Language of document : ECLI:EU:C:2007:530

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Settembru 2007 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija − Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali − Klawżola ‘standstill’ − Portata − Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li introduċa, wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, restrizzjonijiet ġodda għal dak li jirrigwarda l-ammissjoni fit-territorju tiegħu ta’ ċittadini Torok għall-finijiet ta’ l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment”

Fil-kawża C‑16/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2005, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

Veli Tum,

Mehmet Dari

vs

Secretary of State for the Home Department,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen (Relatur), J. Klučka, R. Silva de Lapuerta, u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        Għal V. Tum u M. Dari, minn N. Rogers u J. Rothwell, barristers, kif ukoll minn L. Baratt u M. Kuddus, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn M. Bethell, u mbagħad minn E. O’Neill, bħala aġenti assistiti minn P. Saini, barrister,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Gvern Slovakk, minn R. Procházka, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. O’Reilly u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU l 293, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa waħda, is-Sinjuri Tum u Dari, ċittadini Torok, u, min-naħa l-oħra, is-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru ta’ l-Intern, iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tas-Secretary of State li rrifjutaw li jingħatalhom permess għad-dħul fit-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jeżerċitaw attività professjonali għal rashom hemmhekk u li ordnaw l-espulsjoni tagħhom minn dan l-Istat Membru li fih kienu ġew ammessi biss b’mod provviżorju.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-Assoċjazzjoni KEE-Turkija

3        Skond l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 217, 1964, p. 3685, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), għandu bħala għan li jiġi promoss it-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tal-manodopera, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni) kif ukoll permezz ta’ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment (l-Artikolu 13 ta’ l-imsemmi Ftehim) u fuq il-libertà li jiġu pprrovduti s-servizzi (l-Artikolu 14 ta’ l-istess Ftehim), sabiex jitjieb il-livell ta’ l-għajxien tal-poplu Tork u tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità (ir-raba’ premessa tal-preambolu u l-Artikolu 28 ta’ dan il-Ftehim).

4        Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (l-Artikolu 3 ta’ dan il-Ftehim), fażi tranżitorja li matulha huma assigurati l-implementazzjoni progressiva ta’ unjoni doganali u t-tqarrib tal-politika ekonomika tal-partijiet (l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi Ftehim), u fażi definittiva li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (l-Artikolu 5 ta’ l-istess Ftehim).

5        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni juża l-kliem li ġej:

“Sabiex jiġu assigurati l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet kontraenti għandom jiltaqgħu fi ħdan Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        Skond l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, intitolat “Implementazzjoni tal-fażi tranżitorja”:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi, qabel ma tibda l-fażi tranżitorja, u skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll provviżorju, il-kundizzjonijiet, il-modalitjiet u r-ritmu ta’ l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-oqsma koperti mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija f’dan it-titolu, kif ukoll kull klawżola ta’ salvagwardja li tirriżulta utli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        L-Artikoli 12 sa 14 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ukoll jinsabu fit-Titolu II tiegħu, fil-kapitolu 3, intitolat “Dispożizzjonijiet oħra ta’ natura ekonomika”.

8        L-Artikolu 12 jipprovdi:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] biex gradwalment jinkiseb bejniethom il-moviment liberu tal-ħaddiema” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        L-Artikolu 13 jiddisponi:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [43 KE] sa [46 KE] u l-Artikolu [48 KE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jeżistu bejniethom fuq il-libertà ta’ stabbiliment” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      L-Artikolu 14 jistipula:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [45 KE], [46 KE] u [48 KE] sa [54 KE] biex jeliminaw bejniethom ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi”.

11      Skond l-Artikolu 22(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-ftehim u fil-każijiet previsti minnu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet. Kull waħda miż-żewġ partijiet hija marbuta tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet adottati. [...]”

12      Il-Protokoll Addizzjonali li, skond l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skond l-Artikolu 1, il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu għall-implementazzjoni tal-fażi tranżitorja prevista fl-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi ftehim.

13      Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi t-Titolu II, intitolat “Moviment ta’ persuni u servizzi” u l-Kapitolu I ta’ dan it-Titolu jkopri l-“Ħaddiema” filwaqt li l-Kapitolu II jirrigwarda “Id-dritt ta’ l-istabbiliment, tas-servizzi u tat-trasport”.

