Language of document : ECLI:EU:C:2014:1903

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2012/272/UE tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Filippini — Għażla tal-bażi legali — Artikoli 79 TFUE, 91 TFUE, 100 TFUE, 191 TFUE u 209 TFUE — Ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi — Trasport — Ambjent — Kooperazzjoni fl-iżvilupp”

Fil-Kawża C‑377/12,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Bartelt kif ukoll minn G. Valero Jordana u F. Erlbacher, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u J.‑P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, D. Hadroušek u E. Ruffer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn S. Chala u G. Papagianni, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn A. Robinson, sussegwentement minn E. Jenkinson u M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič u M. Safjan, Presidenti tal-Awla, A. Rosas, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/272/UE, tal-14 ta’ Mejju 2012, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (ĠU L 134, p. 3, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ), sa fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea żied fiha l-bażijiet legali li jirrigwardaw l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (Artikolu 79(3) TFUE), it-trasport (Artikoli 91 TFUE u 100 TFUE), kif ukoll l-ambjent (Artikolu 191(4) TFUE).

 Id-deċiżjoni kkontestata u l-Ftehim Qafas

2        Fil-25 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Filippini.

3        Fis-6 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li għandu bħala bażijiet legali l-Artikoli 207 TFUE u 209 TFUE, dwar il-politika kummerċjali komuni u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp, rispettivament, flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE.

4        Fl-14 ta’ Mejju 2012, il-Kunsill adotta b’unanimità d-deċiżjoni kkontestata li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim Qafas, suġġetta għall-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar. Minbarra l-Artikoli 207 TFUE u 209 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE, il-Kunsill adotta, bħala bażijiet legali, l-Artikoli 79(3) TFUE, 91 TFUE, 100 TFUE u 191(4) TFUE.

5        IL-premessi 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdu s-segwenti:

“(2) Id-dispożizzjonijiet tal-[Ftehim Qafas] li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Parti Tlieta, Titolu V tat-Trattat [FUE] jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti mill-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jkunux innotifikaw b’mod konġunt lir-Repubblika tal-Filippini li r-Renju Unit jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat [UE] u t-Trattat [FUE]. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll (Nru 21), l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għandha/għandhom tinforma/jinformaw immedjatament lir-Repubblika tal-Filippini bi kwalunkwe bidla fil-pożizzjoni tagħha/tagħhom f’liema każ hija/huma tibqa’/jibqgħu marbuta/marbutin bid-dispożizzjonijiet tal-[Ftehim Qafas] indipendentement. L-istess japplika għad-Danimarka f’konformità mal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness ma’ dawk it-Trattati.

(3)      Fejn ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jkunux ipprovdew in-notifika meħtieġa taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, huma ma jiħdux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ din id-Deċiżjoni sal-punt li hi tkopri dispożizzjonijiet skont il-Parti Tlieta, Titolu V tat-Trattat [FUE]. L-istess japplika għad-Danimarka f’konformità mal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness ma’ dawk it-Trattati.”

6        Fil-preambolu tal-Ftehim Qafas, kif redatt f’Dokument tal-Kunsill Nru 15616/10, tal-21 ta’ Jannar 2011, il-partijiet kontraenti jaffermaw b’mod partikolari l-importanza partikolari li huma jagħtu lin-natura globali tar-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, kif ukoll tax-xewqa tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli, il-qerda tal-faqar u t-twettiq tal-għanijiet tal-Millennju għall-iżvilupp. Huma jirrikonoxxu l-importanza ta’ tisħiħ tar-relazzjonijiet eżistenti bejniethom, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni, kif ukoll ir-rieda komuni tagħhom li jikkonsolidaw, li jsaħħu u li jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom fil-qasam ta’ interess komuni. Huma jesprimu l-impenn sħiħ tagħhom fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż il-protezzjoni tal-ambjent u l-kooperazzjoni effettiva fil-qasam tal-ġlieda kontra l-bidla tal-klima. Barra minn hekk huma jirrikonoxxu l-impenn tagħhom għal kooperazzjoni u djalogu fil-fond favur il-migrazzjonijiet u l-iżvilupp, filwaqt li jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas li jaqgħu tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE jorbtu r-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju unit bħala partijiet distinti jew bħala Stati Membri tal-Unjoni.

7        L-Artikolu 1(3) tal-Ftehim Qafas, bit-titolu “Prinċipji Ġenerali”, jipprovdi li:

“Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu żvilupp sostenibbli, li jikkooperaw sabiex jindirizzaw l-isfida tal-bidla fil-klima u li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp miftiehma internazzjonalment, inklużi dawk li jinsabu fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju.”

8        L-Artikolu 2 tal-Ftehim Qafas, li jiddefinixxi l-għanijiet tal-kooperazzjoni, jipprovdi li:

“Bl-iskop li tissaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali tagħhom, il-Partijiet qed jintrabtu li jkollhom djalogu komprensiv u li jippromwovu aktar il-kooperazzjoni ta’ bejniethom fis-setturi kollha ta’ interess reċiproku kif previst f’dan il-[Ftehim Qafas]. B’mod partikolari, l-isforzi tagħhom se jkollhom l-għan li:

[...]

g)      jistabbilixxu l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-migrazzjoni u tax-xogħol marittimu;

h)      jistabbilixxu l-kooperazzjoni fis-setturi l-oħrajn kollha ta’ interess reċiproku, b’mod partikolari fl-impjiegi u l-affarijiet soċjali; fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; fil-politika ekonomika; fis-servizzi finanzjarji; fil-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa; il-politika industrijali u l-SMEs; fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT); fl-awdjoviżiv, il-midja u l-multimedja; fix-xjenza u t-teknoloġija; fit-trasport; fit-turiżmu; fl-edukazzjoni, fil-kultura, fid-djalogu interkulturali u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet; fl-enerġija; fl-ambjent u r-riżorsi naturali, inkluża l-bidla fil-klima; fl-agrikultura, fis-sajd u l-iżvilupp rurali; fl-iżvilupp reġjonali; fis-saħħa; fl-istatistika, fil-ġestjoni tar-riskji ta’ diżastri (DRM); u fl-amministrazzjoni pubblika;

[...]”

