Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2012 - Mory et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-545/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Mory SA (Pantin, Franza), Mory Team (Pantin); u Compagnie française superga d'investissement dans le service (CFSIS) (Miraumont, Franza) (rappreżentanti: B. Vatier et F. Loubières, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 2401 finali, tal-4 ta' April 2012, li permezz tagħha l-Kummissjoni tispeċifika li l-obbligu ta' rimbors tal-għajnuna mill-Istat impost fuq il-kumpanniji Sernam permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 1616 finali, tad-9 ta' Marzu 2012, ma huwiex estiż għax-xerrejja potenzjali tal-attiv tal-grupp Sernam .

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tieħu d-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant fuq użu ħażin ta' poter, peress illi l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tieħu deċiżjoni li tikkonstata li l-proċedura adottata għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad-9 ta' Marzu 2012 ma tikkostitwixxix evitar tagħha mingħajr eżami mill-ġdid bir-reqqa.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu li wieħed jirrikorri għall-proċedura ta' investigazzjoni formali fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat f'każ ta' dubji serji

It-tielet motiv ibbażat fuq in-natura kontradittorja tal-għan u tal-motivi sa fejn, minn naħa, l-għan tad-deċiżjoni invokat mill-Kummissjoni u l-kontenut reali tagħha ma humiex ekwivalenti u, min-naħa oħra, id-deċiżjoni tapplika kriterji kontradittorji sabiex jiġi evalwat in-nuqqas ta' kontinwità ekonomika bejn l-attivitajiet megħjuna u x-xerrej ta' dawn l-attivitajiet.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fir-rigward (i) tas-suġġett tal-bejgħ, (ii) tal-prezz tat-trasferiment, (iii) tal-mument li fih sar it-trasferiment, (iv) tal-grad ta' independenza tal-proprjetarji u tal-azzjonisti l-ġodda u (v) tal-loġika ekonomika tal-operazzjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq nuqqas ta' bażi legali, sa fejn id-deċiżjoni ittieħdet mingħajr verifika li ċ-ċessjoni tal-attiv kienet saret bil-valur tas-suq tiegħu u mingħajr studju tal-konsegwenzi tal-fatt li x-xerrej jappartjeni għall-istess grupp bħal dak li pprovda l-għajnuna illegali.

____________

1 - Għajnuna mill-Istat Nru SA.34547 (2012/N) - Franza, li kienet is-suġġett ta' komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 305, p. 10).