14      L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li jagħmel parti mill-Kaitolu I, jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija għandu jinkiseb b’mod gradwali b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn it-tmiem tat-tnax u tat-tnejn-u-għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar ir-regoli meħtieġa għal dan il-għan.

15      L-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab fil-Kapitolu II ta’ l-imsemmi Titolu II, jipprovdi s-segwenti:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.

2.      Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim ta’ l-Assoċjazzjoni, jiddetermina t-tabella taż-żmien u r-regoli għall-abbolizzjoni progressiva mill-Partijiet Kontraenti, bejniethom, tar-restrizzjonijiet rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà li jkunu pprovvduti servizzi.

Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, meta jiddetermina tabella taż-żmien bħal din u regoli għad-diversi klassijiet ta’ attività, jieħu akkont tal-miżuri korresspondenti diġa adott[at]i mill-Komunità f’dawn l-oqsma u wkoll iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali speċjali tat-Turkija. Prijorità għandha tingħata għall-attivitajiet li jagħmlu kontribuzzjoni partikolari għall-iżvilupp tal-produzzjoni u l-kummerċ”.

16      Huwa paċifiku li, sa llum, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kompost, minn naħa, minn membri tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, min-naħa l-oħra, minn membri tal-Gvern Tork (iktar ’il quddiem il-“Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”), ma adotta ebda deċiżjoni abbażi ta’ l-Artikolu 41(2) tal-Protokoll Addizzjonali.

17      Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta, fid-19 ta’ Settembru 1980, id-Deċiżjoni Nru 1/80 dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”).

18      L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”, bis-sezzjoni I li tittratta l-“Kwistjonijiet rigward l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”, jgħid kif ġej:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq l-aċċess għax-xogħol applikabbli għal ħaddiema u membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

19      L-Artikolu 11(1) ta’ l-Att ta’ l-1971 dwar l-Immigrazzjoni (Immigration Act 1971) jiddefinixxi d-“dħul fir-Renju Unit” b’dan il-mod:

“Persuna li tasal fir-Renju Unit bil-vapur jew bl-ajruplan għandha għall-finijiet ta’ dan l-Att titqies li ma daħlitx fir-Renju Unit ħlief jekk u sakemm tiżbarka, u ma’ l-iżbark f’xi port għandha tkompli titqies li ma daħlitx fir-Renju Unit sakemm tibqa’ f’dik iż-żona fil-port (jekk ikun il-każ) li tkun ġiet approvata għal dan l-iskop minn uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni; u persuna li ma tkunx daħlet fir-Renju Unit b’xi mod ieħor għandha titqies li ma għamlitx dan sakemm tibqa' miżmuma, jew temporanjament ammessa jew rilaxxata waqt li tkun tista’ tiġi suġġettata għal detenzjoni […]”

20      Fl-1 ta’ Jannar 1973, id-data li fiha l-Protokoll Addizzjonali daħal fis-seħħ fir-rigward tar-Renju Unit, ir-regoli fuq l-immigrazzjoni applikabbli f’dan l-Istat Membru għall-finijiet ta’ l-istabbiliment ta’ negozju u l-għoti ta’ servizzi kienu inklużi fis-Statement of Immigration Rules for Control on Entry (House of Commons Paper 509, iktar ’il quddiem ir-“regoli fuq l-immigrazzjoni ta’ l-1973”).

21      Il-punt 30 tar-regoli fuq l-immigrazzjoni ta’ l-1973, li jaqa' taħt it-Titolu “Negozjanti”, jipprovdi kif ġej:

“Il-passiġġieri li ma jistgħux jippreżentaw awtorizzazzjoni għad-dħul [sabiex jiftħu impriża], iżda li madankollu jidhru li aktarx jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ wieħed miż-żewġ paragrafi li ġejjin għandhom jiġu ammessi għal perijodu ta’ mhux iktar minn xahrejn, bi projbizzjoni milli jaħdmu, u huma mistiedna jippreżentaw il-każ tagħhom lill-Home Office.”

22      Il-punt 31 ta’ l-imsemmija regoli kien jimponi l-obbligu fuq l-applikant li jkollu fondi suffiċjenti biex jinvesti fin-negozju, jekk ikun diġà stabbilit, u biex jilqa' għal sehemu mit-telf. Dan il-paragrafu kien jistipula, b’mod partikolari, li l-applikant għandu jkun kapaċi jmantni lilu nnifsu u lid-dipendenti tiegħu u li għandu jkun attivament involut fit-tmexxija tan-negozju.