9        L-Artikolu 26 tal-Ftehim Qafas, bit-titolu “Kooperazzjoni fil-qasam tal-Migrazzjoni u l-iżvilupp”, jipprovdi li:

“1.      Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta’ ġestjoni konġunta tal-flussi migratorji bejn it-territorji tagħhom. Bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu għal djalogu komprensiv u għal konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-migrazzjoni. It-tħassib dwar il-migrazzjoni għandu jkun inkluż fl-istrateġiji nazzjonali/fil-qafas ta’ żvilupp nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni tal-migranti.

2.      Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni speċifika tal-ħtiġijiet li titmexxa b’konsultazzjoni reċiproka u ftehim bejn il-Partijiet u tiġi implimentata skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali fis-seħħ.  Hija għandha tiffoka, b’mod partikolari, fuq:

[...]

e)      l-istabbiliment ta’ politika effettiva u preventiva għall-indirizzar tal-preżenza fit-territorju tagħhom ta’ ċittadin tal-Parti l-oħra li ma jissodisfax, jew li ma jibqax jissodisfa, il-kundizzjonijiet ta’ dħul, permanenza jew residenza fit-territorju tal-Parti kkonċernata, il-kuntrabandu ta’ persuni, u t-traffikar tal-bnedmin, inklużi metodi li jiġġieldu n-netwerks ta’ kuntrabandisti u ta’ traffikanti u metodi li jipproteġu lill-vittmi ta’ tali attivitajiet;

f)      ir-ritorn ta’ persuni kif definiti fil-paragrafu 2(e), taħt kundizzjonijiet umani u dinjitużi, inkluż il-promozzjoni tar-ritorn volontarju u sostenibbli tagħhom lejn il-pajjiżi ta’ oriġini, u l-ammissjoni/l-ammissjoni mill-ġdid ta’ dawn il-persuni skont il-paragrafu 3. Ir-ritorn għandu jsir billi jiġi kkunsidrat kif dovut id-dritt tal-Partijiet li jagħtu permessi ta’ residenza jew awtorizzazzjonijiet ta’ permanenza għal raġunijiet umanitarji u ta’ kumpassjoni u fuq il-prinċipju ta’ non-refoulement;

[...]

h)      il-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u ta’ żvilupp inkluż l-iżvilupp ta’ riżorsi umani, il-protezzjoni soċjali, l-immassimizzar tal-benefiċċji mill-migrazzjoni, is-sessi u l-iżvilupp, ir-reklutaġġ etiku u l-migrazzjoni ċirkolari, u l-integrazzjoni tal-migranti.

3.      Fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam u mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-Partijiet qegħdin jaqblu wkoll li:

a)      l-Filippini għandhom jaċċettaw lura kull ċittadin tagħhom kif definit fil-paragrafu 2(e) li jkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru fuq talba ta’ dan tal-aħħar, mingħajr dewmien żejjed ladarba ċ-ċittadinanza tiegħu tkun ġiet stabbilita u jkun sar il-proċess dovut fl-Istat Membru;

b)      Kull Stat Membru għandu jaċċetta lura kull ċittadin tiegħu kif definit fil-paragrafu 2(e) li jkun preżenti fit-territorju tal-Filippini fuq talba ta’ dan tal-aħħar, mingħajr dewmien żejjed ladarba ċ-ċittadinanza tiegħu tkun ġiet stabbilita u jkun sar il-proċess dovut fil-Filippini;

c)      L-Istati Membri u l-Filippini għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom bid-dokumenti meħtieġa għal dawn il-finijiet. Kwalunkwe talba għall-ammissjoni jew għall-ammissjoni mill-ġdid għandha tkun trażmessa mill-istat rikjedenti lill-awtorità kompetenti tal-istat mitlub.

Jekk il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dokumenti ta’ identità xierqa jew provi oħrajn tan-nazzjonalità tagħha, il-Filippini jew l-Istat Membru għandhom jitolbu minnufih għar-rappreżentanza diplomatika jew konsulari kompetenti kkonċernata sabiex tkun żgurata n-nazzjonalità tagħha, jekk ikun meħtieġ permezz ta’ intervista; u ladarba jkun aċċertat li din tkun ċittadin tal-Filippini jew tal-Istat Membru, għandhom jinħarġu dokumenti xierqa mill-awtoritajiet kompetenti Filippini jew tal-Istat Membru.

4.      Il-Partijiet jaqblu li jiffirmaw mill-aktar fis possibbli, ftehim għall-ammissjoni/għall-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini tagħhom, inkluża dispożizzjoni dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn u ta’ persuni mingħajr stat.ˮ

10      Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim Qafas, bit-titolu “Kooperazzjoni fl-Iżvilupp”:

“1.      L-għan ewlieni tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp huwa li tinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar u għall-kisba ta’ għanijiet ta’ żvilupp miftiehma internazzjonalment inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Il-Partijiet għandhom jidħlu fi djalogu regolari dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp f’konformità mal-prijoritajiet rispettivi tagħhom u l-oqsma ta’ interess reċiproku.

