Language of document : ECLI:EU:T:2015:383

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

16 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-banana fl-Italja, fil‑Greċja u fil-Portugall — Koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet — Ammissibbiltà tal-provi — Drittijiet tad-difiża — Użu ħażin ta’ poter — Prova tal-ksur — Kalkolu tal-ammont tal-multa”

Fil-Kawża T‑655/11,

FSL Holdings, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju),

Firma Léon Van Parys, stabbilita f’Antwerpen,

Pacific Fruit Company Italy SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja),

irrappreżentati minn P. Vlaemminck, C. Verdonck, B. Van Vooren u B. Gielen, avukati,

ir-rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer u A. Biolan, bħala aġenti,

il-konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 7273 finali, tat-12 ta’ Ottubru 2011, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] [Każ COMP/39482 – Frott eżotiku (banana)], u, sussidjarjament, talba għat‑tnaqqis tal-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        B’dan ir-rikors, FSL Holdings (iktar ’il quddiem “FSL”), Firma Léon Van Parys (iktar ’il quddiem “LVP”) u Pacific Fruit Company Italy SpA (iktar ’il quddiem “PFCI”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti” jew “Pacific”) jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 7273 finali, tat-12 ta’ Ottubru 2011, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] [Każ COMP/39482 – Frott eżotiku (banana)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Ir-rikorrenti jeżerċitaw attivitajiet ta’ importazzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ ta’ banana tat-trade mark Bonita fl-Ewropa (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata). LVP, PFCI u l-entitajiet li jifformaw parti mill-istess grupp u involuti fil-kummerċ tal-banana fl-Ewropa jistgħu jissejħu, skont is-sors tal-informazzjoni, “Pacific”, “Pacific Fruit”, “Bonita” jew inkella “Noboa”, peress li t‑trade mark Bonita tappartjeni għall-grupp Noboa (premessi 15 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Fit-8 ta’ April 2005, Chiquita Brands International Inc. (iktar ’il quddiem “Chiquita”) ressqet talba ta’ immunità skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002”) għall-attività ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ banana kif ukoll ta’ ananas u ta’ frott ieħor frisk importat fl-Ewropa. Din it-talba ġiet irreġistrata bin-numru tal-Każ COMP/39188 – Banana (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Fit-3 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat lil Chiquita immunità kundizzjonali mill-multi skont il-paragrafu 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għal akkordju sigriet li preżumibbilment kien jirrigwarda l-bejgħ ta’ banana u ta’ ananas fiż‑Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (premessi 79 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 5955 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/39188 – Banana) (sommarju fil-ĠU 2009, C 189, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni fil-Każ COMP/39188 – Banana”), li tikkonstata li Chiquita, il-grupp Dole u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert & Co. KG (iktar ’il quddiem “Weichert”), dak iż-żmien taħt l-influwenza deċiżiva tal-grupp Del Monte, kienu kisru l-Artikolu 81 KE billi pparteċipaw fi prattika miftiehma li permezz tagħha kkoordinaw il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana li huma kienu jiffissaw kull ġimgħa għall-Awstrija, għall-Belġju, għad-Danimarka, għall‑Finlandja, għall-Ġermanja, għal-Lussemburgu, għall-Pajjiżi l-Baxxi u għall-Isvezja bejn l-2000 u l-2002 (premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fil-kuntest tal-investigazzjoni fil-Każ COMP/39188 – Banana, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet fl-istabbilimenti ta’ diversi importaturi ta’ banana, b’mod partikolari fl-istabbilimenti ta’ LVP f’Antwerpen (il-Belġju), u fl-20 ta’ Lulju 2007 bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil diversi importaturi ta’ banana, fosthom FSL u LVP, iżda dawn tal-aħħar finalment ma kinux destinatarji tad-deċiżjoni fil-Każ COMP/39188 – Banana.

7        Fis-26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni rċeviet kopji ta’ dokumenti mingħand il-pulizija fiskali Taljana, li nkisbu waqt spezzjoni li saret fid=dar u fl-uffiċċju ta’ impjegat ta’ Pacific fil-kuntest ta’ investigazzjoni nazzjonali (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fis-26 ta’ Novembru 2007, Chiquita ġiet informata verbalment mid‑Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni li l-uffiċjali tagħha kienu ser jagħmlu spezzjoni fl-istabbilimenti ta’ Chiquita Italia SpA fit-28 ta’ Novembru 2007. F’din l-okkażjoni, Chiquita ġiet informata li kienet ser issir investigazzjoni dwar in-Nofsinhar tal-Ewropa bin-numru tal-Każ COMP/39482 – Frott eżotiku (banana) u ġiet imfakkra li hija kienet kisbet l-immunità kundizzjonata minn multi għall-Komunità Ewropea kollha kemm hi u li hija kellha l-obbligu li tikkoopera (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Mit-28 sat-30 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ importaturi ta’ banana fl-Italja u fi Spanja, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet ta’ informazzjoni lill-partijiet u lill-klijenti kif ukoll lil parteċipanti oħra fis‑suq, b’mod partikolari lill-portijiet u lill-awtoritajiet tal-portijiet, filwaqt li l-partijiet ġew mistiedna jipproduċu mill-ġdid ċerta informazzjoni u provi li kienu jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni tal-Każ COMP/39188 – Banana u Chiquita ġiet mistiedna tidentifika liema partijiet mid-dikjarazzjonijiet verbali tagħha f’din il-kawża, fl-opinjoni tagħha, kienu wkoll relatati ma’ din il-kawża (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-9 ta’ Frar 2009, id-DĠ “Kompetizzjoni” bagħat ittra lil Chiquita dwar l-istatus tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet fil-Każ COMP/39482 – Frott eżotiku (banana) kontra Chiquita, Fruit Shippers Ltd u r-rikorrenti. Wara li kisbu aċċess għall-proċess, id-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni u pparteċipaw fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2010 (premessi 87 u 88 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fit-12 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Id-deċiżjoni kkontestata

13      Il-Kummissjoni tispjega li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna akkordju bejn Chiquita u Pacific dwar l-importazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ banana fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall (ir-“reġjun tan-Nofsinhar tal‑Ewropa”) matul il-perijodu mit-28 ta’ Lulju 2004 sat-8 ta’ April 2005 (premessi 1, 73, 93 sa 95, 306 u 330 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Il-prodott li kien is-suġġett tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni huwa l-banana (frott frisk), bid-deċiżjoni kkontestata tkopri kemm il‑banana mhux misjura (ħadra) kif ukoll il-banana misjura (safra). Il-banana titqies li hija prodott disponibbli s-sena kollha, ikkumerċjalizzat fuq bażi ta’ ġimgħa u t-talba għalih tvarja kemxejn skont l-istaġun, peress li tkun iktar qawwija fl-ewwel sitt xhur tas-sena u inqas qawwija matul ix-xhur sħan tas-sajf. Il-banana tinbiegħ kemm taħt trade mark kif ukoll mingħajr trade mark u toriġina kemm mill‑Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), u minn pajjiżi mhux AKP. Il-banana mill-pajjiżi mhux AKP ġeneralment hija importata fl-Unjoni mill-Karibew, mill-Amerika Ċentrali u mill-Amerika ta’ Isfel u minn xi pajjiżi fl-Afrika u tiġi ttrasportata f’vapuri bil-friża lejn portijiet Ewropej (premessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Matul il-perijodu kkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata, l-importazzjoni tal-banana fil-Komunità Ewropea kienet irregolata permezz tar‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 47, Vol. 1, p. 388), li kien jipprovdi sistema bbażata fuq kwoti u tariffi ta’ importazzjoni. Il-kwoti ta’ importazzjoni ta’ banana kienu stabbiliti annwalment u allokati fuq bażi trimestrali b’ċerta flessibbiltà limitata bejn it-trimestri ta’ sena ċivili (premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Is-settur tal-banana stabbilixxa distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ banana: il-banana tat-trade mark Chiquita tal-aqwa kwalità, il-banana tat-tieni kategorija tat-trade mark Dole u Del Monte u l-banana tat-tielet kategorija msejħa “terzi”, li kienu jinkludu diversi trade marks oħra, b’mod partikolari t-trade mark Bonita, Pacific, jew inkella t-trade mark Consul, ta’ Chiquita. Din id-diviżjoni skont it-trade marks kienet riflessa fit-tariffi tal-banana (premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-rigward tal-prezzijiet, is-settur tal-banana kellu distinzjoni bejn il‑prezzijiet “T1” u “T2”, bit-“T1” jirreferu għal prezzijiet “mingħajr dazju”, jiġifieri li ma jinkludux dazji u liċenzji, filwaqt li “T2” kienu jirreferu għal prezzijiet “bid-dazju mħallas” (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Is-settur tal-banana fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall kien jiffunzjona fuq żewġ livelli, jiġifieri l-livell “aħdar”, bil-bejgħ ta’ banana mhux misjura mill-importaturi lill-kumpanniji responsabbli għas-sajran tal-frott u lill-bejjiegħa bl-ingrossa, u l-livell “isfar”, bil-bejgħ ta’ banana misjura mill-kumpanniji responsabbli għas-sajran tal-frott, mill‑importaturi li jbigħu l-banana safra u mill-bejjiegħa bl-ingrossa lill-bejjiegħa bl-ingrossa oħrajn, lis-supermarkets jew lill-bejjiegħa bl‑imnut. Matul il-perijodu inkwistjoni, Chiquita u Pacific kienu jbigħu kważi esklużivament banana ħadra fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Ewropa, iżda dan mingħajr ma kienu daħlu fi ftehim kuntrattwali għal tul ta’ żmien jew f’kuntratt-qafas ma’ bejjiegħa bl-ingrossa jew ma’ kumpanniji responsabbli għas-sajran tal-frott (premessi 31, 32 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Il-Kummissjoni tindika li l-prezz tal-banana “safra” kien magħmul mill-prezz tal-banana “ħadra” stabbilit xi ġimgħa jew tnejn qabel, miżjud bil-marġni ffatturat għas-sajran tal-frott u bi spejjeż oħra, u dan il-marġni ma kienx uniformi fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Ewropa, peress li l-korrelazzjoni bejn il-prezzijiet ħodor u l-prezzijiet sofor f’dan ir‑reġjun kienet inqas minn dik f’partijiet oħra tal-Unjoni (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fid-deċiżjoni kkontestata, it-terminu “prezz” użat mingħajr ebda speċifikazzjoni jirreferi għall-prezz T2 aħdar (qabel it-tnaqqis u l-iskonti) rispettivament għall-ewwel trade mark ta’ kull parti, jiġifieri, Chiquita jew Bonita (premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      L-atturi prinċipali involuti fl-iffissar tal-prezzijiet fi ħdan Chiquita fin-Nofsinhar tal-Ewropa kienu C1, li fiż-żmien li fih seħħew il-fatti kien jokkupa l-kariga ta’ [kunfidenzjali] (1), u C2, [kunfidenzjali]. Għand Pacific, l-atturi prinċipali kienu P1, [kunfidenzjali], u P2, [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, matul il-perijodu kkonċernat, il-[kunfidenzjali] kienu P3 [kunfidenzjali] u P4 [kunfidenzjali] (premessi 12 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-Kummissjoni tispjega li, matul il-perijodu mit-28 ta’ Lulju 2004 sa tal-inqas il-“ħmistax-il ġimgħa ta’ kummerċ” tal-2005, Chiquita u Pacific ikkoordinaw l-istrateġija ta’ prezz tagħhom fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri, il-livelli ta’ prezz u l‑movimenti u/jew tendenzi ta’ prezz u skambjaw informazzjoni fuq l-aġir futur tas-suq f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet (premessi 94 u 187 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Skont il-Kummissjoni, il-fatti inkwistjoni jikkostitwixxu ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE fis-sens li l-impriżi kkonċernati espliċitament ftiehmu fuq ċertu aġir tas-suq, sabiex b’mod konxju jissostitwixxu l-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki jekk ma jintweriex li l-partijiet espliċitament qablu fuq pjan komuni li jikkostitwixxi ftehim, l-aġir inkwistjoni jew partijiet minnu kien xorta jikkostitwixxi prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li l-komunikazzjonijiet bejn il-partijiet influwenzaw l-aġir adottat minnhom fl-iffissar tal‑prezzijiet tal-banana għan-Nofsinhar tal-Ewropa (premessi 188 sa 195 tad‑deċiżjoni kkontestata).

24      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġir adottat mill-partijiet jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-akkordji u/jew il-prattiki miftiehma osservati kienu parti minn sistema globali bil-għan li tistabbilixxi l-linji tal-azzjoni tagħhom fuq is-suq u tillimita l-aġir kummerċjali individwali tagħhom bil-ħsieb li jsegwu għan antikompetittiv identiku u għan ekonomiku uniku, jiġifieri, li jillimitaw jew jikkawżaw distorsjoni tal-moviment normali tal-prezzijiet fis-settur tal-banana fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall u jiskambjaw informazzjoni dwar dan is-suġġett (premessi 209 sa 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-Kummissjoni tippreċiża li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 26, tal-4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 30, Vol. 993, p. 101), fis-seħħ fl-epoka tal-fatti u li kien jipprovdi li l-Artikolu 101 TFUE japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki kollha marbuta mal-produzzjoni jew mal‑kummerċ ta’ diversi prodotti inkluż il-frott, kien jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu, eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE. Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ma kinux issodisfatti f’din il-kawża, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prattiki inkwistjoni ma setgħux ikunu eżentati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 (premessi 172 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”) u tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

27      Il-Kummissjoni stabbilixxiet ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, li jikkorrispondi għal ammont sa 30 % tal-valur tal-bejgħ ikkonċernat tal-impriża skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur, u ta’ ammont addizzjonali inkluż bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur (premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Dawn il-kalkoli wasslu għal ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta ta’:

–        EUR 47 922 000 għal Chiquita;

–        EUR 11 149 000 għal Pacific (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-Każ COMP/39188 – Banana (ara l-punt 5 hawn fuq), l-ammont bażiku tal-multa tnaqqas b’60 % f’din il-kawża, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema regolatorja partikolari tas-settur tal-banana u l-fatt li l-koordinazzjoni kienet tirrigwarda l-prezzijiet ta’ referenza. Peress li dawn l-elementi ma kinux preżenti f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li għandu jiġi applikat biss tnaqqis ta’ 20 % mill-ammont bażiku għall-impriżi kollha kkonċernati. Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li, minkejja n-natura kważi identika tas-sistemi regolatorji applikabbli fiż-żmien tal-ksur fil‑Każ COMP/39188 – Banana u f’din il-kawża, l-iffissar tal-prezzijiet f’dan il-każ ma kienx jikkonċerna prezzijiet ta’ referenza, li ma kinux jeżistu fin-Nofsinhar tal-Ewropa, u li kienu jeżistu wkoll provi li l-kollużjoni kienet tinkludi wkoll prezzijiet fil-livelli tal-prezzijiet reali (premessi 336 sa 340 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Wara dan l-aġġustament, l-ammonti bażiċi tal-multi li kellhom jiġu imposti kienu kif ġej:

–        EUR 38 337 600 għal Chiquita;

–        EUR 8 919 200 għal Pacific (premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Chiquita bbenefikat mill-immunità ta’ multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessi 345 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li ma sar l-ebda aġġustament għal Pacific, l-ammont finali tal-multa sal-eqreb ċifra sħiħa li kien jikkonċernaha kien ta’ EUR 8 919 000.

32      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat billi pparteċipaw, mit‑28 ta’ Lulju 2004 sat-8 ta’ April 2005 fi ftehim u/jew prattika miftiehma, uniċi u kontinwi, rigward l-iffissar tal-prezz ta’ bejgħ tal-banana fi tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri l-Italja, il-Greċja u l-Portugall:

a)      Chiquita Brands International, Inc., Chiquita Banana Company BV, Chiquita Italia SpA,

b)      FSL Holdings NV, Firma Leon Van Parys NV, Pacific Fruit Company Italy SpA.

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      Chiquita Brands International, Inc., Chiquita Banana Company BV, Chiquita Italia SpA, responsabbli flimkien u in solidum: EUR 0;

b)      FSL Holdings NV, Firma Leon Van Parys NV, Pacific Fruit Company Italy SpA, responsabbli flimkien u in solidum: EUR 8 919 000;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

34      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti u talbithom jipproduċu xi dokumenti. Il-partijiet rrispondew għal dawn it-talbiet fit-terminu mogħti. Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat li tipproduċi ċerti dokumenti mitluba, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom.

35      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ġenerali ordnat lill‑Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(b), l-Artikolu 66(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tipproduċi d-dokumenti li dwarhom hija kienet qajmet in-natura kunfidenzjali. Il‑Kummissjoni għamlet dan fit-terminu mogħti. Wara li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-imsemmija dokumenti ma kinux meħtieġa għad‑deċiżjoni tal-kawża, dawn ġew irtirati mill-proċess u ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti.

36      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Novembru 2014.

37      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija ssostni li huma kisru l-Artikolu 101 TFUE (annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu tirrigwardahom);

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jimponi multa ta’ EUR 8 919 000 u tnaqqas il-multa skont l-argumenti mressqa fir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-kawża.

 Id-dritt

39      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi. L‑ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter. It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-natura żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din id-deċiżjoni ma tistabbilixxix b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrenti kkommettew ksur tal‑Artikolu 101(1) TFUE, fuq l-evalwazzjoni inkorretta tal-provi kif ukoll fuq il-fatt li l-provi prodotti ma jsostnux il-konstatazzjoni ta’ ksur. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Linji Gwida tal-2006 minħabba evalwazzjoni inkorretta tal-gravità u tat-tul tal-ksur, kif ukoll taċ-ċirkustanzi attenwanti, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kalkolu tal-multa.

40      F’parti introduttiva intitolata “Deskrizzjoni tas-settur ikkonċernat”, ir‑rikorrenti jagħmlu osservazzjonijiet dwar il-karatteristiċi tas-suq Ewropew tal-banana b’mod ġenerali u dak tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikolari. Fis-seduta, ir-rikorrenti spjegaw li l-partijiet mill-osservazzjonijiet tagħhom iddedikati għal dawn l-argumenti kienu intiżi sabiex jagħtu ħjiel lill-Qorti Ġenerali tal-kuntest tal-kawża u ma kinux ilmenti konkreti kontra d-deċiżjoni kkontestata, u dan ġie nnotat fil-verbal tas-seduta.

I –  Fuq it-talbiet imressqa prinċipalment u intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża

41      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-użu, mill-Kummissjoni, ta’ dokumenti miksuba biss għall-finijiet ta’ investigazzjoni fiskali nazzjonali kif ukoll ta’ dokumenti minn fajls oħra, u tal-eżerċizzju ta’ influwenza illegali fuq il-kumpannija li talbet l-immunità. Il-punti fattwali invokati insostenn ta’ dan l-aħħar ilment huma madankollu l-istess bħal dawk intiżi sabiex isostnu l-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, ħaġa li r-rikorrenti kkonfermaw waqt is-seduta, b’tali mod li dawn il-punti għandhom jiġu ttrattati fil-kuntest tal-eżami ta’ dak il-motiv.

1.     Osservazzjonijiet preliminari

42      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal‑amministrazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 273; Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il-Kummissjoni, T‑410/09, punt 38).

43      Madankollu, kif jirriżulta minn ġurisprudenza daqstant stabbilita, ir‑rispett tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni u fl-Unjoni ma jistgħux jiġu aċċettati miżuri inkompatibbli mar-rispett tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 284, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 70, u Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 39).

44      Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta provi miġbura bi ksur totali tal-proċedura prevista għall-produzzjoni tal-provi u li hija intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. L-użu ta’ din il-proċedura għandu, għalhekk, jitqies li huwa forma proċedurali sostanzjali, skont l-Artikolu 263(2) TFUE. Skont il-ġurisprudenza, il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali għandu konsegwenzi, irrispettivament minn jekk dan il-ksur ikkawżax dannu lill-persuna li tinvokah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 200, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, Ġabra p. I‑2341, punti 42 u 52, u s-sentenza Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 39).

45      F’dan ir-rigward, huwa utli li jiġi rrilevat li l-legalità tat-trażmissjoni lill-Kummissjoni, minn prokuratur nazzjonali jew mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ informazzjoni miġbura skont id-dritt kriminali nazzjonali, hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Minbarra dan, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex tistabbilixxi l-legalità, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ta’ att magħmul minn awtorità nazzjonali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 62, u s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant, sakemm it-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni ma ġietx iddikjarata illegali minn qorti nazzjonali, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li dawn id-dokumenti kienu provi inammissibbli li jridu jitħallew barra mill-fajl (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 63).

47      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha li jistgħu jirriżultaw f’sanzjonijiet, b’mod partikolari multi jew pagamenti ta’ penalità, bħal dik prevista bir-Regolament Nru 1/2003, jikkostitwixxu drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li tagħhom il-Qorti tal-Unjoni tiżgura r-rispett (ara s-sentenza Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-proċedura amministrattiva prevista bir-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi, li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l‑oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni previsti minn dan ir‑regolament u li testendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor il-provi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentazzjoni tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontradittorja li tkopri mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l‑allegat ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 27, u s-sentenza Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Minn naħa, fir-rigward tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, din il-fażi tibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha mogħtija bl-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża ta’ ksur u li għandhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 182, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 38; sentenza Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 25).

50      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huwa biss fil-bidu tal-fażi kontenzjuża amministrattiva li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-proċess sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tagħmel użu sħiħ mid-drittijiet tad-difiża tagħha (ara s-sentenza Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, li kieku dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża kkonċernata tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, għalhekk, dik li għadha tista’ tinħeba minnha (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 60, u s-sentenza Almamet vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 25).

51      Xorta jibqa’ l-fatt li l-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni fil‑fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari t-talbiet għal informazzjoni u l-ispezzjonijiet taħt l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003, jimplikaw min-natura tagħhom, l-akkuża ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva, peress li l-miżuri istruttorji adottati jistgħu jkunu determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li għalih huma jistgħu jinżammu responsabbli (ara s-sentenza Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Huwa b’dan il-mod li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jimponi lill-Kummissjoni li tagħti motivazzjoni tad-deċiżjoni li tordna spezzjoni billi tindika s-suġġett u l-għan tagħha, li hija rekwiżit fundamentali sabiex turi n-natura ġustifikata tal-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati, kif ukoll sabiex tqegħidhom f’pożizzjoni li jagħrfu l-portata tad-dover tagħhom ta’ kollaborazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jiġu ppreżervati d-drittijiet tad-difiża tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 29, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 47; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, T‑66/99, Ġabra p. II‑5515, punt 54; tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra p. II‑521, punt 57, u Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 28).

53      B’hekk hija l-Kummissjoni li għandha tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, dak li qed jitfittex u l-elementi li fuqha ser issir l-ispezzjoni. Tali rekwiżit huwa dovut sabiex jippreżerva d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati, inkwantu tali drittijiet jiġu kompromessi b’mod serju li kieku l-Kummissjoni setgħet tinvoka fir-rigward ta’ impriżi provi li, miksuba matul spezzjoni, ma jkunux parti mis-suġġett u l-għan tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 18, u Roquette Frères, punt 52 iktar ’il fuq, punt 48; sentenzi Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 55, u Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 29).

54      Għalhekk jekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul verifiki ma għandhiex tintuża għal għanijiet ħlief dawn indikati fil-mandat jew fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, madankollu xorta ma għandux jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma tistax tibda proċedura ta’ investigazzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza jew sabiex tikkompleta informazzjoni li hija tkun kisbet konoxxenza tagħha b’mod inċidentali matul spezzjoni preċedenti fil-każ fejn din l‑informazzjoni tindika l-eżistenza ta’ aġir kontra r-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat, peress li tali projbizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-preżervazzjoni tas-sigriet professjonali u tad-drittijiet tad-difiża, u tikkostitwixxi ostakolu mhux iġġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-funzjoni li tiżgura l-osservanza tar‑regoli ta’ kompetizzjoni fis-suq intern u li tiżvela l-ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (sentenzi Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punti 17 sa 19, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 298 sa 301; sentenza Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 30).

55      Fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha d‑dritt titlob kopji ġodda ta’ dokumenti miksuba matul l-ewwel investigazzjoni u li tużahom għalhekk bħala provi fil-kawża li tirrigwarda t-tieni investigazzjoni, mingħajr ma taffettwa d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 303 sa 305, u s-sentenza Almamet vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 30).

56      Fit-tielet lok, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni li tinqasam proċedura, li tfisser li tinbeda proċedura waħda jew iktar ta’ investigazzjoni ġdida, taqa’ fil-kompetenza diskrezzjonali tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas‑setgħat mogħtija lilha bit-Trattat fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punti 17 sa 19; Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 446 sa 449, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Wieland‑Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑11/05, punt 101).

57      B’hekk, il-Kummissjoni għandha dritt tifred kif ukoll tgħaqqad il-proċeduri minħabba raġunijiet oġġettivi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, punt 64, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Polimeri Europa vs Il-Kummissjoni, T‑59/07, Ġabra p. II‑4687, punt 100).

58      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat il-motiv invokat mir-rikorrenti.

2.     Fuq l-ilment ibbażat fuq l-użu bħala provi ta’ dokumenti trażmessi mill-awtorità fiskali Taljana

59      Ir-rikorrenti jfakkru li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma fil-parti l-kbira tagħhom ibbażati fuq dokumenti trażmessi mill-awtorità fiskali Taljana Guardia di Finanza (Gwardja tal-Finanzi), elevati minnha matul investigazzjoni fiskali nazzjonali, jiġifieri noti meħuda bl-idejn ta’ P1.

60      Ir-rikorrenti jsostnu li huma ma ġewx informati bit-trasferiment ta’ dawn id-dokumenti, li nżammu fil-fajl tal-Kummissjoni għal kważi sentejn qabel ma ġew ikkomunikati lilhom, b’tali mod li ma setgħux jinvokaw il-garanziji proċedurali Taljani sabiex ma jippermettux il-komunikazzjoni tal-imsemmija dokumenti lill-Kummissjoni u l-użu tagħhom matul l-investigazzjoni, jew l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

61      Skont ir-rikorrenti, il-garanziji proċedurali minimi stabbiliti permezz tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li għandhom jiġu applikati b’analoġija f’dan il-każ, jipprekludu l-użu tad-dokumenti inkwistjoni f’din il-kawża. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni miksuba mill-Guardia di Finanza mill-Procuratore della Repubblica (Prokuratur tar-Repubblika) ta’ Ruma (l-Italja) li jużaw l-imsemmija dokumenti għal finijiet amministrattivi ma tistax tkopri din il-proċedura sa fejn il-multi imposti mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni għandhom natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

62      Għalhekk ir-rikorrenti jitolbu li d-dokumenti inkwistjoni jitneħħew mill‑proċess u ma jittiħdux inkunsiderazzjoni bħala provi fil-kuntest ta’ din il-kawża.

63      Il-Kummissjoni ssostni li l-legalità tat-trażmissjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali, ta’ dokumenti miksuba bl-applikazzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali tiddependi fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi dokument jitqies inammissibbli biss jekk it-trażmissjoni tiegħu ġiet iddikjarata illegali minn qorti nazzjonali. F’dan il-każ, il-Procuratore della Repubblica ta’ Ruma, għall-kuntrarju, awtorizza l-użu tad-dokumenti inkwistjoni għal finijiet amministrattivi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiċħad l‑allegazzjoni li l-proċeduri taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huma ta’ natura kriminali.

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkonċerna biss l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni (NEK) u ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni milli tirċievi dokumenti minn sorsi oħra.

65      Għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-dokumenti trażmessi mill-awtoritajiet Taljani bħala provi f’din il-kawża u l-kwistjoni tal-garanzija tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta li huma jikkontestaw, minn naħa, l-ammissibbiltà tal-imsemmija dokumenti bħala provi u li huma jinvokaw, minn naħa l-oħra, ksur tad-drittijiet tad-difiża.

a)     Fuq id-dokumenti kkontestati bħala provi inammissibbli

66      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, fost id-dokumenti trażmessi mill-Guardia di Finanza lill-Kummissjoni, erba’ paġni ta’ notamenti ta’ P1 ġew użati mill-Kummissjoni bħala provi, jiġifieri żewġ paġni ta’ notamenti dwar ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 u żewġ paġni ta’ notamenti datati Awwissu 2004. Apparti dawn l-erba’ paġni, il‑Kummissjoni rreferiet għal xi paġni ta’ notamenti oħra ta’ P1, trażmessi mill-Guardia di Finanza sabiex jikkorroboraw il-kredibbiltà tal-provi tal-ksur, jiġifieri l-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1 (ara l‑punt 210 iktar ’il quddiem) u l-involviment dirett tiegħu fl‑immaniġġar ta’ Pacific (ara l-punt 296 iktar ’il quddiem), iżda mingħajr ma bbażat ruħha fuq dawn il-paġni bħala provi tal-ksur.

67      Fir-rigward tal-erba’ paġni ta’ notamenti użati bħala provi tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess jirriżulta li ż-żewġ paġni ta’ notamenti dwar l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 nstabu wkoll mill-Kummissjoni waqt l-ispezzjonijiet li saru għand Pacific f’Ruma.

68      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ paġni ta’ notamenti dwar l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 jinsabu fil-proċess ta’ din il‑kawża indipendentement mill-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tad‑dokumenti trażmessi mill-Guardia di Finanza. Matul is-seduta, ir‑rikorrenti kkonfermaw li ma kinux qed jikkontestaw la l-legalità tal‑ispezzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, ħaġa li tniżżlet fil-proċess verbal tas-seduta u lanqas, konsegwentement, l-ammissibbiltà bħala provi tad-dokumenti miġbura matul dawn l‑ispezzjonijiet.

69      Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 hawn fuq jirriżulta li, minkejja li l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul spezzjonijiet ma tistax tintuża għal raġunijiet oħra minbarra dawk indikati fil-mandat jew fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, minn dan xorta ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma tistax tiftaħ investigazzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza jew il-kompletezza tal-informazzjoni li hija tkun inċidentalment kisbet matul spezzjoni preċedenti fil-każ fejn din l-informazzjoni turi l-eżistenza ta’ aġir kuntrarju għar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat, u li, fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha d-dritt titlob kopji ġodda ta’ dokumenti miksuba matul l-ewwel investigazzjoni u li mbagħad tużahom bħala provi fil-każ li jirrigwarda t-tieni investigazzjoni, mingħajr ma jiġu effettwati d-drittijiet tad-difiża bħala riżultat ta’ dan.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-uniċi dokumenti trażmessi mill-Guardia di Finanza li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha bħala provi tal-ksur fil-kuntest ta’ din il-kawża u li l‑ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata huma ż-żewġ paġni ta’ notamenti ta’ Awwissu 2004.

b)     Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti trażmessi mill-awtorità fiskali Taljana bħala provi

71      Ir-rikorrenti jsostnu li l-garanziji protetti bl-Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li l-informazzjoni skambjata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri ma tistax tintuża bħala prova ħlief “b’rispett għas-suġġett li għalih inġabar [inġabret] mil-awtorità trasmettenti”, jipprekludu l-użu tad‑dokumenti trażmessi mill-awtoritajiet fiskali Taljani bħala provi f’din il-kawża.

72      Skont ir-rikorrenti, minkejja li r-Regolament Nru 1/2003 huwa, bħala regola, applikabbli biss fi ħdan in-NEK, huwa jintroduċi sett ta’ standards u garanziji proċedurali minimi, li l-iskop tagħhom għandu jiġi estiż għall-informazzjoni kollha użata mill-Kummissjoni bħala provi f’investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Kull interpretazzjoni oħra twassal għal differenza inġustifikata li tawtorizza lill-Kummissjoni tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali li ma jifformawx parti min-NEK sabiex jiksbu provi b’mod inqas ristrett u regolamentat u li tippermettilha tevita l-garanziji proċedurali u l-limitazzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1/2003.

73      Ir-rikorrenti jsostnu li, konsegwentement, id-dokumenti inkwistjoni f’din il-kawża setgħu biss jiġu użati bħala prova fl-investigazzjoni fiskali nazzjonali għall-finijiet li għalihom ġew miġbura u mhux f’investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Kull interpretazzjoni oħra tfisser ksur fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll tar-regoli proċedurali interni speċifikament applikabbli għall-investigazzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni.

74      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Ma jistax jiġi argumentat li l-użu, mill-Kummissjoni, bħala provi fi proċedura rregolata mir-Regolament Nru 1/2003, ta’ dokumenti miksuba minn awtoritajiet nazzjonali ta’ kwalunkwe xorta għal raġunijiet oħra minbarra dawk skont l‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u għal raġunijiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, huwa ksur tal-garanziji stabbiliti bl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

75      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1/2003 jġib fi tmiem is-sistema ċentralizzata preċedenti u jorganizza, skont il‑prinċipju ta’ sussidjarjetà, assoċjazzjoni ikbar ta’ awtoritajiet tal‑kompetizzjoni nazzjonali u jawtorizzawhom, għal dan il-għan, sabiex jimplementaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, l-iskema tar-regolament hija bbażata fuq il-kooperazzjoni mill-qrib li huwa mixtieq li tiżviluppa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni tal-Istati Membri organizzati f’netwerk (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra p. II‑521, punt 79).

76      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003, li jinsab fil-Kapitolu IV intitolat “Kooperazzjoni”, b’hekk għandu l-għan li jirregola l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan in-netwerk ifformat mill-Kummissjoni u l‑awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri sabiex jippermetti ċ‑ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni fi ħdan dan in-netwerk, filwaqt li jiżgura r-rispett tal-garanziji proċedurali xierqa għall-impriżi.

77      Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tar-Regolament Nru 1/2003, il‑Kummissjoni spjegat dan li ġej:

“Il-paragrafu 1 [tal-Artikolu 12] jistitwixxi bażi ġuridika għall-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-użu tagħha bħala mezz ta’ prova fil‑proċeduri għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni […] L-għan huwa li jiġi permess li tintbagħat kawża ta’ awtorità ta’ kompetizzjoni għal oħra fl-interess tat-tqassim effikaċi tal-kawżi. Il‑paragrafu 2 jintroduċi limiti għall-użu tal-informazzjoni trażmessa skont l-paragrafu 1, sabiex jiġi żgurat li l-impriżi kkonċernati jibbenefikaw minn garanziji proċedurali adegwati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

78      Il-projbizzjoni li tintuża bħala prova, għal raġunijiet differenti minn dawk li għaliha ġiet miksuba, informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni ta’ Stati Membri skont is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom, abbażi tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tissodisfa bżonn partikolari, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett tal-garanziji proċedurali inerenti għall-ġbir ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kompetizzjoni fil‑kuntest tal-missjonijiet tagħhom, filwaqt li tippermetti skambju ta’ informazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet. Madankollu minn din il‑projbizzjoni ma jistax jiġi awtomatikament konkluż li hemm projbizzjoni ġenerali, għall-Kummissjoni, li tuża bħala prova informazzjoni miksuba minn awtorità nazzjonali oħra fil-kuntest tal‑eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

79      Barra minn hekk jidher li l-eżistenza ta’ tali interdizzjoni ġenerali tagħmel insostenibbli l-oneru tal-prova tal-aġir kuntrarju għall‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, li qiegħed fuq il-Kummissjoni, u għalhekk tkun inkompatibbli mal-ħidma li tissorvelja l-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li ġiet mogħtija lilha mit-Trattati.

80      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 45 u 46 hawn fuq jirriżulta li l‑legalità tat-trażmissjoni lill-Kummissjoni, minn prokuratur nazzjonali jew mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ informazzjoni miġbura skont id-dritt kriminali nazzjonali hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ta’ att meħud minn awtorità nazzjonali. Għaldaqstant, peress illi t-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni ma kinitx ġiet iddikjarata illegali minn qorti nazzjonali, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li dawn id-dokumenti kienu provi inammissibbli li jridu jitneħħew mill-proċess.

81      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, f’dan il-każ, ir‑rikorrenti ma jipprovdux provi li jistgħu juru li t-trażmissjoni tad‑dokumenti inkwistjoni kienet iddikjarata illegali minn qorti nazzjonali. Qabel xejn, mill-argument tagħhom lanqas jirriżulta li qorti Taljana kompetenti ġiet adita mil-legalità tat-trażmissjoni u tal-użu fil‑livell tad-dritt tal-Unjoni tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 63, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 87).

82      B’mod superfluwu, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l‑awtorizzazzjoni tal-Procuratore della Repubblica ta’ Ruma nkisbet biss għal finijiet amministrattivi. Skont ir-rikorrenti, il-proċedura relatata mal-akkordju ma għandhiex titqies bħala “raġunijiet amministrattivi”, peress li l-multi imposti mill-Kummissjoni għandhom natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB. L-awtorizzazzjoni miksuba mill-Guardia di Finanza mingħand il-Procuratore della Repubblica ma għandhiex għalhekk tkopri l-proċedura mmexxija mill‑Kummissjoni f’dan il-każ.

83      Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li huwa veru li l-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza tagħha A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L‑Italja tas-27 ta’ Settembru 2011 (rikors Nru 43509/08), invokata mir-rikorrenti, li “fid-dawl tad-diversi aspetti tal-kawża, hija tikkunsidra li l-multa imposta fuq il-kumpannija rikorrenti kellha natura kriminali, b’tali mod li l-Artikolu 6 § 1 kien applikabbli, f’dan il-każ, skont il-parti kriminali ta’ din id‑dispożizzjoni”.

84      Madankollu, dan ma jfissirx li l-awtorizzazzjoni tal-Procuratore della Repubblica ta’ Ruma, li permezz tagħha dan awtorizza l-użu tad‑dokumenti inkwistjoni għal “raġunijiet amministrattivi”, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Procuratore della Repubblica ried jeskludi l‑użu tad-dokumenti fi proċedura li taqa’ fid-dritt tal-kompetizzjoni, jekk id-dritt tal-kompetizzjoni jitqies, fid-dritt Taljan, li jagħmel parti mid-dritt amministrattiv. Dan huwa l-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-test stess tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem, A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L‑Italja, punt 83 iktar ’il fuq (punti 11 et seq u 60).

85      F’dan ir-rigward, fil-fatt għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tiġi imposta “piena” l-ewwel nett minn awtorità amministrattiva. Madankollu, hija tippreżumi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tkunx tissodisfa hija stess il-kundizzjonijiet previsti mill‑Artikolu 6(1) tal-KEDB għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ organu ġudizzjarju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, punt 51).

86      Qabel xejn, għandu jiġi nnotat li huwa stabbilit li l-Guardia di Finanza ttrażmettiet id-dokumenti inkwistjoni lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Lulju 2007, wara li kisbet l-awtorizzazzjoni mingħand il-Procuratore della Repubblica ta’ Ruma sabiex tuża l-imsemmija dokumenti għal raġunijiet amministrattivi (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L‑Italja, punt 83 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, ingħatat fis-27 ta’ Settembru 2011. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Procuratore ma għandhiex tiġi interpretata fid-dawl ta’ eventwali klassifikazzjoni tas-sanzjonijiet fid‑dritt tal-kompetizzjoni li saret b’din is-sentenza.

87      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess jirriżulta li ma jistax jiġi sostnut li l-Procuratore della Repubblica, meta ta l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża, injora li d-dokumenti kkonċernati kienu intiżi sabiex jintużaw f’investigazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

88      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jiddikjaraw, fil-punt 466 tar-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, bid-deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, il-Procuratore della Repubblica ta’ Ruma awtorizza trasferiment intern, fi ħdan il-Guardia di Finanza, ta’ dokumenti miġbura mid-dar ta’ P1, min-Nucleo Polizia Tributaria di Roma (ċellola tal-pulizija finanzjarja ta’ Ruma), li elevathom, lin-Nucleo Speciale Tutela Mercati (ċellola speċjali ta’ protezzjoni tas-swieq). Minn nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 tal-ittra li flimkien magħha ntbagħtu d-dokumenti mill-Guardia di Finanza lill-Kummissjoni jirriżulta li n‑Nucleo Speciale Tutela Mercati, ġerarkikament integrat fid-Direttorat “Comando tutela dell’Economia” (Diviżjoni ta’ protezzjoni tal‑ekonomija), huwa d-dipartiment tal-Guardia di Finanza speċjalizzat fil-qasam tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni fuq it-territorju nazzjonali kollu. In-Nucleo Speciale Tutela Mercati huwa awtorizzat jirċievi notifiki mingħand servizzi oħra tal-istituzzjoni u jittrażmettihom, wara evalwazzjoni, lill-awtorità kompetenti. Għalhekk, billi awtorizza t‑trasferiment tad-dokumenti elevati min-Nucleo Polizia Tributaria di Roma tal-Guardia di Finanza fil-kuntest tal-investigazzjoni fiskali lin‑Nucleo Speciale Tutela Mercati tal-istess awtorità, il-Procuratore della Repubblica ma setax jinjora illi, b’dak li għamel, kien qed jawtorizza l-użu tad-dokumenti għall-finijiet ta’ investigazzjoni fil‑qasam tal-kompetizzjoni.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li mill-punt 467 tar-risposta tar‑rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll mill‑premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt 21 tar-risposta, jirriżulta li l-Procuratore della Repubblica, wara talba magħmula mill‑Kummissjoni lill-Guardia di Finanza fil-21 ta’ Diċembru 2007 u ittra mibgħuta lilu mill-Guardia di Finanza fit-3 ta’ Jannar 2008, sussegwentement iddikjara li l-komunikazzjoni lill-partijiet tad‑dokumenti inkwistjoni mill-Kummissjoni ma kinitx tippreġudika l‑investigazzjoni nazzjonali li saret fl-Italja. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, sa mhux iktar tard minn dak il-mument, il-Procuratore della Repubblica ma setax jinjora iżjed li d-dokumenti kienu jinsabu f’idejn il-Kummissjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni fil-qasam tad‑dritt tal-kompetizzjoni.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq l-użu mill-Kummissjoni, bħala provi f’din il-kawża, ta’ dokumenti trażmessi mill-Guardia di Finanza Taljana għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti mill-Kummissjoni

91      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tagħmel id‑dokumenti aċċessibbli iktar kmieni lir-rikorrenti, diġà tfakkar fil‑punt 47 hawn fuq li hija ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, bħal dawk previsti bir-Regolament Nru 1/2003, jikkostitwixxu drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li tagħhom l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza.

92      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tressaq l‑opinjoni tagħha b’mod effettiv fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ‑ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti użati mill‑Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l‑garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal‑Unjoni li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura. Fil‑fatt, kif diġà tfakkar fil-punt 48 hawn fuq, fir-rigward ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri, il-fażi ta’ investigazzjoni qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dik tal-kumplament tal-proċedura amministrattiva. Kull wieħed minn dawn il-perijodi konsekuttivi għandu loġika interna tiegħu, l-ewwel fażi għandha tippermetti lill‑Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq it-tmexxija tal-proċedura u t-tieni waħda li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-allegat ksur (ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni messhiex informat lir-rikorrenti iktar qabel, jiġifieri qabel ma bagħtet id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, bil-fatt li hija kellha fil-pussess tagħha dokumenti trażmessi mill-awtoritajiet Taljani, għandu jitfakkar li huma proprju t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minn naħa, u l-aċċess għall-fajl li jippermetti lid-destinatarju tal-imsemmi dikjarazzjoni li jsir jaf bil-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, li jiżguraw id-drittijiet tad-difiża, invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 58).

95      Huwa fil-fatt permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata hija informata bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il‑Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tagħmel użu sħiħ tad‑drittijiet tad-difiża (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Li kieku dawn id-drittijiet hawn fuq imsemmija kienu, fis-sens propost mir-rikorrenti, estiżi għall-perijodu ta’ qabel ma tintbagħat id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal‑Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża kkonċernata tkun, diġà matul l-ewwel fażi ta’ investigazzjoni, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, għalhekk, dik li għadha tista’ tinħeba minnha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 60).

97      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex l‑obbligu li tinforma lir-rikorrenti bit-trażmissjoni tad-dokumenti mill‑Guardia di Finanza qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

98      Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni espliċitament indikat fil-punt 86 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet qed tibbaża ruħha fuq l-imsemmija dokumenti bħala provi. Barra minn hekk, jirriżulta minn ittra mibgħuta mir-rikorrenti lill‑Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2009, li l-Kummissjoni ttrażmettiet id‑dokumenti li hija kienet irċeviet mill-Guardia di Finanza lir-rikorrenti fis-6 ta’ Lulju 2009, jiġifieri qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet fl-10 ta’ Diċembru 2009. Dan il-fatt ġie kkonfermat mir-rikorrenti fis-seduta u ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas‑seduta.

99      Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsostnux li l-fatt li l‑Kummissjoni ma informathomx, matul il-fażi istruttorja, li hija kienet fil-pussess ta’ dokumenti trażmessi mill-awtoritajiet Taljani seta’ kellu effett fuq il-possibbiltajiet ulterjuri tagħhom tad-difiża, matul il-fażi tal‑proċedura amministrattiva mibdija permezz tat-trażmissjoni tad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 61).

100    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq l-użu bħala provi ta’ dokumenti trażmessi mill-awtorità fiskali Taljana għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq l-ilment ibbażat fuq l-użu ta’ dokumenti li joriġinaw minn fajls oħra

101    Ir-rikorrenti jikkritikaw l-użu mill-Kummissjoni ta’ dokument li joriġina mill-fajl tal-Każ COMP/39188 – Banana, miksub mingħand LVP waqt l-ispezzjonijiet li ma kinux imħabbra minn qabel fil-kuntest tal-imsemmi każ, jiġifieri l-messaġġ elettroniku mibgħut minn P1 lil P2 fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 (iktar ’il quddiem “il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57”).

102    Ir-rikorrenti jilmentaw mal-Kummissjoni, minn naħa, li użat id‑dokument fir-rigward tat-talba ta’ immunità ta’ Chiquita u, min-naħa l-oħra, li użatu bħala prova f’dan il-każ. Peress li l-ewwel parti hija relatata mal-ilment ibbażat fuq influwenza illegali fuq min qed jitlob l-immunità, din ser tiġi kkunsidrata f’dan il-kuntest (ara l-punti 162 et seq iktar ’il quddiem).

103    Għal dak li jirrigwarda l-użu tal-imsemmi dokument bħala prova f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess jirriżulta li l‑Kummissjoni talbet lir-rikorrenti l-produzzjoni ta’ dan id-dokument fil-kuntest ta’ din il-kawża. B’hekk, id-dokument ġie prodott mir‑rikorrenti fl-14 ta’ Awwissu 2008 bħala anness għal risposta ta’ talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni u f’Settembru 2008 bħala anness għal talba oħra ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni.

