għall-annullament tal-kuntratt mill-klijent ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-komportament tar-rikorrenti.

135    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma kellha ebda rwol fit-tentattivi ta’ evizzjoni ta’ Powerpipe mis-suq. Il-fatt li hija insistiet biex tikseb il-kunsinni mingħand Lymatex kien perfettament leġittimu u l-allegati effetti ta’ dik l-attitudni fuq Powerpipe ma kinux ir-riżultat ta’ xi komportament illegali.

136    Il-konvenuta tosserva li r-rikorrenti tammetti li attendiet għal serje twila ta’ laqgħat fejn ġew diskussi ċerti miżuri kontra Powerpipe, partikolarment il-laqgħa ta’ Lulju 1992 ma’ ABB u Powerpipe, li fiha l-istess Powerpipe kienet ġiet “imwissija”. Din l-ammissjoni hija biżżejjed biex tiġi involuta fl-azzjonijiet miftehma kontra Powerpipe. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ma ġabitx provi li jxejnu l-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessi 143 u 144 tad-Deċiżjoni fejn jingħad li, bil-preżenza tagħha għal-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, hija ħadet sehem fi ftehim intiż li jikkaġuna ħsara lil Powerpipe.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

137    Jeħtieġ li jiġi osservat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-kollaborazzjoni tagħha fil-pjan intiż li jelimina lil Powerpipe u b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-ingaġġar ta’ impjegati importanti ta’ Powerpipe.

138    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tiċħadx li hija attendiet għal-laqgħa ta’ Lulju 1992 f’Billund, deskritta fil-premessa 91 tad-Deċiżjoni. Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-rikorrenti kkonkludiet u implementat il-ftehim tagħha ma’ ABB intiż biex id-direttur ġenerali ta’ Powerpipe jiġi mħajjar jitlaq u biex jinqasmu l-ispejjeż marbutin ma’ dan l-ingaġġar.

139    F’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni tar-rikorrenti li l-ftehim fuq il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ l-ingaġġar tad-direttur ġenerali ma kienx intiż sabiex jikkaġuna ħsara lil Powerpipe ma tistax tiġi aċċettata. Fid-dawl tat-twissija li tat ABB lil Powerpipe, saħansitra waqt il-laqgħa tagħha magħha f’Lulju 1992, fil-preżenza tar-rikorrenti, l-istess rikorrenti ma setgħetx tinjora li l-intenzjoni ta’ ABB li tingaġġa impjegati ta’ Powerpipe kienet taqa’ taħt strateġija intiża sabiex tikkaġuna ħsara lil Powerpipe. Fil-fatt, min-nota ta’ ABB tat-2 ta’ Lulju 1993, intiża biex tiġi organizzata laqgħa li ABB kellu jkollha mar-rikorrenti, jirriżulta li l-ingaġġar ta’ dak id-direttur ġenerali kien ikkunsidrat bħala “azzjoni komuni fir-rigward ta’ Powerpipe” (Anness 48 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet). Madankollu, ir-rikorrenti, waqt il-proċedura amministrattiva, ammettiet li hija kienet taf li l-ħatra tal-persuna in kwistjoni setgħet tiġi meqjusa bħala azzjoni negattiva fil-konfront ta’ Powerpipe (dikjarazzjoni tas-Sur Bech annessa mar-risposta tar-rikorrenti ta’ l-25 ta’ April għat-talba għal informazzjoni tat-13 ta’ Marzu 1996.

140    Fi kwalunkwe każ, anke jekk ir-rikorrenti tista’ ssostni li fil-bidu hija aċċettat li tipparteċipa għall-ispejjeż ta’ l-ingaġġar tad-direttur ġenerali bil-għan biss li tippermetti l-ftuħ ta’ uffiċċju ta’ lobbying, din l-ispjegazzjoni ma tistax tiġġustifika l-fatt li hija aċċettat li tħallas il-kontribuzzjoni kkontemplata f’mument fejn kien jidher li l-persuna in kwistjoni kienet ġiet ingaġġata minn ABB biex tassumi funzjonijiet differenti minn dawk ippjanati.

141    Fit-tieni lok, lanqas ma huwa kkontestat li, fiż-żmien meta Powerpipe kienet qegħda tissottometti offerta għall-proġett Neubrandenburg, ir-rikorrenti kienet ftehmet ma’ ABB u Henss biex jeżerċitaw pressjoni fuq Powerpipe sabiex din tirtira l-offerta tagħha. Anke jekk ir-rikorrenti ma hedditx hija stess lil Powerpipe waqt il-laqgħat magħha, huwa paċifiku li hija rreaġixxiet skond il-linja ta’ komportament miftehma ma’ parteċipanti oħra fl-akkordju. Fil-fatt, ir-rikorrenti tammetti li d-direttur tal-bejgħ tagħha kkonferma lil Powerpipe li, dak iż-żmien, kien hemm akkordju bejn l-operaturi tas-settur.

142    Fir-rigward tal-pressjoni li sofriet ir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi osservat li impriża li tipparteċipa ma’ oħrajn f’attivitajiet antikompetittivi ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija pparteċipat fihom taħt pressjoni minn parteċipanti oħra. Fil-fatt, hija setgħet tiddenunzja l-pressjoni li saritilha lill-awtoritajiet kompetenti u tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 iktar milli tipparteċipa fl-attivitajiet in kwistjoni (ara sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Hüls vs Il-Kummissjoni, T‑9/89, Ġabra p. II-499, punti 123 u 128 u Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

143    Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-assenjazzjoni tal-proġett Leipzig-Lippendorf, jeħtieġ li jiġi osservat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-eżitu tal-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 li nżammet f’Düsseldorf.

144    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma tiċħadx li kien hemm ftehim, fi ħdan l-akkordju, li l-proġett Leipzig-Lippendorf kien destinat għal ABB, Henss/Isoplus u Pan-Isovit.

145    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet intitolata tikkonkludi, fil-premessa 99 tad-Deċiżjoni tagħha, li l-irtirar ta’ l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti għal dan il-proġett kien spejgat, ta’ l-inqas parzjalment, mill-pressjoni eżerċitata mill-produtturi l-oħra. Fil-fatt, anke jekk ir-rikorrenti kienet qiset li l-investimenti meħtieġa mill-ewwel offerta tagħha ma setgħux ikunu vijabbli, l-affermazzjoni li n-nuqqas tagħha li tippreżenta offerta ġdida huwa ġġustifikat esklużivament bi “żball” mhijiex kredibbli, u dan peress li, fid-dawl ta’ l-assenjazzjoni tal-proġett fi ħdan l-akkordju, hija kellha tkun taf li dak il-komportament kien jikkorrispondi għall-attitudni li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kienu qed jistennew minnha.

146    Sussegwentement, mill-minuti meħudin minn Tarco fil-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 (Anness 143 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet) jirriżulta li l-fatt li Powerpipe ingħatat il-proġett Leipzig-Lippendorf wassal għal diskussjoni fuq serje ta’ miżuri. Skond dawn il-minuti:

“[Powerpipe] apparentement ingħatat il-[proġett] Leipzig-Lippendorf.

–        Ebda produttur m’għandu jforni l-iċken prodott lil L L, IKR, Mannesmann Seiffert, VEAG.

–        It-talbiet kollha għal informazzjoni dwar il-proġett għandhom jiġu kkomunikati lil [X].

–        Ebda subkuntrattur minn tagħna m’għandu jaħdem għal [Powerpipe]; f’każ kuntrarju, tintemm kull kollaborazzjoni.

–        Aħna ser nippruvaw nimpedixxu lil [Powerpipe] milli tforni ruħha bil-pastik pereżempju, etc.

–        L-EuHP ser tipprova tistabbilixxi jekk aħna nistgħux nilmentaw fuq l-assenjazzjoni tal- kuntratt lil impriża mhux ikkwalifikata.”

147    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa li s-suġġett tagħha huwa manifestament antikompetittiv, mingħajr ma tkun tbiegħdet mill-kontenut tagħha, tagħti lill-parteċipanti l-oħra x’jifhmu li hija qiegħda taqbel mar-riżultat tal-laqgħa u li ser tikkonforma ruħha miegħu (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li fil-laqgħa li fiha tipparteċipa l-impriża in kwistjoni tissemma kollużjoni illeċita sabiex tiġi pprovata l-parteċipazzjoni ta’ dik l-impriża fil-kollużjoni in kwistjoni.

148    Peress li miżuri antikompetittivi ssemmew waqt il-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, l-impriżi kollha li pparteċipaw fiha mingħajr ma tbiegħdu pubblikament għandhom jiġu kkunsidrati bħala li pparteċipaw fil-ftehim, jew fil-prattika miftehma, ikkostitwita b’dawn il-miżuri.

149    F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk il-proġett Leipzig-Lippendorf kienx diġà ġie assenjat lil Powerpipe fil-mument tal-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 hija irrilevanti. Fil-fatt, il-miżuri diskussi waqt il-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 kienu jikkontemplaw, fi kwalunkwe każ, il-każ fejn Powerpipe tingħata dan il-kuntratt. Fi kwalnukwe każ, anke jekk huwa possibbli li l-kuntratt bejn VEAG, il-kumpannija li għamlet is-sejħa għal offerti in kwistjoni, u Powerpipe ġie ffirmat biss wara d-data tal-laqgħa msemmija, mill-ittra ta’ VEAG lill-kuntrattur ġenerali tal-proġett ta’ l-21 ta’ Marzu 1995 (Anness 142 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet) kif ukoll mir-risposta ta’ VEAG tad-29 ta’ Settembru 1995 għat-talba għal informazzjoni jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ l-awtorità aġġudikatriċi favur Powerpipe ttieħdet fil-21 ta’ Marzu 1995, jiġifieri qabel il-laqgħa in kwistjoni.

150    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax, biex taħrab mir-responsabbiltà tagħha, issostni li hija ma kinitx preżenti waqt dik il-parti tal-laqgħa li fiha jista’ jkun li ġiet diskussa azzjoni kollettiva kontra Powerpipe. Fil-fatt, għal dik il-parti li fiha hija kienet preżenti, ir-rikorrenti tammetti li Henss insistiet fuq il-kwistjoni ta’ “azzjonijiet kollettivi”.

151    Iktar minn hekk, il-komportament tar-rikorrenti waqt il-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 bl-ebda mod ma jista’ jinftiehem bħala tbegħid pubbliku fil-konfront tad-deċiżjoni li ħadd m’għandu jagħmel xi kunsinni lil Powerpipe, u dan peress li, fid-dawl tal-kuntest, partikolarment is-sitwazzjoni ta’ Powerpipe fil-proġett ÅKV u tal-problemi ta’ kunsinni ta’ Lymatex, hija għall-kuntrarju wriet attitudni li ssostni dik id-deċiżjoni.

152    Minn banda, ir-rikorrenti ma tikkontestax li hija esprimiet xi skuntentizza meta hija skopriet li Powerpipe, wara li ngħatat il-proġett ÅKV li, skond il-ftehim, kien intiż għal ABB u għaliha stess, irnexxielha tforni ruħha, fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, mingħand il-kumpannija sussidjarja Żvediża tar-rikorrenti. Tali attitudni turi l-volontà tar-rikorrenti li tagħmel mod li Powerpipe tiltaqa’ ma’ diffikultajiet ta’ forniment fl-eżekuzzjoni tal-proġetti tagħha.

153    Mill-banda l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat bħala li ġie ppruvat li r-rikorrenti tat istruzzjonijiet lil Lymatex biex din tittardja l-kunsinni tagħha lil Powerpipe. Fil-fatt, l-affermazzjoni ta’ Powerpipe, li membru tal-persunal ta’ Lymatex ikkonfermalha li d-deċiżjoni li ma jsirux kunsinni qabel Settembru 1995 ma kellha xejn x’taqsam mal-problemi ta’ produzzjoni li Lymatex kienet semmiet fl-ittra tagħha ta’ l-10 ta’ Mejju 1995 lil Powerpipe (Anness 153 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet), hija kkonfermata mill-fatt li abbozz ta’ dik l-ittra (Anness 155 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet) instabet waqt l-investigazzjonijiet li saru, partikolarment mill-Kummissjoni, fit-28 ta’ Ġunju 1995, fl-uffiċċju tad-direttur tar-rikorrenti.. Il-fatt li Lymatex ħasset il-ħtieġa li tinforma lir-rikorrenti fuq ir-risposta tagħha għall-ordni ta’ Powerpipe qabel ma l-istess risposta ntbagħtet lil Powerpipe turi li Lymatex riedet ta’ l-inqas tagħti l-possibbiltà lir-rikorrenti sabiex tintervjeni f’dak li jikkonċerna r-risposta li hija kienet intenzjonata tagħti għal dik l-ordni. Fid-dawl tad-deċiżjoni li ttieħdet waqt il-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 li ma jsirux kunsinni lil Powerpipe, il-fatt li għand ir-rikorrenti kien hemm abbozz tar-risposta ta’ Lymatex ma jistax jinftiehem ħlief konferma tal-fatt li r-rikorrenti kellha kuntatti ma’ Lymatex, fl-10 ta’ Mejju 1995 jew qabel, li fihom hija esprimiet il-volontà tagħha li tittardja l-kunsinni lil Powerpipe. Din il-konklużjoni mhijiex ikkontradixxuta mill-konstatazzjoni li Lymatex ma annullatx ordnijiet oħra ta’ Powerpipe. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward li Lymatex ma tatx lill-Kummissjoni spjegazzjoni sinċiera dwar il-fatt li lir-rikorrenti bagħatitilha abbozz tar-risposta tagħha, meta hija sostniet li dik ma kinitx abbozz iżda kopja ta’ l-ittra lil Powerpipe u li riedet turi biss li hija kienet qegħda tagħmel xi ħaġa biex tonora l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront tar-rikorrenti (Anness 157 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet), mentri mill-indikazzjonijiet fuq il-verżjoni ta’ l-ittra fil-pussess tar-rikorrenti, jirriżulta li dik kienet abbozz mibgħuta ftit siegħat qabel ma l-verżjoni definittiva ta’ dik l-ittra ma tintbagħat lil Powerpipe.

154    Peress li ġie ppruvat suffiċjentement li r-rikorrenti ma tbiegħditx mid-deċiżjoni ta’ bojkott meħuda waqt il-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, huwa irrilevanti li jiġi stabbilit safejn il-komportament tar-rikorrenti kien il-kawża diretta tat-telf li Powerpipe tallega li sofriet, partikolarment fil-kuntest tal-proġett ta’ ÅKV.

155    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, ġustament, ippruvat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ftehim intiż li jikkaġuna ħsara lil Powerpipe, peress li r-rikorrenti naqset milli tipprova li hija tbiegħdet mill-eżitu tal-laqgħa in kwistjoni.

156    Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-argument tar-rikorrenti li, fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx f’pożizzjoni li timplementa bojkott lil Powerpipe, peress li hija ma kinitx tipproduċi l-prodotti rikjesti mis-subkuntrattur tal-proġett in kwistjoni.

157    Fil-fatt, bojkott jista’ jiġi attribwit lil impriża mingħajr il-ħtieġa li din tipparteċipa effettivament jew saħansitra tista’ tipparteċipa fl-implementazzjoni tiegħu. Il-pożizzjoni kuntrarja twassal għar-riżultat li l-impriżi li approvaw miżuri ta’ bojkott, iżda li ma sabux l-okkażjoni jadottaw huma stess miżura biex jimplementawh, jaħarbu kull forma ta’ responsabbiltà marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim.

158    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li impriża li tkun ipparteċipat fi ksur multiformi tar-regoli dwar il-kompetizzjoni permezz ta’ komportamenti tagħha stess, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv skond l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, u li huma intiżi biex jikkontribwixxu għat-twettieq tal-ksur kollu kemm hu tista’ tinsab responsabbli wkoll għall-komportamenti ta’ impriżi oħrajn fil-kuntest ta’ l-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża in kwistjoni kienet taf bil-komportamenti illeċiti tal-parteċipanti l-oħra, jew setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta r-riskju (f’dan is-sens, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 203).

159    F’dan il-każ, minħabba l-preżenza tar-rikorrenti waqt il-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, l-istess rikorrenti kienet taf bil-miżuri intiżi biex jikkaġunaw ħsara lill-attività kummerċjali ta’ Powerpipe. Peress li hija ma tbiegħditx minn dawn il-miżuri, hija tat lill-parteċipanti l-oħra, ta’ l-inqas, x’jifhmu li hija kienet taqbel mar-riżultat ta’ l-istess laqgħa, u li hija kienet ser tikkonforma ruħha miegħu u kienet lesta taċċetta r-riskju.

160    Finalment, in kwantu l-Kummissjoni semmiet attivitajiet li seħħew fl-Iżvezja qabel l-adeżjoni ta’ l-Iżvezja ma’ l-Unjoni Ewropea, fl-1 ta’ Jannar 1995, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-miżuri intiżi li jikkaġunaw ħsara lill-attivitajiet ta’ Powerpipe li għalihom għandha tinżamm responsabbli r-rikorrenti żdiedu bid-dħul ta’ Powerpipe fis-suq Ġermaniż u minn natura tagħhom kienu intiżi, għaldaqtsant, li jimpeduha milli tiżviluppa l-attivitajiet tagħha fl-Unjoni Ewropea. Iktar minn hekk, billi aċċettat li tikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ l-ingaġġar tad-direttur ġenerali ta’ Powerpipe, ir-rikorrenti, effettivament implementat, anke qabel l-1 ta’ Jannar 1995, u fis-suq komuni ftehim intiż li jikkaġuna ħsara lill-attivitajiet ta’ Powerpipe. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-attivitajiet antikompetittivi provenjenti mill-Iżvezja in kwantu dawn effettivament affettwaw il-kompetizzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea.

