Language of document : ECLI:EU:T:2015:383

Kawża T‑655/11

FSL Holdings et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-banana fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall — Koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet — Ammissibbiltà tal-provi — Drittijiet tad-difiża — Użu ħażin ta’ poter — Prova tal-ksur — Kalkolu tal-ammont tal-multa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2015

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Provi li jistgħu jiġu kkunsidrati — Legalità tat-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali — Evalwazzjoni mill-qrati nazzjonali fir-rigward tad-dritt nazzjonali — Trażmissjoni li ma ġietx iddikjarata illegali minn qorti nazzjonali — Teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-informazzjoni hekk trażmessa bħala provi — Ammissibbiltà

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 12(2))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Obbligu li jiġi indikat is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni — Użu ta’ informazzjoni miġbura matul verifika — Limiti — Ftuħ ta’ investigazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza tal-informazzjoni żvelata b’mod inċidentali matul spezzjoni — Ammissibbiltà

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat tal-Kummissjoni — Setgħa li tinqasam proċedura — Diviżjoni ekwivalenti għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni — Setgħa diskrezzjonali

(Artikolu 101 TFUE)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tagħmel użu b’mod sħiħ minn dawn id-drittijiet biss wara li tintbagħat id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Pussess mill-Kummissjoni ta’ noti meħuda bl-idejn miksuba fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet nazzjonali — Obbligu li tinforma b’dan lill-impriża inkwistjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari qabel ma tintbagħat id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Għoti ta’ immunità kundizzjonali mill-multi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni — Portata — Tfakkira mill-Kummissjoni tan-natura provviżorja tal-istatus proċedurali stabbilit bl-għoti tal-immunità kundizzjonali — Eżerċizzju ta’ pressjoni illegali — Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 8(a) u (b), 11(a) sa (c), 15, 16, 18 u 19)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għal kooperazzjoni — Immunità totali — Kundizzjonijiet — Kooperazzjoni bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza tal-impriża kkonċernata — Kunċett

(Artikolu 101 TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punt 11(a))

8.      Rikors għal annullament — Motivi — Użu ħażin ta’ poter — Kunċett

(Artikolu 263 TFUE)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Il-kuntest ġuridiku — Linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Avviż tal-Kummissjoni dwar immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriżi implikati — Limitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li hija kienet imponiet fuqha stess — Portata

(Artikolu 101 TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2002/C 45/03) 

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni — Użu ta’ informazzjoni miġbura matul spezzjoni magħmula fil-kuntest ta’ proċedura oħra — Ammissibbiltà — Obbligu ta’ kooperazzjoni bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza tal-impriża li titlob l-immunità totali mill-multi — Portata

(Artikolu 101 TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur bħala mezzi ta’ prova — Ammissibbiltà — Valur probatorju ta’ provi mogħtija volontarjament mill-parteċipanti ewlenin f’akkordju bil-għan li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ sensiela ta’ indizji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-provi stabbiliti barra mill-perijodu tal-ksur — Ammissibbiltà — Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

13.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv — Deċiżjoni sostnuta minn provi dokumentali — Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikolu 101 TFUE)

14.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Provi dokumentali — Evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ dokument — Kriterji — Dokument redatt b’konnessjoni mill-qrib mal-fatti jew minn xhud dirett ta’ dawk il-fatti — Valur probatorju għoli

(Artikolu 101 TFUE)

15.    Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà — Konsegwenzi

(Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1))

16.    Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Ftehim intiż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni — Tfittxija simultanja ta’ għanijiet leġittimi — Assenza ta’ effett

(Artikolu 101 TFUE)

17.    Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu għal kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq — Żvelar ta’ informazzjoni sensittiva li telimina l-inċertezza dwar l-aġir futur ta’ kompetitur — Informazzjoni pubblikament magħrufa — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE)

18.    Akkordji — Ftehimiet bejn impriżi — Impriża li pparteċipat fi ftehim antikompetittiv — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Ċirkustanza li mhux neċessarjament tippermetti li tiġi eskluża l-parteċipazzjoni tagħha għall-ftehim

(Artikolu 101 TFUE)