23      Il-punt 32 ta’ l-istess regoli kien jipprovdi:

“Jekk l-applikant jixtieq jiftaħ negozju għal rasu huwa jkollu bżonn juri li se jġib fil-pajjiż fondi suffiċjenti biex jinfetaħ negozju li permezz tiegħu, realistikament, jista’ jkun mistenni li se jkun jista’ jmantni lilu nnifsu u lid-dipendenti tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn jirrikorri għal impjieg li għalih huwa meħtieġ permess tax-xogħol.”

24      Minn dak iż-żmien sa llum, ir-Renju Unit daħħal progressivament regoli iktar restrittivi fir-rigward ta’ l-immigrazzjoni f’dak li jirrigwarda l-persuni li jippruvaw jidħlu f’dan l-Istat Membru sabiex jiftħu negozju jew jipprovdu servizzi.

25      F’dan ir-rigward, xi dispożizzjonijiet dettaljati huma stipulati fil-punti 201 sa 205 tar-regoli fuq l-immigrazzjoni adottati mill-Kamra tal-Komuni fl-1994 (United Kingdom Immigration Rules 1994, House of Commons Paper 395), kif kienu applikabbli mill-1 ta’ Ottubru 1994 u attwalment fis-seħħ fil-verżjoni emendata tagħhom (aktar ’il quddiem “ir-regoli fuq l-immigrazzjoni ta’ l-1994").

26      Huwa paċifiku li r-regoli fuq l-immigrazzjoni ta’ l-1994, attwalment fis-seħħ fir-Renju Unit, huma iktar restrittivi, f’dak li jirrigwarda t-trattament ta’ l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għad-dħul ippreżentati minn persuni li jkollhom l-intenzjoni jeżerċitaw attività ekonomika għal rashom f’dan l-Istat Membru, mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regoli fuq l-immigrazzjoni ta’ l-1973.

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

27      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li V. Tum u M. Dari waslu fir-Renju Unit bil-baħar, V. Tum f’Novembru ta’ l-2001 mill-Ġermanja, u M. Dari f’Ottubru ta’ l-1998 minn Franza.

28      Peress li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ġiet irrifjutata, ġiet ordnata l-espulsjoni tagħhom skond il-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU C 254, 1997, p. 1), iżda din il-miżura ta’ espulsjoni qatt ma ġiet eżegwita mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod illi l-persuni kkonċernati għadhom jinsabu fit-territorju tar-Renju Unit.

29      Peress li kisbu biss, skond l-Artikolu 11(1) ta’ l-Att ta’ l-1971 dwar l-Immigrazzjoni, ammissjoni temporanja fir-Renju Unti, li mhijiex ekwivalenti għal awtorizzazzjoni formali għad-dħul f’dan l-Istat Membru fis-sens tal-leġiżlazzjoni tiegħu u l-ammissjoni tagħhom kienet suġġetta għal projbizzjoni mill-eżerċitar ta’ impjieg, V. Tum u M. Dari applikaw għal viża biex jidħlu f’dan l-Istat Membru sabiex jeżerċitaw hemmhekk attività professjonali għal rashom.

30      Għal dan il-għan, huma invokaw il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u sostnew, b’mod partikolari, li, skond l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, l-applikazzjonijiet tagħhom għad-dħul fl-Istat Membru ospitanti kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Protokoll fir-rigward tar-Renju Unit, jiġifieri l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1973.

31      Is-Secretary of State madankollu rrifjuta li jilqa' l-applikazzjonijiet ta’ V. Tum u M. Dari billi applika l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni fis-seħħ fid-data meta ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet tagħhom.

32      V. Tum u M. Dari ppreżentaw rikorsi għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet li rrifjutaw l-applikazzjonijiet tagħhom. Ir-rikorsi ġew eżaminati fl-istess ħin mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), u ġew iddikjarati fondati permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Novembru 2003. Il-mertu ta’ din is-sentenza ġiet ikkonfermata mis-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) ta’ l-24 ta’ Mejju 2004. Skond dawn il-qrati, is-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ ċittadini Torok mhijiex ibbażata fuq elementi li jikkostitwixxu frodi u ma tqajjimx kwistjonijiet ta’ ħarsien ta’ interess leġittimu ta’ l-Istat, bħall-ordni pubbliku, u s-sigurtà u s-saħħa pubblika. L-imsemmija qrati kkunsidraw ukoll li l-partijiet ikkonċernati jistgħu validament jinvokaw il-klawżola “standstill” stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali sabiex l-eżami ta’ l-applikazzjonijiet tagħhom għad-dħul fir-Renju Unit biex jiftħu negozju għal rashom hemmhekk isir fid-dawl tar-regoli fuq l-immigrazzjoni ta’ l-1973.