104    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 hawn fuq, minkejja li l‑informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul spezzjonijiet ma għandhiex tintuża għal raġunijiet oħra ħlief dawk indikati fil-mandat jew fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, madankollu ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni hija pprojbita milli tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza jew il-kompletezza tal-informazzjoni li hija tkun inċidentalment kisbet matul spezzjoni preċedenti fil-każ fejn din l-informazzjoni turi l-eżistenza ta’ aġir kuntrarju għar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat, u li, fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha d-dritt titlob kopji ġodda ta’ dokumenti miksuba matul l-ewwel investigazzjoni u li mbagħad tużahom bħala provi fil-każ li jirrigwarda t-tieni investigazzjoni, mingħajr ma jiġu effettwati d-drittijiet tad-difiża bħala riżultat ta’ dan.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq l-użu ta’ dokument li joriġina minn fajl ieħor bħala prova f’din il-kawża għandu jiġi miċħud u, għalhekk, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

B –  Fuq il-motiv li jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ influwenza illegali fuq il-persuna li titlob l-immunità u fuq użu ħażin ta’ poter

106    Ir-rikorrenti jiddistingwu, tal-inqas formalment, bejn ilment ibbażat fuq l-eżerċizzju ta’ influwenza illegali fuq min talab l-immunità invokat insostenn tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża (ara l-punt 41 hawn fuq), u motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

107    Fis-seduta, ir-rikorrenti spjegaw li l-fatti intiżi sabiex isostnu l-ilment ibbażat fuq influwenza illegali fuq min talab l-immunità, imressaq fil‑kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punt 41 hawn fuq), huma wkoll intiżi sabiex isostnu l-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, li ma huwa ssostanzjat b’xejn iktar. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-fatti inkwistjoni juru li l-Kummissjoni eżerċitat influwenza illegali fuq min talab l-immunità, ħaġa li tikkostitwixxi wkoll użu ħażin ta’ poter, u l-imsemmija fatti kollha flimkien għandhom jiġu eżaminati iktar ’il quddiem fil-kuntest tal‑eżami tat-tieni motiv.

108    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fl-argument tagħhom żviluppat insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jressqu numru ta’ argumenti li ma humiex distinti minn dawk invokati fil-kuntest tat-tielet motiv sabiex jikkontestaw il-veraċità jew il-kredibbiltà tad‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita jew il-konklużjonijiet misluta minnhom mill-Kummissjoni. Sa fejn dawn l-argumenti ma jikkonċernawx il-legalità tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, iżda mill-kwistjoni jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ ksur, għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq dak li l‑Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u li hija għalhekk ma assumietx l-oneru tal-prova impost fuqha bl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 (punti 173 et seq iktar ’il quddiem).

1.     Osservazzjonijiet preliminari

a)     Fuq il-programm ta’ klemenza

109    Fil-kuntest tal-attività tagħha li tibda proċeduri minħabba ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni stabbilixxiet programm ta’ klemenza intiż biex bih jibbenefikaw minn trattament favorevoli l‑impriżi li jikkooperaw magħha fl-investigazzjonijiet li jirrigwardaw l‑akkordji sigrieti li jaffettwaw lill-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, T‑12/06, Ġabra p. II‑5639, punt 103, ikkonfermata fl-appell bis‑sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2014, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, C‑578/11 P,).

110    Dan il-programm ta’ klemenza, inizjalment stabbilit bl-Avviż tal‑Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it‑tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996”) sussegwentement ġie elaborat iktar, fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, applikabbli f’dan il-każ, u sussegwentement fl-Avviż tal‑Kummissjoni dwar immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006”) (ara, f’dan is-sens, sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 104).

111    L-impriżi li jipparteċipaw f’dan il-programm joffru kooperazzjoni attiva u volontarja fl-investigazzjoni billi jiffaċilitaw il-kompitu tal‑Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u r-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 505, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 90). Bħala kumpens għal din il-kooperazzjoni, huma jistgħu jiksbu trattament favorevoli fir-rigward tal-multi li kieku kienu jiġu imposti fuqhom, kemm-il darba huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl‑Avviż dwar il-kooperazzjoni applikabbli (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 108).

112    Il-programm ta’ klemenza, kif previst mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħti kemm immunità minn kull multa lill-ewwel impriża li tikkoopera fl‑investigazzjoni, kif ukoll li tagħti tnaqqis tal-multi lill-impriżi li jikkooperaw wara. Fl-ewwel lok, l-impriża inkwistjoni tibbenefika minn eċċezzjoni totali mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, li bis-saħħa tagħha meta impriża tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija jkollha tirrispondi għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 77). Fil-każijiet l-oħrajn, il-grad ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni jvarja skont l-ordni kronoloġiku tal-preżentazzjoni tat-talba ta’ kooperazzjoni u l-kwalità tal-kooperazzjoni pprovduta (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 109).

113    Mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta li, fil-kuntest tal‑programm ta’ klemenza previst minn dan l-avviż, li essenzjalment huwa riprodott fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, il-proċedura ta’ għoti ta’ immunità minn kull multa lil impriża tinkludi tliet fażijiet distinti (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 111).

114    Fl-ewwel fażi, l-impriża li jkollha l-ħsieb li tikkoopera mal‑Kummissjoni għandha tavviċinaha u tipprovdilha provi fir-rigward ta’ akkordju li jkun preżunt li jaffettwa l-kompetizzjoni fi ħdan l‑Unjoni. Dawn il-provi għandhom ikunu ta’ tali natura li jippermettu lill-Kummissjoni jew tadotta deċiżjoni li tordna investigazzjonijiet, fil‑każ previst mill-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, jew tikkonstata ksur tal-Artikolu [101 TFUE], fil-każ previst mill‑punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 112).

115    Fit-tieni fażi, ladarba tkun ġiet riċevuta t-talba għal immunità, il‑Kummissjoni tevalwa l-provi prodotti insostenn ta’ din it-talba sabiex tivverifika jekk l-impriża inkwistjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati, skont il-każ, fil-punt 8(a) jew (b) tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2002. Jekk din l-impriża tkun l-ewwel waħda li tissodisfa dawk il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tagħtiha bil-miktub immunità kundizzjonali mill-multi, kif previst fil-punti 15 u 16 tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 113).

116    L-għoti tal-immunità kundizzjonali b’hekk jimplika l-ħolqien ta’ status proċedurali partikolari, matul il-proċedura amministrattiva, favur l‑impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li jipproduċi ċerti effetti ġuridiċi. Din l‑immunità kundizzjonali madankollu ma tistax tiġi assimilata mal‑immunità definittiva minn multi, li tingħata biss fit-tmiem tal‑proċedura amministrattiva (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 114).

117    B’mod iktar partikolari, l-għoti tal-immunità kundizzjonali, minn naħa, juri li l-impriża kkonċernata kienet l-ewwel waħda li ssodisfat il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 8(a) jew (b) tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2002, b’mod li l-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni talbiet oħrajn għal immunità mill-multi qabel ma tkun iddeċidiet dwar din it-talba (punt 18 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002) u, min-naħa l-oħra, tagħti garanzija lill-imsemmija impriża li l-Kummissjoni ser tagħtiha l-immunità mill-multi jekk, għall-finijiet tal‑proċedura amministrattiva, hija tikkonkludi li din l-impriża osservat il‑kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 11(a) sa (c) tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2002 (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 115).

118    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 11(a) sa (c) tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002:

“B’żieda mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 8(a) u 9 jew fil-punti 8(b) u 10, kif xieraq, il-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin għandhom jkunu milħuqa f’kull każ biex jikkwalifikaw għal xi immunità minn multa:

a)      l-impriża tikkoopera bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza matul il-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni u tipprovdi lill-Kummissjoni kull prova li taqa’ fil-pussess tagħha jew hija disponibbli għaliha li tirrelata mal-ksur issuspettat. B’mod partikolari, din tibqa’ fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex twieġeb malajr għal kull talba li tista’ tikkontribwixxi għad‑determinazzjoni tal-fatti kkonċernati;

b)      l-impriża ttemm l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi taħt il-punt 8(a) jew 8(b), kif xieraq;

c)      l-impriża ma ħadietx passi biex iġġiegħel impriżi oħra biex jipparteċipaw fil-ksur tal-liġi.”

119    Fl-aħħar nett, huwa biss fit-tielet fażi, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali, li hija tagħti jew ma tagħtix, f’din id-deċiżjoni, l-immunità proprja minn multi lill-impriża li tibbenefika mill-immunità kundizzjonali. Huwa f’dan il‑mument preċiż li l-istatus proċedurali li jirriżulta mill-immunità kundizzjonali jieqaf jipproduċi l-effetti tiegħu. Madankollu, il-punt 19 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jippreċiża li l-immunità definittiva minn multi tingħata biss jekk din l-impriża tissodisfa, matul il-proċedura amministrattiva kollha u sal-mument tad-deċiżjoni finali, it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 11(a) sa (c) ta’ dan l-avviż (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 117).

120    B’hekk, mis-sistema kif prevista mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 jirriżulta li, qabel id-deċiżjoni finali, l-impriża li titlob l‑immunità ma tiksibx l-immunità mill-multi eżattament, iżda tibbenefika biss minn status proċedurali li jista’ jittrasforma ruħu f’immunità mill-multi għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfatti (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 118, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2013, Fluorsid u Minmet vs Il‑Kummissjoni, T‑404/08, punt 134).

b)     Fuq il-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni

121    Mill-istess termini tal-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), u b’mod partikolari mill‑kwalifikazzjoni tal-kooperazzjoni meħtieġa bħala “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza”, jirriżulta li l-obbligu ta’ kooperazzjoni tal-impriża li titlob l-immunità jikkostitwixxi obbligu ferm ġenerali li ma huwiex iddelimitat b’mod preċiż, u li l-portata tiegħu tista’ tinftiehem biss fil-kuntest tiegħu, jiġifieri fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 124).

122    L-għoti tal-immunità minn kull multa jikkostitwixxi eċċezzjoni mill‑prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-impriża għall-ksur tar‑regoli tal-kompetizzjoni li hija ġġustifikata mill-għan li jingħata inċentiv għall-iskoperta, l-investigazzjoni u r-repressjoni kif ukoll id‑dissważjoni ta’ prattiki li jagħmlu parti mir-restrizzjonijiet l-iktar serji tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għaldaqstant loġiku li jkun meħtieġ li, bi skambju għall-għoti tal-immunità minn kull multa għall-aġir li jikkostitwixxi ksur li hija tkun wettqet, l-impriża li titlob l-immunità toffri kooperazzjoni għall-investigazzjoni tal‑Kummissjoni li għandha, skont il-kliem tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2002, tkun “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza” (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 125).

123    Mill-klassifikazzjoni tal-kooperazzjoni bħala “bis-sħiħ” jirriżulta li l‑kollaborazzjoni li għandu jipprovdi min jitlob l-immunità lill‑Kummissjoni sabiex jibbenefika mill-immunità għandha tkun kompluta, assoluta u mingħajr ebda riżerva. Il-kwalifikazzjoni ta’ “fuq bażi kontinwa” u “bi prontezza” timplika li din il-kollaborazzjoni għandha tingħata matul il-proċedura amministrattiva kollha u li bħala regola għandha tkun immedjata (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 126).

124    Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li tnaqqis tal‑multa fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni applikabbli ma jistax ikun iġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta u, b’mod iktar ġenerali, l-aġir tal-impriża inkwistjoni, ikunu jistgħu jitqiesu f’dan ir-rigward li juru kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha (ara, fir‑rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, is-sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 395; tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs SGL Carbon, C‑301/04 P, Ġabra p. I‑5915, punt 68, u Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 281; fir‑rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, is‑sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 127).

125    Kif jirriżulta mill-kunċett stess ta’ kooperazzjoni, kif jidher mit-test tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, effettivament huwa biss meta l-aġir tal-impriża kkonċernata jkun juri tali spirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis fuq il-bażi tal-imsemmi avviż (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 396, u Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 282; fir-rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, is‑sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 128).

126    Din il-kunsiderazzjoni tapplika a fortiori għall-kooperazzjoni meħtieġa biex jiġi ġġustifikat il-benefiċċju tal-immunità minn kull multa, inkwantu l-immunità tikkostitwixxi trattament iktar favorevoli minn sempliċi tnaqqis tal-multa. Għaldaqstant il-kunċett ta’ kooperazzjoni “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza” li tiġġustifika l-għoti tal‑immunità minn kull multa jimplika kollaborazzjoni ġenwina, kompluta u kkaratterizzata minn spirtu reali ta’ kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punti 129 u 130).

2.     Deċiżjoni kkontestata

127    Għandu jitfakkar li, kif diġà indikat fil-punti 3 et seq hawn fuq, fit‑8 ta’ April 2005, Chiquita talbet sabiex tibbenefika mill-immunità minn multi u, b’mod alternattiv, minn tnaqqis tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-attività ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ banana u ta’ ananas u ta’ frott frisk ieħor importat fl-Ewropa. Din it-talba ġiet irreġistrata bin-numru tal-Każ COMP/39188 – Banana u Chiquita kisbet, fit-3 ta’ Mejju 2005, l‑immunità kundizzjonali minn multi għal allegat akkordju sigriet, kif deskritt fl-informazzjoni sottomessa minn Chiquita fit-8, fl-14, fil-21 u fit-28 ta’ April 2005, li kien jaffettwa l-bejgħ ta’ banana u ta’ ananas fiż-ŻEE. L‑investigazzjoni fil-Każ COMP/39188 – Banana wasslet għall‑adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5955 finali, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/39188 – Banana), li kkonstatat li Chiquita, il-grupp Dole u Weichert, dak iż-żmien taħt l-influwenza deċiżiva tal-grupp Del Monte, kienu kisru l-Artikolu 81 KE billi pparteċipaw fi prattika miftiehma li permezz tagħha kkoordinaw il-prezzijiet ta’ referenza tal-banana li huma kienu jistabbilixxu kull ġimgħa għall-Awstrija, għall-Belġju, għad‑Danimarka, għall-Finlandja, għall-Ġermanja, għal-Lussemburgu, għall-Pajjiżi l‑Baxxi u għall-Isvezja bejn l-2000 u l-2002 (premessi 79 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    Fil-punti 7 u 8 hawn fuq ġie wkoll innotat li l-Kummissjoni bdiet investigazzjonijiet fin-Nofsinhar tal-Ewropa fil-kuntest tal-Każ COMP/39482 – Frott eżotiku (banana) wara li rċeviet, fis-26 ta’ Lulju 2007, kopji ta’ dokumenti mingħand il-pulizija fiskali Taljana, elevati waqt spezzjoni li saret fid-dar u fl-uffiċċju ta’ impjegat ta’ Pacific fil-kuntest ta’ investigazzjoni nazzjonali (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

129    Fil-premessi 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, fis-26 ta’ Novembru 2007, Chiquita kienet ġiet informata verbalment mid-DĠ “Kompetizzjoni” li, fit-28 ta’ Novembru 2007, l-uffiċjali ta’ din tal-aħħar kienu ser imorru għal spezzjoni fl-istabbilimenti ta’ Chiquita Italia f’Ruma u li kienu qed jistennew il-preżenza ta’ C1 għal intervista dakinhar. F’din l-okkażjoni, Chiquita tfakkret li hija kienet kisbet l-immunità kundizzjonali minn multi mill-Komunità kollha kemm hi, li skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija kellha l-obbligu li tikkoopera u li kienet ser issir investigazzjoni fin-Nofsinhar tal-Ewropa bin-numru tal-Każ COMP/39482 – Frott eżotiku. Finalment, l-uffiċjali tal-Kummissjoni għamlu l-ispezzjoni għand Chiquita Italia skont l‑Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u għamlu intervista ma’ C1.

130    Kif diġà ġie indikat fil-punt 10 hawn fuq, fil-premessi 84 u 85 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li, matul l‑investigazzjoni, hija kienet għamlet diversi talbiet għal informazzjoni mingħand il-partijiet, li dawn ġew mistiedna jissottomettu mill-ġdid ċerta informazzjoni u provi li joriġinaw mingħandhom li kienu jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni tal-Każ COMP/39188 – Banana, u li Chiquita kienet ġiet mistiedna tidentifika liema partijiet mid-dikjarazzjonijiet orali tagħha f’dan il-każ kellhom, fl-opinjoni tagħha, rabta wkoll ma’ dan il-każ. Fid-9 ta’ Frar 2009, id-DĠ “Kompetizzjoni” bagħat ittra lil Chiquita dwar l-istatus tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

131    Il-ksur inkwistjoni f’din il-kawża tqies li huwa manifestament distint minn dak ikkonstatat fil-Każ COMP/39188 – Banana. Il‑Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward li din il-kawża kienet tirrigwarda ksur (uniku u kontinwu) distint minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li l-portata ġeografika tal-akkordji, il-persunal involut, il‑perijodu kopert mill-allegat ksur, il-funzjonament tas-settur u n-natura tal-prattiki suġġetti għall-investigazzjoni f’dan il-każ kienu manifestament differenti minn dak li ġie kkonstatat fil-Każ COMP/39188 – Banana (premessi 80, 316 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Fir-rigward tat-talba ta’ klemenza ta’ Chiquita, il-Kummissjoni nnotat b’mod iktar preċiż li, qabel din it-talba, hija ma kienet għamlet l-ebda spezzjoni fir-rigward tal-allegat akkordju u ma kellha l-ebda prova sabiex tagħmel dan, li fit-3 ta’ Mejju 2005, Chiquita kienet kisbet l‑immunità kundizzjonali minn multi għal allegat akkordju sigriet, kif deskritt fl-informazzjoni li ġiet issottomessa minn din l-impriża fit-8, fl-14, fil-21 u fit-28 ta’ April 2005, li jaffettwa l-bejgħ ta’ banana u ta’ ananas fiż‑ŻEE, u li, minħabba l-fatt li l-prattiki li huma s-suġġett ta’ din il‑kawża kienu differenti minn dawk fil-Każ COMP/39188 – Banana, l‑investigazzjoni inizjali kienet inqasmet f’żewġ kawżi, jiġifieri l-Każ COMP/39482 – Frott eżotiku u l-Każ COMP/39188 – Banana. Il‑Kummissjoni ppreċiżat li, f’tali sitwazzjoni, min jiltob l-immunità għandu l-obbligu li jikkoopera fiż-żewġ investigazzjonijiet distinti li jistgħu joriġinaw mill-istess talba ta’ immunità u li jkompli jikkoopera anki wara li jkun kiseb l-immunità finali għall-ksur wieħed jew iktar kopert minn waħda mill-investigazzjonijiet (premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata tad-deċiżjoni kkontestata).

133    Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li, abbażi ta’ ċerti dikjarazzjonijiet magħmula minn Chiquita matul il-proċedura, hija kienet, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2009 li hija kienet bagħtitilha f’dan il-każ, preliminarjament ikkonkludiet li l‑ksur suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx kopert mit-talba għal immunità mressqa mill-impriża fit-8 ta’ April 2005 u, fin-nuqqas, li hija ma kinitx issodisfat l-obbligi li hija kellha taħt il-punt 11(a) (obbligu ta’ kooperazzjoni) u (b) (waqfien tal-ksur fil-mument tat-talba) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Kif diġà ġie nnotat fil-punt 130 hawn fuq, qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet bagħtet ittra lil Chiquita dwar l-istatus tas-sitwazzjoni fir-rigward tal‑kooperazzjoni tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata).

134    Il-Kummissjoni kompliet l-argument tagħha billi indikat li, fid-dawl tal‑argumenti kollha mressqa minn Chiquita, b’mod partikolari wara d‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet ikkonkludiet li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata kien kopert bit-talba għall‑immunità mressqa mill-impriża. Madankollu, il-Kummissjoni fakkret li min jitlob l-immunità għandu jipprova jindika b’mod ċar l‑informazzjoni li fuqha huma jibbażaw l-allegazzjonijiet tagħhom meta jitolbu l-immunità (premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fil-qosor, fakkret illi Chiquita kienet għamlet diversi dikjarazzjonijiet sabiex tispjega r-rwol li hija kellha fis‑settur tal-banana fin-Nofsinhar tal-Ewropa, inkluż il-kuntatti kollużorji li hija kellha ma’ Pacific, u fakkret li kienet kontribuzzjoni ta’ Chiquita li inizjalment kienet tat bidu għall-investigazzjoni tagħha, b’tali mod li għandu jiġi konkluż li din l-impriża kienet issodisfat l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni permanenti u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ma kienx iġġustifikat li tiġi rtirata l-immunità lil din l‑impriża (premessi 351 u 352 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Fuq l-elementi invokati mir-rikorrenti

136    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat prattiki illegali bil-għan li tinfluwenza lil Chiquita sabiex issostni s-suspetti u l-preżunzjonijiet tagħha stess, kuntrarjament għall-ispirtu tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2002. Il-prova ta’ dan tinsab fil-fatt li, fit-talba tagħha għall-immunità, Chiquita ma ressqet l-ebda prova dwar din il‑kawża u barra minn hekk, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq dik it-talba sabiex issostni l-ksur kommess f’dan il-każ. Il-Kummissjoni għalhekk adottat, mill-bidu nett, perspettiva predeterminata fuq il-każ inkwistjoni billi stabbilixxiet, qabel xejn, każ ta’ akkordju antikompetittiv qabel ma użat lil min qed jitlob l-immunità f’każ ieħor sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha.

137    Skont ir-rikorrenti, minħabba l-fatt li hija b’hekk influwenzat b’mod abbużiv lill-kumpannija li talbet l-immunità, il-Kummissjoni manifestament mhux biss marret lil hinn mill-kompetenza mogħtija lilha bl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u s-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni mogħtija lilha bir-Regolament Nru 1/2003, iżda anki użat is-setgħat tagħha għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatawlha.

138    Il-Kummissjoni tikkontesta d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti u ssostni li l-ebda waħda mill-azzjonijiet tagħha matul il-proċedura amministrattiva ma għandha tiġi interpretata bħala l-eżerċizzju ta’ pressjoni mhux dovuta fuq Chiquita jew bħala azzjoni intiża sabiex tagħti direzzjoni lil min talab l-immunità.

139    Għandu jitfakkar, qabel xejn, li l-użu ħażin ta’ poter jikkonsisti fl‑adozzjoni, minn istituzzjoni tal-Unjoni, ta’ att bl-għan esklużiv jew, tal-inqas, li huwa determinanti sabiex jintlaħqu għanijiet oħra barra dawk li huma msemmija jew li huwa determinanti sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-Trattat sabiex jilqgħu għaċ‑ċirkustanzi tal-każ. Il-qorti tal-Unjoni tqis għalhekk li att huwa biss ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ttieħed bl-għan esklużiv, jew għall‑inqas bil-għan determinanti li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk indikati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 24; tal-11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il‑Kummissjoni, C‑186/02 P u C‑188/02 P, Ġabra p. I‑10653, punt 44, u tas-16 ta’ April 2013, Spanja u L‑Italja vs Il‑Kunsill, C‑274/11 u C‑295/11, punt 33; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑357/06, punt 246, u tas‑16 ta’ Jannar 2014, BP Products North America vs Il‑Kunsill, T‑385/11, punt 120).

140    Sussegwentement, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni setgħat li għandhom bħala għan li jippermettulha teżegwixxi l-ħidma mogħtija lilha bit-Trattat li tħares l-osservanza tar‑regoli ta’ kompetizzjoni fis-suq intern (ara, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il‑Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, punt 20, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑121/04 P, punt 34).

141    Finalment, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li l-loġika tiegħu ġiet spjegata fil-punti 111 sa 126 hawn fuq, jiddetermina, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha li tuża fl-applikazzjoni tal-programm ta’ klemenza tagħha u tiżgura, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punti 211 u 213).

142    Għalkemm l-imsemmi avviż ma jistax jiġi kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-Kummissjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huwa madankollu jikkostitwixxi regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, il-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 70).

143    Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal‑pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, jekk ikun il-każ, tal‑prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 71).

144    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra preċedentement, il-Kummissjoni tista’ tistrieħ fuq indikazzjonijiet ta’ investigazzjonijiet oħra sabiex tibda investigazzjoni ġdida (ara l‑punti 54 u 55 hawn fuq) u tgħaqqad jew tifred proċedura (ara l‑punti 56 u 57 hawn fuq), u jekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil‑punti 121 sa 126 hawn fuq, il-kooperazzjoni ta’ min jitlob l‑immunità tkun “bis-sħiħ”, il-Kummissjoni għandha, hekk kif iddikjarat hija stess fil-punt 351 tad-deċiżjoni kkontestata, “tibqa’ newtrali u tastjeni milli tinfluwenza lill-kandidat għall-immunità”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

145    Madankollu, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-punti mressqa minnhom insostenn tal-ilment ibbażat fuq influwenza illegali fuq min talab l-immunità u tal-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter ma humiex tali li juru li l-Kummissjoni kisret dawn il-prinċipji f’dan il-każ. B’hekk, il-fatti invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġu vvalidati l-allegazzjonijiet li “l-Kummissjoni applikat prattiki illegali bil-għan li tinfluwenza lil Chiquita, bħala kumpannija li talbet l-immunità, sabiex issostni s-suspetti u l-preżunzjonijiet tagħha, kuntrarjament għall-ispirtu tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni”, billi tistabbilixxi “l-ewwel […] każ ta’ akkordju antikompetittiv abbażi ta’ interpretazzjoni spekulattiva ta’ noti personali u miktuba bl-idejn, u [billi użat] sussegwentement lil min talab l-immunità f’każ ieħor sabiex issostni dan il-każ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

146    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma għandhomx, b’mod ġenerali, jisiltu argument mill-fatt li l-Kummissjoni fil-bidu kkunsidrat li t-talba għall-klemenza ta’ Chiquita ma kinitx tkopri din il-kawża, sabiex sussegwentement “tibdel l-opinjoni tagħha” fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif ġie speċifikat fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 113 sa 120 hawn fuq, il-proċedura ta’ kooperazzjoni kif stabbilita fl-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal-2002 hija proċess li fi tmiemu hija biss il‑Kummissjoni li tiddeċiedi tagħtix jew le b’mod definittiv l-immunità mill-multi lil min jitlob l-immunità, skont il-kooperazzjoni offruta minn dan tal-aħħar matul il-proċedura. Il-Kummissjoni għalhekk ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni b’mod definittiv fuq it-talba għal klemenza fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Fluorsid u Minmet vs Il‑Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punti 134 sa 136).

147    Il-fatt li l-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq it-talba inizjali ta’ klemenza ta’ Chiquita, li kienet tkopri ż-ŻEE kollha kemm hi (ara l‑punti 3, 4 u 127 hawn fuq), bħala prova tal-ksur f’dan il-każ, ukoll ma huwiex tali sabiex juri li l-Kummissjoni, matul il-proċedura sussegwenti, abbużat mis-setgħat tagħha sabiex tagħmel pressjoni fuq Chiquita sabiex tikkonferma l-fatti relatati ma’ din il-kawża. Fil-fatt mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 121 sa 126 hawn fuq jirriżulta li d‑dover ta’ kooperazzjoni ta’ impriża li titlob l-immunità totali mill‑multi jinkludi l-obbligu ta’ kooperazzjoni bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza matul il-proċedura kollha, li jista’ jinvolvi wkoll riċerka u dikjarazzjonijiet dwar fatti mhux koperti bid‑dikjarazzjoni oriġinali wara mistoqsijiet magħmula mill‑Kummissjoni, peress li kif din tal-aħħar korrettament tindika fil‑punt 31 tar-risposta tagħha, ir-risposti għall-mistoqsijiet magħmula huma parti importanti mill-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ min jitlob l‑immunità.

148    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 56 u 57 hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni għandha d-dritt kemm li tifred kif ukoll li tgħaqqad proċeduri għal raġunijiet oġġettivi. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jinvokawx provi intiżi sabiex jikkontestaw ir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li, f’dan il-każ, il-fatti li jaqgħu fil‑Każ COMP/39482 – Frott eżotiku u dawk li jaqgħu fil-Każ COMP/39188 – Banana għandhom jitqiesu li huma żewġ ksur manifestament distinti (ara l-punt 131 hawn fuq).

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet korrettament tikkunsidra li, f’każ bħal dan, kull applikant għall-immunità għandu d-dmir li jikkoopera fiż-żewġ investigazzjonijiet distinti li jistgħu jirriżultaw mill‑istess talba għal immunità, li kienet tkopri ż-ŻEE kollha (ara l‑punti 3, 4 u 127 hawn fuq), u jkompli jikkoopera anki wara li jkun kiseb l-immunità finali għall-ksur koperti b’waħda mill‑investigazzjonijiet (ara l-punt 132 hawn fuq).

150    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-idea ġenerali li Chiquita messha “addattat” l-argumenti tagħha għall-fatti kif ippreżentati mill-Kummissjoni ma għandux jintlaqa’.

151    F’dan ir-rigward, barra minn hekk, għandu jitfakkar li d‑dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala regola, jitqiesu li huma prova partikolarment affidabbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 166).

152    Għalkemm huwa possibbli li impriża li tkun talbet sabiex tibbenefika minn immunità mill-multi tintalab tipproduċi kemm jista’ jkun provi implikati, xorta jibqa’ l-fatt li tali impriża tkun konxja mill‑konsegwenzi negattivi potenzjali tal-produzzjoni ta’ provi skorretti li tista’, b’mod partikolari, twassal għat-telf tal-immunità ladarba tkun ingħatat. Barra minn hekk, ir-riskju li d-dikjarazzjonijiet skorretti jiġu identifikati u jwasslu għall-imsemmija konsegwenzi jiżdied bil-fatt li tali dikjarazzjonijiet għandhom ikunu kkorroborati permezz ta’ provi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P,punt 138).

153    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tenfasizza li dikjarazzjonijiet magħmula minn kumpannija li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ksur kommess minnha jwasslu għal riskji ġuridiċi u ekonomiċi kunsiderevoli, fosthom, b’mod partikolari, dawk ta’ kawża għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħhom, jista’ jiġi invokat il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet ksur fi ħdan kumpannija (ara s-sentenza Siemens et vs Il‑Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq, punti 140 u 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw fuq Chiquita mill-istatus proċedurali ta’ min jitlob l-immunità (ara l-punti 120 sa 126 hawn fuq), ma għandux jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li jitfakkar dan l-istatus jikkostitwixxi pressjoni illegali, kif jallegaw ir-rikorrenti. Bl-istess mod, l-allegazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li l-Kummissjoni “heddet lil Chiquita li tirrifjutalha l-immunità fil-każ tat-Tramuntana tal-Ewropa [(Każ COMP/39188 – Banana)] sabiex tiżgura l-kooperazzjoni ta’ din l-impriża sabiex issib provi konklużivi u tinfluwenza n-natura tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita dwar provi ta’ fatt f’din il-kawża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma hija ssostanzjata bl-ebda mod.

155    Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni ta’ A1, avukat ta’ Chiquita, waqt is‑seduta, li għaliha jirreferu r-rikorrenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 43 tar-replika u li minnha jirriżulta li, matul is-seduta, il‑Kummissjoni talbet lill-avukati ta’ Chiquita jispjegaw lil C1 li kellu jkun iktar komunikattiv, ma turix li l-Kummissjoni talbet lil Chiquita iktar minn dak li kien rikjest fid-dawl tal-kooperazzjoni mistennija minn min jitlob l-immunità (ara l-punti 121 sa 126 hawn fuq). Barra minn hekk, l-estratt iċċitat mir-rikorrenti għandu jitqiegħed fil-kuntest tad‑dikjarazzjoni kollha kemm hi, li fiha A1 u A2 iddefendew ruħhom mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni li kienet qed tikkontesta l-volontà ta’ kooperazzjoni ta’ Chiquita u spjegaw li l-Kummissjoni ma setgħetx tistenna li C1 ikun komunikattiv waqt l-ispezzjonijiet meta l‑Kummissjoni kienet espliċitament talbet li huwa ma jkunx informat minn qabel sabiex iżżomm ċertu effett ta’ sorpriża. Id-dikjarazzjonijiet kemm tal-avukati ta’ Chiquita, kif ukoll ta’ C1 stess, dwar din is‑sitwazzjoni, konsegwentement juru li C1, bħala individwu, ħassu aggredit u pperċepixxa l-ispezzjoni bħala “ostili” sakemm l-avukati spjegawlu li Chiquita kienet iddeċidiet li tikkoopera mal-Kummissjoni u li għalhekk seta’ jikkomunika iktar fid-dikjarazzjonijiet tiegħu.

156    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-mekkaniżmi ta’ pressjoni użati mill-Kummissjoni kienu diversi, inkwantu l-Kummissjoni kienet indikat lil Chiquita f’diversi ittri li kienet ser tagħmel spezzjonijiet fl‑istabbilimenti tagħha u tinterroga lill-impjegati tagħha, talbitha tissottometti f’din il-kawża dokumenti li kienet diġà ssottomettiet fil‑każ relatat mat-Tramuntana tal-Ewropa (Każ COMP/39188 – Banana) u kkonfermat li kienet inkludiet dokumenti mill-imsemmi każ fil-fajl tal‑każ preżenti.

157    Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-punt 34 tar‑risposta tagħha, iddikjarat, mingħajr ma ġiet kontradetta dwar dan il‑punt mir-rikorrenti fir-replika, li d-dikjarazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li l‑Kummissjoni bagħtet diversi ittri lil Chiquita sabiex tinformaha dwar l-ispezzjonijiet li kellhom isiru kienet fattwalment skorretta. F’dan ir‑rigward, il-Kummissjoni ssostni d-dikjarazzjoni li diġà kienet tinsab fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata li hija informat biss verbalment lil Chiquita fis-26 ta’ Novembru 2007 li kienet ser tmur fl‑istabbilimenti ta’ din tal-aħħar jumejn wara u li hija kienet tixtieq tintervista lil C1. Tali approċċ jidher iġġustifikat sabiex jippermetti lil Chiquita tiżgura l-preżenza ta’ C1 dakinhar u fih innifsu ma jistax jitqies li huwa mekkaniżmu ta’ pressjoni abbużiv fuq min talab l‑immunità. Imbagħad, il-fatt li Chiquita ntalbet tissottometti mill-ġdid dokumenti li kienet diġà ssottomettiet fil-Każ COMP/39188 – Banana ma huwiex illegali, iżda huwa kundizzjoni indispensabbli għall-użu tal‑imsemmija dokumenti fil-kuntest ta’ din il-kawża, kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 hawn fuq. Fl-aħħar nett, l‑allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni informat lil Chiquita li kienet inkludiet id-dokumenti tal-Każ COMP/39188 – Banana fil-fajl ta’ dan il-każ ma hija ssostanzjata bl-ebda mod, b’tali mod li ma tistax turi użu ħażin ta’ poter mill-Kummissjoni.

158    Fir-raba’ lok, l-informazzjoni fil-fajl iċċitata mir-rikorrenti barra mill‑kuntest tagħha ma tistax turi li l-Kummissjoni eżerċitat pressjoni abbużiva fuq min talab l-immunità.

159    L-ewwel nett, il-konklużjonijiet sottomessi minn Chiquita fil-Każ COMP/39188 – Banana, invokati mir-rikorrenti, li “l-prezzijiet għar‑Renju Unit/l-Irlanda, għan-Nofsinhar tal-Ewropa u Franza ma kinux ikkomunikati lill-kompetituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiddeskrivu l-mod li bih Chiquita kienet tikkomunika, nhar ta’ Ħamis filgħodu, il-prezzijiet ta’ referenza tagħha lill-kompetituri tagħha. Il-Każ COMP/39482 – Frott eżotiku ma jikkonċernax il-prezzijiet ta’ referenza, b’mod li d‑dikjarazzjonijiet magħmula minn Chiquita f’dan il-każ ma jikkontradixxux il-konklużjonijiet tagħha sottomessi fil-Każ COMP/39188 – Banana.

160    It-tieni nett, id-dikjarazzjonijiet ta’ A2, avukat ta’ Chiquita, matul is‑seduta, li fuqhom jibbażaw ruħhom ukoll ir-rikorrenti, u li fihom A2 iddikjara li l-osservazzjonijiet dwar il-perijodu ta’ qabel it-8 ta’ April 2005 “mhux bil-fors jappoġġjaw l-argument tal-Kummissjoni”, jikkonċernaw il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li jkollha intervista oħra ma’ C1 wara r-risposta ta’ Chiquita għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, il-fatti li C1 seta’ jikkumenta dwarhom matul tali intervista, u b’mod iktar ġenerali, il-ħtieġa, għal Chiquita, li tikkummenta dwar il-fatti li jaqgħu fil-perijodu qabel it-8 ta’ April 2005, id-data tat-talba għall-immunità tagħha. A2 imbagħad iddikjara li Chiquita kienet ikkunsidrat li l-fatt li l-Kummissjoni pproponiet żewġ okkażjonijiet għall-intervista ma’ C1 kien biżżejjed fir-rigward tal-obbligi ta’ Chiquita bħala persuna li talbet l-immunità, speċjalment sa fejn Chiquita kienet iddeċidiet li tikkummenta biss dwar il‑fatti wara t-8 ta’ April 2005 kif esposti fid-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet. F’tali kuntest, li jiġi ddikjarat li osservazzjonijiet fuq il-perijodu ta’ qabel “mhux bil-fors jappoġġjaw l-argument tal‑Kummissjoni” ma għandux jiġi interpretat bħala dikjarazzjoni li ma kienx hemm ksur qabel it-8 ta’ April 2005. Għall-kuntrarju, A2 indika b’mod ċar matul is-seduta li Chiquita ma tikkontestax il-fatt li kien hemm ksur qabel it-8 ta’ April 2005, iżda li hija tikkontesta l-fatt li l‑ksur kompla wara din id-data.

161    It-tielet nett, id-dikjarazzjoni ta’ A2 matul is-seduta, imfakkra fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 25 tar-replika, li, “mill-perspettiva ta’ Chiquita, id-DĠ Kompetizzjoni jidher li qabel xejn ifforma opinjoni minn qabel”, “sabiex jissostanzja l-argument tiegħu fir-rigward ta’ dan il-każ, id-DĠ Kompetizzjoni talab lil Chiquita tikkoopera sabiex issib informazzjoni konklużiva u provi”, “madankollu kienet il-Kummissjoni li kellha ssostni l-konklużjonijiet tagħha permezz ta’ provi prodotti lilha, u mhux li telabora fuq konklużjonijiet u tuża lill-persuna li titob l-immunità biex tipprova tissostanzja dawn tal-aħħar” u, “jekk l-informazzjoni miksuba u mogħtija minn Chiquita ma taqbilx mal-opinjoni fformata minn qabel tad-DĠ Kompetizzjoni f’dan il-każ, Chiquita ma tistax tinżamm responsabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandha titqies fil‑kuntest tagħha, jiġifieri d-difiża ta’ Chiquita wara d-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet f’din il-kawża bil-possibbiltà li ma tiksibx immunità f’din l-imsemmija kawża. Fil-fatt, l-aħħar sentenza ċċitata mir-rikorrenti tispiċċa hekk: “jekk l-informazzjoni miksuba u mogħtija minn Chiquita ma taqbilx mal-opinjoni fformata minn qabel tad-DĠ Kompetizzjoni f’dan il-każ, Chiquita ma tistax tinżamm responsabbli, u d-DĠ Kompetizzjoni ċertament ma jistax jinqeda b’dan sabiex jirrifjutalha l‑immunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-istess japplika għad‑dikjarazzjonijiet ta’ A2 iċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġni Nri 45 u 46 tar-replika, li jifformaw parti minn argument intiż sabiex jikkontesta s-separazzjoni tal-każijiet fi tnejn, inkwantu dan kellu jkollu l-effett li jċaħħad lil Chiquita mill-immunità għal parti mis-suq intern, filwaqt li kisbet l-immunità kundizzjonali fir-rigward tas-suq intern kollu kemm hu.

162    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jikkritikaw l-użu mill-Kummissjoni ta’ dokument li joriġina mill-fajl tal-Każ COMP/39188 – Banana, miksub mingħand LVP matul spezzjonijiet mhux imħabbra li saru fil-kuntest tal-imsemmi każ, jiġifieri l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 fil-kuntest tal-ġestjoni tal-kooperazzjoni ta’ Chiquita mal-Kummissjoni.

163    L-ewwel nett, f’Novembru 2007, matul l-ispezzjonijiet li saru fi ħdan Chiquita Italia, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni informaw lill‑impjegati ta’ din l-impriża bl-eżistenza ta’ dokument li kien juri aġir illegali ta’ Chiquita u tar-rikorrenti — jiġifieri l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 — minkejja li dan id-dokument ma kienx għadu daħal fil-fajl tal-investigazzjoni f’dan il-każ.

164    Il-Kummissjoni ssostni li, matul l-ispezzjonijiet ta’ Novembru 2007, l‑ebda kopja tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid‑9.57 ma ngħatat lil Chiquita, u l-uffiċjali tagħha sempliċement irreferew għall-fatt li Chiquita setgħet issib dokument li jindika kuntatti kollużorji madwar il-11 ta’ April 2005 fil-fajl tal-Każ COMP/39188 – Banana (premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, bħala destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fl-imsemmija kawża, Chiquita kellha dritt tieħu konjizzjoni tad-dokument inkwistjoni, u l-fatt li jingħatalha aċċess għalih huwa leċitu u huwa saħansitra obbligu skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Iktar minn hekk, il‑Kummissjoni ssostni li hija setgħet tuża l-imsemmi dokument sabiex tkompli l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, skont il-ġurisprudenza, hija setgħet tiġbor indizji minn investigazzjonijiet oħra, u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprojbixxix il-ftuħ ta’ investigazzjoni sabiex tivverifika jew tissupplimenta informazzjoni li hija tkun kisbet b’mod inċidentali matul investigazzjoni preċedenti.

165    Għandu jiġi nnotat li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li, matul l‑ispezzjonijiet ta’ Novembru 2007, ma ngħatat l-ebda kopja tad‑dokument lil Chiquita, u li l-uffiċjali tagħha inkarigati mill-intervisti sempliċement għamlu riferiment għall-fatt li Chiquita setgħet issib dokument li jindika kuntatti kollużorji madwar il-11 ta’ April 2005 fil‑fajl tal-każ dwar it-Tramuntana tal-Ewropa, ġiet ikkonfermata minn Chiquita u minn C1 matul is-seduta u ma ġietx ikkontradetta mir-rikorrenti. Fid‑dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li l-Kummissjoni tista’ tistrieħ fuq indizji ta’ każ bħala punt ta’ tluq għal investigazzjonijiet f’każ ieħor (ara l-punti 54 u 55 hawn fuq), kif ukoll fid-dawl tal‑ġurisprudenza li l-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ min jitlob l-immunità jestendi matul il-proċedura kollha u jimplika d-dmir li jirreaġixxi għal fatti ġodda (ara l-punti 121 sa 126 hawn fuq), il-fatt li bbażat ruħha fuq dokument li jinsab fil-fajl ta’ każ ieħor sabiex tagħmel mistoqsija lil min qed jitlob l-immunità ma jidhirx li huwa illegali.

166    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li, iktar tard, il-Kummissjoni uriet żewġ verżjonijiet tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 lill-impjegati ta’ Chiquita, filwaqt li ssuġġeriet li dawn kienu l-prova ta’ kuntatti illegali bejn P1 u C1.

167    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni, fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata, iddikjarat li kopja tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni kienet intbagħtet lil Chiquita wara li ntbagħtet l-ittra dwar l‑istatus tas-sitwazzjoni sabiex tingħata l-possibbiltà li tesprimi ruħha fuq dan id-dokument li jista’ juri li hija kienet kompliet bil-ksur wara li kienet talbet il-klemenza.

168    Madankollu, mid-dikjarazzjoni ta’ Chiquita tal-5 ta’ Marzu 2009, kif ukoll mid-dikjarazzjoni tagħha fis-seduta, jirriżulta li Chiquita rċeviet, qabel ma ntbagħtet l-ittra dwar l-istatus tas-sitwazzjoni, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-messaġġ elettroniku li fiha kien hemm indikat li l‑ismijiet kollha mħassra kienu ta’ impjegati ta’ Pacific u li hija ma kinitx irċeviet, ħlief wara din l-ittra, verżjoni li fiha kien jidher li wieħed mill-ismijiet imħassra kien jirreferi għal C1, b’tali mod li hija ma kinitx fehmet sa dak il-mument li d-dokument seta’ kien prova tal‑kontinwazzjoni tal-ksur minn Chiquita wara t-talba għall-immunità.

169    L-iskambju tal-ittri bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni li sar fis-17 ta’ Ottubru u fis-6 u fl-14 ta’ Novembru 2008 moqrija flimkien mar‑risposti tar-rikorrenti tal-14 ta’ Awwissu 2008 u ta’ Settembru 2008 għal talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni juri li l-Kummissjoni talbet lil Pacific tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni.

170    Minn dak li ġie eżaminat fil-punti 103 et seq hawn fuq kif ukoll minn dokumenti fil-fajl li għadhom kemm issemmew jirriżulta li fil-mument li fih il-Kummissjoni ssottomettiet il-messaġġ elettroniku inkwistjoni lil Chiquita, id-dokument kien ġie prodott mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-kawża, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet korretta li tużah fil‑konfront ta’ Chiquita. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li għaddiet id-dokument lil Chiquita f’verżjoni mhux kunfidenzjali li fiha l-ismijiet tal-impjegati ta’ Pacific kienu tħassru bil‑għan li jipproteġu l-kunfidenzjalità tagħhom.

171    Madankollu, jidher ukoll iġġustifikat li, wara li uriet lil Chiquita verżjoni tad-dokument li fih l-ismijiet kollha kienu tħassru u li fih kien indikat, bi żball, li dawn l-ismijiet kollha kienu ta’ impjegati ta’ Pacific, il-Kummissjoni għaddiet lil Chiquita verżjoni li fiha kien jidher li wieħed mill-ismijiet kien jirreferi għal C1, peress li dan kien l-uniku mod biex Chiquita setgħet, minn naħa, tifhem li d-dokument seta’ juri kuntatti antikompetittivi bejn Pacific u Chiquita wara t-talba għall‑immunità ta’ din tal-aħħar u, minn naħa l-oħra, tesprimi ruħha fir‑rigward ta’ prova li setgħet tiġġustifika r-rifjut tal-immunità f’din il‑kawża. Jidher iġġustifikat li l-Kummissjoni tat din il-possibbiltà lil Chiquita fil-kuntest tal-ġestjoni tat-talba għall-immunità tagħha u li r‑rikorrenti ma għandhomx, għalhekk, jikkritikawha li eżerċitat influwenza illegali fuq min talab l-immunità f’dan ir-rigward.

172    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq il-motiv li jirriżulta minn assenza ta’ provi suffiċjenti ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE

173    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi ksur tal‑Artikolu 101(1) TFUE u li għalhekk ma assumietx l-oneru tal-prova impost fuqha bl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

174    Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jsostnux il-fatti kif deskritti minn din l-istituzzjoni. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatti ta’ din il-kawża ma jikkostitwixxux ksur tal-Artikolu 101 TFUE. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova li huma kienu involuti fi ftehim u/jew prattika miftiehma, it-tieni nett, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aġir tagħhom kellu għan jew effett antikompetittiv u, it-tielet nett, il‑Kummissjoni ma urietx li dan l-aġir kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu.

1.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi

a)     Osservazzjonijiet preliminari

 Fuq il-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova

175    Mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58; tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punt 62, u tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, punt 71; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 688).

