Language of document : ECLI:EU:C:2018:479

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑21 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawża C342/17

Memoria Srl,

Antonia Dall’Antonia

vs

Comune di Padova,

bl-intervent ta’:

Alessandra Calore

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto, l-Italja))

“Domanda preliminari — Ammissibbiltà — Sitwazzjoni purament interna — Restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni li tipprojbixxi kull attività lukrattiva relatata maż-żamma ta’ urni funebri”






1.        Għal raġunijiet diversi ħafna (reliġjużi, kulturali, sanitarji), iċ-ċiviltajiet kollha kellhom jindirizzaw it-trattament tal-fdalijiet mortali tal-mejtin. Sa minn ħafna żmien ilu, ħafna minnhom għażlu li jidfnu l-katavru (sit tibi terra levis) f’ċimiterji jew f’postijiet għad-dfin, li fihom dan jiġi midfun, tiġi mħeġġa t-tifkira tiegħu u tiġi onorata l-memorja tiegħu. Fis-sekli reċenti, dawn il-postijiet kienu normalment immexxija mill-awtoritajiet pubbliċi, ġeneralment dawk muniċipali.

2.        Madankollu, qiegħda ssir iktar komuni l-kremazzjoni jew l-inċinerazzjoni tal-katavri. Peress li r-riluttanza, ftit jew wisq tradizzjonali, għall-użu ta’ din it-teknika qiegħda tisparixxi (2) u, fl-istess ħin, qegħdin jiġu nnotati l-benefiċċji tagħha (ekonomiċi, soċjali, tat-teħid ta’ spazju u oħrajn), il-prattika tal-kremazzjoni qiegħda ssir iktar komuni, fatt li jwassal għal kwistjonijiet ġodda, bħal dawk relatati maż-żamma tal-irmied.

3.        Inħoloq netwerk kumpless ta’ servizzi funebri f’dak li jirrigwarda l-mewt. Ħafna minnhom huma mmexxija minn impriżi privati, li jipprovdu l-kollaborazzjoni professjonali tagħhom lill-qraba tal-mejjet, partikolarment fir-rigward tat-trasferiment tal-fdalijiet, mid-djar jew mill-kmamar mortwarji, u ta’ attivitajiet u proċeduri oħrajn inerenti għall-funerali, qabel id-dfin. Apparti dawn is-servizzi funebri hemm is-servizzi funebri fis-sens strett (3), li jsiru fil-perimetru taċ-ċimiterju u jinkludu, b’mod partikolari, il-kremazzjoni jew id-dfin tal-katavri jew tal-irmied u ż-żamma tal-fdalijiet mortali(4). Dawn is-servizzi msemmija l-aħħar ġeneralment jiddependu esklużivament fuq l-awtoritajiet pubbliċi, ġeneralment muniċipali.

4.        Madankollu, f’xi Stati Membri ġew awtorizzati ċimiterji privati u, f’oħrajn (fosthom l-Italja), il-ġestjoni ta’ ċimiterji pubbliċi tista’ ssir minn impriżi kummerċjali. Minn din il-perspettiva, wieħed jista’ jitkellem dwar ċerta privatizzazzjoni taċ-ċimiterji, mhux mingħajr kontroversja, fejn ġie enfasizzat il-“ksur kulturali” li dawn l-inizjattivi jimplikaw. Fil-kontroversja jingħaqdu l-kunsiderazzjonijiet antropoloġiċi ma’ kunsiderazzjonijiet oħrajn li jiddefendu s-sopravivenza taċ-ċimiterji pubbliċi, bħala beni komuni li jirriflettu l-memorja storika ta’ komunità.

5.        Preċiżament f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari qiegħed jiġi diskuss jekk il-Komun tal-belt Taljana ta’ Padova jistax jirriżerva ż-żamma tal-urni bl-irmied li jirriżultaw mill-kremazzjonijiet (meta l-membri tal-familja jiddeċiedu li ma jżommuhomx f’darhom) għaċ-ċimiterji muniċipali.

6.        Sabiex tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqabbel il-projbizzjoni li l-impriżi privati jwettqu din l-attività, mal-libertajiet ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi. Fejn applikabbli, għandhom jiġu eżaminati r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni, kemm jekk jirriżultaw minn rekwiżiti relatati mas-saħħa pubblika (magħrufa sew fil-ġurisprudenza tagħha) jew mir-rispett għall-pietas dovuta lill-mejtin, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni dwarhom sa issa, sakemm m’iniex sejjer żball.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      TFUE

7.        L-Artikolu 49 TFUE jirregola l-libertà ta’ stabbiliment kif ġej:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 54 taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital.”

8.        L-Artikolu 56(1) TFUE jittratta l-moviment liberu tas-servizzi b’dan il-mod:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

2.      Id-Direttiva 2006/123/KE (5)

9.        Skont l-Artikolu 1:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.

2.      Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas mil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi.

3.      Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi lanqas l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

[…]”

10.      Skont l-Artikolu 2:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

a)      servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

[…]”.

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Il-Liġi Nru 234/2012 (6)

11.      L-Artikolu 53 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet jew il-prattiki tad-dritt Taljan, li jipproduċu effetti diskriminatorji fir-rigward tal-kundizzjonijiet u t-trattament iggarantiti mill-ordinament ġuridiku Taljan liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, ma humiex applikabbli għaċ-ċittadini Taljani.

2.      Il-Liġi Nru 130/2001 (7)

12.      L-Artikolu 3 jipprevedi:

“1.      Fis-sitt xhur wara l-promulgazzjoni ta’ din il-liġi, ir-[Regolament tal-1990] jista’ jiġi emendat b’regolament adottat skont l-Artikolu 17(1), tal-Liġi Nru 400, tat‑23 ta’ Awwissu 1998, emendata, fuq proposta tal-Ministeru għas-Saħħa, wara li ġew mismugħa l-Ministeri għall-Intern u għall-Ġustizzja, u wara li tkun inkisbet l-opinjoni tal-kumitati parlamentari kompetenti, fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

a)      […]

b)      l-awtorizzazzjoni sabiex issir il-kremazzjoni għandha tingħata skont ir-rieda tal-mejjet espressa matul ħajtu jew murija minn membru tal-familja tiegħu skont il-modalitajiet li ġejjin:

[…]

c)      it-tixrid tal-irmied, skont ir-rieda tal-mejjet, ma huwiex permess ħlief f’settur taċ-ċimiterju rriżervat għal dan il-għan, fin-natura jew fuq art privata; it-tixrid fuq art privata għandu jsir fl-apert bil-permess tas-sid u ma jistax jagħti lok għal remunerazzjoni; fi kwalunkwe każ, it-tixrid tal-irmied huwa pprojbit f’żoni abitati […]; it-tixrid fil-baħar, fl-ilmijiet tal-lagi u fil-korsijiet tal-ilma huwa permess fiż-żoni mingħajr dgħajjes u mingħajr kostruzzjonijiet;

d)      it-tixrid tal-irmied għandu jsir mill-konjuġi jew minn membru ieħor tal-familja awtorizzat, mill-eżekutur testamentarju jew mir-rappreżentant legali tal-assoċjazzjoni rregolata fil-punt 2(b) preċedenti li l-mejjet kien parti minnha, u, fin-nuqqas ta’ dan, minn persuna awtorizzata għal dan il-għan mill-muniċipalità;

[…];

f)      it-trasport tal-urna bl-irmied ma huwiex suġġett għall-miżuri sanitarji preventivi previsti għat-trasport tal-katavri, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor mill-awtoritajiet tas-saħħa;

[…]

i)      kamra ta’ stennija fil-krematorju għandha tkun tista’ tippermetti t-twettiq tar-riti funebri u l-għoti tal-aħħar ġieħ lill-mejjet b’mod dinjituż.”