33      Is-Secretary of State ġie awtorizzat jippreżenta l-kawżi quddiem il-House of Lords.

34      Peress li l-partijiet fil-kawżi prinċipali ma jaqblux dwar jekk il-klawżola “standstill” stipulata fl-imsemmi Artikolu 41(1), tapplikax għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar l-ewwel dħul ta’ ċittadini Torok li jitolbu li jgawdu mil-libertà ta’ stabbiliment f’dan l-Istat Membru, il-House of Lords iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lil Stat Membru milli jintroduċi restrizzjonijiet ġodda, b’effett mid-data li fiha dak il-Protokoll daħal fis-seħħ f’dak l-Istat Membru, fuq il-kundizzjonijiet ta’ u l-proċedura għad-dħul fit-territorju tagħha ta’ ċittadin Tork li għandu l-intenzjoni jiftaħ negozju f’dak l-Istat Membru?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

35      Skond il-Gvern tar-Renju Unit, barranin li, bħal V. Tum u M. Dari, qatt ma tħallew jidħlu formalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ma jgawdux mill-garanzija stabbilita mill-klawżola “standstill” prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa fil-fatt limitat għall-barranin li, bħaċ-ċittadin Tork in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, Ġabra p. I-2927), ikunu daħlu legalment fi Stat Membru u li, imbagħad, ikunu ppruvaw jistabbilixxu lilhom infushom hemmhekk billi jiftħu impriża. Il-fatt li V. Tum u M. Dari ppreżentaw applikazzjoni kif supposst sabiex jiġu ammessi fir-Renju Unit huwa irrilevanti.

36      L-imsemmi Gvern jiddeduċi minn dan li, fir-rigward taż-żewġ ċittadini Torok in kwistjoni fil-kawżi prinċipali li ma “daħlux” fir-Renju Unit fis-sens ta’ l-Artikolu 11(1) ta’ l-Att ta’ l-1971 dwar l-Immigrazzjoni, huwa kellu kull dritt japplika r-regoli fuq l-immigrazzjoni ta’ l-1994, li bħalissa huma fis-seħħ u li huma iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli fl-1 ta’ Jannar 1973, billi jimponu, b’mod partikolari, kundizzjoni ġdida li tistipula li l-barranin li jkunu bi ħsiebhom jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat Membru huma marbuta jippreżentaw awtorizzazzjoni għad-dħul valida.

37      In sostenn ta’ din l-argumentazzjoni, il-Gvern tar-Renju Unit jibbaża ruħu fuq is-sentenza Savas, iċċitata iktar ’il fuq, billi jafferma li jirriżulta mill-punti 58 sa 67 ta’ din is-sentenza li persuna li ma tkunx ġiet ammessa legalment fi Stat Mmebru għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda li ma tistax tibbenefika mill-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, peress li din id-dispożizzjoni tirregola biss il-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u, bħala korollarju, ta’ residenza. F’dan ir-rigward, teżisti differenza importanti bejn id-deċiżjoni li ċittadin Tork jingħata viża għall-ewwel dħul fir-Renju Unit u dik li tawtorizza lil tali ċittadin, li jkun daħal b’mod regolari fit-territorju tiegħu, biex joqgħod hemm bħala negozjant. Is-sentenza Savas stabbiliet biss li, ladarba ċittadin Tork ikun daħal legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, jista’ jinvoka l-benefiċċju tal-klawżola “standstill” stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, u dan anki jekk, fid-data li fiha jinvoka din id-dispożizzjoni, ma jkunx għadu f’pożizzjoni regolari f’dak li jirrigwarda s-soġġorn tiegħu f’dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija klawżola sempliċiment mhijiex applikabbli fil-każ fejn tali ċittadin ikun qed jitlob awtorizzazzjoni għad-dħul għall-ewwel darba. Fil-fatt, sakemm ir-Repubblika tat-Turkija tibqa' ma tkunx membru ta’ l-Unjoni Ewropea, din il-kwistjoni tibqa' taqa' taħt il-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenza Savas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