176    Għal dan il-għan, hija għandha tipproduċi provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 127; tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il-Kummissjoni, T‑185/96, T‑189/96 u, Ġabra p. II‑93, punt 47; tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 62, u tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, T‑141/08, Ġabra p. II‑5761, punt 48).

177    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova mressqa mill‑Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il‑kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li d‑diversi indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 513 sa 523, u s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra provi stabbiliti barra l-perijodu tal-ksur jekk dawn il-provi jifformaw parti mid-diversi indizji invokati mill-Kummissjoni sabiex tipprova l‑imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑83/08, punt 193) u li tista’ tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi fattwali li seħħew wara aġir antikompetittiv sabiex tikkonferma l-kontenut ta’ element oġġettiv ta’ prova (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑82/08, punt 55).

179    Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa magħruf li l-ftehim antikompetittivi huma pprojbiti, ma hemmx bżonn li l-Kummissjoni tintalab tippreżenta dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. Il-provi frammentarji u mhux relatati ma’ xulxin li tista’ tiddisponi minnhom il-Kummissjoni għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu l‑kostruzzjoni mill-ġdid taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 64 u 65).

180    Fil-verità, filwaqt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal‑impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ ksur, huwa biżżejjed għal dawn tal-aħħar li juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill‑Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti differenti minn dik użata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 186, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, jekk il‑Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati għajr bl-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, il-qorti tal-Unjoni jkollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-impriżi kkonċernati jargumentaw b’mod li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill‑Kummissjoni u li għalhekk jippermetti l-bdil ta’ spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pproduċiet il‑prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 16; Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 126 u 127, u tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, punt 175 iktar ’il fuq, punt 74).

181    Madankollu, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest tal‑istabbiliment ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, fuq provi dokumentarji, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għall-argument tal-Kummissjoni, iżda wkoll jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata huma insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 725 sa 728; JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 187, u tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 55).

182    F’dak li jirrigwarda l-provi li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit il‑ksur tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi osservat mill-ġdid li l‑prinċipju li jipprevalixxi fid-dritt tal-Unjoni huwa dak ta’ amministrazzjoni libera ta’ provi (ara l-punt 42 hawn fuq, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikolu 101 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal‑applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li ngħatatilha mit‑Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 192).

183    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-valur probatorju li għandhom jingħataw il‑provi differenti, għandu jiġi enfasizzat li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 84, u l‑ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 72, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 273). Skont ir-regoli ġenerali applikabbli fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependi mill-oriġini tiegħu, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu u n-natura raġonevoli u affidabbli tal-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1053). B’mod partikolari, għandha tingħata importanza kbira lill-fatt li dokument ikun ġie redatt b’konnessjoni mill-qrib mal-fatti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 312, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 181) jew minn xhud dirett ta’ dawk il-fatti. Barra minn hekk, id‑dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, bħala regola, jitqiesu li huma provi partikolarment dgħajfa (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 207, 211 u 212).

184    Waqt l-evalwazzjoni tal-provi miġbura mill-Kummissjoni, jekk il-qorti jkollha xi dubju, dan għandu jibbenefika lill-impriża destinatarja tad‑deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti għalhekk ma tistax tikkonkludi li l‑Kummissjoni pprovat l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk hija jkollha xi dubju fuq din il-kwistjoni, partikolarment fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq fil‑konfront ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 177; Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 60, u tal‑15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 51).

185    Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li japplika għall-proċeduri relatati mal-ksur tar‑regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150; Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176, u tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, punt 175 iktar ’il fuq, punti 72 u 73; sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 178).

186    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandhom ikunu eżaminati l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti.

 Tfakkir tal-provi prodotti mill-Kummissjoni f’din il-kawża

187    Għandu jitfakkar li, fil-premessi 94 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni indikat, li fil-perijodu bejn it-28 ta’ Lulju 2004 sa mill‑inqas il-“ħmistax-il ġimgħa ta’ kummerċ” tal-2005, Chiquita u Pacific ikkoordinaw l-istrateġija kummerċjali tagħhom fil-Greċja, fl‑Italja u fil-Portugall billi kkoordinaw l-istrateġija ta’ prezz tagħhom f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri, il-livelli ta’ prezz, il-movimenti u/jew tendenzi ta’ prezz u skambjaw informazzjoni fuq l-aġir futur tas‑suq. Il-Kummissjoni tiddikjara li l-kollużjoni bidet waqt il-laqgħa bejn Chiquita u Pacific fit-28 ta’ Lulju 2004 u li, wara dan l‑avveniment, il-partijiet bdew immedjatament b’kuntatti kollużorji oħra. B’hekk, il-provi jindikaw li, fil-perijodu minn Frar sal-bidu ta’ April 2005, Chiquita u Pacific kellhom kuntatti simili fuq bażi ta’ kważi darba f’ġimgħa.

188    Fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-provi prinċipali tal-kollużjoni jikkonsistu fl-elementi li ġejjin:

–        dokumenti miksuba minn spezzjonijiet magħmula mill-Guardia di Finanza Taljana fil-kuntest ta’ inkjesta nazzjonali (notamenti ta’ P1);

–        dokumenti miksuba minn spezzjonijiet tal-Kummissjoni mit-28 sat‑30 ta’ Novembru 2007 u dikjarazzjonijiet magħmula matul dawn l‑ispezzjonijiet;

–        dikjarazzjonijiet ta’ impriża sottomessi minn min talab l‑immunità, Chiquita;

–        risposti għal talbiet għal informazzjoni u sottomissjonijiet sussegwenti ta’ Chiquita.

189    Il-Kummissjoni tiddistingwi mbagħad bejn il-provi li jikkonċernaw il‑ksur kollu kemm hu, li jikkonsistu fid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita (premessi 97 sa 101 tad-deċiżjoni kkontestata), il-provi li jikkonċernaw il-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, li jikkonsistu fid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u n-notamenti ta’ P1 (premessi 102 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata), il-provi li jikkonċernaw il-kuntatti ta’ wara mwettqa f’Awwissu 2004, li jikkonsistu f’dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u n‑notamenti ta’ P1 (premessi 121 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata), u fl‑aħħar nett il-provi li jikkonċernaw il-kuntatti l-oħrajn magħmula fi Frar‑April 2005, li jikkonsistu li jikkonsistu f’messaġġ elettroniku intern mibgħut minn P1 lil P2 it‑Tnejn 11 ta’ April 2005 fid-9.57, li kienet tinkludi tabella intitolata “Prezzijiet ta’ Chiquita – 2005”, li kellha informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ Chiquita għad-9 sal-15-il ġimgħa tal-2005, kif ukoll tabella simili mingħajr data li nstabet fl‑uffiċċju ta’ P2 b’informazzjoni dwar is‑6 sat-13‑il ġimgħa tal-2005 (premessi 126 sa 139).

b)     Dwar l-evalwazzjoni tal-provi f’dan il-każ

190    Ir-rikorrenti jsostnu li minkejja l-isforzi kunsiderevoli użati mill‑Kummissjoni u minn Chiquita sabiex jinstabu provi tal-allegat ksur inkwistjoni f’dan il-każ, il-“provi” dokumentarji ta’ kuntatti kollużorji bejn il-kompetituri li l-Kummissjoni tuża sabiex tissostanzja l‑allegazzjonijiet tagħha huma biss ammont modest ta’ tliet notamenti miktubin u messaġġ elettroniku intern, miktuba minn P1, ex impjegat tal-PFCI li miet iktar minn sena qabel il-bidu tal-investigazzjoni tal‑Kummissjoni. Ir-rikorrenti jirreferu għan-notamenti ta’ P1 fir‑rigward tal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 u għaż-żewġ paġni ta’ notamenti tiegħu datati Awwissu 2004 kif ukoll għall-messaġġ elettroniku intern mibgħut minn P1 lil P2 fil-11 ta’ April 2005 fid‑9.57.

191    Fid-dawl tal-assenza ta’ provi diretti dokumentarji u ta’ kwalunkwe ammissjoni mmotivata u ssostanzjata minn min qed jitlob l-immunità, l‑allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati unikament fuq interpretazzjoni tan-notamenti miktubin u tal-messaġġ elettroniku msemmi hawn fuq. Il-Kummissjoni interpretat dawn id-dokumenti b’mod totalment żbaljat, billi iżolathom mill-kuntest tagħhom u ġġeneralizzat il-formulazzjoni enigmatika, impreċiża u frammentarja tagħhom, u b’dan il-mod injorat il-bosta dokumenti u depożizzjonijiet li setgħu jiskulpaw lir-rikorrenti u sottomessi lill-Kummissjoni kemm minn Chiquita kif ukoll minn PFCI.

192    Għaldaqstant, ir-rikorrenti jsostnu li la n-noti miktubin u lanqas il-messaġġ elettroniku ma huma prova biżżejjed tal-allegat aġir kompetittiv u li huwa possibbli li tingħata interpretazzjoni alternattiva u totalment plawżibbli lil kull wieħed minn dawn id-dokumenti.

193    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-interpretazzjoni ta’ dawn id‑dokumenti mressqa mill-Kummissjoni hija kontradetta b’mod espliċitu mid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, u b’mod partikolari minn C1, kif ukoll mid-dokumenti prodotti fil-fajl.

 Dwar in-notamenti ta’ P1 u l-ikla tax-xogħol tat-28 ta’ Lulju 2004

–       Dwar il-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1

194    Ir-rikorrenti jsostnu li l-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1 hija mnaqqsa minħabba n-natura tagħhom kif ukoll minħabba l-awtur tagħhom li, fil‑perijodu tal-ikla tat‑28 ta’ Lulju 2004, C1 u P1 kellhom bosta motivi leġittimi sabiex iżommu kuntatt u li, peress li ġew redatti wara l-laqgħa inkwistjoni, in-notamenti ma għandhomx jikkostitwixxu provi “kontemporanji” tagħha.

195    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jiftakru li n-notamenti ta’ P1 kienu nstabu f’notebooks personali elevati mir-residenza tiegħu waqt investigazzjoni fiskali nazzjonali, u li dawn in-notamenti qatt ma kienu ġew diskussi ma’ ħadd u li inqas kienu intiżi li jiġu diskussi ma’ xi ħadd. Kien fatt magħruf pubblikament fi ħdan il‑PFCI li P1 “kellu l-użanza, wara li jitlaq mill-uffiċċju, li jmur ġo bar biex jixrob xi ħaġa, jirrifletti dwar l‑avvenimenti tal-ġurnata u jikteb l-ideat, il-ħsibijiet u r-riflessjonijiet tiegħu personali fir-rigward tal-ħajja tiegħu kemm professjonali kif ukoll privata”. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li P1 miet f’Lulju 2006 fl‑età ta’ 32 sena u li għalhekk għandha tintuża prudenza estrema qabel ma jinġibdu konklużjonijiet min-noti personali, li jistgħu jwasslu għal kull xorta ta’ interpretazzjonijiet, iktar u iktar jekk dawn ikunu enigmatiċi, inkoerenti u frammentarji u li kien fihom bosta żbalji ta’ ortografija u ta’ grammatika li juru li l-awtur tagħhom ma kienx jitkellem il-lingwa Ingliż nattiva.

196    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinsistu fuq il-fatt li P1 ma kellux ħlief 26 sena meta ġie impjegat minn Pacific u li huwa kien ġdid fis-settur tal-banana, settur iddominat minn negozjanti ta’ esperjenza u li huwa seta’ tahom l-impressjoni li kien “mitluf” u li kien qed “jibża’ xi ftit”. “Ħabbrieki, preċiż” u “organizzat”, fuq il-pjan finanzjarju, hu kien ukoll “sensibbli, puntwali u mimli bih innifsu”. Fiż-żmien tal-ikla tax-xogħol tat-28 ta’ Lulju 2004, P1 kien ilu jaħdem ma’ PFCI seba’ xhur biss, wara li kien ġie ttrasferit mill-uffiċċji ta’ LVP ġo Antwerpen għal Ruma; dan it-trasferiment ma sarx b’mod paċifiku u P1 ma kellux relazzjonijiet tajbin mal-kollegi b’ħafna iktar esperjenza fit-tim kummerċjali, tant li kien relattivament iżolat fuq il-post tax-xogħol. “Ambizzjuż ħafna”, huwa pprova madankollu jirbaħ il-fiduċja ta’ P2, [kunfidenzjali], bit-tama li jingħata pożizzjoni iktar importanti fi ħdan PFCI jew LVP, “u dwar dan spiss kien nstema’ joħlom”. Skont ir‑rikorrenti, dawn l-elementi setgħu wasslu lil P1 sabiex jesaġera fil‑kitbiet tiegħu.

197    Fil-punt 183 hawn fuq tfakkar li l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi liberament prodotti huwa l-kredibbiltà tagħhom, li tiddependi fuq l-oriġini tagħhom, fuq iċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tagħhom, fuq id‑destinatarju tagħhom u fuq il-kwalità loġika u affidabbli tal-kontenut tagħhom. Ġie nnotat ukoll li għandha tingħata importanza kbira għall-fatt li ġie redatt dokument b’rabta immedjata mal-fatti jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti.

198    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-argument tar-rikorrenti ma għandu, b’mod ġenerali, jikkontesta l-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1.

199    L-ewwel nett, la l-fatt li dawn kienu notebooks ta’ notamenti personali, li fihom kien hemm elementi relatati mhux biss mal-ħajja professjonali tal-awtur, iżda wkoll mal-ħajja privata tiegħu, u lanqas il-fatt li dawn in-notebooks instabu fir-residenza ta’ dan tal-aħħar ma għandhom jikkontestaw il-kredibbiltà tal-imsemmija dokumenti.

200    In-natura personali tan-notamenti ta’ P1, li ma kinux intiżi sabiex ikunu kkomunikati, ma jimmilitawx kontra, iżda favur il-kredibbiltà tagħhom. Jekk il-Qorti Ġenerali setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra, il-fatt li l-awtur seta’ kellu interess personali sabiex jorqom il-fatti bl-iskop li jippreżenta lis-superjuri tiegħu riżultat konformi mal‑aspettattivi tagħhom, sabiex tikkonkludi dwar il-ħtieġa li tnaqqas il-valur probatorju ta’ dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank u vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 132), tali raġunament ma għandux ikun applikat f’dan il-każ, fejn il-fatt li n-notamenti ta’ P1 ma kinux intiżi li jinqraw minn kwalunkwe persuna huwa element li jimmilita favur l-argument li dawn kienu jirriflettu b’mod onest ir-realtà kif ipperċepita mill-awtur tagħhom.

201    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li, minħabba l-personalità u l‑pożizzjoni tiegħu fi ħdan PFCI u fid-dinja tan-negozju tal-banana, P1, filwaqt li kien qed ifittex li “jirbaħ ir-rispett tas-superjuri tiegħu”, seta’ kellu t-tendenza li jesagera ħafna fil-kitbiet tiegħu, ma huwiex tali li jwassal għall-konvinċiment tal-Qorti Ġenerali.

202    It-tieni nett, il-fatt li n-notamenti inkwistjoni kienu qosra, komposti minn kliem ewlenin, kif ukoll il-fatt li l-awtur tagħhom miet f’Lulju 2006 (premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri ftit wara l‑ispezzjoni mmexxija mill-Guardia di Finanza fir-residenza tiegħu fit‑30 ta’ Mejju 2006, li matulha kienu nstabu d-dokumenti inkwistjoni, u qabel it-trażmissjoni ta’ dawn tal-aħħar lill-Kummissjoni f’Lulju 2007, u b’hekk ma setax jispjega l-kontenut tagħhom, jirrikjedu bla dubju ċerta prudenza fl-interpretazzjoni ta’ dawn in-notamenti, dawn iċ-ċirkustanzi ma għandhomx jikkontestaw b’mod ġenerali l‑kredibbiltà tagħhom.

203    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-elementi inkwistjoni jikkonċernaw aġir klandestin, li kien jinvolvi laqgħat miżmuma bil-moħbi u dokumentazzjoni mnaqqsa għall-minimu. Fid-dawl ta’ din id-diffikultà tal-akkwist ta’ provi diretti minn dan l-aġir, bħan-notamenti jew il-minuti tal-laqgħat li saru fl-istess żmien tal-ksur, il-valur probatorju tagħhom ma jistax ikun ikkontestat minħabba s-sempliċi fatt li huma bil-miktub jew frammentarji, li fihom abbrevjazzjonijiet u simboli u li huma jista’ jkollhom bżonn informazzjoni supplimentari jew iridu jkunu eżaminati fil-kuntest ta’ informazzjoni oħra fil-pussess tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑186/06, Ġabra p. II‑2839, punti 405 u 406).

204    F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, in-notamenti ta’ P1 ma humiex oskuri, kontradittorji jew inkoerenti. Minbarra dan, il-fatt li P1 ma kellux l-Ingliż bħala lingwa nattiva, ma għandux ipoġġi f’dubju b’mod ġenerali l-kredibbiltà tan-notamenti tiegħu. Jekk il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-għarfien, tal-awtur ta’ minuti, tal-lingwa użata waqt konversazzjonijiet li kienu s-suġġett tal-imsemmija minuti sabiex tevalwa l-kredibbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 132), f’dan il-każ, mhux biss in-notamenti ta’ P1 juru li dan tal-aħħar kellu livell tajjeb tal-Ingliż, iżda l-Kummissjoni indikat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li P1 kien gradwat mill-Università ta’ California (Stati Uniti) fejn hu kien kiseb diploma fil-kummerċ (premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li kienet ikkonfermata wkoll minn P2 tal-Pacific, waqt is-seduta. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-assenza tad-data u ta’ firma fuq dokument jew il-fatt li huwa miktub ħażin ma jneħħu xejn mill-valur probatorju, b’mod partikolari meta l-oriġini tiegħu, id-data probabbli tiegħu u l-kontenut tiegħu jistgħu jiġu stabbiliti b’ċertezza (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2014, Sasol et vs Il‑Kummissjoni, T‑541/08, punt 232, u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    It-tielet nett, la l-eta żagħżugħa ta’ P1 u lanqas il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan PFCI u iktar globalment fis-settur tal-banana ma huma argumenti ta’ natura li jikkontestaw il-kredibbiltà tan-notamenti tiegħu. Id‑dikjarazzjonijiet ta’ C1 iċċitati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkontradixxu din il-konstatazzjoni. Kif iddikjarat il‑Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, id‑dikjarazzjoni ta’ C1, li kellu mill-inqas ħmistax-il sena iktar minn P1, li skont l-ewwel impressjoni tiegħu ta’ dan tal-aħħar kienet ta’ “raġel żagħżugħ pjuttost mitluf” li kien “jibża’ xi ftit”, tirreferi għall‑ewwel darba li ltqagħu żewġt irġiel waqt laqgħa tal-assoċjazzjoni professjonali Associazione Nazionale Importatori Prodotti Ortofrutticoli (Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-importaturi tal-frott u ħaxix, ANIPO), li kienet magħmula minn negozjanti ta’ esperjenza msejħa minn C1 bħala “grupp ta’ lpup xjuħ”. Il-Kummissjoni korrettament tiddikjara li, f’tali kuntest, ma huwiex sorprendenti li individwu ta’ eta żgħira u ta’ inqas esperjenza jħossu skomdu l-ewwel darba.

206    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jimmodifikaw il-proposti ta’ C1 billi jallegaw li dan tal-aħħar “ammetta li huwa ma kkunsidrax lil [P1] bħala persuna verament koerenti u li hu stess ma setax jikkonkludi tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ dan tal-aħħar” Fil-verità, tali evalwazzjonijiet negattivi fir-rigward ta’ P1, bħala individwu, li bl-ebda mod ma jinsabu fil-parti tas-seduta li għaliha jirreferu r-rikorrenti, ma għandhomx jiġu dedotti a contrario sempliċement mill-evalwazzjoni waħda pożittiva tal-persuna ta’ P2 magħmula minn C1.

207    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li “diversi persuni kkonfermaw li minbarra l-fatt li huwa [(P1)] kien ħabrieki, preċiż fl‑aspett finanzjarju u organizzat, huwa kien ukoll sensibbli, puntwali u mimli bih innifsu”, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti hawnhekk jirreferu għall-unika dikjarazzjoni magħmula minn P2 waqt is-seduta (li kienet ppreżentata bi qbil mal-linja ta’ difiża ta’ Pacific imħejjija mill‑konsulenti legali ta’ din tal-aħħar, li tikkonsisti f’li tikkontesta l-kredibbiltà tal-persuna ta’ P1 billi tinsisti fuq il-fatt li huwa kellu tendenza li jesaġera r-rwol tiegħu fin-notamenti tiegħu. Barra minn hekk, anki jekk P1 kien “mimli bih nnifsu”, diġà ġie kkonstatat fil-punti 199 sa 201 hawn fuq li l-fatt li n-notamenti kienu personali u mhux intiżi li jinqraw jagħmlu għalhekk improbabbli l-preżunzjoni li huwa kien esaġera l-importanza tiegħu stess f’dawn in-notamenti bil‑għan li jikseb ir-rispett tas-superjuri tiegħu. Qabel xejn, il-fatt, sottomess mir-rikorrenti stess, li P1 kien “preċiż fl-aspett finanzjarju” huwa pjuttost ta’ natura li jimmilita favur l-affidabbiltà tat-teħid tan‑notamenti tiegħu.

208    Ir-raba’ nett, fl-istess ordni tal-ideat, u kif tenfasizza korrettament il‑Kummissjoni, la l-allegat iżolament ta’ P1 fl-uffiċċju u l-allegati diffikultajiet relazzjonali mal-kollegi tiegħu u lanqas l-allegati aspirazzjonijiet professjonali tiegħu, li, qabel xejn, jidhru normali għal impjegat ta’ dik l-età, ma għandhom jimminaw il-kredibbiltà tan‑notamenti tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti jirreferu, sabiex isostnu dawn l-allegazzjonijiet, għal dokument ta’ valur probatorju limitat, jiġifieri ittra miktuba mill-konsulent legali, A3, u mħejjija għall-finijiet tar-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.

209    Finalment, il-ħames nett, jekk għandu jiġi kkonstatat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux element konkret li jista’ jnissel dubju dwar il-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P 1, għall-kuntrarju hemm lok li jiġi nnotat li l-Kummissjoni tindika diversi elementi li jimmilitaw favur il-kredibbiltà tal-imsemmija notamenti (premessi 115 sa 119 tad-deċiżjoni kkontestata), li r‑rikorrenti ma jirnexxilhomx jikkonfutawhom. B’hekk, il‑Kummissjoni ssostni li l-affidabbiltà tan-notamenti ta’ P1 u l-karattru ħabrieki u sensibbli tat-teħid tan-notamenti tiegħu huma kkonfermati bil-fatt li elementi relatati miegħu ġew ikkorroborati minn sorsi oħra.

210    L-ewwel punt, il-paragun tan-notamenti tal-laqgħa tal-14 ta’ Jannar 2004 meħuda minn P1, minn naħa, u minn P2, min-naħa l-oħra, juri li dawn jaqblu fuq bosta punti (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

211    It-tieni punt, in-notamenti ta’ P1 dwar il-Portugall jirreferu b’mod korrett għall-fatt li, fil-mument tal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004, Chiquita kellha aġent il-Portugall u għall-fatt li Chiquita kienet ippjanat li tibdel din l-istruttura, li jikkonfermaw diversi risposti ta’ Chiquita) kif ukoll organigramma u dokument dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-2005 ta’ din il-kumpannija; barra minn hekk, in-notamenti ta’ P1 jiddeskrivu s-suq Portugiż bħala suq “inqas stabbli”, “bl-irħas prezzijiet” meta mqabbla maż-żewġt iswieq l-oħra inkwistjoni, jiġifieri l-Greċja u l-Italja, u li fihom il-banana Chiquita ma kinitx tibbenefika mill-istatus ta’ “l-aqwa kwalità”, elementi li huma wkoll ikkonfermati b’risposta u tabella ta’ prezzijiet ikkomunikat minn Chiquita u risposta kkomunikata minn Pacific wara talba għal iktar informazzjoni. Dawn il-paraguni bejn in-notamenti ta’ P1 u elementi oħrajn tal-kawża jistgħu jiġu kkonstatati bla ħsara għall-eżami ulterjuri tal-argument tar-rikorrenti li jikkonsisti fil-kontestazzjoni tal‑kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita.

212    It-tielet nett, in-notamenti ta’ P1 fir-rigward tal-Greċja jiddeskrivu b’mod korrett l-istruttura ġerarkika ta’ Chiquita għal dan is-suq (ara premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata) u jsemmu d-diskussjonijiet relatati ma’ kooperazzjoni fil-qasam tal-ispedizzjoni bejn Chiquita u Pacific f’dak li jikkonċerna l-portijiet ta’ Salerno (l-Italja) u ta’ Aigion (il-Greċja). Pacific tammetti li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ispedizzjoni u d-destinazzjoni ta’ dawn il-portijiet kienu diskussi bejn Pacific u Chiquita. Messaġġ elettroniku intern tat-23 ta’ Frar 2005 mibgħut minn Chiquita juri wkoll diskussjonijiet fil-qasam ta’ tagħbija flimkien li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, komplew sa Ġunju 2006 Fir‑rigward tal-messaġġ elettroniku intern tat-23 ta’ Frar 2005, għandu jiġi nnotat li, minkejja l-interpretazzjonijiet diverġenti li għamlu l-partijiet u indipendentement mill-kwistjoni dwar x’tip ta’ ftehim u liema suq kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet irrapportati fih, minn dan il-messaġġ elettroniku joħroġ ċar li kien jikkonċerna kooperazzjoni (possibbli) fil-qasam ta’ tagħbija flimkien bejn Chiquita u Pacific, li juri li dan is-suġġett kien ġie diskuss bejn iż-żewġ kompetituri u għalhekk il-messaġġ elettroniku inkwistjoni jista’ jikkonferma l-kredibbiltà tan‑notamenti ta’ P1.

213    Minbarra dan, P1 għamel riferiment għal riduzzjoni (possibbli) minn Chiquita tal-provvista tal-Greċja tal-banana tat-trade mark Consul u minn tabella ta’ Chiquita jirriżulta li din effettivament naqset il-bejgħ tagħha tal-banana ta’ din it-trade mark mit-18–il ġimgħa tal-2005.

214    Ir-raba’ punt, f’dak li min-notamenti ta’ P1 huwa relatat mad‑diskussjonijiet strateġiċi bejn Pacific u Chiquita li jikkonċernaw is‑suq Taljan (li jsemmu b’mod partikolari “tnaqqis ta’ Consul: 15 000/ġimgħa”, il-konċentrazzjoni fuq iż-żieda tal-volum ta’ Chiquita kif ukoll l-idea li “jingħata spazju lil Bonita” u li “Bonita tgħolli l‑prezzjiet ”), it-tabelli ta’ prezz ta’ Chiquita juru li din kienet fil-fatt bdiet iżżid il-volum tal-bejgħ tal-banana tat-trade mark superjuri, Chiquita, mit-tieni semestru 2004 u kienet ser tibda tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-bejgħ tal-banana tat-trade mark inferjuri Consul fl-Italja matul is-sena 2005.

215    Barra minn hekk, ir-rimarki ta’ P1 dwar l-istrateġija ta’ Chiquita fir‑rigward tal-Italja huma kkonfermati min-nota interna ta’ Chiquita, miktuba minn C2 għall-attenzjoni ta’ C1 wara t-tmiem tas-sistema ta’ liċenzji li spiċċat fi tmiem tas-sena 2005 (ara premessa 35 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 60 tad-deċiżjoni kkontestata) u li tikkonsisti f’analiżi tas-suq Taljan fil-bidu tal-perijodu wara l-imsemmija sistema, li fiha hemm id-dikjarazzjoni segwenti:

“Fil-bidu ta’ din is-sistema l-ġdida, kien ikun opportun li jkun mistenni suq ‘ristrett’ bejn Chiquita u Bonita. Hija waħda mir-raġunijiet għalfejn Chiquita rrinunzjat għall-importazzjoni ta’ Consul. Sfortunatament, meta l-azzjonijiet adottati minn Chiquita li bdew mill-iskala ta’ fuq gew ikkonstanti, it-tmexxija tas-suq minn Bonita mill-‘iskala ta’ isfel’ kienet totalment ineżistenti.”

216    Huwa possibbli li jiġi rrikonoxxut li dan id-dokument jikkonferma l‑veraċità fin-notamenti ta’ P1, jiġifieri l-intenzjoni ta’ Chiquita li tnaqqas il-bejgħ tat-trade mark Consul għall-benefiċċju tat-trade mark Chiquita, mingħajr ma jkun hemm lok li tiġi deċiża l-kwistjoni — diskussa mill‑partijiet (premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata) — dwar jekk din in-nota hijiex prova ta’ aġir antikompetittiv ta’ Chiquita u Pacific. Mill-premessi 118 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata effettivament jirriżulta li l-Kummissjoni rreferiet għall-memorandum inkwistjoni biss bħala prova li tikkorrobora l-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1, u mhux bħala prova li tikkonferma l-konklużjoni ta’ ftehim waqt l-ikla tat-28 ta’ Lulju 2004 jew l-implementazzjoni ta’ tali ftehim (ara f’dan ir-rigward ukoll il-punti 257 sa 260 iktar ’il quddiem).

217    Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li jiddikjaraw ir-rikorrenti, il-fatt li din in-nota nkitbet wara d-data tan-notamenti ta’ P1 ma jneħħi xejn min-natura probatorja tiegħu. Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 178 hawn fuq jirriżulta fil-fatt li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni provi stabbiliti barra mill-perijodu tal-ksur jekk dawn il-provi jagħmlu parti minn sensiela ta’ indizji invokati mill‑Kummissjoni sabiex tipprova l-imsemmi ksur, u n-nota tirreferi wkoll għall-passat, għalhekk għall-perijodu tas-sistema ta’ liċenzji.

218    Fir-replika, ir-rikorrenti ma jikkonfutawx il-provi li għadhom kif ġew esposti u jillimitaw ruħhom li jsostnu li “ma huwiex għaliex in‑notamenti [ta’ P1] fihom ċerti linji li jirreferu għal suġġetti li kienu effettivament diskussi, jew għaliex ċertu numru ta’ dikjarazzjonijiet fattwali dwar is-settur tal-banana jistgħu jkunu vverifikati minħabba informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, li n-notamenti kollha jistgħu jkunu kkunsidrati bħala prova kredibbli”. F’dawn il-kundizzjonijiet, jista’ jigi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-provi mressqa mill-Kummissjoni u msemmija fil-punti 210 sa 217 hawn fuq.

219    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li, fiż-żmien tal-ikla tax-xogħol tat‑28 ta’ Lulju 2004, C1 u P1 kellhom diversi raġunijiet leġittimi sabiex iżommu kuntatt bejniethom, speċjalment dwar il-futur tal‑ANIPO u l-possibbiltà tal-arranġamenti ta’ tfittxija ta’ sorsi u ta’ spedizzjoni flimkien, fatt li huwa kkorroborat mid-dikjarazzjonijiet ta’ C1. Mingħajr liċenzji u waqt li qed tfittex sorsi oħra ta’ approviżjonament permezz ta’ diversi kompetituri tagħha, Chiquita għalhekk ikkonkludiet tali arranġamenti ma’ kompetituri oħra u avviċinat lil P2 ta’ PFCI sabiex tikkonkludi tali arranġament ma’ PFCI. Peress li din tal-aħħar ma komplietx taħdem fuq din il-proposta li hija kkunsidrat mhux vantaġġuża fuq il-livell kummerċjali, ir-rikorrenti jsostnu li ma kienx sorprendenti li C1 reġa’ ttanta xortih, din id-darba billi ppropona arranġament simili direttament lill-impjegat il-ġdid mingħajr esperjenza, P1.

220    Dan l-argument għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk C1 u P1 kellhomx raġunijiet leġittimi sabiex jiltaqgħu. Fil-fatt huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, jekk tali raġunijiet leġittimi jistgħu ċertament iwasslu għal spjegazzjoni alternattiva għar-raġuni tal‑laqgħa tagħhom, dawn ir-raġunijiet ma jnaqqsu xejn min-natura kollużorja — allegatament stabbilita — tal-kuntatti tagħhom minn sorsi oħra. Kif innotat il-Kummissjoni fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjoni li kien hemm kuntatti allegatament leġittimi bejn il-kompetituri fl-ebda każ ma teskludi li seħħew ukoll kuntatti kollużorji. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li ftehim jista’ jitqies li għandu għan restrittiv anki jekk ma jkollux bħala uniku għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda jsegwi għanijiet leġittimi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif korrettament tiddikjara l-Kummissjoni, sabiex tikkontesta l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma jistgħux jillimitaw ruħhom li juru li l-kuntatti kellhom ukoll għan leġittimu, iżda għandhom juru li huma servew biss għal tali għan.

221    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li n-notamenti ta’ P1 setgħu ma jikkostitwixxux transkrizzjoni kredibbli tal-konversazzjoni li seħħet waqt l-ikla tat-28 ta’ Lulju 2004, ikla li madankollu damet biss madwar 40 u 45 minuta u li seħħet ħdejn il-pixxina storbjuża tal‑lukanda, peress li, kif ikkonferma C1, P1 ma ħa l-ebda nota waqt din l-ikla li tista’ titqies li hija prova “kontemporanja” ta’ din tal-aħħar. Dawn in-notamenti kienu probabbilment miktuba ftit żmien wara l‑laqgħa u għalhekk jikkostitwixxu riflessjonijiet personali dwar is‑suġġetti diskussi, li jirriflettu l-ideat ta’ P1 dwar il-mod kif jiffunzjonaw arranġamenti ta’ tfittxija ta’ sorsi u ta’ spedizzjoni flimkien ma’ Chiquita, kif ġie wkoll iddikjarat minn C1.

222    Kif diġà tfakkar fil-punti 183 u 197 hawn fuq, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dan id-dokument, għandha tingħata importanza kbira lill-fatt li dan ġie redatt b’rabta immedjata mal-fatti jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li P1 ipparteċipa fl-ikla tat-28 ta’ Lulju 2004 u li huwa għalhekk jista’ jkun ikkwalifikat bħala xhud dirett ta’ din. Barra minn hekk, minħabba n-numru żgħir ta’ parteċipanti f’din l-ikla – jiġifieri P1, C1 u C2 – kif ukoll minħabba l-fatt li P1 kien l-uniku rappreżentant min-naħa ta’ Pacific, huwa ma kienx biss xhud mutu, iżda wkoll parteċipant attiv fil‑konversazzjonijiet, li jagħti valur probatorju għoli lix-xhieda tiegħu. Il-fatt li kien ħa sehem f’konversazzjoni diretta bejn it-tliet protagonisti għalhekk jagħmel improbabbli l-preżunzjoni, allegata mir-rikorrenti, li l-valur probatorju tax-xhieda ta’ P1 jista’ jonqos minħabba l-fatt li kien hemm l-istorbju waqt l-ikla, li seta’ ostakola l-mod li bih P1 fehem il-konversazzjoni.

223    Konsegwentement, in-notamenti ta’ P1 jistgħu jiġu kklassifikati bħala provi kontemporanji tal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 anki jekk dawn ma ttiħdux waqt, imma ftit wara din l-ikla. Huwa fil-fatt biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif korrettament tiddikjara l-Kummissjoni fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma huwiex kontra n‑natura ta’ dokument kontemporanju li jirrapporta dikjarazzjonijiet li kienu saru ftit qabel il-fatti, u ma hemm xejn fin-notamenti ta’ P1 li jissuġġerixxi li, anki fl-eventwalità li jkunu nkitbu wara li seħħ l‑avveniment, huma ma jikkorrispondux mal-kontenut tad‑diskussjonijiet li seħħew matul dan l-avveniment (ara, f’dan is-sens, kawża Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 39). Il-fatt li n-notamenti għandhom ordni kronoloġika u regolari tal-avvenimenti u tad-dati jimmilita barra minn hekk favur l-argument li dawn in-notamenti nkitbu fil-mument li, jew tal-inqas ftit wara, seħħew l-avvenimenti rispettivi. Minbarra dan, għandu jitfakkar li fil-punt 210 hawn fuq ġie nnotat li, mill-inqas għal avveniment wieħed, jiġifieri l-laqgħa tal-14 ta’ Jannar 2004, il-fajl jinkludi notamenti meħuda minn PI, minn naħa, u minn P2, min‑naħa l-oħra, li jaqblu fuq bosta punti (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

224    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw b’mod ġenerali l-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1 għandhom jiġu miċħuda.

–       Dwar l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti dwar in-notamenti tal‑ikla ta’ nofsinhar tax-xogħol tat-28 ta’ Lulju 2004

225    Ir-rikorrenti jsostnu li, f’tentattiv sabiex tipprova l-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv bejn Chiquita u PFCI, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tagħha stess ta’ xi linji li nstabu fin-notamenti bil-miktub ta’ P1 (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata), ppreżentati bħala “provi dokumentarji kontemporanji” ta’ ikla ta’ nofsinhar tax-xogħol li seħħet bejn C1 u C2 ta’ Chiquita, u P1 ta’ PFCI, fit-28 ta’ Lulju 2004, fir-ristorant Shangri la Corsetti f’Ruma, u li kienet “il-punt tat-tluq tal-arranġament kollużorju bejn Chiquita u Pacific”, minkejja li mhux biss il-valur probatorju ta’ dawn in-notamenti huwa estremament limitat, iżda wkoll, barra minn hekk, il-Kummissjoni interpretathom b’mod kompletament żbaljat fid-dawl tal-kuntest u taċ-ċirkustanzi li fihom inkitbu minn P1.

226    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 fir-ristorant Shangri la Corsetti f’Ruma bejn C1 u C2 ta’ Chiquita, u P1 ta’ Pacific, serviet bħala punt ta’ tluq għall-ftehim kollużorju bejn Chiquita u Pacific u li, wara din il-laqgħa C1 u P1 bdew iċemplu lil xulxin regolarment. Skont il-Kummissjoni, il-provi dokumentati kontemporanji assoċjati ma’ din il-laqgħa — jiġifieri n-notamenti ta’ P1 (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata) — juru kif Chiquita u Pacific approfittaw minn din il-laqgħa biex iwaqqfu sistema ta’ koordinazzjoni ta’ prezzijiet li sussegwentement, kienet ser tkompli tiżviluppa (premessi 102 sa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

227    Il-Kummissjoni ssostni li minn dawn in-notamenti jirriżulta li Chiquita u Pacific — imsejħa bl-isem “Bonita” — iddiskutew l-attivitajiet tagħhom fil-Portugall, fil-Greċja u fl-Italja u sawwru “pjan ta’ azzjoni” f’tliet stadji sabiex il-kooperazzjoni tagħhom tkompli. Konformi għal dan, iż‑żewġ partijiet bdew l-ewwel kuntatti tagħhom il-ġimgħa ta’ wara sabiex jaqblu dwar il-prezzijiet fil-Portugall biex isiru jafu jekk kienx neċessarju “jibqgħu” fl-istess livell, “iżidu” jew “inaqqsu”. Dan il‑punt huwa koerenti mad-dikjarazzjoni ta’ Chiquita li, wara l-laqgħa tat‑28 ta’ Lulju 2004, C1 u P1 kienu minn żmien għall-ieħor jiskambjaw tendenzi ta’ prezz iktar speċifiċi għall-ġimgħa ta’ wara billi jużaw termini li jippermettu liż-żewġ naħat li jifhmu jekk il-prezzijiet għandhomx jiżdiedu, jonqsu jew jibqgħu fuq l-istess livell. Iktar tard, il‑pjan ta’ azzjoni juri li ż-żewġ partijiet taw ċertu prijorità lill‑istrateġija tagħhom fir-rigward tal-Italja (bl-użu tal-espressjoni “l‑ewwel ħares lejn l-Italja”) u fl-aħħar, l-enfasi tqiegħed fuq l‑istrateġija konġunta għall-Greċja (bl-użu tal-espressjoni “il-Greċja wara”) (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

228    Ir-rikorrenti jsostnu min-naħa l-oħra li dawn in-notamenti ta’ P1 relatati mal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 jikkostitwixxu riflessjonijiet tiegħu stess dwar il-konversazzjoni ta’ din l-ikla, ikkonfermati minn C1, jiġifieri “il-possibbiltà li Chiquita takkwista banana minn Noboa fl‑Ekwador”. Għaldaqstant, in-notamenti għandhom jiġu interpretati bħala l-ideat personali ta’ P1 dwar il-mod kif l-arranġament ta’ tfittxija ta’ sorsi flimkien għandu jiffunzjona fil-prattika.

229    Għandu jitfakkar li mill-kunsiderazzjonijiet msemmija fil-punti 194 sa 224 hawn fuq jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex jikkontestaw b’mod ġenerali l-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1 ma għandhomx jintlaqgħu u l-imsemmija notamenti għandhom għall-kuntrarju jingħataw valur probatorju għoli minħabba l-fatt li dawn ġew redatti minn xhud dirett tal-fatti u li l-kredibbiltà tagħhom hija kkorroborata minn provi oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni tar‑rikorrenti li dawn in-notamenti għandhom jiġu interpretati bħala riflessjoni tal-ideat personali ta’ P1 u mhux il-konversazzjoni li seħħet realment waqt l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 ma għandhiex tintlaqa’.

230    L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li d-dikjarazzjoni ta’ C1, iċċitata mir‑rikorrenti, li s-suġġett tal-konversazzjoni kien “il-possibbiltà li Chiquita takkwista banana minn Noboa fl-Ekwador”, ma tinvalidax l‑interpretazzjoni tal-Kummissjoni, inkwantu din ma tinnegax li l‑possibbiltajiet tal-approviżjonament flimkien ġew ukoll diskussi fl‑ikla ta’ nofsinhar inkwistjoni (premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, miċ-ċitazzjoni mressqa mir-rikorrenti ma jirriżultax li dan il-punt kien l-uniku suġġett diskuss fil-laqgħa u li kif diġà kien indikat fil-punt 220 hawn fuq li, sabiex ikunu kkontestati l‑konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma jistgħux jillimitaw ruħhom li juru li l-kuntatti kellhom ukoll għan leġittimu, iżda għandhom juru li huwa servew biss għal tali għan.

231    Din l-interpretazzjoni, bħal dik li hija intiża sabiex issostni li n‑notamenti ma jirriflettux l-ideat personali ta’ P1, għandha tiġi miċħuda fid-dawl tal-kjarezza tan-notamenti dwar l-intenzjoni ta’ Pacific u ta’ Chiquita li jikkoordinaw il-prezzijiet tagħhom.

232    B’hekk, il-Kummissjoni korrettament tirrileva li l-interpretazzjoni li n‑notamenti relatati mal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 jikkostitwixxu riflessjonijiet personali ta’ P1 dwar il-possibbiltà li Chiquita tikseb provvista ta’ banana minn Noboa fl-Ekwador ma tinkwadrax mal-fatt li joħroġ min-notamenti li Chiquita u Pacific iddiskutew l-attivitajiet tagħhom fil-Portugall, fil-Greċja u fl-Italja, li huma pprevedew “kooperazzjoni ta’ kull ġimgħa sabiex jinżammu l‑prezzijiet” u li tfassal “pjan ta’ azzjoni” fuq tliet stadji fejn “[P1]” u “[C1]” “[…]tkellmu dwar il-Portugall il-ġimgħa [segwenti]” sabiex tittieħed “deċiżjoni fuq prezzijiet” bil-għan li jsiru jafu jekk jibqgħux fuq l-istess livell, “iżidu” jew “ibaxxu”. Din il-preżentazzjoni hija konformi mad‑dikjarazzjoni ta’ Chiquita tat-22 ta’ Mejju 2008 li, wara l-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, C1 u P1 kienu jiskambjaw minn żmien għall-ieħor it-tendenzi tal-prezz l-iktar speċifiċi għall-ġimgħa ta’ wara billi jużaw it-termini li jippermettu liż-żewġ partijiet li jifhmu jekk il-prezzijiet għandhomx jogħlew, jonqsu jew jibqgħu fl-istess livell (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li jista’ jiġi kkonstatat bla ħsara għall‑eżami ulterjuri tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti fir‑rigward tad‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita (ara l-punti 336 et seq iktar ’il quddiem).

233    It-tieni nett, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti li n-notamenti juru li C1 ta lil P1 sommarju totali tas-suq fil-Portugall sabiex jinforma lil dan l‑impjegat ġdid dwar l-istruttura kummerċjali li fiha kienet ser tkun involuta PFCI jekk din tissupplixxi l-banana lil Chiquita ma għandhiex tintlaqa’ peress li din ma tiħux inkunsiderazzjoni li d-dikjarazzjoni li s‑suq Portugiż huwa “l-inqas stabbli mit-tlett iswieq T2” hija segwita mill-espressjoni “kooperazzjoni ta’ kull ġimgħa sabiex jinżamm il‑prezz”, li, bħal kif innotat l-Kummissjoni, ma tistax tiġi spjegata bl-intenzjoni li tinforma lill-impjegat il-ġdid dwar l-istruttura tal-bejgħ ta’ Chiquita fil‑Portugall.

234    Madankollu r-rikorrenti jsostnu li l-interpretazzjoni ta’ din l-espressjoni “kooperazzjoni ta’ kull ġimgħa sabiex jinżamm il-prezz” hija xhieda tal‑fatt li Chiquita u Pacific qablu dwar kooperazzjoni fuq il-prezz hija kontradetta mill-ispjegazzjonijiet ta’ Chiquita u l-prezz li PFCI kellu l‑intenzjoni li jilħaq fil-Portugall. Interpretazzjoni iktar kredibbli tkun li C1 spjega lil P1 li tkun taħdem ma’ aġent ifisser li Chiquita kienet tikkoopera ma’ dan l-aġent ta’ kull ġimgħa sabiex jiġu deċiżi prezzijiet fissi għas-suq Portugiż. B’mod alternattiv, P1 seta’ wkoll ħaseb li sabiex jiġi konkluż arranġament ta’ spedizzjoni fi grupp ma’ Chiquita kien joħloq lil PFCI l-possibbiltà li din iżżomm l-prezzijiet tagħha jekk hi tgħaddi għal servizz ta’ kull ġimgħa fil-Portugall.

235    Qabel xejn, din l-interpretazzjoni ma tistax tikkonvinċi, għaliex, fid‑dawl tal-istadju tal-pjan ta’ azzjoni li mmaterjalizza bl-użu tal-espressjoni “nitkellmu dwar il-Portugall il-ġimgħa d-dieħla: deċiżjonijiet dwar prezzijiet: statu quo, żieda, tnaqqis. [P1]/[C1]”, kien jidher li s-sentenza “kooperazzjoni ta’ kull ġimgħa sabiex jinżamm il‑prezz” relatata mal-Portugall tirreferi għal kooperazzjoni bilaterali bejn C1 u P1.

236    Imbagħad, id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 li għalihom jirreferu r-rikorrenti li jikkonfermaw li s-suġġetti tad-diskussjoni waqt l-ikla ta’ nofsinhar kienu l-arranġamenti ta’ tfittxija ta’ sorsi u spedizzjoni flimkien, ma jikkontradixxux il-konklużjonijiet milħuqa mill‑Kummissjoni min-notamenti ta’ P1 (ara f’dan ir-rigward il‑punt 230 hawn fuq).