2.      Id-djalogu dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandu jimmira għal, inter alia:

a)       il-promozzjoni tal-iżvilupp uman u soċjali;

b)       it-twettiq ta’ tkabbir ekonomiku inklussiv u sostenibbli;

c)       il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u l-ġestjoni soda ta’ riżorsi naturali inkluża l-promozzjoni tal-aħjar prassi;

d)       it-tnaqqis tal-impatt u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tal-bidla fil-klima;

e)       it-titjib fil-kapaċità tal-implimentazzjoni ta’ integrazzjoni akbar fl-ekonomija dinjija u fis-sistema ta’ kummerċ internazzjonali;

f)       il-promozzjoni tar-riforma fis-settur pubbliku b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi sabiex jitjieb l-għoti tas-servizzi soċjali;

g)       l-istabbiliment ta’ proċessi li huma konformi mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, l-Aġenda ta’ Accra għall-Azzjoni, u impenji internazzjonali oħrajn immirati lejn it-titjib tal-għoti tal-għajnuna u l-effikaċja tagħha.”

11      L-Artikolu 34 tal-Ftehim Qafas, li jikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent u tar-riżorsi naturali, huwa redatt kif ġej:

“1.      Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha tippromwovi l-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent bil-għan li jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-eżitu tas-[Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li ttella’ f’Johannesburg fl-2002] u ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti li għalihom huma partijiet għandha tiġi kkunsidrata fl-attivitajiet kollha li jsiru mill-Partijiet skont dan il-[Ftehim Qafas].

2.      Il-Partijiet jaqblu dwar il-ħtieġa li jikkonservaw u jamministraw b’mod sostenibbli r-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet kollha filwaqt li jikkunsidraw il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tagħhom. 

3.      Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jtejbu l-appoġġ reċiproku tal-politiki kummerċjali u ambjentali, u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fis-setturi kollha tal-kooperazzjoni.

4.      Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex ikomplu u sabiex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-programmi reġjonali dwar il-protezzjoni tal-ambjent, fir-rigward ta’:

a)      it-titjib tal-għarfien ambjentali u l-parteċipazzjoni lokali fl-isforzi għall-protezzjoni ambjentali u għall-iżvilupp sostenibbli, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ komunitajiet kulturali indiġeni/ta’ popli indiġeni u komunitajiet lokali;

b)      il-bini ta’ kapaċità fl-adattament u fil-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-effiċjenza tal-enerġija;

c)      il-bini ta’ kapaċità għall-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali inkluż iżda mhux limitat biss għall-bijodiversità u l-bijosikurezza;

d)      il-promozzjoni ta’ teknoloġiji, prodotti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż permezz tal-użu ta’ strumenti regolatorji u bbażati fuq is-suq;

e)      it-titjib tar-riżorsi naturali li jinkludu l-governanza tal-foresti u l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat, u l-promozzjoni ta’ riżorsi naturali sostenibbli inkluża l-ġestjoni tal-foresti;

f)      il-ġestjoni effettiva tal-parks nazzjonali u ta’ żoni protetti u l-għażla u l-protezzjoni ta’ żoni ta’ bijodiversità u ta' ekosistemi fraġli, b’attenzjoni dovuta għall-komunitajiet lokali u indiġeni li jgħixu f’dawk iż-żoni jew qribhom;

g)      il-prevenzjoni ta’ moviment transkonfinali illegali ta’ skart solidu u perikoluż u ta’ forom oħrajn ta’ skart;

h)      il-protezzjoni ta’ ambjenti kostali u marittimi u l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi tal-ilma;

i)      il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni sostenibbli tal-art, inkluża r-rijabilitazzjoni ta’ minjieri użati kompletament/ta’ minjieri abbandunati;

j)      il-promozzjoni tal-bini ta’ kapaċità fil-ġestjoni tad-diżastri u tar-riskji;

k)      il-promozzjoni ta’ mudelli ta’ Konsum u Produzzjoni Sostenibbli fl-ekonomiji tagħhom.

5.      Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-aċċess reċiproku għall-programmi tagħhom f’dan il-qasam, f’konformità mat-termini speċifiċi ta’ programmi bħal dawn.ˮ

12      L-Artikolu 38 tal-Ftehim Qafas, dwar it-trasport, jipprovdi li:

“1.      Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma rilevanti tal-politika dwar it-trasport sabiex itejbu l-opportunitajiet ta’ investiment, il-moviment ta’ merkanzija u passiġġieri, jippromwovu s-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport bil-baħar u tal-avjazzjoni, jindirizzaw l-impatt ambjentali tat-trasport u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi ta’ trasport tagħhom.