161    F’dan ir-rigward, fil-premessa 148 tad-Deċiżjoni hemm provdut b’mod ċar li:

“Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-aġir komuni fil-konfront ta’ Powerpipe qabel l-adeżjoni ta’ l-Iżvezja mal-Komunità (fl-1 ta’ [Jannar] 1995) biss in kwantu dan affettwa l-kompetizzjoni ġewwa l-Unjoni (dħul ta’ Powerpipe fis-suq Ġermaniż) u fejn dan jkkostitwixxi prova indiretta ta’ l-eżistenza ta’ pjan kostanti biex issir ħsara lil Powerpipe jew biex din tiġi eliminata wara dik id-data.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

162    Mis-suespost jirriżulta li l-ilment dwar l-azzjonijiet miftehma kontra Powerpipe għandu wkoll jiġi miċħud.

F –  Fuq il-pressjoni eżerċitata minn ABB

1.     L-argumenti tal-partijiet

163    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ssottovalutat il-pressjoni eżerċitata minn ABB fil-konfront tagħha, fatt li l-konvenuta tikkontesta.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

164    Jeħtieġ li jiġi osservat li, kif irrimarkat ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha, semmiet f’diversi okkażjonijiet il-fatt li ABB eżerċitat pressjoni sostanzjali fuq l-impriżi l-oħra tas-settur sabiex tikkonvinċihom jaċċettaw l-arranġamenti antikompetittivi in kwistjoni. Iktar minn hekk, waqt id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq ABB, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li din “sistematikament abbużat mill-poter ekonomiku tagħha u mir-riżorsi tagħha bħala impriża kbira multinazzjonali biexx issaħħaħ l-effettività ta’ l-akkordju u tiżgura li l-impriżi l-oħra jimxu mal-volontajiet tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 169 tad-Deċiżjoni).

165    Fir-rigward tal-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, impriża li tipparteċipa f’attivitajiet antikompetittivi taħt il-pressjoni ta’ parteċipanti oħra ma tistax tipprevali ruħha minn din il-pressjoni peress li hija setgħet tiddenunzja l-pressjoni li saritilha għajr milli tipparteċipa fl-attivitajiet in kwistjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 142 iktar ’il fuq).

166    Peress li dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ, jeħtieġ għaldaqstant li l-motiv kollu bbażat fuq żbalji ta’ fatt fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat, jiġi miċħud.

II –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

A –  Fuq l-aċċess għall-inkartament

1.     L-argumenti tal-partijiet

167    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni skoraġġietha milli tinsisti li jkollha aċċess għall-inkartament. B’hekk, Pan-Isovit, li apparentement insistiet li jkollha aċċess għall-inkartament, ġiet ippenalizzata billi rċeviet tnaqqis iżgħar ta’ l-ammont tal-multa milli rċevew oħrajn għall-kooperazzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti aċċettat li tirrinunzja għal parti mid-drittijiet tagħha minħabba pressjoni, fl-isperanza li hija tikseb direttament id-dokumenti rigwardanti l-akkordju minn ABB. Madankollu, ABB pprovditielha biss ftit minn dawk id-dokumenti, u iktar minn hekk, lanqas kienu kompluti. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-għażla tal-Kummissjoni li tħalliha f’idejn l-impriżi kkonċernati li jiżguraw bejniethom skambju adegwat tad-dokumenti fil-proċess ma kinitx soluzzjoni sodsifaċenti.

168    Il-konvenuta tiċħad li hija impedixxiet lill-impriżi jkollhom aċċess għall-inkartament u tfakkar li r-rikorrenti kienet qablet dwar l-organizzazzjoni ta’ skambju ta’ dokumenti bejn l-impriżi kkonċernati. It-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa ta’ Pan-Isovit m’għandhux x’taqsam ma’ l-attitudni ta’ l-istess Pan-Isovit fir-rigward ta’ l-aċċess għall-inkartament. Fir-rigward ta’ ABB, mhuwiex minnu li jingħad li din ma pprovdietx dokumentazzjoni kompluta.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

169    L-aċċess għall-inkartament fil-kawżi ta’ kompetizzjoni għandu b’mod partikolari bħala għan li jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jsiru jafu bil-provi li jinsabu fl-inkartament tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod effikaċi, fuq il-bażi ta’ dawn il-provi, fuq il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 89, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, punt 75; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punt 59, u ICI vs Il-Kummissjoni, T-36/91, Ġabra p. II-1847, punt 69). L-aċċess għall-inkartament huwa wieħed mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u jassiguraw, b’mod partikolari, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ, previst fl-Artikoli 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17, u 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE, ta’ l-25 ta’ Lulju 1963, dwar is-smigħ previst fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 (ĠU 1963, 127, p. 2268) (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni T-65/89, Ġabra p. II-389, punt 30).

170    Skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni hija obbligata, sabiex l-impriżi in kwistjoni jkunu jistgħu jiddefendu rwieħhom utilment mill-ilmenti fformulati kontrihom fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, tagħtihom aċċess għall-inkartament ta’ l-investigazzjoni kollu, ħlief għad-dokumenti li fihom sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra jew informazzjoni oħra kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u tad-19 ta’ Mejju 1999, BASF Coatings vs Il-Kummissjoni, T-175/95, Ġabra p. II-1581).

171    Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċeduri fil-kontradittorju pprovduti mir-Regolament Nru. 17, ma tistax tkun il-Kummissjoni waħedha li tiddeċiedi liema huma d-dokumenti utli għad-difiża (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktra ’il fuq, punt 81 u ICI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91). Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza ta’ l-armi, mhuwiex aċċettabbli li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi waħedha jekk tużax jew le xi dokumenti kontra l-impriżi, jekk l-istess impriżi ma kellhomx aċċess għalihom u għaldaqstant ma setgħux jieħdu d-deċiżjoni korrispondenti jekk jużawhomx jew le għad-difiża tagħhom (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 83, u s-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

172    Fid-dawl ta’ dawn ir-regoli, jeħtieġ li jiġi verifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni rrispettatx l-obbligu tagħha li tagħti aċċess għall-inkartament ta’ l-investigazzjoni kollu.

173    L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, annessa mad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, u notifikata lir-rikorrenti, iddikjarat:

“Sabiex tingħata għajnuna lill-impriżi biex jippreparaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dak li jikkonċerna l-ilmenti li huma indirizzati lilhom, il-Kummissjoni tista’ tħallihom jikkonsultaw l-inkartament li jikkonċernahom. F’dan il-każ, il-Kummissjoni hemżet mad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet id-dokumentazzjoni rilevanti kollha, magħmula mill-korrispondenza rilevanti kollha skambjata skond l-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 17]. Ir-referenzi għal fatti kompletament irrilevanti għas-suġġett tal-każ tneħħew mid-dokumenti mehmużin mad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

F’każ li intom tixtiequ teżaminaw id-dokumenti li jistgħu jiġu kkonsultati u li jirrigwardaw l-impriża tagħkom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni, jew jekk għandkom xi mistoqsijiet f’dak li jikkonċerna din il-proċedura, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw [...] fit-tliet ġimgħat wara li tirċievu din l-ittra.”

174    Wara domanda bil-miktub li saret mill-Qorti tal-Prim’istanza, ir-rikorrenti tafferma li hija kkuntattjat lill-Kummissjoni, fit-23 ta’ April 1997, sabiex tiġi awtorizzata jkollha aċċess għall-inkartament kollu. Għalkemm huwa paċifiku li din il-konversazzjoni telefonika seħħet, il-partijiet mhumiex jaqblu fuq il-kontenut eżatt ta’ l-istess, partikolarment fuq il-punt dwar jekk, minn banda, il-Kummissjoni rrifjutatx it-talba għall-aċċess għall-inkartament billi, kif issostni r-rikorrenti, iddikjarat li jekk l-impriżi “jixtiequ effettivament jagħtu prova tal-kooperazzjoni tagħhom, jaqblilhom li jiftehmu bejniethom sabiex jiskambjaw -kopji” u mill-banda l-oħra, jekk ir-rikorrenti, finalment, talbitx l-aċċess għall-inkartament kollu. Madankollu, mhuwiex ikkontestat li waqt dik il-konservazzjoni ġie diskuss skambju ta’ dokumenti bejn l-impriżi kkonċernati.

175    Huwa paċifiku li, f’April u f’Mejju 1997, il-Kummissjoni ssuġġeriet lill-impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jorganizzaw skambju tad-dokumenti kollha li ttieħdu mingħandhom waqt l-investigazzjonijiet. Mhuwiex ikkontestat li l-impriżi kollha kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta’ Dansk Rørindustri, aċċettaw li jiskambjaw id-dokumenti. Sussegwentement, l-impriżi kollha li pparteċipaw fl-iskambju ta’ dokumenti, fosthom ir-rikorrenti, irċevew mill-impriżi kollha l-oħra d-dokumenti li ttieħdu mingħandha, akkumpanjati b’lista redatta jew mill-impriża in kwistjoni, jew, fil-każ ta’ ABB u ta’ Pan-Isovit, fuq talba tagħhom, mill-Kummissjoni. Fir-rigward tad-dokumenti rilevati mingħand Dansk Rørindustri, xi wħud minn dawn id-dokumenti ġew ikkomunikati lill-impriżi l-oħra, fit-18 ta’ Ġunju 1997, fuq talba tal-Kummissjoni, filwaqt li oħrajn intbagħtu mill-Kummissjoni stess, fl-24 ta’ Settembru 1997.

176    Huwa paċifiku wkoll li, wara l-konversazzjoni telefonika tat-23 ta’ April 1997, ir-rikorrenti ma kkuntattjatx iktar lill-uffiċjali tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-aċċess għall-inkartament.

177    Fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ssostni li mill-imsemmija konversazzjoni telefonika hija ddeduċiet li hija kellha interess li ma titlobx aċċess għall-inkartament kollu tal-Kummissjoni taħt piena li minħabba din l-attitudni tiġi akkużata li naqset milli tikkoopera matul il-proċedura amministrattiva.

178    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabet ebda prova dwar komportament tal-Kummissjoni li minnu hija setgħet raġonevolment tiddeduċi, f’dak iż-żmien, li l-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ aċċess għall-inkartament ta’ l-investigazzjoni kien ser jaffettwa l-evalwazzjoni sussegwenti dwar il-grad ta’ kooperazzjoni tagħha għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa. Huwa minnu li ABB, f’ittra tas-6 ta’ Ġunju 1997 lill-Kummissjoni, rabtet il-proposta tagħha għal skambju ta’ dokumenti mal-volontà tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni u li Tarco, min-naħa tagħha, f’ittra tad-19 ta’ Ġunju 1997 lill-Kummissjoni, affermat li bil-parteċipazzjoni fl-iskambju ta’ dokumenti, “[hija kompliet] turi l-volontà [tagħha] li tikkoopera u l-kooperazzjoni effettiva [tagħha] mal-Kummissjoni anke jekk [hija] kienet qed tirriskja li ma jkollhiex aċċess għall-inkartament sħiħ”. Madankollu, dawn l-affermazzjonijiet, filwaqt li juru l-volontà ta’ l-impriżi kkonċernati li jkomplu jikkooperaw, ma jirreferux għal komportament tal-Kummissjoni li seta’ ta l-impressjoni li talba għal aċċess għall-inkartament kienet ser twassal għal żieda fil-multa. Ir-rikorrenti lanqas ma ġabet prova dwar l-affermazzjoni tagħha, li għamlet fir-rikors tagħha, li huwa “taħt pressjoni”. li hija aċċettat li ma tinsistix li jkollha aċċess għall-inkartament. Barra minn hekk, l-istess japplika fir-rigward ta’ l-affermazzjoni tagħha li, għal Pan-Isovit, talba għal aċċess għall-inkartament kellha riperkussjonijiet fuq l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha waqt il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa.

179    Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma ppruvatx li l-Kummissjoni kienet għamlet pressjoni sabiex hija ma tużax il-possibbiltà li jkollha aċċess għall-inkartament ta’ l-investigazzjoni kollu. Konsegwentement, għandu jiġi preżunt li r-rikorrenti ma riditx tuża dik il-possibbiltà.

180    Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi meqjus li l-Kummissjoni, billi pprovdiet u organizzat l-aċċess għall-inkartament fl-uffiċċji tagħha fl-ittra mehmuża mad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, onorat l-obbligu tagħha li tagħti lill-impriżi, minn jeddha u mingħajr ma tistenna xi inizjattiva mill-istess impriżi, l-aċċess għall-inkartament ta’ l-investigazzjoni.

181    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi akkużata li riedet tiffaċilita l-aċċess għall-inkartament ta’ l-investigazzjoni billi stiednet lill-impriżi kkonċernati jiskambjaw bejniethom u permezz tal-konsulenti tagħhom, id-dokumenti rilevati mingħand kull waħda minnhom waqt l-investigazzjonijiet.

182    Jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward li r-rikorrenti ma tistax tinvoka xi nuqqas ta’ aċċess għall-inkartament minħabba l-fatt li, fil-kuntest ta’ dak l-iskambju ta’ dokumenti, ABB bagħtet dokumenti li fihom kienu mħassra ċerti siltiet.

183    Fil-fatt, mill-ittra ta’ l-4 ta’ Ġunju 1997 mibgħuta mill-konsulenti ta’ ABB lill-konsulenti tar-rikorrenti jirriżulta li ABB kien “irrediġiet” (“redacted”) xi dokumenti, peress li dawn kienu dokumenti interni li fihom informazzjoni kunfidenzjali. Jeħtieġ li jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-aċċess għall-inkartament ma jistax jestendi għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara l-punt 170 iktar ’il fuq). F’dan il-każ, jekk ir-rikorrenti kellha xi ftit tad-dubju f’dak li jikkonċerna l-verżjoni ta’ ċerti dokumenti ppreparati minn ABB jew minn kompetituri oħra, partikolarment f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni mħassra minn ABB f’ċerti dokumenti, jew, ukoll, jekk hija kellha xi dubju dwar jekk il-listi ta’ dokumenti redatti mill-kompetituri tagħha kinux eżawrjenti, xejn ma kien jimpedixxiha milli tikkuntattja lill-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, li tuża d-dritt ta’ aċċess tagħha għall-inkartament ta’ l-investigazzjoni kollu fl-uffiċċji tal-Kummissjoni.

184    Mis-suespost jirriżulta li l-Kummissjoni, billi ssuġġeriet lill-impriżi kkonċernati jiffaċilitaw l-aċċess għad-dokumenti permezz ta’ skambju ta’ dokumenti, filwaqt li ggarantixxiet hija stess id-dritt ta’ aċċess għall-inkartament ta’ l-investigazzjoni kollu, ħadet debitament in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn jingħad li skambju ta’ dokumenti bejn l-impriżi ma jista’ qatt ineħħi d-dover tal-Kummissjoni li tiggarantixxi hija stess, matul l-investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, id-difiża ta’ impriża ma tistax tiddependi fuq il-volontà tajba ta’ impriża oħra li hija meqjusa li hija kompetitriċi tagħha, li kontriha l-Kummissjoni tkun resqet akkużi simili u li l-interessi ekonomiċi u proċedurali tagħha jkunu ta’ spiss opposti (sentenza tas-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 85 u 86, u s-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 95 u 96).

185    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ aċċess għall-inkartament għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq il-vjolazzjoni tad-dritt għal smigħ għal dak li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ provi ġodda

1.     L-argumenti tal-partijiet

186    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi f’żewġ okkażjonijiet, wara d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, żiedet dokumenti addizzjonali in sostenn ta’ l-akkuża tagħha, permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Ottubru 1997. Il-Kummissjoni m’għandhiex id-dritt li tibbaża ruħha fuq dawn id-dokumenti, peress li fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, hija ma indikatx biċ-ċar li hija kienet ser tagħmel hekk.

187    Il-konvenuta tosserva li m’hemm ebda regola proċedurali li timpedixxiha milli tipproduċi provi addizzjonali wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Fl-ittri in kwistjoni, il-Kummissjoni spjegat li d-dokumenti mehmużin ma’ l-ittri kienu jirreferu għall-argumenti mressqa fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jew fl-osservazzjonijiet fuq l-istess dikjarazzjoni. Peress li dawn l-ittri ntbagħtu ħafna qabel is-seduta, ir-rikorrenti kellha kull possibbiltà li tirrispondi għalihom kif fil-fatt għamlet.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

188    Mill-qari ta’ l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru. 17 flimkien ma’ l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru. 99/63 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tikkomunika l-oġġezzjonijiet li hija tqajjem kontra l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati u fid-deċiżjonijiet tagħha tista’ tieħu in kunsiderazzjoni biss l-oġġezzjonijiet li fuqhom l-istess impriżi u assoċjazzjonijiet jkun kellhom l-okkażjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom (sentenza CB u Europay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

189    Bl-istess mod, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, anki fil-każ ta’ proċedura amministrattiva, jeżiġi li l-impriżi u l-assoċazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jitqegħdu f’pożizzjoni, mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jagħtu b’mod utli l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ta’ l-ilmenti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 11; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 39).