237    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-espressjoni “kooperazzjoni ta’ kull biex jinżamm il-prezz” ma tistax tkun interpretata bħala li tirreferi għall-kooperazzjoni bejn il-kompetituri. Inkella, fid-dawl tal-“pjan ta’ azzjoni” għall-Portugall, li mmaterjalizza bl-użu tal-espressjoni “nitkellmu fuq il-Portugall il-ġimgħa d-dieħla: statu quo, żieda, tnaqqis”, P1 u C1 kellu bilfors ikollhom kuntatti ta’ kull ġimgħa sabiex “jinżamm il-prezz” mit-32 ġimgħa, ħaġa li l-Kummissjoni ma pprovatx. Minbarra dan, il-provi prodotti fil-proċess, jiġifieri n-notamenti ta’ P1 tat-2 ta’ Awwissu 2004 u r-rapport ta’ kull ġimgħa dwar il-prezzijiet għat-32 ġimgħa tas-sena 2004 juru espressament li PFCI kienet qed tistenna li kien ser ikollha traħħas il-prezzijiet lill-Portugall mit-32 ġimgħa. Minbarra dan, il-Kummissjoni injorat għall-konvenjenza tagħha li l-kelma “żieda” hija maqtugħa fin-notamenti ta’ P1.

238    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

239    Minn naħa, l-espressjoni “kooperazzjoni ta’ kull ġimgħa sabiex jinżamm il-prezz” ma tistax tkun interpretata bħala li tindika li l-prezz għandu assolutament jibqa’ fl-istess livell il-ġimgħa ta’ wara, iżda tirreferi għall-kooperazzjoni bil-għan li tinżamm b’mod ġenerali ċerta stabbiltà tal-prezzijiet permezz ta’ diskussjonijiet ta’ kull ġimgħa li matulhom kellu jiġi deċiż jekk il-prezz għandux jibqa’ fl-istess livell, jogħla jew jitbaxxa għall-ġimgħa rispettiva (permezz tal-espressjoni “pjan ta’ azzjoni: nitkellmu fuq il-Portugall il-ġimgħa d-dieħla: deċiżjoni ta’ prezz: status quo, żieda, tnaqqis”). Għaldaqstant, il-fatt li Pacific kienet qed tistenna li tnaqqas il-prezz tagħha għal Portugall il‑ġimgħa ta’ wara l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 ma għandux juru li l-partijiet ma ftehmux dwar kooperazzjoni rigward prezzijiet waqt din l-ikla. Bl-istess mod, il-fatt li l-kelma “żieda” kienet maqtugħa fin-notamenti ta’ P1 ma jikkontestax l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni u għandu wkoll jiġi nnotat li l-fatt li P1 ingassa din il-kelma fin-notamenti tiegħu dwar “pjan ta’ azzjoni” relatat mal-Portugall għall-ġimgħa segwenti taqbel mal-fatt, imressaq mir-rikorrenti, li Pacific effettivament stenniet li tnaqqas il-prezz tagħha fil-Portugall matul dik il-ġimgħa inkwistjoni.

240    Min-naħa l-oħra, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il‑Kummissjoni kinitx obbligata tipprova l-implementazzjoni tal‑kooperazzjoni msemmija fin-notamenti relatati mal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 u li twettaq eżami tal-provi ta’ kuntatti ulterjuri tal-partijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l‑Kummissjoni ma ressqitx provi li juru speċifikament li P1 u C1 kellhom kuntatt bejniethom minn dik il-ġimgħa wara l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 lanqas hija prova tal-fatt li ż-żewġt irġiel ma ftehmux matul din l-ikla.

241    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li n-notamenti relatati mal-Greċja jindikaw li C1 ta lil P1 rendikont qasir tal-attivitajiet ta’ Chiquita fil‑Greċja sabiex jikkonvinċih dwar il-vantaġġi tal-konklużjoni ta’ arranġament ta’ tfittxija ta’ sorsi flimkien. L-espressjoni “għajnuna sabiex tinkoraġġixxi arranġament Chiquita/Bonita” tista’ tinftiehem bħala li tfisser li C1 darra lil P1 l-idea li jissupplixxi l-frott u l-liċenzji lill‑kompetitur fil-qafas ta’ arranġament ta’ tfittxija ta’ sorsi flimkien. Sa fejn Chiquita kellha nuqqas ta’ liċenzji, hi kienet iddeċidiet li tnaqqas il-bejgħ tal-banana tat-trade mark tagħha Consul għall‑benefiċċju tal-banana tat-trade mark tagħha Chiquita li għaliha hija setgħet tikseb prezz ogħla, ħaġa li tispjega l-espressjoni segwenti: “tnaqqas ukoll Consul. Idea ta’ Chiquita: Chiquita kollha, unikament it-trade mark tal-aqwa kwalità”. F’dan il-kuntest, l-espressjoni “għajnuna sabiex tinkoraġġixxi arranġament Chiquita/Bonita” tirreferi għat‑tnaqqis tal-kompetizzjoni għat-trade mark Bonita ta’ Pacific wara d-deċiżjoni unilaterali ta’ Chiquita li żżid il-volum tat-trade mark superjuri tagħha Chiquita u li tnaqqas dak tat-trade mark inferjuri Consul. B’mod alternattiv, din l-espressjoni tista’ wkoll tinftiehem bħala li tikkorrispondi mal-istruzzjonijiet ta’ C1 relatati mal-kundizzjonijiet ta’ kwalità tal-banana akkwistata mingħand PFCI.

242    L-espressjonijiet segwenti “prezz ta’ Chiquita fil-Greċja = għall-Italja” u “huma jemmnu li dan għandu jkun = għal Bonita fl-Italja u fil‑Greċja” ikunu bla sens, peress li la l-prezzijiet ta’ Chiquita u lanqas il-prezzijiet ta’ PFCI ma kienu ndaqs fl-Italja u fil-Greċja. L-espressjonijiet inkwistjoni għandhom għalhekk ikunu analizzati fid-dawl ta’ diskussjonijiet dwar l-arranġament ta’ tfittxija ta’ sorsi flimkien, b’tali mod li huma jfissru li C1 ipprova jikkonvinċi lil P1 jikkonkludi arranġament ta’ tfittxija ta’ sorsi flimkien billi jispjegalu li, jekk PFCI kellha timporta banana Chiquita bil-liċenzji tagħha, li mbagħad jinbiegħu bi prezz ogħla, Chiquita tagħti parti minn dan il-prezz lil Pacific sabiex tikkumpensa n-nuqqas ta’ qligħ minn din tal-aħħar wara t-tnaqqis fil-volum tal-banana importata tat-trade mark tagħha Bonita. Dawn l-espressjonijiet ma jikkostitwixxux għalhekk prova li ż-żewġ kompetituri ddiskutew l-istrateġiji tagħhom ta’ tariffi rispettivi u wisq inqas il-prezz reali ta-suq.

243    Konsegwentement, l-ebda element tan-notamenti ma ssuġġerixxa li kien ġie konkluż ftehim antikompetittiv bejn Chiquita u PFCI dwar strateġiji ta’ prezz fil-Greċja u l-Kummissjoni ma urietx li ftehim bħal dan kien ġie implementat. F’dan ir-rigward, il-fatti juru mingħajr ekwivoku li d-differenzi tal-prezzijiet ta’ PFCI fil-Greċja u fl-Italja ma naqsux, bħal ma kien ikun il-każ li kieku l-ftehim preżunt kien ġie konkluż u implementat.

244    Il-Kummissjoni tiddikjara li n-notamenti ta’ P1 juru, f’dak li jikkonċerna t-tariffikazzjoni tal-Greċja, li Chiquita kienet indikat l-għan tagħha li twassal il-prezz tagħha fil-Greċja fuq l-istess livell tal-prezz tagħha fl-Italja fejn kien ogħla (kif jindika l-użu tal-espressjoni “prezz ta’ Chiquita fil-Greċja = fl-Italja”) u kienet spjegat li, fl-opinjoni tagħha, l-istess metodu kellu jkun applikat għal banana tat-trade mark Bonita ta’ Pacific fil-Greċja u fl-Italja (kif jindika l-użu tal-espressjoni “[Chiquita] temmen li dan għandu jkun = għal Bonita fl-Italja u fil-Greċja”). Minbarra dan, skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn il‑prezzijiet rispettivi ta’ Chiquita u ta’ Pacific fil-Greċja u fl-Italja hija suġġett sensittiv ħafna li jikkonċerna strateġija ta’ tariffikazzjoni rispettiva taż-żewġ kompetituri (premessi 109 u 110 tad-deċiżjoni kkontestata)

245    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonfermax li t-tnaqqis tal-bejgħ tat-trade mark Consul jew il-fatt ta’ “għajnuna sabiex tinkoraġġixxi l-arranġament Chiquita/Bonita” kienet tagħmel parti minn ftehim ta’ ffissar ta’ prezzijiet. Għalhekk ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li juri li d‑deċiżjoni tat-tnaqqis tal-bejgħ tat-trade mark Consul għall-benefiċċju tat-trade mark Chiquita kien riżultat ta’ deċiżjoni unilaterali min-naħa ta’ Chiquita.

246    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk in-notamenti relatati mal‑Greċja jixhdux ftehim jew prattika miftiehma u jekk il-Kummissjoni kellhiex assolutament tiddistingwixxi bejn iż-żewġ forom ta’ aġir illegali (ara f’dan ir-rigward il-punti 437 et seq iktar ’il quddiem), għandu jiġi kkonstatat li ma hemm l-ebda indikazzjoni f’dawn in-notamenti li huma favur l-interpretazzjoni tar-rikorrenti li dawn jirriflettu d-diskussjonijiet dwar l-iskambju tal-prezz l-iktar għoli akkwistat għall-banana tat-trade mark Chiquita importata permezz tal‑liċenzji ta’ Pacific. Għall-kuntrarju minn dawn in-notamenti jirriżulta li C1 u P1 skambjaw l-intenzjonijiet u l-istrateġiji ta’ ffissar ta’ prezz u li l-ewwel wieħed informa lit-tieni wieħed bl-opinjoni tiegħu li Pacific kellha tipprova ttella’ l-prezz tal-Greċja fuq l-istess livell ta’ dak tal-Italja (bħal ma jindika l-użu tal-espressjoni “huma jemmnu li dan għandu jkun = għal Bonita fl-Italja u fil‑Greċja”). Il-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet reali mbagħad jikkorrispondux eżattament ma’ dawn l-intenzjonijiet f’dan ir-rigward hija irrilevanti u l-assenza ta’ allinjament ta’ prezzijiet minn dak li kien previst ma għandux fi kwalunkwe każ jinvalida l-konklużjoni li n-notamenti jixhdu skambju ta’ intenzjonijiet ta’ prezz relatati mal-Greċja bejn Chiquita u Pacific.

247    Ir-raba’ net, ir-rikorrenti jsostnu, qabel xejn, li l-espressjoni “nimbuttaw lil Dole u Del Monte ’il barra” fin-notamenti relatati mal-Italja ma għandhomx jirriflettu d-diskussjoni bejn C1 u P1 sa fejn, peress li Dole u Del Monte kellhom parti mis-suq akkumulat ta’ bejn wieħed u ieħor 40 % fl-Italja, ma huwiex kompletament evidenti u lanqas kredibbli li Chiquita u PFCI, li l-parti tas-suq tagħhom fis-suq Taljan kienet ta’ bejn wieħed u ieħor 10 % biss, setgħu ddiskutew u inqas u inqas qablu, fuq tali strateġija, ħaġa li barra minn hekk kienet ikkonfermata minn C1, li fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2010, fir-rigward tan-notamenti ta’ P1 fejn esprima l-idea li “nimbuttaw ’il barra lil Dole u Del Monte” iddikjara li “dan kien biss tip li ma jafx fuq xhiex qed jitkellem” u li “kienet kompletament bla sens”.

248    Ir-rikorrenti jkomplu, imbagħad, billi jiddikjaraw li l-espressjonijiet użati fil-linji li ġejjin relatati mat-tnaqqis tal-volum tal-banana tat-trade mark Consul u maż-żieda tat-trade mark Chiquita għandhom ikunu mill‑ġdid jinftiehmu bħala spjegazzjonijiet mogħtija minn C1, dwar il‑pjan unilaterali ta’ Chiquita sabiex isir ftehim, minħabba nuqqas ta’ liċenzji, dwar il-bejgħ l-iktar li jrendi tal-banana tat-trade mark Chiquita, spjegazzjonijiet li minnhom P1 ikkonkluda li din l-istrateġija ta’ Chiquita kellha tagħti spazju lit-trade mark Bonita. Bl-istess mod, l‑espressjonijiet “irregola l-offerta (Ekwador)” u “Bonita żżid il‑prezzijiet” jirriflettu l-idea ta’ P1 li l-fatt li tiġi akkwistata banana mill-Ekwador anki għal Chiquita jippermetti lil Pacific tnaqqas il‑prezzijiet tal-offerta f’dan il-pajjiż. It-tnaqqis tal-volum tal-banana tat-trade mark Consul madankollu ma ġiex implementat minn Chiquita fl-Italja ħlief kważi sena wara l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004, b’tali mod li dan it-tnaqqis ma jista’ bl-ebda mod jintrabat ma’ suġġett ieħor diskuss waqt din l-ikla, u lanqas jikkostitwixxi l-effett ta’ prattika antikompetittiva, u, fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis personali magħmul minn P1 abbażi ta’ spjegazzjonijiet ta’ C1 ma jinvolvux u lanqas juru fi kwalunkwe każ li ġie konkluż xi ftehim antikompetittiv intiż sabiex jinqasmu s-swieq jew sabiex jiġu kkoordinati l-prezzijiet.

249    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-indikazzjonijiet fl-espressjonijiet “ftehim lokali (l-Italja/il-Portugall/il-Greċja)” u “kbir wisq (sede). Mhux possibbli” għandhom ukoll jiġu interpretati fil-kuntest tal-arranġament ta’ tfittxija ta’ sorsi flimkien u li dawn ifissru li P1 kien iqis li kien ikkumplikat wisq li tiffinalizza ftehim ta’ arranġamenti ta’ tfittxija ta’ sorsi flimkien jekk is-sede soċjali Chiquita u ta’ PFCI kienu involuti, kif kien muri bil-fatt li d-diskussjonijiet preċedenti bejn is-sede ta’ Chiquita u LVP ma kinux ta’ suċċess, b’tali mod li kien preferibbli li jiġi konkluż ftehim fuq livell lokali.

250    Għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, kif jirriżulta mill-premessa 112 tad‑deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ma tallegax li l-partijiet ftiehmu sabiex “jimbuttaw lil Dole u Del Monte ’l barra mis-suq [Taljan]”, lanqas li tali pjan kien ibbażat fuq “ftehim konkluż bil-għan li jattakka l-pożizzjoni taż-żewġ kompetituri b’saħħithom tas-suq billi jitnaqqas il-volum tal-banana tat-trade mark ‘Consul’, imbagħad billi jiġi ssostitwit mill-banana tat-trade mark ‘Bonita’ filwaqt li ogħlew il‑prezzijiet”. Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk in-notamenti jurux dan il-punt, u lanqas li tiġi deċiża l‑plawżibbiltà tal-ispjegazzjonijiet possibbli tal-linji inkwistjoni mressqa mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha u kklassifikati mir-rikorrenti bħala li huma “ibbażati fuq spekulazzjonijiet puri”.

251    Sabiex l-argument tar-rikorrenti jkun jista’ jinftiehem f’dan is-sens li jerġa’ jikkonferma mill-ġdid il-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1 filwaqt li ġiet invokata d-dikjarazzjoni ta’ C1 li kienet espressa waqt is-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2010, li l-idea li “nimbuttaw ’il barra lil Dole u Del Monte” kienet “kompletament bla sens” u uriet li l-awtur tagħha “[huwa] biss tip li ma jafx fuq xhiex qed jitkellem”, huwa biżżejjed li jiġi nnotat, minn naħa, li l-argument ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1 kien diġà ġie kkonfutat fil‑punti 194 et seq hawn fuq u, min-naħa l-oħra, bla ħsara għall-eżami ulterjuri tal-argument tar-rikorrenti dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ C1 fit‑totalità tagħhom (ara l-punti 336 et seq), li l-unika dikjarazzjoni ta’ C1 li l-idea li “nimbuttaw ’il barra lil Dole u Del Monte” hija bla sens, dikjarazzjoni li, moqrija fil-kuntest u fit‑totalità tagħha, qabel xejn hija inekwivoka, ma għandhiex tipprova li l-partijiet ma ddiskutewx dan is-suġġett, u lanqas li n-notamenti kollha ma jirriflettux id-diskussjoni tal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004.

252    Imbagħad, id-diverġenzi tal-partijiet fl-interpretazzjoni tal‑espressjonijiet “tnaqqis ta’ Consul 15 000/ġimgħa […] Konċentrazzjoni fuq iż-żieda tal-volum ta’ Chiquita […] Għoti ta’ spazju lil Bonita […] Regolarizzazzjoni tal-offerta (Ekwador)” jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi konkluż li dawn l‑espressjonijiet jirriflettu r-riflessjonijiet ta’ P1 stess ibbażati fuq spjegazzjonijiet ta’ C1 dwar l-istrateġija unilaterali ta’ Chiquita relatati ma’ żieda fil-volum tal-banana tat-trade mark Chiquita, jew strateġija komuni ta’ kompetituri intiża sabiex tiffavorixxi ż-żieda tal-prezzijiet kif ukoll li tirregola l-provvisti tal-Ekwador b’varjazzjonijiet fl‑istrateġiji tagħhom ta’ importazzjoni tat-trade marks rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi deċiż l-argument tal-partijiet dwar il-kwistjoni jekk ir‑regolament tas-suq mis-CMO jħallix jew le flessibbiltà fir-rigward tal-volumi importati, li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti li tirrikjedi li n-notamenti jinftiehmu bħala spjegazzjonijiet u riflessjonijiet unilaterali ma tiġix milqugħa, billi hija kontradetta mill-espressjoni “ftehim lokali”, li ssegwi immedjatament l-estratti inkwistjoni, kif ukoll l‑estratti tan-notamenti kollha li juru li jirriflettu deċiżjonijiet bilaterali (ara l-punti 231, 232 u 235 hawn fuq).

253    Ir-rikorrenti jfakkru l-fatt li Chiquita ma bdietx timplementa l-istrateġija li kienet tikkonsisti fi tnaqqis tal-volum tat-trade mark tagħha Consul u fiż-żieda ta’ dak tat-trade mark tagħha Chiquita ħlief sena wara l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 u r-riferiment għad-dikjarazzjonijiet ta’ C1 li ddikjara li din l-istrateġija kienet ibbażata biss fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali interni li jikkonċernaw inqas dak li ġie diskuss waqt l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 milli dak li seħħ wara din l-ikla u li b’hekk jirrigwardaw, kif korrettament tenfasizza l-Kummissjoni l-effetti tal-ftehim.

254    Fl-aħħar nett, fid-dawl tan-notamenti kollha kif ukoll tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l‑allegazzjoni tar-rikorrenti li l-espressjonijiet “ftehim lokali (l-Italja/il-Portugall/il-Greċja)” u “kbira wisq (sede). Mhux possibbli” għandhom jiġu interpretati ukoll fil-qafas tat-tfittxija ta’ sorsi flimkien, u li huma jfissru li P1 kien ikkunsidra li kien wisq ikkumplikat li jiffinalizza l‑ftehim ta’ tfittxija ta’ sorsi flimkien jekk is-sede soċjali ta’ Chiquita u ta’ PFC1 kienu involuti, kif kien wera l-fatt li d-diskussjonijiet preċedenti bejn is‑sede ta’ Chiquita u dik ta’ LVP ma kinux waslu għal riżultat, b’tali mod li kien preferibbli li l-ftehim ikun konkluż fuq livell lokali, ma jistgħux ikunu rrifjutati.

255    Fil-ħames nett, u bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li l-ebda sentenza fin-notament taħt it-titolu “Pjan ta’ azzjoni” ma hija ċara biżżejjed sabiex jiġi konkluż li kien intlaħaq ftehim bejn Chiquita u PFCI u li huma kienu fasslu pjan ta’ azzjoni fi tliet stadji bħala riżultat tal-kooperazzjoni tagħhom lanqas ma għandu jintlaqa’. Il-punti li jifformaw il-“pjan ta’ azzjoni” fi tmiem in-notamenti ta’ P1 relatati mal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 jikkonsistu għal kuntrarju f’sommarju tal-konversazzjoni li seħħet matul l-imsemmija ikla u tal‑istrateġija miftiehma bejn il-partijiet f’din l-okkażjoni.

256    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ispjegazzjonijiet alternattivi tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jikkontradixxu l‑konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni min-notamenti ta’ P1 relatati mal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004.

–       Dwar l-eżistenza tal-oneru tal-provi li jikkorroboraw l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv

257    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova li turi li Chiquita u Pacific kienu kkonkludew ftehim antikompetittiv matul l-ikla ta’ nofsinhar tax-xogħol. Il-fatti kollha msemmija mill‑Kummissjoni sabiex juru li “in-notamenti ta’ [P1] huma bbażati fuq ir-realtà” kienu kompatibbli mal-interpretazzjonijiet alternattivi mressqa mir-rikorrenti. L-uniku dokument supplimentari li, skont il‑Kummissjoni, jikkonferma “ir-rimarki ta’ [P1] relatati mal-istrateġija” huwa memorandum intern ta’ Chiquita redatt minn C2 wara t-tmien tas‑sistema ta’ liċenzji, li fih analiżi ta-suq tal-banana wara t-tmiem tal‑imsemmija sistema.

258    Skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil‑premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-espressjoni “l‑influwenza fuq is-suq eżerċitata minn ‘isfel’ minn Bonita kienet totalment ineżistenti” tikkonferma li Chiquita kienet ipprevediet li s-suq kien ser ikun immexxi minn Bonita u li hija kienet iddiżappuntata bir‑riżultati, għandha tkun miċħuda peress li l-memorandum ma jkoprix il-perijodu eżaminat. Ma għandux jiġi konkluż li Chiquita kienet ipprevediet li PFCI kienet ser taġixxi fuq is-suq b’mod partikolari u spjegazzjoni iktar plawżibbli hija li PFCI sempliċement aġixxiet differenti minn kif Chiquita kienet ipprevediet unilateralment. Barra minn hekk, il-fatt li l-memorandum jindika li l-influwenza ta’ PFCI “kienet totalment ineżistenti” imur kontra d-dikjarazzjonijiet tal‑Kummissjoni relatati mal-implementazzjoni bejn Chiquita u PFCI ta’ ftehim intiż sabiex jikkoordina l-aġir tagħhom fis-suq.

259    L-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

260    Minn naħa, diġà ġie indikat iktar ’il fuq li l-Kummissjoni rreferiet għall-memorandum inkwistjoni sempliċement bħala prova li jwassal għall-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1 u mhux prova li tikkonferma l-konklużjoni ta’ ftehim milħuq waqt l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 jew l-implementazzjoni ta’ tali ftehim (ara l‑punt 216 hawn fuq).

261    Min-naħa l-oħra, indipendentement mill-fatt li l-Kummissjoni indikat li mis-sensiela ta’ provi li fuqhom hija bbażat ruħha f’dan il-każ kien jirriżulta li l‑partijiet li kienu komplew bil-prattika miftiehma tat‑28 ta’ Lulju 2004 matul il-kuntatti sussegwenti sat-8 ta’ April 2005 (premessi 187 sa 195 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jitfakkar, fir‑rigward biss tan-notamenti dwar l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004, li, fil-preżenza ta’ prova dokumentarja li turi ftehim antikompetittiv, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tressaq provi li jikkorroboraw l-imsemmi ftehim jew l-implementazzjoni tiegħu u li għall-kuntrarju huma r-rikorrenti li għandhom juru li l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed.

262    F’dan ir-rigward, fil-fatt mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 181 hawn fuq jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, fuq provi dokumentarji, l‑impriżi kkonċernati mhux biss għandhom jippreżentaw alternattiva plawżibbli għall-argument tal-Kummissjoni, iżda jqajmu wkoll l-insuffiċjenza tal-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata biex tkun stabbilita l-eżistenza tal-ksur.

263    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li l-fatt li l-memorandum jindika li l-influwenza ta’ PFCI “kienet totalment ineżistenti” jikkontradixxi b’mod serju d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-implementazzjoni ta’ ftehim bejn Chiquita u PFCI intiż sabiex jikkoordina l-aġir tagħhom fis-suq ma għandux jikkontesta l-kredibbiltà tan-notamenti tal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004.

264    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti relatat mal-assenza ta’ provi li jikkorroboraw l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-argument relatat man-notamenti ta’ P1 u l-ikla tat-28 ta’ Lulju 2004 kollu kemm hu.

 Dwar il-kuntatti segwenti bejn Chiquita u PFCI wara t-28 ta’ Lulju 2004

265    Ir-rikorrenti jikkontestaw id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kuntatti marbuta mal-prezzijiet kienu iktar frekwenti minn kif indikat minn Chiquita u bdew kważi immedjatament wara l-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004 (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata). La r-rekords tat‑telefonati ppreżentati minn PFCI u lanqas ż-żewġ notamenti ta’ P1 invokati mill-Kummissjoni ma jistgħu jipprovaw li dan ma kienx il-każ.

–       Dwar l-informazzjoni minn sorsi telefoniċi ta’ P1

266    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, wara l-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, C1 u P1 bdew iċemplu lil xulxin b’mod regolari, b’total ta’ bejn 15 u 20 darba bejn Settembru 2004 u Ġunju 2006 bejn wieħed u ieħor, u f’dan ir-rigward irreferiet għar‑rekords tat-telefonati li saru minn P1 bit-telefon ċellulari tiegħu u għad‑dikjarazzjonijiet ta’ C1 u ta’ Chiquita magħmula matul l‑ispezzjonijiet f’Novembru 2007 u fil-15 ta’ Frar u fit-22 ta’ Mejju 2008 (premessa 101, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 160 tad‑deċiżjoni kkontestata).

267    Il-Kummissjoni ddikjarat li r-rekords tat-telefonati li saru minn P1 bit‑telefon ċellulari tiegħu matul il-perijodi ta’ bejn Frar u Lulju 2004, bejn Ottubru u Diċembru 2004 u bejn Jannar u Novembru 2005 jindikaw li huwa għamel erbatax–il telefonata lil C1 u beda żewġ telefonati ma’ Chiquita fl-Italja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li Pacific iddikjarat li ma kellhiex fl-pussess tagħha elenku tat‑telefonati li saru minn linja fissa u li, għat-telefon ċellulari, hi ma setgħetx tippreżenta r-rekords ta’ telefonati ħlief għas-sena 2005, b’tali mod li r-rekords, li fi kwalunkwe każ kienu jikkonċernaw biss it‑telefonati li saru minn P1 lil C1 jew lil Chiquita, kienu frammentati u ma jagħtux stampa kompleta (premessa 101 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 159 tad‑deċiżjoni kkontestata).

268    Ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha r-rekords tat-telefonati ċellulari ta’ P1 għall-perijodi bejn Frar u Lulju 2004, bejn Ottubru u Diċembru 2004 u bejn Jannar u Novembru 2005, hija setgħet tidentifika biss erbatax-il telefonata ta’ P1 lil C1, li kollha seħħew wara l-20 ta’ Jannar 2005 (nota ta’ qiegħ il‑paġna Nru 159 tad-deċiżjoni kkontestata), u li kien hemm biss żewġ telefonati ta’ 20 sekonda u ta’ minuta u ħames sekondi li seħħew bejn l-20 ta’ Jannar u t-8 ta’ April 2005. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma għandhiex tuża dawn ir-rekords ta’ telefonati biex tibbaża l‑konklużjoni tagħha li P1 u C1 implementaw ftehim antikompetittiv bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005.

269    Qabel xejn, għandu jiġi nnotat li, kif korrettament tikkonferma l‑Kummissjoni, fir-rigward tan-natura frammentarja tar-rekords tat‑telefonati (ara l-punt 267 hawn fuq), l-assenza ta’ rekords oħrajn li juru l-kuntatt bejn il-partijiet ma għandhiex tkun interpretata bħala li turi li tali kuntatti ma seħħewx. L-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni tuża n-natura frammentarja tar-rekords sabiex tiġġustifika l-ipoteżi li tali telefonati seħħew u b’hekk ikun hemm konfutazzjoni tal‑oneru tal-prova għandu f’dan ir-rigward jiġi miċħud peress li l-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq l-imsemmija natura frammentarja sabiex tkun tiġġustifika l‑konklużjoni tagħha li kien hemm sistema ta’ komunikazzjoni koerenti bejn il-partijiet, iżda fuq numru ta’ provi (ara l-punti 187 sa 189 hawn fuq), fosthom ir-rekords, li juru li kienu seħħew żewġ kuntatti telefoniċi bejn P1 u C1f’Jannar u f’April 2005.

270    Imbagħad, il-qosor ta’ dawn iż-żewġ telefonati ma jistgħux juru l-assenza ta’ kontenut antikompetittiv tal-konversazzjonijiet, peress li huwa possibbli, fil-kuntest ta’ sistema ta’ skambji stabbilita, li tkun ikkomunikata informazzjoni dwar intenzjoni futura ta’ prezzijiet f’qasir żmien.

271    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-ebda prova mressqa mill‑Kummissjoni ma tissostanzja l-ipoteżi li l-partijiet kienu jikkomunikaw b’mod regolari mit-28 ta’ Lulju 2004 għandu jiġi ttrattat wara l-eżami tal-argumenti sussegwenti tar-rikorrenti, speċjalment l‑argument li jsaħħaħ li d-dikjarazzjonijiet ta’ C1 jikkontradixxu b’mod espliċitu li huwa kien jikkomunika b’mod regolari ma’ P1, fil-kuntest tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kkwalifikatx korrettament il-ksur inkwistjoni bħala “uniku u kontinwu” (ara l-punti 475 et seq iktar ’il quddiem).

272    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti u bla ħsara għall-eżami ta’ argumenti ulterjuri tar-rikorrenti jirriżulta li l-argumenti bbażati biss fuq ir-rekords tat-telefonati ta’ P1 għandhom jiġu miċħuda.

–       Dwar in-notamenti ta’ P1 ta’ Awwissu 2004

273    Għandu jiġi nnotat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonfermat li n-notamenti ta’ P1 kienu juru li, f’żewġ każijiet distinti, f’Awwissu 2004, jiġifieri bejn wieħed u ieħor ġimgħa jew ħmistax wara l-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, huwa kien f’kuntatt ma’ C1 u C2 ta’ Chiquita, sabiex jiġu diskussi l-prezzijiet futuri fil-Greċja u fl-Italja u l‑evoluzzjoni tas-suq fil-Portugall rispettivament. Skont il-Kummissjoni, dawn in-notamenti jikkostitwixxu l-provi tal-ewwel kuntatti bejn Chiquita u Pacific wara l-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004 u jikkonfermaw li din tal-aħħar ma kinitx inċident iżolat, imma li, konformi mas-sistema kollużorja stabbilita dakinhar, il-partijiet bdew proċeduri sabiex jimplementawha (premessi 122 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

274    Il-Kummissjoni tindika, minn naħa, li mill-ewwel waħda miż‑żewġ notamenti jirriżulta (premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata) li kien seħħ kuntatt il-Ġimgħa 6 ta’ Awwissu 2004 (ġimgħa 32) bejn P1 u C1 li fih ġiet skambjata informazzjoni ta’ tariffi u li, anki jekk, minħabba t-tul ta’ żmien li għadda, ma huwiex possibbli li jkunu interpretati d-dettalji kollha, din in-nota turi li, wara li kien diskuss il‑kalendarju rispettiv tagħhom għall-wasla tal-bastimenti, Pacific u Chiquita ddiskutew u sar skambju ta’ informazzjoni dwar prezzijiet, kif jikkonferma l-fatt li l-prezzijiet msemmija minn P1 (kif indikat bl-użu tal-espressjoni “Bonita: € 10.75 […] Chiquita € 10.75 [attwali] mhux inqas […] Greċja € 15.50 - € 16.25 - l-istess livell[i]”) jikkorrispondu eżattament mal-prezzijiet T2 li Chiquita u Pacific akkwistaw fir-realtà mill-klijenti prinċipali tagħhom fil-perijodu ta’ dan il-kuntatt (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

275    Il-Kummissjoni tikkonferma, min-naħa l-oħra, li nota oħra ta’ P1 tixhed kuntatt ieħor bejn Pacific u Chiquita ftit wara l-11 ta’ Awwissu 2004, li matulu P1 u C2 iddiskutew mill-inqas il-kundizzjonijiet tas-suq [stabbli] fis-suq Portugiż, peress li n-nota tindika “Chiquita [C2] [sic] […] Portugall stabbli” u li l-istabbiltà tas-settur Portugiż hija kkonfermata mill-prezzijiet reali li Chiquita akkwistat għall-banana ħadra fil‑Portugall fil-perijodu ta’ bejn is-6 u l-20 ta’ Awwissu 2004 (premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata).

276    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tinjora l-kontenut reali tan‑notamenti ta’ P1 tas-6 ta’ Awwissu 2004 (punt 274 hawn fuq) u tinterpretahom b’mod li jikkorrispondu mal-allegazzjonijiet tagħha. Il‑Kummissjoni għalhekk tiddeduċi minn sempliċement tliet linji li jidhru f’dawn in-notamenti li l-partijiet iddiskutew informazzjoni dwar il-prezzijiet għaliex il-prezzijiet li huma msemmija fihom jidhru jikkorrispondu mal-prezzijiet T2 effettivament akkwistati minn Chiquita u PFCI fil-Greċja u fl-Italja, iżda ma tiħux inkunsiderazzjoni prezzijiet oħra u informazzjoni f’dawn in-notamenti.

277    Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw, minn naħa, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet indikati fin-notamenti jikkorrispondu mal-prezzijiet reali akkwistati minn Chiquita u Pacific matul il-perijodu inkwistjoni u jsostnu, min-naħa l-oħra, li l‑informazzjoni l-oħra f’dawn in-notamenti ma hijiex korretta, ma tikkorrispondix ma’ avvenimenti reali, u li kienet magħrufa pubblikament u ma tikkorrispondix mal-“pjan ta’ azzjoni” allegatament stabbilit fit-28 ta’ Lulju 2004 bejn C1 u P1.

278    L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat, fid-dawl tal-listi tal-prezzijiet ippreżentati mill-partijiet, l-argument tar-rikorrenti li jsostni li l‑prezzijiet indikati fin-notamenti li ma jikkorrispondux mal-prezzijiet realment iffatturati minn Chiquita u Pacific ma għandux jintlaqa’. B’hekk, in-notamenti jsemmu l-espressjoni “Bonita € 10.75 […] Chiquita € 10.75 [attwali] mhux inqas […] Greċja € 15.50- € 16.25- l-istess livell[i]”, u l-listi tal-prezzijiet jikkonfermaw li:

–        għal Chiquita, il-prezz aħdar T2 reali ffatturat għal kull kaxxa għall-klijenti prinċipali Griegi tagħha matul il-ġimgħa 33/2004 kien ta’ EUR 15.00 – 15.50 u l-prezz aħdar T2 reali ffatturat għal kull kaxxa lill-maġġoranza tal-klijenti Taljani tagħha matul il‑ġimgħa 33/2004 kien ta’ EUR 16.00 – 16.25;

–        għal Pacific, il-prezz T2 reali għal kull kaxxa ffatturat lill-klijenti prinċipali Griegi tagħha matul il-ġimgħa 31/2004 (meta bastiment Pacific wasal il-Greċja) kien ta’ EUR 10.50 – 10.75 u l-prezz reali T2 għal kull kaxxa ffatturat lill-klijenti prinċipali Griegi tagħha matul il-ġimgħa 34/2004 (meta l-bastiment Pacific ta’ wara kien wasal il-Greċja) kien ta’ EUR 10.25 (premessa 124, nota ta’ qiegħ tal-paġna Nru 192 tad-deċiżjoni kkontestata).

279    Qabel xejn, l-argument tar-rikorrenti li l-prezzijiet indikati fin-notamenti ma jikkorrispondux mal-prezzijiet reali ta’ Chiquita huwa bbażat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ riferimenti ta’ ċifri li jidhru wara l-kelma “Chiquita” (EUR 11.50 – 11.75, EUR 10.50 – 10.75, EUR 10.75, u fl-aħħar nett EUR 15.50 – 16.25); dawn iċ-ċifri kollha mhux neċessarjament jikkorrispondu mal-prezzijiet ta’ Chiquita. Sa fejn iċ-ċifri bejn EUR 10 u 11 jikkorrispondu mal-prezzijiet iffatturati minn Pacific, l-indikazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri wara l-kelma “Chiquita” tista’ tfisser li jikkorrispondu mal-prezzijiet li Chiquita tat parir lil Pacific sabiex jitlob, li tidher ikkorroborata bl-espressjoni “mhux inqas”. F’dan ir-rigward, l-argument li sa fejn PFCI ma għamlet l-ebda bejgħ fil-Greċja fil-ġimgħa 33, kien impossibbli għaliha li tikkoordina l‑prezzijiet ma’ Chiquita matul din il-ġimgħa għandu jiġi miċħud, għaliex in-notamenti xorta jistgħu jikkonċernaw il-ġimgħat 31 jew 34, li matulhom, qabel xejn, il-prezzijiet ta’ Pacific ikkorrispondew ma’ dawk tan-notamenti. Sussegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jaslu sabiex jikkonfutaw il-konstatazzjoni li ċ-ċifri EUR 15.50 u 16.25 jikkorrispondu mal-prezzijiet iffatturati minn Chiquita lill-klijenti Griegi u Taljani matul il-perijodu inkwistjoni. Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li n-notamenti ma jagħmlux riferiment għall-Italja għandu jiġi miċħud sa fejn ma jagħmel l-ebda riferiment għal dan il-pajjiż, bl‑espressjoni “Greċja € 15.50- € 16.25- l-istess livell[i]” u l-livelli ta’ prezzijiet reali indikati fil-punt 278 hawn fuq juru, kif korrettament tikkonferma l-Kummissjoni, li n-notamenti stabbilixxew paragun ta’ prezzijiet mitluba minn Chiquita għall-Greċja u għall-Italja.

280    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu, bil-provi insostenn, li l-espressjonijiet “aħna sejrin hemmhekk il-ġimgħa d-dieħla. 93 000 kaxxi għal ħmistax” taħt it-titolu ta’ “Greċja” u “ Bonita € 10.75 0.25 (trasport)” ma jikkorrispondux mar-realtà fid-dawl ta’ ċerta informazzjoni li tikkonċerna l-kwantità ta’ banana spedita fil-Greċja minn PFCI fl-2004 u 2005 u l-ispejjeż tat-transport tal-banana lejn il-Greċja u jirrifjutaw l‑ispjegazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward bħala spekulazzjonijiet li ma jistgħux ikunu la kredibbli u lanqas plawżibbli, peress li din, ukoll bil-provi insostenn, issostni l-istess ħaġa fir-rigward tal-interpretazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti.

281    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha tiddikjara li min-notamenti inkwistjoni jirriżulta li kien seħħ kuntatt wieħed bejn P1 u C1 il-Ġimgħa 6 ta’ Awwissu 2004, li jidher, wara d-diversi riferimenti għal prezzijiet futuri, li informazzjoni li tikkonċerna l-aġir futur taż-żewġ impriżi fir-rigward tat-tariffikazzjoni kienet skambjata, li l-informazzjoni tariffarja diskussa kienet tikkonċerna l-prezzijiet fil-Greċja u fl-Italja, ħaġa li kienet ikkonfermata mill-fatt li l-prezzijiet imsemmija fin-notamenti kienu jikkorrispondu mal-prezzijiet reali akkwistati, u li, minħabba t-tul ta’ żmien li għadda, hija ma setgħetx tinterpreta l-elementi l-oħrajn kollha (ara l-punt 274 hawn fuq). Għalhekk sa fejn la huwa muri u lanqas allegat li dawn l‑elementi l-oħrajn jippermettu li tiġi kkonfutata din l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jikkuntentaw ruħhom billi jikkonfermaw u jipprovaw juru li dawn l-elementi “ma humiex korretti u ma jikkorrispondux ma’ avvenimenti reali”, mhux neċessarju li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fir-rigward tal-argument u tal-provi prodotti mill-partijiet fir-rigward ta’ dawn l-elementi.

282    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li, minbarra l-informazzjoni mhux eżatta, in-notamenti kien fihom ukoll informazzjoni, li fil-ġimgħa 32, kienet magħrufa pubblikament. Għandu jiġi kkonstatat, bħal ma tagħmel il-Kummissjoni, li dan jista’ jindika biss, li fl-okkażjoni tal‑kuntatti tagħhom antikompetittivi, il-partijiet skambjaw ukoll informazzjoni li setgħet tiġi akkwistata minn sorsi oħra. F’dan ir‑rigward, barra minn hekk għandu jiġi nnotat li l-perspettiva ta’ kompetitur dwar informazzjoni partikolari importanti għall‑kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda, jistgħu jiġu akkwistati b’mod ieħor minbarra permezz ta’ diskussjonijiet mal-impriżi kkonċernati, u l-effetti tagħhom fuq l-evoluzzjoni tas-suq, ma jikkostitwixxux, minnhom infushom, informazzjoni pubblika disponibbli (is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2013, Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, T‑588/08, punt 279).

283    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu, fir-rigward tat-tieni nota ta’ Awwissu 2004 (premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara l-punt 275 hawn fuq), li l-Kummissjoni ma tispjegax kif din in-nota turi kwalunkwe kuntatt bejn P1 u C2 jew l-implementazzjoni ta’ kwalunkwe ftehim u li d-dikjarazzjoni li C2 kien ħabbar li l-prezzijiet ser jibqgħu ma jinbidlux fil-Portugall tista’ tkun għajdut li sema’ bih P1 fl-uffiċċji ta’ PFCI.

284    Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud, għaliex, fid-dawl tal‑provi kollha diġà evalwanti, kien jidher ġustifikabbli li mill‑espressjoni “Chiquita [C2] [sic] […] Portugall stabbli”, li tinsab fit-tieni nota ta’ Awwissu 2004, jiġi dedott li kien hemm kuntatt bejn P1 u C2 li matulu dan tal-aħħar indika lill-ewwel wieħed li l-prezzijiet tal‑Portugall kellhom jibqgħu stabbli, iktar u iktar peress li r-rikorrenti ma jipproduċu l-ebda prova insostenn tad-dikjarazzjoni tagħhom li l-fatt li C2 kien iddikjara li l-prezzijiet kienu ser jibqgħu stabbli kienu “għajdut” li sema’ bih P1 u li l-istabbiltà tal-prezzijiet reali akkwistati minn Chiquita għall-banana l-ħadra għall-Portugall matul il-perijodu ta’ bejn is-6 u l-20 ta’ Awwissu 2004 hija kkonfermata b’lista ta’ prezzijiet tal‑aġent ta’ Chiquita fil-Portugall.

285    Finalment, il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-kuntatti intiżi sabiex jiżguraw azzjoni kif dedotta mill-Kummissjoni minn notamenti tas-6 ta’ Awwissu 2004 ma jikkorrispondux mal-“pjan ta’ azzjoni” li allegatament kien stabbilit fit-28 ta’ Lulju 2004 bejn C1 u P1 peress li, skont l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan il-“pjan ta’ azzjoni”, Chiquita u PFCI kkonċentraw biss fuq l-istrateġija konġunta għall-Greċja wara li kienu ppjanaw l-istrateġiji komuni għall-Portugall u għall-Italja. Il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova dwar kuntatti eventwali ta’ wara li jikkonċernaw dawn iż-żewġ pajjiżi.

286    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mhux biss iż-żewġ notamenti ta’ Awwissu 2004 juru li l-partijiet iddiskutew tajjeb ħafna l‑Portugall (ara l-punti 283 u 284 hawn fuq) u, impliċitament, l-Italja (ara l-punti 278 u 279 hawn fuq) kif ukoll il-Greċja, iżda minbarra dan, il-Kummissjoni korrettament tiddikjara li l-kredibbiltà tal-provi tagħha ma għandhiex tiġi interpretata ħażin sempliċement minħabba l-fatt li l‑kollużjoni tal-partijiet ma sarx b’mod eżatt skont l-ordni stabbilit fil‑“pjan ta’ azzjoni” tat-28 ta’ Lulju 2004.

287    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-argument tar‑rikorrenti intiż sabiex jikkontesta l-provi relatati mal-kuntatti ta’ wara bejn Chiquita u PFCI wara t-28 ta’ Lulju 2004 għandu jiġi miċħud.

 Dwar il-kuntatti supplimentari ta’ Frar 2005 sa April 2005

288    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq messaġġ elettroniku intern wieħed mibgħut minn P1 lil P2 fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata) u tabella bla data bit‑titolu “Prezz ta’ Chiquita – 2005” (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata) biex turi li kien hemm “kważi kull ġimgħa kollużjoni dwar il-prezzijiet bejn il-ġimgħa 6 u l-ġimgħa 15 tal-2005”, minkejja li dawn id-dokumenti għandhom jitqiesu li huma taħlita, minn naħa, tan-notamenti ta’ P1, u min-naħa l-oħra, tal-funzjonijiet tiegħu bħala kontrollur finanzjarju fi ħdan il-PFCI u, fl-aħħar nett, it-tendenza tiegħu li jesaġera sabiex jakkwista r-rispett tas-superjuri tiegħu.

289    Ir-rikorrenti jinvokaw fl-ewwel lok, elementi intiżi sabiex juru li P1 ma kellu l-ebda responsabbiltà fil-qasam tal-prezzijiet fi ħdan PFCI u li huwa kien wettaq eżerċizzji ta’ standardizzazzjoni abbażi ta’ informazzjoni pubblikament disponibbli, iressqu fit-tieni lok, l‑interpretazzjoni tagħhom tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57, li hija b’mod partikolari intiża sabiex jiġi sostnut li xejn ma jindika li l-elementi li kien fih kienu joriġinaw minn Chiquita u jiddikjaraw finalment, fit-tielet lok, li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1.

–       Deċiżjoni kkontestata

290    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li t-twaqqif u l-implementazzjoni tas-sistema ta’ koordinazzjoni tal‑prezzijiet li ġiet stabbilita minn Pacific u Chiquita matul il-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004 huma pprovati permezz ta’ messaġġ elettroniku intern ta’ Pacific li P1 bagħat lis-superjur tiegħu, P2 ([kunfidenzjali]), it-Tnejn 11 ta’ April 2005 (il-15-il ġimgħa tal-2005) fid-9.57 u permezz ta’ tabella mhux datata intitolata “Prezzijiet ta’ Chiquita – 2005”, li kien fiha informazzjoni fuq il-prezzijiet ta’ Chiquita mis-6 sat-13-il ġimgħa tal-2005. Skont il-Kummissjoni, dawn id-dokumenti flimkien juru li kien hemm kollużjoni fuq il-prezzijiet kważi kull ġimgħa bejn P1 ta’ Pacific, u C1 ta’ Chiquita, bejn Frar 2005 u l-bidu ta’ April 2005 (mis-6 ġimgħa tal-2005 sal‑15-il ġimgħa tal-2005) (premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata).

