Language of document : ECLI:EU:T:2011:45

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

17 ta’ Frar 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva F1-LIVE – Trade marks Komunitarji figurattivi u nazzjonali u internazzjonali verbali preċedenti F1 u F1 Formula 1 – Caħda tal-oppożizzjoni mill-Bord tal-Appell – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑10/09,

Formula One Licensing BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn B. Klingberg u K. Sandberg, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, awtorizzata li tissostitwixxi lil Racing-Live SAS, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI,

Global Sports Media Ltd, stabbilita fi Hamilton (il-Bermuda), irrappreżentata inizjalment minn T. de Haan u J.‑J. Evrard, sussegwentement minn T. de Haan, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tas-16 ta’ Ottubru 2008 (Każ R 7/2008‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Racing-Live SAS u Formula One Licensing BV,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2009,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Marzu 2009,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ April 2009,

wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-13 ta’ April 2004, Racing-Live SAS ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 38 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 16: “Rivisti, fuljetti, kotba; dawn il-prodotti kollha jirrigwardaw il-qasam tal-formula 1”

–        klassi 38: “Komunikazzjonijiet u distribuzzjoni ta’ kotba, rivisti u gazzetti permezz ta’ kompjuters; dawn is-servizzi kollha jirrigwardaw il-qasam tal-formula 1”

–        klassi 41: “Pubblikazzjoni elettronika ta’ kotba, rivisti u perijodiki; informazzjoni fil-qasam tad-divertiment; organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet fuq l-internet; ibbukkjar ta’ postijiet għal avvenimenti; logħob fuq l-internet; dawn is-servizzi kollha jirrigwardaw il-qasam tal-formula 1”.

4        Fil-31 ta’ Jannar 2005, din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 5/2005.

5        Fit-2 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti, Formula One Licensing BV, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li fiha allegat probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009].

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq ir-reġistrazzjonijiet preċedenti segwenti:

–        tliet reġistrazzjonijiet tas-sinjal verbali F1: dan is-sinjal kien is-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 732134, tal-20 ta’ Diċembru 1999, b’effett fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fl-Ungerija, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 38 u 41, li tkopri b’mod partikolari l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tar-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 30007412, tal-10 ta’ Mejju 2000, għal servizzi fil-klassi 41 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi”, u tar-reġistrazzjoni fir-Renju Unit Nru 2277746D, tat-13 ta’ Awwissu 2001, għal prodotti u servizzi fil-klassi 16 (“karta, karti, kartonċin, settijiet tal-printing, tpinġija u diżinn; katalogi”) u 38 (“servizzi ta’ telekomunikazzjoni; trażmissjoni elettronika ta’ data, immaġni u ħsejjes permezz ta’ terminali u netwerks informatiċi”);

–        reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja figurattiva Nru 631531, irreġistrata fid-19 ta’ Mejju 2003, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 38 u 41, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, irrappreżentata kif ġej:

Image not found

7        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade marks preċedenti u saret kontra l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

8        Ir-rikorrenti enfasizzat il-karattru distintiv għoli tat-trade marks kollha li tagħhom hija l-proprjetarja għaliex l-użu tagħhom, li jmur lura għal bosta snin, huwa marbut ma’ diversi prodotti u servizzi.

9        Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, billi bbażat ruħha biss fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti Nru 732134, ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Hija kkonstatat li kien hemm xebh jew identiċità bejn il-prodotti u s-servizzi li t-trade marks kunfliġġenti jkopru u livell medju ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, u għalhekk, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

10      Fl-14 ta’ Diċembru 2007, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/64 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni.

11      Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Peress illi s-sinjali kunfliġġenti kellhom differenzi manifesti, huwa ddeċieda li, għalkemm kien hemm identiċità jew xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks li r-rikorrenti kienet il-proprjetarja tagħhom. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti, magħmul minn konsumaturi normali u utenti professjonali, jipperċepixxi l-abbinament tal-ittra “f” maċ-ċifra “1” bħala isem ġeneriku ta’ kategorija ta’ karozzi li jtelqu u, b’estenzjoni, tiġrijiet li jinvolvu dawn il-karozzi. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tirrigwarda biss l-element “f 1” tat-trade mark irreġistrata taħt in-numru 631531.