190    Madankollu, ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni tikkomunika lill-partijiet, wara li tibgħat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, dokumenti ġodda li hija tqis li jsostnu t-teżi tagħha, b’riżerva li tagħti lill-impriżi ż-żmien meħtieġ biex jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq dan is-suġġett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 29).

191    F’dak li jikkonċerna l-ittra tat-22 ta’ Mejju 1997, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni fiha indikat ir-rilevanza tad-dokumenti mehmużin bħala Annessi X1 sa X9 fir-rigward tal-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, billi indikat dik il-parti tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kkonċernata minn kull wieħed mid-dokumenti. Minn dan isegwi li r-rikorrenti kienet suffiċjentement infurmata fuq ir-rilevanza ta’ l-imsemmija dokumenti fir-rigward ta’ l-oġġezzjonijiet diġà kkomunikati.

192    Għal dak li jikkonċerna d-dokumenti annessi ma’ l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 1997, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li dawn huma serje ta’ dokumenti addizzjonali għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet nnumerati minn 1 sa 18 u serje ta’ risposti mogħtija minn ċerti impriżi wara talbiet għal informazzjoni, mibgħuta flimkien ma’ tabelli li jindikaw, għal kull dokument, is-suġġett ikkonċernat kif ukoll ir-riferenza għas-silta rilevanti tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, għas-siltiet fl-osservazzjonijiet fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta’ ċerti impriżi.

193    Minn dan isegwi li l-ittri tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Ottubru 1997 ma introduċewx ilmenti ġodda, imma jiċċitaw ċerti dokumenti li jikkostiwixxu provi addizzjonali in sostenn ta’ l-ilmenti esposti fid-dikjarazzjoni prevista għal dak il-għan.

194    Peress li l-Kummissjoni ippreċiżat biżżejjed safejn kull wieħed mid-dokumenti mibgħuta wara d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kien jirreferi għall-istess dikjarazzjoni u billi, iktar minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix li ma kellhiex iż-żmien meħtieġ biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ta’ l-ilmenti u taċ-ċirkustanzi allegati f’dawn id-dokumenti.

195    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ilment għandu jiġi miċħud in kwantu jikkonċerna l-produzzjoni ta’ provi ġodda.

C –  Fuq il-ksur tad-dritt għal-smigħ f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi

1.     L-argumenti tal-partijiet

196    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża billi invokat l-linji gwida ġodda tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida ġodda” jew il-“linji gwida”). Għalkemm dawn il-linji gwida biddlu fundamentalment ir-regoli li kienu japplikaw sa dakinhar, il-Kummissjoni ma tat l-ebda ħjiel fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha li jagħti x’wieħed jifhem li kienet ser tapplika politika ġdida f’dak li jikkonċerna l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi. Ġeneralment ikun mixtieq li l-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, tindika l-kriterji li hija għandha l-intenzjoni li tapplika f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa.

197    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ riferenza għal-livell tal-multa fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-konvenuta tfakkar li m’hemm l-ebda obbligu f’dan ir-rigward.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

198    L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi osservat li mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni stabbiliet il-multa imposta fuq ir-rikorrenti skond il-metodu ġenerali għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi stabbilit fil-linji gwida.

199    Skond ġurisprudenza stabbilita, ladarba l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat u l-fatt li l-ksur sar “deliberatament jew b’negliġenza”, hija tissoddisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt ta’ smigħ ta’ l-impriżi. B’hekk, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li multa tiġi imposta fuqhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21).

200    Minn dan isegwi li, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jsiru osservazzjonijiet fuq id-dewmien, il-gravità u n-natura antikompetittiva tal-fatti li bihom huma akkużati. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija supplementari, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni illimitata u tista’ b’mod partikolari tħassar jew tnaqqas il-multa, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II 755, punt 235).

201    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-paġni 53 u 53 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet mibgħuta lir-rikorrenti, spjegat id-dewmien tal-ksur li hija kien bi ħsiebha takkużaha bih.

202    Imbagħad, fil-paġni 57 u 58 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet qed tikkunsidra l-ksur bħala wieħed ġravi ħafna kif ukoll l-elementi li jikkostitwixxu ċirkustanzi aggravanti, jiġifieri l-manipulazzjoni tal-proċeduri ta’ sottomissjoni ta’ offerti, l-implementazzjoni aggressiva ta’ l-akkordju sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti kollha jirrispettaw il-ftehim u sabiex jiġi eliminat l-uniku kompetitur importanti li ma kienx qiegħed jipparteċipa u l-kontinwazzjoni tal-ksur wara l-investigazzjonijiet.

203    Fl-istess parti, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fid-determinazzjoni tal-multa li għandha tiġi imposta fuq kull impriża individwali, hija tieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rwol li kellhom kull waħda minnhom fil-prattiċi antikompetittivi, id-differenzi sostanzjali kollha f’dak li jikkonċerna d-dewmien tal-parteċipazzjoni tagħhom, l-importanza tagħhom fl-industrija tat-tisħin urban, id-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-settur tat-tisħin urban, id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, jekk ikun il-każ, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ l-impriża in kwistjoni u sabiex jiġi żgurat effett skoraġġanti biżżejjed u, fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanzi mitiganti kollha.

204    Imbagħad, fil-paġna 58 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni nnotat li, f’dak li jikkonċerna r-rikorrenti, din kellha rwol ta’ mexxejja fl-akkordju, li hija kienet it-tieni l-ikbar produttur ta’ pajpijiet għat-tisħin urban u li hija kellha rwol attiv fl-attivitajiet kollha ta’ l-akkordju, anke jekk dan kien inqas minn dak ta’ ABB.

205    B’dan il-mod, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni indikat l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija kienet ser tibbaża l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, b’mod li, f’dan ir-rigward, id-dritt għal smigħ ta’ din kien ġie debitament irrispettat.

206    Jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni, peress li hija kienet indikat l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija kienet ser tibbaża l-kalkolu tagħha ta’ l-ammont tal-multi, ma kinitx obbligata tippreċiża l-mod li bih kienet ser tuża kull wieħed minn dawn l-elementi għad-determinazzjoni tal-livell tal-multa. Fil-fatt, l-għoti ta’ indikazzjonijiet dwar il-livell tal-multi antiċipati qabel ma l-impriżi jkunu ngħataw l-opportunità li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-allegazzjonijiet magħmula kontrihom, iwassal biex tiġi antiċipata b’mod mhux xieraq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21 u tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 19).

207    Konsegwentement, il-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata, matul il-proċedura amministrattiva, tikkomunika lill-impriżi kkonċernati l-intenzjoni tagħha li tapplika metodu ġdid għall-kalkolu tal-ammont tal-multi.

208    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindika, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-possibbiltà li ssir bidla fil-politika tagħha f’dak li jirrigwarda l-livell tal-multi, possibbiltà li tiddependi minn kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ politika tal-kompetizzjoni mingħajr relazzjoni diretta maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każijiet in kwistjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Fil-fatt, il-Kummimssjoni mhijiex obbligata twissi lill-impriżi bl-intenzjoni tagħha li żżid il-livell ġenerali ta’ l-ammont tal-multi (sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 311).

209    Minn dan isegwi li d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti ma jobbligax lill-Kummissjoni tħabbrilha l-intenzjoni tagħha li tapplika, fil-każ tagħha, il-linji gwida ġodda.

210    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-ilment dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ għandu wkoll jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi.

III –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ prinċipji ġenerali u żbalji ta’ fatt fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa

A –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività

1.     L-argumenti tal-partijiet

211    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ non-retroattività billi fil-każ tagħha, applikat il-linji gwida ġodda minkejja li hija kienet ikkooperat mal-Kummissjoni mingħajr ma kienet taf bl-intenzjoni ta’ l-istess Kummissjoni li tbiddel fundamentalment il-politika tagħha fil-qasam ta’ multi.

212    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tesponi li l-multi previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 huma ta’ natura penali u, għaldaqtsant, huma koperti bl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundametali (KEDB), li jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ pieni iktar ħorox minn dawk li kienu japplikaw fil-mument tal-ksur in kwistjoni. Għaldaqstant, huwa kontra l-Artikolu 7(1) tal-KEDB li jiġu applikati retroattivament ir-regoli ġodda tad-dritt li l-Kummissjoni imponiet f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, u li huma ta’ natura leġiżlattiva u vinkolanti fir-rigward tal-Kummissjoni. Anke jekk dawn ir-regoli ġodda ma kelhomx jitqiesu bħala li huma ta’ natura leġiżlattiva, imma bħala li jikkostitwixxu biss bdil fil-prattika tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ regoli li jirriżultaw minn tali bdil tmur kontra l-prinċipji kontenuti fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għal tibdil fil-ġurisprudenza.

213    Ir-rikorrenti tammetti li, normalment, il-Kummissjoni għandha dritt li bla pre-avviż, iżżid il-livell ġenerali tal-multi. Madankollu, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni biddlet radikalment il-politika tagħha u l-prattika tagħha fil-qasam tal-multi, u dan jitlob li jingħata pre-avviż, b’mod partikolari meta, l-istess bħal fil-każ tar-rikorrenti, impriża tkun volontarjament ipprovdiet provi li jinkriminawha, mingaħjr ma kienet taf b’dan it-tibdil radikali.

214    Il-linji gwida, f’dak li jikkonċerna lill-impriżi fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti, jwasslu effettivament għal żieda sistematika fil-livell tal-multi. Fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi abbażi ta’ ammonti assoluti, il-linji gwida jimponu metodu ta’ kalkolu li jaffettwa lill-impriżi żgħar u medji ħafna iktar minn sistema li fiha l-multa tiddependi totalment jew parzjalment fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża kkonċernata.

215    Il-konvenuta tirribatti li l-linji gwida ġodda joħolqu biss il-qafas li fih il-Kummissjoni tkun intenzjonata tapplika l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u bl-ebda mod ma jemendaw dak il-qafas. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet dejjem timponi l-istess multa fuq ir-rikorrenti mingħajr qatt ma tadotta l-linji gwida ġodda.

216    Iktar minn hekk, il-linji gwida jirrappreżentaw bdil fl-approċċ ġenerali adottat mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi li mhux neċessarjament iwassal għal żieda f’xi każ partikolari. Anke jekk il-linji gwida kellhom bħala għan l-impożizzjoni ta’ multi ogħla, dan huwa kompletament kumpatibbli mal-ġurisprudenza.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

217    Għandu wkoll jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-osservanza tagħhom hija assigurata mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara b’mod partikolari, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I-1759, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 14). Għal dan il-għan, il-qorti Komunitarja tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom. F’dan ir-rigward, il-KEDB għandha sinjifikat partikolari (sentenza Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II-729, punt 60). Barra minn hekk, skond l-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (li sar, wara emenda, l-Artikolu 6(2) UE), “l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

218    Skond l-Artikolu 7(1) tal-KEDB, “[ħ]add ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar”.

219    Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ non-retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali stabbilit fl-Artikolu 7 tal-KEDB bħala dritt fundamentali, huwa prinċipju komuni fis-sistemi legali kollha ta’ l-Istati Membri u jifforma parti integranti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja tassigura l-osservanza tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1984, Kirk, 63/83, Ġabra p. 2689, punt 22).

220    Anke jekk jirriżulta mill-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17 li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mhumiex ta’ natura kriminali (sentenza Tetra Pak vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 235), jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha obbligu li tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari dak tan-non-retroattività, f’kull proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet b’applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza Michelin vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7).

221    Dan ir-rispett jitlob li s-sanzjonijiet imposti fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jikkorrispondu għal dawk li kienu stabbiliti fiż-żmien li fih twettaq il-ksur.

222    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni huma ddefiniti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, li ġie adottat qabel id-data li fiha beda l-ksur. Minn banda, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni m’għandhiex is-setgħa li tibdel ir-Regolament Nru 17 jew li twarbu, anke jekk b’regoli ta’ natura ġenerali li hija timponi fuqha nfisha. Mill-banda l-oħra, għalkemm huwa paċifiku li l-Kummissjoni stabbiliet l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti skond il-metodu ġenerali għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi pprovdut fil-linji gwida, jeħtieġ li jiġi kkonstat li, b’dan il-mod, hija baqgħet fl-ambitu tas-sanzjonijiet definiti mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.

223    Fil-fatt, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, “[i]l-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10  % tal-fatturat [dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza [...] dawn jiksru l-Artikolu 85(1) [...]tat-Trattat”. Fl-istess dispożizzjoni hemm ipprovdut li, “[f]l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

224    Fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-linji gwida hemm provdut li, għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, l-ammont bażiku għandu jiġi stabbilit skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur, u dawn huma l-uniċi kriterji msemmijin fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

225    Skond il-linji gwida, il-Kummissjoni tieħu bħala punt ta’ tluq, fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, ammont determinat skond il-gravità tal-ksur (iktar ’il quddiem il-“punt ta’ tluq ġenerali”). L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tikkunsidra n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A). F’dan il-kuntest, il-ksur huwa kklassifikati taħt tliet kategoriji, jiġifieri “ksur ftit serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi maħsub huwa ta’ bejn 1 000 u miljun ECU, “ksur serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi maħsub jista’ jvarja bejn miljun u 20 miljun ECU, u “ksur serju ħafna”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi maħsub jaqbeż l-20 miljun ECU (l-ewwel u t-tielet inċizi tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, u b’mod partikolari għall-kategoriji msejħa “serju” u “serju ħafna”, l-iskala tas-sanzjonijiet previsti tippermetti li jingħata trattament differenti lill-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq (it-tielet subparagrafu tal-punt 1 A). Barra minn hekk, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li jagħmlu ħsara sostanzjali lil operaturi oħrajn, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa għal livell li jkun ta’ natura biżżejjed dissważiva (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A).

226    Barra minn hekk, jista’ jiġi kkunsidrat il-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir spiss ikollhom infrastrutturi suffiċjenti sabiex ikollhom għarfien legali u ekonomiku sabiex ikunu jistgħu jifhmu aħjar in-natura illeċita tal-komportament tagħhom u l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni (il-ħames subparagrafu tal-punt 1 A).

227    F’kull waħda mit-tliet kategoriji msemmija iktar ’il fuq, jista’ jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat, f’ċerti każijiet, l-ammont determinat, bil-għan li jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku, u b’hekk l-impatt reali, tal-komportament illeċitu ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm diskrepanza kunsiderevoli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li jkunu l-awturi ta’ ksur ta’ l-istess natura u li jiġi emendat konsegwentement il-punt ta’ tluq ġenerali skond in-natura speċfika ta’ kull impriża (iktar ’il quddiem il-“punt ta’ tluq speċifiku”) (is-sitt subparagrafu tal-punt 1 A).

228    Rigward il-fattur li jirrigwarda d-dewmien tal-ksur, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn ksur ta’ żmien qasir (b’mod ġenerali inqas minn sena), li fir-rigward tiegħu l-ammont stabbilit għall-gravità ma jistax jiżdied iktar, ksur ta’ dewmien medju (b’mod ġenerali bejn sena u ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jkompli jiżdied sa 50 %, u ksur ta’ dewmien twil (b’mod ġenerali aktar minn ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied għal kull sena b’10 % (l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 B).

229    Sussegwentement il-linji gwida jiċċitaw, bħala eżempju, lista ta’ ċirkustanzi aggravanti u mitiganti li jistgħu jiġu kkunsidrati biex jiżdied jew jitnaqqas l-ammont bażiku u wara jirreferu għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-każijiet li jirrigwardaw akkordji (ĠU C 207, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

230    Bħala rimarka ġenerali, huwa ppreċiżat li r-riżultat finali tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa skond dan il-metodu (ammont bażiku miżjud jew imnaqqas fuq il-bażi ta’ perċentwali ta’ aggravazzjoni jew mitigazzjoni) f’ebda każ ma jista’ jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ l-impriżi, skond l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 [punt 5(a)]. Minbarra dan, il-linji gwida jipprovdu li għandhom jiġu kkunsidrati, skond iċ-ċirkustanzi u wara li jsiru l-kalkoli deskritti iktar ’il fuq, ċerti fatturi oġġettivi bħall-kuntest ekonomiku speċifiku, il-vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju eventwalment miksub mill-awturi tal-ksur, il-karatteristiċi partikolari ta’ l-impriżi in kwistjoni kif ukoll il-kapaċità reali tagħhom li jħallsu f’kuntest soċjali speċifiku, sabiex jiġi emendat, finalment, l-ammont tal-multi maħsub [punt 5(b)].

231    Konsegwentement, skond il-metodu pprovdut fil-linji gwida, il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi jkompli jiġi effettwat abbażi taż-żewġ kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri l-gravità u d-dewmien tal-ksur, filwaqt li jiġi rrispettat il-limitu massimu meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża, stabbilit bl-istess dispożizzjoni.

232    Konsegwentement, il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jmorru lil ’hinn mill-kuntest legali tas-sanzjonijiet hekk kif ddefinit minn din id-dispożizzjoni.