3.      Id-Digriet Irjali tal1934 (8)

13.      L-Artikolu 343 jistipula li:

“Il-kremazzjoni tal-katavri għandha ssir fi krematorju awtorizzat mill-prefett provinċjali, wara li jkun ġie mismugħ it-tabib provinċjali. Il-Komun għandu jipprovdi r-roqgħa art neċessarja fiċ-ċimiterju għall-bini tal-krematorju mingħajr ħlas. L-urni funebri bir-residwi tal-kremazzjoni kompluta jistgħu jitqiegħdu f’ċimiterju, f’kappella jew f’tempju li jappartjeni lill-persuna ġuridika, jew f’post privat fejn jinżammu l-urni b’mod permanenti u protett kontra kwalunkwe profanazzjonijiet.”

4.      Ir-Regolament dwar il-Pulizija Mortwarja tal1990 (9)

14.      L-Artikoli 90 sa 95 tiegħu jindirizzaw l-għoti ta’ oqbra privati fiċ-ċimiterji. L-Artikolu 92(4) jipprojbixxi l-għoti ta’ rqajja’ art għal oqbra privati lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li beħsiebhom jagħmlu profitt jew negozju bihom.

5.      Il-Liġi Reġjonali tal-Veneto fil-Qasam Funebru tal2010 (10)

15.      L-Artikolu 1(1) tagħha jipprovdi:

“Din il-liġi tirregola l-aspetti relatati mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika fil-kuntest tal-funzjonijiet u s-servizzi marbutin mal-mewt ta’ kwalunkwe persuna b’rispett għad-dinjità, għat-twemmin reliġjuż u kulturali u għad-dritt ta’ kulħadd li jkun jista’ jagħżel b’mod liberu l-mod ta’ dfin jew l-inċinerazzjoni.”

16.      L-Artikolu 49(2) jistabbilixxi:

“Permezz ta’ talba, l-urna ssiġillata tista’ tingħata lill-persuni awtorizzati sabiex tinżamm fiċ-ċimiterju, sabiex tinżamm f’post privat jew sabiex jinxterrdu l-irmied.”

6.      Ir-Regolament Muniċipali ta’ Padova dwar is-Servizzi Funebri (11)

17.      L-Artikolu 52 (“Żamma tal-urni sabiex jinżammu d-dar”), kif emendat bil-Ftehim Muniċipali Nru 2015/0084, jipprovdi kif ġej:

“1.      Iż-żamma tal-urna funebri sabiex tiġi kkonservata f’dar għandha tingħata b’osservanza għad-dispożizzjonijiet bil-miktub magħmulin mill-mejjet matul ħajtu. Fin-nuqqas ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bil-miktub, iż-żamma tista’ tintalab mill-konjuġi jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-qarib l-iktar viċin stabbilit skont l-Artikoli 74, 75, 76 u 77 tal-Kodiċi Ċivili u, jekk ikun hemm diversi, mill-maġġoranza assoluta tagħhom.

[…]

3.      Id-depożitarju tal-urna funebri bl-ebda mod ma jista’ jitlob lil terzi jżommuha. Tali projbizzjoni tgħodd ukoll fil-każ ta’ rieda espressa manifestata mill-mejjet matul ħajtu.

4.      Id-depożitarju tal-urna għandu jżommha f’daru, f’post protett kontra profanazzjonijiet jew serq possibbli. Ma jistgħux isiru fetħiet jew toqob fl-urna għal kwalunkwe raġuni.

5.      Is-servizzi funebri jistgħu jeħtieġu fi kwalunkwe ħin li tiġi ppreżentata l-urna funebri mid-depożitarju, sabiex tiġi vverifikata l-integrità u l-istat ta’ żamma tagħha.

[…]

9.      Fi kwalunkwe ħin jista’ jiġi mitlub li l-urna ddepożitata titqiegħed f’ċimiterju.

10.      Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4, iż-żamma tal-urni funebri fl-ebda każ ma tista’ tiġi eżerċitata bi skop ta’ lukru. Konsegwentement, ma humiex awtorizzati attivitajiet ekonomiċi li l-għan tagħhom, anki jekk ma jkunx esklużiv, ikun iż-żamma ta’ urni funebri bi kwalunkwe titolu u għal kwalunkwe żmien. Tali projbizzjoni tgħodd ukoll fil-każ ta’ rieda espressa manifestata mill-mejjet matul ħajtu.”

II.    Il-kawża nazzjonali u d-domanda preliminari

18.      Il-kumpannija Memoria Srl twaqqfet fl‑1 ta’ Diċembru 2014 bil-għan li toffri lill-pubbliku s-servizz ta’ żamma ta’ urni funebri.

19.      Memoria Srl kienet toffri l-possibbiltà lill-familji li l-mejtin tagħhom ġew inċinerati sabiex iżżomm l-urni funebri f’postijiet li ma humiex djar jew ċimiterji, fejn fihom jistgħu jfakkru l-memorja tagħhom u jagħtu rispett lill-maħbubin mejtin tagħhom. Hija rreklamathom bħala spazji maħsubin biss sabiex iżommu dawn l-urni f’ambjenti estetikament pjaċevoli, irriżervati, protetti u adattati b’mod speċjali għall-meditazzjoni u t-talb fil-memorja tal-mejtin. Għal dan il-għan, il-qraba kienu jiffirmaw kuntratti ta’ trasferiment tad-dritt ta’ użu tan-niċeċ (il-postijiet irriżervati għaż-żamma tal-urni) fejn kienu jinżammu l-urni.

20.      Minn Settembru 2015, Memoria Srl inawgurat l-ispazji funebri msemmija, li sejħet “luoghi della memoria” (postijiet ta’ tfakkir), li jinsabu f’żoni differenti fil-belt ta’ Padova. L-aċċess għall-membri tal-familja tal-mejjet għal dawn il-postijiet kien jiddependi fuq l-aċċettazzjoni ta’ kodiċi intern ta’ kondotta, li kien jimponi l-osservanza tar-regoli ta’ edukazzjoni tajba, ta’ manjieri tajbin u ta’ dinjità, il-projbizzjoni ta’ konsum ta’ xorb alkoħoliku u l-obbligu li jintlibes ilbies xieraq.