38      Sussidjarjament, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-Protokoll Addizzjonali m’għandux l-għan li jagħti drittiijiet lil persuni li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tkun ġiet irrifjutata u li jista’ jkun li jkollhom jiġu deportati lejn Stat Membru ieħor skond il-Konvenzjoni ta’ Dublin tal-15 ta’ Ġunju 1990. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċċju tal-vantaġġi kollha previsti mill-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi eskluż fil-konfront ta’ ċittadini Torok, bħal V. Tum u M. Dari, li ma ngħataw ebda dritt għal ażil fir-Renju Unit. Kwalunkwe interpretazzjoni differenti tista’ twassal għal abbuż tal-liġi.

39      Matul is-seduta, il-Gvern Olandiż iddefenda, essenzjalment, l-istess pożizzjoni bħal dik tar-Renju Unit.

40      Għal dak li jikkonċerna V. Tum u M. Dari, huma jammettu li l-klawżola “standstill” stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma tagħtihom, minnha nfisha, ebda dritt ta’ stabbiliment, ta’ soġġorn jew ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru u li l-kawża relativi għal drittijiet bħal dawn għandhom bħala regola jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, huma jippretendu li, l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija klawżola tkopri mhux biss il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u s-soġġorn, iżda, loġikament, ukoll dawk marbutin direttament ma’ dawn ta’ l-aħħar, jiġifieri l-kundizzjonijiet relativi għad-dħul taċ-ċittadini Torok fit-territorju ta’ l-Istat Memrbu ospitanti. Huma jiddeduċu minn dan li l-applikazzjonijiet tagħhom għal viża għad-dħul sabiex jeżerċitaw attività professjonali għal rashom fir-Renju Unit għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tar-regoli relativi għall-immigrazzjoni li mhumiex iktar restrittivi minn dawk li kienu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1973.

41      In sostenn ta’ l-argument tagħhom, V. Tum u M. Dari jinvokaw, b’mod partikolari, l-argumenti li ġejjin:

–        L-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq hija konformi ma’ l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Protokoll Addizzjonali, jiġifieri l-eliminazzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment;

–        Fid-dritt Komunitarju, il-libertà ta’ stabbiliment ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li tkopri kemm il-kundizzjonijiet ta’ dħul kif ukoll ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru bħala korollarji neċessarji għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Royer, 48/75, Ġabra p. 497, punt 50; tat-12 ta’ Diċembru 1990, Kaefer u Procacci, C‑100/89 u C-101/89, Ġabra p. I-4647, punt 15, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2001, Barkoci u Malik, C-257/99, Ġabra p. I-6557, punti 44, 50, 58 u 83) u ma hemm ebda raġuni għalfejn il-klawżola “standstill” stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma tistax tinftiehem ukoll f’dan is-sens, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ l-għan definit fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

–        din il-klawżola “standstill” tispiċċa bla sinjifikat u effettività jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jrendu iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-ammissjoni taċ-ċittadini Torok fit-territorju tagħhom, inkwantu l-garanzija ta’ status quo għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u/jew ir-residenza tagħhom tkun tneżżgħet mill-effett prattiku tagħha;

–        ma hemm ebda indikazzjoni, la fl-imsemmija klawżola “standstill” u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fil-leġiżlazzjoni relativa għall-assoċjazzjoni KEE-Turkija, tali li tagħti l-impressjoni li l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola hija limitata għall-kundizzjonijiet għar-residenza u stabbiliment, bl-esklużjoni tal-kundizzjonijiet għad-dħul. Id-differenzi fil-kliem użat fil-klawżola “standstill” li tinsab fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u l-kliem tal-klawżola ta’ l-istess natura stipulata fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, applikabbli għall-ħaddiema impjegati, huma sinjifikattivi f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward hija ta’ natura ġenerali.

42      V. Tum u M. Dari jenfasizzaw li l-pożizzjoni tagħhom hija sostnuta mis-sentenza Savas, iċċitata iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-ewwel waħda mill-imsemmija klawżoli “standstill” hija applikabbli għal persuna li rrisjediet fir-Renju Unit b’mod illegali matul ħdax-il sena, filwaqt li huma ppreżentaw applikazzjonijiet għall-ammissjoni fir-Renju Unit kif suppost. Peress li l-Qorti kkunsidrat li s-Sur Savas seta’ validament jibbaża ruħu fuq din il-klawżola u peress li, bħala konsegwenza ta’ dan, l-applikazzjoni tiegħu kellha tiġi rregolata minn regoli nazzjonali li ma kinux iktar restrittivi minn dawk fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1973, huma jsostnu li din l-interpretazzjoni għandha tingħata fil-konfront tagħhom ukoll.