233    B’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, it-tibdil li jistgħu jġibu l-linji gwida fir-rigward tal-prattika amministrattiva eżistenti tal-Kummissjoni lanqas ma jikkostitwixxi tibdil tal-kuntest ġuridiku li jirregola l-multi li jistgħu jiġu imposti u, għaldaqstant, mhuwiex tali li jmur kontra l-prinċipji kontenuti fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB.

234    Fil-fatt, minn banda, il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix fiha nnifisha bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, u dan peress li dan jinsab definit biss fir-Regolament Nru 17.

235    Mill-banda l-oħra, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 17 lill-Kummissjoni, l-introduzzjoni, mill-istess Kummissjoni, ta’ metodu ġdid ta’ kalkolu tal-multi, li jista’ jwassal, f’ċerti każijiet, għal żieda fl-ammont tal-multi, mingħajr madankollu ma jeċċedi l-limitu massimu stabbilit fl-istess Regolament, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala aggravazzjoni b’effett retroattiv, tal-multi kif huma ġuridikament previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 li tmur kontra l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali.

236    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li jingħad li l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi skond il-metodu espost fil-linji gwida, partikolarment li jibda abbażi ta’ ammont determinat, fil-prinċipju, skond il-gravità tal-ksur, jista’ jwassal lill-Kummissjoni timponi multi ogħla milli fil-prattika preċedenti tagħha. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond diversi elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, mingħajr ma ġiet redatta lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I‑1611, punt 54; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C 219/95 P. Ġabra p. I-4411, punt 33; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T-295/94, Ġabra p. II‑813, punt 163). Minbarra dan, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffisar ta’ l-ammont tal-multi sabiex tiggwida l-komportament ta’ l-impriżi fid-direzzjoni tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra II-1165, punt 59, ta’ l-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni, T-49/95, Ġabra II 1799, punt 53, u ta’ l-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II 1689, punt 127).

237    Iktar minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livell fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ ksur ma jistax jipprivaha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell skond il-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109; sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 309; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il-Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II‑869, punt 89). L-applikazzjoni effikaċi tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni titlob, fil-fatt, li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull mument temenda l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

238    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

1.     L-argumenti tal-partijiet

239    Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni ta’ politika ġdida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, wara li hija pprovdiet volontarjament provi li jinkriminawha, tmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, hija ssostni li kellha dritt tibbaża ruaħha fuq il-prattika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi fis-seħħ fiż-żmien meta hija kkuntattjat lill-Kummissjoni. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien limitat bil-fatt li r-rikorrenti kkooperat magħha fuq il-bażi tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi espost fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/601/KE tat-13 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/C/33.833 – Kartun) (ĠU L 243, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Kartun”) u fl-abbozz ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tagħhom fil-każijiet li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1995, C 341, p. 13, iktar ’il quddiem l-“abbozz tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”), invokati f’dak iż-żmien kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-Kummissjoni.

240    Skond il-konvenuta, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawk li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni m’għandhomx id-“dritt” għal xi livell ta’ multa partikolari. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li meta hija ddeċidiet li tippreżenta d-dokumenti lill-Kummissjoni, hija bbażat ruħha fuq il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni biex imbagħad issir taf li l-politika fil-qasam tal-multi kienet inbidlet bil-linji gwida ġodda. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrispettat kompletament it-test u l-ispirtu ta’ din il-komunikazzjoni billi naqqset il-multa bi 30 %. Peress li din il-komunikazzjoni ma tirrigwardax il-kalkolu ta’ l-ammont bażiku tal-multa, hija ma setgħetx tagħti lill-impriżi kkonċernati aspettattiva fir-rigward tal-livell tal-multa qabel it-tnaqis ta’ l-ammont tagħha skond din il-komunikazzjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

241    Jeħtieġ li jiġi osservat li, f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni teżerċita l-poter tagħha fil-limiti tal-marġni diskrezzjonali mogħti lilha bir-Regolament Nru 17. Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tal-poter diskrezzjonali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-15 ta’ Lulju 1982, Edeka, 245/81, Ġabra p. 2745, punt 27, u ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 33).

242    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija intitolata tgħolli l-livell ġenerali tal-multi fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ biex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 237 iktar ’il fuq).

243    Minn dan isegwi li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa ma jistgħux ikollhom aspettattiva leġittima fil-fatt li l-Kummissjoni mhux ser taqbeż il-livell tal-multi applikat preċedentement.

244    Fir-rigward ta’ l-aspettattiva li r-rikorrenti siltet mid-Deċiżjoni Kartun, partikolarment f’dak li jikkonċerna t-tnaqqis minħabba l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva, jeħtieġ li jingħad ukoll li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tat, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal komportament partikolari ma jimplikax li hija marbuta tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali fl-evalwazzjoni ta’ komportament simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri (ara, f’dak li jikkonċerna ċirkustanza mitiganti, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mayr Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 368).

245    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika, f’dan il-każ, il-politika li hija kellha fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Kartun peress li, minn dakinhar, hija adottat il-komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni, li ġiet ippubblikata fit-18 ta’ Lulju 1996. Minn dik id-data, il-Kummissjoni nisslet fl-impriżi aspettattiva leġittima fl-applikazzjoni tal-kriterji pprovduti f’dik il-komunikazzjoni li issa tobbligaha timplementa l-kriterji msemmija.

246    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti, meta hija kkuntattjat lill-Kummissjoni, bl-ebda mod ma setgħet temmen li l-istess Kummissjoni kienet ser tapplikalha l-metodu preskritt fl-abbozz tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u dan peress li minn dan it-test, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, jirriżulta ċar li dak kien abbozz. Fil-fatt, ma’ dak l-abbozz, il-Kummissjoni spjegat li hija kellha l-intenzjoni li tadotta komunikazzjoni li tirrigwarda n-non-impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fir-rigward ta’ impriżi li jikkooperaw magħha fl-investigazzjoni jew fil-proċeduri fir-rigward ta’ ksur u li, qabel din l-adozzjoni, hija stiednet lill-partijiet ikkonċernati kollha jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-abbozz imsemmi. Tali abbozz seta’ jkollu biss l-effett li javża lill-impriżi kkonċernati li l-Kummissjoni kienet ser tadotta komunikazzjoni fuq dan is-suġġett.

247    Safejn ir-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-argumenti tagħha huma l-istess bħal dawk ibbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni msemmija.

248    Minn dan isegwi li l-ilment għandu jiġi miċħud in kwantu huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

C –  Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità u fuq il-legalità tal-linji gwida

1.     L-argumenti tal-partijiet

249    Ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti biex tikkorrobora t-teżi tagħha li l-Kummissjoni imponietilha multa eċċessiva u diskriminatorja, bi ksur kemm tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

250    Fl-ewwel lok, billi ħadet bħala l-punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, ammonti astratti bbażati biss fuq il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni wettqet diskriminazzjoni fil-konfront ta’ l-impriżi żgħar u medji. Fil-fatt, il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi kkonċernati f’erba’ kategoriji, skond id-daqs tagħhom. Peress li l-punt ta’ tluq speċifiku li hija ffissat għal ABB, li hija impriża li taqa’ taħt l-ewwel kategorija, kien taħt l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-istess impriża, il-metodu ta’ kalkolu ppermetta li jingħata effett sħiħ lill-fatturi rilevanti kollha għad-determinazzjoni ta’ l-ammont finali tal-multa. Mill-banda l-oħra, għar-rikorrenti u l-impriżi l-oħra li jappartjenu għat-tieni u t-tielet kategorija, li huma ta’ daqs iżgħar minn ABB, il-punti ta’ tluq speċifiċi kienu tant għoljin li l-effetti tal-fatturi msemmija ġew assorbiti mill-ħtieġa li l-limitu jitniżżel għal taħt il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ kif impost mir-Regolament Nru 17.

251    Konsegwentement, il-Kummissjoni ddiskriminat kontra l-impriżi żgħar u medji, liema diskriminazzjoni tmur kontra l-politika ġenerali tagħha li tikkonsisti f’li jiġu ttrattati b’mod inqas aħrax il-kumpanniji li huma attivi essenzjalment fis-settur kopert mill-ksur, meta mqabbla mal-kumpanniji multinazzjonali li huma attivi, simultanjament, f’diversi setturi. Il-komportament tal-Kummissjoni jmur ukoll kontra l-Artikolu 130(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 157(1) KE), li abbażi tiegħu l-Kummissjoni hija obbligata tinkoraġġixxi ambjent li jiffavorixxi l-inizjattiva u l-iżvilupp, partikolarment ta’ l-impriżi żgħar u medji.

252    Fit-tieni lok, il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni wassal għall-fatt li l-impriżi tat-tieni u t-tielet kategorija raw multi bażiċi ogħla mil-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Skond ir-rikorrenti, dan il-limitu ma jistax jinqabeż fl-ebda mument tal-kalkolu. Kieku l-Kummissjoni setgħet tikkalkula l-ammont tal-multa abbażi ta’ ammonti bażiċi li jaqbżu l-limitu ta’ 10 %, kull emenda tal-Kummissjoni għall-ammont tal-multa jkun purament illużorju u ma jkollu ebda effett fuq l-ammont finali tal-multa, li fi kwalunkwe każ ikun ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ.

253    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li l-punt 5(a) tal-linji gwida jipprovdi li “l-ammont aħħari kalkolat skond dan il-metodu (ammont bażiku miżjud jew imnaqqas fuq bażi perċentwali)” ma jista’ qatt jeċċedi l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi. Il-linji gwida nnifishom b’hekk ma jippermettu ebda kalkolu li r-riżultat tiegħu jeċċedi l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ.

254    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ fl-istadju tal-kalkolu tal-multa wara li ħadet in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi mitiganti imma qabel it-tnaqqis ta’ l-ammont minħabba l-kooperazzjoni, naqqset il-multi, għall-impriżi tat-tieni u t-tielet kategorija, għal-livell l-iktar għoli legalment possibbli. Fil-każ tar-rikorrenti, il-multa li kienet ġiet iffissata qabel it-tnaqqis dovut għall-kooperazzjoni tagħha kienet ta’ 12 7000 000 ECU, jiġifieri eżattament 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

255    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multi għal livell li ma jirriflettix id-daqs individwali ta’ l-impriżi. Fil-fatt, filwaqt li l-Kummissjoni, fil-prattika preċedenti tagħha, kienet tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ marbut mal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur, f’dan il-każ, hija naqqset il-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha. Il-Kummissjoni kellha l-obbligu li waqt id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa tieħu in kunsiderazzjoni kull wieħed minn dan id-dħul mill-bejgħ sabiex tqis id-daqs u l-preżenza fid-diversi swieq ta’ l-impriża kkonċernata.

256    Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti terġa’ tosserva li l-Kummissjoni injorat ir-realtà tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti meta kkwalifikata bħala impriża essenzjalment speċjalizzata fil-prodott in kwistjoni, mentri, fir-realtà, id-dħul mill-bejgħ tagħha fis-suq in kwistjoni kien jirrappreżenta biss 36,8 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha. Minħabba din l-evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, ġiet imposta fuqha multa sproporzjonata fil-konfront tad-dħul mill-bejgħ tagħha fis-suq rilevanti. Il-metodu ta’ kalkolu użat ħoloq diskriminazzjoni kontra r-rikorrenti fil-konfront ta’ l-impriżi tat-tielet kategorija, in kwantu d-differenza bejn il-multi imposti fuq dawn u dik imposta fuq ir-rikorrenti kienet sproporzjonata fir-rigward tad-differenza fid-daqs tagħhom.

257    Fir-raba’ lok, billi kkalkolat l-ammont tal-multi abbażi ta’ ammonti ogħla mil-limitu legalment ammissibbli, il-Kummissjoni ċaħdet lilha nnifisha mill-possibbiltà li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturi l-oħra li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. B’hekk, il-Kummissjoni ma kkalkolatx l-ammont tal-multi skond il-profitt li kull impriża kkonċernata kienet għamlet fis-suq rilevanti, minkejja li l-ħtieġa li tieħu in kunsiderazzjoni dan il-fattur kienet rikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-prattika tal-Kummissjoni stess u msemmija fir-Rapport XXI tagħha fuq il-politika tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti m’għamlitx marġni ta’ profitt eċċessiv matul id-dewmien tal-ksur allegat. Ir-rikorrenti ma tifhimx kif l-elementi l-oħra li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammont tal-multa setgħu, kif hija tallega, jirriflettu l-profitti konċettwali miksuba minn kull impriża.

258    Fl-aħħar lok, il-multa hija sproporzjonata, in kwantu l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-kapaċità tar-rikorrenti sabiex tħallas il-multa u b’hekk iffissat l-istess multa f’livell li jhedded is-sopravivenza tagħha. Mill-banda l-oħra, fil-prattika preċedenti tagħha, il-Kummissjoni, f’diversi okkażjonijiet, imponiet multa ta’ ammont iżgħar mil-livell normali minħabba diffikultajiet finanzjarji li kellhom l-impriżi kkonċernati. Fil-linji gwida tagħha, il-Kummissjoni esponiet ukoll l-intenzjoni tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità reali ta’ l-impriżi li jħallsu f’kuntest soċjali speċifiku sabiex temenda l-ammont tal-multi in kwistjoni. Minn din l-intenzjoni, l-impriżi jisiltu aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tesponi li matul is-snin 1997 u 1998 hija sofriet telf kbir li, magħdud assoċjat mal-multa, wassal għal telf li jaqbeż il-totalità tal-valur nett tal-fondi tagħha stess. Sabiex tevita l-falliment u takkwista l-fondi biex tħallas il-multa, ir-rikorrenti kellha tbiegħ l-parti l-kbira ta’ l-attivitajiet industrijali u kummerċjali tagħha kif ukoll l-isem “Løgstør Rør”. Anke jekk ir-rikorrenti għadha teżisti bħala persuna legali, hija għaldaqstant kienet ġiet eliminata mis-suq in kwistjoni.

259    Ir-rikorrenti żżid li l-obbjettiv tal-Kummissjoni, fl-iffissar tal-multi, għandu jkun ta’ natura dissważiva u mhux tali li jelimina impriżi mis-suq rilevanti u jikkaġuna ħsara b’hekk lill-kompetizzjoni fi ħdan is-settur in kwistjoni. L-iffissar tal-multi għal livell daqshekk għoli jista’ jwassal għall-eliminazzjoni taż-żewġ kompetituri prinċipali ta’ ABB mis-suq, jiġifieri r-rikorrenti u Tarco.

260    In kwantu l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-linji gwida ġodda tagħha waqt il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, sabiex tistabbilixxi l-ammont eċċessiv u diskriminatorju tal-multa, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità ta’ dawn il-linji gwida fid-dawl ta’ l-Artikolu 184 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 241 KE). Fil-fatt, fil-linji gwida tagħha, il-Kummissjoni stabbiliet ammonti bażiċi għall-kalkolu tal-multa li kienu tant għoljin li xejnu l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, inklużi possibbli ċirkustanzi mitiganti.

261    Il-konvenuta tosserva, l-ewwel nett, li l-allegazzjoni li hija wettqet diskriminazzjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammonti li jservu għall-kalkolu tal-multi hija infondata.

262    L-użu ta’ ċifra waħda ta’ 20 miljun ECU bħala l-punt ta’ tluq għal dawk kollu ħatja tal-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala diskriminatorju in kwantu dan l-ammont ġie sussegwentement emendat għal kull wieħed minn dawk dawk kollu ħatja tal-ksur u skond il-gravità tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet ħadet espressament in kunsiderazzjoni d-diskrepanza fid-daqs u l-kapaċità ekonomika ta’ l-impriżi in kwistjoni, partikolarment, billi żiedet l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ABB. Il-multa ta’ 8.9 miljun ECU tar-rikorrenti, minflok ma ġiet iffissata fl-ogħla livell ammissibbli, baqgħet taħt il-limitu awtorizzat mir-Regolament Nru 17.