12      Fir-rigward tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell qies li, għalkemm it-trade mark figurattiva preċedenti tista’ tagħti immaġni ta’ teknoloġija avvanzata, ta’ esklużività u ta’ lussu, l-uniku ħaġa li kkomunikat din l-immaġni kienet l-element “f 1” bħala logotip F1. Madankollu, ftit huma l-konsumaturi li jattribbwixxu karattru distintiv lill-abbrevjazzjoni F1, salv jekk magħha jkun hemm l-imsemmi logotip. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-ebda element tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kien ifakkar lill-pubbliku f’dan il-logotip u li, għalhekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni la kienet ser tieħu vantaġġ mit-trade mark preċedenti, la kienet ittebba’ r-reputazzjoni tal-imsemmija trade marks u lanqas ma kienet tippermetti li l-proprjetarju tagħha japprofitta indebitament mill-immaġni pożittiva ta’ dawn it-trade marks.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI.

15      L-UASI u l-intervenjenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

16      Permezz ta’ faks tat-8 ta’Ġunju 2010, Racing-Live u Global Sports Media Ltd informaw lill-Qorti Ġenerali li tal-ewwel kienet ittrasferiet it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (F1-LIVE) lit-tieni u talbu li Global Sports Media, bħala l-proprjetarja l-ġdida tal-imsemmija trade mark, tkun awtorizzata tissostitwixxi lill-proprjetarja inizjali fil-kawża inkwistjoni. Peress illi l-UASI indika, matul is-seduta, li ma għandux oġġezzjonijiet għal din it-talba ta’ sostituzzjoni, il-Qorti Ġenerali awtorizzat is-sostituzzjoni mitluba, u ttieħed nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

 1. Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

17      Preliminarjament, l-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Annessi A 6 sa A 10 tar-rikors qatt ma kienu ġew ippreżentati matul il-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI, b’mod li dawn għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli.

18      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad‑deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, skont l-Artikolu 63 tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009), b’mod li l-funzjoni tal‑Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ‑ċirkustanzi fattwali fid-dawl ta’ dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Punti ta’ fatt li huma invokati quddiem il-Qorti Ġenerali u li qatt ma kienu tressqu quddiem l-istanzi tal-UASI jistgħu jaffettwaw il-legalità ta’ din id-deċiżjoni biss jekk l-UASI kellha tikkunsidrahom ex officio [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2004, Samar vs UASI – Grotto (GAS STATION), T‑115/03, Ġabra p. II‑2939, punt 13, u tal-24 ta’ Novembru  2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 19].

19      Fil-kawża inkwistjoni, l-Annessi A 6 sa A 10 jikkorrispondu għal dokumenti li ma kinux ġew ippreżentati qabel quddiem l-UASI u għalhekk għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom jew li l-partijiet jinstemgħu iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ARTHUR U FELICIE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 2. Fuq il-mertu

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq ksur tal-Artikolu 8(5) ta’ dan l-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

21      Ir-rikorrenti essenzjalment tqis li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti li jgawdu minn reputazzjoni tajba ħafna.

22      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma qiesx il-fatt li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kienu fil-parti l-kbira identiċi u, barra minn hekk, kienu jixxiebhu ħafna. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li l-pubbliku ma jikkunsidrax l-abbinament tal-ittra “f” maċ-ċifra “1”, ippreżentati f’tipografija normali, bħala trade mark minħabba l-allegat karattru ġeneriku u deskrittiv u l-allegat nuqqas totali ta’ karattru distintiv. Barra minn hekk, peress illi l-element “f 1” jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark ikkontestata, hemm xebh kbir fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade marks verbali preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, għalhekk, hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, anki jekk it-trade marks verbali preċedenti għandhom biss karattru distintiv minimu. Fl-aħħar nett, hemm ukoll probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Komunitarja figurattiva F1 Formula 1, li għandha karattru distintiv partikolarment għoli.

23      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

24      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fil-każ ta’ oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk, minħabba l-identiċità tagħha jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh mal-prodotti jew mas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku li jinsab fit-territorju li fih hija protetta t-trade mark preċedenti.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm probabbiltà li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbutin ekonomikament. Skont din l‑istess ġurisprudenza, il‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il‑perċezzjoni li l‑pubbliku rilevanti għandu tas‑sinjali u tal‑prodotti jew tas‑servizzi inkwistjoni, u fid‑dawl tal‑fatturi rilevanti kollha tal‑każ, b’mod partikolari tal‑interdipendenza bejn ix‑xebh tas‑sinjali u dak tal‑prodotti jew tas‑servizzi koperti [ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

26      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, Ġabra p. II‑43, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

27      F’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti kien magħmul mill-konsumatur medju tal-Unjoni Ewropea u li l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti kellha, għalhekk, tiġi eżaminata fir-rigward ta’ dan il-pubbliku. Din il-konklużjoni, li l-partijiet qablu magħha, għandha, fid-dawl tan-natura tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, tiġi approvata.