291    Il-Kummissjoni tispjega li, fil-messaġġ elettroniku tagħha mibgħut fil‑11 ta’ April 2005 fid-9.57, P1 irrapporta lil P2 dwar il-kontenut tal‑kuntatti reċenti dwar l-akkordju ta’ prezz ma’ C1 (kif jindika l-użu tal-espressjoni “Għandek issib iktar ’il quddiem l-aħħar informazzjoni fuq il-prezzijiet diskussi ma’ [C1]”), inkluż l-informazzjoni sensittiva dwar it-tariffikazzjoni ta’ prezz li tirrigwarda lil Chiquita (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tiddikjara mbagħad li t‑tabella li kienet tinsab fil-messaġġ elettroniku turi l-prezzijiet tal‑banana ta’ Chiquita (kif jindika l-użu tal-espressjoni “Prezzijiet ta’ Chiquita – 2005 […] prezzijiet gross f’EUR”) mid-9 sal-15-il ġimgħa tal-2005, murija b’mod separat skont it-trade mark (Chiquita u Consul) u l-pajjiż (l-Italja, il-Greċja u l-Portugall). F’dak li jirrigwarda l-ġimgħa tat‑Tnejn 11 ta’ April 2005, jiġifieri l-15-il ġimgħa, il-prezzijiet huma mmarkati b’“(f)” għal “forecast” (previżjoni), ħaġa li turi l-kollużjoni fuq il-prezzijiet futuri. Il-prezzijiet previsti għal Chiquita fl-Italja, fil‑Greċja u fil-Portugall, jikkorrispondu, barra minn hekk, mal‑prezzijiet T2 li Chiquita realment kisbet mingħand il-klijenti prinċipali tagħha matul dik il-ġimgħa (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

292    Il-Kummissjoni tkompli billi tindika li, b’riferiment għall-prezzijiet ta’ Chiquita ċċitati fit-tabella għad-diversi ġimgħat, serje ta’ noti spjegattivi li kienu jinsabu fuq in-naħa ta’ isfel tat-tabella juru l-kontenut tal‑kuntatti kollużorji, kważi kull ġimgħa bejn P1 u C1 dwar il-prezzijiet futuri. In-noti jindikaw dan li ġej: “Ġimgħa 10: jeħtieġ li P & S [Portugall u Spanja] jiżdiedu sal-livell tagħna”; “Ġimgħa 13: Chiquita qed tħoss il-pressjoni sabiex tnaqqas il-prezzijiet fl-Italja biss (wara l‑Għid). It-tnejn qbilna li għandna nżommu l-istess prezzijiet”; “Ġimgħa 14: Chiquita qed tħoss il-pressjoni sabiex tnaqqas il-prezzijiet fl-Italja, b’mod partikolari fit-Tramuntana tal-Italja. Ċempel biex jitlob li niftehmu dwar l-istrateġija tagħna għall-ġimgħa d-dieħla u sabiex nipprovaw ma nibdlux”; “Ġimgħa 15 – […] tkellimt ma’ [C1] u ser jagħti struzzjonijiet sabiex il-prezzijiet jibqgħu ma jinbidlux” (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

293    Skont il-Kummissjoni, il-frekwenza ta’ kważi kull ġimgħa ta’ dawn il‑kuntatti kollużorji matul il-perijodu minn Frar sa April 2005 hija, barra minn hekk, ipprovata permezz tat-tabella mingħajr data intitolata “Prezzijiet ta’ Chiquita – 2005”, li nstabet ipprintjata, fl-uffiċċju ta’ P2 ta’ Pacific, fl-istess fajl li fih kien jinsab il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 u li kienet tikkonsisti f’verżjoni preċedenti tat-tabella li tinsab f’dan il-messaġġ elettroniku (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tirrimarka li, filwaqt li t-tabella li kienet tinsab fil-messaġġ elettroniku mibgħut fil‑11 ta’ April 2005 fid-9.57 kienet tirreferi għad-9 sal-15-il ġimgħa tal‑2005, it-tabella mhux datata intitolata “Prezzijiet ta’ Chiquita – 2005” tirrigwarda l-perijodu mis-6 sat-13-il ġimgħa tal-2005 u fiha l‑istess noti spjegattivi għall-10 u t-13-il ġimgħa bħat-tabella tal‑messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 [kif jindika l-użu tal-espressjonijiet segwenti: “Ġimgħa 10: jeħtieġ nżidu P & S [Portugall u Spanja] sal-livell tagħna”; “Ġimgħa 13: Chiquita qed tħoss il-pressjoni sabiex tnaqqas il-prezzijiet fl-Italja biss (wara l-Għid). It‑tnejn qbilna li għandha nżommu l-istess prezzijiet”]. Dan il-fatt jikkonferma, kif indikat minn P1 fil-messaġġ elettroniku tiegħu mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 (fejn tinsab l-espressjoni “Għandek issib iktar ’il quddiem l-aħħar informazzjoni dwar il-prezzijiet diskussi ma’ [C1]”) li t-tabella u n-noti spjegattivi kienu qed jiġu aġġornati fuq bażi regolari, kważi kull ġimgħa, minn P1 fil-kuntest tal-kollużjoni tiegħu ma’ C1 fir-rigward tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa tal-banana ħadra fil‑Portugall, fil-Greċja u fl-Italja (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq il-kuntest u ċ-ċirkustanzi tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil‑11 ta’ April 2005 fid-9.57

294    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li P1 fl-ebda mument ma assuma l-iċken responsabbiltà fir-rigward tal-bejgħ jew tal-iffissar tal-volumi jew tal-prezzijiet fi ħdan Pacific.

295    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt hemm lok li jiġi nnotat li l‑Kummissjoni ddikjarat, mingħajr ma ġiet ikkontradetta b’mod validu mir‑rikorrenti, li, indipendentement mir-responsabbiltajiet tiegħu fi ħdan Pacific, P1 kien preżenti u pparteċipa fil-laqgħat interni li matulhom il-prezzijiet kienu diskussi, li huwa kien jirrapporta lil P2 il‑kuntatti kollużorji ma’ Chiquita u li huwa kien jiddiskuti prezzijiet mal-membri tat-tim kummerċjali ta’ Pacific, pereżempju ma’ P3, kif huwa pprovat mill-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57, li fih b’mod partikolari l-espressjonijiet segwenti: “Informajt lil [P3] u lil [P4] li Aldi baqa’ ma biddilx il-prezzijiet għall-15-il ġimgħa”; “[P3] kompla jindikali li l-prezzijiet fl-Italja qed jitbaxxew”.

296    Bl-istess mod, il-Kummissjoni tressaq serje ta’ provi intiżi sabiex juru l‑involviment dirett ta’ P1 fid-direzzjoni ta’ PFCI, jiġifieri:

–        diversi estratti tan-notamenti tiegħu, li juru l-livell għoli ta’ involviment fl-oqsma kollha tal-kummerċ tal-banana, b’mod partikolari fil-kwistjonijiet ta’ prezzijiet, il-volumi, il-liċenzji u l‑kunsinni, kif ukoll fil-kuntatti mal-klijenti u atturi oħra tas-suq (bħall-operaturi ta’ port), u li huma murija bid-diskussjonijiet tiegħu mal-persunal ta’ PFCI u ma’ P2 u l-vjaġġi tiegħu tax‑xogħol;

–        messaġġ elettroniku tat-23 ta’ Frar 2005 mibgħut minn C1 lil C3 u lil C4 ta’ Chiquita, dwar l-importazzjonijiet, li jsemmu lil P1 bħala persuna ta’ kuntatt u intermedjarju bejn l-impjegati ta’ Chiquita u P2, kif ukoll l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 (ara l-punti 290 sa 292 hawn fuq);

–        serje ta’ dokumenti ta’ spezzjoni ta’ Pacific.

297    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat, kif tagħmel il-Kummissjoni (premessa 324 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-fatt li kemm il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 kif ukoll it-tabella mhux datata li kien fiha informazzjoni fuq il-prezzijiet ta’ Chiquita mis-6 sat-13-il ġimgħa tal-2005 instabu fl-uffiċċju ta’ P2, ipprintjati u organizzati f’fajl, jindika li l-informazzjoni “miġbura” minn P1 kienet użata minn Pacific.

298    Sa fejn ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom jiddikjaraw li “[P1] ma kellu l‑ebda setgħa ta’ deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-bejgħ, id‑determinazzjoni tal-volumi u tal-prezzijiet, u li lanqas ma kien involut f’xi diskussjonijiet li fihom ġew iffissati l-prezzijiet”, u li “xejn fil-fajl ma juri li [P1] effettivament ikkomunika informazzjoni fir‑rigward ta’ Chiquita lill-grupp ta’ rappreżentanti kummerċjali”, għandu jiġi kkonstatat li ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-provi mressqa mill-Kummissjoni.

299    Il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fil-11.24 minn P1 lil P2 u lil diretturi oħra ta’ Pacific, iċċitat mir-rikorrenti, ma huwiex tali li jikkontesta din il-konstatazzjoni. Dan id-dokument ma għandux fil‑fatt jikkostitwixxi prova li turi li P1 ma kienx involut fl-iffissar tal‑prezzijiet.

300    Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li P1 fil-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 osserva li, minkejja li “[P3] indikalu mingħajr waqfien li l-prezzijiet fl-Italja kienu qed jitbaxxew b’EUR 0.75 għal EUR 1.00”, huwa ħaseb li “[PFCI] kellha tkun tista’ tibqa’ EUR 17.00 fl-Italja”. Il-messaġġ elettroniku mibgħut fl-istess ġurnata fil-11.24, li kien fih ir-rapport ta’ kull ġimgħa fuq il-prezzijiet tal-15-il ġimgħa, juri li l-prezzijiet ta’ PFCI fl-Italja kienu effettivament naqsu b’EUR 0.45 minħabba stokk żejjed, ħaġa li kienet turi li, kuntrarjament għal P3, P1 ma kienx assolutament involut fl-iffissar tal‑prezzijiet ta’ PFCI u li l-prezzijiet ta’ Chiquita, li baqgħu ma nbidlux fil-15-il ġimgħa, ma kellhom l-ebda influwenza deċiżiva fuq l-iffissar tal-prezzijiet ta’ PFCI.

301    Dan l-argument diġà ġie kkonfutat mill-Kummissjoni fil-premessi 137 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata, u r-rikorrenti ma kkontestawx l‑ispjegazzjonijiet mogħtija fl-imsemmija premessi fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. B’hekk il-Kummissjoni indikat li l‑għan taż-żewġ messaġġi elettroniċi kien manifestament differenti, l‑ewwel kien jindika li l-prezzijiet fl-Italja kienu ġeneralment qed jitbaxxew, iżda li kien hemm raġunijiet għal tentattiv sabiex il-prezz ma jinbidilx, filwaqt li t-tieni wieħed, li jirrifletti d-diskussjonijiet interni ta’ prezzijiet ta’ Pacific, fih informazzjoni ta’ prezzijiet maħsuba sabiex jiġu inklużi fir-rapport ta’ kull ġimgħa ta’ Pacific, u konsegwentement iż-żewġ messaġġi elettroniċi juru li Pacific kellha idea ċara tal-livelli ta’ prezzijiet li l-persunal kummerċjali tagħha kellu japplika qabel id‑diskussjonijiet mal-klijenti (premessi 137 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk il-Kummissjoni korrettament tikkonkludi li l‑ewwel messaġġ elettroniku kien fih informazzjoni ex ante fuq l‑intenzjonijiet ta’ prezz ta’ Chiquita filwaqt li t-tieni wieħed kien rapport ta’ kull ġimgħa ex post tan-negozjati mal-klijenti fl-Italja, b’tali mod li jista’ jiġi raġonevolment ikkunsidrat li t-tieni messaġġ elettroniku huwa bbażat fuq informazzjoni aġġornata li mmodifikat l‑evalwazzjoni inizjali ta’ P1. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ipprovda, fit-tieni messaġġ elettroniku tiegħu, ir-raġunijiet li għalihom huwa finalment ikkunsidra tnaqqis fil-prezzijiet, jiġifieri tnaqqis tal-prezzijiet fit-Tramuntana tal-Italja, kwantitajiet ta’ banana li kienu għadhom kif waslu u l‑istokks mhux mibjugħa ta’ Pacific. Il-fatt li P1 bagħat dawn iż-żewġ messaġġi elettroniċi juri li, kuntrarjament għal dak sostnut mir‑rikorrenti, huwa kien involut fl-iffissar tal-prezzijiet fi ħdan Pacific.

302    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-fatt li l-prezzijiet ta’ Pacific fl-Italja tbaxxew fil-15-il ġimgħa tal-2005 filwaqt li l-prezzijiet ta’ Chiquita kellhom jibqgħu l-istess juri li dawn tal-aħħar ma kellhom l‑ebda influwenza fuq tal-ewwel ma għandux jintlaqa’. Fil-fatt is‑sempliċi fatt li impriża ma tkunx aġixxiet f’kollużjoni fuq il-prezzijiet waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex juri li ma kienx hemm ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, CD‑Contact Data vs Il‑Kummissjoni, T‑18/03, Ġabra p. II‑1021, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata), u barra minn hekk, ġustament jirriżulta minn dak li għadu kemm ġie espost fil‑punt preċedenti li l-messaġġ elettroniku tad-9.57, li kien fih it-tabella tal-prezzijiet ta’ Chiquita, kien jirrigwarda l-intenzjonijiet tal-prezzijiet ta’ Pacific u li l-messaġġ elettroniku tal-11.24 jispjega preċiżament għaliex il-prezzijiet reali kienu differenti minn dawn l-intenzjonijiet. Dan ma għandux ikun il-prova li l-kollużjoni dwar l-intenzjonijiet tal‑prezzijiet ma influwenzatx il-prezzijiet reali.

303    Bħala konklużjoni dwar l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tar-rwol ta’ P1, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, l‑akkuża ta’ impriża bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma tfissirx azzjoni minn jew anki konoxxenza tal-imsieħba jew tal-amministraturi prinċipali tal-impriża kkonċernata minn dan il-ksur, iżda l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 97; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il‑Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra p. II‑1613, punt 58, u Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 581). Ir‑rikorrenti ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-provi mressqa mill‑Kummissjoni, li fost l-oħrajn kienu jikkonsistu fl-istatuti ta’ Pacific, sabiex juru li hekk kien il-każ ta’ P1.

304    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li P1 ma kellux ir‑responsabbiltà finali tal-istabbiliment tal-prezzijiet huwa fi kwalunkwe każ irrilevanti u għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 582).

305    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex juri li P1 fassal punti ta’ referenza abbażi ta’ informazzjoni pubblikament disponibbli ma huwiex tali li jikkonfuta l-fatt li huwa kien ukoll jirċievi informazzjoni antikompetittiva mingħand C1. Għalhekk, il-fatt li P2 talab lil P1 sabiex juża ċifri pubblikament disponibbli, kif juri l-messaġġ elettroniku tat-8 ta’ Diċembru 2004, ma għandux jikkonsisti fi prova li turi li Pacific ma kellux informazzjoni kunfidenzjali fuq il-prezzijiet ta’ Chiquita. Id-dikjarazzjoni li tinsab fl‑imsemmi messaġġ elettroniku li Pacific ma kellux sorsi oħra indipendenti ta’ verifika ħlief Sopisco ma tippermettix li jiġi konkluż li Pacific ma kellhiex sorsi diretti ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet tal‑kompetituri.

306    Finalment, u fit-tielet lok, diġà ġie kkonstatat fil-punt 220 hawn fuq li l‑fatt li l-kompetituri kellhom ukoll kuntatti leġittimi fil-perijodu li fih seħħew il-fatti, ħaġa li hija pprovata minn messaġġ elettroniku mibgħut minn C1 fit-23 ta’ Frar 2005 iċċitat mir-rikorrenti, ma huwiex prova tal-assenza ta’ kuntatti antikompetittivi. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li P1 u C1 kellhom diskussjonijiet dwar tagħbija u spedizzjoni flimkien matul il-perijodu tal-ksur (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, kif diġà tfakkar fil-punt 220 hawn fuq, il-Qorti tal‑Ġustizzja enfasizzat li ftehim jista’ jitqies li għandu għan restrittiv anki jekk ma għandux bħala għan waħdieni li jillimita l-kompetizzjoni imma għandu għanijiet oħra li huma leġittimi (ara s-sentenza General Motors vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 64, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

–       Dwar l-interpretazzjoni tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 proposta mir-rikorrenti

307    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ebda parti mill-messaġġ elettroniku mibgħut fil‑11 ta’ April 2005 fid-9.57 ma tissuġġerixxi li l-informazzjoni li tinsab fih inkisbet mingħand kompetituri jew li kienet għadha mhux pubblikament disponibbli fil-mument li fih il-messaġġ elettroniku ntbagħat. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ma kinitx korretta.

308    L-ewwel nett, diversi dikjarazzjonijiet fil-messaġġ elettroniku jirreferu għall-fatti li kienu magħrufa pubblikament fis-suq. B’hekk, in‑notamenti relatati mat-13-il ġimgħa jsemmu l-fatt li “Chiquita [kienet] qed tħoss il-pressjoni sabiex tnaqqas il-prezzijiet fl-Italja biss (wara l-Għid)”. Il-prezzijiet bdew jitbaxxew fis-suq wara kull Għid, fatt li forsi kien injorat minn P1. Bl-istess mod, il-fatt li l-vapur Wong kien ser jikkunsinna volumi sinjifikattivi lil Di Leonardo kien fatt li kien magħruf pubblikament fis-suq. Fil-fatt, peress li l-vapur Wong kien diġà wasal fl-4 ta’ April 2005, il-volum li ġie żbarkat fil-port ta’ Ravenna (l-Italja) kien magħruf tal-inqas xi ġranet qabel din id-data, b’tali mod li, bħala fornituri ta’ Di Leonardo, Chiquita u PFCI kienu informati minn din tal-aħħar li ma kellhiex bżonn volumi sinjifikattivi mingħandhom.

309    Dan l-argument ma għandux jintlaqa’ peress li huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq ċitazzjoni parzjali ta’ partijiet mill-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57. B’hekk, ir-rikorrenti jonqsu milli jindikaw li l-espressjoni “Chiquita qed tħoss il-pressjoni sabiex tnaqqas il-prezzijiet fl-Italja biss (wara l-Għid)” hija segwita minn prova ċara li kien hemm qbil fuq il-prezzijiet futuri, jiġifieri l-espressjoni segwenti: “It-tnejn qbilna li għandna nżommu l-istess prezzijiet”. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jinsistu dwar il-fatt li l-wasla tal-vapur Wong fl-14-il ġimgħa kien fatt magħruf pubblikament fis-suq, iżda jinjoraw il-fatt li P1 identifika b’mod ċar is-sors ta’ din l-informazzjoni peress li nnota dan li ġej:

“Għandek issib iktar ’il quddiem l-aħħar informazzjoni fuq il-prezzijiet diskussi ma’ [C1]. Kien hu li kellimni dwar Di Leonardo/Wong.”

310    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jsemmux partijiet oħra mill-messaġġ elettroniku li ma jistgħux jitqiesu li huma relatati biss mal-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq jew bħala li fihom informazzjoni pubblika jew li ġejja mill-klijenti, iżda li juru, għall-kuntrarju, li Pacific iddiskutiet prezzijiet futuri u intenzjonijiet ta’ prezz ma’ Chiquita. B’hekk il-messaġġ elettroniku fih b’mod partikolari l-espressjonijiet segwenti: “Ċempel biex jitlob li niftehmu dwar l-istrateġija tagħna għall-ġimgħa d-dieħla u sabiex nipprovaw ma nibdlux”; “Għandek issib iktar ’il quddiem l-aħħar informazzjoni fuq il-prezzijiet diskussi ma’ [C1]”, jew inkella “Ġimgħa 15 – […] tkellimt ma’ [C1] u ser jagħti struzzjonijiet sabiex il-prezzijiet jibqgħu ma jinbidlux”. Dawn id‑dikjarazzjonijiet juru li l-kuntatti antikompetittivi bejn P1 u C1, indipendentement mill-fatt, irrilevat mir-rikorrenti, li P1 ma kitibx isem C1 b’mod korrett, u ma jistgħux jiġu interpretati bħala “verżjonijiet iktar dettaljati ta’ dikjarazzjonijiet ġenerali magħmula minn [C1] waqt kuntatti leġittimi fil-bidu tal-2005, li kienu jippermettu lil [P1] jenfasizza l-allegat għarfien u r-rwol tiegħu fis-settur tal-banana”, kif jallegaw ir-rikorrenti.

311    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ta’ dawn tal‑aħħar li jsostnu li, peress li n-notamenti relatati mat-13 u mal-14-il ġimgħa ma jsemmux lil C1 b’ismu, huwa impossibbli li jkun magħruf għal min il-pronom “hu” qed jirreferi u ma jistax jiġi konkluż li l‑espressjonijiet “it-tnejn qbilna” jew “ċempel biex jitlob li niftehmu dwar l-istrateġija tagħna” jirreferu għal C1 jew għal kwalunkwe impjegat ieħor ta’ Chiquita, meta jistgħu sempliċement jirreferu għal diskussjonijiet interni fi ħdan PFCI. Fil-fatt, fid-dawl tal-frażijiet li jinsabu fl-espressjonijiet “Għandek issib iktar ’il quddiem l-aħħar informazzjoni fuq il-prezzijiet diskussi ma’ [C1]” u “Tkellimt ma’ [C1] u ser jagħti struzzjonijiet sabiex il-prezzijiet jibqgħu ma jinbidlux”, minħabba l‑fatt li l-frażijiet kollha inkwistjoni huma notamenti ta’ tabella tal‑prezzijiet ta’ Chiquita, u tal-provi kollha miġbura mill-Kummissjoni (ara l-punti 188 u 189 hawn fuq), il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonkludi li l-espressjonijiet “it-tnejn qbilna” jew “ċempel biex jitlob li niftehmu dwar l-istrateġija tagħna” jirreferu għal C1.

312    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ebda parti mill-messaġġ elettroniku ma tindika li l-informazzjoni nkisbet qabel ma ġiet żvelata fis-suq, u lanqas li kienet ġejja minn Chiquita, u li l-Kummissjoni ma tipproduċi l‑ebda prova f’dan ir-rigward. B’hekk fil-mument li fih intbagħat il‑messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57, it-Tnejn tal-15-il ġimgħa tal-2005, l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tad-9 sal‑14-il ġimgħa ma kinitx għadha attwali u kienet diġà magħrufa fis‑suq, b’tali mod li P1 seta’ faċilment jikseb din l-informazzjoni mingħand it-tim kummerċjali ta’ PFCI wara n-negozjati tagħha mal‑klijenti jew permezz ta’ informazzjoni pubblikament disponibbli.

313    Bl-istess mod ir-rikorrenti jsostnu li, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni relatata mal-15-il ġimgħa, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall‑ħin li fih il-messaġġ elettroniku ntbagħat, jiġifieri 9.57. Fil-fatt, għalkemm ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit f’liema mument P1 kiteb partijiet oħra mill-messaġġ elettroniku, huwa probabbli li l‑informazzjoni relatata mal-15-il ġimgħa żdiedet dakinhar filgħodu, wara li tkellem ma’ membru tat-tim kummerċjali dwar il-prezz ta’ Chiquita għal dik il-ġimgħa, kif irrapportat lilhom mill-klijenti tagħhom. Din l-ispjegazzjoni taqbel perfettament mal-iffissar tal-prezzijiet u mal‑komunikazzjoni tagħhom fis-suq, li ġeneralment kienet isseħħ wara d‑9.00 it-Tnejn filgħodu, minn Chiquita, li f’dan ir-rigward kienet ikkonfermat li “jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li t-Tnejn filgħodu fid-9.57 il-klijenti kienu diġà jafu l-prezz ta’ Chiquita ta’ dik il‑ġimgħa”. Barra minn hekk, anki jekk P1 ma kienx kiseb l‑informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ Chiquita mingħand il-klijenti, Chiquita indikat li “kieku l-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq baqgħu ftit jew wisq l-istess, kif indikalna diversi drabi [C1] waqt l-intervisti tiegħu, kien ikun loġiku li [P1] seta’ jikkonkludi b’ċertezza anki qabel it-Tnejn filgħodu li l-prezz ta’ Chiquita ma kienx ser jinbdidel fil‑ġimgħa segwenti”.

314    Għandu jiġi nnotat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li Pacific iddikjarat li n-negozjati tagħha ta’ kull ġimgħa mal-klijenti Taljani tagħha kienu jibdew nhar ta’ Tnejn filgħodu għall-ħabta tal‑għaxra, iżda mhux bilfors kienu jkunu konklużi f’dak il-ħin u li ħafna drabi kien ikun hemm iktar minn negozjar u bejgħ wieħed ma’ klijent matul il-ġimgħa (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li barra minn hekk ir-rikorrenti kkonfermaw fl-osservazzjonijiet tagħhom, filwaqt li sostnew li, fil-mument tal-iffissar tal-prezzijiet tagħha fl-Italja t-Tnejn filgħodu, PFCI kienet diġà taf bil-prezzijiet ta’ Chiquita mingħand il-klijenti tagħha. F’dak li jirrigwarda l-Greċja u l‑Portugall, ir-rikorrenti ddikjaraw li l-bejgħ sar ukoll fuq bażi individwali. Peress li PFCI ma kinitx tirċievi kunsinni ta’ kull ġimgħa, iżda darbtejn fix-xahar għal dawn iż-żewġ pajjiżi, ir-rappreżentanti kummerċjali bdew jikkuntattjaw lill-klijenti madwar għaxart ijiem qabel id-data tal-wasla prevista tal-vapur u n-negozjati komplew sal‑konklużjoni ta’ ftehim dwar il-prezzijiet u l-volumi. Il-fatt li, fil‑Portugall u fil-Greċja, Chiquita kienet tiffissa l-prezzijiet tagħha l‑Ħamis u l-Ġimgħa għall-kunsinni tal-ġimgħa segwenti kien ifisser li PFCI, li kienet tirċievi kunsinni u twettaq bejgħ kull ħmistax f’dawn il‑pajjiżi, kienet tkun taf il-prezzijiet ta’ Chiquita minn qabel mingħand il-klijenti tagħha u kienet tikkunsidrahom, fost informazzjoni oħra miġbura mis-suq, meta tiffissa l-prezzijiet tagħha.

315    Fid-dawl ta’ dan, ma jidhirx probabbli, tal-inqas għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet għall-Italja, li P1 kien żied informazzjoni relatata mal-15-il ġimgħa filgħodu stess, qabel ma ntbagħat il-messaġġ elettroniku, wara li membru tat-tim kummerċjali indikalu l-prezz ta’ Chiquita li kien sar jafu mill-klijenti tiegħu. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita f’dan il-kuntest għandhom barra minn hekk jinftiehmu fid-dawl tal-kuntest li fih ingħataw, jiġifieri d-difiża ta’ Chiquita wara l-ittra tal-Kummissjoni dwar l-istatus tas-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni indikat, li minħabba l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57, hija kellha raġuni tiddubita mill-fatt li Chiquita kienet waqfet mill-aġir ta’ ksur tagħha fid-data tat-talba għall-immunità, jiġifieri t-8 ta’ April 2005, ħaġa li setgħet tikkostitwixxi raġuni sabiex tirrifjutalha l-immunità f’din il-kawża. Chiquita għalhekk kellha raġuni preċiża sabiex targumenta li P1 seta’ jkun jaf il-prezzijiet ta’ Chiquita għall-15-il ġimgħa t-Tnejn filgħodu qabel ma ntbagħat il-messaġġ elettroniku minn sors ieħor u mhux minn C1, jiġifieri sabiex jintwera li ma kienx hemm iktar kuntatt bejn C1 u P1 wara t-8 ta’ April 2005.

316    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Chiquita bħala risposta għall-ittra dwar l-istatus tas-sitwazzjoni, Chiquita indikat li hija fil-bidu kienet ħasbet li l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 kien jirrifletti diskussjoni interna ta’ Pacific għaliex hija kienet irċeviet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmi dokument li fih l-ismijiet kollha kienu mħassra u li dwaru kienet ġiet informata b’mod skorrett li dawn l-ismijiet kienu jirreferu għal impjegati ta’ Pacific. Minn naħa l‑oħra, Chiquita ma indikatx, kif jallegaw ir-rikorrenti, li hija inizjalment kienet assumiet li Pacific kienet kisbet l-informazzjoni li tinsab fil-messaġġ elettroniku mis-suq.

317    Barra minn hekk, il-kliem użat fil-messaġġ elettroniku, jiġifieri l‑espressjoni “Ġimgħa 15 – […] tkellimt ma’ [C1] u ser jagħti struzzjonijiet sabiex il-prezzijiet jibqgħu ma jinbidlux”, jindika li l‑informazzjoni dwar l-previżjonijiet ta’ prezz ta’ Chiquita kienet ġejja minn Chiquita stess u mhux minn ċerti klijenti. Dan jikkontradixxi barra minn hekk ukoll l-ipoteżi li P1 stess kien ikkonkluda li l-prezzijiet kienu ser jibqgħu ma jinbidlux minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq baqgħu ftit jew wisq l-istess.

318    Fir-rigward tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li tikkonċerna d-9 ġimgħa sal-14-il ġimgħa, il-Kummissjoni korrettament ikkonkludiet li kien probabbli li din l-informazzjoni ma ġietx skambjata l-ewwel darba fil-11 ta’ April 2005, iżda qabel, fi żmien meta l-informazzjoni kienet sensittiva, u li r-rikorrenti għalhekk għażlu l-mument żbaljat sabiex jevalwaw il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni (premessi 126 sa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-punti 290 sa 293 hawn fuq). F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni indikat li l-fatt li l‑messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 kien irrefera għal skambju fuq il-ġimgħat preċedenti huwa spjegabbli bl‑aġġornament regolari tat-tabella fuq id-diskussjoni ma’ Chiquita, li hija pprovata mit-tabella mhux datata intitolata “Chiquita – Prezzijiet 2005”, li tirrigwarda l-perijodu mis-6 sat-13-il ġimgħa, li fih l-istess kliem bħall-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 fuq il-kuntatti ma’ Chiquita (premessi 130 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-punt 293 hawn fuq). Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li t-tabella mhux datata ma tippermettix li tiġi stabbilita l-persuna li setgħet tittrażmetti l-informazzjoni li kien fiha, il-mument li fih din l-informazzjoni ġiet trażmessa u jekk, f’dak il-mument, kinitx sensittiva mill-perspettiva kompetittiva, ma tistax tintlaqa’.

319    Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-partijiet kienu xorta skambjaw informazzjoni li setgħet tinkiseb minn sorsi oħra, għandu jiġi nnotat, kif tagħmel il-Kummissjoni (premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata), li l‑kuntatti bejn il-kompetituri ma jsirux leġittimi minħabba l-fatt li l‑prezzijiet tal-banana kienu magħrufa b’mod wiesa’ fis-settur.

320    Fil-fatt, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri ma jistax isir leġittimu minħabba l-fatt li din l-informazzjoni jew uħud minnha huma pubblikament magħrufa, sa fejn kull operatur ekonomiku għandu jiddeċiedi b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq intern. Jekk dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw rwieħhom b’mod intelliġenti għall-aġir kkonstatat jew sabiex jantiċipaw il-kompetituri tagħhom, madankollu hija tipprekludi b’mod qawwi kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li għandu l-għan jew l-effett li jinfluwenza jew l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella li jiżvela lil kompetitur bħal dan l-aġir li ġie deċiż jew li jwettaq jew li jbassar li jwettaq fis-suq (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, punt 121, u l-ġurisprudenza ċċitata).

321    F’dan ir-rigward, barra minn hekk għandu jiġi nnotat mill-ġdid, kif diġà ntqal fil-punt 282 hawn fuq, li l-perspettiva ta’ kompetitur dwar tali informazzjoni importanti għall-kundizzjonijiet tal-offerta u tad‑domanda, li tista’ tinkiseb mod ieħor permezz ta’ diskussjonijiet mal-impriżi kkonċernati, u tal-effett tagħha fuq l-iżvilupp tas-suq, ma tikkostitwixxix, b’definizzjoni, informazzjoni pubblika disponibbli (sentenza Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 279).

322    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tixrid regolari ta’ informazzjoni relatata mal-prezzijiet jista’ jkollu l-effett li jżid, b’mod artifiċjali, it-trasparenza fuq suq fejn il-kompetizzjoni kienet diġà mnaqqsa fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv speċifiku u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, punt 281; Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 405).

323    Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-informazzjoni fuq il‑prezzijiet kienet magħrufa mill-klijenti qabel il-komunikazzjoni tagħha lill-kompetituri u, għalhekk, setgħet tinġabar mis-suq għandha tiġi miċħuda. Dan il-fatt, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jimplikax li, fil-mument tat-trażmissjoni tal-listi tal-prezzijiet lill-kompetituri, dawn il-prezzijiet kienu jikkostitwixxu diġà data oġġettiva tas-suq, identifikabbli b’mod immedjat. It-trażmissjoni diretta tippermetti lill‑kompetituri li jkunu jafu din l-informazzjoni b’mod iktar sempliċi, rapidu u dirett milli permezz tas-suq. Barra minn hekk, din it‑trażmissjoni minn qabel tippermettilhom li joħolqu klima ta’ ċertezza reċiproka fir-rigward tal-politika ta’ prezzijiet futura tagħhom. (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, punt 463).

324    Finalment, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li l‑informazzjoni fuq il-prezzijiet li ġiet ikkomunikata kienet magħrufa mill-klijenti tal-impriża kkonċernata qabel il-komunikazzjoni tagħha lill-kompetituri u li, għalhekk, il-kompetituri tagħha setgħu diġà jiġbru l-informazzjoni mxerrda mis-suq, għandu jitfakkar li l-fatt biss li tiġi riċevuta informazzjoni li tirrigwarda lil kompetituri, informazzjoni li kummerċjant indipendenti jippreżerva bħala sigrieti tan-negozju, huwa biżżejjed biex juri l-eżistenza ta’ spirtu antikompetittiv (is-sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Atochem vs Il‑Kummissjoni, T‑3/89, Ġabra p. II‑1177, punt 54; tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punt 100; tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 66; tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 154, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 323 iktar ’il fuq, punt 462).

325    It-tielet nett, il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fil‑11.24 ma jistax juri, kif jallegaw ir-rikorrenti, li l-informazzjoni fil‑messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 hija skorretta, b’tali mod li dan tal-aħħar jitlef il-kredibbiltà kollha, peress li diġà ġie kkonstatat fil-punti 299 sa 301 hawn fuq li l-għan taż-żewġ messaġġi elettroniċi kien manifestament differenti, l-ewwel wieħed kien fih informazzjoni ex ante fuq l-intenzjonijiet ta’ prezz ta’ Chiquita filwaqt li t-tieni wieħed kien rapport ta’ kull ġimgħa ex post tan‑negozjati mal-klijenti fl-Italja, aġġornat minħabba tnaqqis tal‑prezzijiet fit-Tramuntana tal-Italja, il-kwantitajiet ta’ banana li kienu għadhom kif waslu u l-istokk mhux mibjugħ ta’ Pacific.

326    Finalment, ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-varjazzjonijiet tal‑prezzijiet ta’ Chiquita indikati fil-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 dwar il-perijodu mid-9 sal-10 ġimgħa u mill‑10 sal-11-il ġimgħa huma skorretti. Li kieku P1 u C1 kienu verament iddiskutew regolarment il-prezzijiet, tal-inqas kien ikun mistenni li l-prezzijiet ta’ Chiquita rrapportati minn P1 jkunu korretti. Il‑Kummissjoni b’hekk tipprova taħbi l-fatt li l-prezzijiet indikati fid‑dokumenti prodotti minnha ma kinux jirriflettu prezzijiet reali.

327    Il-Kummissjoni tikkonfuta din id-dikjarazzjoni u ssostni, minn naħa, li l-prezzijiet li jinsabu fil-messaġġ elettroniku kienu jirriflettu l‑prezzijiet reali u, min-naħa l-oħra, li d-diskussjonijiet ta’ prezzijiet kif riflessi fil-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 huma antikompetittivi anki fl-assenza ta’ qbil mal-prezzijiet reali li nkisbu wara.

328    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, anki jekk il‑prezzijiet reali ffatturati sussegwentement ma kinux jikkorrispondu mal-intenzjonijiet tal-prezzijiet skambjati bejn il-partijiet, dan ma jnaqqas xejn min-natura antikompetittiva tal-imsemmija skambji inkwantu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jkun kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew iħassar il-grad ta’ inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil‑konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi. Barra minn hekk, l-Artikolu 101 TFUE jfittex, abbażi ta’ regoli oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l‑interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punti 31, 35 u 38, u s-sentenza Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 545).

329    B’mod partikolari, il-fatt li prattika miftiehma ma għandhiex effett dirett fuq il-livell tal-prezzijiet ma jipprekludix milli jiġi kkonstatat li tkun illimitat il-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 140, u Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 546).

330    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prezzijiet effettivament ipprattikati fuq is-suq jistgħu jiġu influwenzati minn fatturi esterni, barra mill-kontroll tal-membri ta’ akkordju, bħall-iżvilupp tal‑ekonomija b’mod ġenerali, l-iżvilupp tad-domanda f’dan is-settur partikolari jew is-setgħa ta’ negozjar tal-klijenti (is-sentenza Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 547).

331    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kuntatti bejn Chiquita u Pacific li saru minn Frar sa April 2005. Għalhekk, il-konklużjoni tagħhom li, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 kien jirrifletti diskussjonijiet fuq il-prezzijiet bejn C1 u P1, dan il-messaġġ elettroniku kien biss prova indiretta ta’ ftit jew wisq erba’ kuntatti bejn dawn iż-żewġt irġiel fir-rigward tal-10, tat-13, tal-14 u tal-15-il ġimgħa tal‑2005, għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 fuq il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57

332    Ir-rikorrenti jsostnu li l-interpretazzjoni tagħhom dwar il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 taqbel perfettament mal-interpretazzjoni mogħtija minn Chiquita u minn C1, u jiċċitaw dikjarazzjonijiet differenti ta’ dan tal-aħħar f’dan ir-rigward.

333    Mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-estratti kollha ċċitati mir‑rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi nnotat, kif diġà ġie osservat iktar ’il fuq (ara l-punt 315 hawn fuq), u suġġett għall-eżami sussegwenti tal‑argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 (ara l-punti 336 et seq iktar ’il quddiem), li l-għan tad‑dikjarazzjonijiet inkwistjoni kien sabiex tiġi kkonfutata l-akkuża tal‑Kummissjoni li Chiquita kienet kompliet tikkommetti l-ksur wara t‑8 ta’ April 2005, data tat-talba tagħha ta’ immunità, fatt li kien ipprovat bil-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57. Għaldaqstant ma huwiex sorprendenti li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 dwar dan is-suġġett jipprovaw isostnu li l-messaġġ elettroniku ma jurix skambju ta’ informazzjoni antikompetittiva li seħħ wara t-8 ta’ April 2005.

334    Għall-kuntrarju, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, Chiquita u C1 ma jiddikjarawx li dan il-messaġġ elettroniku ma jirriflettix diskussjonijiet antikompetittivi li seħħew iktar kmieni, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mix-xhieda ta’ C1 li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ Chiquita tat-13 ta’ Ottubru 2009.

335    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li jsostni li d‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita jikkonfermaw l-interpretazzjoni tagħhom tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 għandu jiġi miċħud.

 Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1

336    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tinterpreta b’mod totalment żbaljat id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u speċjalment dawk ta’ C1. Skont ir-rikorrenti, dawn id-dikjarazzjonijiet jikkontradixxu espressament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u minflok jidhru konsistenti mal-ispjegazzjonijiet alternattivi mogħtija minn Pacific fir‑rigward tal-provi dokumentarji mressqa mill-Kummissjoni.

337    Il-Kummissjoni ssostni li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita huma konsistenti b’mod ġenerali mal-konstatazzjoni ta’ ksur u huma konformi mal-provi dokumentarji, anki jekk fihom xi partijiet difensivi.

–       Osservazzjonijiet preliminari

338    Għandu jitfakkar li, kif diġà ġie indikat fil-punt 182 hawn fuq, il‑prinċipju li jipprevalixxi fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal‑amministrazzjoni libera tal-provi u l-ebda dispożizzjoni jew l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tipprevalixxi ruħha, kontra impriża, minn dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra implikati.

339    Fir-rigward tal-grad ta’ kredibbiltà li jiġi attribwit lid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, bħala l-ewwel waħda li rrapportat l-akkordju, Chiquita setgħet raġonevolment tispera li tibbenefika mill-immunità sħiħa mill-multi prevista fil-punt 8 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li hija setgħet tħossha mġiegħla timmassimizza l-importanza tal-aġir illegali rrapportat, sabiex tikkawża ħsara lill-kompetituri tagħha fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, Ġabra p. II‑477, punt 64).

340    Madankollu, dan ma jfissirx li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita għandhom jitqiesu li huma nieqsa minn kull kredibbiltà. B’hekk, ġie deċiż li, anki jekk in-nuqqas ta’ ċertu fiduċja fir-rigward ta’ provi mogħtija volontarjament minn parteċipanti ewlenin f’akkordju illegali huwa mifhum, il-fatt li titlob sabiex tibbenefika mill-applikazzjoni tal‑Avviż dwar il-kooperazzjoni bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju implikat. Fil-fatt fid-dawl tal-loġika inerenti fil-proċedura prevista mill-Avviż dwar il‑kooperazzjoni, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal‑kooperazzjoni tal-impriża u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li din tibbenefika b’mod sħiħ minn din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-Qorti Ġenerali Siemens vs Il‑Kummissjoni, punt 339 iktar ’il fuq, punt 65, u tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, T‑208/06, Ġabra p. II‑7953, punt 53).

341    Minbarra dan, kif ġie indikat fil-punti 151 sa 153 hawn fuq, id‑dikjarazzjonijiet li jmorru kontra min jiddikjara, għandhom, bħala regola, jitqiesu li huma provi partikolarment dgħajfa u, għalkemm impriża li talbet sabiex tibbenefika minn immunità mill-multi tista’ tippreżenta l-iktar provi implikati possibbli, xorta jibqa’ l-fatt li tali impriża tibqa’ wkoll konxja mill-konsegwenzi negattivi potenzjali li tipproduċi provi ineżatti li b’mod partikolari tista’ twassal għat-telf tal‑immunità ladarba din tkun ingħatat, bir-riskju li d-dikjarazzjonijiet ineżatti jiġu identifikati u jwasslu għall-imsemmija konsegwenzi jiżdied bil-fatt li tali dikjarazzjonijiet għandhom jiġu kkorroborati permezz ta’ provi oħra. Bl-istess mod, dikjarazzjoni magħmula minn kumpannija li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ksur kommess minnha twassal għal riskji ġuridiċi u ekonomiċi kunsiderevoli, fosthom, b’mod partikolari, dik ta’ kawżi għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħhom, jista’ jiġi invokat il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet ksur fir-rigward ta’ din il-kumpannija.

342    Madankollu, sa fejn id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita huma kkontestati minn impriżi oħra li fil-konfront tagħhom ġie allegat li kkonkludew l‑arranġament komuni, huma għandhom jiġu sostnuti minn provi oħra sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-eżistenza u tal‑portata tal-arranġament komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑Qorti Ġenerali Siemens vs Il‑Kummissjoni, punt 339 iktar ’il fuq, punt 66; tas-16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il‑Kummissjoni, T‑235/07, Ġabra p. II‑3229, punt 79, u Polimeri Europa vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 54).

343    Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ C1, għandu jiġi enfasizzat minn naħa, li x-xhieda tiegħu ma tistax tiġi kklassifikata bħala differenti u indipendenti minn dik ta’ Chiquita, peress li mhux biss huwa ilu impjegat minn din il-kumpannija mill-1989, u għalhekk għal parti kbira mill-ħajja professjonali tiegħu, u kien għadu impjegat hemm matul il-fażi tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, iżda wkoll peress li huwa esprima ruħu, quddiem il-Kummissjoni, bħala mandatarju ta’ Chiquita fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex tinkiseb immunità mill-multi (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita essenzjalment kienu jikkonsistu f’sommarju ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn C1 matul intervisti u d-dikjarazzjonijiet diretti ta’ C1 ġew parzjalment assimilati ma’ dawk ta’ Chiquita mill-Kummissjoni. (premessi 97 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan isegwi li d‑dikjarazzjonijiet ta’ C1 ma jistgħux jitqiesu li huma prova oħra li ssostni d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 342 hawn fuq, iżda għandhom jitqiesu li jagħmlu parti minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siemens vs Il‑Kummissjoni, punt 339 iktar ’il fuq, punti 69 u 70).

344    Minn naħa l-oħra, għandu jitfakkar li xhieda stabbilita permezz ta’ xhud dirett taċ-ċirkustanzi li huwa rrelata dwarhom bħala regola għandha tiġi kklassifikata bħala prova b’valur probatorju għoli (is-sentenza Siemens vs Il‑Kummissjoni, punt 339 iktar ’il fuq, punt 75).

–       Id-deċiżjoni kkontestata

345    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, matul il-proċedura kollha, Chiquita għamlet diversi dikjarazzjonijiet fir-rigward tal‑kummerċ tal-banana fin-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri diversi dikjarazzjonijiet verbali magħmula minn Chiquita, risposta ta’ Chiquita għall-ittra dwar l-istatus tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u dikjarazzjonijiet magħmula waqt is-seduta. Minbarra dan, waqt intervista li saret mill‑uffiċjali tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 waqt l-ispezzjonijiet, C1 għamel dikjarazzjoni għan-nom ta’ Chiquita fil-kuntest tal-kooperazzjoni bis-saħħa tat-talba ta’ klemenza (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

346    Il-Kummissjoni tinnota li Chiquita indikat li, matul il-perijodu bejn it‑28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005 (data tat-talba tagħha fil-kuntest tal-Avviż fuq il-klemenza), hija kienet involuta fi ksur li kien jikkonsisti f’kuntatti illegali okkażjonali ma’ Pacific dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-tendenzi ta’ prezz għall-ġimgħa segwenti (premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata).

347    Skont il-Kummissjoni, Chiquita tispjega li, fil-kuntest ta’ diversi diskussjonijiet li saru bejn C1 ta’ Chiquita u P1 ta’ Pacific (li dakinhar kien [kunfidenzjali]), li essenzjalment kienu jirrigwardaw il-provvista tal-banana mill-Ekwador, miżuri ta’ tagħbija flimkien, ilmenti dwar is‑servizzi tal-port f’Salerno u l-likwidazzjoni tal-assoċjazzjoni kummerċjali ANIPO u l-bejgħ tal-banana fil-Portugall, fl-Italja, fil‑Greċja u f’pajjiżi oħra, ir-rappreżentanti ta’ Chiquita u Pacific iddiskutew ukoll u skambjaw l-opinjonijiet tagħhom dwar l-iżviluppi li kienu ser iseħħu fis-suq u l-intenzjonijiet tal-prezz, u l-intenzjonijiet tal‑prezzijiet kienu espressi bħala varjazzjonijiet fil-prezzijiet.