2.      Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet f’dan il-qasam għandha tfittex li tippromwovi:

a)      l-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-politiki, ir-regolamenti u l-prattiki tat-trasport rispettivi tagħhom, partikolarment fejn tikkonċerna t-trasport urban u rurali, it-trasport bil-baħar, it-trasport bl-ajru, il-loġistika tat-trasport, u l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks ta’ trasport multimodali kif ukoll l-immaniġġjar tat-toroq, tal-linji tal-ferrovija, tal-portijiet u tal-ajruporti;

b)      l-iskambju ta’ opinjonijiet dwar is-Sistemi Ewropej ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (b’mod partikolari Galileo) b’attenzjoni fuq kwistjonijiet regolatorji, industrijali, u ta’ żvilupp tas-suq ta’ benefiċċju reċiproku;

c)      il-kontinwità tad-djalogu fil-qasam tas-servizzi tat-trasport bl-ajru bil-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali mingħajr dewmien żejjed għall-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru eżistenti bejn l-Istati Membri individwali u l-Filippini;

d)      il-kontinwità tad-djalogu dwar it-titjib tan-netwerks u tal-operazzjonijiet ta’ infrastruttura tat-trasport bl-ajru għall-moviment mgħaġġel, effiċjenti, sostenibbli, bla periklu u sikur ta’ persuni u ta' merkanzija, u l-promozzjoni tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u r-regolament ekonomiku tal-industrija tal-ajru, bil-għan li jingħata appoġġ lill-konverġenza regolatorja u li jsir titjib tan-negozju, u li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet għal żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Il-proġetti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru ta’ interess reċiproku għandhom ikunu promossi aktar;

e)      id-djalogu fil-qasam tal-politika u s-servizzi tat-trasport bil-baħar partikolarment bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp tal-industrija tat-trasport bil-baħar inkluż iżda mhux limitat biss għal:

i)      l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti li jirrigwardaw it-trasport marittimu u l-portijiet;

ii)      il-promozzjoni ta’ aċċess mingħajr restrizzjoni għas-swieq u s-snajja marittimi internazzjonali fuq bażi kummerċjali, l-astensjoni mill-introduzzjoni ta’ klawżoli ta’ qsim tal-merkanzija, l-għoti ta’ trattament nazzjonali u tal-klawżola tal-Aktar Nazzjon Favorit (MFN) lill-bastimenti mħaddma minn ċittadini jew minn kumpaniji tal-Parti l-oħra kif ukoll kwistjonijiet rilevanti relatati mas-servizzi tat-trasport minn bieb għal bieb li jinvolvu l-waqfiet fuq il-baħar b’kunsiderazzjoni għal-liġijiet nazzjonali tal-Partijiet;

iii)      l-amministrazzjoni effettiva tal-portijiet u l-effiċjenza tas-servizzi tat-trasport bil-baħar; u

iv)      il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni fit-trasport bil-baħar ta’ interess reċiproku u l-qasam tax-xogħol marittimu, l-edukazzjoni u t-taħriġ, skont l-Artikolu 27;

f)      id-djalogu dwar l-implimentazzjoni effettiva ta’ standards ta’ sigurtà tat-trasport, ta’ sikurezza u ta’ prevenzjoni tat-tniġġis, l-aktar fir-rigward tat-trasport bil-baħar, partikolarment inkluża l-ġlieda kontra l-piraterija, u t-trasport bl-ajru, f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li għalihom huma partijiet, u ta’ standards, li jinkludu l-kooperazzjoni fil- fora internazzjonali xierqa, li għandhom l-għan li jiżguraw l-infurzar akbar tar-regolamenti internazzjonali. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni teknika u l-għajnuna fi kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tat-trasport, is-sigurtà u l-kunsiderazzjoni ambjentali inklużi iżda mhux limitati għall-edukazzjoni u t-taħriġ marittimu u tal-avjazzjoni, it-tiftix u s-salvataġġ, u l-investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti. Il-Partijiet sejrin jiffukaw ukoll fuq il-promozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.”

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kunsill żied fiha l-bażijiet legali li jirrigwardaw l-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (Artikolu 79(3) TFUE), it-trasport (Artikoli 91 TFUE u 100 TFUE) u l-ambjent (Artikolu 191(4) TFUE), iżżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni u tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż.

14      Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l‑ispejjeż.

15      Permezz ta’ digrieti tad-29 ta’ Novembru, tat-18 u tal-20 ta’ Diċembru 2012, u tal-25 ta’ Jannar 2013, rispettivament, l-Irlanda, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Ellenika kif ukoll ir-Repubblika tal-Awstrija ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

16      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed li jipprovdi li ż-żieda tal-Artikoli 79(3) TFUE, 91 TFUE, 100 TFUE u 191(4) bħala bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja u kienet illegali.

17      Hija ssostni li ma huwiex ikkontestat li l-għan tal-Ftehim Qafas huwa li jistabbilixxi qafas ta’ kooperazzjoni u ta’ żvilupp, kif dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(3) ta’ dan il-ftehim, u li d-deċiżjoni kkontestata kellha, tiġi bbażata kemm fuq l-Artikolu 207 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 209 TFUE, peress li l-parti tal-Ftehim Qafas li tirrigwarda l-kummerċ ma tistax titqies li hija sempliċement sekondarja meta mqabbla ma’ dik li tirrigwarda l-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-Kunsill, hija tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas li mmotivaw iż-żieda tal-Artikoli 79(3) TFUE, 100 TFUE u 191(4) TFUE huma kompletament koperti mill-Artikolu 209 TFUE.

18      Fil-fatt, mill-Artikoli 21 TUE, 208 TFUE u 209 TFUE, kif ukoll mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari mis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑268/94, EU:C:1996:461, punti 37 u 38) jirriżulta li l-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp titwettaq fil-kuntest ta’ firxa wiesgħa ta’ għanijiet politiċi intiżi għall-iżvilupp tal-pajjiż terz ikkonċernat, b’tali mod li l-Ftehimiet ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp ikopru neċessarjament numru kbir ta’ oqsma speċifiċi ta’ kooperazzjoni mingħajr ma tiġi affettwata n-natura tagħhom ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp.