28      Sussegwentement, fir-rigward tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell, fil-punti 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidra li l-attivitajiet tal-intervenjenti, għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ prodotti tal-istampa u tal-komunikazzjoni permezz tal-internet (jiġifieri l-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 16 u 38), kienu identiċi għal dawk tar-rikorrenti u li s-servizzi ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet u ta’ divertiment fuq l-internet fil-qasam tal-formula 1 (jiġifieri s-servizzi fil-klassi 41) u s-servizzi proposti mir-rikorrenti kienu jixbhu ħafna lil xulxin.

29      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma naqasx milli jevalwa l-livell ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Għalhekk, f’dan ir-rigward, l-oġġezzjoni mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

30      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti toġġezzjona għall-evawlazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li la hemm xebh kbir bejn is-sinjali inkwistjoni u lanqas probabbiltà ta’ konfużjoni.

–       Fuq il-paragun bejn is-sinjali inkwistjoni u l-perċezzjoni tagħhom mill-pubbliku rilevanti

31      L‑evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax‑xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas‑sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l‑impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, fid‑dawl, b’mod partikolari, tal‑elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s‑sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

32      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata biss għall-kunsiderazzjoni ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata kollha kemm hi, proċess li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa f’moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il‑komponenti l‑oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli li l‑evalwazzjoni tax‑xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal‑element dominanti (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal‑20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġini ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

33      Madankollu, lil hinn mill-każ normali li fih il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark fl-insjem tagħha, u minkejja ċ-ċirkustanza li l-impressjoni ġenerali tista’ tkun iddominata minn wieħed jew bosta komponenti ta’ trade mark kumplessa, ma jistax ikun eskluż li, f’każ partikolari, trade mark preċedenti, użata minn terz f’sinjal kompost li jinkludi d-denominazzjoni tal-impriża ta’ dan it-terz, iżżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi l-element dominanti. F’tali ipoteżi, l‑impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin, tal-inqas, minn impriżi marbuta ekonomikament, f’liema każ trid titqies l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C‑120/04, Ġabra p. I‑8551, punti 30 u 31).

34      F’din il-kawża, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru kumpless, inkwantu magħmula minn żewġ elementi verbali, jiġifieri “f 1” u “live”, separati b’sing u b’xi elementi figurattivi. Iż-żewġ elementi verbali jinsabu f’rettangolu ta’ lewn skur li jinkludi, fiċ-ċentru tiegħu, ċirku bl-abjad li jiskura fl-iswed. L-element “f 1” huwa miktub bl-abjad u jinsab fin-naħa ta’ fuq tar-rettangolu, fuq ix-xellug, filwaqt li l-element “live” huwa miktub b’ittri suwed b’bordura bajda u jinsab fil-parti tan-nofs tar-rettangolu, fuq il-lemin.

35      It-trade marks preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni huma t-trade mark Komunitarja figurattiva F1 Formula 1 u t-trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali F1.

36      Għall-finijiet tal-paragun tas-sinjali inkwistjoni, ir-rikorrenti ppreżentat diversi argumenti intiżi sabiex juru li l-element “f 1” jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija tfakkar il-fatt ukoll li l-abbrevjazzjoni F1, f’tipografija normali, ġiet irreġistrata f’diversi pajjiżi. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-imsemmija abbrevjazzjoni għandha biss karattru distintiv minimu u li l-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix l-abbinament tal-ittra “f” maċ-ċifra “1” bħala trade mark.

37      Fid-dawl tal-effett tal-kwistjoni dwar l-element dominanti fuq l-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, għandhom jiġu eżaminati dawn l-argumenti qabel ma jsir il-paragun ta’ dawn is-sinjali.