263    Iktar minn hekk, anke jekk ABB kienet irċeviet trattament favorevoli mhux mistħoqq meta mqabbla mar-rikorrenti, dan m’għandux iwassal għal tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, u dan peress li ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu xi illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħaddieħor. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li hija impriża medja. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 130 tat-Trattat, minħabba n-natura ġenerali tiegħu, ftit li xejn jista’ jiġi kkontemplat li xi miżura tista’ tiġi annullata minħabba li hija inkumpatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

264    Sussegwentement, il-konvenuta tikkontesta li l-ammonti użati għall-kalkolu tal-multi fl-ebda mument tal-kalkolu ma jistgħu jkunu ogħla minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ. Dak li hu rilevanti fir-rigward tal-limitu ffissat fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa biss ir-riżultat finali tal-kalkolu tal-multa u mhux l-ammonti meħudin għall-finijiet tal-kalkolu. Il-Kummissjoni setgħet barra minn hekk tuża punt ta’ tluq iżgħar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ li jwassal għall-istess ammont finali tal-multa. F’każ fejn l-applikazzjoni tal-kriterji tal-linji gwida twassal għal ammont ogħla mil-limitu massimu, xejn ma jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tnaqqas l-ammont għal somma li tikkorrispondi preċiżament għal dan il-limitu qabel ma tapplika l-kriterji li jinsabu fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. In kwantu, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-punt 5(a) tal-linji gwida, dan l-argument huwa ġdid u inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

265    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ mogħtija mir-rikorrenti hija infondata peress li tinvolvi l-obbligu li l-kalkolu jinbeda minn livell abnormalment baxx sabiex, f’ebda mument tal-kalkolu, ma jaqbeż dan il-limitu, fatt li tista’ jwassal għall-iffissar ta’ punt ta’ tluq li lanqas ma hu konformi mal-kriterji definiti fil-linji gwida. Skond dan il-metodu, il-kalkolu kollu għandu jsir bil-kontra u l-punt ta’ tluq ikun ċar biss fi tmiem l-operazzjoni. Dan il-metodu huwa arbitrarju u jwassal lill-Kummissjoni tinjora ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

266    Il-Kummissjoni hija intitolata timponi multa li ma teċċedix l-10 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali ta’ impriża. Għalkemm il-Kummissjoni spiss ħadet in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ fis-suq in kwistjoni bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, hija ma kinitx obbligata ssegwi din il-prattika preċedenti. Fil-fatt, fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi u d-dħul mill-bejgħ m’għandux jingħata importanza sproporzjonata. Fi kwalunkwe każ, il-prattika preċedenti tal-Kummissjoni ma kinitx kostanti peress li multi kienu ġew stabbiliti wkoll b’riferenza għal dħul mill-bejgħ oħra għajr dak tas-suq in kwistjoni jew għall-benefiċċji miskuba mill-awturi tal-ksur.

267    Billi ssemmi li r-rikorrenti kienet speċjalizzata f’prodott wieħed, id-deċiżjoni ma qalitx li hija kienet tipproduċi prodott wieħed biss. Id-deskrizzjoni tar-rikorrenti bħala impriża essenjzalment speċjalizzata f’prodott wieħed mhijiex żbaljata peress li, skond l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti stess, il-pajpiet pre-iżolati, fi żmien l-investigazzjoni, kienu jirrappreżentaw madwar 80 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan l-element bil-għan biss li tagħmel differenza bejn ir-rikorrenti u ABB u tnaqqas il-punt ta’ tluq tal-multa minn 20 għal 10 miljun ECU.

268    Il-Kummissjoni m’għandha ebda obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni l-benefiċċji li ttieħdu mill-ksur. Ġeneralment ikun diffiċli li jiġi stabbilit x’benefiċċji kull waħda mill-impriżi jkunu ħadu billi pparteċipaw fil-ksur, u dan kien il-każ b’mod partikolari f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, l-elementi l-oħra li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni huma meqjusa li jirriflettu l-benefiċċji teoretiċi miksuba minn kull impriża. Fil-każ ta’ ksur serju u deliberat ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, dan jista’ jitiqes bħala li huwa ta’ importanza suffiċjentement serja sabiex il-Kummissjoni ma tagħtix importanza partikolari lill-ammont reali tal-benefiċċji.

269     Il-Kummissjoni lanqas ma hija obbligata li tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża meta tistabbilixxi l-ammont tal-multa, sakemm tibqa’ taħt il-limitu massimu impost mir-Regolament Nru 17. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li l-eżistenza tagħha kienet mhedda mill-multa, u lanqas li l-bejgħ ta’ l-attivitajiet tagħha kien neċessarju minħabba l-obbligu li tħallas il-multa. Fil-fatt, tali miżura setgħet ittieħdet għal diversi raġunijiet u fi kwalunkwe każ, ma tistax tiġi mqabbla ma’ eliminazzjoni ta’ l-impriża mis-suq in kwistjoni.

270    Peress li l-multa mhija la eċċessiva u lanqas diskriminatroja, ir-rikorrenti m’ għandha ebda raġuni biex tikkontesta l-legalità tal-linji gwida. Lanqas ma huwa eżatt li wieħed isostni li l-Kummissjoni, billi adottat il-linji gwida, intrabtet b’tali mod li ma ħaditx iktar in kunsiderazzjoni ċirkustanzi mitignati u r-rwol li kellhom id-diversi parteċipanti fl-akkordju.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

271    Jeħtieġ li jiġi ossrevat li r-rikorrenti, apparti l-argumenti tagħha dwar ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, invokat ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità, skond l-Artikolu 184 tat-Trattat, fir-rigward tal-linji gwida, in kwantu l-Kummissjoni, fl-adozzjoni tagħhom, ċaħdet lilha nnifisha mill-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha, mogħtija bir-Regolament Nru 17, partikolarment sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs individwali ta’ l-impriżi u r-rwol ta’ kull waħda minnhom fi ksur. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi eżaminata din l-eċċezzjoni ta’ illegalità.

–       Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-linji gwida

272    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 184 tat-Trattat huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-anullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti li, anke jekk m’għandhomx il-forma ta’ regolament, jikkostitwixxu l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, jekk dik il-parti ma kellhiex id-dritt li, skond l-Artikolu 173 tat-Trattat, tippreżenta rikors dirett kontra dawk l-atti, li tagħhom hija għaldaqstant tbati l-konsegwenzi mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punti 39 u 40).

273    Peress li l-Artikolu 184 tat-Trattat m’għandux l-għan li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ xi att ta’ applikazzjoni ġenerali in sostenn ta’ xi rikors kwalsiasi, l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu tkun qiegħda tiġi invokata, għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-kwistjoni li tkun is-suġġett tar-rikors u jrid ikun hemm rabta ġurudika diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestat u l-att ġenerali in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1965, Macchiorlati Dalmas e Figli vs Haute Autorité, 21/64, Ġabra p. 227, 245, u tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 32/65, Ġabra p. 563, 594; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T-6/92 u T-52/92, Ġabra p. II-1047, punt 57).

274    Għal dak li jikkonċerna l-linji gwida, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fl-ewwel subparagrafi ta’ l-istess linji gwida ddisponiet: “[I]Il-prinċipji ndikati hawnhekk għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10  % tal-valur tal-bejgħ totali [dħul mill-bejgħ].[...] [u...] [i]l-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin.”. Minn dan isegwi li, għalkemm il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, in kwantu l-istess deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 3 u 15( 2) tar-Regolament Nru 17, il-linji gwida msemmija jistabbilixxu b’mod ġenerali u astratt, il-metodu li l-Kummissjoni imponiet għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi imposti mid-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, ċertezza ġuridika min-naħa ta’ l-impriżi.

275    Iktar minn hekk, huwa paċifiku li l-Kummissjoni stabbiliet l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti skond il-metodu ġenerali li imponiet fuqha stess fil-linji gwida tagħha (ara l-punt 222 iktar ’il fuq).

276    Konsegwentement, f’dan il-każ, teżisti rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali kkostitwit mil-linji gwida. Peress li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li titlob l-annullament tal-linji gwida, bħala att ġenerali, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità .

277    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi osservat li, kif ġie rrilevat fil-punti 223 sa 232 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, billi fil-linji gwida tagħha stabbiliet il-metodu li hija kellha intenzjoni tapplika għall-kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, baqgħet fil-kuntest legali impost b’dik id-dispożizzjoni.

278    B’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata waqt id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur in kwistjoni, tagħmel il-kalkolu tagħha tal-multa abbażi ta’ ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati, u lanqas li tiżgura, fil-każ fejn multi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li l-kalkolu jwassal għalihom fir-rigward ta’ l-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħhom jew id-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-suq tal-prodott in kwistjoni.

279    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita li abbażi tagħha l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ diversi elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tiġi redatta lista vinkolanti u eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitatat fil-punt 236 iktar ’il fuq).

280    Fost l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, jista’, skond il-każ, ikun hemm il-volum u l-valur tal-prodotti suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ l-impriża u konsegwentement, l-influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq. Minn naħa, isegwi li huwa permessibbli, għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, li jiġi kkunsidrat ukoll kemm id-dħul mill-bejgħ globali ta’ l-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti ta’ dan id-dħul mill-bejgħ li toriġina mill-prodotti suġġett tal-ksur u li għaldaqstant hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni tal-kobor tiegħu Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta li m’għandhiex tingħata la lil wieħed u lanqas lill-ieħor minn dawn id-dħul mill-bejgħ importanza sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-elementi l-oħrajn ta’ evalwazzjoni u li l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 120 u 121; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II-549, punt 94 u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 176).

281    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija intitolata tikkalkula multa skond il-gravità tal-ksur u mingħajr ma tikkunsidra d-diversi dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati. B’hekk il-qorti Komunitarja kkonstatat il-legalità ta’ metodu ta’ kalkolu li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tistabbilixxi l-ewwel l-ammont globali tal-multi li għandhom jiġu imposti, biex imbagħad taqsam dan it-total bejn l-impriżi kkonċernati, skond l-attivitajiet tagħhom fis-settur ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 48 sa 53) jew skond il-grad ta’ parteċipazzjoni tagħhom, ir-rwol tagħhom fl-akkordju u l-importanza rispettiva tagħhom fis-suq, ikkalkulata abbażi tas-sehem mis-suq medju matul il-perijodu ta’ referenza.

282    Minn dan isegwi li, billi fil-linji gwida tagħha stabbiliet metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi li mhuwiex ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ma tbiegħditx mill-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 mogħtija mill-ġurisprudenza.

283    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm il-linji gwida ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkulat skond id-dħul mill-bejgħ globali jew id-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-prodott in kwistjoni ta’ l-impriżi kkonċernati, l-istess linji gwida ma jipprekludux li dan id-dħul mill-bejgħ jiġi meħud in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu dan.

284    Jirriżulta, fil-fatt, li fl-applikazzjoni tal-linji gwida, id-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati jista’ jiġi kkunsidrat fit-teħid in kunsiderazzjoni tal-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li jagħmlu ħsara sostanzjali lill-operaturi l-oħrajn u tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa tkun ta’ natura biżżejjed dissważiva jew meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir fil-biċċa l-kbira jkollhom infrastrutturi suffiċjenti sabiex jkollhom għarfien legali u ekonomiku li jippermettilhom jevalwaw aħjar in-natura illeċita tal-komportament tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni (ara l-punt 226 iktar ’il fuq). Id-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati jista’ jiġi kkunsidrat ukoll fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-piż speċifiku, u b’hekk ta’ l-impatt reali, tal-komportament illeċitu ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm diskrepanza kunsiderevoli fid-daqs ta’ l-impriżi awturi ta’ ksur ta’ l-istess natura (ara l-punt 227 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, id-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi jista’ jagħti indikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju eventwalment miksub mill-awturi tal-ksur jew ta’ karatteristiċi oħrajn speċifiċi tagħhom li, skond iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu kkunsidrati (ara l-punt 230 iktar ’il fuq).

285    Barra minn hekk, il-linji gwida jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ sanzjoni ugwali għall-istess komportament jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi hekk jeżiġu, għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenti għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma din id-differenza tkun irregolata minn kalkolazzjoni aritmetika (is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A).

286    B’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-linji gwida ma jeċċedux dak li jipprovdi r-Regolament Nru 17. Ir-rikorrenti ssostni li dawn il-linji gwida jippermettu lill-Kummissjoni timponi, fid-dawl tal-gravità tal-ksur, punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa tant għoli li, fid-dawl tal-fatt li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammont tal-multa ma jista’ qatt jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża kkonċernata, f’ċerti każijiet m’hemmx il-possibbiltà li fatturi oħra, bħad-dewmien jew iċ-ċirkustanzi mitiganti jew aggravanti jibqa’ jkollhom effett fuq il-livell tal-multa.

287    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, billi jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ timponi multi f’ammont li jista’ jwassal sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena ta’ negozju preċedenti għal kull impriżia li tkun qegħda tipparteċipa fil-ksur, jeżiġi, fil-fatt, li l-multa li tiġi finalment imposta fuq impriża tiġi mnaqqsa fil-każ fejn din teċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, indipendentement mill-operazzjonijiet ta’ kalkolu intermedji intiżi sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-gravità u d-dewmien tal-ksur.

288    Konsegwentement, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni milli, matul il-kalkolu tagħha, tirreferi għal ammont intermedju li jeċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża kkonċernata, sakemm l-ammont tal-multa finalment imposta fuq dik l-impriża ma jaqbiżx dan il-limitu massimu.

289    Iktar minn hekk, il-linji gwida fl-istess sens jipprovdu li “l-ammont aħħari kalkolat skond dan il-metodu (ammont bażiku miżjud jew imnaqqas fuq bażi perċentwali) m’għandux fi kwalunkwe każ jaqbeż 10  % tal-profitt [dħul mill-bejgħ] dinji ta’ l-impriżi, kif stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 7.” [punt 5(a)].

290    F’każ fejn il-Kummissjoni, fil-kalkolu tagħha, tirreferi għal ammont intermedju li jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża kkonċernata, l-istess Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata bil-fatt li ċerti fatturi li ttieħdu in kunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tagħha ma jaffettwawx l-ammont finali tal-multa, u dan peress li dan huwa l-konsegwenza tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru 17 li m’għandux jinqabeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża kkonċernata.

291    In kwantu r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-illegalità tal-linji gwida fid-dawl tar-Regolament Nru 17, l-eċċezzjoni tagħha għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

292    Jeħtieġ li jiġi osservat li r-rikorrenti takkuża lill-Kummimssjoni li, l-istess kif għamlet lill-impriżi żgħar u medji l-oħra, imponietilha multa li, fil-konfront tal-multa imposta lil ABB, ma ħaditx biżżejjed kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ u d-daqs tagħha.

293    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C-174/89, Ġabra p. I-2681, punt 25; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II 1129, punt 309).

294    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm ksur serju ħafna li għalih il-multa mogħtija normalment hija ta’ 20 miljun ECU (premessa 165 tad-Deċiżjoni).

295    Għandu jiġi osservat, sussegwentement, li l-Kummissjoni, bil-għan li tikkunsidra d-diskrepanza fid-daqs bejn l-impriżi li ħadu sehem fil-ksur, qassmet lill-impriżi f’erba’ kategoriji skond l-importanza tagħhom fis-suq tal-Komunità, bla ħsara għal emendi intiżi biex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li tiġi żgurata dissważjoni effettiva (it-tieni sar-raba’ paragrafu tal-premessa 166 tad-Deċiżjoni). Jirriżulta mill-premessi 168 sa 183 tad-Deċiżjoni li l-erba’ kategoriji kienu ġew imposti, f’ordni ta’ importanza, għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, punti ta’ tluq speċifiċi ta’ 20 miljun, 10 miljuni, 5 miljuni u miljun ECU.

296    Rigward id-determinazzjoni tal-punti ta’ tluq għal kull waħda mill-kategoriji, il-Kummissjoni spjegat, fuq domanda li saritilha mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li dawn l-ammonti jirriflettu l-importanza ta’ kull impriża fis-settur tal-pajpijiet pre-iżolati, waqt li ġew ikkunsidrati d-daqs u l-piż tagħha meta mqabbla ma’ ABB u fil-kuntest ta’ l-akkordju. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kkunsidrat mhux biss id-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-suq in kwistjoni, iżda wkoll l-importanza relattiva li l-membri ta’ l-akkordju kienu attribwixxew għal kull wieħed minnhom, kif jirriżulta mill-kwoti previsti fi ħdan l-akkordju, li jinsabu fl-Anness 60 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, u mir-riżultati miksuba u previsti fl-1995, li jinsabu fl-Annessi 169 sa 171 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

297    Iktar minn hekk, il-Kummissjoni żiedet il-punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ABB, sa 50 miljun ECU, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-gruppi Ewropej prinċipali (premessa 168 tad-Deċiżjoni).

298    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jingħad li, fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha meħudin in kunsiderazzjoni fl-iffissar tal-punti ta’ tluq speċifiċi, id-differenza bejn il-punt ta’ tluq meqjus fir-rigward tar-rikorrenti, minn banda, u l-punt ta’ tluq meqjus għal ABB, mill-banda l-oħra, hija oġġettivament iġġustifikata. Peress li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tiżgura li l-ammonti finali tal-multi riżultanti mill-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejn l-istess impriżi fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li ġiet imposta punt ta’ tluq li wassal għal multa finali ogħla, f’persentaġġ tad-dħul mill-bejgħ globali tagħja, mill-multa imposta fuq ABB.

299    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li l-Kummissjoni, in kwantu hija bbażat ruħha, f’dan il-każ, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ impriża fis-suq ikkonċernat, mhijiex obbligata tieħu in kunsiderazzjoni, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, ir-relazzjoni eżistenti bejn id-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża u d-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-prodotti suġġett tal-ksur (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 184). Għaldaqstant, il-Kummissjoni a fortiori mhijiex obbligata tistabbilixxi l-ammont tal-multi abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ l-impriżi kkonċernati f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ, fejn hija għażlet li tieħu in kunsiderazzjoni numru ta’ fatturi rilevanti sabiex tanalizza l-gravità u d-dewmien tal-ksur u b’mod partikolari, sabiex tistabbilixxi l-punti ta’ tluq għall-kalkolu tal-multi.