19      Dan il-kunċett wiesa’ tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp huwa rifless ukoll fil-leġiżlazzjoni sekondarja, kif juri n-numru kbir ta’ azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni taħt l-istrument ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, p. 41). Dan il-kunċett jidher ukoll fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta’ Żvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-Kunsens Ewropew (ĠU 2006, C 46, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kunsens Ewropew”).

20      F’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim Qafas, bl-eċċezzjoni għall-parti li tikkonċerna l-kummerċ u l-investiment, jikkontribwixxu sabiex jippromwovu l-kontinwità tal-iżvilupp tal-Filippini bħala pajjiż li qed jiżviluppa u ma jimponux obbligi sostanzjalment distinti minn dawk relatati mal-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Għaldaqstant huma jaqgħu taħt il-kuntest tal-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-Unjoni u huma koperti mill-Artikolu 209 TFUE.

21      Dan huwa l-każ tal-Artikolu 38 tal-Ftehim Qafas li jirrigwarda t-trasport, li l-previżjonijiet tiegħu ma jmorrux lil hinn minn impenn, ta’ natura ġenerali, għal kooperazzjoni. Dan ukoll il-każ tal-Artikolu 26(3) u (4) tal-Ftehim Qafas li jirrigwarda l-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini ta’ partijiet kontraenti, li l-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi biss sempliċi kooperazzjoni f’dan il-qasam u jistabbilixxi mill-ġdid biss il-prinċipji bażiċi diġà stabbiliti bid-dritt Internazzjonali filwaqt li l-paragrafu 4 tal-istess artikolu jipprovdi għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid fi stadju ulterjuri. Dan huwa wkoll il-każ tal-Artikolu 34 tal-Ftehim Qafas, li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent u tar-riżorsi naturali, li jistabbilixxi biss prinċipji ġenerali u linji gwida fuq ir-rwol li għandha jkollha l-protezzjoni tal-ambjent fil-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-Unjoni fir-rigward tal-Filippini.

22      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li ż-żieda mill-Kunsill tal-Artikolu 79(3) TFUE tipproduċi effetti ġuridiċi mhux mixtieqa, fuq il-livell intern kif ukoll dak estern. Fil-fatt, din iż-żieda twassal, minħabba l-Protokoll (Nru 21) u l-Protokoll (Nru 22) kemm għall-applikazzjoni ta’ regoli ta’ vot differenti u inkompatibbli, għal emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-deċiżjoni kkontestata, għal nuqqas ta’ sigurtà ġuridika rigward id-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas li jaqgħu taħt l-Artikolu 79(3) TFUE, għal limitazzjoni tad-drittijiet istituzzjonali tal-Parlament Ewropew u tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll inċertezza għal dak li jikkonċerna l-grad ta’ eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward tal-Artikoli 3(2) TFUE u 4(2) TFUE.

23      Rigward it-talba tagħha intiża għal-limitazzjoni tal-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li huwa ġġustifikat li jinżammu l-effetti ta’ din tal-aħħar sabiex tiġi evitata kull konsegwenza negattiva fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Filippini.

24      Il-Kunsill, sostnut mill-Istati Membri intervenjenti kollha, jipprekludi l-argument tal-Kummissjoni billi josserva li l-ftehimiet li jistabbilixxu sħubija u kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi konklużi reċentement huma intiżi sabiex jistabbilixxu relazzjoni globali li tkopri numru kbir oqsma ta’ kooperazzjoni. In-natura u l-kontenut ta’ tali ftehimiet żviluppaw b’rabta mal-estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni u qasam partikolari ma jistax jiġi identifikat bħala predominanti meta mqabbla ma’ oħrajn.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għażla tal-bażijiet legali teħtieġ eżami tan-natura tal-impenji meħuda. Impenn konkret jew sostanzjali jeħtieġ iż-żieda ta’ bażi legali korrispondenti. Peress li l-obbligu l-iktar limitat jista’ jwassal għal tisħiħ fil-fond tar-relazzjonijiet esterni mal-pajjiż terz li huwa parti kontraenti fil-Ftehim Qafas, il-kriterju propost mill-Kummissjoni li jipprovdi li obbligu għandu jkun ta’ portata suffiċjentement wiesgħa sabiex jikkostitwixxi għan distint minn dawk tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp ma jistax jiġi aċċettat.

26      Mis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill (EU:C:1996:461) jirriżulta li, meta klawżola li tkun tinsab fi ftehim tinkludi leġiżlazzjoni ta’ modalitajiet konkreti għall-implementazzjoni tal-kooperazzjoni f’qasam speċifiku, dan il-ftehim għandu jkun ibbażat fuq il-bażi legali korrispondenti. Kull qasam speċifiku ta’ ftehim ta’ dan it-tip għandu jiġi kkunsidrat separatament, irrispettivament mill-eżistenza eventwali ta’ programm ta’ għajnuna għall-iżvilupp imwettaq b’mod parallel f’dan il-qasam, billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura ġuridika, vinkolanti u awtonoma tal-obbligu miftiehma.

27      Il-Kunsill iqis li l-kontenut tal-Ftehim Qafas jikkonferma l-approċċ tiegħu, peress li l-premessi u l-Artikolu 2 tiegħu ma jattribwixxux rwol predominanti lil qasam partikolari, bħall-kooperazzjoni fl-iżvilupp, u l-istruttura tiegħu tikkonferma l-istabbiliment ta’ relazzjoni globali u pluridimensjonali.