21.      A. Dall’Antonia kienet klijenta potenzjali ta’ Memoria Srl, peress li hija kienet ippjanat li tinċinera l-ġisem tar-raġel tagħha u tieħu l-irmied tiegħu f’wieħed minn dawn il-postijiet.

22.      Fit‑30 ta’ Novembru 2015, il-Consiglio Comunale di Padova (il-Kunsill Muniċipali ta’ Padova) adotta l-Ftehim Nru 2015/0084, li emenda r-Regolament Muniċipali dwar is-Servizzi Funebri (12). Din l-emenda eskludiet il-possibbiltà li d-depożitarju tal-urni funebri jista’ juża servizzi kummerċjali privati, ġestiti barra mill-kuntest ordinarju tas-servizzi funebri u taċ-ċimiterji muniċipali.

23.      Fil‑15 ta’ Frar 2016, Memoria Srl u A. Dall’Antonia ressqu kawża quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il-Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto, l-Italja) fejn talbu l-annullament tal-Ftehim Nru 2015/0084 tal-Kunsill Muniċipali ta’ Padova, kif ukoll il-kumpens għad-dannu mġarrab minn Memoria Srl. Huma invokaw, essenzjalment, l-inkompatibbiltà ta’ dan il-ftehim mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.

24.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar l-applikabbiltà ta’ dawn il-prinċipji għal miżura li hija valida biss fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Padova u li ma taffettwax il-popolazzjoni Taljana kollha. Barra minn hekk, hija temmen li ma jidhirx li hemm raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li jistgħu jiġġustifikaw din ir-restrizzjoni.

25.      F’dan il-kuntest, din il-qorti għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet segwenti tal-Artikolu 52 tar-Regolament dwar is-servizzi funebri tal-Comune di Padova (l-Italja):

‘Id-depożitarju tal-urna funebri bl-ebda mod ma jista’ jitlob lil terzi jżommuha. Tali projbizzjoni tgħodd ukoll fil-każ ta’ rieda espressa manifestata mill-mejjet matul ħajtu’ (it-tielet paragrafu).

L-urna għandha tinżamm esklużivament fl-abitazzjoni tad-depożitarju […]’ (ir-raba’ paragrafu).

[…]

Iż-żamma tal-urni funebri fl-ebda każ ma tista’ tiġi eżerċitata bi skop ta’ lukru u, konsegwentement, ma humiex awtorizzati attivitajiet ekonomiċi li l-għan tagħhom, anki jekk ma jkunx esklużiv, ikun iż-żamma ta’ urni funebri bi kwalunkwe titolu u għal kwalunkwe żmien. Tali projbizzjoni tgħodd ukoll fil-każ ta’ rieda espressa manifestata mill-mejjet matul ħajtu’ (l-għaxar paragrafu).”

26.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Memoria Srl, mill-Komun ta’ Padova, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tal-Komun ta’ Padova, dawn kollha intervjenew waqt is-seduta li nżammet fis‑16 ta’ April 2018, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni eventwali tad-Direttiva 2006/123.

III. Analiżi tad-domanda preliminari

27.      Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk regola nazzjonali li timpedixxi li impriżi privati jipprovdu servizzi ta’ żamma ta’ urni funebri hijiex kompatibbli mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

28.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li l-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi preliminari tagħha għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħtiha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha (13).

29.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati lilha (14).

30.      Minn din il-perspettiva, mill-kontenut tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u mid-diskussjoni li saret matul is-seduta jirriżulta li l-projbizzjoni li l-impriżi privati jipprovdu servizzi ta’ żamma ta’ urni funebri għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tad-Direttiva 2006/123.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

31.      Il-Gvern Taljan u l-Komun ta’ Padova jiċħdu l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari bażikament (15) għal żewġ raġunijiet: a) din hija tilwima purament interna mingħajr elementi transkonfinali u b) il-qorti tar-rinviju, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ma inkludietx l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi tat-tilwima rilevanti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi b’mod xieraq.

32.      L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tirriżulta mill-fatt li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni purament interna, li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni: kumpannija Taljana tilmenta kontra l-Komun ta’ Padova minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni muniċipali, fis-seħħ fit-territorju tiegħu biss. Għalhekk, ma hemm ebda punt ta’ konnessjoni transkonfinali sabiex isiru domandi rigward il-libertajiet fundamentali tas-suq intern (16).

33.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar sitwazzjonijiet purament interni, reċentement sistematizzata fis-sentenza Ullens de Schooten (17), din l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

34.      Huwa ċert li, bħala regola ġenerali, “[i]d-dispożizzjonijiet tat-Tratta FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss” (18).

35.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta eċċezzjonijiet għal din ir-regola, u tqis li għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi domandi preliminari magħmulin f’kawżi purament interni u mingħajr elementi transkonfinali ovvji, meta jkun hemm dawn l-eċċezzjonijiet.

36.      L-ewwel eċċezzjoni tirrigwarda r-rinviji li fihom dispożizzjoni legali interna testendi liċ-ċittadini tagħha l-istess drittijiet li d-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni jagħtu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, sabiex tiġi evitata l-hekk imsejħa diskriminazzjoni invertita (diskriminazzjoni à rebours).

37.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-interpretazzjoni tal-libertajiet fundamentali previsti fl-Artikoli 49, 56 jew 63 TFUE tista’ tirriżulta rilevanti f’kawża li fiha l-elementi kollha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss meta d-dritt nazzjonali jimponi lill-qorti tar-rinviju li tagħti lil ċittadin tal-Istat Membru li din il-qorti taqa’ taħtu l-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jislet mid-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (19)”.

38.      F’din il-kawża, il-qorti nazzjonali tqis, korrettament, li l-Artikolu 53 tal-Liġi Nru 234/2012 jipprojbixxi d-diskriminazzjoni invertita u jimplika l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE għaċ-ċittadini Taljani, anki f’sitwazzjonijiet purament interni, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonferma wkoll (20).

39.      Eċċezzjoni oħra ppreċiżata fis-sentenza Ullens de Schooten hija dik li tirrigwarda “dispożizzjonijiet applikabbli mhux biss għaċ-ċittadini nazzjonali, iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, [meta] [d]-deċiżjoni li din il-qorti ser tadotta wara s-sentenza tagħha mogħtija preliminarjament ser tipproduċi l-istess effetti fir-rigward ta’ dawn iċ-ċittadini tal-aħħar, liema fatt jiġġustifika li hija tirrispondi għad-domandi li sarulha b’rabta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali minkejja l-fatt li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati fi Stat Membru wieħed biss” (21).