300    In kantu l-punt ta’ tluq ikkonstatat fir-rigward tar-rikorrenti huwa oġġettivament differenti minn dak użat fir-rigward ta’ ABB, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata bil-fatt li ċerti fatturi meħudin in kunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tagħha ma jaffettwawx l-ammont finali tal-multa imposta fuqha, peress li din hija l-konsegwenza tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li ma jinqabiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża kkonċernata (ara l-punt 290 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-inqas gravità tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-ksur meta mqabbel ma’ dak ta’ ABB, jeħtieġ li jiġi osservat li kif jirriżulta mill-premessa 171 tad-Deċiżjoni, ir-rwol partikolari ta’ ABB ittieħed in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza aggravanti, sabiex jiżdied l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq l-istess ABB.

301    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni imponietilha multa diskriminatorja meta mqabbla mal-multa imposta fuq ABB, u lanqas li l-Kummissjoni, b’mod ġenerali, wettqet diskriminazzjoni kontra l-impriżi żgħar u medji fil-konfront ta’ impriża kbira bħal ABB.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

302    Għal dak li jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jeħtieġ li jiġi osservat li r-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li ma ħaditx kunsiderazzjoni biżżejjed tad-dħul mill-bejgħ tagħha fis-suq rilevanti, fatt li wassal lill-Kummissjoni timponilha multa diskriminatorja meta mqabbla mal-multi imposti fuq l-impriżi tat-tielet kategorija.

303    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li mid-Deċiżjoni kif ukoll mill-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni wara domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li l-istess Kummissjoni, fl-iffissar tal-punti ta’ tluq speċifiċi għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, ħadet in kunsiderazzjoni numru ta’ fatturi li jirriflettu l-importanza ta’ kull impriża fis-settur tal-pajpijiet pre-iżolati, fosthom id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq rilevanti. Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, ma bbażatx ruħha esklużivament fuq id-dħul mill-bejgħ fis-suq rilevanti ta’ kull impriża, iżda ħadet in kunsiderazzjoni fatturi oħra relattivi għall-importanza ta’ l-impriżi f’dan is-suq, ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni imponiet multa sproporzjonata. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża u dak provenjenti mill-prodotti suġġett tal-ksur, m’għandhomx jingħataw importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 280 iktar ’il fuq).

304    F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi konkluż li hemm sproporzjonalità fl-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, peress li l-punt ta’ tluq tal-multa tagħha huwa ġġustifikat fid-dawl tal-kriterji meqjusa mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni ta’ l-importanza ta’ kull impriża fis-suq rilevanti. Fid-dawl tal-kwota assenjata lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-akkordji u r-riżultati kkontemplati, kif jirriżultaw mill-Annessi 60 u 169 sa 171 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet intitolata timponilha, ta’ l-inqas, punt ta’ tluq darbtejn ogħla minn dak impost fuq l-impriżi tat-tielet kategorija.

305    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tislet argument mill-fatt li l-Kummissjoni, fil-premessa 175 tad-Deċiżjoni tagħha, ikkwalifikata bħala “impriża speċjalizzata f’prodott wieħed” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, minn din is-silta jirriżulta li tali kwalifika kellha bħala għan biss li tiddistingwi l-punt ta’ tluq iktar baxx tal-multa tagħha meta mqabbel mal-punt ta’ tluq meqjus għal ABB. Ir-rikorrenti ma rnexxielhiex turi kif tali kwalifika, jekk wieħed jissupponi li hija żbaljata, setgħet tiżvantaġġa.

306    In kwantu r-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha fis-suq rilevanti meta applikat il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jeħtieġ li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza kostanti li abbażi tagħha d-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 irid jinftiehem bħala li jirreferi għad-dħul mill-bejgħ totali ta’ l-impriża kkonċernata, li jagħti biss indikazzjoni approssimattiva ta’ l-importanza u ta’ l-influwenza tagħha fis-suq (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Cockerill Sambre vs Il-Kummissjoni, T-144/89, Ġabra p. II 947, punt 98 u tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 160). Sakemm tosserva l-limitu impost mid-dispożizzjoni iċċitata iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-ammont tal-multa abbażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-għażla tagħha, f’termini ta’ firxa ġeografika u prodotti kkonċernati.

307    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkalkulatx l-ammont tal-multa tagħha abbażi tal-profitt li hija kienet għamlet fis-suq rilevanti. Fil-fatt, anke jekk il-profitt li l-impriżi setgħu jiggwadanjaw mill-prattiċi tagħhom jifforma parti mill-elementi li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129, u s-sentenza Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 127) u anke jekk il-Kummissjoni, safejn hija kapaċi tkejjel dak il-profitt illeċitu, għandha l-possibbiltà li tiffissa l-multi f’livell tali li l-istess multi jaqbżu dak il-profitt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond diversi elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet redatta lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara l-punt 236 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, fil-linji gwida tagħha, il-Kummissjoni ddisponiet li l-benefiċċju ekonomiku jew finanzjarju akkwistat eventwalment mill-awturi tal-ksur huwa fost il-fatturi oġġettivi li “[j]iddependi miċ-ċirkustanzi” għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biex jiġi emendat l-ammont tal-multi kontemplati (ara l-punt 230 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, peress li l-Kummissjoni ffissat il-punt ta’ tluq għall-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti abbażi ta’ numru ta’ fatturi li jirriflettu l-importanza ta’ l-istess rikorrenti fis-suq, ma jistax jingħad li hija injorat il-vantaġġi li r-rikorrenti setgħet tiggwadanja mill-ksur in kwistjoni.

308    Fir-rigward tal-kapaċità tar-rikorrenti biex tħallas il-multa, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenza IAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, T-319/94, Ġabra p. II 1331, punti 75 u 76, u Enso Española vs Il-Kummissjoni, T-348/94, Ġabra p. II 1875, punt 316). Bl-istess mod, fejn il-linji gwida jipprevedu t-teħid in kunsiderazzjoni tal-“kapaċità reali tagħhom li jħallsu f’kuntest soċjali speċifiku”, sabiex jiġi emendat, finalment, l-ammont tal-multi maħsub, dan huwa suġġett għall-klawżola “[j]iddependi miċ-ċirkustanzi” (ara l-punt 230 iktar ’il fuq).

309    Għaldaqstant, in kwantu r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-argumenti tagħha għandhom ukoll jiġu miċħuda.

310    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq l-illegalità tal-linji gwida għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

D –  Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-dewmien tal-ksur

1.     L-argumenti tal-partijiet

311    Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni m’għandhiex id-dritt timmultiplika l-ammont intermedju tal-multa b’1.4 minħabba dewmien ta’ l-akkordju allegatament ugwali għal ħames snin, peress li, min-naħa tagħha, hija pparteċipat biss f’akkordju fid-Danimarka li dam relattivament ftit, li ħarġet minnu fl-1993, kif ukoll f’akkordju qasir, iktar wiesa’ li dam biss ftit xhur qabel ma l-kooperazzjoni fi ħdan l-istess akkordju sfaxxat fix-xejn. Il-fatt li ABB ammettiet l-eżistenza ta’ ksur kontinwat ma jistax ikun rilevanti għall-kalkolu tad-dewmien tal-ksur li jikkonċernaha.

312    Iktar minn hekk, il-fatt li “l-arranġamenti, fil-bidu, ma kinux kompluti u kellhom effett limitat barra mis-suq Daniż” kellu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tad-dewmien ta’ l-akkordju.

313    Il-konvenuta tinnota li l-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex hija tiċħad il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju kontinwu. Fi kwalunkwe każ, billi ffissat id-dewwmien tal-ksur għal ħames snin fil-premessa 179 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni n-natura mhux kompluta ta’ l-arranġamenti inizjali barra mid-Danimarka.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

314    Kif diġà ġie osservat, fil-punti 99 sa 109 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkalkulat korrettament id-dewmien tal-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti.

315    Għal dak li jikkonċerna l-fatt li l-arranġamenti fi ħdan l-akkordju, fil-bidu, ma kinux kompluti u kellhom effett limitat barra mis-suq Daniż, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet biżżejjed kunsiderazzjoni ta’ dan fl-evalwazzjoni tad-dewmien tal-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti.

316    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq l-applikazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi aggarvanti

1.     L-argumenti tal-partijiet

317    Ir-rikorrenti tikkontesta ż-żieda ta’ l-ammont bażiku tal-multa bi 30 % li saret abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti kkonstatati mill-Kummissjoni, partikolarment il-fatt li r-rikorrenti kompliet deliberatament tipparteċipa fil-ksur wara l-investigazzjonijiet magħmula, partikolarment, mill-Kummissjoni, u l-allegat rwol attiv tagħha fil-miżuri ta’ ritaljazzjoni meħudin kontra Powerpipe. B’dan il-mod, il-Kummissjoni naqset ukoll milli turi l-eżistenza ta’ xi waħda miċ-ċirkustanzi aggravanti elenkati fil-punt 2 tal-linji gwida tagħha.

318    Il-Kummissjoni erronjament żiedet l-ammont tal-multa minħabba l-kontinwazzjoni tal-ksur wara l-investigazzjonijiet. Fil-fat, il-kontinwazzjoni tal-prattiċi in kwistjoni wara li nbdiet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni hija intrinsika għal kull ksur u ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza aggravanti. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni kif ukoll il-linji gwida tagħha juru li n-nuqqas ta’ kontinwazzjoni tal-ksur għandu jittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza mitiganti. Jekk il-waqfien bikri ta’ ksur jista’ jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza mitiganti, m’hemmx raġuni għaliex il-kontinwazzjoni tal-ksur wara li tinbeda l-investigazzjoni tiġi ttrattata bħala ċirkustanza aggravanti.

319    Għal dak li jikkonċerna l-miżuri miftehma kontra Powerpipe, ir-rikorrenti tirribadixxi li hija ma pparteċipatx fl-iċken azzjoni punittiva kontra Powerpipe.

320    Il-konvenuta tosserva li l-lista taċ-ċirkustanzi aggravanti li tinsab fil-linji gwida mhijiex eżawrjenti. Għaldaqstant, hija kienet intitolata tqis il-kontinwazzjoni tal-ksur bħala ċirkustanza aggravanti, b’mod partikolari meta l-ksur inkun tant serju li ebda persuna prudenti ma tista’ tqis dan il-komportament bħala legali. Fl-aħħar nett, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-azzjonijiet miftehma kontra Powerpipe ġew murija fid-Deċiżjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

321    FL-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, għal dak li jikkonċerna l-lista ta’ ċirkustanzi aggravanti elenkati fil-linji gwida, l-istess linji gwida jindikaw biċ-ċar li din hija biss lista mogħtija bħala eżempju.

322    Għal dak li jikkonċerna r-rwol attiv tar-rikorrenti fil-miżuri ta’ ritaljazzjoni meħudin kontra Powerpipe, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punti 139 sa 164 iktar ’il fuq, ġie ppruvat li r-rikorrenti kellha kuntatt ma’ ABB, minn Lulju 1992, sabiex tikkaġuna ħsara lill-attivitajiet ta’ Powerpipe, li hija ftehmet ma’ ABB, fl-1993, sabiex tħajjar lil impjegat importanti ta’ Powerpipe jitlaq u li, wara l-laqgħa ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, hija ppruvat tittardja l-kunsinni lil Powerpipe billi kkuntattjat lil wieħed mill-fornituri tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet intitolata tikkonstata li r-rwol attiv tagħha fil- miżuri ta’ ritaljazzjoni meħudin kontra Powerpipe kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti, filwaqt li ġie rikonoxxut ukoll ir-rwol maġġuri li kellha ABB f’dak ir-rigward.

323    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi osservat li r-rikorrenti ma tiċħadx li hija kompliet bil-ksur tagħha wara l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni.

324    B’kuntrast ma’ dak li ssotni r-rikorrenti, il-fatt li l-waqfien ta’ ksur wara l–ewwel interventi tal-Kummissjoni jista’ jiġi meqjus bħala ċirkustanza mitiganti ma jfissirx li l-kontinwazzjoni ta’ ksur f’din is-sitwazzjoni ma tistax titqies bħala ċirkustanza aggravanti. Fil-fatt, ir-reazzjoni ta’ impriża għall-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha tista’ tiġi evalwata biss billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest partikolari tal-każ in eżami. Peress li l-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant tkun obbligata, bħala regola ġenerali, la li tqis il-kontinwazzjoni tal-ksur bħala ċirkustanza aggravanti u lanqas li tqis il-waqfien tal-ksur bħala ċirkustanza mitiganti, il-possibbiltà li hija tikklassifika dak il-waqfien, f’każ partikolari, bħala ċirkustanza mitiganti ma tistax iċċaħħadha mis-setgħa tagħha li, f’każ ieħor, tqis il-kontinwazzjoni tal-ksur bħala ċirkustanza aggravanti.

325    Għaldaqstant, l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

F –  Fuq in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi mitiganti

1.     L-argumenti tal-partijiet

326    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċerti fatturi, li, fil-passat, ġew meqjusa konsistentement bħala ċirkustanzi mitiganti, partikolarment l-eżistenza ta’ pressjoni eżerċitata fuq impriża minn impriża oħra jew l-introduzzjoni fl-impriża ta’ politika ta’ konformità mad-dritt Komunitarju.

327    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti hija impriża tal-familja ta’ daqs medju, li għalhekk m’għandhiex il-kapital ta’ impriża li tifforma parti minn grupp, fatt naqqas il-kapaċità tagħha li tħallas il-multa.

328    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti kienet konsistentement suġġetta għall-pressjoni qawwija min-naħa ta’ ABB, li kellha s-setgħa u r-riżorsi meħtieġa biex tiddomina s-settur. Fil-fatt, ABB qatt ma ħbiet l-għan tagħha li fuq medda ta’ żmien twil takkwista l-kontroll tar-rikorrenti jew li tikkaġunalha ħsara minħabba li t-teknoloġija iktar ekonomika tagħha kienet tikkostitwixxi theddida għaliha. Għaldaqstant, l-għan tar-rikorrenti kien li ma tmurx kontra ABB iktar milli tirrispetta akkordju impost minnha. Il-pressjoni eżerċitata minn ABB kellha għalhekk tittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza mitiganti għall-benefiċċju tar-rikorrenti.

329    Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-konvenuta li huwa biżżejjed li jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-komportament ta’ ABB. Fl-evalwazzjoni individwali ta’ kull impriża, il-Kummissjoni kienet obbligata li tevalwa l-effett materjali li l-istrateġija ta’ pressjoni ta’ ABB kellha fuq il-komportament ta’ l-impriżi, u, għaldaqstant, fuq dak tar-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, id-Deċiżjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura relattivament inqas gravi tar-rwol tar-rikorrenti meta mqabbel ma’ dak ta’ ABB, il-mexxej ta’ l-akkordju.

330    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li r-rikorrenti kellha teknoloġija iktar effikaċi li kienet tippermettilha teżerċita pressjoni biex jitbaxxew il-prezzijiet. Għaldaqstant, fi kwalunkwe stadju, hija kellha iktar interess li takkwista ishma mis-suq milli li tiffriża s-sitwazzjoni tagħha fis-suq. Fi ħdan l-EuHP, hija kienet vittma ta’ oppożizzjoni kontra l-użu tat-teknoloġija ġdida ekonomika tagħha.

331    Fir-rigward ta’ l-argument tal-konvenuta li n-nuqqas ta’ tressieq ta’ ilment mir-rikorrenti kien jipprekludiha milli tieħu in kunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni bħala ċirkustanza mitiganti, dan l-argument jinsab kontradett mit-test innifsu tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

332    Fir-raba’ lok, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju setgħet biss kellha effetti minimi fuq is-suq, peress li fl-1991 u 1992, hija kellha ishma mis-suq fid-Danimarka sostanzjalment ikbar mill-ishma li kienu ġew assenjati lilha. B’hekk, ir-rikorrenti tbiegħdet, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, mill-prattiċi ta’ kwota użati mill-impriżi l-oħra. Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li hija r-rikorrenti li temmet l-ewwel l-akkordju fid-Danimarka, b’effett minn April 1993.

333    Fil-ħames lok, għandu jiġi rilevat li, sa minn tmiem is-sena 1997, hija ħarġet mill-EuHP. Skond ir-rikorrenti, il-kooperazzjoni fi ħdan l-EuHP kienet tifforma parti mill-komportament sanzjonat mid-deċiżjoni. Il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni l-fatti rigwardanti t-tluq tagħha mill-EuHP waqt l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa.

334    Finalment, ir-rikorrenti introduċiet programm intern ta’ addattament mad-dritt Komunitarju fir-rebbiegħa ta’ l-1997, li kien jinvolvi d-distribuzzjoni ta’ “manwal ta’ konformità” kif ukoll konferenzi u diskussjonijiet fuq dan is-suġġett mal-persunal Daniż u Ġermaniż tagħha.

335    Il-konvenuta tafferma li ebda waħda miċ-ċirkustanzi elenkati fir-rikors ma kellha tittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza mitiganti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

336    Jeħtieġ li jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkunsidra li ebda ċirkustanza mitiganti ma kellha tiġi konċessa lir-rikorrenti.

337    L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni qieset li ċerti elementi kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi mitiganti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa ma jfissirx li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti (sentenza Mayr Melnhof vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 368).