19.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Imputabbiltà lil impriża tal-aġir tal-korpi tagħha — Kundizzjonijiet — Azzjoni ta’ persuna awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża

(Artikolu 101 TFUE)

20.    Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Evalwazzjoni fid-dawl tan-natura tal-ksur — Diskussjoni bejn kompetituri tal-fatturi importanti għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet — Ksur minħabba l-għan — Assenza ta’ rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet għall-konsum — Assenza ta’ rilevanza

(Artikolu 101 TFUE)

21.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Ġustifikazzjoni

(Artikolu 101 TFUE)

22.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Seduti — Smigħ ta’ ċerti persuni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Limitu — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikoli 10(3) u 13)

23.    Akkordji — Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma — Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftehma” — Ammissibbiltà

(Artikolu 101 TFUE)

24.    Akkordji — Prattika miftiehma — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti — Distinzjoni bejn ksur minħabba l-għan u ksur minħabba r-riżultat — Kriterji li jippermettu ftehim jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni minħabba għan

(Artikolu 101 TFUE)

25.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Nuqqas ta’ konstatazzjoni ta’ ksur dwar operatur ieħor li jinsab f’sitwazzjoni simili — Assenza ta’ effett

(Artikolu 101 TFUE)

26.    Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża minħabba l-parteċipazzjoni fi ksur meqjus fl-intier tiegħu — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE)

27.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju — Ksur uniku u repetut — Assenza ta’ prova dwar ċerti perijodi speċifiċi tal-perijodu globali kkunsidrat — Interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur — Ksur repetut — Konsegwenzi fuq id-determinazzjoni tal-multa

(Artikolu 101 TFUE)

28.    Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Metodu ta’ kalkolu li jieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi ta’ flessibbiltà — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 9, 12, 13 u 19 sa 23)

29.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Metodu ta’ kalkolu indikat mil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni skont in-natura tal-ksur — Effett ta’ prattika antikompetittiva — Kriterju mhux determinanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 19 sa 24)

30.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Obbligu għall-Kummissjoni li timxi mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

31.    Kompetizzjoni — Multi — Evalwazzjoni skont l-aġir individwali tal-impriża — Effett tal-assenza ta’ sanzjoni kontra operatur ekonomiku ieħor — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

1.      Id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta provi miġbura bi ksur totali tal-proċedura prevista għall-produzzjoni tal-provi u li hija intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. L-użu ta’ din il-proċedura għandu, għalhekk, jitqies li huwa forma proċedurali sostanzjali, skont l-Artikolu 263(2) TFUE. Il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali għandu konsegwenzi, irrispettivament minn jekk dan il-ksur ikkawżax dannu lill-persuna li tinvokah.

Għal dak li jikkonċerna, iktar speċifikament, il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-projbizzjoni li tintuża bħala prova, għal raġunijiet differenti minn dawk li għaliha ġiet miksuba, informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni ta’ Stati Membri skont is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom, abbażi tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tissodisfa bżonn partikolari, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett tal-garanziji proċedurali inerenti għall-ġbir ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kompetizzjoni fil kuntest tal-missjonijiet tagħhom, filwaqt li tippermetti skambju ta’ informazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet. Madankollu minn din il-projbizzjoni ma jistax jiġi awtomatikament konkluż li hemm projbizzjoni ġenerali, għall-Kummissjoni, li tuża bħala prova informazzjoni miksuba minn awtorità nazzjonali oħra fil-kuntest tal eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

F’dan il-kuntest, il-legalità tat-trażmissjoni lill-Kummissjoni, minn prokuratur nazzjonali jew mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ informazzjoni miġbura skont id-dritt kriminali nazzjonali hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ta’ att meħud minn awtorità nazzjonali. Għaldaqstant, peress illi t-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni ma kinitx ġiet iddikjarata illegali minn qorti nazzjonali, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li dawn id-dokumenti kienu provi inammissibbli li jridu jitneħħew mill-proċess.