348    Il-Kummissjoni tindika li Chiquita tispjega wkoll li, minn żmien għall‑ieħor, il-partijiet skambjaw opinjonijiet dwar it-tendenzi ġenerali fis-suq u uħud minn dawn id-diskussjonijiet wasslu għal skambji iktar speċifiċi fuq it-tendenzi ta’ prezzijiet għall-ġimgħa segwenti. Chiquita ssostni li C1 ta’ Chiquita ma tax indikazzjoni ta’ prezz espressa jew miftuħa lil P1 ta’ Pacific, huwa kkomunika l-opinjoni tiegħu fuq it‑tendenzi ġenerali tas-suq permezz ta’ espressjonijiet bħal “is-suq huwa dgħajjef”, “ma hawnx wisq frott bħalissa”, “ma naħsibx li s-suq ser jaqa’” jew “ma hemmx raġuni għalija sabiex nibdel”. Skont is‑sottomissjoni ta’ Chiquita, dawn id-deskrizzjonijiet setgħu kienu madankollu faċilment interpretati minn kwalunkwe persuna familjari mal-industrija tal-banana bħala li jagħtu indikazzjoni speċifika ta’ prezz. Skont Chiquita peress li l-prezzijiet normalment ivarjaw b’EUR 0.50, indikazzjoni bħal dik mogħtija bl-espressjoni “is-suq huwa dgħajjef” tfisser li l-prezzijiet kienu ser jonqsu b’EUR 0.50; l-indikazzjoni mogħtija bl-espressjoni “ma hawnx wisq frott bħalissa” tfisser li l‑prezzijiet għandhom jiżdiedu b’EUR 0.50 u l-indikazzjoni mogħtija bl-espressjoni “ma hemmx raġuni għalija sabiex nibdel” tfisser li l‑prezzijiet ta’ Chiquita kienu ser jibqgħu l-istess. Fil-fatt, id‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita juru li l-intenzjonijiet ta’ prezzijiet kienu skambjati b’mod li ż-żewġ partijiet kienu jifhmu jekk il-prezzijiet tal‑ġimgħa segwenti kellhom jiżdiedu b’EUR 0.50, jonqsu b’EUR 0.50 jew jibqgħu l-istess (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

349    Finalment, il-Kummissjoni tinnota li, skont Chiquita, il-persuni li ħadu sehem dirett fil-kuntatti assoċjati mal-prezzijiet kienu C1 ta’ Chiquita u P1 ta’ Pacific, u C2 ta’ Chiquita ([kunfidenzjali]) ipparteċipa wkoll f’dawn il-kuntatti. Chiquita tispjega li, wara li ltaqgħu l-ewwel darba, fl‑24 ta’ Ġunju 2004, fl-okkażjoni ta’ laqgħa tal-assoċjazzjoni kummerċjali ANIPO, il-kollaboratur tagħha, C1 u P1 ta’ Pacific reġgħu ltaqgħu għal ikla ta’ nofsinhar fit-28 ta’ Lulju 2004, li fiha ħa sehem ukoll il-kollaboratur tagħha C2. Wara l-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, C1 ta’ Chiquita u P1 ta’ Pacific bdew iċemplu lil xulxin regolarment, b’kollox bejn 15 u 20 darba bejn Settembru 2004 u Ġunju 2006 bejn wieħed u ieħor. Chiquita tispjega li filwaqt li l-frekwenza tat-telefonati kienet tiddependi mill-kwistjonijiet li kellhom jiġu diskussi, it-telefonati kienu iktar frekwenti fl-aħħar tal-2004 u fil-bidu tal-2005, meta l-futur tal-assoċjazzjoni kummerċjali ANIPO kienet diskussa ħafna bejn il‑membri tagħha u meta P1, li kien persuna ġdida fis-suq, kien idur fuq C1 sabiex ikun jaf l-opinjonijiet tiegħu u jikseb indikazzjonijiet fuq it‑tendenzi tas-suq u l-kwistjonijiet relatati miegħu. Barra minn hekk, hija spjegat li, f’inqas minn nofs minn dawk il-15 sa 20 telefonata kien hemm diskussjonijiet ġenerali jew li jirrigwardaw it-tendenzi tal‑prezzijiet iktar speċifiċi, b’madwar ħames telefonati relatati mat‑tendenzi futuri tas-suq ta’ natura iktar ġenerali u ħamsa oħra inklużi “l-aspettattivi tal-prezzijiet iktar speċifiċi” ta’ C1 “permezz ta’ indikazzjonijiet tat-tendenza tas-suq” għall-ġimgħa segwenti. Barra minn hekk Chiquita indikat li dawn il-kuntatti seħħew qabel il‑komunikazzjoni regolari tal-prezzijiet fl-Italja minn negozjanti ta’ Chiquita t-Tnejn filgħodu. Skont Chiquita, it-telefonati li matulhom ġiet skambjata informazzjoni dwar it-tendenza tal-prezzijiet bejn Chiquita u Pacific waqfu mhux iktar tard minn meta Chiquita talbet l-immunità, fit‑8 ta’ April 2005 (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq l-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-valur probatorju tad‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1

350    Ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita jikkontradixxu espressament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u li din qed tinterpretahom b’mod żbaljat sabiex iġġibhom jikkorrispondu mal‑allegazzjonijiet tagħha, minkejja li dawn id-dikjarazzjonijiet jaqblu mal-ispjegazzjonijiet alternattivi mogħtija minn PFCI fir-rigward tan‑notamenti ta’ P1 tat-28 ta’ Lulju 2004 u tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57.

351    Skont ir-rikorrenti, l-allegazzjoni li Chiquita u PFCI kkonkludew flimkien ftehim antikompetittiv, li ġie implementat sussegwentement, ġiet espressament, espliċitament u mingħajr dubju kontradetta mid‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u fuq kollox ta’ C1, ix-xhud ewlieni f’din il-kawża. Peress li C1 huwa l-uniku persuna li għadha ħajja li ħadet sehem fl-allegati kuntatti antikompetittivi ma’ P1, l-opinjoni tiegħu u dak li jiftakar huma manifestament kruċjali għad-deċiżjoni ta’ din il-kawża u huwa bla dubju l-aħjar persuna li tista’ tinterpreta n‑notamenti tal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 u l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57. Għalhekk għandha tingħata importanza partikolari għall-fatt li huwa jikkontradixxi l‑interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn id‑dokumenti u li huwa konstatament innega li ddiskuta ma’ PFCI sabiex jikkoordina l-aġir fis-suq, u iktar minn hekk, li kkonkluda ftehim f’dan is-sens.

352    Il-Kummissjoni injorat totalment u warrbet id-dikjarazzjonijiet univoċi u li jiskaġunaw magħmula minn Chiquita u C1, li tikkostitwixxi problema fundamentali ta’ ekwità proċedurali. Ir-rikorrenti jsostnu li l‑Kummissjoni għandha tipproċedi b’investigazzjoni oġġettiva u li ma tistax tinjora l-provi li jiskaġunaw, b’mod partikolari meta l-imsemmija provi jikkontestaw espressament l-allegazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tikkomunika lil Pacific risposti ta’ klijenti għat-talbiet ta’ informazzjoni u torganizza intervista addizzjonali ma’ C1.

353    Filwaqt li jerġgħu lura xi ftit għan-natura kategorika tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti madankollu jammettu wkoll li huwa veru li jista’ jkun li Chiquita ma kkontestatx formalment il-konstatazzjoni ta’ ksur għall-perijodu qabel it-8 ta’ April 2005. Skont ir-rikorrenti, madankollu jidher ċar li, fil-mertu, Chiquita u C1 espliċitament ikkontradixxew l‑allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li Chiquita u PFCI kkonkludew akkordju istituzzjonalizzat sabiex jikkoordinaw il-prezzijiet tagħhom.

354    Qabel xejn, għandu jiġi nnotat li l-estratti rilevanti tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita (dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita tal-15 ta’ Frar 2008, tat-22 ta’ Mejju 2008, tal-5 ta’ Marzu 2009 u tat-13 ta’ Ottubru 2009) essenzjalment huma riproduzzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ C1 espressi matul l-intervisti magħmula mid-diretturi ta’ Chiquita jew l‑avukati tagħha (ara wkoll il-premessa 250 tad-deċiżjoni kkontestata). L-eżami ta’ din il-parti tat-tielet motiv jikkonsisti għalhekk essenzjalment fl‑analiżi tal-kontenut u tal-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ C1.

355    Imbagħad, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatti li jikkostitwixxu l‑allegat ksur kif dedotti mill-Kummissjoni mill-provi disponibbli (ara l‑punti 187 sa 189 hawn fuq) huma laqgħa bejn C1 u C2 ta’ Chiquita, u P1 ta’ PFCI, waqt ikla ta’ nofsinhar fit-28 ta’ Lulju 2004, li matulha l‑partijiet iddeċidew li jikkoordinaw minn dakinhar ’il quddiem l‑istrateġiji tagħhom ta’ prezz u li għalhekk kien il-punt ta’ tluq tal-ksur, u wara xi telefonati bejn C1 u P1 bejn Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005 li matulhom iż-żewġt irġiel ftiehmu fuq it-tendenzi tal-prezzijiet ta’ Chiquita u ta’ Pacific, biex b’hekk implementaw il-ftehim konkluż waqt l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 (premessi 102, 103, 121 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata). C1 huwa għalhekk wieħed miż-żewġ protagonisti tal-allegat akkordju, b’mod li d-dikjarazzjonijiet tiegħu huma provi importanti.

356    Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza (ara l-punti 342 u 343 hawn fuq), peress li huma kkontestati minn Pacific, id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 għandhom ikunu sostnuti minn provi oħra sabiex jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-eżistenza u tal-portata tal-ksur. Il‑Kummissjoni ssostni li dan huwa l-każ peress li, sabiex issostni l‑konstatazzjoni tagħha ta’ ksur, hija ma tistriħx biss fuq id‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1, iżda wkoll fuq dokumenti miksuba waqt spezzjonijiet li saru mill-Guardia di Finanza Taljana fil‑kuntest ta’ investigazzjoni nazzjonali, jiġifieri n-notamenti ta’ P1, u dokumenti oħra miksuba waqt l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni mit‑28 sat-30 ta’ Novembru 2007, jiġifieri b’mod partikolari messaġġ elettroniku mibgħut minn P1 lil P2 it-Tnejn fil-11 ta’ April 2005 fid‑9.57 u tabella mhux datata li nstabet fl-uffiċċju ta’ P2 (ara l‑punti 187 sa 189 hawn fuq).

357    Mill-argument tar-rikorrenti kif espress fl-osservazzjonijiet tagħhom, imqassra fil-punti 350 sa 353 hawn fuq u kkonfermati fis-seduta, jirriżulta li dawn ma jallegawx, per se, l-assenza ta’ provi oħra li jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1, iżda jsostnu li dawn id-dikjarazzjonijiet jikkontradixxu espliċitament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni minn provi oħra. Insostenn ta’ dan l-argument, ir‑rikorrenti jirreferu għal numru ta’ estratti mid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1.

358    Fis-seduta, ir-rikorrenti madankollu sostnew ukoll li d-dikjarazzjonijiet ta’ C1 dwar il-fatt li l-kuntatti tiegħu ma’ P1 kienu magħmula minn skambju ta’ tendenzi ġenerali fuq l-iżvilupp tas-suq ma humiex ikkorroborati minn provi oħra. Dan l-argument jorbot mal‑kontestazzjoni, mir-rikorrenti, tal-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet li, f’dan il-każ, il-ksur jista’ jiġi kklassifikat bħala uniku u kontinwu, u għalhekk għandu jiġi eżaminat f’dan il-qafas (ara l-punti 493 sa 497 iktar ’il quddiem).

359    Fil-preżent, għalhekk għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk id‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 jikkontradixxux il‑konklużjonijiet tal-Kummissjoni, qabel ma jiġu eżaminati, fit-tieni lok, l-estratti ċċitati mir-rikorrenti u qabel ma jiġu ttrattati, fit-tielet lok, l-ilmenti li l-Kummissjoni naqset milli tikkomunika ċerti dokumenti lil Pacific u torganizza intervista addizzjonali ma’ C1.

360    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li mill-qari tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 (dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita tal-15 ta’ Frar 2008, tat‑22 ta’ Mejju 2008, tal-5 ta’ Marzu 2009 u tat-13 ta’ Ottubru 2009) jirriżulta li, jekk dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom fuq ċerti punti natura difensiva fir-rigward tal-allegazzjonijiet magħmula mill‑Kummissjoni abbażi tal-provi kollha, huma bl-ebda mod ma jikkontradixxu “espressament, espliċitament u mingħajr dubju” il‑konklużjonijiet tal-Kummissjoni u ma jistgħu bl-ebda mod jikkostitwixxu “provi li jiskaġunaw”. Bl-istess mod, C1 ma “innegax” il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fid-dawl tal-provi dokumentarji miġbura minn din tal-aħħar.

361    Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni magħmula fil-premessa 98 tad‑deċiżjoni kkontestata, ikkontestata mir-rikorrenti, li fid‑dikjarazzjonijiet tagħha, “Chiquita indikat li matul il-perijodu bejn it‑28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005 […] hija kkommettiet ksur li kien jikkonsisti f’kuntatti illegali okkażjonali ma’ Pacific dwar l‑iskambju ta’ informazzjoni dwar it-tendenzi ta’ prezzijiet għall‑ġimgħa segwenti”, għalhekk korrettament tiġbor fil-qosor id‑dikjarazzjoni li saret minn C1 waqt l-ispezzjonijiet magħmula fl‑istabbilimenti ta’ Chiquita fit-28 u fid-29 ta’ Novembru 2007 u d‑dikjarazzjonijiet magħmula minn Chiquita matul l-investigazzjoni tal‑Kummissjoni li għalihom jirreferu l-partijiet.

362    Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet, għalkemm ma jikkonfutawx il‑konklużjonijiet magħmula mill-Kummissjoni bbażati fuq provi oħra, huma inqas espliċiti minn dawk il-konklużjonijiet, ħaġa li l‑Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod partikolari fil-premessi 104 u 121 tad-deċiżjoni kkontestata.

363    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni eżaminat l‑argument tar-rikorrenti li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita jikkontradixxu l-oġġezzjonijiet tagħha fil-premessi 158 et seq tad‑deċiżjoni kkontestata. B’hekk il-Kummissjoni sostniet li, minkejja li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita kien fihom xi partijiet difensivi, dawn id-dikjarazzjonijiet kienu konsistenti b’mod ġenerali mal-konstatazzjoni ta’ ksur u kienu konsistenti mal-provi dokumentarji (premessa 159 tad‑deċiżjoni kkontestata).

364    Il-Kummissjoni ssostni li l-intervista ma’ C1, li saret matul l‑ispezzjonijiet f’Novembru 2007, saret fi żmien meta C1 kien għadu jrid jipprepara linja ta’ difiża u li d-dikjarazzjonijiet li saru f’dan il‑kuntest huma għalhekk partikolarment kredibbli. Il-Kummissjoni ssostni li, jekk, f’xi okkażjonijiet, C1 seta’ wera retiċenza sabiex jiżvela li huwa kellu konoxxenza sħiħa tal-aġir ta’ akkordju, huwa xorta ammetta li ż-żewġ partijiet kienu pparteċipaw f’aġir kollużorju li b’mod ċar kien imur lil hinn minn konversazzjonijiet sempliċement koinċidentali dwar it-tagħbija u l-ispedizzjoni flimkien (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata).

365    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li, permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-17 ta’ April 2005 (mibgħut għaxart ijiem wara t-talba ta’ immunità tagħha), is-CEO ta’ Chiquita għall-Ewropa avża lill-membri tal-persunal tiegħu, inkluż lil C1, li l-impriża kienet ser tieħu passi dixxiplinari kontra dawk li jonqsu milli jindikaw, fi żmien 48 siegħa, li huma kienu jafu bl-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi mal‑kompetituri. Skont Chiquita, C1 ġie interrogat l-ewwel darba l‑għada tal-iskadenza ta’ dan it-terminu. Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li C1 ma semmiex il-kuntatti kollużivi ma’ Pacific fit-terminu mogħti ta’ 48 siegħa influwenza b’mod negattiv il-volontà tiegħu li jindika li kien jaf bil-kollużjoni mill-mument li fih bdew il-proċeduri, fl-2007, minħabba biża’ ta’ passi dixxiplinari (peress li huwa ma kienx irrapporta fl-2005 fit-terminu mogħti l-kuntatti li kienu seħħew ma’ Pacific dwar il-prezzijiet) (premessi 159 u 251 tad-deċiżjoni kkontestata).

366    Il-Kummissjoni tispjega wkoll li, fir-risposta li Chiquita tat għall-ittra lil-Kummissjoni dwar l-istatus tas-sitwazzjoni, Chiquita spjegat il-miżuri dixxiplinari li setgħu jaffaċċjaw l-impjegati tagħha f’każ ta’ ksur tal‑miżuri ta’ konformità li hija kienet imponiet (kemm jekk tkun każ ta’ kontinwazzjoni ta’ aġir illegali potenzjali, komunikazzjonijiet inadegwati mal-kompetituri jew l-għoti ta’ risposti inkompleti, qarrieqa jew foloz), li setgħu anki jwasslu għat-terminu tal-impjieg, u spjegat li, sa mill-2005, C1 kien ġie informat b’mod konsistenti dwar dawn il‑konsegwenzi. Il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl ta’ dan il-punt, in‑natura difensiva ta’ ċerti dikjarazzjonijiet li Chiquita għamlet diversi snin wara l-fatti inkwistjoni ma jistgħux jitfgħu dubju fuq il-valur probatorju ta’ informazzjoni preċiża u ddettaljata li tinsab fil-provi dokumentarji redatti minn Pacific fi żmien il-ksur, li ġew ukoll ikkorroborati bid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita (premessa 159 tad‑deċiżjoni kkontestata).

367    Ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-valur tad-dikjarazzjonijiet ta’ C1 huma inkoerenti u kontradittorji. Minn naħa, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ C1 huma partikolarment kredibbli, iżda, min-naħa l-oħra, hija tfittex sabiex tnaqqas l-importanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fir-rigward tan-natura tagħhom ta’ provi li jiskaġunaw. Il-konstatazzjoni tal‑Kummissjoni li d-dikjarazzjonijiet ta’ C1 għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu stess fil-ksur, b’mod li huwa kellu interess li jimminimizza l-kontenut antikompetittiv tal-kuntatti tiegħu ma’ P1, hija spekulattiva u bl-ebda mod marbuta mar-realtà. Għall‑kuntrarju, C1 ġie mhedded li l-kuntratt tiegħu jiġi tterminat u jinżamm responsabbli jekk ma jiżvelax kompletament il-fatti matul l‑intervisti. Barra minn hekk, peress li dawn id-dikjarazzjonijiet saru fi żmien meta Chiquita ħasbet li, minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni minn naħa tagħha, hija setgħet titlef l-immunità tagħha kemm fil-każ tat-Tramuntana tal‑Ewropa kif ukoll f’dan il-każ, Chiquita u l-impjegati tagħha ma kellhom l-ebda interess jaħbu xi att illegali, iżda għall-kuntrarju kellhom interess jagħtu kwantità eċċessiva ta’ informazzjoni.

368    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

369    Minn naħa, għandu jiġi nnotat li, għalkemm id-dikjarazzjonijiet ta’ C1 għandhom jiġu assimilati mad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, fis‑sens li dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jikkorroboraw lil xulxin bħala provi (ara l-punt 343 hawn fuq), xorta għandhom jiġu kkunsidrati xi differenzi meta jiġu evalwati l-motivi li fuqhom ikunu bbażati d‑dikjarazzjonijiet ta’ persuna li tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur u d-dikjarazzjonijiet ta’ impriża bħala persuna li titlob l-immunità.

370    B’hekk, kif wara kollox diġà rrikonoxxiet il-ġurisprudenza, individwu ma jistax, kuntrarjament għal impriża, ikollu interess personali li jimmassimizza l-aġir illegali tal-kompetituri ta’ din l-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siemens vs Il‑Kummissjoni, punt 339 iktar ’il fuq, punt 70), hemm lok li jiġi aċċettat li, li kieku huwa veru li Chiquita, bħala persuna li titlob l-immunità, ma kellhiex interess taħbi fatti li jikkostitwixxu l-ksur, huwa fuq kollox possibbli li C1, bħala individwu, ma kienx entużjast ħafna bl-idea li jkollu jammetti l-parteċipazzjoni personali tiegħu fil-ksur, b’mod partikolari għaliex huwa ma kienx indika l-ksur fit-terminu mogħti (ara l-punt 365 hawn fuq), u dan minkejja l-azzjonijiet ta’ Chiquita intiżi sabiex jinkoraġġuh jiżvela l‑aspetti kollha tal-kuntatti tiegħu ma’ P1. Fir-realtà, individwu jista’ jkollu ċertu retiċenza jammetti aġir li jista’ jitqies negattiv mill‑perspettiva professjonali, saħansitra personali, speċjalment f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ fejn individwu wieħed fi ħdan impriża huwa akkużat li pparteċipa fi ksur (ara f’dan ir-rigward id‑dikjarazzjoni ta’ C1 waqt is-seduta, fejn ammetta li kien “iddispjaċut” b’dak li kien ġara u li ma kienx jaġixxi b’dak il-mod li kieku kien jaf li kien qed iwettaq ksur tad-dritt Ewropew).

371    Barra minn hekk, kif korrettament tenfasizza l-Kummissjoni, fid-dawl tar-responsabbiltà personali potenzjali tiegħu pereżempju skont id-dritt ċivili nazzjonali, jew id-dritt kriminali, C1 kellu interess evidenti li jimminimizza l-grad antikompetittiv tal-kuntatti tiegħu ma’ P1.

372    Għalhekk, huwa totalment plawżibbli li C1 kien retiċenti sabiex jiżvela l-aspetti kollha tal-kuntatti tiegħu ma’ P1 u b’mod partikolari li jammetti n-natura kollużorja ta’ dawn il-kuntatti minkejja ċerta pressjoni magħmula minn Chiquita sabiex ma jaħbix informazzjoni.

373    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tiddikjara korrettament li d‑dikjarazzjonijiet ta’ C1 magħmula waqt spezzjonijiet tal-Kummissjoni f’Novembru 2007, fi żmien meta C1 kien għadu ma ppreparax linja ta’ difiża, huma partikolarment kredibbli. Barra minn hekk, mid‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 jirriżulta li, sabiex jinżamm ċertu element ta’ sorpriża, dan tal-aħħar ma ġiex avżat bl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 155 hawn fuq). Minkejja l-ispjegazzjonijiet tal-avukati ta’ Chiquita li saru matul l-ispezzjonijiet (ara wkoll il‑punt 155 hawn fuq), huwa għalhekk kredibbli li C1 ma kienx għad kellu l-ħin jipprepara linja ta’ difiża. Il-fatt li C1, minkejja l‑ispjegazzjonijiet addizzjonali mogħtija f’dikjarazzjonijiet sussegwenti, essenzjalment dejjem żamm ma’ dak li kien iddikjara f’dawn l-ewwel dikjarazzjonijiet (ara d-dikjarazzjoni ta’ Chiquita tal-5 ta’ Marzu 2009) jimmilita favur il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet kollha tiegħu.

374    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti u bla ħsara għall-eżami sussegwenti tal-estratti invokati mir-rikorrenti (ara l-punti 376 et seq iktar ’il quddiem) jirriżulta li b’mod ġenerali d-dikjarazzjonijiet ta’ C1 meħuda flimkien ma jikkontradixxux il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li din tat spjegazzjoni koerenti tan-natura difensiva ta’ dawn id‑dikjarazzjonijiet u li hija ma bbażatx ruħha biss fuq dawn id‑dikjarazzjonijiet sabiex tistabbilixxi l-ksur, iżda fuq serje ta’ provi li jinkludu b’mod partikolari provi dokumentarji (ara l-punti 187 sa 189 hawn fuq), b’tali mod li hija tista’ tinvoka dawn id-dikjarazzjonijiet sabiex tikkorrobora l-provi l-oħra (ara l-punt 342 hawn fuq), li madankollu ma jippreġudikax l-eżami ulterjuri tal-argument tar‑rikorrenti dwar in-natura kontinwa tal-ksur (ara l-punt 358 hawn fuq u l‑punti 475 et seq iktar ’il quddiem).

375    F’dan ir-rigward, huwa utili jitfakkar li diġà ġie deċiż li, filwaqt li n‑nuqqas ta’ ċarezza ta’ prova jnaqqas inkontestabbilment is-saħħa tagħha bħala prova, ma huwiex il-każ li din titwarrab fl-intier tagħha. Jeħtieġ li jitfakkar mill-ġdid li l-fatt li dokument ma jirreferix ħlief għal ċerti fatti msemmija fi provi oħra ma jwassalx għall‑konsegwenza li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tinvokah sabiex tikkorrobora provi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 263).

376    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jiċċitaw estratti differenti mid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom li dawn id‑dikjarazzjonijiet jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u li jaqblu, għall-kuntrarju, mal-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Pacific.

377    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjonijiet jindikaw diversi drabi li P1 u C1 iltaqgħu l-ewwel darba f’laqgħa tal‑ANIPO f’Ġunju 2004, li l-ikla ta’ nofsinhar tax-xogħol tat-28 ta’ Lulju 2004 kienet biss it-tieni laqgħa tagħhom u li, skont Chiquita, matul din l-ikla, huma ddiskutew “il-possibbiltà li Chiquita tixtri banana mingħand Noboa fl-Ekwador”. Dawn id-dikjarazzjonijiet qatt ma jsemmu d‑diskussjoni ta’ xi prezz matul din il-laqgħa, u wisq inqas li l-partijiet iltaqgħu sabiex jikkoordinaw l-aġir tagħhom dwar il-prezz.

378    Minn naħa, għandu jiġi nnotat li sabiex waslet għall‑konklużjonijiet tagħha dwar l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni ma bbażatax ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita, iżda fuq in-notamenti ta’ P1 (premessi 102 sa 120 tad‑deċiżjoni kkontestata), filwaqt li rrikonoxxiet li dawn il-provi dokumentarji kienu juru li kien hemm suġġetti oħra li ġew diskussi matul din l-ikla minbarra dawk imsemmija mill-partijiet (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn naħa l-oħra, il-fatt li C1 iddikjara li s‑suġġett diskuss f’din il-laqgħa kien il-possibbiltà li Chiquita tixtri l‑banana mingħand Noboa fl-Ekwador u li ma ddikjarax li kien iddiskuta prezzijiet jew li kien iltaqa’ sabiex jikkoordina l-aġir tiegħu fir-rigward ta’ prezzijiet ma’ P1 ma għandux jiġi interpretat bħala li qed jinnega l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. B’hekk, C1 la nnega li ddiskuta l-aġir tal-partijiet fir-rigward tal-prezzijiet u lanqas iddikjara li l-possibbiltà għal Chiquita li tixtri l-banana mingħand Noboa fl‑Ekwador kienet l-uniku suġġett diskuss matul l-ikla ta’ nofsinhar.

379    F’dan ir-rigward, barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni indikat fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata li l-konklużjoni milħuqa abbażi tan-notamenti ta’ P1 li, matul l-ikla ta’ nofsinhar tat‑28 ta’ Lulju 2004, il-partijiet kienu ftiehmu fuq pjan ta’ azzjoni sabiex iżommu kuntatt il-ġimgħa ta’ wara sabiex jiftiehmu dwar il‑prezzijiet tal-Portugall sabiex jaraw jekk għandhomx “jibqgħu” fl‑istess livell, jekk għandhomx “iżidu” jew jekk għandhomx “inaqqsu” hija koerenti mad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita tal-15 ta’ Frar 2008 u tat-22 ta’ Mejju 2008, li, wara l-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, C1 u P1 skambjaw minn żmien għall-ieħor tendenzi ta’ prezzijiet iktar speċifiċi għall-ġimgħa ta’ wara billi użaw termini li bihom iż-żewġ partijiet kienu jifhmu jekk il-prezzijiet kellhomx jiżdiedu, jonqsu jew jibqgħu fl‑istess livell. Il-Kummissjoni tirrimarka (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 171 tad-deċiżjoni kkontestata) li, fil-mument li fih hija tat l‑imsemmija dikjarazzjonijiet, Chiquita ma kinitx rat in-notamenti miktubin, peress li ngħatat aċċess għalihom fil-mument li fih ingħatat aċċess għall-fajl wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal‑Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 (ara l-punt 11 hawn fuq).

380    F’dan il-kuntest, huwa utli li jitfakkar li d-dikjarazzjonijiet li impriża li titlob immunità tagħmel qabel ma tkun taf xi provi għandha l‑Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha għandhom valur probatorju partikolarment għoli.

381    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk il-fatt li dikjarazzjoni tkun saret fi stadju ferm avvanzat tal-proċedura, b’mod partikolari fit‑tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma jippermettix, bħala tali, li tali dikjarazzjoni tiġi mċaħħda minn kull valur probatorju, din xorta għandha inqas valur probatorju milli kieku saret b’mod spontanju. B’mod partikolari, meta l-impriża li tressaq talba għal immunità tkun taf bil-provi li tkun ġabret il-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, il-loġika inerenti fil-proċedura prevista mill-Avviż dwar il‑kooperazzjoni, li kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il‑kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża (ara l-punt 340 hawn fuq), ma tkunx applikabbli bl-istess mod bħal meta tkun dikjarazzjoni spontanja, fejn l-impriża ma tkunx taf x’inhuma l-ilmenti mqajma mill‑Kummissjoni. Bl-istess mod, il-kunsiderazzjonijiet li d‑dikjarazzjonijiet abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni li jmorru kontra l-interessi ta’ min jagħmilhom għandhom, bħala regola, jitqiesu li huma provi partikolarment affidabbli (ara l-punt 341 hawn fuq), jistgħu ma jkunux għal kollox applikabbli fir-rigward tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ impriża li qed tressaq talba għal immunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, punt 340 iktar ’il fuq, punti 108 u 109).

382    It-tieni nett, ir-rikorrenti jfakkru li d-dikjarazzjonijiet jindikaw li, wara l-ikla ta’ nofsinhar tax-xogħol tat-28 ta’ Lulju 2004, C1 u P1 bdew iċemplu lil xulxin sporadikament bejn Settembru 2004 u Settembru 2006 u li s-suġġetti prinċipali diskussi matul dawn it‑telefonati kienu l-possibbiltà li jixtru l-banana mill-Ekwador, l‑arranġamenti ta’ tagħbija fi grupp, l-ilmenti dwar il-portijiet ta’ Salerno, il-futur tal-ANIPO u xi drabi l-bejgħ fit-Tramuntana tal-Italja. Madankollu, dan ma huwiex ikkontestat u lanqas jikkontradixxi l‑konklużjonijiet tal-Kummissjoni, peress li d-dikjarazzjonijiet juru wkoll li t-tendenzi ta’ żvilupp tas-suq u l-intenzjonijiet tal-prezzijiet kienu diskussi.

383    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti madankollu jsostnu li dawn id‑diskussjonijiet setgħu jkunu spjegati bil-fatt, ikkonfermat minn Chiquita, li P1 kien relattivament ġdid fis-suq tal-banana u interessat mill-esperjenza ta’ C1 u li dan it-tip ta’ diskussjonijiet ġenerali jikkorrispondu wkoll għal tip ta’ diskussjonijiet li kienu seħħew bejn l‑atturi differenti fil-kuntest tal-ANIPO, b’tali mod li ma jista’ bl-ebda mod jiġi konkluż minn dawn id-dikjarazzjonijiet li C1 u P1 implementaw xi ftehim ta’ koordinazzjoni ta’ prezzijiet.

384    L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni sabiex tikkonkludi li C1 u P1 implementaw ftehim ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet, iżda fuq il-provi kollha ċċitati fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessi 190 u 191 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, il-fatt li P1 kien interessat mill-esperjenza ta’ C1 la jtellef u lanqas jikkontradixxi l-konklużjoni li ż-żewġt irġiel skambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet matul il‑konversazzjonijiet bit-telefon tagħhom. It-tielet nett, mhux biss ir‑rikorrenti ma jsostnu bl-ebda mod l-allegazzjoni tagħhom li t-tip ta’ diskussjonijiet li saru bejn P1 u C1 jikkorrispondu għat-tip ta’ diskussjonijiet li normalment isiru fil-kuntest tal-ANIPO, iżda anki jekk dan ikun il-każ, dan ma jnaqqasx in-natura illeċita tal-iskambji fuq il‑prezzijiet bejn P1 u C1. Finalment, ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ma jindikawx li C1 mhux biss iddikjara li ddiskuta ma’ P1 tendenzi ġenerali tas-suq, iżda huwa spjega wkoll li minn żmien għall-ieħor kien iddiskuta tendenzi ta’ prezzijiet iktar speċifiċi għall-ġimgħa ta’ wara ma’ P1, bl-użu ta’ tali termini li ż-żewġ partijiet kienu jifhmu li l‑prezzijiet kellhom jiżdiedu, jonqsu jew jibqgħu fl-istess livell.

385    It-tielet nett, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li C1 ċertament indika li xi uħud mit-telefonati li saru bejnu u bejn P1 kienu waslu għal skambji iktar speċifiċi fuq it-tendenzi tal-prezzijiet għall-ġimgħa segwenti, iżda madankollu huwa speċifika li qatt ma kien ta indikazzjonijiet espliċiti jew bil-miftuħ fuq il-prezzijiet. Kien biss fuq pressjoni tal-Kummissjoni li Chiquita żiedet iktar tard li kwalunkwe persuna li taf is-settur tal-banana kienet tifhem b’mod ġenerali li dawn id-deskrizzjonijiet ġenerali kellhom sinjifikat preċiż fir-rigward tal‑prezz, peress li, f’suq fejn kien magħruf pubblikament li l-prezzijiet ivarjaw b’EUR 0.5, dawn id-deskrizzjonijiet ġenerali kienu jfissru rispettivament li l-prezzijiet kellhom jitbaxxew b’EUR 0.5, jiżdiedu b’EUR 0.5 jew jibqgħu l-istess.

386    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, qabel xejn, li l-argument li l‑Kummissjoni għamlet pressjoni mhux dovuta fuq Chiquita matul il‑proċedura amministrattiva diġà ġie miċħud fil-punti 106 sa 172 hawn fuq. Barra minn hekk, għalkemm id-dikjarazzjoni li kwalunkwe persuna li taf is-settur tal-banana setgħet tifhem l-indikazzjonijiet ġenerali ta’ C1 (dikjarazzjoni ta’ Chiquita tat-22 ta’ Mejju 2008) saret wara d‑dikjarazzjoni li fiha ġie ammess li dan tal-aħħar ta tali indikazzjonijiet ġenerali (dikjarazzjoni ta’ Chiquita tal-15 ta’ Frar 2008, iż-żewġ dikjarazzjonijiet saru qabel ma Chiquita ngħatat il-possibbiltà ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2009 (ara l-punt 11 hawn fuq) u għalhekk huma partikolarment kredibbli (ara l-punti 380 u 381 hawn fuq).

387    Imbagħad, sa mill-ewwel waħda miż-żewġ dikjarazzjonijiet inkwistjoni (dikjarazzjoni ta’ Chiquita tal-15 ta’ Frar 2008) ġie ammess li C1 seta’ ddeskriva t-tendenzi ġenerali tas-suq b’espressjonijiet bħal “is-suq huwa dgħajjef”, “ma hawnx wisq frott bħalissa”, “ma naħsibx li s-suq ser jaqa’” jew “ma hemmx raġuni għalija sabiex nibdel”. Tali kummenti jistgħu jinftiehmu bħala indikazzjonijiet fir-rigward ta’ varjazzjonijiet ta’ prezzijiet fil-futur, inkwantu l-espressjoni “is-suq huwa dgħajjef” tista’ tfisser tnaqqis tal-prezzijiet, l-espressjoni “ma hawnx wisq frott bħalissa” żieda fil-prezz u l-espressjoni “ma hemmx raġuni għalija sabiex nibdel” li l-prezzijiet ser jibqgħu l-istess. Għalhekk l-argument tar-rikorrenti li P1 ma kienx attur esperjenzat fis-settur tal-banana, b’mod li ma jistax jiġi preżunt li huwa fehem li dawn id-deskrizzjonijiet ġenerali kienu qed jirreferu għal varjazzjonijiet fil-prezzijiet, lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

388    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, kemm fil-pajjiżi produtturi kif ukoll f’dawk destinatarji tal-frott għall-finijiet ta’ konsum, l-importanza tal‑ħażniet fil-portijiet jew għand il-kumpanniji responsabbli mis-sajran, is-sitwazzjoni ta’ bejgħ fil-livell tal-kummerċ bl-imnut u għand il‑kumpanniji responsabbli għas-sajran tal-frott, l-eżistenza ta’ kampanji promozzjonali jikkostitwixxu evidentement fatturi importanti ħafna għad-determinazzjoni tal-livell tal-offerta meta mqabbla mad-domanda u r-riferiment li jsir lejhom matul diskussjonijiet bilaterali bejn operaturi avżati neċessarjament kien iwassal għal kondiviżjoni ta’ interpretazzjoni tas-suq u tal-iżvilupp tiegħu fir-rigward ta’ prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, T‑587/08, punt 360).

389    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-daqs eżatt tal-varjazzjonijiet tal-prezz, ir‑rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjoni ta’ Chiquita li fis-suq tal-banana kien magħruf pubblikament li l-prezzijiet ivarjaw b’EUR 0.5, b’mod li l-indikazzjonijiet ta’ C1 setgħu jinftiehmu bħala li l-prezzjiet kienu ser jitbaxxew jew jiżdiedu b’EUR 0.5 jew inkella jibqgħu l-istess, ma għandhiex tkun ibbażata fuq ir-realtà peress li analiżi tal-movimenti reali ta’ kull ġimgħa turi li l-prezzijiet ma żdidux jew tbaxxew biss b’EUR 0.5 u li ċertament ma kienet teżisti l-ebda tendenza li l-prezzijiet ivarjaw b’EUR 0.5. Ir-rikorrenti għalhekk isostnu li l-informazzjoni relatata mal-prezzijiet reali applikati minn PFCI u Chiquita juru, għall‑kuntrarju, li l-prezzijiet setgħu jiżdiedu b’EUR 1 jew EUR 2 jew jinżlu b’EUR 0.25 jew inqas u insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni jipproduċu tabella tal-prezzijiet ta’ Chiquita u ta’ Pacific.

390    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Kif korrettament tenfasizza l‑Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet ivarjawx eżattament b’EUR 0.5 ma hijiex rilevanti jekk il-partijiet skambjaw intenzjonijiet ta’ prezz għall-ġimgħa segwenti b’tali mod li kemm wieħed kif ukoll l‑ieħor kienu jafu jekk il-prezzijiet kinux ser jiżdiedu, jonqsu jew jibqgħu l-istess, peress li tali diskussjonijiet fuq it-tendenzi tal-prezzijiet inaqqsu l-inċertezza ta’ kull parti fir-rigward tal-aġir tagħha fis-suq.

391    Fil-fatt, l-iffissar ta’ prezz, anki sempliċement indikattiv, jaffettwa l‑kompetizzjoni minħabba l-fatt li jippermetti lill-parteċipanti kollha fl‑akkordju li jipprevedu b’ċertu livell ta’ ċertezza liema ser tkun il‑politika tal-prezz segwita mill-kompetituri tagħhom. Iktar ġeneralment, tali akkordji jinkludu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, billi jesprimu volontà komuni li japplikaw ċertu livell ta’ prezz għall-prodotti tagħhom, il-produtturi kkonċernati ma jiddeterminawx iktar b’mod awtonomu l-politika fis-suq tagħhom, u għalhekk jippreġudikaw il‑kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il‑kompetizzjoni (ara s-sentenza BPB vs Il‑Kummissjoni, punt 324 iktar ’il fuq, punt 310, u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-bqija, għandu jitfakkar li, bla ħsara għall-eżami tal-bqija tal-argument tar-rikorrenti, il-ftehim u l-prattiki miftiehma huma pprojbiti bl-Artikolu 101 TFUE, indipendentement minn kwalunkwe effett, meta huma għandhom għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 122 u 123).

392    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jfakkru, mingħajr iktar kummenti, estratti mid-dikjarazzjoni ta’ Chiquita tat-22 ta’ Mejju 2008 li tiġbor fil-qosor l‑ispjegazzjonijiet ta’ C1 dwar l-għan u n-numru ta’ telefonati bejnu u P1.

393    Inkwantu r-riferiment għal din id-dikjarazzjoni mir-rikorrenti fil-kuntest tal-argument tagħhom intiż sabiex juri li ma jista’ jiġi dedott l-ebda aġir antikompetittiv mid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita jista’ jinftiehem fis‑sens li r-rikorrenti jsostnu li, skont l-imsemmija dikjarazzjoni, kien hemm biss numru żgħir ta’ telefonati li kien fihom diskussjonijiet dwar il-prezz meta mqabbla mal-perijodu kopert, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li diġà ġie indikat fil-punti 362 sa 374 hawn fuq li l‑Kummissjoni rrikonoxxiet li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 huma inqas espliċiti mill-konklużjonijiet dedotti abbażi tal-provi kollha u li hija tat spjegazzjoni kredibbli tar-retiċenza ta’ C1 li jammetti l‑parteċipazzjoni tiegħu fl-allegat ksur, u li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkontestaw din l-ispjegazzjoni.

394    Il-ħames nett, fir-rigward tal-estratt tad-dikjarazzjoni ta’ C1 iċċitata mir-rikorrenti sabiex jiġi allegat li n-notamenti ta’ P1 fuq l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 għandhom jitqiesu li jirriflettu l-mod li bih huwa rrefera għal-laqgħa mal-kollegi tiegħu ta’ PFCI, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-imsemmija dikjarazzjoni jirriżulta li C1 ma kkontestax il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir‑rigward ta’ dawn in-notamenti, li huwa kkonferma li d-diskussjoni waqt l-ikla ta’ nofsinhar kienet tirrigwarda ċerti elementi msemmija fin‑notamenti, u li tirreferi, għall-kumplament, għall-konklużjonijiet hawn fuq fir-rigward tar-retiċenza ta’ C1 sabiex jiżvela kompletament l‑aġir antikompetittiv tiegħu (ara l-punti 362 sa 374 hawn fuq).

395    Is-sitt nett, ir-rikorrenti jiċċitaw b’mod parzjali u barra minn kuntest ċerti estratti tad-dikjarazzjoni ta’ Chiquita tat-13 ta’ Ottubru 2009 sabiex jissuġġerixxu li Chiquita ddikjarat li ma kellhiex konoxxenza ta’ xi prova ta’ aġir ta’ ksur waqt konversazzjonijiet telefoniċi bejn P1 u C1 u li dan tal-aħħar ikkonferma li kellu raġunijiet leġittimi sabiex jitkellem ma’ P1 u li ma jiftakar l-ebda diskussjoni dwar it-tendenzi tal‑prezzijiet fil-perijodu qrib id-data tal-messaġġ elettroniku mibgħut minn P1 lil P2 fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57. Ir-rikorrenti madankollu ma jsemmux li din id-dikjarazzjoni ta’ Chiquita hija risposta għall-ittra dwar l-istatus tas-sitwazzjoni dwar it-talba ta’ immunità tagħha, li fiha l‑Kummissjoni kienet indikat li, minħabba l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57, hija kellha raġunijiet sabiex tikkunsidra li Chiquita ma waqfitx l-aġir ta’ ksur tagħha fid-data tat‑talba ta’ immunità, jiġifieri fit-8 ta’ April 2005. L-estratti ċċitati mir‑rikorrenti fit-totalità tagħhom konsegwentement jindikaw biss li C1 ma kellu l-ebda skambju kollużiv ma’ P1 wara t-8 ta’ April 2005, fatt li barra minn hekk huwa kkorroborat mid-dikjarazzjoni ta’ Chiquita tal‑5 ta’ Marzu 2009.

396    Bl-istess mod, ir-rikorrenti jiżnaturaw estratti ta’ din l-aħħar dikjarazzjoni msemmija li C1 dejjem żamm il-verżjoni tiegħu tal-fatti u kkonferma li l-informazzjoni ta’ P1 setgħet ġiet minn sorsi oħra u li, matul l-intervista mal-impjegati kollha li kienu jaħdmu ma’ C1, kull persuna kienet għamlet dikjarazzjoni plawżibbli li tikkonferma li ma kienet saret l-ebda komunikazzjoni jew kooperazzjoni illegali bejn il‑kompetituri. Fil-fatt, dawn l-estratti huma bbażati fuq id‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita li l-ksur waqaf fit-8 ta’ April 2005 u li hija kienet diġà interrogat lil C1 u lill-kollaboraturi tiegħu ftit żmien wara t-8 ta’ April 2005 u, dak iż-żmien, ħadd ma ammetta li kienu saru kuntatti illegali bejn kompetituri fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Huwa stabbilit li C1 ammetta għall-ewwel darba waqt l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni f’Novembru 2007 li kien iddiskuta tendenzi tal-prezzijiet ma’ P1, wara li rrealizza li kienet ser issir investigazzjoni dwar in-Nofsinhar tal-Ewropa u meta ma kienx indika l-aġir antikompetittiv tiegħu fit-terminu mogħti għal dan il-għan lill-impjegati ta’ Chiquita mill-President-Direttur Ġenerali ta’ din tal-aħħar wara t-talba ta’ immunità tal-impriża fit-8 ta’ April 2005 (ara b’mod partikolari l-punt 365 hawn fuq). Dikjarazzjonijiet preċedenti ppreżentati qabel il-bidu tal-proċedura dwar in-Nofsinhar tal-Ewropa għalhekk ma għandhomx jiġu ppreżentati bħala li jikkontradixxu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’din il-proċedura.

397    Finalment, fuq l-istess linja, ir-rikorrenti jsostnu li C1 mhux biss ikkontesta l-interpretazzjoni tal-provi prodotti, imressqa mill‑Kummissjoni, meta kellu aċċess għalihom, iżda wkoll li l‑ispjegazzjonijiet tiegħu jaqblu mad-dikjarazzjonijiet preċedenti li saru qabel ma bdiet l-investigazzjoni fil-kawża inkwistjoni. Ir-rikorrenti jiċċitaw, f’dan ir-rigward, is-sottomissjonijiet magħmula minn Chiquita fil-Każ COMP/39188 – Banana, li fihom Chiquita indikat li “il‑prezzijiet għar-Renju Unit/Irlanda, għan-Nofsinhar tal-Ewropa u għal Franza ma kinux ikkomunikati lill-kompetituri”.

