Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ April 2024 minn Société Air France u Air France-KLM mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla)

fis-7 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-146/22, Ryanair vs Il-Kummissjoni (KLM II; COVID-19)

(Kawża C-289/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Société Air France, Air France-KLM (rappreżentanti: J. Derenne u D. Vallindas, avocats, A. Álvarez Vidal, abogada)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ryanair DAC, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Franċiża, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tagħmel użu mis-setgħa tagħha taħt it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi definittivament u tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat fil-Kawża T-146/22;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi li għadhom ma ġewx eżaminati; u

tikkundanna lil Ryanair DAC għall-ispejjeż tal-appell u tal-ewwel istanza, fil-każ li tiddeċiedi definittivament il-kawża, jew tirriżerva l-ispejjeż, jekk tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali applikat standard żbaljat għad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fi ħdan grupp korporattiv u, għalhekk, ikkonkludiet b’mod żbaljat li Air France-KLM (il-holding) u Air France ma setgħux jiġu esklużi mill-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

It-tieni aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha stess tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna mingħajr ma stabbilixxiet b’mod adegwat żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni.

It-tielet aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċetti ta’ vantaġġ indirett u ta’ effetti sekondarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

____________