38      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonkluda, l-ewwel nett, li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-abbinament tal-ittra “f” maċ-ċifra “1” bħala li hija l-abbrevjazzjoni “formula 1” li tkopri b’mod ġenerali kategorija ta’ karozzi li jtelqu u, b’estenzjoni, ta’ tlielaq li jinvolvu dawn il-karozzi (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, huwa kkonkluda li l-pubbliku rilevanti seta’ jipperċepixxi l-element “f 1” tat-trade mark Komunitarja irreġistrata taħt in-numru 631531 bħala t-trade mark użata mir-rikorrenti b’rabta mal-attivitajiet kummerċjali tagħha fil-qasam tat-tlielaq tal-karozzi tal-formula 1 (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-Bord tal-Appell iddeduċa li kien hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn l-element “f 1” bħala sempliċi abbinament ta’ ittra ma’ ċifra u F1 bħala logotip (punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Din il-konkluzjoni għandha tiġi approvata.

40      L-ewwel nett, mill-provi li jinsabu fil-proċess jirriżulta li l-promozzjoni magħmula mir-rikorrenti matul dawn l-aħħar għaxar snin tirrigwarda biss t-trade mark figurattiva Komunitarja Nru 631531, u li hija, meta ħarġet il-liċenzji, iffukat l-iktar fuq l-logotip F1 billi imponiet kemm linji gwida kif ukoll istruzzjonijiet kunċettwali, sabiex tiggarantixxi użu konsistenti ta’ dawn it-trade marks.

41      L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli stretti ppermettiet lir-rikorrenti tagħmel mezz li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi b’mod konsistenti l-element “f 1” bħala li jirrappreżenta l-logotip F1.

42      Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma imponietx regoli fir-rigward tal-użu tal-element “f 1” f’sens ieħor minn dak tal-logotip F1, bħal fil-każ tar-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 732134. Issa, huwa paċifiku li l-element “f 1” għadu jintuża mir-rikorrenti jew mill-proprjetarji tal-liċenzji flimkien mal-logo F1 (minbarra l-każ fejn il-logo ma jistax jiġi riprodott minħabba n-natura stess tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat).

43      It-tieni nett, mill-provi prodotti mir-rikorrenti jirriżulta, b’mod partikolari mill-vox pop li sar fil-Ġermanja u mid-dikjarazzjoni ta’ xhud, li l-pubbliku b’mod ġenerali jaf li “F 1” hija l-abbrevjazzjoni li normalment tintuża għall-frażi “formula 1”, li tkopri kategorija ta’ karozzji li jtelqu u, b’estensjoni, tlielaq li jinvolvu dawn il-karozzi. Barra minn hekk, “formula 1” tintuża b’mod ġeneriku sabiex tkopri d-dixxiplina sportiva tat-tlielaq tal-karozzi, li l-pubbliku mhux neċessarjament jassoċjaha mat-tlielaq organizzati mill-grupp li tifforma parti minnu r-rikorrenti, iżda ma’ kategorija superjuri ta’ kwalunkwe tellieqa ta’ karozzi. Fil-fatt, ma hemm l-ebda kelma jew frażi adegwata oħra li tkopri dan it-tip ta’ sport.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li “formula 1” hija frażi komuni fil-lingwa mitkellma li tirreferi għal karozzi li jtelqu u, b’estensjoni, għal tlielaq tal-karozzi, u li F1 hija abbrevjazzjoni magħrufa sew tal-imsemmija frażi. Barra minn hekk, il-provi prodotti mir-rikorrenti, b’mod partikolari d-dokumenti mehmuża mad-dikjarazzjoni tax-xhud imsemmija fil-punt preċedenti, juru wkoll li l-abbrevjazzjoni F1 tista’ tintuża f’kuntest deskrittiv. Għaldaqstant, l-abbrevjazzjoni F1 hija ġenerika daqs il-frażi “formula 1”.

45      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jqiesx element deskrittiv li jifforma parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti fl-impressjoni globali prodotta mill-imsemmija trade mark [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2007, Gateway vs UASI – Fujitsu Siemens Computers (ACTIVY Media Gateway), T‑434/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

46      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li t-trade mark verbali preċedenti kienet ġiet irreġistrata bħala trade mark nazzjonali jew internazzjonali ma jeskludiex il-fatt li hija hi fil-parti l-kbira deskrittiva jew, fi kliem ieħor, li hija għandha biss karattru distintiv minimu meta mqabbla mal-prodotti u s-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ottubru 2009, Deutsche Rockwool Mineralwoll vs UASI – Redrock Construction (REDROCK), T‑146/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata].