28      Fir-rigward tat-trasport, fid-dawl tal-Opinjoni 1/08 (EU:C:2009:739) mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-politika tat-trasport u tal-politika kummerċjali komuni, għandhom jintużaw il-bażijiet legali previsti mit-Trattat FUE li jikkonċernaw espressament it-trasport, f’dan il-każ l-Artikoli 91 TFUE u 100 TFUE. L-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-obbligi previsti fil-Ftehim Qafas huma sempliċement relatati mal-iżvilupp tal-Filippini fuq il-livell ekonomiku, soċjali u dak ambjentali huwa żbaljat. L-argument li jgħid li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trasport huma konformi mal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex juri li dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt din il-politika.

29      Fir-rigward tal-ammissjoni mill-ġdid tal-partijiet kontraenti, l-Artikolu 26(3) tal-Ftehim Qafas jistabbilixxi impenji ġuridiċi ċari, li għandhom ikunu bbażati fuq il-bażi legali prevista mit-Trattat FUE, jiġifieri l-Artikolu 79(3). Il-fatt li jiġu inklużi f’tali ftehim obbligi sanċiti fid-dritt internazzjonali jkollu konsegwenzi ġuridiċi diretti, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi. Barra minn hekk ikun inkontestabbli li l-Ftehim Qafas, inkwantu jipprovdi għall-konklużjoni, fil-pront, ta’ ftehim għall-ammissjoni u għall-ammissjoni mill-ġdid, jinkludi obbligu ta’ mezzi li jikkostitwixxu pressjoni importanti sabiex jinkiseb mir-Repubblika tal-Filippini riżultat li jkun diffiċli li jintlaħaq b’mod iżolat.

30      Rigward l-ambjent, il-programmi u l-azzjonijiet previsti mill-Ftehim Qafas għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 191(4) TFUE, li jippermetti lill-Unjoni tikkoopera mal-pajjiżi terzi u jispeċifika li l-modalitajiet ta’ din il-kooperazzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehimiet. L-Artikolu 34 tal-Ftehim Qafas jinkludi b’mod ċar, fil-paragrafu 2 tiegħu, obbligu, li l-osservanza tiegħu jista’ jiġi impost permezz ta’ rimedju legali.

31      Barra minn hekk, il-Kunsill ma għandux it-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effetti taż-żieda tal-Artikolu 79(3) TFUE. Huwa jfakkar li ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ att, iżda hija l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi adottat dan l-att. Huwa josserva li l-Istati membri li għalihom japplika l-Protokoll (Nru 21) jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas u li, għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Filippini, jekk ma jidħlux f’obbligi skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE bħala Membru tal-Unjoni, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jagħmlu dan b’mod bilaterali.

32      Għal dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tal-bażijiet legali, il-Kunsill iżid li l-ftehim komuni tal-Istati Membri kien meħtieġ xorta waħda, peress li dawn huma wkoll partijiet għall-Ftehim Qafas, u li l-ġurisprudenza hija flessibbli f’dan ir-rigward meta att għandu jiġi bbażat fuq diversi bażijiet legali li jipprovdu regoli ta’ vot differenti.

33      Fl-aħħar nett, il-Kunsill jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni rigward in-neċessità li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jekk din tal-aħħar tiġi annullata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni, inkluż dak adottat bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom dawk li jinkludu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan l-att għandu għan doppju jew li għandu komponent doppju u jekk wieħed minn dawn jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss sekondarju, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Eċċezzjonalment, jekk jiġi stabbilit li l-att ikollu diversi għanijiet, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat mal-ieħor, tali att għandu jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti. Madankollu, ma huwiex possibbli li jkun hemm żewġ bażijiet legali meta l-proċeduri meħtieġa minn kull bażi legali huma inkompatibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 42 sa 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’din il-kawża, għandu jiġi ddeterminat jekk, fost id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas, dawk li jirrigwardaw l-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti, it-trasport u l-ambjent jaqgħux ukoll taħt il-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp jew jekk huma jeċċedux il-kuntest ta’ din il-politika u, għaldaqstant, jeħtieġu li d-deċiżjoni kkontestata tiġi bbażata fuq bażijiet legali addizzjonali.

36      Skont l-Artikolu 208(1) TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandha titwettaq fil-kuntest ta’ prinċipju u ta’ għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 21 TUE. L-għan prinċipali ta’ din il-politika huwa t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar u l-Unjoni għandu tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp meta timplementa politika li tista’ taffettwa l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għall-implementazzjoni ta’ din il-politika, l-Artikolu 209 TFUE, li fuqu hija bbażata, fost oħrajn, id-deċiżjoni kkontestata, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Unjoni tista’ tikkonkludi mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti kull ftehim utli għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21 TUE u fl-Artikolu 208 TFUE.

37      Minn dan jirriżulta li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp ma hijiex limitata għall-miżuri intiżi direttament għall-qerda tal-faqar, iżda ssegwi wkoll l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2) TUE, bħal dak, stabbilit fil-paragrafu 2(d), li jikkonsisti li jingħata appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan primarju li jinqered il-faqar.