(ara l-punti 44-46, 78, 80)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 48-53)

3.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, minkejja li l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul spezzjonijiet ma tistax tintuża għal raġunijiet oħra minbarra dawk indikati fil-mandat jew fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, minn dan xorta ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma tistax tiftaħ investigazzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza jew il-kompletezza tal-informazzjoni li hija tkun inċidentalment kisbet matul spezzjoni preċedenti fil-każ fejn din l-informazzjoni turi l-eżistenza ta’ aġir kuntrarju għar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat. Fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha d-dritt titlob kopji ġodda ta’ dokumenti miksuba matul l-ewwel investigazzjoni u li mbagħad tużahom bħala provi fil-każ li jirrigwarda t-tieni investigazzjoni, mingħajr ma jiġu effettwati d-drittijiet tad-difiża bħala riżultat ta’ dan.

Għalhekk, il-fatt li impriża ntalbet tissottometti mill-ġdid dokumenti li kienet diġà ssottomettiet fl-ewwel investigazzjoni ma hijiex illegali, iżda hija kundizzjoni indispensabbli għall-użu ta’ dawn id-dokumenti fil-kuntest ta’ din it-tieni investigazzjoni.

(ara l-punti 54, 55, 69, 104, 157)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 56, 57, 148)

5.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, huma proprju t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minn naħa, u l-aċċess għall-fajl li jippermetti lid-destinatarju tal-imsemmi dikjarazzjoni li jsir jaf bil-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, li jiżguraw id-drittijiet tad-difiża.

Huwa fil-fatt permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata hija informata bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat l-imsemmija dikjarazzjoni li l-impriża kkonċernata tkun tista’ ssostni kompletament id-drittijiet tad-difiża.

Fil-fatt, kieku dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża kkonċernata tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għadha tista’ tinħeba minnha.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex l‑obbligu li tinforma lir-rikorrenti bit-trażmissjoni tad-dokumenti minn awtorità nazzjonali qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

(ara l-punti 94-97)

6.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-għoti tal-immunità kundizzjonali ta’ multi b’hekk jimplika l-ħolqien ta’ status proċedurali partikolari, matul il-proċedura amministrattiva, favur l-impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8 tal-Avviż dwar immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji li jipproduċu ċerti effetti ġuridiċi. Din l-immunità kundizzjonali madankollu ma tistax tiġi assimilata mal-immunità definittiva minn multi, li tingħata biss fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva.

Huwa biss fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali, li hija tagħti jew ma tagħtix, f’din id-deċiżjoni, l-immunità proprja minn multi lill-impriża li tibbenefika mill-immunità kundizzjonali. Huwa f’dan il-mument preċiż li l-istatus proċedurali li jirriżulta mill-immunità kundizzjonali jieqaf jipproduċi l-effetti tiegħu.

B’hekk, jirriżulta mis-sistema kif prevista mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni li, qabel id-deċiżjoni finali, l-impriża li titlob l-immunità ma tiksibx l-immunità mill-multi proprja iżda tibbenefika biss minn status proċedurali li jista’ jittrasforma ruħu f’immunità mill-multi għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu sodisfatti.

Konsegwentement, il-Kummissjoni għalhekk ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni b’mod definittiv fuq it-talba għal klemenza fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw fuq impriża mill-istatus proċedurali ta’ min jitlob l-immunità, ma għandux jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li jitfakkar dan l-istatus jikkostitwixxi pressjoni illegali.

(ara l-punti 116, 119, 120, 146, 154)

7.      L-għoti tal-immunità minn kull multa jikkostitwixxi eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li hija ġġustifikata mill-għan li jingħata inċentiv għall-iskoperta, l-investigazzjoni u r-repressjoni kif ukoll id-dissważjoni ta’ prattiki li jagħmlu parti mir-restrizzjonijiet l-iktar serji tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għaldaqstant loġiku li jkun meħtieġ li, bi skambju għall-għoti tal-immunità minn kull multa għall-aġir li jikkostitwixxi ksur li hija tkun wettqet, l-impriża li titlob l-immunità toffri kooperazzjoni għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni li għandha, skont il-kliem tal-Avviż dwar immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji, tkun “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezzaˮ.