338    Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi osservat li l-fatt li r-rikorrenti hija impriża tal-familja ta’ daqs medju ma jistax bl-ebda mod jikkostitwixxi ċirkustanza mitiganti. Anke jekk wieħed jissupponi li hemm rabta bejn in-natura familjari ta’ l-azzjonijiet ta’ impriżi u s-solvibilità tagħha, ħaġa li ma ġietx ipprovata, jirriżulta mill-ġurisprudenza kostanti li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal biex jagħti vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara l-punt 308 iktar ’il fuq).

339    Imbagħad, għal dak li jikkonċerna l-pressjoni eżerċitata minn ABB fuq ir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-istess rikorrenti setgħet tiddenunzja l-pressjoni li kienet suġġetta għaliha lill-awtoritajiet kompetenti u tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 għajr milli tipparteċipa fl-akkordju (ara l-punt 142 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li injorat din il-pressjoni peress li, waqt id-determinazzjoni tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ABB, il-pressjoni li din eżerċitat fuq l-impriżi l-oħra sabiex tipperswadihom jidħul fl-akkordju ġiet ikkunisdrata bħala elementi li jwassal għal żieda fil-multa tagħhom.

340    L-istess japplika għall-pressjoni li r-rikorrenti sofriet min-naħa ta’ l-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-EuHP, għal dak li jikkonċerna l-użu tat-teknoloġija ġdida tagħha. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li peress li r-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha teknoloġija li tippermetti li jiġu ffrankati l-ispejjeż, hija kienet preċiżament f’pożizzjoni iktar qawwija biex topponi għall-attivitajiet ta’ l-akkordju u, f’każ li dan jimpediha milli tuża t-teknoloġija tagħha, li tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni.

341    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li m’hemm xejn fit-test tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u lanqas fit-test tal-linji gwida, li jipprekludi li, fin-nuqqas ta’ tressieq ta’ ilment dwar pressjoni eżerċitata minn impriżi kompetituri, l-eżistenza ta’ din il-pressjoni m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza mitiganti.

342    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax tislet argument mill-fatt li, fil-kuntest ta’ l-akkordju Daniż, hija mhux dejjem irrispettat l-assenjazzjoni tal-kwoti deċiża fi ħdan l-akkordju. Fil-fatt, kif jissemma fil-premessi 36 u 37 tad-Deċiżjoni, anke jekk ir-rikorrenti heddtet li toħroġ mill-akkordju, hija ma temmietx il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, iżda pjuttost ippruvat tikseb żieda fil-kwota tagħha permezz tat-theddid imsemmi. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li r-rikorrenti ammettiet li dak iż-żmien hija stess ippreżentat proposti għal reviżjoni tat-tqassim ta’ l-ishma mis-suq (risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet). Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-irtirar tagħha mill-akkordju Daniż f’April 1993, jeħtieġ li jiġi osservat li kif ġie kkonstatat fil-punti 75 sa 77 iktar ’il fuq, wara li beda jiddgħajjef l-akkordju Daniż, hija kienet għadha involuta fin-negozjati dwar tqassim tas-suq Ġermaniż.

343    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkunsidra li l-komportament tar-rikorrenti fi ħdan l-akkordju ma seta’ jwassal għal ebda ċirkustanza mitiganti.

344    Fir-rigward ta’ l-irtirar tar-rikorrenti mill-EuHP, fil-bidu tas-sena 1997, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, peress li l-Kummissjoni ma qisietx il-kooperazzjoni tar-rikorrenti fi ħdan l-EuHP bħala element li jikkostitwixxi l-ksur u, barra minn hekk, stabbiliet tmiem il-ksur bħala li seħħ fir-rebbiegħa ta’ l-1996, hija ma kellhiex taċċetta bħala ċirkustanza mitiganti fir-rigward tar-rikorrenti, l-irtirar tagħha mill-EuHP, li, barra minn hekk, seħħ wara l-perijodu tal-ksur.

345    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma kkunisdratx bħala ċirkustanza mitiganti, l-implementazzjoni min-naħa tar-rikorrenti ta’ programma intern ta’ addattament mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament importanti li r-rikorrenti ħadet miżuri biex timpedixxi li fil-futur jerġa jseħħ ksur ieħor tad-dritt Komunitarju mill-membri tal-persunal tagħha, dan il-fatt ma jbiddel xejn mir-realtà tal-ksur li ġie kkonstatat f’dan il-każ (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemical vs Il-Kummissjoni, putn 357). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm l-implementazzjoni ta’ programm ta’ addattament mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni turi l-volontà ta’ l-impriża in kwistjoni li tipprevjeni l-ksur futur u jikkostitwixxi għalhekk, element li jippermetti lill-Kummissjoni twettaq aħjar il-missjoni tagħha li tikkonsisti, partikolament, f’li tapplika fil-kamp tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u f’li tiggwida f’das-sens lill-impriżi, is-sempliċi fatt li, f’ċerti każijiet, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-implementazzjoni ta’ programm ta’ dan it-tip bħala ċirkustanza mitiganti ma jfissirx li hija għandha l-obbligu li tagħmel l-istess f’każ partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83, u Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II 1989, punt 417). Dan japplika iktar u iktar meta l-ksur in kwistjoni jikkostitwixxi ksur ċar ta’ l-Artikolu 85(1)(a) u (ċ) tat-Trattat.

346    Għaldaqstant, għal dawn ir-raġunijiet, l-ilment għandu jiġi miċħud.

G –  Fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

347    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li t-tnaqqis ta’ 30 % tal-multa mogħtij skond il-punt D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma jirriflettix biżżejjed il-valur tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tapplika, f’dan ir-rigward, il-prinċipji msemmija fl-abbozz tagħha tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni iktar milli d-dispożizzjonijiet tal-verżjoni finali ta’ din il-komunikazzjoni. Fit-tielet lok, ebda multa ma kellha tiġi imposta fuqha għal fatti li seħħew wara d-data ta’ l-investigazzjonijiet.

348    FL-ewwel lok, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li infurmat lill-istampa li hija kienet ser tikkoopera mal-Kummissjoni fl-investigazzjoni tagħha. Ir-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni u provi materjali, inklużi l-provi dwar il-kontinwazzjoni ta’ l-akkrodju wara l-investigazzjonijiet, fatt li l-Kummissjoni injorat. Fil-kooperazzjoni sistematika tagħha mal-Kummissjoni, ir-rikorrenti dehret li kienet flessibbli billi rrinunzjat għad-dritt tagħha ta’ aċċess għall-inkartament u għad-dritt tagħha li ma tinkriminax lilha nnifisha. Il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża r-rifjut tagħha li tagħtiha tnaqqis ikbar fuq is-sempliċi fatt li r-rikorrenti bdiet tikkoopera biss wara li nbdiet l-investigazzjoni, peress li l-punt D tal-komunikazzjoni jeżiġi biss li l-kooperazzjoni trid isseħħ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

349    Skond ir-rikorrenti, il-kooperazzjoni tagħha kellha ġġib magħha tnaqqis ta’ iktar minn 30 % tal-multa, peress li l-kooperazzjoni tagħha marret lil’hinn mis-sempliċi attitudni ta’ non-kontestazzjoni tal-fatti, li per eżempju fid-deċiżjoni Kartun, wasslet għal tnaqqis ta’ 33 % tal-multa. F’dan il-każ, is-sempliċi attitudni ta’ non-kontestazzjoni ta’ fatti kienet diġà wasslet għal tnaqqis ta’ 20 % tal-multa imposta fuq KE KELIT.

350    Ir-rikorrenti setgħet ippretendiet tnaqqis simili għal dak li ngħata fid-deċiżjoni Kartun, li għaliha l-Kummissjoni għamlet referenza wkoll waqt l-ewwel kuntatt bejnha u r-rikorrenti. Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/247/KEFA, ta’ l-21 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura skond l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (IV/35.814 – Alloy surcharge) (ĠU L 100, p. 55, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Alloy Surcharge”), ingħata tnaqqis ta’ 40 % tal-multa minħabba l-produzzjoni ta’ provi u, fil-każ ta’ impriża li kienet l-ewwel waħda li pprovdiet -provi, ma ġiet imposta l-ebda multa.

351    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kellha tapplika l-prinċipji espressi fl-abbozz tagħha tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u mhux dawk espressi fil-verżjoni finali ta’ l-istess komunikazzjoni. Fil-fatt, peress li din il-verżjoni finali kienet għadha ma ġietx ippubblikata, ir-rikorrenti kienet ħadet id-deċiżjoni li tikkoopera mal-Kummissjoni abbażi ta’ l-abbozz tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzoni u tal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni. Fl-abbozz tagħha tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni kienet barra minn hekk iddikjarat li hija kienet koxjenti tal-fatt li l-komunikazzjoni kienet ser toħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom l-impriżi li jkunu jixtiequ jinfurmawha bl-eżistenza ta’ xi akkordju.

352    Skond l-abbozz tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kellu jingħata tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % jekk, wara li l-Kummissjoni tkun ipproċediet għall- investigazzjonijet, l-impriża tissodisfa tliet kriterji, jiġifieri, fl-ewwel lok, tkun l-ewwel waħda li toffri l-kooperazzjoni tagħha, fit-tieni lok, li tinforma lill-Kummissjoni b’mod estensiv u żżomm kooperazzjoni permanenti u, fit-tielet lok, li ma tkunx sfurzat lil xi impriża oħra tipparteċipa fl-akkordju u lanqas kellha xi rwol determinanti fl-attività illeċita. Dan l-abbozz tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma jinkludix għaldaqstant il-kundizzjoni, li tinstab fil-verżjoni finali, li l-investigazzjonijiet ma setgħux jippermettu li tingħata bażi biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ proċedura bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni. L-abbozz tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jirrifletti, f’dan ir-rigward, il-prattika tal-Kummissjoni eżistenti f’dak il-mument, murija partikolarment bid-Deċiżjoni Kartun, fejn l-impriżi ngħataw tnaqqis li jammonta għal żewġ terzi tal-multa talli pprovdew provi li naqqsu l-bżonn li l-Kummissjoni jkollha tibbaża ruħha fuq provi indiretti u talli influwenzaw impriżi kkonċernati oħra li, altrimenti, setgħu komplew jiċħdu l-ksur.

353    Anke jekk il-Kummissjoni kellha d-dritt li tapplika l-komunikazzjoni tagħha fil-verżjoni finali tagħha u anki jekk setgħet tikkunsidra li r-rikorrenti kienet taqa’ taħt l-ipoteżi deskritta taħt il-punt D ta’ l-istess komunikazzjoni, ma jirriżultax b’mod ċar għal-liema raġuni hija ma bbenefikatx mit-tnaqqis l-iktar għoli possibbli, jiġifieri ta’ 50 %.

354    Fit-tielet lok, ebda multa ma kellha tiġi imposta fuqha f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet illegali mwettqa wara l-investigazzjonijiet, peress li kienet hi li infurmat lill-Kummissjoni b’dawn l-attivitajiet, li l-Kummissjoni stess tammetti li ma kinitx taf bihom dak iż-żmien. Kemm l-abbozz tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll il-verżjoni finali, fil-punt B, jipprovdu li impriża li tinforma lill-Kummissjoni b’akkordju li din ma tkunx taf bih għandha dritt għal tnaqqis kbir, jew saħansitra, skond l-abbozz tal-komunikazzjoni, li ma tiġi imposta fuqha ebda multa.

355    F’dan il-każ, it-tnaqqis tal-multa mogħti lir-rikorrenti kien limitat ħafna, peress li l-fatti rrivelati lill-Kummissjoni kienu diġà wasslu għal żieda fil-multa, l-ewwel minħabba ż-żieda fid-dewmien tal-ksur u, umbagħad, essenzjalment minħabba ż-żieda ta’ 30 % minħabba l-gravità tal-ksur.

356    Il-konvenuta tafferma li hija eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni b’mod legali u raġonevoli. Fil-fatt, skond il-punt D tal-komunikazzjoni msemmija, l-għajnuna li tat ir-rikorrenti ma kinitx tistħoq iktar minn tnaqqis ta’ 30 peress li hija ma bdietx tikkoopera qabel ma rċeviet talba għal informazzjoni. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument biex turi li l-punti B jew Ċ ta’ l-istess komunikazzjoni kienu japplikaw. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-komunikazzjoni finali tagħha, peress li hija trid tirrispetta l-politika li hija stess ħabbret pubblikament.

357    Peress li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa f’dan ir-rigward, fid-dawl tan-numru kbir ta’ fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, ir-rikorrenti ma seta’ jkollha ebda aspettattiva leġittima fir-rigward ta’ xi tnaqqis partikolari mogħti f’każijiet preċedenti, bħad-Deċiżjoni Kartun. Il-każ tar-rikorrenti lanqas ma jista’ jiġi pparagunat mal-każijiet ta’ impriżi li bbenefikaw minn tnaqqis ta’ 40 % fid-deċiżjoni Alloy surcharge. Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq tnaqqis ta’ 20 % mogħti lil KE KELIT, dan jista’ jwassal biss għal żieda fil-multa imposta fuq l-istess KE KELIT.

358    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-punt B tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni biex tinvoka l-immunità f’dak li jikkonċerna l-fatti mwettqa wara l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni. Mill-banda l-oħra, il-kontinwazzjoni tal-ksur f’dawn iċ-ċirkustanzi kienet offensiva biżżejjed biex il-Kummissjoni tasal biex iżżid l-ammont tal-multa bħala deterrent.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

359    Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni, iddefiniet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jkunu kkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha fuq akkordju jkunu jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa li kieku huma kien ikollhom iħalsu (ara l-punt A 3 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni).

360    Kif jissemma’ fil-punt E 3 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, din ħolqot aspettativi leġittimi fuq liema jibbażaw ruħhom l-impriżi li jixtiequ jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl ta’ l-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni setgħu kellhom abbażi ta’ din il-kommunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet għaldaqstant obbligata tikkonforma ruħha magħha waqt l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa imposta fuqha.

361    Mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax targumenta li l-Kummissjoni, fil-każ tagħha kellha tapplika l-kriterji stabbiliti fl-abbozz tal-komunikazzjoni tagħha. Kif ġie kkonstatat fil-punt 246 iktar ’il fuq, dan l-abbozz, billi javża lill-impriżi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tadotta komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ta’ impriżi fl-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tal-ksur, ma setgħax fih innifsu joħloq xi aspettattiva li l-kriterji li huma inklużi fih jiġu adottati definittivament u mbagħad applikati. Is-soluzzjoni inversa jkollha l-effett mhux mixtieq li tiskoraġġixxi lill-Kummissjoni milli tippubblika abbozzi ta’ komunikazzjoni sabiex tikseb osservazzjonijiet min-naħa ta’ l-operaturi kkonċernati.

362    Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-każ tar-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi osservat li din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt B ta’ din il-komunikazzjoni, li jirrigwarda l-każ ta’ impriża li tkun iddenunzjat akkordju sigriet lill-Kummissjoni qabel ma l-istess Kummissjoni tkun bdiet investigazzjoni (każ li jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ mill-inqas 75 % ta’ l-ammont tal-multa), u lanqas taħt dak tal-punt C ta’ l-istess komunikazzjoni, li jikkonċerna impriża li tkun iddenunzjat akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni tkun bdiet investigazzjoni mingħajr ma din l-investigazzjoni setgħet tipprovdi bażi suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat il-ftuħ tal-proċedura bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni (każ li jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ 50 sa 75  % ta’ l-ammont tal-multa).

363    Għal dak li jikkonċerna l-punt D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jeħtieġ li jiġi rilevat li, skond din id-dispożizzjoni, “[m]eta impriża tikkoopera mingħajr ma tissoddisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punti B jew C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50  % tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Din il-komunikazzjoni tispeċifika dan li ġej:

“It-tali każijiet jistgħu jinkludu s-segwenti:

–        qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu materjalment biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur,

–        – wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

364    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppruvatx li l-Kummissjoni, wara li rrikonoxxiet li r-rikorrenti bagħtitilha volontarjament provi bil-miktub li kkontribwixxew sostanzjalment sabiex jiġu ppruvati aspetti importanti tal-każ, b’mod partikolari l-fatt li l-membri ta’ l-akkordju ddeċidew li jkomplu bl-akkordju wara l-investigazzjoni, fatt li l-Kummissjoni kienet issuspettat, iżda ma kellhiex provi tiegħu (premessa 177 tad-Deċiżjoni), kellha tagħtiha tnaqqis ikbar minn dak ta’ 30 % li minnu hija bbenefikat.

365    Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi indikat li l-Kummissjoni, fil-premessa 177 tad-deċiżjoni tagħha, osservat li t-talbiet għal informazzjoni pprovdew lir-rikorrenti bl-okkażjoni sabiex tikkomunika l-provi tal-ksur. F’dan ir-rigward, mid-Deċiżjoni jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni offruta minn ABB, il-Kummissjoni sostniet li ABB ma tistax tibbenefika minn rata ta’ tnaqqis ta’ 50 % ammissibbli skond il-punt D, peress li stenniet li jintbagħtu t-talbiet għal informazzjoni dettaljata qabel ma kkooperat (it-tliet u r-raba’a subparagrafu tal-premessa 174). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx lesta tagħti tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa ta’ 50 % meta l-impriża in kwistjoni ma kkomunikatilhiex informazzjoni qabel ma rċeviet talba għal informazzjoni. F’dan il-każ, huwa pċifiku li r-rikorrenti pprovdiet dokumenti lill-Kummissjoni biss wara li rċeviet tali talba għal informazzjoni mingħand l-istess Kummissjoni.