47      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li ma jistgħux jitqajmu dubji dwar il-validità ta’ trade mark internazzjonali jew nazzjonali, f’dan il-każ dawk tar-rikorrenti, fil-kuntest ta’ proċedimenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, iżda biss fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija fl-Istat Membru kkonċernat [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2008, Shaker vs UASI – Limiñana y Botella (Limoncello della Costiera Amalfitana shaker), T‑7/04, Ġabra p. II‑3085, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata].

48      Madankollu, jibqa’ xorta l-fatt li l-UASI kellha tivverifika b’liema mod il-pubbliku rilevanti pperċepixxa l-element “f 1” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

49      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u l-provi prodotti, il-konklużjoni għandha tkun li l-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix l-element “f 1” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala element distintiv, iżda bħala element użat għal finijiet deskrittivi.

50      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies li l-element “f 1”, f’tipografija normali, għandu biss karattru distintiv minimu fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi involuti u li r-reputazzjoni eventwali tat-trade mark Komunitarja figurattiva użata fl-Unjoni Ewropea kienet essenzjalment marbuta mal-logotip stess.

51      Il-kawża li wasslet għas-sentenza Medion, punt 33 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti matul is-seduta, ma hijiex rilevanti għall-kawża preżenti. F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, peress illi, kif diġà ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-element “f 1” bħala element deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, is-sinjal F1 ma għandux pożizzjoni distintiva awtonoma fl-imsemmija trade mark.

52      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-element “f 1” għandu karattru distintiv partikolarment għoli kif ukoll l-argument li dan l-element, f’tipografija standard, igawdi minn reputazzjoni daqs ir-reputazzjoni tal-logotip għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Bl-istess mod, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-użu ġenwin mit-trade marks verbali nazzjonali u internazzjonali preċedenti ma jistax jiġi dedott mill-provi prodotti li jirrigwardaw il-logotip F1.

–       Fuq il-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks verbali nazzjonali u internazzjonali preċedenti F1

53      F’din il-kawża, it-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti huma t-trade marks verbali, magħmula mill-element “f 1”, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark kumplessa (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sinjali inkwistjoni għandhom ċertu punti ta’ xebh minħabba l-element “f 1” li huwa komuni fis-sinjali inkwistjoni. Madankollu, huma differenti fuq il-livell viżiv, minħabba t-tul tagħhom, il-preżenza tal-kelma “live” u l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha element figurattiv.

55      Fuq il-livell fonetiku, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinvolvi żewġ kelmiet u t-trade marks preċedenti kelma waħda. Għandu jiġi kkonstatat li ż-żieda ta’ kelma addizzjonali fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li titlissen, tikkontrabilanċja, sa ċertu punt, l-element komuni “f 1”. Madankollu, minħabba l-fatt li s-sinjali kunfliġġenti jinkludu t-tnejn li huma l-element “f 1”, li fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jitlissen l-ewwel, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li fuq il-livell fonetiku hemm ċertu livell ta’ xebh.

56      Fuq il-livell kunċettwali, għandu jiġi nnotat li t-trade mark preċedenti tindika tip partikolari ta’ karozzi li jtellqu, jiġifieri l-karozzi tal-formula 1, u tista’ wkoll tiġi pperċepieta bħala li tirreferi impliċitament għat-tlielaq tal-forumula 1. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tgħaddi l-istess messaġġ, iżda ż-żieda tal-kelma “live”, li tnissel sens ta’ diskussjoni dwar jew xandira diretta ta’ avveniment, tagħmilha kunċettwalment iktar sinjura mit-trade marks preċedenti. Għaldaqstant, għalkemm l-element verbali komuni “f 1” jimplika li s-sinjali kunfliġġenti għandhom ċerti elementi ta’ xebh mil-lat kunċettwali, il-livell ta’ dan ix-xebh jibqa’ minimu.

57      Bħalma ddeċieda l-Bord tal-Appell, peress illi l-konsumaturi ma jorbtux l-element “f 1” li jinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mar-rikorrenti għaliex l-uniku sinjal li huma jassoċjaw mar-rikorrenti huwa l-logotip tat-trade mark F1 Formula 1, u mhux dak li jinsab fit-tipografija standard, u peress li l-konsumaturi jqisu F1 f’tipografija normali bħala abbrevjazzjoni ta’ “formula 1”, jiġifieri indikazzjoni deskrittiva, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

58      Għalhekk, għandu jsir paragun bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Komunitarja figurattiva F1 Formula 1 tar-rikorrenti.