43      Fl-aħħar nett, ir-rifjut ta’ l-applikazzjonijiet għal ażil ta’ V. Tum u M. Dari huwa irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tagħhom jew le.

44      Il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu l-biċċa l-kbira ta’ l-interpretazzjoni ta’ V. Tum u M. Dari.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, V. Tum u M. Dari ġew ikkunsidrati, skond l-Artikolu 11(1) ta’ l-Att ta’ l-1971 dwar l-Immigrazzjoni, bħala li ma daħlux fit-territorju tar-Renju Unit, peress li l-ammissjoni fiżika tagħhom, b’mod temporanju, filwaqt li ma ngħatawx awtorizzazzjoni għad-dħul f’dan l-Istat Membru, mhijiex ekwivalenti, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, għal awtorizzazzjoni għad-dħul vera f’dan l-Istat Membru.

46      F’dan il-kuntest, mhuwiex ikkontestat li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’mod li d-drittijiet li jagħti liċ-ċittadini Torok li japplika għalihom jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali biex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra l-imsemmi Artikolu 41(1). Din id-dispożizzjoni fil-fatt tipprovdi, f’termini ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet, klawżola “standstill” mhux ekwivoka, li tinkludi obbligu aċċettat mill-partijiet kontraenti li legalment tfisser dmir li ma titteħidx azzjoni (ara s-sentenzi Savas, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 sa 54 u t-tieni inċiż tal-punt 71, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I‑12301, punti 58, 59 u l-ewwel inċiż tal-punt 117).

47      Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fl-ipoteżi li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jkun applikabbli għall-ewwel ammissjoni fi Stat Membru ta’ ċittadini Torok li jkunu jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk mil-libertà ta’ stabbiliment skond il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-leġiżlazzjoni fuq l-immigrazzjoni li ġiet applikata mis-Secretary of State biex jiddeċiedi fuq l-applikazzjonijiet ta’ V. Tum u M. Dari tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-Protokoll Addizzjonali, peress li huwa aċċettat bejn il-partijiet fil-kawżi prinċipali li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, reża applikabbli mill-1 ta’ Ottubru 1994 għandha bħala għan, jew għall-inqas, bħala riżultat, li tissuġġetta d-dħul ta’ ċittadini Torok fir-Renju Unit għal kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali iktar stretti minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Protokoll fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1973.

48      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata ratione materiae tal-klawżola “standstill” stipulata fl-imsemmi Artikolu 41(1), għandu jiġi mfakkar li, skond kliemha stess, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi r-restrizzjonijiet ġodda b’mod partikolari “rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment”.

49      F’dan ir-rigward, jirriżulta diġà mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-imsemmija klawżola “standstill” timpedixxi l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ kull miżura ġdida li jkollha bħala għan jew effett li l-istabbiliment u, b’mod korrellattiv, ir-residenza ta’ ċittadin Tork fit-territorju tiegħu jiġu suġġettati għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli fid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fil-konfront ta’ l-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Savas, punt 69, u Abatay et, punt 66).

50      Din il-ġurisprudenza ma tkoprix b’mod espress l-ewwel dħul taċ-ċittadini Torok fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti.

51      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Savas u Abatay et, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi din il-kwistjoni, peress li kemm is-Sur Savas kif ukoll ix-xufiera in kwistjoni fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, kienu ġew ammessi fl-Istati Membri b’viżas maħruġa skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

52      F’dak li jirrigwarda s-sinjifikat tal-klawżola “standstill” stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li la din il-klawżola u lanqas id-dispożizzjoni li tinkludiha ma huma, minnhom infushom, ta’ tali natura li jagħtu lil ċittadin Tork dritt ta’ stabbiliment jew, b’mod korrelattiv, dritt ta’ residenza, imnisslin direttament mil-leġiżlazzjoni Komunitajra (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Savas, punti 64 u t-tielet inċiż tal-punt 71, u Abatay et, punt 62). L-istess kunsiderazzjoni tgħodd ukoll fir-rigward ta’ l-ewwel dħul ta’ ċittadin Tork fit-territorju ta’ Stat Membru.