38      Sabiex jiġi vverifikat jekk ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż bejn il-Komunità Ewropea u Stat terz jaqgħux fil-fatt taħt il-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punti 37 u 38 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill (EU:C:1996:461) invokata mill-Kummissjoni, li, sabiex jiġi kkwalifikat bħala ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp, ftehim għandu jsegwi l-għanijiet imsemmija minn din il-politika, li dawn l-għanijiet huma wiesgħa fis-sens li l-miżuri neċessarji għas-segwitu tagħhom għandhom ikunu jistgħu jikkonċernaw kwistjonijiet speċifiċi differenti u li dan huwa partikolarment minnu fil-każ ta’ ftehim li jistabbilixxi l-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, hija żiedet li jekk jinħtieġ li ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp ikun ibbażat ukoll fuq dispożizzjoni oħra differenti minn dik relatata ma’ din il-politika kull meta dan il-ftehim ikun jirrigwarda kwistjoni speċifika jkun, fil-prattika, ta’ natura li jimmina mis-sustanza tagħhom il-kompetenza u l-proċedura previsti minn din id-dispożizzjoni.

39      Fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li għandu jitqies li l-preżenza, f’tali ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp, ta’ klawżoli li jirrigwardaw kwistjonijiet speċifiċi differenti ma għandhomx jibdlu l-klassifikazzjoni ta’ dan il-ftehim li għandha ssir fid-dawl tal-għan essenzjali tiegħu u mhux skont il-klawżoli partikolari, sakemm dawn il-klawżoli ma jinkludux obbligi ta’ tali portata fil-kwistjonijiet speċifiċi msemmija li dawn l-obbligi jikkostitwixxu fir-realtà għanijiet distinti minn dawk tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

40      Meta eżaminat id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim dwar il-kwistjonijiet speċifiċi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 45 tal-istess sentenza, li huma kienu limitati li jiddeterminaw l-oqsma li huma s-suġġett tal-kooperazzjoni u li jippreċiżaw uħud mill-aspetti tagħhom u ċerti azzjonijiet, iżda ma kinux jinkludu leġiżlazzjoni tal-modalitajiet konkreti tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni f’kull qasam speċifiku previst.

41      Għaldaqstant il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 39 u 45 ta’ din is-sentenza sabiex tevalwa jekk klawżoli ta’ ftehim konkluż ma’ pajjiż terz jaqgħux taħt il-kooperazzjoni fl-iżvilupp ma humiex, kif jirriżulta mill-kontroreplika u mid-dibattiti fis-seduta, ikkontestati mill-Kunsill. Madankollu, sostnut mill-Istati Membri intervenjenti, il-Kunsill iqis li l-analiżi mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar is-sħubija u l-iżvilupp (ĠU 1994, L 223, p. 24), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 1994, ma hijiex applikabbli għall-Ftehim Qafas li, minħabba l-evoluzzjoni tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni konklużi minn dakinhar bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi, ikkaratterizzata b’mod partikolari permezz ta’ estensjoni, b’rabta ma’ dik tal-kompetenzi tal-Unjoni, tal-oqsma koperti minn dawn il-ftehimiet u tisħiħ ta’ impenji miftiehma, hija ta’ natura differenti.

42      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li din l-evoluzzjoni, mhux talli ma tinvalidax l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill (EU:C:1996:461) u mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, tikkorrispondi għall-kuntrarju żieda tal-għanijiet tal-kooperazzjoni u tal-kwistjonijiet ikkonċernati minnha, li tirrifletti l-viżjoni tal-Unjoni għall-iżvilupp stabbilita fil-Kunsens Ewropew. Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 5 u 7 tal-Kunsens Ewropew, l-għan prinċipali tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp huwa l-qerda fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari billi jsiru sforzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Millennju għall-iżvilupp. Il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli jinkludi, b’mod partikolari, aspetti ambjentali. Peress li l-qerda tal-faqar għandha aspetti multipli, it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jeħtieġu, skont il-punt 12 tal-Kunsens Ewropew, li tiġi implementata sensiela sħiħa ta’ attivitajiet għall-iżvilupp imsemmija fl-imsemmi punt.

43      Dan il-kunċett wiesa’ tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp ġie kkonkretizzat, b’mod partikolari, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1905/2006 li, sabiex isostni s-segwitu tal-istess għanijiet, jipprovdi li għandha tiġi implementata l-għajnuna tal-Unjoni permezz ta’ programmi ġeografiċi u tematiċi li jinkludu ħafna aspetti.

44      Madankollu, għalkemm miżura tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiż li qed jiżviluppa, ma taqax taħt il-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp jekk l-għan prinċipali tagħha huwa l-implementazzjoni ta’ politika oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill C‑91/05, EU:C:2008:288, punt 72).

45      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni konkluż bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja, it-terminu “żvilupp” ma jinsabx fit-titolu tal-Ftehim Qafas dwar l-isħubija u l-iżvilupp. Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp ma hijiex imsemmija fl-Artikolu 2(h), ħlief taħt il-“kooperazzjoni fis-setturi l-oħrajn kollha ta’ interess reċiproku”, l-istess bħat-trasport u l-ambjent, filwaqt li l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni huwa inkluż, fl-Artikolu 2(g), bħala għan distint. Hija tifforma s-suġġett, bħala tali, ta’ artikolu wieħed, l-Artikolu 29, fost it-58 artikolu tal-Ftehim Qafas.