–       Fuq il-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti F1 Formula 1

59      Kif il-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha struttura ġenerali li hija manifestament differenti mit-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti F1 Formula 1. Fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-“f” u l-“1” huma dritti u sseparati, filwaqt li, fl-imsemmija trade mark preċedenti, dawn l-elementi ixeqilbu lejn il-lemin u huma miktubin b’mod li l-ispazju bejniethom joħloq ix-xbieha tal-element numeriku. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ elementi huma rrappreżentati b’kuluri nettament kontrastanti. Il-parti l-leminija tat-trade mark tinvolvi linji evanixxenti, probabbilment rappreżentazzjoni tal-veloċità. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fuq livell viżiv, ma hemm l-ebda xebh bejn it-trade marks inkwistjoni.

60      Fuq il-livell fonetiku u kunċettwali, ir-riżultat tal-eżami huwa identiku għar-riżultat tal-eżami ta’ F1 bħala sinjal verbali (ara l-punti 55 u 56 iktar ’il fuq), u jimplika ċertu livell ta’ xebh mil-lat fonetiku u kunċettwali.

61      F’din il-kawża, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ikkaratterizzata min-nuqqas ta’ xebh viżiv u l-fatt li x-xebh fuq il-livell fonetiku u kunċettwali huwa biss limitat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament qies li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni, għaliex il-pubbliku rilevanti ma kienx ser iħawwad it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ dik tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sens ġeneriku li l-pubbliku jattribwixxi lis-sinjal F1 jiggarantixxi li dan il-pubbliku jifhem li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tirrigwarda l-formula 1, iżda, minħabba l-istruttura totalment differenti, ma tistabbilixxix rabta mal-attivitajiet tar-rikorrenti.

62      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ċaħad l-argument li l-element komuni, jiġifieri l-element “f 1”, huwa biżżejjed sabiex joħloq rabta, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, bejn is-sinjali kunfliġġenti f’għajnejn il-pubbliku. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina wkoll jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tistax tieħu vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti u għalhekk li toħloq ħsara għall-proprjetarju tagħhom.

64      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

65      Minn kliem l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta illi l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għat-tliet kundizzjonijiet segwenti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta f’vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawżalhom ħsara. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u n-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex irendi din id-dispożizzjoni inapplikabbli [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI – Spa-Finders Travel Arrangements (SPA‑FINDERS), T‑67/04, Ġabra p.II‑1825, punt 30].

66      Għandu jitfakkar ukoll illi mill-ġurisprudenza jirriżulta illi l-ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn it-trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C-252/07, Ġabra p. I‑8823, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Kif jirriżulta mill-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sinjal, li r-rikorrenti wriet l-użu tiegħu u, eventwalment, ir-reputazzjoni tiegħu, huwa esklużivament dak li kien is-suġġett tar-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 631531, jiġifieri l-verżjoni logotip. Għalhekk, l-ewwel domanda hija jekk it-trade marks figurattivi inkwistjoni humiex identiċi jew jixxiebhux. Fil-fatt, il-karattru distintiv u r-reputazzjoni tas-sinjal jinsabu fil-fużjoni virtwali tal-ittra “f” u taċ-ċifra “1”, irrappreżentati b’kuluri kontrastanti ħafna. Is-sempliċi preżenza tal-ittra “f” u taċ-ċifra “1” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, preżenza li ma għandha l-ebda karattru distintiv, ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm rabta bejn it-trade marks inkwistjoni. Għaldaqstant, minkejja ċertu xebh mil-lat fonetiku u kunċettwali, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li l-ebda element tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jfakkar lill-pubbliku f’dan il-logotip għandha tiġi kkonfermata, peress illi s-sinjali kunfliġġenti ma jistgħux jitqiesu bħala li jixxiebhu.

68      Peress illi waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq ma hijiex sodisfatta, ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tielet kundizzjoni skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 hijiex sodisfatta f’din il-kawża.

69      Minn dan jirriżulta illi anki t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Formula One Licensing BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Frar 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.