53      Min-naħa l-oħra, skond l-imsemmija ġurisprudenza, tali klważola “standstill” għandha tinftiehem fis-sens li tipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda li jkollhom bħala għan jew effett l-issuġġettar ta’ l-istabbiliment taċ-ċittadini Torok fi Stat Membru għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu jirriżultaw mir-regoli li kienu applikabbli għalihom fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fil-konfront ta’ l-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Savas, punti 69, 70 u r-raba' inċiż tal-punt 71, u Abatay et, punti 66 u t-tieni inċiż tal-punt 117).

54      L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjoanli m’għandux għalhekk bħala konsegwenza li jagħti liċ-ċittadini Torok dritt għal dħul fit-territorju ta’ Stat Membru, peress li tali dritt pożittiv ma jistax jiġi dedott mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli bħalissa, iżda għall-kuntrarju huwa rregolat mid-dritt nazzjonali.

55      Minn dan isegwi li klawżola “standstill”, bħal dik stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, ma toperax bħala regola sostantiva, billi tirrendi inapplikabbli l-liġi sostantiva rilevanti li tissostitwixxi, iżda bħala regola ta’ natura kważi proċedurali, li tistabbilixxi, ratione temporis, liema huma d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ stabbiliment fi Stat Membru.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li t-teżi tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali tinvolvi preġudizzju inaċċettabbli għall-prinċipju tal-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni, kif ġie interpretat minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi aċċettat.

57      Fil-fatt, għalkemm jirriżulta mill-imsemmija ġursiprudenza li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-ewwel ammissjoni ta’ ċittadin Tork fit-territorju ta’ Stat Membru hija bħala regola rregolata esklużivament mid-dritt nazzjonali ta’ l-imsemmi Stat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Savas, punti 58 u 65, u Abatay et, punti 63 u 65), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din il-konstatazzjoni biss sabiex tirrispondi fin-negattiv għad-domanda jekk il-klawżola “standstill” stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali tistax, bħala tali, tagħti lil ċittadin Tork il-benefiċċju ta’ ċerti drittijiet pożittivi fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Savas, punti 58 sa 67, u Abatay et, punti 62 sa 65).

58      Madankollu, l-imsemmija klawżola “standstill” ma tqajjimx dubji dwar il-prinċipju tal-kompetenza ta’ l-Istati Membri biex jiżviluppaw il-politika nazzjonali tagħhom dwar l-immigrazzjoni. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li, mid-dħul fis-seħħ tagħha, tali klawżola timponi fuq dawn l-Istati obbligu li ma jaġixxux li għandu l-effett li jillimita, sa ċertu punt, id-diskrezzjoni tagħhom f’dan ir-rigward ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li qed tiġi ppreġudikata, minħabba f’hekk, is-sustanza stess tal-kompetenza sovrana ta’ dawn ta’ l-aħħar fil-qasam tal-kontroll tal-barranin (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 121).

59      Ma tistax tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li jirriżulta mis-sentenza Savas, iċċitata iktar ’il fuq, li ċittadin Tork jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ l-imsemmija klawżola “standstill” biss jekk ikun daħal fi Stat Membru b’mod regolari peress li l-kwistjoni jekk, fid-data ta’ l-applikazzjoni tiegħu biex jistabbilixxi ruħu, is-soġġorn tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jkunx regolari jew le hija irrilevanti, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija klawżola ma tapplikax għall-kundizzjonijiet ta’ l-ewwel ammissjoni ta’ ċittadin Tork fit-territorju ta’ Stat Membru.

60      Għandu jiġi rrilevat f’dan il-kuntest li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jirreferi b’mod ġenerali għar-restrizzjonijiet il-ġodda imposti b’mod partikolari fuq “il-libertà ta’ l-istabbeliment” u huwa ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu billi jeskludi, bħalma jagħmel l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ċerti aspetti partikolari mill-isfera ta’ protezzjoni rikonoxxuta fuq il-bażi ta’ l-ewwel waħda minn dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet.