398    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fil-punt 159 hawn fuq diġà ġie nnotat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita li “il-prezzijiet għar-Renju Unit/Irlanda, għan-Nofsinhar tal-Ewropa u għal Franza ma kinux ikkomunikati lill-kompetituri” jiddeskrivu l-mod li bih Chiquita kienet tikkomunika, nhar ta’ Ħamis filgħodu, il-prezzijiet ta’ referenza tagħha lill-kompetituri tagħha u li l-każ dwar in-Nofsinhar tal-Ewropa ma jikkonċernax il-prezzijiet ta’ referenza, b’mod li d-dikjarazzjonijiet magħmula minn Chiquita relatati mat-Tramuntana tal-Ewropa ma għandhomx jikkontradixxu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’din il-kawża.

399    Fit-tielet lok, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tagħhom li l-Kummissjoni għandha twettaq investigazzjoni oġġettiva u ma għandhiex tinjora provi li jiskaġunaw, ir-rikorrenti jirrilevaw li, minkejja t-talba tagħhom għal aċċess għall-verżjoni redatta u mhux kunfidenzjali tar-risposti tal‑klijenti għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni, Pacific kisbet biss aċċess għas-sommarji ta’ dawn ir-risposti, ħaġa li telfitha milli jkollha aċċess għad-dettalji dwar informazzjoni li potenzjalment setgħet tiskaġuna mogħtija mill-klijenti.

400    Skont il-ġurisprudenza, l-aċċess għall-fajl fil-kawżi ta’ kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti li d-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal-provi li jkun hemm fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli, abbażi ta’ dawn il-provi, fuq il-konklużjonijiet li l‑Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn id-dokumenti. L-aċċess għall‑fajl jifforma parti mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u sabiex jiżguraw b’mod partikolari l‑eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, punt 68, u s-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

401    Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li tagħmel aċċessibbli għall-impriżi involuti fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) KE d-dokumenti kollha li jinkulpaw jew li jiskaġunaw li hija tkun ġabret matul l-investigazzjoni, b’riżerva għas-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħrajn, dokumenti interni tal-istituzzjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, punt 68, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punt 34).

402    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna r‑risposti mogħtija minn terzi persuni għat-talbiet għall-informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, l-istess Kummissjoni hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju li impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti fis‑suq tadotta miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra l-kompetituri tagħha, il‑fornituri jew il-klijenti li jkunu kkollaboraw fl-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni. Quddiem dan ir-riskju, it-terzi persuni li, matul l-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, jibagħtulha dokumenti li huma jqisu li jistgħu jwasslu għar-ritaljazzjoni kontrihom, għandhom dritt li jippretendu li t-talba tagħhom għall-kunfidenzjalità tiġi rrispettata. (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata).

403    F’dan il-każ, fil-premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrispondiet għall-kritika magħmula minn Pacific fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kellha tikseb aċċess mhux biss għas-sommarji tar-risposti mogħtija mill-klijenti ta’ importaturi differenti tal-banana għat-talbiet ta’ informazzjoni magħmula mill‑Kummissjoni, fejn indikat li huwa leġittimu li jiġi rrifjutat l-aċċess għal ittri li joriġinaw mingħand il-klijenti tagħhom u klijenti ta’ fornituri oħra lil impriżi li għandhom l-potenzjal li jeżerċitaw pressjoni ekonomika u kummerċjali kunsiderevoli fuq il-kompetituri tagħhom jew fuq l-imsieħba kummerċjali tagħhom, klijenti jew fornituri. Peress li r-rikorrenti ma jipprovawx jikkontradixxu din l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li ma urewx li r-restrizzjoni fl-aċċess għal ċerti partijiet mill-fajl ma kienx leġittimu f’dan il-każ.

404    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni qatt ma approfittat mill-offerta li saritilha sabiex torganizza intervisti addizzjonali ma’ C1, ħaġa li effettwat b’mod negattiv l-kapaċità tagħha li tagħmel analiżi eżatta u korretta tal-fatti tal-kawża. B’hekk intervista addizzjonali kienet tippermetti lill-Kummissjoni tifhem jekk id-dikjarazzjonijiet kinux jirreferu għal “tendenza attenwanti” jew kinitx sempliċement fehmet u interpretat b’mod żbaljat l-unika frażi li fuqha kienet qed tistrieħ.

405    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fost il-garanziji pprovduti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, hemm b’mod partikolari l-obbligu fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u s-sentenza Bavaria vs Il‑Kummissjoni, punt 342 iktar ’il fuq, punt 222).

406    Imbagħad, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), jipprevedi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jkunu suġġett ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 “jistgħu jipproponu li l-Kummissjoni tisma’ persuni li jistgħu jikkorroboraw il‑fatti esposti fis-sottomissjoni tagħhom”. F’każ bħal dan, mill‑Artikolu 13 tar-Regolament Nru 773/2004 jirriżulta li l‑Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni raġonevoli sabiex tiddeċiedi dwar l-interess li jista’ jkollu s-smigħ ta’ persuni li x-xhieda tagħhom tista’ tkun importanti għall-investigazzjoni tal-każ. Fil-fatt, il‑garanzija tad-drittijiet tad-difiża ma tirrikjedix li l-Kummissjoni tisma’ xhieda indikati mill-partijiet ikkonċernati, meta hija tqis li l‑investigazzjoni tal-kawża kienet suffiċjenti (ara, b’analoġija, fir‑rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 383, u l-ġurisprudenza ċċitata).

407    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 250 u 251 tad‑deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda element favur id-dikjarazzjoni li kienet meħtieġa intervista oħra ma’ C1. Mhux biss ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkonfutaw b’mod konkret il-provi mressqa mill-Kummissjoni f’dan ir‑rigward, iżda barra minn hekk lanqas ipprovdew spjegazzjoni valida għaliex Pacific ma ħaditx l-opportunità li tinterroga hija stess lil C1 waqt is-seduta. Ir-riferiment tar-rikorrenti, waqt is-seduta għad‑deċiżjoni ta’ Chiquita li ma tikkummentax, fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2010, ħlief fuq il-perijodu ta’ wara t-8 ta’ April 2005, data tat‑talba tagħha ta’ immunità, f’dan ir-rigward ma hijiex konvinċenti. Għall-kuntrarju, Chiquita, saħansitra kkonfermat espliċitament li l‑offerta tagħha li tħalli lil C1 jiġi intervistat kienet għadha valida.

408    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li jikkritika lill-Kummissjoni li ma organizzatx intervista addizzjonali ma’ C1 għandu jiġi miċħud.

409    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-argument tar‑rikorrenti li jikkontesta l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 għandu jiġi miċħud u, għalhekk, l-ewwel parti tat‑tielet motiv kollha kemm hi.

2.     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-provi prodotti ma jsostnux il‑konstatazzjoni ta’ ksur

410    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma pprovatx la l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet u lanqas dik ta’ prattika miftiehma. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova li huma kienu involuti fi ftehim u/jew prattika miftiehma, it-tieni nett, hija ma stabbilixxietx li l-aġir tagħhom kellu għan jew effett antikompetittiv u, it-tielet nett, hija ma pprovatx li dan l-aġir jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu.

a)     Osservazzjonijiet preliminari

411    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 101 TFUE jipprojbixxi l-ftehim kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju, il‑limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni u tas-swieq u t-tqassim tas‑swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista.

412    Il-kunċett ta’ ftehim skont l-Artikolu 101 TFUE huwa riżultat tal‑espressjoni, mill-impriżi parteċipanti, tal-intenzjoni komuni li jaġixxu b’mod speċifiku (ara, b’analoġija, fir-rigward tal‑Artikolu 81(1) KE, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 130; ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 65(1) KE, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 262).

413    Il-kunċett ta’ ftehim skont l-Artikolu 101 (1) TFUE, kif interpretat mill‑ġurisprudenza, huwa marbut mal-eżistenza ta’ intenzjoni komuni bejn mill-inqas żewġ partijiet, tkun xi tkun il-forma, sakemm tkun l‑espressjoni fidila tal-intenzjoni tagħhom (is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il‑Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 69, u tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra p. II‑1769, punt 88).

414    Il-kunċett ta’ prattika miftiehma fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma twasslet sal-istadju li fih ftehim veru u proprju ġie konkluż, intenzjonalment tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 à 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 26; Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 63; Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 115, u Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, punt 158).

415    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti tad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-kompetizzjoni, li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jixtieq isegwi fis-suq intern (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 414 iktar ’il fuq, punt 173; Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 63; Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 116, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 106).

416    Għalkemm din l-eżiġenza ta’ awtonomija ma teskludix id-dritt tal‑operaturi ekonomiċi li jadattaw lilhom infushom b’mod inteliġenti għall-aġir osservat jew preċedut tal-kompetituri tagħhom, madankollu din tipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi b’mod li jiġi influwenzat l-aġir fuq is-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jinkixef ma’ tali kompetitur l-aġir li wieħed ikollu l-intenzjoni li jadotta fuq dan is-suq jew li jkollu l‑intenzjoni li jadotta fih, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l‑effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid‑dawl tan-natura tal-prodotti jew tal-prestazzjonijiet pprovduti, il‑kobor u n-numru tal-impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (sentenzi Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 414 iktar ’il fuq, punt 174; Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 117; Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, punt 160, u Corus UK vs Il‑Kummissjoni, punt 415 iktar ’il fuq, punt 107).

417    Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l‑impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja li għandhom jipproduċu l‑operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan japplika iktar u iktar meta l-ftehim ikun sar fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 121; Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, punti 161 sa 163, u T‑Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punt 51).

418    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-paragun bejn il-kunċett ta’ ftehim u dak ta’ prattika miftiehma juri li, mill-perspettiva suġġettiva, dawn jinkludu forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jistgħu jiġu distinti biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 131).

419    Għalhekk, għalkemm il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma għandhom elementi kostituttivi parzjalment differenti, huma ma humiex reċiprokament inkompatibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikkwalifika kull wieħed mill-aġir ikkonstatat bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma, iżda tista’ tikkwalifika ġustament uħud minn dan l-aġir, prinċipalment, bħala “ftehim” u aġir ieħor, sussidjarjament, bħala “prattiki miftiehma” (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 132, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 264).

420    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu, ladarba jkun jidher li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir‑restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, punt 261).

421    F’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li prattika miftiehma titqies li għandha għan antikompetittiv anki jekk din tal-aħħar ma jkollha l-ebda rabta diretta mal-prezzijiet għall-konsum, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal‑Artikolu 101 TFUE ma jippermettix li jitqiesu li huma pprojbiti biss il-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz imħallas mill-konsumatur finali. Għall-kuntrarju, mill-imsemmi Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv jekk tkun tikkonsisti fl-“iffissar dirett jew indirett tal‑prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

422    Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 101 TFUE jfittex, bħar-regoli l-oħra tal‑kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal‑eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma tistax tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta ta’ din mal-prezzijiet għall-konsum (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

423    Fir-rigward tad-delimitazzjoni bejn il-prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv u dawk li għandhom effett antikompetittiv, għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi, iżda alternattivi, sabiex jiġi evalwat jekk prattika hijiex ipprojbita skont l-Artikolu 101(1) KE. Skont ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337, 359), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata mill-użu tal-konġunzjoni “jew”, għandha twassal sabiex qabel kollox jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-prattika miftiehma, fid‑dawl tal-kuntest ekonomiku li fih għandha tiġi applikata. Madankollu, fl-ipoteżi fejn l-evalwazzjoni tal-klawżoli tal-prattika miftiehma ma turix livell suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal‑kompetizzjoni, ikollhom għalhekk jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex jiġi pprojbit, għandhom jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni ġiet jew imwaqqfa, jew ristretta jew distorta b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punt 15, u T‑Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punt 28).

424    Sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill‑Artikolu 101(1) TFUE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fis-suq meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fil‑kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496; Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 125, u Beef Industry Development Society u Barry Brothers, punt 423 iktar ’il fuq, punt 16). Id-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba l-effett” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni (sentenzi Beef Industry Development Society u Barry Brothers, punt 423 iktar ’il fuq, punt 17, u T‑Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punt 29).

425    Sabiex ikun hemm għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li l-prattika miftiehma tkun tista’ tipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, din għandha sempliċement tkun tista’, fid-dawl tal-kuntest speċifiku legali u ekonomiku, tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn tali effett jipproduċi ruħu realment hija importanti biss sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi u jiġu evalwati d-danni (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punt 31).

426    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni b’mod li jkun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara s‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

427    Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, minħabba n-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (ara s‑sentenza CB vs Il‑Kummissjoni, punt 426 iktar ’il fuq, punt 50, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

428    B’hekk, huwa preżunt li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall‑iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ jitqies li tant jista’ jkollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi, li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fuq is-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali aġir iwassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet, li tirriżulta fi tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (sentenza CB vs Il‑Kummissjoni, punt 426 iktar ’il fuq, punt 51).

429    Fl-ipoteżi fejn l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikun jaqbel, għall-kuntrarju, li jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex dan ikun ipprojbit, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li effettivament kien hemm jew prevenzjoni jew restrizzjoni jew inkella distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza CB vs Il‑Kummissjoni, punt 426 iktar ’il fuq, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

430    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal‑kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1)TFUE wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi effettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s-sentenza CB vs Il‑Kummissjoni, punt 426 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

431    Minbarra dan, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jipprojbixxi lill-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jikkunsidrawha (ara s-sentenza CB vs Il‑Kummissjoni, punt 426 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

432    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l‑argumenti tar-rikorrenti.

b)     Id-deċiżjoni kkontestata

433    Fil-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li l-fatti deskritti fil-Kapitolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni juru li d‑destinatarji tagħha kienu involuti f’attivitjiet ta’ kollużjoni li jikkonċernaw is-settur tal-banana fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikolari:

–        koordinazzjoni tal-istrateġiji ta’ prezz tagħhom f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri, il-livell ta’ prezzijiet, il-movimenti u/jew it‑tendenzi tal-prezzijiet;

–        skambji ta’ informazzjoni dwar l-aġir futur tas-suq f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet.

434    Il-Kummissjoni kompliet tindika li l-imsemmija fatti u l-imsemmi aġir jikkostitwixxu b’mod ċar akkordju fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE fis-sens li l-impriżi kkonċernati kienu espliċitament ftiehmu fuq ċertu aġir fis-suq, filwaqt li dawk l-attivitajiet ippreżentaw forma ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li permezz tagħha l-partijiet intenzjonalment issostitwixxew il-kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat li, anki jekk eventwalment ma jiġix muri li l-partijiet kienu espliċitament qablu fuq pjan komuni li kien jikkostitwixxi akkordju, l-aġir inkwistjoni jew partijiet minnu xorta kien jikkostitwixxi prattika miftiehma fis-sens tal‑Artikolu 101(1) TFUE (premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata).

435    Dejjem skont il-Kummissjoni, il-fatti deskritti fil-Kapitolu 4 tad‑deċiżjoni kkontestata juru li kienet seħħet kollużjoni bilaterali fuq ċertu perijodu b’mod sistematiku (jew tal-inqas regolari), u b’mod repetittiv, peress li l-arranġamenti bilaterali kienu seħħew skont mudell stabbilit li kien koerenti matul il-perijodu kkonċernat minkejja li l‑karatteristiċi u l-intensità tal-komunikazzjoni setgħu varjaw fiż-żmien (premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata).

436    Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li mhux talli ma kienx hemm indikazzjonijiet li l-impriżi kkonċernati ma kinux ħadu inkunsiderazzjoni informazzjoni skambjata fil-mument li ġie stabbilit l‑aġir tagħhom fis-suq, iżda iktar minn hekk, il-fatti deskritti fil‑Kapitolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata kienu juru li l-partijiet kienu kkunsidraw, tal-inqas parzjalment, informazzjoni skambjata fuq il‑prezzijiet u kienu aġixxew skont din l-informazzjoni. Għalhekk il‑Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordji bilaterali li saru bejn il-partijiet wasslu sabiex dawn il-komunikazzjonijiet influwenzaw l-aġir adottat mill-partijiet meta stabbilixxew il-prezzijiet tal-banana għall-Italja, għall‑Greċja u għall-Portugall (premessi 192 sa 194 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)     Fuq l-eżistenza ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma

437    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li huma kienu pparteċipaw f’akkordju jew fi prattika miftiehma u li hija kisret il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

438    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, biex turi akkordju bejn Chiquita u PFCI, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-partijiet esprimew il-volontà komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari u li, f’dan il-każ, l-ebda prova dokumentarja prodotta mill‑Kummissjoni ma tista’ ssostni l-konvinzjoni soda li dan huwa l‑każ. Min-notamenti relatati mal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 huwa possibbli li jiġi dedott biss li C1 u P1 kellhom diskussjonijiet leġittimi dwar b’mod partikolari l-futur tal-assoċjazzjoni professjonali ANIPO u dwar il-possibbiltà ta’ arranġamenti ta’ tagħbija u spedizzjoni flimkien u n-notamenti ta’ P1 kienu sempliċement ir‑riflessjonijiet personali tiegħu fuq il-kontenut ta’ din id-diskussjoni u mhux l-espressjoni ta’ volontà komuni ta’ Chiquita u tar-rikorrenti li jaġixxu b’mod antikompetittiv partikolari.

439    Skont ir-rikorrenti, hija biss l-espressjoni “it-tnejn qbilna li għandna nżommu l-istess prezzijiet”, li tinsab fil-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57, li tista’ possibbilment tiġi interpretata bħala l-espressjoni ta’ volontà komuni. Dan il-messaġġ elettroniku ma jurix b’mod suffiċjenti fid-dritt il-konklużjoni ta’ ftehim u, anki jekk ikun il-każ, jikkonċerna biss ġurnata waħda jew tal-inqas ġimgħa waħda, iżda bl-ebda mod ma jista’ jsostni l-allegazzjoni ta’ ftehim ta’ koordinazzjoni tariffarja matul perijodu ta’ tmien xhur u tnax-il jum. Il‑Kummissjoni b’hekk ma pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt li Chiquita u r-rikorrenti kkonkludew ftehim li jista’ jillimita l‑kompetizzjoni, u lanqas ipproduċiet provi suffiċjenti sabiex turi li tali ftehim ġie implementat bejn il-partijiet.

440    Qabel xejn, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti jirrepetu ċerti argumenti li diġà kienu kkonfutati waqt l-evalwazzjoni tal-provi prodotti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel parti kollha ta’ dan il‑motiv.

441    Imbagħad, kif il-Kummissjoni ġustament fakkret fil-premessa 177 tad‑deċiżjoni kkontestata, huwa kkunsidrat li hemm ftehim bejn kompetituri meta l-partijiet jaqblu fuq pjan komuni li jillimita jew jista’ jillimita l-awtonomija kummerċjali tagħhom billi jistabbilixxi l-linji ta’ azzjoni tagħhom jew astensjoni reċiproka fuq is-suq. Ma huwiex neċessarju li dan il-ftehim isir bil-miktub, ma hija meħtieġa l-ebda formalità u ma huwiex obbligatorju li jkunu previsti sanzjonijiet kuntrattwali jew miżuri ta’ eżekuzzjoni. Minbarra dan, il-ftehim jista’ jiġi espress jew jirriżulta impliċitament mill-aġir tal-partijiet.

442    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l‑espressjoni “it-tnejn qbilna li għandna nżommu l-istess prezzijiet”, li tinsab fil-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57, ma hijiex l-unika prova li turi espressjoni ta’ volontà komuni tal-partijiet. Fil-fatt, diversi punti oħra li jinsabu fin-notamenti ta’ P1 tat-28 ta’ Lulju 2004 (b’mod partikolari l-espressjonijiet “kooperazzjoni ta’ kull ġimgħa sabiex jinżammu l‑prezzijiet”, “Ftehim lokali” jew inkella “Pjan ta’ azzjoni 1.- Nitkellmu dwar il-Portugall il-ġimgħa d-dieħla: Deċiżjoni tal-2000 Deċiżjoni ta’ prezz: statu quo, żieda, tnaqqis. [P1]/[C1]”, ara l‑premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll fil-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 (fejn issemmew l‑espressjonijiet “it-tnejn qbilna li għandna nżommu l-istess prezzijiet” jew inkella “ċempel biex jitlob li niftehmu dwar l-istrateġija tagħna għall-ġimgħa d-dieħla u sabiex nipprovaw ma nibdlux”, ara l-punt 292 hawn fuq) juru li l-partijiet esprimew il-volontà komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari.

443    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-argument tar-rikorrenti sabiex isostnu li n-notamenti ta’ P1 u l-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 jirriflettu biss l-ideat personali ta’ P1 fuq id‑dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ C1 ġie miċħud fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv u li ġie kkonstatat li dawn id-dokumenti jirriflettu għall‑kuntrarju teħid ta’ deċiżjoni bilaterali bejn il-partijiet (ara b’mod partikolari l-punti 221 sa 223, 232 sa 235, 252, 255, 309 sa 311 u 317 hawn fuq).

444    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li huma kienu pparteċipaw fi prattika miftiehma.

445    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jfakkru li, sabiex jiġi stabbilit li Chiquita u Pacific ipparteċipaw fi prattika miftiehma, il-Kummissjoni għandha turi li l-partijiet ftiehmu, li l-azzjoni miftiehma ħolqot aġir ulterjuri fis-suq u li kien hemm rabta ta’ kawża u effett bejn it-tnejn. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza T-Mobile (punt 328 iktar ’il fuq, punti 60 sa 62), li madankollu ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, fejn il-Kummissjoni kellha tipprova li r-rikorrenti u Chiquita kellhom numru ta’ kuntatti frekwenti u li dawn il-laqgħat kienu jmorru lil hinn minn kuntatti professjonali perfettament leġittimi, ħaġa li ma rnexxilhiex tagħmel, b’mod partikolari, peress li ma kienet teżisti l‑ebda prova ta’ xi kuntatt bejn Chiquita u PFCI bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005 minbarra żewġ telefonati qsar ħafna.

446    Għandu jiġi rrilevat li, indipendentement mir-rilevanza tar-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ċerti deċiżjonijiet ġurisprudenzjali, hija l‑Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il‑Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, korrettament, li l-aġir tal-partijiet kien jikkostitwixxi prattika miftiehma li għandha l-għan jew l-effett li tillimita l-kompetizzjoni.

447    Qabel xejn, għandu jitfakkar li, fil-Kawża T-Mobile Netherlands et (punt 328 iktar ’il fuq), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm l-għan tal-prattika miftiehma kif ukoll iċ-ċirkustanzi proprji tas-suq li jispjegaw in-numru, il-frekwenza, u l-forma tal-laqgħat li bihom il‑kompetituri jidħlu f’kuntatt ma’ xulxin sabiex jaslu għal ftehim dwar l-aġir tagħhom fis-suq. Fil-fatt, jekk l-impriżi kkonċernati jistabbilixxu akkordju b’sistema kumplessa ta’ azzjonijiet miftiehma fir-rigward ta’ numru ta’ aspetti tal-aġir fis-suq tagħhom, jistgħu jkunu meħtieġa laqgħat regolari matul perijodu twil. Jekk, min-naħa l-oħra, bħal f’dan il-każ, il-prattika miftiehma hija speċifika u intiża sabiex tarmonizza biss l-aġir fis-suq fir-rigward ta’ parametru iżolat tal-kompetizzjoni, kuntatt ta’ darba jista’ jkun biżżejjed sabiex l-għan antikompetittiv imfittex mill-impriżi kkonċernati jintlaħaq (sentenza T-Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punt 60).

448    Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi indikat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li dak li huwa importanti ma kienx in-numru ta’ laqgħat bejn l-impriżi kkonċernati iżda l-kwistjoni dwar jekk il-kuntatt jew kuntatti li seħħ jew seħħew offrewx lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li jikkunsidraw l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni u biex jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad‑dannu tal-kompetizzjoni. Ladarba jista’ jiġi stabbilit li dawn l‑impriżi waslu għal prattika miftiehma u baqgħu attivi fuq dan is-suq, huwa ġġustifikat li jkun hemm ir-rekwiżit li dawn jipproduċu l-prova li dan il-ftehim ma kellux influwenza fuq l-aġir tagħhom fuq l-imsemmi suq (sentenza T-Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punt 60).

449    Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, din il-ġurisprudenza hija applikabbli f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni ġustament uriet li l-iskambji fuq il-prezzijiet futuri li seħħew bejn il-partijiet kienu ppermettew li dawn tal-aħħar jikkunsidraw l-informazzjoni skambjata sabiex jistabbilixxu l-aġir tagħhom fis-suq, li huwa pprovat, b’mod partikolari, bl-eżistenza ta’ tabella aġġornata b’mod regolari tal‑prezzijiet ta’ Chiquita li nstabet f’fajl fl-uffiċċju ta’ P2 ta’ Pacific (ara l-punti 290 sa 293 hawn fuq).

450    L-argument tar-rikorrenti li ma teżisti l-ebda prova ta’ xi kuntatt bejn Chiquita u PFCI bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005 għandu jiġi miċħud peress li dawn ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-provi li fuqhom bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex turi kuntatti bejn il-partijiet bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005, jiġifieri ż-żewġ notamenti ta’ Awwissu 2004, iż-żewġ kuntatti telefoniċi ta’ Jannar u ta’ April 2005, it-tabella bil-prezzijiet ta’ Chiquita mis-6 ġimgħa tal-2005 u l-messaġġ elettroniku bil-prezzijiet ta’ Chiquita mid-9 ġimgħa tal-2005, li nstabu f’fajl fl-uffiċċju ta’ P2 ta’ Pacific, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 (ara l-punti 265 sa 287, 288 sa 335 u 336 sa 409 hawn fuq).

451    Għalkemm l-argument tar-rikorrenti jista’ jkollu ċertu rilevanza fil‑kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu f’dan il‑każ, dan għandu jiġi miċħud fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma, peress li ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv li r-rikorrenti baqgħu ma rnexxilhomx jikkonfutaw is-serje ta’ provi konsistenti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni – jiġifieri n‑notament tal-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004, in-notamenti ta’ Awwissu 2004, ir-rekords tat-telefonati, il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57, it-tabella mhux datata u d‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita – sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ ftehim u/jew prattika miftiehma bejn il-partijiet. B’hekk, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-ksur jistax jiġi kklassifikat bħala uniku u kontinwu minħabba r-regolarità tal-kuntatti (ara f’dan ir-rigward il-punti 475 et seq iktar ’il quddiem), għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mill-Kummissjoni juru kuntatti bejn il‑partijiet li offrew il-possibbiltà li tiġi kkunsidrata l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jistabbilixxu l-aġir tagħha fis‑suq ikkonċernat u intenzjonalment issostitwixxew kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni. Dan huwa iktar applikabbli f’dan il-każ, fejn il-kollużjoni kkonċernat biss aspett wieħed tal-aġir tal-partijiet, jiġifieri l-prezz, b’tali mod li, fil-kuntest tas-sistema ta’ skambji stabbilita waqt l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004, kollużjoni sporadika dwar it-tendenzi tal-prezzijiet setgħet kienet biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan antikompetittiv imfittex.

452    It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, b’mod kontradittorju, fuq il-ġurisprudenza relatata mal-ksur kumpless sabiex tevita li jkollha tikklassifika l-ksur allegat bħala ftehim jew prattika miftiehma. Peress li din il-kawża tinvolvi biss żewġ impriżi, fosthom waħda żgħira, u peress li l-ksur allegat dam biss tmien xhur u tnax-il jum, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq din il-ġurisprudenza, iżda għandha tistabbilixxi b’mod eżatt kif u meta PFCI u Chiquita allegatament ikkonkludew ftehim jew ipparteċipaw fi prattiki miftiehma.

453    Dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li r-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni li bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il‑ġurisprudenza relatati mal-ksur kumpless (ara l-punti 418 u 419 hawn fuq) f’dan il-każ. Il-fatt li l-ksur inkwistjoni kien jinvolvi biss żewġ impriżi, fosthom waħda żgħira, u li dam biss tmien xhur u tnax-il jum ma jbiddel xejn mill-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikklassifika bħala ftehim jew prattika miftiehma kull aġir ikkonstatat, iżda tista’ korrettament tikklassifika uħud minn dan l-aġir bħala “ftehim” u oħrajn bħala “prattiki miftiehma”. F’dan ir-rigward, u peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti skont id-dritt li kien hemm kuntatti bejn il-partijiet, ma għandux jintalab, kif jissuġġerixxu r‑rikorrenti, li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bi preċiżjoni kull okkażjoni individwali li fiha l-partijiet ftiehmu.

454    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma pprovatx li huma pparteċipaw fi prattika miftiehma, peress li hija ma stabbilixxietx li kien hemm kollużjoni, u lanqas li tali kollużjoni kienet waslet għal aġir sussegwenti fis-suq. Il-preżunzjoni li impriża parti f’kollużjoni tikkunsidra l-informazzjoni skambjata waqt l-aġir sussegwenti tagħha tista’ tiġi kkonfutata jekk jiġi stabbilit li l-kollużjoni ma kellha assolutament l-ebda effett fuq l-aġir individwali tal-impriża fis-suq. Il‑prezzijiet tat-13 u tal-15-il ġimgħa fl-Italja, li fuqhom C1 u P1 allegatament ftiehmu, ma baqgħux l-istess u għalhekk ma segwewx l‑analiżi ta’ P1. Il-Kummissjoni lanqas ma rnexxielha tipprova li Chiquita u PFCI kienu stabbilixxew il-prezzijiet tagħhom b’mod koordinat matul il-ġimgħat l-oħra tat-tul tal-allegat ksur.

455    Għandu jiġi nnotat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l‑Kummissjoni uriet li kien hemm kollużjoni bejn il-partijiet u li l‑argument tar-rikorrenti ma huwiex tali li jikkonfuta l-preżunzjoni li dawn ikkunsidraw l-informazzjoni skambjata fl-aġir sussegwenti tagħhom fis-suq.

456    Għandu jitfakkar, kif diġà ġie nnotat fil-punti 328, 329 u 330 hawn fuq, anki jekk l-prezzijiet reali ffatturati sussegwentement ma kinux jikkorrispondu mal-intenzjonijiet tal-prezz skambjati mill-partijiet, il‑fatt li prattika miftiehma ma għandhiex effett dirett fuq il-livell tal‑prezzijiet ma jipprekludix milli jiġi kkonstatat li hija tkun illimitat il‑kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, punt 329 iktar ’il fuq, punt 140, u Dole Food et Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 546).

457    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prezzijiet effettivament ipprattikati fuq is-suq jistgħu jiġu influwenzati minn fatturi esterni, barra mill-kontroll tal-membri ta’ akkordju, bħall-iżvilupp tal‑ekonomija b’mod ġenerali, l-iżvilupp tad-domanda f’dan is-settur partikolari jew is-setgħa ta’ negozjar tal-klijenti (sentenza Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 547).

458    B’hekk, l-iffissar ta’ prezz, anki sempliċement indikattiv, jaffettwa l‑kompetizzjoni minħabba l-fatt li jippermetti lill-parteċipanti kollha fl‑akkordju li jipprevedu b’ċertu livell ta’ ċertezza liema ser tkun il‑politika tal-prezz segwita mill-kompetituri tagħhom. Iktar ġeneralment, tali akkordji jinkludu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, billi jesprimu volontà komuni li japplikaw ċertu livell ta’ prezz għall-prodotti tagħhom, il-produtturi kkonċernati ma jistabbilixxux iktar b’mod awtonomu l-politika fis-suq tagħhom, u għalhekk jippreġudikaw il‑kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il‑kompetizzjoni (ara s-sentenza BPB vs Il‑Kummissjoni, punt 324 iktar ’il fuq, punt 310, u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-bqija, għandu jitfakkar li, bla ħsara għall-eżami tal-kumplament tal-argument tar-rikorrenti, il‑ftehim u l-prattiki miftiehma huma pprojbiti bl-Artikolu 101(1) TFUE, irrispettivament minn kwalunkwe effett li jista’ jkollhom, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punti 122 u 123).

459    Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, bl-argument tagħhom li jsostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar kollużjoni ġew konstantement innegati minn Chiquita u minn C1, ir-rikorrenti jieqfu billi sempliċement jirrepetu argumenti diġà rrifjutati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv (ara l-punti 332 sa 409 hawn fuq).

460    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-fajl tal-Kummissjoni fih provi dokumentarji ċari ta’ diskussjonijiet speċifiċi fuq il-prezzijiet bejn il‑kompetituri li ma jinvolvux lil PFCI, li fil-konfront tagħhom il‑Kummissjoni ma għamlet l-ebda allegazzjoni ta’ aġir antikompetittiv, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni żgurat bl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

461    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw argument fuq il-fatt li ma ttiħdux proċeduri kontra impriżi oħra. Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ġabret biżżejjed provi li jiġġustifikaw proċeduri kontra r-rikorrenti. Anki jekk operaturi oħra kienu f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti u ma nfetħux proċeduri kontra tagħha, hija ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li operatur li kien f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti ma ġiex ikkunsidrat mill-Kummissjoni li kkommetta ksur ma għandux jippermetti li jiġi injorat ksur ikkonstatat kontra l-imsemmija rikorrenti, sa fejn dan ġie korrettament stabbilit (sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 146; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, KE KELIT vs Il‑Kummissjoni, T‑17/99, Ġabra p. II‑1647, punt 101, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, punt 397), anki jekk il-qorti ma hijiex adita bis-sitwazzjoni ta’ dan l-operatur l-ieħor (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

462    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex isostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li kienu pparteċipaw fi ftehim u/jew fi prattika miftiehma għandu jiġi miċħud.

d)     Fuq l-eżistenza ta’ għan jew ta’ effett antikompetittiv

463    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aġir tagħhom kellu għan jew effett antikompetittiv.

464    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-ftehim jew il-prattika miftiehma kellhom bħala għan jew effett li jostakolaw, jillimitaw jew jiżnaturaw il-kompetizzjoni. Mill-fatti u miċ-ċirkustanzi tal-ksur allegat huwa impossibbli li jiġi dedott li l-partijiet ikkonkludew arranġament orizzontali biex jistabbilixxu l-prezzijiet li għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni, b’tali mod li l-ksur allegat ma jistax jitqies li għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni.

465    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-aġir tal‑partijiet kellu l-għan li jistabbilixxi l-prezzijiet sabiex tikkonkludi li, f’dan il-każ, il-ksur kellu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni. Mill-fatti u miċ-ċirkustanzi tal-imsemmi ksur huwa impossibbli li jiġi dedott li l‑partijiet ikkonkludew arranġament orizzontali biex jistabbilixxu l‑prezzijiet, peress li l-aġir tagħhom jista’, l-iktar, jitqies li huwa skambju indipendenti ta’ informazzjoni vaga u sporadika li tirrigwarda biss it-tendenzi ġenerali tas-suq, u għalhekk ma jistax jitqies li huwa ksur minħabba l-għan.

466    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 411 sa 431 hawn fuq u tal-fatti eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv, jidher li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li l-aġir tal-partijiet kellu l-għan li jostakola, jillimita jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

467    B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li jirrepetu għal darb’oħra, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur, ċerti argumenti li diġà ġew ikkonfutati fil-kuntest tal-eżami tal-fatti tal-każ u tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, il-ksur inkwistjoni f’dan il-każ għandu jiġi kklassifikat bħala li jillimita l-kompetizzjoni minħabba l‑għan sa fejn, kif tikkonferma l-Kummissjoni fil-premessa 226 tad‑deċiżjoni kkontestata, dan l-aġir jippreżenta l-karatteristiċi ġenerali tal-ftehim orizzontali fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li l‑prezz huwa l-istrument prinċipali ta’ kompetizzjoni u, f’dan il-każ, il‑partijiet espliċitament ikkoordinaw il-movimenti ta’ prezz bil-għan aħħari li jonfħu l-prezzijiet għall-vantaġġ tagħhom.

468    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel eżempju ta’ akkordju mogħti mill-Artikolu 101(1)(a) TFUE, iddikjarat espressament inkompatibbli mas-suq intern huwa preċiżament dak li jikkonsisti f’“l‑iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju”. Il-prattika li kienet is-suġġett tal-akkordju hija għalhekk espressament ipprojbita bl‑Artikolu 101(1) TFUE, għaliex tinvolvi restrizzjonijiet intrinsiċi tal‑kompetizzjoni fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, punt 388 iktar ’il fuq, punt 768.

469    B’hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 426 sa 428 hawn fuq jirriżulta li t-tip ta’ koordinazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri l‑koordinazzjoni tal-prezzijiet, li tikkonsisti f’kuntatti bejn operaturi li għandhom l-għan li jorjentaw u għalhekk, finalment, li jonfħu l‑prezzijiet, juri livell suffiċjenti ta’ dannu lill-kompetizzjoni sabiex ikun ikkunsidrat li l-eżami tal-effetti tiegħu ma huwiex neċessarju, peress li akkordju fuq il-prezzijiet jista’ jitqies, minn natura tiegħu stess, li jikkawża dannu għall-funzjonament tajjeb tal‑kompetizzjoni.

470    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-aġir tagħhom ma jistax jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni kellha tipprova li kellu bħala effett ir-restrizzjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq, ħaġa li lanqas irnexxielha tagħmel.

471    Peress li dan l-argument jistrieħ fuq il-premessa żbaljata li l-aġir inkwistjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, għandu jiġi miċħud. Mit-test innifsu tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-ftehim bejn impriżi huma pprojbiti, indipendentement minn kwalunkwe effett, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv. Konsegwentement, ma huwiex rikjest li jiġu murija effetti antikompetittivi reali, fejn jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv tal-aġir inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra p.II‑793, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

472    Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, it‑teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa irrilevanti sakemm ikun jidher li għandu l-għan li jillimita, li jfixkel jew li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, hekk hija s‑sitwazzjoni, bħal f’dan il-każ, tal-ftehim li jinkludu restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet u bħat-tqassim tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125, punt 75).

473    Għalhekk, jidher li l-Kummissjoni kienet korretta meta indikat, fil‑punti 222 sa 234 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u li ma kienx meħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu.

474    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ għan jew ta’ effett antikompetittiv tal-aġir tagħhom għandu jiġi miċħud.

e)     Fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu

475    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt it-tul tal-ksur, għaliex ma urietx in-natura kontinwa tiegħu.

476    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il‑Kummissjoni għandha tinvoka, tal-inqas, provi li jirrigwardaw fatti suffiċjentement qrib fiż-żmien, b’tali mod li jkun raġonevolment possibbli li jiġi ammess li l-ksur seħħ b’mod mhux interrott bejn żewġ dati preċiżi, u l-kwistjoni dwar jekk il-perijodu bejn dawn iż-żewġ fatti huwiex twil biżżejjed sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-funzjonament tal-akkordju inkwistjoni.

477    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova li turi xi kuntatt bejn P1 u C1 matul it-tul kollu tal-ksur allegat, minbarra żewġ telefonati qosra ferm li saru wara l-20 ta’ Jannar 2005. Peress li n‑negozjati fuq il-prezzijiet fis-settur tal-banana jseħħu kull ġimgħa, din l-assenza tfisser li ma kien hemm l-ebda prova ta’ xi attività matul iktar minn tletin ċiklu ta’ negozjati. Konsegwentement, u peress li l‑Kummissjoni ċertament ma tistax tistabbilixxi l-iċken rabta bejn in‑notamenti tat-28 ta’ Lulju 2004 u l-messaġġ elettroniku mibgħut fil‑11 ta’ April 2005 fid-9.57, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-prattiki allegati jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu. Insostenn ta’ din id‑dikjarazzjoni, ir-rikorrenti jerġgħu jagħmlu riferiment mill-ġdid għad-dikjarazzjonijiet ta’ C1 li jinnegaw l-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni.

478    Hemm lok li jiġi rrilevat li ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata għar-raġuni li element jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom infushom u meħuda waħidhom, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta l-azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan globali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il‑Kummissjoni għandha d-dritt li timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l‑azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 81, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, punt 258; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 90).

479    Għandu jerġa’ jitfakkar li l-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew inkella f’aġir li jikkostitwixxi ksur individwali marbuta flimkien bl-istess għan (l-istess finalità tal-elementi kollha) u bl-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni) (sentenzi BPB vs Il‑Kummissjoni, punt 324 iktar ’il fuq, punt 257, u Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, punt 478 iktar ’il fuq, punt 89).

480    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jirrelata ruħu mal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftiehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, punti 696 sa 698; HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 406 iktar ’il fuq, punt 186, u BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punt 159).

481    F’dak li jirrigwarda l-ksur kontinwu, għandu jiġi nnotat li l-kunċett ta’ pjan sħiħ jippermetti lill-Kummissjoni li tippreżumi li t-twettiq ta’ ksur ma ġiex interrott anki jekk, għal ċertu perijodu, hija ma tiddisponix minn prova tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata f’dan il-ksur, sa fejn din ipparteċipat fil-ksur qabel u wara dan il-perijodu u sa fejn ma jeżistux provi jew indikazzjonijiet li l-ksur ġie interrott fejn jikkonċernaha. F’dan il-każ, hija tista’ timponi multa għall-perijodu kollu tal-ksur, inkluż il-perijodu li għalih hija ma għandhiex prova tal‑parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, punt 87).

482    Madankollu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżigi li, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament id-dewmien ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, għall-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur ma kienx interrott bejn żewġ dati preċiżi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79; tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 188; tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 114 u 153, u IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 413 iktar ’il fuq, punt 88).

483    Għalkemm il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwa ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt illi l-kwistjoni jekk l-imsemmi perijodu huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma għandhiex tiġi eżaminata fl-estratt. Għall-kuntrarju, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni (sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 413 iktar ’il fuq, punt 89).

484    Fl-aħħar nett, fejn jista’ jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur ġiet interrotta u li l-impriża pparteċipat fil-ksur qabel u wara din l-interruzzjoni, dan il-ksur jista’ jiġi kklassifikat b’mod repetut jekk — bħal fil-każ tal-ksur kontinwu (ara l-punt 479 iktar ’il fuq) — jeżisti għan uniku mħaddan minnha qabel u wara l-interruzzjoni, li jista’ jiġi dedott mill-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi implikati għan‑nom tal-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmija prattiki. Il-ksur huwa b’hekk uniku u repetut u jekk il-Kummissjoni tista’ timponi multa għall-perijodu tal-ksur, hija ma tistax tagħmel dan, min-naħa l-oħra, għall-perijodu li fih il-ksur ġie interrott (sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, punt 481 iktar ’il fuq, punt 88).

485    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġir adottat mill-partijiet jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l‑ftehim u/jew il-prattiki miftiehma fformaw parti minn sistema globali sabiex jistabbilixxu l-linji tal-azzjonijiet tagħhom fis-suq u jillimitaw l‑aġir kummerċjali individwali tagħhom bil-ħsieb li jsegwu għan antikompetittiv identiku u għan ekonomiku uniku, jiġifieri jillimitaw jew joħolqu distorsjoni tal-moviment normali tal-prezzijiet fin-negozju tal-banana fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall u sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar dan is-suġġett (premessi 209 sa 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

486    Minbarra dan, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 214 sa 221 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw in‑natura kontinwa tal-ksur ma jistgħux jiġu aċċettati peress li l‑konstatazzjoni li Pacific u Chiquita kienu involuti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u ta’ skambji ta’ informazzjoni fuq l-aġir futur li għandu jiġi adottat fis-suq fir-rigward tal-prezzijiet kienet ibbażata fuq dokumenti kontemporanji u d-dikjarazzjonijiet tal-impriża ta’ Chiquita eżaminati fil-Kapitolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

487    Fil-premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l‑bidu tal-ksur kienet il-laqgħa li saret bejn Pacific u Chiquita fit-28 ta’ Lulju 2004, li n-natura kollużiva tagħha hija pprovata min-notamenti ta’ P1, u li n-natura tas-sistema kollużorja implementata matul din il-laqgħa (b’mod partikolari sistema strutturata u regolari ta’ ffissar ta’ prezz li tkopri l-Greċja, l-Italja u l-Portugall) kif kien jirriżulta min-notamenti ta’ P1 kienet taqbel mal-aġir deskritt minn Chiquita fid-dikjarazzjonijiet tal-impriża.

488    Il-Kummissjoni kompliet, fil-premessa 217 tad-deċiżjoni kkontestata, billi nnotat li l-provi kontemporanji prodotti fil-fajl juru li, wara l‑laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, Chiquita u Pacific komplew bil-kuntatti kollużorji tagħhom, bl-ewwel kuntatt li seħħ fis-6 ta’ Awwissu 2004 u t‑tieni wieħed fil-11 ta’ Awwissu 2004, u li, waqt dawn il-kuntatti l‑partijiet kienu ddiskutew il-prezzijiet fil-Greċja u l-iżvilupp tas-suq fil‑Portugall. Minbarra dan, il-Kummissjoni indikat li n-natura u s‑sustanza ta’ dawn il-kuntatti kienu jaqblu mad-dikjarazzjonijiet tal‑impriża ta’ Chiquita u mad-dikjarazzjonijiet tagħha waqt is-seduta, b’mod partikolari matul il-perijodu wara l-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, li C1 u P1 kienu bdew iċemplu lil xulxin reċiprokament u kienu ddiskutew, fost affarijiet oħra, tendenzi ġenerali tas-suq kif ukoll tendenzi speċifiċi tal-prezzijiet u tal-intenzjonijiet ta’ prezz għall-ġimgħa ta’ wara, u li, skont Chiquita, it-telefonati bejn iż-żewġt irġiel kienu saru iktar frekwenti lejn l-aħħar tas-sena 2004 u l-bidu tas-sena 2005.

489    Il-Kummissjoni nnotat ukoll, fil-premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tkomplija tal-kuntatti bilaterali regolari li matulhom Pacific u Chiquita kienu kkoordinaw il-prezzijiet kienet, barra minn hekk, ikkonfermata mill-messaġġ elettroniku intern ta’ Pacific tal-11 ta’ April 2005 u t-tabella mhux datata intitolata “Prezzijiet ta’ Chiquita – 2005”, li t-tnejn kienu juru li dawn il-kuntatti kienu seħħew kważi kull ġimgħa bejn Frar u April 2005 (mis-6 ġimgħa 2005 sal-15-il ġimgħa 2005), u li t-tabella mhux datata intitolata “Prezzijiet ta’ Chiquita – 2005” kienet tindika b’mod partikolari li P1 ta’ Pacific kien jaġġorna kull ġimgħa t-tabella bil-prezzijiet ta’ Chiquita u jżid notamenti fuq il‑kontenut tad-diskussjonijiet tiegħu ma’ C1 ta’ Chiquita.