Jirriżulta mill-kwalifikazzjoni tal-kooperazzjoni bħala “bis-sħiħ” li l-kollaborazzjoni li għandu jipprovdi l-applikant għal immunità lill-Kummissjoni sabiex jibbenefika mill-immunità għandha tkun kompluta, assoluta u mingħajr ebda riżerva. Il-kwalifikazzjoni ta’ “fuq bażi kontinwa” u “bi prontezza” timplika li din il-kollaborazzjoni għandha tingħata matul il-proċedura amministrattiva kollha u li bħala regola għandha tkun immedjata.

Barra minn hekk, tnaqqis fl-ammont tal-multa bbażat fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni jista’ jiġi ġġustifikat biss meta l-informazzjoni pprovduta u, b’mod iktar ġenerali, l-aġir tal-impriża kkonċernata jkunu jistgħu f’dan ir-rigward jitqiesu bħala prova ta’ kooperazzjoni vera min-naħa tagħha.

Kif jirriżulta mill-kunċett stess ta’ kooperazzjoni, effettivament huwa biss meta l-aġir tal-impriża kkonċernata jkun juri tali spirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

Din il-kunsiderazzjoni tapplika a fortiori għall-kooperazzjoni meħtieġa biex jiġi ġġustifikat il-benefiċċju tal-immunità minn kull multa, inkwantu l-immunità tikkostitwixxi trattament iktar favorevoli minn sempliċi tnaqqis tal-multa. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ kooperazzjoni “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza” li tiġġustifika l-għoti tal-immunità minn kull multa jimplika kollaborazzjoni ġenwina, kompluta u kkaratterizzata minn spirtu reali ta’ kooperazzjoni.

(ara l-punti 122-126)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 139)

9.      Fid dritt tal-kompetizzjoni, l-Avviż dwar immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji jiddetermina, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha li tuża fl-applikazzjoni tal-programm ta’ klemenza tagħha u tiżgura, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi.

Għalkemm l-imsemmi avviż ma jistax jiġi kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-Kummissjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huwa madankollu jikkostitwixxi regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, il-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, jekk ikun il-każ, tal prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punti 141-143)

10.    Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-fatt li l-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq it-talba inizjali ta’ klemenza ta’ impriża dwar każ speċifiku bħala prova tal-ksur, ma huwiex tali sabiex juri li l-Kummissjoni, matul il-proċedura sussegwenti, abbużat mis-setgħat tagħha sabiex tagħmel pressjoni fuq din l-impriża sabiex tikkonferma l-fatti relatati ma’ din il-kawża. Fil-fatt, id-dover ta’ kooperazzjoni ta’ impriża li titlob l-immunità totali mill-multi jinkludi l-obbligu ta’ kooperazzjoni bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza matul il-proċedura kollha, li jista’ jinvolvi wkoll riċerka u dikjarazzjonijiet dwar fatti mhux koperti bid-dikjarazzjoni oriġinali wara mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni, peress li r-risposti għall-mistoqsijiet magħmula huma parti importanti mill-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ min jitlob l immunità.

Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni għandha d-dritt kemm li tifred kif ukoll li tgħaqqad proċeduri għal raġunijiet oġġettivi, meta ma hija invokata l-ebda prova intiża sabiex jiġu kkontestati r-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li l-fatti li f’żewġ proċeduri distinti għandhom jitqiesu li huma żewġ ksur manifestament distinti, il-Kummissjoni setgħet korrettament tikkunsidra li kull applikant għall-immunità għandu d-dmir li jikkoopera fiż-żewġ investigazzjonijiet distinti li jistgħu jirriżultaw mill-istess talba għal immunità u jkompli jikkoopera anki wara li jkun kiseb l-immunità finali għall-ksur koperti b’waħda mill investigazzjonijiet.

Barra minn hekk, sakemm il-Kummissjoni tista’ tistrieħ fuq indizji ta’ każ bħala punt ta’ tluq għal investigazzjonijiet f’każ ieħor u li l-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ min jitlob l-immunità jestendi matul il-proċedura kollha u jimplika d-dmir li jirreaġixxi għal fatti ġodda, il-fatt li bbażat ruħha fuq dokument li jinsab fil-fajl ta’ każ ieħor sabiex tagħmel mistoqsija lil min qed jitlob l-immunità ma jidhirx li huwa illegali.