40.      Hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju, li tirrepeti l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi eskluż li operatur ekonomiku ta’ Stat Membru ieħor li jippermetti ż-żamma ta’ urni fi spazji ġġestiti minn kumpanniji kummerċjali jiddeċiedi, fil-futur, li jwettaq l-attività tiegħu fit-territorju Taljan. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jixtieq ikollu l-possibbiltà li jirrikorri għal servizzi simili fit-territorju Taljan.

41.      Għalhekk, inqis li d-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm fil-qosor, tistabbilixxi ċerta konnessjoni bejn l-għan jew iċ-ċirkustanzi tal-kawża u l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE (22).

42.      Għandu jiżdied, ma’ dak li ntqal hawn fuq, argument speċifiku rigward l-impatt potenzjali (23) tad-Direttiva 2006/123, li wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha (dawk tal-Kapitolu III, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, “għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għal sitwazzjoni li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss” (24).

43.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li:

‑      “[I]l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet [tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123] ma tistipula ebda kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ element barrani”.

‑      “[L]-Artikolu 2(1) [tad-Direttiva 2006/123] jipprovdi, b’mod ġenerali, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ servizzi li jinkludu element barrani u l-attivitajiet ta’ servizzi mingħajr ebda element ta’ din in-natura, li din id-direttiva tapplika għas-‘servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru’”.

‑      “[I]l-punt 2 tal-Artikolu 4 u l-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, li jiddefinixxu, rispettivament, il-kunċetti ta’ ‘fornitur’ u ta’ ‘stabbiliment’, ma jagħmlu riferiment għal ebda element transkonfinali”.

‑      “[L]-interpretazzjoni li tipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 ma japplikawx biss għall-fornitur li jixtieq jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor iżda wkoll għal dak li jixtieq jistabbilixxi ruħu fl-Istat Membru tiegħu stess, hija konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva”.

‑      “Il-konstatazzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 japplikaw ukoll f’sitwazzjonijiet purament interni hija msaħħa wkoll mill-eżami tax-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva” (25).

44.      Konsegwentement, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tiġi milqugħa.

45.      It-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà wkoll għandha tiġi miċħuda, li fiha qiegħed jiġi allegat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma inkludietx l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi indispensabbli sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha. B’mod partikolari, il-Gvern Taljan u l-Komun ta’ Padova jindikaw li l-espożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli hija limitata għar-Regolament Muniċipali dwar is-Servizzi Funebri, iżda ma tiddeskrivix il-qafas leġiżlattiv intern, nazzjonali u reġjonali, ta’ livell superjuri, li taħtu dan jaqa’.

46.      Għall-kuntrarju, naħseb li l-qorti tar-rinviju stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-elementi bażiċi tad-dritt nazzjonali li jiddeterminaw il-projbizzjoni ta’ servizzi privati ta’ żamma ta’ urni funebri, sabiex dawn jiġu mqabbla mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li hija teħtieġ li jiġu interpretati. Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ssodisfatti u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam. (26)

47.      Il-fatt li l-qorti tar-rinviju rreferiet biss għall-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mhux għal dawk tal-Komun ta’ Padova ma jbiddilx din il-konklużjoni, peress li l-possibbiltà li jiġu inklużi xi argumenti jew oħrajn taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali meta tħejji d-domanda preliminari tagħha.

48.      Għaldaqstant, inqis li d-domanda preliminari għandha tiġi aċċettata.

B.      Fuq il-mertu

49.      Qabelxejn, għandu jiġi ċċarat jekk, f’din il-kawża, ir-regoli relatati mal-libertà ta’ stabbiliment jew dawk relatati mal-libertà ta’ moviment tas-servizzi jistgħux jiġu miksura. Jekk dan ikun il-każ, it-tieni pass ikun li tiġi analizzata l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 jew tar-regoli tad-dritt primarju li jirregolaw dawn il-libertajiet (Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE).

50.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-libertà ta’ stabbiliment, iggarantita fl-Artikolu 49 TFUE, huwa li tippermetti lil ċittadin ta’ Stat Membru joħloq stabbiliment fi Stat Membru ieħor, sabiex jeżerċita fih l-attivitajiet tiegħu u b’hekk tiffavorixxi l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni, fil-qasam tal-attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha.

51.      Din il-libertà timplika, għalhekk, il-possibbiltà li persuna fiżika jew ġuridika tipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħha u li din tibbenefika minnha billi teżerċita b’mod effettiv attività ekonomika permezz ta’ installazzjoni permanenti u għal żmien indeterminat (27).

52.      Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, irrikonoxxuta fl-Artikolu 56 TFUE, din tkopri s-servizzi kollha li ma humiex offruti b’mod stabbli u kontinwu, mill-post ta’ negozju fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (28).

53.      Fil-kawża prinċipali, Memoria Srl tixtieq tiffaċilita s-servizz ta’ żamma ta’ urni funebri, permezz ta’ stabbiliment permanenti u għal żmien indeterminat, fil-muniċipalità ta’ Padova. It-talba tagħha, għalhekk, taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment (29).

54.      Restrizzjoni eventwali għal din il-libertà tista’ tiġi vverifikata billi tiġi mqabbla ma’ regola tad-dritt sekondarju (Direttiva 2006/123) jew mad-dritt primarju (Artikolu 49 TFUE).

55.      Jekk din ir-restrizzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, ma għandhiex tkun suġġetta wkoll għall-filtru tal-Artikolu 49 TFUE. L-eżami simultanju ta’ miżura nazzjonali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 u ta’ dawk tat-TFUE jkun ekwivalenti għall-introduzzjoni ta’ eżami każ b’każ, skont id-dritt primarju, u għalhekk jinvalida l-armonizzazzjoni selettiva mwettqa minn din id-direttiva (30).

1.      Jekk l-attività kontenzjuża taqax taħt id-Direttiva 2006/123

56.      Id-dubju sussegwenti huwa jekk is-servizz ta’ żamma ta’ urni funebri jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi.

57.      L-ewwel qari tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/123 jimmilita favur l-applikabbiltà tagħha. Skont l-Artikolu 2(1), din id-direttiva “għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru”. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola jinstabu fl-Artikolu 2(2) u (3) u l-ebda wieħed ma jinkludi, għall-inqas b’mod espliċitu, is-servizzi funebri, b’mod ġenerali, u lanqas iż-żamma ta’ urni funebri, b’mod speċifiku (31).

58.      Peress li s-servizz ta’ żamma ta’ urni funebri offrut minn Memoria Srl jista’ jikkwalifika bħala attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, eżerċitata inkambju għal remunerazzjoni (32), l-inklużjoni tiegħu fil-klawżola ġenerali (Artikolu 2(1)) u mhux fil-klawżoli tal-eċċezzjoni (Artikolu 2(2) u (3)) tiffavorixxi li dan ikun suġġett għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/123.

59.      Madankollu, skont l-Artikolu 1(3) tagħha, id-Direttiva 2006/123 “ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi”. Il-premessa 8 tad-Direttiva tipprovdi ċerti kjarifiki f’dan ir-rigward: “[h]uwa xieraq li d-dispożizzjonijiet [tagħha] dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi għandu japplika biss sakemm l-attivitajiet trattati huma miftuħa għal kompetizzjoni, sabiex dawn ma jobbligawx lill-Istati Membri […] li jabolixxu monopolji eżistenti” (33).

60.      Il-leġiżlazzjoni tal-Komun ta’ Padova tneħħi mill-kompetizzjoni bejn operaturi privati l-provvista tas-servizz ta’ żamma ta’ urni funebri, u għalhekk din issir is-suġġett ta’ monopolju. Il-monopolju huwa attribwit lill-impriża muniċipali inkarigata bil-ġestjoni tas-servizzi funebri. Bl-istess mod, din timpedixxi lil impriżi oħra, bħal Memoria Srl jaċċedu għal din l-attività.

61.      Il-fatt li dawn il-monopolji li jipprovdu servizzi jinsabu barra mid-Direttiva 2006/123 huwa ddikjarat fl-Artikolu 1(3) imsemmi iktar ’il fuq, moqri fid-dawl tal-premessa 8 tagħha. Għalhekk, fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, li fih ir-regoli speċifikament applikabbli għal-libertà ta’ stabbiliment, ma hemm ebda dispożizzjoni applikabbli għal dawn il-monopolji, maħluqa minn leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt:

‑      L-Artikoli 9 sa 13 jirreferu għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni bil-għan ta’ aċċess għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizzi, li huma differenti b’mod ċar mill-każijiet fejn l-aċċess għal din l-attività huwa pprojbit għall-operaturi kollha, ħlief għall-benefiċjarju tal-monopolju.

‑      L-Artikoli 14 u 15 jiddistingwu bejn ir-rekwiżiti pprojbiti u dawk li huma suġġetti għal evalwazzjoni. Dawk ipprojbiti (l-Artikolu 14(1) sa (8)) ma jistgħux ikunu ġġustifikati u l-Istati Membri għandhom ineħħuhom b’mod prijoritarju u sistematiku. Fl-ebda wieħed minnhom ma hemm projbizzjoni bħal dik tal-Komun ta’ Padova.

‑      Fir-rigward tar-rekwiżiti suġġetti għal evalwazzjoni (l-Artikolu 15(1)), huma l-Istati Membri li għandhom jeżaminaw jekk l-ordinament ġuridiku tagħhom jipprevedix ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 15(2) u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ bżonn u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 15(3). Il-projbizzjoni tal-eżerċizzju bi skop ta’ lukru tal-attività ta’ żamma ta’ urni funebri, imposta fuq l-operaturi li ma humiex dak magħżul mill-Komun ta’ Padova, lanqas ma taqa’ taħt dawn ir-rekwiżiti suġġetti għal evalwazzjoni.

62.      Fil-qosor, nemmen li monopolju ta’ provvista ta’ servizzi ta’ żamma ta’ urni funebri, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

2.      Applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijet tat-Trattat FUE

63.      Jekk id-direttiva li tarmonizza d-dritt derivat ma tapplikax fir-rigward tar-resitrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, l-iskrutinju tagħha għandu jsir fir-rigward tad-dritt primarju (34). B’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li interpretatu b’mod abbundanti.

64.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti biss lil operatur awtorizzat wieħed jeżerċità l-attività ta’ żamma ta’ urni funebri timplika, eo ipso, ostakolu insormontabbli sabiex dan is-servizz jiġi pprovdut minn kwalunkwe impriża oħra. Id-depożitarju ta’ urna funebri jista’ jmur biss għand il-fornitur tas-servizz muniċipali taċ-ċimiterji sabiex iżommha barra d-dar tiegħu, iżda ma għandux il-possibbiltà li jmur għand ebda fornitur ieħor ta’ dan is-servizz.

65.      F’dawn il-kundizzjonijiet, billi jissuġġetta l-eżerċizzju tal-attività għal skema ta’ esklużività favur operatur wieħed, il-Komun ta’ Padova jirristrinġi l-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (35). L-Artikolu 37 TFUE ma huwiex applikabbli għall-monopolji tal-provvista ta’ servizzi (36).

66.      Skont l-Artikoli 14 TFUE u 106(2) TFUE, il-provvista tal-attività ta’ żamma ta’ urni, kif irregolata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali (37), tista’ taqa’ taħt il-kategorija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew taħt dik ta’ servizzi ta’ interess ġenerali mingħajr konnotazzjoni ekonomika (38).

67.      Fl-ewwel waħda minn dawn l-ipoteżi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li “l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw” dawn is-servizzi, skont “[i]d-differenzi fil-ħtiġijiet u l-preferenzi ta’ l-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti”. (39)

68.      Jekk, min-naħa l-oħra, dan kien servizz ta’ interess ġenerali li ma għandux natura ekonomika, l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat ta’ Lisbona, jiddikjara, f’termini pjuttost qawwija, li “[i]d-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jaffettwaw bl-ebda mod il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdi, jikkummisjonaw u jorganizzaw” dawn is-servizzi (40).

69.      Madankollu, id-dokumenti fil-fajl ma joffrux informazzjoni suffiċjenti sabiex tintlaħaq konklużjoni ċerta, speċjalment jekk jiġi nnotat li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddefinixxu b’mod rigoruż l-għanijiet imposti fuq il-fornituri ta’ dawn is-servizzi. Hija l-qorti tar-rinviju, għaldaqstant, dik li għandha tiċċara dan il-fatt (41).

70.      Jekk tagħżel l-applikabbiltà tal-Artikolu 106 TFUE, xorta jkollha tivverifika jekk l-attività kkontestata hijiex suġġetta għall-bqija tar-regoli tat-Trattati (fosthom, dawk relatati mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-limitazzjonijiet tagħha), li ġeneralment ikun il-każ, ħlief jekk “l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli […] [tostakola] it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi” fdati lill-impriża inkarigata bil-ġestjoni tas-servizz.

71.      B’mod jew ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk din ir-restrizzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment tistax tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ “ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika” jew minħabba raġunijiet imperattivi (oħra) ta’ interess ġenerali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ser nirreferi biss għal dawk li ġew imsemmija fil-kawża.

a)      Is-saħħa pubblika

72.      L-awtoritajiet nazzjonali li jinvokaw din il-ġustifikazzjoni għandhom juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri, li r-restrizzjoni bbażata fuq din ir-raġuni hija essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan invokat, u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet ta’ portata iżgħar jew li jaffettwaw b’mod inqas il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. L-Istat Membru li jinvoka l-eċċezzjoni tas-saħħa pubblika għandu jipproduċi provi xierqa jew eżami tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata, kif ukoll informazzjoni preċiża li fuqha tista’ tkun ibbażata l-allegazzjoni tiegħu (42).

73.      Fl-opinjoni tiegħi, f’din il-kawża ma saritx din id-dimostrazzjoni u lanqas ma ġie ssodisfatt il-kriterju tal-proporzjonalità. Kif tindika l-Kummissjoni, għall-kuntrarju tal-fdalijiet mortali, l-irmied huwa materja inerta mill-perspettiva bijoloġika u ma joħolqux perikolu għas-saħħa pubblika. Il-proċedura tal-kremazzjoni, li tirriżulta fil-konsenja tal-irmied tal-mejjet lill-membri tal-familja, telimina dan il-periklu.

74.      Huwa veru li t-tixrid mhux ikkontrollat tal-irmied li jinsab fl-urni funebri jista’ joħloq xi inkonvenjent, mhux serju ħafna, għas-saħħa pubblika. Sabiex dan jitneħħa, huwa biżżejjed li l-impriżi privati li jipprovdu s-servizz ta’ żamma tal-urni jintalbu josservaw kundizzjonijiet simili għal dawk taċ-ċimiterji pubbliċi. Din tkun alternattiva inqas restrittiva għal-libertà ta’ stabbiliment milli l-projbizzjoni totali tal-eżerċizzju ta’ din l-attività minn impriżi privati (43).

b)      Ir-rispett għall-memorja tal-mejtin

75.      Il-Komun ta’ Padova jinvoka l-“protezzjoni tas-sentiment ta’ pietas lejn il-mejtin u l-garanzija tat-trankwilità u tar-rispett tad-dinjità fl-ambjent urban tal-postijiet tad-dfin”, bħala raġuni sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni tiegħu.

76.      Ir-rispett għall-mejtin huwa valur komuni kondiviż ħafna mis-soċjetajiet tal-Istati Membri kollha (44). Ma jistax jiġi eskluż, a priori, li dan jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (45), bħal dik li timplika l-projbizzjoni tal-attività kummerċjali ta’ żamma ta’ urni funebri.

77.      Madankollu, meta jiġi applikat it-test ta’ proporzjonalità għal din il-ġustifikazzjoni ipotetika, jirriżultaw mill-inqas żewġ diffikultajiet. L-ewwel waħda hija li r-rispett għall-fdalijiet mortali jista’ jiġi ggarantit b’mod adegwat minn impriża privata wkoll, fejn din tintalab tipprovdi s-servizz taħt kundizzjonijiet simili għal dawk taċ-ċimiterji muniċipali (46). Għalhekk, jeżistu miżuri alternattivi inqas restrittivi mill-projbizzjoni ta’ din l-attività għall-impriżi kummerċjali.

78.      It-tieni nett, ir-rispett dovut lill-mejtin ma għandhiex għalfejn tonqos meta l-impriżi privati li jipprovdu s-servizz ta’ żamma tal-urni funebri jfallu jew jgħaddu minn xi forma oħra ta’ likwidazzjoni, jew jagħlqu n-negozju tagħhom. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-possibbiltà li l-urni funebri ma jibqgħux ikunu protetti jew ikkontrollati huwa riskju li l-awtoritajiet Taljani jistgħu jeliminaw billi jobbligaw lil dawn l-impriżi jieħdu l-urni fiċ-ċimiterji pubbliċi jew jirritornawhom lill-proprjetarji tagħhom.

79.      Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 52(5) u (9), tar-Regolament Muniċipali ta’ Padova dwar is-Servizzi Funebri jawtorizza ż-żamma tal-urni funebri mill-qraba tal-mejjet fid-djar tagħhom, anki jekk is-servizzi funebri muniċipali jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jitolbu lid-depożitarju jippreżenta l-urna, sabiex jivverifikaw l-integrità u l-istat ta’ konservazzjoni. Barra minn hekk, fi kwalunkwe mument, jista’ jiġi mitlub li l-urna ddepożitata titqiegħed f’ċimiterju.

80.      Dawn l-istess obbligi, flimkien mad-dmir li l-urni jiġu rritornati fiċ-ċimiterji muniċipali jew lill-qraba, jistgħu jiġu imposti fuq il-kumpanniji, sabiex jiġi evitat ir-riskju li dawn l-urni jibqgħu mingħajr protezzjoni f’każ ta’ għeluq jew ta’ likwidazzjoni tal-impriża. Għal darba oħra, hija possibbli miżura alternattiva inqas restrittiva mill-projbizzjoni assoluta ta’ din l-attività fir-rigward ta’ dawn l-impriżi.

c)      L-ordni pubbliku Taljan

81.      Il-Gvern Taljan, waqt is-seduta, sostna li l-valuri morali u kulturali dominanti f’dan il-pajjiż, riflessi fit-tradizzjonijiet tiegħu, jopponu li l-attivitajiet relatati maż-żamma tal-fdalijiet mortali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lukru. Il-leġitimizzazzjoni tal-miżura adottata mill-Komun ta’ Padova, konformi mal-projbizzjoni fuq livell nazzjonali (47), għalhekk hija ispirata mill-fatt li, skont l-iskala ta’ valuri tas-soċjetà Taljan, l-urni li fihom l-irmied wara l-kremazzjoni huma, fir-realtà, beniextra comercium u t-trattament tagħhom, ma huwiex kompatibbli mal-iskop ta’ lukru tipiku tal-kummerċ.

82.      Jekk dan kien verament il-każ, wieħed jista’ jitkellem dwar riżerva assjoloġika proprja tar-Repubblika Taljana, li mhux bilfors għandha tkun aċċettata minn Stati Membri oħra (48). Għalkemm ma hijiex paragunabbli mal-projbizzjoni eżaminata hawn, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-projbizzjoni assoluta tas-servizzi ta’ lotteriji u logħob ieħor, fis-seħħ fir-Renju Unit minħabba inter alia “kunsiderazzjonijiet ta’ ordni morali, reliġjuż jew kulturali”, kienet iġġustifikata (49).

83.      Qiegħed insemmi dan il-preċedent minħabba li l-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża u f’każijiet preċedenti u sussegwenti, jippermetti li jiġi rrikonoxxut “lill-awtoritajiet kompetenti marġni ta’ evalwazzjoni fil-limiti imposti mit-Trattat” (50). Meta Stat Membru jqis li huwa indispensabbli li tiġi pprojbita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti servizzi, bħal dawk ineżami, minħabba li jqis li hija inkompatibbli mal-valuri jew mal-interessi fundamentali tas-soċjetà tiegħu, l-analiżi tal-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni ma tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-“ordni pubbliku” nazzjonali.

