Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Diċembru 2011 - FSL et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-655/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: FSL Holdings (Antwerp, il-Belġju), Firma Léon Van Parys (Antwerp, il-Belġju) u Pacific Fruit Company Italy SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: P. Vlaemminck u C. Verdonck, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 adottata fil-Każ COMP/39482 - Frott eżotiku - Banana;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn timponi fuq ir-rikorrenti multa ta' EUR 8 919 000, u tnaqqas il-multa skont l-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża, peress li:

ġew użati dokumenti miksuba bil-għan uniku li ssir investigazzjoni fiskali nazzjonali;

ġew użati dokumenti minn fajls oħra; u

l-impriża li talbet għall-immunità ġiet żgwidata b'mod illegali tul il-proċedura.

2.    It-tieni motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta' poter mill-konvenuta.

3.    It-tielet motiv huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi kif ukoll fuq il-fatt li dawn il-provi ma jistgħux jipprovdu sostenn għall-konstatazzjoni ta' ksur.

4.    Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 2 u tal-linji gwida tal-2006 dwar multi  minħabba evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur, kif ukoll taċ-ċirkustanzi li jimmitigaw, u ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fil-kalkolu tal-multa.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

2 - Linji gwida dwar il-metodu użat sabiex jitwaqqfu l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2)