61      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali huwa intiż biex joħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-implementazzjoni progressiva tal-libertà ta’ stabbiliment permezz tal-projbizzjoni assoluta imposta fuq l-awtoritajiet nazzjonali milli jintroduċi kwalunkwe ostaklu ġdid għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà billi jaggravaw il-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari, sabiex ma ssirx iktar diffiċli l-kisba gradwali ta’ din il-libertà bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija. L-imsemmija dispożizzjoni tal-Protokoll Addizzjonali b’hekk tidher li hija l-korollarju neċessarju ta’ l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u tikkostitwixxi l-kundizzjoni indispensabbli għall-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet nazzjonali għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 68 u 72). Anki jekk, għall-ewwel, sabiex din il-libertà tiġi intordotta b’mod gradwali, ir-restrizzjonijiet nazzjonali eżistenti fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jinżammu, (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1983, Peskeloglou, 77/82, Ġabra p. 1085, punt 13, u Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81), huwa fil-fatt importanti li jiġi assigurat li ebda ostaklu ġdid ma jiġi introdott sabiex ma tiġix ostakolata iktar l-implementazzjoni gradwali ta’ din il-libertà.

62      Għandu jiġi kkonstatat li s’issa, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma adotta ebda miżura abbażi ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-finijiet ta’ l-eliminazzjoni effettiva mill-partijiet kontraenti tar-restrizzjonijiet eżistenti fuq il-libertà ta’ stabbiliment, skond il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma tipproduċi effett dirett (sentenza Savas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

63      Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-klawżola “standstill” stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandha tapplika wkoll għal-leġiżlazzjoni dwar l-ewwel dħul taċ-ċittadini Torok fi Stat Membru li fit-territorju tiegħu jixtiequ jagħmlu użu mil-libertà ta’ stabbiliment skond il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

64      Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-argument sussidjarju tal-Gvern tar-Renju Unit, li l-persuni li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tkun ġiet irrifjutata, bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, m’għandhomx jiġu awtorizzati jinvokaw il-benefiċċju ta’ l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, peress li kwalunkwe interpretazzjoni oħra tkun qed tapprova l-frodi jew l-abbużi, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-partijiet ma jistgħux b’mod frodulenti jew abużivament jistrieħu fuq regoli Komunitarji (is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra, p. I-1609, punt 68) u li l-qrati nazzjonali jistgħu, każ b’każ, billi jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi, jieħdu in kunsiderazzjoni l-aġir abużiv jew frodulenti tal-persuni kkonċernati sabiex jirrifjutawlhom, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju invokati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 25).

65      Madankollu, fil-kawżi prinċipali, jirriżulta mill-inkartamenti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li l-qrati li ddeċidew il-mertu tal-kawżi li bħalissa huma pendenti quddiem il-House of Lords ikkonstataw espressament li V. Tum u M. Dari ma jistgħu jiġu akkużati b’ebda frodi u li s-sitwazzjoni tagħhom lanqas ma tqajjem kwistjonijiet ta’ ħarsien ta’ interess leġittimu ta’ l-Istat, bħall-ordni pubbliku, is-sigurtà jew is-saħħa pubblika (ara l-punt 32 ta’ din is-sentenza).

66      Barra minn hekk, lanqas ma ġie pprovat, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, xi element konkret li jista’ jagħti l-impressjoni li, fil-kawżi prinċipali, l-applikazzjoni tal-klawżola “standstill” stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ġiet invokata mill-partijiet ikkonċernati bil-għan biss li jibbenefikaw b’mod abużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt Komunitarju.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li V. Tum u M. Dari kienu ppreżentaw, qabel l-applikazzjonijiet tagħhom għal awtorizzazzjoni għad-dħul fir-Renju Unit għall-finijiet ta’ l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, applikazzjonijiet għall-ażil, li madankollu ġew irrifjutati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li, minnu nnifsu, jikkostitwixxi abbuż jew frodi.

68      Minbarra dan, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma jistipula ebda limitu fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini Torok li l-benefiċċju ta’ l-istatus ta’ refuġjat ikun ġie rrifjutat lilhom mill-imsemmija awtoritajiet, b’mod li r-rifjut ta’ l-applikazzjonijiet għal ażil ta’ V. Tum u M. Dari huwa irrilevanti għad-deċiżjoni dwar jekk l-imsemmija dispożizzjoni hijiex applikabbli fil-kawżi prinċipali.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hi li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-introduzzjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll fir-rigward ta’ l-Istat Membru kkonċernat, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel ammissjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jeżerċitaw hemmhekk attività professjonali għal rashom.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-introduzzjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll fir-rigward ta’ l-Istat Membru kkonċernat, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel ammissjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jeżerċitaw hemmhekk attività professjonali għal rashom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.