(ara l-punti 147-149, 165)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 151-153, 182, 338-343, 356, 380, 381, 386, 495)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 175-179, 203, 217, 375)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 180, 181, 261-263)

14.    Il-prinċipju li jipprevalixxi fid-dritt tal-Unjoni huwa dak ta’ amministrazzjoni libera ta’ provi u l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom, li tiddependi fuq l-oriġini tagħhom, fuq iċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tagħhom, fuq id-destinatarju tagħhom u fuq il-kwalità loġika u affidabbli tal-kontenut tagħhom. Għalhekk, għandha tingħata importanza kbira għall-fatt li ġie redatt dokument b’rabta immedjata mal-fatti jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti.

(ara l-punti 182, 183, 197, 222, 229, 344)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 184, 185)

16.    Fid dritt tal-kompetizzjoni, ftehim jista’ jitqies li għandu għan restrittiv anki jekk ma jkollux bħala uniku għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda jsegwi għanijiet leġittimi oħra, sakemm ma jkunx ipprovat li l-kuntatti bejn l-impriżi servew biss dawn l-għanijiet leġittimi.

(ara l-punti 220, 230, 306)

17.    Fid-dritt tal-kompetizzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri ma jistax isir leġittimu minħabba l-fatt li din l-informazzjoni jew uħud minnha huma pubblikament magħrufa, sa fejn kull operatur ekonomiku għandu jiddeċiedi b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq intern. Jekk dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw rwieħhom b’mod intelliġenti għall-aġir kkonstatat jew sabiex jantiċipaw il-kompetituri tagħhom, madankollu hija tipprekludi b’mod qawwi kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li għandu l-għan jew l-effett li jinfluwenza jew l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella li jiżvela lil kompetitur bħal dan l-aġir li ġie deċiż jew li jwettaq jew li jbassar li jwettaq fis-suq.

F’dan ir-rigward, il-perspettiva ta’ kompetitur dwar tali informazzjoni importanti għall-kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda, li tista’ tinkiseb mod ieħor permezz ta’ diskussjonijiet mal-impriżi kkonċernati, u tal-effett tagħha fuq l-iżvilupp tas-suq, ma tikkostitwixxix, b’definizzjoni, informazzjoni pubblika disponibbli.

Barra minn hekk, it-tixrid regolari ta’ informazzjoni relatata mal-prezzijiet jista’ jkollu l-effett li jżid, b’mod artifiċjali, it-trasparenza fuq suq fejn il-kompetizzjoni kienet diġà mnaqqsa fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv speċifiku u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri.

Bl-istess mod, anki meta l-informazzjoni fuq il-prezzijiet hija magħrufa mill-klijenti qabel il-komunikazzjoni tagħha lill-kompetituri u, għalhekk, tista’ tinġabar mis-suq, dan il-fatt ma jimplikax li, fil-mument tat-trażmissjoni tal-listi tal-prezzijiet lill-kompetituri, dawn il-prezzijiet kienu jikkostitwixxu diġà data oġġettiva tas-suq, identifikabbli b’mod immedjat. It-trażmissjoni diretta tippermetti lill-kompetituri li jkunu jafu din l-informazzjoni b’mod iktar sempliċi, rapidu u dirett milli permezz tas-suq. Barra minn hekk, din it trażmissjoni minn qabel tippermettilhom li joħolqu klima ta’ ċertezza reċiproka fir-rigward tal-politika ta’ prezzijiet futura tagħhom.

Finalment, il-fatt biss li tiġi riċevuta informazzjoni li tirrigwarda lil kompetituri, informazzjoni li kummerċjant indipendenti jippreżerva bħala sigrieti tan-negozju, huwa biżżejjed biex juri l-eżistenza ta’ spirtu antikompetittiv.