366    Fir-rigward tal-paragun bejn dan il-każ u l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi osservat li s-sempliċi fatt sempliċi fatt li l-Kummissjoni tat, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal komportament partikolari ma jimplikax li hija marbuta tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali fl-evalwazzjoni ta’ komportament simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri (ara l-punt 244 iktar ’il fuq).

367    Ir-rikorrenti lanqas ma tista tislet argument mill-fatt li KE KELIT ingħatalha tnaqqis ta’ 20 % ta’ l-ammont tal-multa talli ma kkontestatx il-fatti li bihom ġiet akkużatha. Anke jekk wieħed kellu jissuppponi li l-Kummissjoni tat tnaqqis kbir wisq tal-multa imposta fuq dik l-impriża l-oħra, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mar-rispett tal-prinċipju ta’ legalità li abbażi tiegħu ħadd ma jista jinvoka favurih xi illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenzi SCA Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 160, u Mayr Melhnof vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 334).

368    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax titlob tnaqqis ikbar f’dak li jikkonċerna l-perijodu li jibda minn wara l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni, li matulu l-ksur kompla u li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti pprovdiet provi lill-Kummissjoni. Peress li din il-kontinwazzjoni ta’ l-akkordju tikkostitwixxi aspett inseparabbli mill-ksur, l-istess ksur ma seta’ biss jitqies fl-intier tiegħu kollu, fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Peress li r-rikorrenti ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet ta’ applikazjoni la tal-punt B, u lanqas tal-punt C tal-komunikazzjoni msemmija, il-komportament tagħha kellu jiġi evalwat taħt il-punt D.

369    Finalment, il-Kummissjoni kienet intitolata tieħu in kunsiderazzjoni l-kontinwazzjoni tal-ksur wara l-investigazzjonijiet, mhux biss fil-kalkolu tad-dewmien ta’ l-istess ksur, iżda wkoll bħala ċirkustanza aggravanti, peress li tali komportament kien jixhed id-determinazzjoni partikolari tal-parteċipanti fl-akkordju sabiex ikomplu l-ksur tagħhom minkejja r-riskju li tiġi imposta sanzjoni fuqhom.

370    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ liġi jew ta’ fatt fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

IV –  Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa

A –  L-argumenti tal-partijiet

371    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma żguratx it-trasparenza tal-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multa. Il-Kummissjoni ma tatx spjegazzjonijiet fuq il-fatt li l-multa ġiet iffissata abbażi ta’ punti ta’ tluq espressi f’ammonti assoluti, indipendentement mid-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi u ogħla mil-livell massimu permess legalment. Hija ma tatx spjegazzjonijiet fuq l-evalwazzjoni tagħha, lill-impriżi żgħar u medji involuti, tal-gravità tal-ksur. B’mod partikolari, hija ma spjegatx kif hija setgħet titbiegħed mill-prattika preċedenti tagħha li kienet tikkonsisti fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi proporzjonalment mad-dħul mill-bejgħ fis-suq rilevanti.

372    Skond ir-rikorrenti, huwa wkoll bi ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-konvenuta applikat retroattivament, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, il-linji gwida ġodda tagħha għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi.

373    Bl-istess mod, il-Kummissjoni kisret dan l-obbligu billi tbegħdet mill-prattika preċedenti tagħha ta’ klemenza u mill-abbozz tagħha tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li kien jesprimi partikolarment din il-klemenza, biex minflok applikat politika oħra stabbilita fil-verżjoni finali tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

374    Iktar minn hekk, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi injorat iċ-ċirkustanzi mitiganti kollha invokati mir-rikorrenti. Anke jekk il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi elenkati mir-rikorrenti, hija kellha tispjega għaliex hija kienet injorat dawn l-elementi.

375    Il-konvenuta tinnota li r-rikorrenti, fil-motiv tagħha fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, sempliċiment tippreżenta taħt aspett differenti l-argumenti li hija diġà ressqet f’dak li jikkonċerna allegata diskriminazzjoni.

376    Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni huwa infondat, kemm f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni “retroattiva” tal-linji gwida ġodda kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni tbegħdet mill-abbozz tagħha tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, peress li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tittratta ċerti ċirkustanzi bħala ċirkustanzi mitiganti, m’hemm bżonn ta’ ebda motivazzjoni fuq dan il-punt.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

377    Skond ġurisprudenza stabbilita l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE) għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet ta’ l-awtorità Komunitarja, awtriċi ta’ l-att inkriminat, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

378    Fil-każ ta’ deċiżjoni li timponi multi fuq diversi impriżi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, l-iskop ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi, b’mod partikolari, iddeterminat fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-element dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet redatta lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jiġu kkunsidrati (digriet SPO et vs il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 54).

379    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, tesponi l-ewwel nett il-konstatazzjonijiet ġenerali tagħha dwar il-gravità tal-ksur in kwistjoni kif ukoll l-elementi partikolari ta’ l-akkordju li fuqhom ibbażat ruħha biex tikkonkludi li, f’dan il-każ, hemm ksur serju ħafna li fir-rigward tiegħu il-multa li normalment tiġi imposta hija ta’ mill-inqas 20 miljun ECU (premessi 164 u 165 tad-Deċiżjoni). Sussegwentement, hija tispjega li dan l-ammont għandu jiġi addattat filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li joħolqu dannu kbir lill-kompetizzjoni u l-ħtieġa li tiġi żgurata n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa (premessa 166 tad-Deċiżjoni). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tgħid li fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, hija ħadet in kunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti jew mitiganti eventwali kif ukoll il-pożizzjoni ta’ kull impriża fir-rigward tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 167 tad-Deċiżjoni).

380    Għal dak li jikkonċerna l-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tispjega mbagħad li, fid-dawl ta’ l-ordni ta’ importanza tar-rikorrenti bħala t-tieni produttur Ewropew ta’ pajpijiet pre-iżolati, u sabiex tiġi riflessa s-sitwazzjoni tagħha ta’ impriża speċjalizzata fi prodott wieħed, il-punt ta’ tluq għall-multa tagħha ser ikun emendat għal 10 miljun ECU, minħabba l-gravità tal-ksur f’dak li jikkonċernaha (l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-premessa 175 tad-Deċiżjoni). Sussegwentement, il-Kummissjoni tispjega li l-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti ser tiġi evalwata skond id-dewmien tal-ksur (it-tielet subparagrafu tal-premessa 175 tad-Deċiżjoni).

381    Sussegwentement, il-Kummissjoni tindika li jeħtieġ li l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti jiżdied minħabba l-fatt partikolarment aggravanti tal-kontinwazzjoni deliberata tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur wara l-investigazzjonijiet kif ukoll minħabba l-fatt aggravanti addizzjonali li jirrappreżenta r-rwol attiv tar-rikorrenti fil- miżuri ta’ ritaljazzjoni meħudin kontra Powerpipe, anke jekk mhux fuq l-istess livell bħal ABB (l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-premessa 176 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni tispjega wkoll li ebda ċirkustanza mitiganti ma tista’ tiġi meqjusa, filwaqt li tispjega li, anke jekk ir-rikorrenti setgħet subiet pressjoni min-naħa ta’ ABB f’diversi mumenti, hija teżaġera ħafna l-estent tal-pressjoni eżerċitata billi tallega li l-pressjoni msemmija wasslitha kontra r-rieda tagħha tipparteċipa fl-akkordju (it-tielet subparagrafu tal-premessa 176 tad-Deċiżjoni). Iktar minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li, peress li l-ammont finali kkalkolat skond dan il-metodu ma jista’ qatt jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali tar-rikorrenti, kif previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-multa ser tkun ta’ 12 700 000 ECU, b’mod li ma taqbiżx il-limitu permess (ir-raba’ subparagrafu tal-premessa 176 tad-Deċiżjoni).

382    Finalment, il-Kummissjoni tispjega li skond il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, ir-rikorrenti ngħatalha tnaqqis ta’ 30 % peress li hija pprovdiet volontarjament provi bil-miktub li kkontribwixxew b’mod partikolari sabiex jiġu ppruvati ċerti aspetti importanti tal-każ, partikolarment il-fatt li l-membri ta’ l-akkordju ddeċidew li jkomplu bl-akkordju wara l-investigazzjoni, fatt li l-Kummissjoni kienet issuspettat iżda ma kellhiex prova tiegħu (premessa 177 tad-Deċiżjoni).

383    Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-premessi 164 sa 167 u 175 sa 177, interpretati fid-dawl ta’ l-allegazzjonijiet fattwali esposti fir-rigward ta’ kull destinatarju tad-Deċiżjoni, fihom indikazzjoni biżżejjed u rilevanti tal-kriterji li ttieħdu in kunsiderazzjoni biex tiġi stabbilita l-gravità u d-dewmien tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C-248/98 P, Ġabra p. I-9641, punt 43).

384    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma mmotivatx b’mod iktar preċiż il-livelli ta’ l-ammont bażiku u ta’ l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jew tar-rata ta’ tnaqqis mogħti minħabba l-kooperazzjoni tagħha, partikolarment minħabba li, fuq dan l-aħħar punt, id-deċiżjoni ddefinixxiet l-importanza tal-kooperazzjoni tagħha fid-dawl tal-punt D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

385    Anke jekk wieħed jissupponi li, f’dak li jikkonċerna l-livell tal-multa, id-deċiżjoni tikkostitwixxi żieda sostanzjali tal-livell imsemmi meta mqabbla ma’ deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni żviluppat ir-raġunament tagħha li wassalha biex tiffissa l-ammont tal-multa tar-rikorrenti f’dak il-livell, b’mod assolutament ċar (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31).

386    Ir-rikorrenti lanqas ma tista takkuża lill-Kummissjoni li ma mmotivatx il-kalkolu tagħha tal-multa fir-rigward tal-fatturi invokati minnha bħala ċirkustanzi mitiganti.

387    Fil-fatt, peress li fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni spjegat li ma ħadet in kunsiderazzjoni ebda ċirkustanza mitiganti fir-rigward tar-rikorrenti, hija pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa kollha li tippermetti lir-rikorrenti tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata bi żball li jippermettilha tikkontesta l-validità tagħha.

388    Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 190 tat-Trattat hija obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-elementi ta’ fatt li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha tieħu l-istess deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-Kummissjoni tiddiskuti l-punti ta’ fatt u ta’ dritt kollha li kienu ttrattati matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 u 15, u Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 127).

389    Fi kwalunkwe każ, għal dak li jikkonċerna l-pressjoni li sofriet ir-rikorrenti, fit-tielet subparagrafu tal-premessa 176 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija ma kkunsidrathiex bħala ċirkustanza li għandha twassal għal tnaqqis tal-multa.

390    Finalment, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma spjegatx il-kuntest ġuridiku li japplika għall-każ in eżami, b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-linji gwida ġodda jew, ukoll, tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt, mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha, in kwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 190 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). F’dan il-każ, fid-dawl ta’ l-impenn li ħadet il-Kummissjoni meta ppubblikat il-linji gwida tagħha u l-komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni, li tirrispettahom meta tiġi biex tistabbilixxi l-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara l-punti 245 u 274 iktar ’il fuq), hija ma kinitx obbligata tippreċiża jekk u għaliex hija kienet qegħda tapplikahom waqt id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

391    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

V –  Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq livell eċċessiv tar-rata ta’ interessi tal-multa

A –  L-argumenti tal-partijiet

392    Ir-rikorrenti tesponi li r-rata ta’ interessi moratorji, li fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni ġiet stabbilita għal 7.5 %, jiġifieri r-rata mitluba mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet tagħha f’ECU fl-ewwel ġurnata tax-xogħol tax-xahar li fih ingħatat id-Deċiżjoni, miżjud bi 3.5 punti, hija abnormalment għolja. Din ir-rata teżerċita pressjoni irraġonevoli fuq ir-rikorrenti biex tisfurzaha tħallas il-multi malajr, filwaqt li din issostni li għandha motivi ġuridiċi sodi biex tikkontesta d-Deċiżjoni. Ir-rata ta’ interessi għandha, għaldaqstant, tiġi mnaqqsa għal livell raġonevoli.

393    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Fennelly fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge et vs Il-Kummissjoni (C-395/96 P u P, Ġabra p. I-1365, I-1371), fejn il-Qorti tippreċiża li r-rata ta’ interessi m’għandhiex tkun għolja sal-punt li tobbliga lill-impriżi jħallsu l-multi u li żieda ta’ 3.5 punti applikata, mingħajr spjegazzjoni, għal rata diġà għolja mhijiex aċċettabbli.

394    Il-konvenuta tosserva li hija kienet intitolata fil-liġi tiffissa rata għolja biżżejjed biex tiskoraġġixxi lill-impriżi milli jħallsu l-multa tard. Fid-dawl tar-rati attwali tal-banek kummerċjali, rata ta’ 7,5 % kienet assolutament raġonevoli u tinsab preċiżament fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

395    L-applikazzjoni ta’ interessi moratorji għall-multi imposti fuq l-impriżi li, b’mod deliberat jew b’negliġenza, jikkommettu ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, tiżgura l-effett utli tat-Trattat. F’dan ir-rigward, dawn l-interessi moratorji jsaħħu l-poter tal-Kummissjoni fl-inkarigu li ngħatalha bl-Artikolu 89 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 85 KE), li tissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u tiżgura li ma jiġux evitati r-regoli tat-Trattat bi prattiċi implementati b’mod unilaterali minn impriżi li jdumu biex iħallsu l-multi li għalihom jiġu kkundannati. Kieku l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li żżid l-interessi mal-multi, l-impriżi li jdumu biex iħallsu l-multi tagħhom ikunu vvantaġġjati fil-konfront ta’ dawk li jaqbdu u jħallsu l-multi tagħhom fiż-żmien mogħti lilhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T-275/94, Ġabra p. II-2169, punti 48 u 49).

396    Kieku d-dritt Komunitarju ma kienx jippermetti miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw il-vantaġġ li impriża tista’ tieħu billi tittardja l-pagament tal-multa, dan kien jiffaċilita l-preżentata ta’ rikorsi manifestament infondati, bil-għan waħdieni li jtawwal iż-żmien għall-pagament (sentenza AEG vs IL-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 141).

397    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, billi imponiet rata ta’ interessi ta’ 7,5 % magħmula mir-rata mitliba mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet tagħha f’ECU fl-ewwel ġurnata tax-xogħol tax-xahar li fih ingħatat id-Deċiżjoni, miżjuda bi 3.5 punti, ma qabżitx il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fl-iffissar ta’ rata ta’ interessi moratorji.

398    F’dan ir-rigward, huwa utli li jiġi mfakkar li, għalkemm ir-rata ta’ interessi m’għandhiex tkun għolja sal-punt li fil-fatt tobbliga lill-impriżi jħallsu l-multi anke jekk dawn isostnu li għandhom raġunijiet validi biex jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-istess Kummissjoni tista’, madankollu, tieħu punt ta’ riferenza f’livell ogħla mir-rata medja offruta fis-suq, safejn dan ikun meħtieġ sabiex tiskoraġġixxi komportamenti dilatorji (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Fennelly fis-sentenza Compagnie maritime belge et vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 190).

399    Peress li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tar-rata ta’ interessi moratorji, il-motiv ibbażat fuq il-livell eċċessiv tar-rata msemmija għandu jiġi miċħud.

400    Jirriżulta minn dan kollu li jippreċedi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

401    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż illi hija tbati l-ispejjeż skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Marzu 2002.

H. Jung

 

      P. Mengozzi

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-mertu

I – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(1) tat-Trattat

A – Fuq il-mekkaniżmu ta’ kumpens fil-kuntest ta’ l-akkordju Daniż

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B – Fuq l-eżistenza ta’ akkordju kontinwu bejn l-1990 u l-1996

1. Fuq il-parteċipazzjoni fl-akkordju barra mis-suq Daniż għall-perijodu 1990-1993

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2. Fuq is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju fl-1993 u l-parteċipazzjoni fl-akkordju mill-1994

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3. Fuq id-dewmien u n-natura kontinwa tal-ksur li bih hija akkużata r-rikorrenti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C – Fuq il-parteċipazzjoni fl-akkordju Ewropew f’dak li jikkonċerna s-suq Taljan

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D – Fuq il-kooperazzjoni dwar l-istandards ta’ kwalità

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E – Fuq l-azzjonijiet miftehma kontra Powerpipe

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

F – Fuq il-pressjoni eżerċitata minn ABB

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

A – Fuq l-aċċess għall-inkartament

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B – Fuq il-vjolazzjoni tad-dritt għal smigħ għal dak li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ provi ġodda

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C – Fuq il-ksur tad-dritt għal-smigħ f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III – Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ prinċipji ġenerali u żbalji ta’ fatt fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa

A – Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B – Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C – Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità u fuq il-legalità tal-linji gwida

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-linji gwida

– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

D – Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-dewmien tal-ksur

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E – Fuq l-applikazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi aggarvanti

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

F – Fuq in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi mitiganti

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

G – Fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

IV – Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa

A – L-argumenti tal-partijiet

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

V – Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq livell eċċessiv tar-rata ta’ interessi tal-multa

A – L-argumenti tal-partijiet

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż