Language of document : ECLI:EU:T:2011:45

Kawża T-10/09

Formula One Licensing BV

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva F1-LIVE — Trade marks Komunitarji figurattivi u nazzjonali u internazzjonali verbali preċedenti F1 u F1 Formula 1 — Caħda tal-oppożizzjoni mill-Bord tal-Appell — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

Ma hemmx, għall-konsumatur medju tal-Unjoni Ewropea, probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, bejn, minn naħa, is-sinjal figurattiv F1‑LIVE, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għal “Rivisti, fuljetti, kotba; dawn il-prodotti kollha jirrigwardaw il-qasam tal-formula 1”, “Komunikazzjonijiet u distribuzzjoni ta’ kotba, rivisti u gazzetti permezz ta’ kompjuters; dawn is-servizzi kollha jirrigwardaw il-qasam tal-formula 1” u “Pubblikazzjoni elettronika ta’ kotba, rivisti u perijodiki; informazzjoni fil-qasam tad-divertiment; organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet fuq l-internet; ibbukkjar ta’ postijiet għal avvenimenti; logħob fuq l-internet; dawn is-servizzi kollha jirrigwardaw il-qasam tal-formula 1” li jaqgħu fil-klassijiet 16, 38 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark verbali F1 irreġistrata preċedentement fil-Ġermanja għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 41, fir-Renju Unit għal prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 16 u 38 u bħala trade mark internazzjonali b’effett fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fl-Ungerija, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 38 u 41, kif ukoll t-trade mark Komunitarja figurattiva F1 Formula 1 irreġistrata preċedentement għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fl-istess klassijiet.

Il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-abbinament tal-ittra “f” maċ-ċifra “1” bħala li hija l-abbrevjazzjoni ta’ formula 1 li tkopri b’mod ġenerali kategorija ta’ karozzi li jtelqu u, b’estenzjoni, tiġrijiet li jinvolvu dawn il-karozzi. Barra minn hekk, il-pubbliku rilevanti jista’ jipperċepixxi l-logo “f 1” fit-trade mark Komunitarja figurattiva F1 Formula 1 bħala t-trade mark użata mill-proprjetarju tat-trade marks preċedenti f’relazzjoni mal-attivitajiet kummerċjali tagħha fil-qasam tat-tlielaq tal-karozzi tal-formula 1. Għalhekk, il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix l-element “f 1” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala element distintiv, iżda bħala element użat għal finijiet deskrittivi. Għaldaqstant, l-element “f 1”, f’tipografija normali, għandu biss karattru distintiv minimu fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi involuti u li r-reputazzjoni eventwali tat-trade mark Komunitarja figurattiva użata fl-Unjoni Ewropea kienet essenzjalment marbuta mal-logotip stess.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-trade marks verbali F1, il-konsumaturi ma jorbtux l-element “f 1” li jinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mal-proprjetarju preċedenti għaliex l-uniku sinjal li huma jassoċjaw mal-imsemmi proprjetarju huwa l-logotip tat-trade mark F1 Formula 1, u mhux dak li jinsab fit-tipografija standard. Huma jqisu s-sinjal F1 f’tipografija normali bħala abbrevjazzjoni ta’ “formula 1”, jiġifieri indikazzjoni deskrittiva.

Fir-rigward tat-trade mark figurattiva F1 Formula 1, minħabba n-nuqqas ta’ xebh viżiv u l-fatt li x-xebh fuq il-livell fonetiku u kunċettwali huwa biss limitat, il-pubbliku rilevanti mhux ser iħawwad it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ din. F’dan ir-rigward, is-sens ġeneriku li l-pubbliku jattribwixxi lis-sinjal F1 jiggarantixxi li dan il-pubbliku jifhem li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tirrigwarda l-formula 1, iżda, minħabba l-istruttura totalment differenti, ma tistabbilixxix rabta mal-attivitajiet tar-rikorrenti.

(ara l-punti 27, 38, 49, 50, 57, 61)