(ara l-punti 282, 320-324)

18.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 302)

19.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 303, 304)

20.    L-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri huwa suxxettibbli li jkun kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew iħassar il-grad ta’ inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi. Fil-fatt, l-iffissar ta’ prezz, anki sempliċement indikattiv, jaffettwa l-kompetizzjoni minħabba l-fatt li jippermetti lill-parteċipanti kollha fl-akkordju li jipprevedu b’ċertu livell ta’ ċertezza liema ser tkun il-politika tal-prezz segwita mill-kompetituri tagħhom. Iktar ġeneralment, tali akkordji jinkludu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

B’mod partikolari, fir-rigward tas-suq tal-banana, ir-riferiment li jsir lejhom matul diskussjonijiet bilaterali bejn operaturi avżati ta’ fatturi importanti ħafna għad-determinazzjoni tal-livell tal-offerta meta mqabbla mad-domanda, bħall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, kemm fil-pajjiżi produtturi kif ukoll f’dawk destinatarji tal-frott għall-finijiet ta’ konsum, l-importanza tal-ħażniet fil-portijiet jew għand il-kumpanniji responsabbli mis-sajran, is-sitwazzjoni ta’ bejgħ fil-livell tal-kummerċ bl-imnut u għand il-kumpanniji responsabbli għas-sajran tal-frott, kif ukoll l-eżistenza ta’ kampanji promozzjonali iwassal evidentement għal kondiviżjoni ta’ interpretazzjoni tas-suq u tal-iżvilupp tiegħu fir-rigward ta’ prezzijiet.

F’dan ir-rigward, anki jekk il-prezzijiet reali ffatturati sussegwentement ma kinux jikkorrispondu mal-intenzjonijiet tal-prezzijiet skambjati bejn il-partijiet, dan ma jnaqqas xejn min-natura antikompetittiva tal-imsemmija skambji. Barra minn hekk, l-Artikolu 101 TFUE jfittex, abbażi ta’ regoli oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, li jipproteġi mhux biss l interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali.

B’mod partikolari, il-fatt li prattika miftiehma ma għandhiex effett dirett fuq il-livell tal-prezzijiet ma jipprekludix milli jiġi kkonstatat li tkun illimitat il-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, il-prezzijiet effettivament ipprattikati fuq is-suq huma suxxettibbli li jiġu influwenzati minn fatturi esterni, barra mill-kontroll tal-membri ta’ akkordju, bħall-iżvilupp tal-ekonomija b’mod ġenerali, l-iżvilupp tad-domanda f’dan is-settur partikolari jew is-setgħa ta’ negozjar tal-klijenti.

(ara l-punti 328-330, 388, 391, 456, 457, 536, 537)

21.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 400-403)

22.    Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, fost il-garanziji pprovduti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni, hemm b’mod partikolari l-obbligu fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża ma tirrikjedix li l-Kummissjoni tisma’ xhieda indikati mill-partijiet ikkonċernati, meta hija tqis li l-investigazzjoni tal-kawża kienet suffiċjenti. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu [101 TFUE] u [102 TFUE], jipprevedi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jkunu suġġett ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 jistgħu jipproponu li l-Kummissjoni tisma’ persuni li jistgħu jikkorroboraw il-fatti esposti fis-sottomissjonijiet tagħhom, jirriżulta mill-Artikolu 13 tal-istess regolament li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni raġonevoli sabiex tiddeċiedi dwar l-interess li jista’ jkollu s-smigħ ta’ persuni li x-xhieda tagħhom tista’ tkun importanti għall-investigazzjoni tal-każ.

(ara l-punti 405, 406)

23.    Fid dritt tal-kompetizzjoni, il-paragun bejn il-kunċett ta’ ftehim u dak ta’ prattika miftiehma juri li, mill-perspettiva suġġettiva, dawn jinkludu forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jistgħu jiġu distinti biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom. Għalhekk, għalkemm il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma għandhom elementi kostituttivi parzjalment differenti, huma ma humiex reċiprokament inkompatibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikkwalifika kull wieħed mill-aġir ikkonstatat bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma, iżda tista’ tikkwalifika ġustament uħud minn dan l-aġir, prinċipalment, bħala “ftehim” u aġir ieħor, bħala “prattiki miftiehma”.