84.      Għal darba oħra, fin-nuqqas ta’ elementi ta’ evalwazzjoni oħrajn li ma jidhrux fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju għandha tiċċara jekk, fl-ordinament ġuridiku intern tagħha, il-projbizzjoni kkontestata taqax, verament, taħt dawk li jirriżultaw mill-“ordni pubbliku” Taljan, fis-sens diġà msemmi, u jekk hijiex l-unika waħda adatta, b’mod proporzjonali, sabiex f’dan ir-rigward jiġu rrispettati l-valuri sottostanti għaliha.

IV.    Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto, l-Italja) kif ġej:

“L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bħala prinċipju, jopponi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew minħabba l-pietas dovuta lill-mejtin, tipprojbixxi lil impriżi bi skop ta’ lukru milli jwettqu l-attività ta’ żamma ta’ urni funebri, meta jistgħu jintużaw metodi inqas restrittivi għall-provvista ta’ dan is-servizz li jiggarantixxu ugwalment dawn l-għanijiet.

Madankollu, il-projbizzjoni msemmija tista’ tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku nazzjonali, li jikkorrispondu għall-protezzjoni ta’ interessi jew ta’ valuri kulturali jew morali essenzjali u kondiviżi ampjament fl-Istat Membru rispettiv, jekk din kienet indispensabbli sabiex dawn jiġu rrispettati u ma kienx hemm possibbiltà li jintużaw miżuri oħrajn inqas restrittivi li għandhom l-istess skop, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju”.



1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Ad resurgendum cum Christo, ‑Awwissu


3      Fil-konklużjonijiet tal-kawża Adolf Truley (C‑373/00, EU:C:2002:207), punt 52, li kienet tirrigwarda l-għoti minn impriża muniċipali ta’ kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir għal twiebet, l-Avukat Ġenerali Alber tenna l-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, li ppropona wkoll li “ssir distinzjoni bejn is-servizzi funebri fis-sens strett tal-kelma (amministrazzjoni taċ-ċimiterji, il-ftuħ u l-għeluq tal-oqbra, id-dfin tal-katavri jew tal-irmied, it-twettiq ta’ eżumazzjonijiet), ipprovduti mill-Muniċipju ta’ Vjenna, u s-servizzi funebri f’sens wiesa’ (il-funeral, l-eloġji funebri, it-trasferiment tal-katavri, il-ħasil, it-tlibbis u t-tkeffin tal-katavru, l-akkwist ta’ oqbra, l-ipproċċessar ta’ dokumenti u l-pubblikazzjoni ta’ obitwarji) imwettqa mill-Bestattung Wien. Is-servizzi funebri f’sens strett biss huma bżonnijiet ta’ interess ġenerali”.


4      Fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, EU:C:2003:110), punti 51 sa 56, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat id-differenzi bejn xi servizzi u oħrajn, għalkemm, f’dik il-kawża, dawn ma kinux rilevanti għad-deċiżjoni.


5      Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


6      Legge 24 dicembre 2012, n.º 234, Norme generali sulla partecipazione dell’Italia alla formazione e all’attuazione della normativa e delle politiche dell’Unione europea (GURI Nru 3 tal‑4 ta’ Jannar 2013; iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 234/2012”).


7      Legge 30 marzo 2001, n.º 130, Disposizioni in materia di cremazione e dispersione delle ceneri (il-Liġi Nru 130/2001, tat‑30 ta’ Marzu, dwar il-Kremazzjoni u t-Tixrid tal-Irmied; GURI Nru 91 tad‑19 ta’ April 2001; iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 130/2001”).


8      Regio Decreto 27 luglio 1934, n. 1265, Approvazione del testo único delle leggi sanitarie (id-Digriet Irjali Li Japprova t-Test Uniku tal-Liġijiet Sanitarji; GURI Nru 186 tad‑9 ta’ Awwissu 1934; iktar ’il quddiem, id-“Digriet Irjali tal‑1934”).


9      Decreto del Presidente della Repubblica 10 settembre 1990, n. 285, approvazione del regolamento di polizia mortuaria (ir-Regolament Dwar il-Pulizija Mortwarja, GURI Nru 239, tat‑12 ta’ Ottubru 1990).


10      Legge Regionale n.18 del 4 marzo 2010, Norme in materia funeraria, della Regione del Veneto (il-Liġi Reġjonali tal-Veneto Dwar Regoli Fil-Qasam Funebru; BUR Nru 21 tad‑9 ta’ Marzu 2010).


11      Delibera del Consiglio Comunale di Padova n. 2015/0084 del 30/11/2015 (Albo Pretorio del 4/12/2015 al 18/12/2015).


12      Ara l-kontenut tiegħu fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44), punt 55; u tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862), punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata.


14      Sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44), punt 56; u tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641), punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata.


15      Il-Gvern Taljan jidher li jindika wkoll li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jkun inammissibbli, minħabba li huwa prematur. Biżżejjed ngħid li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċeduri tagħmel id-domanda preliminari (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 29; u tas‑17 ta’ April 2007, AG-COS.MET, C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 45).


      Skont il-Komun ta’ Padova, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ammissibbli minħabba li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun ineffettiva, peress li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi jipprojbixxu li jiġi kkontestat l-istatus ta’ dritt individwali tal-persuna, bħal dak taż-żamma tal-irmied tagħha. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tat-TFUE li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment u ta’ moviment tas-servizzi jipproduċu effett dirett vertikali u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi ma jistgħux iservu bħala skuża għall-qorti nazzjonali sabiex tapplika dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 42).


16      Insostenn ta’ dan, il-Gvern Taljan jinvoka s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Airport Shuttle Express et (C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74), punti 42 u 43.


17      Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Ullens de Schooten”).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ullens de Schooten, punt 47; tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment (C‑464/15, EU:C:2016:500), punt 21; u tal‑20 ta’ Marzu 2014, Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona (C‑139/12, EU:C:2014:174), punt 42.


19      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Ullens de Schooten, punt 52; tal‑5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, (C‑448/98, EU:C:2000:663), punt 23; u tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C‑84/11, EU:C:2012:374, punt 20.


20      Sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et (C‑111/12, EU:C:2013:100), punt 35.


21      Sentenza Ullens de Schooten punt 51; u tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288), punt 35.


22      Sentenza Ullens de Schooten, punt 54.


23      Għall-finijiet tal-ammissibbiltà tar-rinviju, huwa biżżejjed li jkun hemm dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123, anki jekk analiżi fil-fond telimina dawn id-dubji finalment.


24      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44), punt 110.


25      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44), punti 99 sa 108.


26      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, ripetutament, li fil-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-qorti nazzjonali għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi l-qafas fattwali u regolatorju, li l-eżattezza tiegħu ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta, fost raġunijiet oħra, ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud (C125/16, EU:C:2017:707), punt 28; u tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata.


27      Sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108), punt 148; u tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544), punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.