490    Finalment, il-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessi 219 sa 221 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, kuntrarjament għall-argumenti mressqa minn Pacific, il-provi kollha li fuqhom hija bbażat ruħha ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm lakuna ta’ seba’ xhur fil-provi, iżda pjuttost li kien stabbilit, fid-dawl tal-provi kollha kemm huma, li l‑aġir kollużiv li kien ipprovat bil-messaġġ elettroniku mibgħut fil‑11 ta’ April 2005 u t-tabella mhux datata intitolata “Prezzijiet ta’ Chiquita – 2005” kienu kontinwazzjoni ta’ sistema ta’ koordinazzjoni ta’ prezzijiet kif stabbilita matul il-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, ħaġa li kienet ikkonfermata wkoll minn Chiquita, li sostniet li, matul il-perijodu bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005, hija kienet ikkommettiet ksur billi żammet kuntatti illeċiti okkażjonali ma’ Pacific dwar l‑iskambju ta’ “informazzjoni dwar it-tendenzi ta’ prezzijiet” individwali ta’ kull parti għall-ġimgħa ta’ wara. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata, li minn dak li kienet għadha kemm ikkonstatat li l-kollużjoni bilaterali bejn Chiquita u Pacific saret b’mod regolari u repetittiv fuq ċertu perijodu u li l‑arranġamenti bilaterali kienu seħħew abbażi ta’ mudell stabbilit konsistenti fuq il-perijodu kkonċernat, anki jekk il-karatteristiċi u l‑intensità tal-komunikazzjonijiet setgħu varjaw fiż-żmien. Diversi kuntatti bilaterali bejn il-partijiet, li seħħew waqt il-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004 u warajha, servew sabiex jikkoordinaw l-aġir tal-partijiet fis‑suq u sabiex jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva, b’dawn l-azzjonijiet kollha jaqgħu fil-kuntest ta’ pjan globali, peress li seħħew sabiex jintlaħaq għan antikompetittiv uniku u komuni, jiġifieri r-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-moviment normali tal-prezzijiet fis‑settur tal-banana fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall u li jiġu skambjati informazzjoni fuq dan il-livell.

491    Fl-ewwel lok, minkejja li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fil-punt 65 tar-replika jistgħu jinftiehmu fis-sens ta’ kontestazzjoni tan-natura unika tal-ksur inkwistjoni fil-kawża, tali argument ma għandux jintlaqa’. Fil‑fatt jidher ċar, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 479, 480 u 484 hawn fuq kif ukoll mill-fatti eżaminati fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li l-aġir inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat bħala ksur uniku fid-dawl tal-fatt li d-diversi manifestazzjonijiet tal-ksur kellhom l‑istess għan u l-istess suġġetti. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ C1, iċċitata mir-rikorrenti, li huwa ma kienx konxju li qed jikser id-dritt tal-Unjoni waqt il-kuntatti tiegħu ma’ P1 ma tipprovax li l-partijiet ma kinux qablu fuq pjan komuni intiż sabiex jillimita l-kompetizzjoni sa fejn, kif korrettament tenfasizza l-Kummissjoni, l-għarfien tal-ksur tad‑dritt tal-Unjoni ma kinitx kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ pjan li jsegwi għan antikompetittiv komuni.

492    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda n-natura kontinwa tal-ksur, għandu jiġi nnotat li mill-eżami tal-provi fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il‑motiv, jirriżulta li r-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jsostnu li ma hemm l-ebda prova ta’ xi kuntatt bejn il-partijiet bejn Awwissu 2004 u April 2005, għalhekk matul perijodu ta’ iktar minn seba’ xhur, ħlief żewġ telefonati qosra ħafna. B’hekk, dawn il-provi juru li l-partijiet stabbilixxew sistema kollużorja waqt l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004 (ara n-notamenti ta’ P1 fuq l-ikla ta’ nofsinhar tat-28 ta’ Lulju 2004), li kkuntattjaw lil xulxin fis-6 u fil-11 ta’ Awwissu 2004 (ara ż-żewġ notamenti ta’ P1 ta’ Awwissu 2004) u li P1 ċempel lil C1 fl‑20 ta’ Jannar u fis-7 ta’ April 2005 (ara ż-żewġ telefonati ta’ P1 lil C1 fl-20 ta’ Jannar u fis-7 ta’ April 2005). Barra minn hekk, il-messaġġ elettroniku tal-11 ta’ April 2005 flimkien mat-tabella tal-prezzijiet ta’ Chiquita tad-9 sal-15-il ġimgħa tal-2005 u t-tabella mhux datata li nstabet f’fajl fl-uffiċċju ta’ P2 bil-prezzijiet ta’ Chiquita tas-6 sat-13-il ġimgħa tal-2005 juru kuntatti bejn il-partijiet mis-7 ta’ Frar 2005 (is‑6 ġimgħa/2005) sat-8 ta’ April 2005 (l-aħħar tal-14-il ġimgħa/2005). Fl-aħħar nett, mid-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita jirriżulta li, matul il‑perijodu bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005, hija kienet involuta fi ksur konsistenti f’kuntatti illeċiti okkażjonali ma’ Pacific fir-rigward ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq it-tendenzi ta’ prezz għall‑ġimgħa segwenti (dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita matul is-seduta), li, wara laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004, C1 ta’ Chiquita u P1 ta’ Pacific bdew iċemplu lil xulxin b’mod regolari, b’kollox madwar 15 u 20 darba bejn Settembru 2004 u Ġunju 2006 bejn wieħed u ieħor (dikjarazzjoni ta’ Chiquita tat-22 ta’ Mejju 2008), u li dawn it-telefonati saru iktar frekwenti lejn l-aħħar tas-sena 2004 u l-bidu tas-sena 2005 (dikjarazzjoni ta’ Chiquita tal-15 ta’ Frar 2008).

493    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li mill-provi kollha li għadhom kif issemmew jirriżulta li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi dokumentarji ta’ kuntatt bejn il-partijiet għall-perijodu mit-12 ta’ Awwissu 2004 sad-19 ta’ Jannar 2005. Fil-fatt, fid-dawl tal‑premessi tad-deċiżjoni kkontestata mqassra fil-punti 485 sa 490 hawn fuq kif ukoll fid-dawl tal-argumenti tal-Kummissjoni fir-risposta jidher li din ibbażat ruħha, sabiex tikkunsidra li l-ksur seħħ b’mod kontinwu matul dan il-perijodu, minn naħa, fuq is-serje ta’ provi kkunsidrati flimkien u, minn naħa l-oħra, fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita li jkopru l-perijodu kollu tal-ksur kif ikkonstatat mill-Kummissjoni.

494    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, jekk il-provi għandhom jiġu evalwati kollha kemm huma sabiex jiġi eżaminat jekk il‑Kummissjoni ssodisfatx l-oneru tal-prova skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 175 sa 185 hawn fuq sabiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza tal-ksur, l-eżami magħmul sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwa tiegħu ma huwiex intiż sabiex janalizza jekk is-serje ta’ provi kollha kemm huma jippermettux li raġonevolment jiġi ammess li l-ksur seħħ b’mod mhux interrott matul il-perijodu kkonċernat b’dawn il-provi, iżda jekk il-Kummissjoni pproduċietx provi li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’tali mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment aċċettat li l-ksur kompla b’mod mhux interrott bejn żewġ dati speċifiċi (sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 413 iktar ’il fuq, punti 88 sa 97).

495    Barra minn hekk, jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita jistgħu fil-fatt jitqiesu li huma provi li ġraw f’perijodu mhux kopert mill-provi dokumentarji li juru l-kuntatt bejn il-kompetituri, u jekk jirriżulta mill‑ġurisprudenza li d-dikjarazzjonijiet ta’ min jitlob l-immunità għandhom bħala regola valur probatorju qawwi (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 151 sa 153, 339 sa 341, 380 u 381 hawn fuq), jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li d-dikjarazzjonijiet tal-impriża għandhom jiġu sostnuti bi provi oħra jekk ikunu kkontestati minn impriżi li wkoll ġew ikkritikati li kkonkludew arranġament komuni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 342 hawn fuq).

496    Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni li “meta jiġu kkunsidrati l‑provi kollha kemm huma, huwa ċar li l-aġir kollużiv ipprovat permezz tal-messaġġ elettroniku tal-11 ta’ April 2005 u t-tabella mhux datata kienu kontinwazzjoni ta’ sistema ta’ koordinazzjoni kif stabbilita fil‑laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2004”, ma għandux jintlaqa’. Minn naħa, il-konstatazzjoni li ma jeżistux provi u lanqas indizji li jistgħu juru li l-ksur kien interrott f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti, ma għandhiex issir rilevanti qabel mal-Kummissjoni ma tkun issodisfat l‑oneru tal-prova tagħha, jiġifieri l-produzzjoni ta’ provi, relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 413 iktar ’il fuq, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju ma tistax tiġi dedotta minn spekulazzjoni li ssir abbażi ta’ elementi impreċiżi (ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il‑Kummissjoni, T‑68/09, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

497    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ provi li jikkorroboraw id‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u li juru kuntatt bejn Chiquita u Pacific matul perijodu ta’ madwar ħames xhur (mit-12 ta’ Awwissu 2004 sad‑19 ta’ Jannar 2005) fuq tul totali ta’ ksur ta’ ftit iktar minn tmien xhur għandu jitqies li jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur, iktar u iktar peress li, kif jiddikjaraw ir-rikorrenti mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni, in-negozjati tal-prezzijiet fis-suq tal‑banana jseħħu kull ġimgħa, ħaġa li hija kkonfermata barra minn hekk mit-tabelli tal-prezzijiet ta’ Chiquita mis-6 sat-13-il ġimgħa u mid‑9 sal‑15-il ġimgħa/2005 redatti minn P1, u li għalhekk ma hemmx prova espliċita ta’ kuntatt bejn Chiquita u Pacific għal madwar għoxrin ċiklu ta’ negozjati.

498    Fid-dawl tal-fatt illi r-rikorrenti reġgħu bdew u rrepetew, wara perijodu ta’ madwar ħames xhur, il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur li huma ma jikkontestawx li jirrigwarda l-istess akkordju bħal dak li fih huma kienu pparteċipaw qabel l-interruzzjoni, il-ksur għandu jiġi kklassifikat bħala uniku u repetittiv u għandu jiġi kkunsidrat li dam mit-28 ta’ Lulju 2004 sal-11 ta’ Awwissu 2004 u mill-20 ta’ Jannar 2005 sat-8 ta’ April 2005 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 413 iktar ’il fuq, punt 97, u Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, punt 481 iktar ’il fuq, punt 95).

499    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jintlaqa’ parzjalment inkwantu l-Kummissjoni kkommettiet żball meta kkonkludiet li l-ksur kompla b’mod kontinwu bejn it-12 ta’ Awwissu 2004 u d-19 ta’ Jannar 2005, u li l-kumplament tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

500    Bħala konklużjoni, hemm lok li tintlaqa’ parzjalment it-talba għall‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu, minn naħa, il-Kummissjoni kkonkludiet dwar, fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur bejn it-12 ta’ Awwissu 2004 u d-19 ta’ Jannar 2005 u, min-naħa l-oħra, inkwantu l‑Kummissjoni stabbilixxiet, fl-Artikolu 2, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti billi kkunsidrat it-tul tal-ksur oriġinarjament ikkonstatat. Il-konsegwenzi ta’ dan l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata ser ikunu eżaminati fil-punti 560 sa 564 iktar ’il quddiem.

II –  Fuq il-konklużjonijiet ippreżentati b’mod sussidjarju u intiżi għall‑kanċellament u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

501    Insostenn tal-konklużjonijiet tagħhom ippreżentati b’mod sussidjarju, ir‑rikorrenti jinvokaw motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(3) tar‑Regolament Nru 1/2003 u tal-Linji Gwida tal-2006, minħabba evalwazzjoni skorretta tal-gravità u tat-tul tal-ksur allegat kif ukoll taċ‑ċirkustanzi attenwanti, u tal-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

A –  Osservazzjonijiet preliminari

502    Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji Gwida tal-2006, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).

503    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, minkejja li ma ġietx stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jitqiesu b’mod obbligatorju (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 72, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 54).

504    Kif ġie espost fil-punt 26 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu stabbilit fil‑Linji Gwida tal-2006.

505    Għalkemm il-Linji Gwida tal-2006 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal‑prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l‑amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament (ara b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 70).

506    Filwaqt li tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u filwaqt li tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il‑Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata; u s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 71).

507    Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-2006 jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (ara, b’analoġija, is‑sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punti 211 u 213).

508    Il-Linji Gwida tal-2006 jistabbilixxu metodu ta’ kalkolu li fih żewġ stadji (punt 9 tal-Linji Gwida tal-2006) u jipprevedu, fl-ewwel stadju tal-kalkolu, l-iffissar mill-Kummissjoni ta’ ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati. Huma jinkludu, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“12. L-ammont bażiku għandu jiġi ffissat b’riferiment għall-valur tal‑bejgħ skont il-metodu li ġej.

[…]

13. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, mwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE. Il‑Kummissjoni għandha tuża b’mod partikolari l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur.

[…]

19. L-ammont bażiku tal-multa huwa relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur.

20. L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni.

21. Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %.

22. Sabiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq aggregat tal‑partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l‑implementazzjoni jew le tal-ksur.

23. Il-ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l‑limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l‑iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl-iskala.

24. Sabiex tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża għall-ksur, l-ammont determinat skont il-valur tal-bejgħ (are l-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq) għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur. Il-perijodi ta’ inqas minn semestru għandhom jingħaddu bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur, iżda ta’ inqas minn sena għandhom jingħaddu bħala sena sħiħa.

25. Barra minn hekk, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit‑Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi l-impriżi milli propju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

509    Il-Linji Gwida tal-2006 jipprevedu, bħala t-tieni stadju tal-kalkolu, li l‑Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammont bażiku, ’il fuq jew ’l isfel, abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti (punti 11 u 27 tal-Linji Gwida tal-2006).

510    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 29 tal-Linji Gwida jipprevedi li ġej:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jonqos meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħal:

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija temmet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan mhux applikabbli għal ftehim jew prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari l-krietel);

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza;

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa u konsegwentement turi li, fil-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament qagħdet lura milli tapplikah billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-impriżi l‑oħra ma għandux jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija riflessa diġà fl-ammont bażiku;

–        meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal‑Kummissjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-klemenza u lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tagħha li tikkoopera;

–        meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew imħajjar mill‑awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

511    Fl-aħħar nett, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑389/10 P, punt 472 iktar ’il fuq, punt 129) u KME et vs Il‑Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 102), hija l-qorti tal-Unjoni li għandha twettaq l-istħarriġ tal‑legalità impost fuqha abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni fl‑applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ iddettaljat kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt.

B –  Id-deċiżjoni kkontestata

512    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li, skont il-Linji Gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa huwa magħmul minn ammont li jista’ jitla’ sa 30 % tal-valur tal-bejgħ ta’ beni jew ta’ servizzi, relatat mal-ksur għal sena partikolari skont il-gravità tal-ksur u mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur, u minn ammont addizzjonali, ta’ bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ tal‑impriża indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Imbagħad, dan l-ammont bażiku jista’ jiżdied jew jonqos, għal kull impriża, jekk ikun hemm ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (premessi 313 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata).

513    Il-Kummissjoni mbagħad indikat li l-ammont bażiku tal-multa huwa normalment stabbilit b’riferiment għall-valur tal-bejgħ ta’ beni jew ta’ servizzi magħmula mill-impriża b’relazzjoni diretta mal-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Il-Kummissjoni madankollu rrimarkat li, f’dan il-każ, minħabba l-perijodu qasir tal-ksur, li kien ikopri sentejn, setgħet tidderoga minn dan il-prinċipju u tibbaża ruħha fuq stima tal-valur annwali tal-bejgħ ibbażata fuq il-valur reali tal-bejgħ magħmul mill‑impriżi fit-tmien xhur li damet il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur (premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata).

514    Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, f’dan il-każ, il-ksur kien jirrigwarda l‑banana (frott frisk), kemm dawk li għadhom mhux misjura (ħodor) kif ukoll dawk misjura (sofor), u li s-settur ġeografiku kkonċernat jikkorrispondi għat-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri l-Greċja, l‑Italja u l-Portugall (premessi 315 u 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

515    Il-Kummissjoni mbagħad indikat li l-grad ta’ gravità tal-ksur jiddetermina l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat sabiex tiġi kkalkolata l-multa u li, sabiex jiġi stabbilit il-proporzjon li għandu jiġi kkunsidrat, hija tikkunsidra numru ta’ fatturi bħan-natura tal-ksur, is‑sehem tas-suq aggregat tal-impriżi kollha kkonċernati, il-portata ġeografika u jekk il-ksur ġiex implementat jew le (premessa 320 tad‑deċiżjoni kkontestata).

516    Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal‑Artikolu 101 TFUE b’għan antikompetittiv uniku u komuni, jiġifieri r-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-moviment normali tal-prezzijiet fis‑suq tal-banana fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall u l-iskambju ta’ informazzjoni fuq dan il-livell, u l-ksur kien jikkonsisti fil‑koordinazzjoni tal-istrateġija tariffarja li tirrigwarda l-prezzijiet futuri kif ukoll fuq il-livelli, il-movimenti u/jew it-tendenzi ta’ prezz u l‑iskambju ta’ informazzjoni fuq l-aġir li għandu jiġi adottat fis-suq fil‑qasam tal-prezz, u b’hekk, min-natura tiegħu stess, kien fost wieħed mill-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni (premessi 321 u 325 tad-deċiżjoni kkontestata).

517    Imbagħad, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 326 sa 328 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, fl-2004, kien stmat li Chiquita u Pacific kellhom sehem mis-suq aggregat ta’ 50 % fl-Italja, 30 % fil-Portugall u 65-70 % fil-Greċja, filwaqt li fl-2005 dan is-sehem mis-suq kien stmat 50 % għall-Italja, 40 % għall-Portugall u 60 % għall-Greċja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-akkordju kien ikopri tliet Stati Membri, jiġifieri l-Greċja, l-Italja u l-Portugall, u li l-ftehim stabbiliti kienu ġew implementati.

518    Il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’dan il-każ, fid-dawl tal-kriterji eżaminati fil-premessi 321 sa 325 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑proporzjoni tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jiġi stabbilit bħala 15 % għall-impriżi kollha kkonċernati (premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata).

519    Dwar it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni indikat li hija ser tikkunsidra t-tul reali tal-parteċipazzjoni tal-impriżi fil-ksur, jiġifieri tmien xhur u tnax‑il jum, imqarreb għad-dritt, b’mod li l-kalkolu sar fuq tmien xhur, li jagħti koeffiċjent ta’ tul ta’ 0.66 (2/3 ta’ sena sħiħa) għal kull impriża kkonċernata (premessi 330 u 331 tad-deċiżjoni kkontestata).

520    F’dak li jirrigwarda l-ammont addizzjonali ta’ 15 sa 25 % tal-valur tal‑bejgħ inkluż fl-ammont bażiku minħabba l-effett dissważiv, il‑Kummissjoni kkonkludiet li għandu jiġi applikat ammont addizzjonali ta’ 15 % tal-valur annwali tal-bejgħ għall-impriżi kollha kkonċernati (premessi 332 u 333 tad-deċiżjoni kkontestata).

521    Finalment, fir-rigward tal-aġġustament tal-ammont bażiku, il‑Kummissjoni indikat li ma kienet ikkonstatata l-ebda ċirkustanza aggravanti. Dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni fakkret li, fil-kawża relatata mat-Tramuntana tal-Ewropa, kien applikat tnaqqis ta’ 60 % tal-ammont bażiku minħabba l-fatt li s-settur tal-banana kien sottomess għal sistema regolatorja partikolari u li t-tip ta’ koordinazzjoni stabbilita f’din il-kawża kienet tirrigwarda l-prezzijiet ta’ referenza. Peress li dawn l-elementi ma kinux preżenti f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li kien jaqbel li jiġi applikat tnaqqis ta’ 20 % lill-ammont bażiku għall-impriżi kollha kkonċernati. B’hekk, il-Kummissjoni indikat li, minkejja li s-sistema regolatorja hija applikabbli fiż-żmien tal-ksur fil-Każ COMP/39188 – Banana u f’din il-kawża kienu identiċi ħafna, f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet ma kienx jirrigwarda prezzijiet ta’ referenza, li ma kinux jeżistu fin-Nofsinhar tal-Ewropea, u li kienu jeżistu wkoll provi li l-kollużjoni kienet inkludiet ukoll prezzijiet li kienu fil-livell tal-prezzijiet reali (premessi 336 sa 340 tad-deċiżjoni kkontestata).

C –  Fuq il-gravità tal-ksur

522    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni manifestament naqset milli tevalwa korrettament il-gravità tal-ksur allegat.

523    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li l-Kummissjoni ssostni li Pacific u Chiquita kienu pparteċipaw f’“akkordju istituzzjonalizzat u sistematiku ta’ iffissar ta’ prezzijiet”, minkejja li l-ksur allegat huwa ferm ’il bogħod minn akkordju kkaratterizzat minn iffissar tal-prezzijiet, peress li l-aġir tal-partijiet jista’, l-iktar, jitqies li huwa skambju indipendenti ta’ informazzjoni impreċiża u vaga li tirrigwarda biss it‑tendenzi ġenerali tas-suq u li seħħew b’mod sporadiku waqt kuntatti li kellhom motiv leġittimu. Konsegwentement, il-Kummissjoni manifestament naqset milli tevalwa korrettament il-gravità tal-ksur allegat peress li, min-natura tiegħu stess, dan ma seta’ bl-ebda mod jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

524    Dan l-argument ma għandux jintlaqa’ peress li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom sabiex jirrepetu l-kritika magħmula fil-kuntest tal‑konstatazzjoni tal-ksur. Fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv diġà ġie stabbilit li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta sostniet li huma pparteċipaw f’akkordju istituzzjonalizzat u sistematiku ta’ iffissar tal-prezzijiet u li l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan.

525    Peress li l-punt 23 tal-Linji Gwida tal-2006 jindika b’mod ċar li l‑proporzjon li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-ftehim orizzontali u l-prattiki miftiehma ta’ ffissar tal-prezzijiet jinsab ġeneralment “in-naħa ta’ fuq tal-iskala”, u li minn dan il-punt jirriżulta li, għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ir-rata għandha, tal-inqas, tkun ikbar minn 15 %, il-Kummissjoni għalhekk, f’dan il-każ, kienet korretta li timponi rata ta’ 15 %, li tirrappreżenta l-minimu tan-“naħa ta’ fuq tal‑iskala” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, T‑204/08 u T‑212/08, Ġabra p. II‑3569, punt 94; Ziegler vs Il‑Kummissjoni, T‑199/08, Ġabra p. II‑3507, punt 141, u Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni, T‑208/08 u T‑209/08, Ġabra p. 3639, punt 131). Fil-fatt huwa importanti li jiġi enfasizzat li, billi kkunsidrat ammont ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ tal‑partijiet, il-Kummissjoni applikat proporzjon inqas minn nofs ta’ dak li jista’ ġeneralment jiġi deċiż fi ftehim orizzontali jew prattiki miftiehma ta’ ffissar tal-prezzijiet, jiġifieri 30 % (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, punt 388 iktar ’il fuq, punt 776.

526    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-sehem tas-suq aggregat limitat u l‑portata ġeografika limitata ferm tal-ksur, li kienet tkopri biss tliet Stati Membri li jirrappreżentaw biss 15 % tas-suq Ewropew kollu tal-banana matul il-perijodu inkwistjoni, għandu wkoll jiġi kkunsidrat meta jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa.

527    Din it-talba għandha tiġi miċħuda.

528    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-proporzjoni tal-valur tal-bejgħ użat sabiex tiġi ffissata l-parti varjabbli tal-ammont bażiku skont il-punti 19 sa 24 tal-Linji Gwida tal-2006, jiġifieri, f’dan il-każ, 15 % (ara l-punt 518 hawn fuq), għandu jitfakkar li l-Linji Gwida tal-2006 jipprevedu espliċitament, fil-punt 20, li “l-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-2006 wasslu għal bidla fundamentali ta’ metodoloġija għall‑kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni fi tliet kategoriji (“ftit gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tħassret u ġiet introdotta skala li tmur minn 0 sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Skont il-punt 19 tal-Linji Gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal‑multa għandu jkun “relatat ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bħala regola ġenerali, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %” [traduzzjoni mhux uffiċjali] skont il-punt 21 tal-Linji Gwida tal‑2006 (sentenzi Ziegler vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 139, u Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 129).

529    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi, u b’hekk tiddetermina r‑rata preċiża, li tinsab bejn 0 u 30 %, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża. B’hekk, il-punt 22 tal-Linji Gwida tal-2006 jipprevedi li, “[s]abiex jiġi deċiż jekk il‑proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il‑Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, il-parti tas-suq aggregat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenzi Ziegler vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 140, u Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 130).

530    Din id-diffikultà sabiex jiġi ddeterminat perċentwali preċiż hija sa ċertu punt imnaqqsa fil-każ ta’ ftehim orizzontali u ta’ prattiki miftiehma sigrieti ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq fejn, skont il‑punt 23 tal-Linji Gwida tal-2006, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huwa ġeneralment miżmum fil-livell li jinsab “fin-naħa ta’ fuq tal-iskala”. Minn dan il-punt jirriżulta li, għar‑restrizzjonijiet l-iktar gravi, ir-rata għandha, tal-inqas, tkun superjuri għal 15 %. (sentenza Ziegler vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 141, u Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 131).

531    F’dan il-każ, mill-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r‑rata ta’ 15 % ġiet stabbilita abbażi biss tan-natura tal-ksur, filwaqt li l‑fatturi l-oħra msemmija fil-premessi 326 sa 328 tad-deċiżjoni kkontestata – jiġifieri s-sehem tas-suq aggregat tal-partijiet, il-portata ġeografika u l-implementazzjoni tal-ksur – ma kellhom l-ebda effett fuq il-perċentwali tal-gravità meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku.

532    Meta l-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tapplika rata li hija daqs jew kważi daqs ir-rata minima prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi jew ċirkustanzi addizzjonali. Dan japplika biss jekk tiġi applikata rata iktar għolja (sentenza Ziegler vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 142, u Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 132).

533    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat, bħal ma għamlet il-Kummissjoni, li l-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont bażiku tal-multa, jiġifieri l-bejgħ fil-Portugall, fl-Italja u fil-Greċja, jirrifletti diġà l-portata ġeografika limitata tal-akkordju.

534    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx li l-ksur allegat kellu xi effett fuq is-suq, u lanqas għamlet xi analiżi ta’ eventwali impatt konkret, minkejja li, f’din il-kawża, ċertament ma għandux jiġi preżunt li skambju ta’ informazzjoni li tirrigwarda t‑tendenzi ġenerali tas-suq bejn żewġ fornituri, fosthom wieħed żgħir, fuq suq regolat ferm u trasparenti, seta’ kellu xi effett fuq is-suq, u barra minn hekk, il-prezzijiet reali u l-movimenti ta’ prezz matul il-perijodu kkonċernat ma kinux jaqblu ma’ dawk li setgħu kienu mistennija li kieku l-akkordju ta’ ffissar ta’ prezzijiet kien ġie implementat.

535    Lanqas dan l-argument ma għandu jiġi milqugħ.

536    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-ewwel eżempju ta’ akkordju mogħti mill-Artikolu 101(1)(a) TFUE, iddikjarat espressament inkompatibbli mas-suq intern huwa preċiżament dak li jikkonsisti f’“l‑iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju”. Il-prattika li kienet is-suġġett tal-akkordju hija espressament ipprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE peress li din tinkludi restrizzjonijiet intrinsiċi għall-kompetizzjoni fis‑suq intern (sentenza Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, punt 388 iktar ’il fuq, punt 768).

537    L-Artikolu 101 TFUE jfittex, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal‑kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal‑għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma tistax tkun sekondarja għal dik ta’ rabta diretta tiegħu mal-prezzijiet għall-konsum (sentenza T-Mobile Netherlands et, punt 328 iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

538    Mis-sistema ta’ sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003 u interpretata mill‑ġurisprudenza, jirriżulta li l-akkordji, bħalma huma l-kartelli, jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L‑effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, kriterju determinanti għad-determinazzjoni tat-tip ta’ multi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, C‑554/08 P, punt 44; sentenza Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, punt 388 iktar ’il fuq, punt 770).

539    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għal-Linji Gwida dwar il-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3), il‑Linji Gwida tal-2006 lanqas ma jsemmu n-neċessità, sabiex tiġi evalwata l-gravità, li tittieħed inkunsiderazzjoni “il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra”, u lanqas “l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel” (sentenzi Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni, punt 525 iktar ’il fuq, punt 128, u Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, punt 388 iktar ’il fuq, punt 772). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkunsidra l‑effett tal-ksur sabiex tistabbilixxi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-gravità skont il-punti 19 sa 24 tal-Linji Gwida tal-2006.

540    Mill-argument tar-rikorrenti ma jirriżultax li qed jikkontestaw il-legalità tal-Linji Gwida tal-2006.

541    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq it-tul tal-ksur

542    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma analizzatx korrettament it-tul tal-ksur. Il-Kummissjoni fil-fatt ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid‑dritt li l-ksur kien beda fit-28 ta’ Lulju 2004 u dam sat-8 ta’ April 2005, b’mod li t-tul tal-ksur allegat għandu jitnaqqas għal ġimgħa biss, l-iktar.

543    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jirrepetu l-kritiki magħmula fil‑kuntest tal-konstatazzjoni tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, li diġà ġew eżaminati u miċħuda fil-kuntest tat-tielet motiv. Għall‑kuntrarju, hemm lok li jitfakkar li matul dan l-eżami ġie rrilevat li waqt l-imsemmi eżami l-Kummissjoni kienet kkommettiet żball meta kkonkludiet li l-ksur kien seħħ b’mod kontinwu bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005 (ara l-punti 497 u 499 hawn fuq). Għalhekk, għandu jiġi nnotat li huwa żbaljat li l-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tul tal-ksur kommess mir-rikorrenti kien ta’ tmien xhur u tnax-il jum. Peress li ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv (ara l-punt 498 hawn fuq) li l-ksur kien dam mit-28 ta’ Lulju 2004 sal-11 ta’ Awwissu 2004 u mill-20 ta’ Jannar 2005 sat-8 ta’ April 2005, hemm lok li jiġi konkluż li t-tul tal‑ksur kien ta’ tliet xhur u ħdax-il jum.

E –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

544    Ir-rikorrenti jfakkru li, fid-deċiżjoni adottata fil-Każ COMP/39188 – Banana, il-Kummissjoni kienet naqset l-ammont bażiku tal-multi b’60 % għall-partijiet kollha minħabba li s-settur tal-banana kien suġġett għal sistema regolatorja speċifika ħafna u li t-tip ta’ koordinazzjoni stabbilita permezz ta’ din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda l-prezzijiet ta’ offerta (premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata).

545    Filwaqt li huwa espressament rikonoxxut li s-sistema regolatorja applikabbli fil-mument tal-ksur li jirrigwarda d-deċiżjoni fil-Każ COMP/39188 – Banana u dak ta’ din il-kawża kienu jiffunzjonaw skont regoli li kienu fil-parti l-kbira tagħhom identiċi, il-Kummissjoni madankollu rrifjutat li tagħti l-istess tnaqqis bħal fil-Każ COMP/39188 – Banana f’din il-kawża għaliex it-tip ta’ prezz ta’ offerta stabbilit fil-Każ COMP/39188 – Banana ma kienx jeżisti fin-Nofsinhar tal-Ewropa u għaliex il‑ksur allegat fin-Nofsinhar tal-Ewropa kien jinvolvi koordinazzjoni tal‑prezzijiet li kienu fil-livell tal-prezzijiet reali, b’mod li l-ammont bażiku tal-multa tnaqqas biss b’20 % (premessi 338 u 339 tad-deċiżjoni kkontestata).

546    Skont ir-rikorrenti, PFCI u Chiquita ma kkonkludew l-ebda arranġament ta’ ffissar ta’ prezzijiet jew ta’ koordinazzjoni tariffarja u inqas u inqas kkoordinaw il-livell tal-prezzijiet reali, u l-iskambju sporadiku ferm ta’ informazzjoni vaga fuq it-tendenza tas-suq matul il-kuntatti li kellhom għan leġittimu kien potenzjalment ħafna inqas ta’ dannu mid‑diskussjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ offerta organizzati kull ġimgħa li kienu s-suġġett tal-Każ COMP/39188 – Banana. Konsegwentement, għandu jiġi applikat tnaqqis ta’ tal-inqas 60 % għal kull multa imposta fuq Pacific f’din il-kawża.

547    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

548    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie indikat fil-punt 510 hawn fuq, il-punt 29 tal-Linji Gwida tal-2006 jipprovdi aġġustament tal‑ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi attenwanti u jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jwasslu, taħt ċerti ċirkustanzi, għal tnaqqis tal-ammont bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra p. II‑7583, punti 279 u 280).

549    Fl-assenza ta’ indikazzjoni tan-natura obbligatorja fil-Linji Gwida tal‑2006 rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jitqies li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2011, Lucite International u Lucite International UK vs Il‑Kummissjoni, T‑216/06, punt 92).

550    Qabel xejn, għal darb’oħra għandha terġa’ tiġi skartata d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li PFCI u Chiquita ma kkonkludew l-ebda forma ta’ arranġament ta’ ffissar tal-prezzijiet jew ta’ koordinazzjoni tariffarja u lanqas ikkoordinaw l-livell tal-prezzijiet reali, peress li fil-kuntest tal‑eżami tat-tielet motiv ġie stabbilit li l-Kummissjoni korrettament ikkonstatat li l-partijiet ipparteċipaw f’akkordju istituzzjonalizzat u ġġeneralizzat li għandu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet, li jinkludi wkoll l-koordinazzjoni tal-prezzijiet li kienu fil-livell tal-prezzijiet reali.

551    Imbagħad, għandu jiġi nnotat, kif għamlet il-Kummissjoni, (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata), li t-tnaqqis mogħti fil-kawża relatat mat-Tramuntana tal-Ewropa kien iġġustifikat permezz ta’ fatturi li jsaħħu lil xulxin reċiprokament, jiġifieri l-eżistenza ta’ sistema regolatorja speċifika u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ riferiment biss, filwaqt li t‑tieni minn dawn il-fatturi ma kienx stabbilit fil-ksur ikkonstatat f’dan il-każ, b’mod illi din il-parti ta’ serje ta’ elementi li jsaħħu lil xulxin reċiprokament u li tiġġustifika tnaqqis ta’ 60 % fil-kawża relatata mat-Tramuntana tal‑Ewropa ma kinitx preżenti f’din il-kawża.

552    Finalment, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 205). Il‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi, u ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti għalhekk ma jistgħux jinvokaw il-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Unjoni (sentenzi Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 503 iktar ’il fuq, punt 82, u Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 123).

553    Din il-konklużjoni hija dovuta wkoll fir-rigward tal-pretensjoni ta’ tnaqqis tal-multa bbażata fuq l-għoti mill-Kummissjoni, f’deċiżjonijiet oħra, ta’ tnaqqis minħabba “ċirkustanzi eċċezzjonali”. Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tat, fil-prassi deċiżjonali tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir partikolari ma jimplikax li hija għandha l-obbligu li tagħti l‑istess tnaqqis proporzjonali meta tevalwa aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva oħra. Fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal‑multi, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha f’kull mument tgħolli l-livell ġenerali tal-multi, fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, punti 190 u 191).

554    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kritika tar-rikorrenti fir‑rigward tal-insuffiċjenza tat-tnaqqis mogħti minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti ma għandhiex tintlaqa’.

F –  Fuq ir-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni waqt il-kalkolu tal-multa

555    Ir-rikorrenti jsostnu li l-fajl tal-Kummissjoni fih provi dokumentarji ċari ta’ diskussjonijiet speċifiċi fuq il-prezzijiet bejn il-kompetituri li ma jinvolvux lil PFCI u f’dan ir-rigward jiċċitaw messaġġ elettroniku ta’ [kunfidenzjali] tat-2 ta’ Marzu 2005, li kien jaqra kif ġej: “Tkellimt ma’ [kunfidenzjali] li kkonferma li ser jipprovaw iżidu b’EUR 0.5, billi jilħqu 17.00 kullimkien”. Peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix multa fuq [kunfidenzjali] u fuq [kunfidenzjali] minkejja l-provi inklużi fil-fajl tagħha, il-fatt li timponi multa fuq PFCI jikkostitwixxi ksur evidenti tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni protett bl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

556    Dan l-argument ma għandux jintlaqa’ peress li r-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-fatt li impriżi oħra ma ġewx sanzjonati sabiex jevitaw is-sanzjoni li ġiet imposta fuqhom minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, filwaqt li l-qorti ma hijiex adita mis‑sitwazzjoni ta’ dawn l-impriżi l-oħra (ara s-sentenza Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, punt 461 iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

557    B’hekk, anki jekk jiġi preżunt li kien hemm operaturi li kienu f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti u li ma ttiħdux passi fil-konfront tagħhom, hija ġurisprudenza stabbilita li tali fatt ma jistax jippermetti li jiġi eskluż il-ksur li bih huma akkużati r-rikorrenti, jekk dan kien ġie stabbilit korrettament (sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 146; sentenzi KE KELIT vs Il‑Kummissjoni, punt 461 iktar ’il fuq, punt 101, u Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 461 iktar ’il fuq, punt 397).

558    Finalment, anki jekk l-Kummissjoni skorrettament naqset milli tissanzjona lil [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi irrikonċiljat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li permezz tiegħu ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità li kienet ġiet imwettqa favur xi ħadd ieħor (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; sentenzi tal-Qorti Ġenerali du 14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 160, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, u tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 367).

559    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il‑ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni waqt il-kalkolu tal-multa għandu jiġi miċħud, kif ukoll il-motiv kollu kemm hu.

III –  Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multa

560    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 314 tad‑deċiżjoni kkontestata indikat li l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi kkonċernati huwa stabbilit skont il‑valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, magħmul mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni kompliet billi indikat li, minkejja li hija normalment tuża l-bejgħ li jkun sar mill‑impriżi matul l-aħħar sena kompleta tal-ksur, għandu jkun hemm deroga minn dan il-prinċipju f’din il-kawża minħabba l-perijodu qasir tal-ksur, li kien ikopri sentejn. Għalhekk, il-Kummissjoni użat stima tal‑valur annwali tal-bejgħ, ibbażata fuq il-valur reali tal-bejgħ magħmul mill-impriżi matul it-tmien xhur ikkunsidrati bħala t-tul tal‑parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, jiġifieri minn Awwissu 2004 sa Marzu 2005, sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multi. F’dak li jirrigwarda lil Pacific, din l-istima tal-valur annwali kienet tikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 44 599 308 (premessa 318 tad‑deċiżjoni kkontestata).

561    Għandu jiġi kkonstatat li l-ksur uniku u repetut li bih huma akkużati r‑rikorrenti f’din il-kawża beda fit-28 ta’ Lulju 2004 u ntemm fit-8 ta’ April 2005. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-kalkolu tal-Kummissjoni kif spjegat fil-punt 560 hawn fuq u l-metodu użat sabiex tiġi stabbilita l-istima tal-valur annwali tal‑bejgħ ibbażata fuq il-valur reali tal-bejgħ magħmul matul bejn wieħed u ieħor tmien xhur mill-bidu tal-ksur uniku u repetut sa tmiemu, użat sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa.

562    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, bħall-Kummissjoni (premessa 313 tad‑deċiżjoni kkontestata) u skont dak li ġie spjegat fil-punt 508 hawn fuq, skont il-Linji Gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa jinkludi, għal kull parti, ħlas fiss u ammont varjabbli. Il-ħlas fiss jikkorrispondi għal proporzjon tal-valur tal-bejgħ magħmul, filwaqt li l-ammont varjabbli jikkorrispondi għal proporzjon tal-imsemmi valur tal-bejgħ immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur.

563    F’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-ħlas fiss bħala 15 % tal‑valur tal-bejgħ magħmul (premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dak li jirrigwarda l-ammont varjabbli, il-Kummissjoni stabbilixxiet il‑proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-ammont varjabbli ta’ 15 % (premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata) u sussegwentement indikat li, minflok ma’ tqarreb il‑perijodi kif issuġġeriet fil-punt 24 tal-Linji Gwida tal-2006, hija użat it-tul reali tal-parteċipazzjoni tal-impriżi kkonċernati fil-ksur, stabbilit pro rata fuq bażi mensili u mqarreb ’l isfel, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur (premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li f’dan il-każ, il‑perijodu użat mill-Kummissjoni kien ta’ tmien xhur u tnax-il jum, il‑kalkolu wassal għal tmien xhur, li jagħti koeffiċjent ta’ tul ta’ 0.66 (żewġ terzi ta’ sena sħiħa).

564    Peress li ġie kkonstatat fil-punti 498 u 543 hawn fuq li t-tul tal-ksur uniku u repetut inkwistjoni f’din il-kawża ma kienx ta’ tmien xhur u tnax-il jum, iżda ta’ tliet xhur u ħdax-il jum, il-koeffiċjent li għandu jiġi applikat skont it-tul tal-ksur ma huwiex ta’ 0.66 (żewġ terzi ta’ sena sħiħa), iżda ta’ 0.25 (kwart ta’ sena sħiħa). Għall-kuntrarju, il‑perċentwali tal-valur użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola ż-żewġ komponenti tal-ammont bażiku jibqa’ l-istess, jiġifieri 15 %. L-ammont bażiku tal-multa huwa għalhekk ikkalkolat kif ġej: il-parti varjabbli tal‑ammont bażiku tinħadem billi jiġi mmultiplikat 15 % tal-valur tal‑bejgħ (EUR 6 689 896.20) b’0.25 (EUR 1 672 474.05), filwaqt li l‑parti fissa tal-ammont bażiku (il-ħlas) tibqa’ l-istess bħal dik ikkalkolata mill-Kummissjoni, jiġifieri 15 % tal-valur tal-bejgħ (EUR 6 689 896.20), b’tali mod li l-ammont bażiku finali mqarreb jammonta għal EUR 8 362 000. Skont dak indikat fil-premessa 340 tad‑deċiżjoni kkontestata, dan l-ammont bażiku mbagħad għandu jitnaqqas b’20 % minħabba ċirkustanzi attenwanti u għalhekk għandu jitnaqqas għal EUR 6 689 600. Finalment, dan l-aħħar ammont għandu jitqarreb għal EUR 6 689 000.

 Fuq l-ispejjeż

565    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom.

566    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti kisbu annullament parzjali tad‑deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrenti u nofs l-ispejjeż tagħha stess. Fir-rigward tagħhom, ir-rikorrenti għandhom ibatu terz tal-ispejjeż tagħhom u nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 7273 finali, tat-12 ta’ Ottubru 2011, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 [TFUE] [Każ COMP/39482 – Frott eżotiku (banana)], huwa annullat sa fejn dan jirrigwarda l-perijodu mill-11 ta’ Awwissu 2004 sad-19 ta’ Jannar 2005, sa fejn jikkonċerna lil FSL Holdings, Firma Léon Van Parys u Pacific Fruit Company Italy SpA.

2)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2011) 7273 finali huwa annullat inkwantu jiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq FSL Holdings, Firma Léon Van Parys u Pacific Fruit Company Italy bħala EUR 8 919 000.

3)      L-ammont tal-multa imposta fuq FSL Holdings, Firma Léon Van Parys u Pacific Fruit Company Italy fl-Artikolu 2 tal‑imsemmija Deċiżjoni C (2011) 7273 finali huwa stabbilit bħala EUR 6 689 000.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      FSL Holdings, Firma Léon Van Parys u Pacific Fruit Company Italy huma kkundannati jħallsu terz tal-ispejjeż tagħhom stess u nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

6)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas nofs l-ispejjeż tagħha stess u żewġ terzi tal-ispejjeż ta’ FSL Holdings, Firma Léon Van Parys u Pacific Fruit Company Italy.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq it-talbiet imressqa prinċipalment u intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-użu bħala provi ta’ dokumenti trażmessi mill-awtoritŕ fiskali Taljana

a)  Fuq id-dokumenti kkontestati bħala provi inammissibbli

b)  Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti trażmessi mill-awtoritŕ fiskali Taljana bħala provi

c)  Fuq ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti mill-Kummissjoni

3.  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-użu ta’ dokumenti li joriġinaw minn fajls oħra

B –  Fuq il-motiv li jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ influwenza illegali fuq il-persuna li titlob l-immunitŕ u fuq użu ħażin ta’ poter

1.  Osservazzjonijiet preliminari

a)  Fuq il-programm ta’ klemenza

b)  Fuq il-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni

2.  Deċiżjoni kkontestata

3.  Fuq l-elementi invokati mir-rikorrenti

C –  Fuq il-motiv li jirriżulta minn assenza ta’ provi suffiċjenti ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE

1.  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-provi

a)  Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-prinċipji relatati mal-oneru tal-prova

Tfakkir tal-provi prodotti mill-Kummissjoni f’din il-kawża

b)  Dwar l-evalwazzjoni tal-provi f’dan il-każ

Dwar in-notamenti ta’ P1 u l-ikla tax-xogħol tat-28 ta’ Lulju 2004

–  Dwar il-kredibbiltà tan-notamenti ta’ P1

–  Dwar l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti dwar in-notamenti tal‑ikla ta’ nofsinhar tax-xogħol tat-28 ta’ Lulju 2004

–  Dwar l-eżistenza tal-oneru tal-provi li jikkorroboraw l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv

Dwar il-kuntatti segwenti bejn Chiquita u PFCI wara t-28 ta’ Lulju 2004

–  Dwar l-informazzjoni minn sorsi telefoniċi ta’ P1

–  Dwar in-notamenti ta’ P1 ta’ Awwissu 2004

Dwar il-kuntatti supplimentari ta’ Frar 2005 sa April 2005

–  Deċiżjoni kkontestata

–  Fuq il-kuntest u ċ-ċirkustanzi tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil‑11 ta’ April 2005 fid-9.57

–  Dwar l-interpretazzjoni tal-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57 proposta mir-rikorrenti

–  Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1 fuq il-messaġġ elettroniku mibgħut fil-11 ta’ April 2005 fid-9.57

Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1

–  Osservazzjonijiet preliminari

–  Id-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq l-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-valur probatorju tad‑dikjarazzjonijiet ta’ Chiquita u ta’ C1

2.  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-provi prodotti ma jsostnux il‑konstatazzjoni ta’ ksur

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Id-deċiżjoni kkontestata

c)  Fuq l-eżistenza ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma

d)  Fuq l-eżistenza ta’ għan jew ta’ effett antikompetittiv

e)  Fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu

II –  Fuq il-konklużjonijiet ippreżentati b’mod sussidjarju u intiżi għall‑kanċellament u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

A –  Osservazzjonijiet preliminari

B –  Id-deċiżjoni kkontestata

C –  Fuq il-gravità tal-ksur

D –  Fuq it-tul tal-ksur

E –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

F –  Fuq ir-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazjzoni waqt il-kalkolu tal-multa

III –  Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali mistura. Sabiex jiġi protett l-anonimat tagħhom, l-ismijiet tal-persuni ġew issostitwiti bl-ittra inizjali tal-isem tal-impriża li magħha kienu jaħdmu (“C” għal Chiquita u “P” għal Pacific) segwita b’ċifra. Barra minn hekk, l-ismijiet taż-żewġ avukati li rrappreżentaw lil Chiquita matul il-proċedura amministrattiva ġew issostitwiti b’A1 u A2, u l-isem tal-konsulent legali ta’ Pacific ġie ssostitwit b’A3.