B’hekk, il-fatt li l-ksur inkwistjoni kien jinvolvi biss żewġ impriżi, fosthom waħda żgħira, u li dam inqas minn disa’ xhur ma jbiddel xejn mill-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikklassifika bħala ftehim jew prattika miftiehma kull aġir ikkonstatat, iżda tista’ korrettament tikklassifika uħud minn dan l-aġir bħala “ftehimˮ u oħrajn bħala “prattiki miftiehma”. F’dan ir-rigward, u peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti skont id-dritt li kien hemm kuntatti bejn il-partijiet, ma għandux jintalab, kif jissuġġerixxu r-rikorrenti, li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bi preċiżjoni kull okkażjoni individwali li fiha l-partijiet ftiehmu.

(ara l-punti 418, 419, 453)

24.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 421-431, 469, 471, 472)

25.    Fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward ta’ impriżi ma jistax jiġi miċħud minħabba l-fatt li ma ttiħdux proċeduri kontra impriżi oħra. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li operatur jinsab f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ impriża implikata li ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni li kkommettiet ksur ma għandux jippermetti li jiġi injorat ksur ikkonstatat kontra l-impriżi implikati, sa fejn dan ġie korrettament stabbilit.

(ara l-punt 461)

26.    Ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata għar-raġuni li element jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom infushom u meħuda waħidhom, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta l-azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn pjan globali, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew inkella f’aġir li jikkostitwixxi ksur individwali marbuta flimkien bl-istess għan (l-istess finalità tal-elementi kollha) u bl-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni).

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jirrelata ruħu mal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftiehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

(ara l-punti 478-480, 491)

27.    Fil-qasam tal-akkordji, il-kunċett ta’ pjan sħiħ jippermetti lill-Kummissjoni li tippreżumi li t-twettiq ta’ ksur ma ġiex interrott anki jekk, għal ċertu perijodu, hija ma tiddisponix minn prova tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata f’dan il-ksur, sa fejn din ipparteċipat fil-ksur qabel u wara dan il-perijodu u sa fejn ma jeżistux provi jew indikazzjonijiet li l-ksur ġie interrott fejn jikkonċernaha. F’dan il-każ, hija tista’ timponi multa għall-perijodu kollu tal-ksur, inkluż il-perijodu li għalih hija ma għandhiex prova tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata.

F’dan ir-rigward, jekk il-provi għandhom jiġu evalwati kollha kemm huma sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-oneru tal-prova sabiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza tal-ksur, l-eżami magħmul sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwa tiegħu ma huwiex intiż sabiex janalizza jekk is-serje ta’ provi kollha kemm huma jippermettux li raġonevolment jiġi ammess li l-ksur seħħ b’mod mhux interrott matul il-perijodu kkonċernat b’dawn il-provi, iżda jekk il-Kummissjoni pproduċietx provi li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’tali mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment aċċettat li l-ksur kompla b’mod mhux interrott bejn żewġ dati speċifiċi.

Għall-kuntrarju, meta fil-kuntest tal-funzjonament tal-akkordju inkwistjoni, permezz ta’ evalwazzjoni tal-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, jista’ jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur ġiet interrotta u li l-impriża pparteċipat fil-ksur qabel u wara din l-interruzzjoni, dan il-ksur jista’ jiġi kklassifikat b’mod repetut jekk — bħal fil-każ tal-ksur kontinwu — jeżisti għan uniku mħaddan minnha qabel u wara l-interruzzjoni. Tali għan jista’ jiġi dedott mill-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, tal-prodotti kkonċernati, tal-impriżi li pparteċipaw fil-kollużjoni, tal-metodi prinċipali tal-implementazzjoni tagħha, tal-persuni fiżiċi implikati għan-nom tal-impriżi u, fl-aħħar nett, tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-imsemmija prattiki. Il-ksur huwa b’hekk uniku u repetut u jekk il-Kummissjoni tista’ timponi multa għall-perijodu tal-ksur, hija ma tistax tagħmel dan, min-naħa l-oħra, għall-perijodu li fih il-ksur ġie interrott.

(ara l-punti 481-484, 494, 496)

28.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 502-511)

29.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 508, 525, 528-532, 538, 539)

30.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 548, 549, 552, 553)

31.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 556-558)