28      Sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108), punt 150; tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411), punt 22; u tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑171/02, EU:C:2004:270), punt 25.


29      Din l-attività hija subkategorija tas-servizzi funebri u tas-swali tal-funerali, li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat dwarhom f’okkażjonijiet differenti, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew dwar il-VAT. Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, EU:C:2003:110); u tas‑6 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑94/09, EU:C:2010:253).


30      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:399), punt 38: “tali interpretazzjoni tmur kontra l-konklużjoni misluta mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 6 tad-Direttiva 2006/123, li tgħid li l-eliminazzjoni tal-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment ma tistax issir biss bl-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 49 TFUE minħabba, b’mod partikolari, il-kumplessità estrema meta jiġi indirizzati każ b’każ l-ostakoli għal din il-libertà. Jekk jiġi ammess li r-rekwiżiti ‘ipprojbiti’ skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jistgħu madankollu jkunu ġġustifikati fuq il-bażi tad-dritt primarju, dan iwassal preċiżament għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ tali eżami każ b’każ, fuq il-bażi tat-Trattat FUE, għar-restrizzjonijiet kollha għal-libertà ta’ stabbiliment”. Ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44), punt 96.


31      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-premessa 33 tad-Direttiva 2006/123, li tipprovdi li s-servizzi koperti b’din id-direttiva jkopru varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu. Din tindika espressament li dawn l-attivitajiet jinkludu servizzi pprovduti kemm lil impriżi kif ukoll lil konsumaturi.


32      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi li, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “servizz” ifisser “attività ekonomika mhux imħallsa [bħala persuna li taħdem għal rasha], normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 57 TFUE”.


33      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2015:619), punti 184 sa 190. Il-punt 188 jipprovdi: “meta attività ma tkunx miftuħa għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari għax hija eżerċitata minn monopolju pubbliku eżistenti, din l-attività ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123”. Fil-fehma tiegħi, dan jiġri wkoll meta monopolju ta’ provvista ta’ servizzi huwa stabbilit wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2006/123.


34      Michel, V.: “Le champ d’application de la directive ‘services’: entre cohérence et régression?”, La directive “services” en principe(s) et en pratique, Bruylant, 2011, p. 49.


35      Sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108), punt 164; u tal‑21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C‑124/97, EU:C:1999:435), punt 29.


36      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mit-tqegħid tal-Artikolu 37 fil-Kapitolu tat-Trattat dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll mit-terminoloġija użata jirriżulta li dan l-artikolu jkopri l-moviment ta’ merkanzija u ma japplikax għal monopolju ta’ provvista ta’ servizzi (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1988, Bodson, 30/87, EU:C:1988:225, punt 10).


37      Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan irrikonoxxa li l-leġiżlazzjoni tal-Komun ta’ Padova kienet konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkwantu t-tnejn li huma jimpedixxu l-għoti tal-urni funebri fil-kuntest ta’ attività bi skop ta’ lukru. Għal Memoria Srl, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni imposta minn dan il-komun ma hijiex sostnuta mir-regoli ta’ portata nazzjonali.


38      Fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, EU:C:2003:110), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-attivitajiet mortwarji u tas-swali tal-funerali jistgħu “jissodisfaw effettivament” bżonn ta’ interess ġenerali. Hija żiedet li “l-eżistenza ta’ kompetizzjoni sinjifikattiva ma tippermettix, minnha nnifisha, li tiġi konkluża l-assenza ta’ bżonn ta’ interess ġenerali li ma għandux natura industrijali jew kummerċjali” (punt 66, mingħajr korsiv fil-verżjoni oriġinali).


39      Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat ta’ Lisbona.


40      Mingħajr korsiv fil-verżjoni oriġinali.


41      F’din l-istess linja, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, EU:C:2003:110) iddikjarat fid-deċiżjoni tagħha li “hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk jeżistix dan il-bżonn [ta’ interess ġenerali] jew le, b’kunsiderazzjoni għall-elementi ġuridiċi u fattwali rilevanti kollha, bħaċ-ċirkustanzi eżistenti fiż-żmien tal-ħolqien tal-korp ikkonċernat u l-kundizzjonijiet li fihom dan iwettaq l-attività tiegħu”.


42      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845), punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata dwar l-eċċezzjoni ta’ saħħa pubblika fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, li l-invokazzjoni tagħha tista’ tiġi estrapolata fil-kuntest tal-Artikolu 52 TFUE. Fl-istess linja, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C‑42/02, EU:C:2003:613), punt 25.


43      Fil-fatt, skont rapporti ġurnalistiċi, f’xi Stati Membri l-attività privata ta’ żamma tal-urni titwettaq anki minn klabbs sportivi, li pprovdew, jew jippjanaw li jipprovdu, niċeċ fejn jinżammu l-urni fil-faċilitajiet tagħhom sabiex iżommu l-fdalijiet mortali, inċinerati, tas-supporters tagħhom. Hekk jiġri fi Spanja (Atlético de Madrid, Real Club Betis Balompié, Espanyol de Barcelona u Barcelona Fútbol Club), fil-Ġermanja (Hamburger SV) u fir-Renju Unit (Everton Football Club).


44      Waqt is-seduta, ġie diskuss jekk il-protezzjoni tad-dinjità umana (Artikolu 2 TUE u Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) tistax tiġi estiża għall-mejtin. Ma naħsibx li huwa essenzjali, sabiex tingħata soluzzjoni għal din il-kawża, li tingħata risposta kategorika għal din id-domanda, li tmur lil hinn mil-limiti ta’ dan il-kawża. Il-fatt li l-mejtin ma jibqax ikollhom drittijiet ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li d-dinjità tagħhom, waqt li kienu ħajjin, ma tistax tingħata protezzjoni xierqa wkoll, li tista’ tiġi ssalvagwardjata legalment, wara l-mewt tagħhom. Fil-fatt, din hija l-bażi fundamentali tar-risposta legali, ċivili jew kriminali, għal ċerta mġiba (pereżempju, iċ-ċaħda ta’ reati atroċi) li timplika disprezz għall-vittmi mejtin.


45      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta li dan jista’ jkun ġustifikazzjoni valida, għalkemm qieset li l-projbizzjoni hija sproporzjonata.


46      Ara, fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-miżuri preventivi li ħadet Memoria Srl sabiex tippreserva d-decorum u d-dinjità fil-bini tagħha.


47      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, EU:C:2004:614): “[m]huwiex indispensabbli, […], li l-miżura restrittiva maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tikkorrispondi għal kunċett kondiviż mill-Istati Membri kollha fir-rigward tal-modalitajiet ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali jew ta’ l-interess leġittimu in kwistjoni” (punt 37, mingħajr korsiv fil-verżjoni oriġinali).


49      Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, EU:C:1994:119), punt 60.


50      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, EU:C:2004:614), punt 31.