46      Madankollu, l-intenzjoni tal-partijiet kontraenti li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, il-qerda tal-faqar u t-twettiq tal-għanijiet tal-Millennju għall-iżvilupp hija affermata fil-preambolu tal-Ftehim Qafas. L-impenn li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, li jikkooperaw sabiex jindirizzaw l-isfida tal-bidla fil-klima u li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp miftiehma internazzjonalment, inklużi dawk li jinsabu fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, jifforma parti mill-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Ftehim Qafas. L-għan ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ tnaqqis tal-faqar ma huwiex stabbilit biss fl-Artikolu 29 tal-imsemmi ftehim li jispeċifika l-miri tad-djalogu dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, iżda huwa wkoll stabbilit f’dispożizzjonijiet oħrajn tiegħu, b’mod partikolari dawk iddedikati għall-impjieg u għall-affarijiet soċjali, għall-agrikoltura, għas-sajd u għall-iżvilupp rurali kif ukoll għall-iżvilupp reġjonali.

47      Barra minn hekk, mill-Ftehim Qafas kollu jirriżulta li l-kooperazzjoni u s-sħubija previsti minnu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħtiġijiet ta’ pajjiż li qed jiżviluppa u, għaldaqstant, jikkontribwixxu sabiex jippromwovu b’mod partikolari s-segwitu tal-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 21(2)(d) TUE u 208(1) TFUE.

48      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għall-finijiet ta’ dak li huwa speċifikat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas li jirrigwardaw l-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti, it-trasport u l-ambjent jikkontribwixxux ukoll għas-segwitu tal-għanijiet tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp u, fl-affermattiv, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jinkludux madankollu obbligu ta’ tali portata li jikkostitwixxu għanijiet distinti li ma humiex sekondarji u lanqas indiretti meta mqabbla ma’ dawk tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

49      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għas-segwitu tal-għanijiet tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48, 55 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-migrazzjoni, inkluż il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina, it-trasport u l-ambjent jiġu integrati fil-politika ta’ żvilupp iddefinita fil-Konsensus Ewropew. Fil-punt 12 ta’ dan tal-aħħar, il-migrazzjoni, l-istess bħall-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, jifformaw parti mis-sensiela ta’ attivitajiet maħsuba sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Millennju għall-iżvilupp u jieħu inkunsiderazzjoni aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-qerda tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli. Il-migrazzjonijiet jitqiesu, fil-punt 38, bħala li għandhom ikunu fattur pożittiv għall-iżvilupp li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp jitqies, fil-punt 40, bħala r-risposta l-iktar effettiva fit-tul għall-migrazzjonijiet furzati u illegali. L-ambjent u t-trasport huma inklużi, fil-punti 75 u 77, fost l-oqsma prinċipali ta’ azzjoni tal-Unjoni sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-pajjiżi msieħba.

50      Bl-istess mod, il-migrazzjonijiet, it-trasport u l-ambjent huma inklużi fir-Regolament Nru 1905/2006 bħala oqsma ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Unjoni permezz ta’ programmi ġeografiċi, b’mod partikolari għall-pajjiżi tal-Asja, u, fir-rigward tal-ambjent u l-migrazzjonijiet, permezz ta’ programmi tematiċi.

51      Il-Ftehim Qafas stess juri rabta bejn il-kooperazzjoni li huwa intiż li jistabbilixxi fir-rigward tal-migrazzjoni, ta’ trasport u ta’ ambjent, minn naħa, u l-għanijiet tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, min-naħa l-oħra.

52      L-ewwel nett, għalhekk, l-Artikolu 26 tiegħu, bit-titolu, barra minn hekk, “Kooperazzjoni fil-qasam tal-Migrazzjoni u l-iżvilupp”, jipprovdi li t-tħassib dwar il-migrazzjoni għandu jkun inkluż fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni tal-migranti u li din il-kooperazzjoni ser tiffoka b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u ta’ żvilupp.

53      It-tieni nett, fl-Artikolu 34 tal-Ftehim Qafas, il-partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ambjent u tar-riżorsi naturali għandha tippromwovi s-salvagwardja u t-titjib tal-ambjent bil-għan li jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli u tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fl-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni. Tali kunsiderazzjonijiet jinsabu għalhekk f’dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim Qafas u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 29 dwar il-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp li jipprovdi li d-djalogu dwar dan għandu jiffoka b’mod partikolari fuq il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali.

54      It-tielet nett, l-Artikolu 38 tal-Ftehim Qafas jipprovdi li l-partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tat-trasport bil-għan, b’mod partikolari, li jindirizzaw l-impatt ambjentali tagħhom, u li huma jaqblu li jippromwovu, f’dan il-qasam, skambju ta’ informazzjoni u ta’ djalogu fuq suġġetti differenti, li wħud minnhom kienu jirrigwardaw l-iżvilupp.

55      Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini tal-partijiet kontraenti, it-trasport u l-ambjent, b’koerenza mal-Konsensus Ewropew, jikkontribwixxu għas-segwitu tal-għanijiet tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

56      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-obbligi stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 34 dwar l-ambjent u r-riżorsi naturali u l-Artikolu 38 dwar it-trasport huma limitati għal dikjarazzjonijiet tal-partijiet kontraenti fuq l-għanijiet li l-kooperazzjoni tagħhom għandha ssegwi u t-temi li fuqhom din il-kooperazzjoni għandha tirrigwarda, mingħajr ma jiġu ddeterminati l-modalitajiet konkreti ta’ implementazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni.

57      Rigward l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini tal-partijiet kontraenti, l-Artikolu 26(3) tal-Ftehim Qafas jinkludi, bid-differenza għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, obbligi preċiżi. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Filippini u l-Istati Membri jintrabtu li jaċċettaw mill-ġdid iċ-ċittadini tagħhom li ma jissodisfawx jew ma għadhomx iktar jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul jew għal residenza fit-territorju tal-parti l-oħra, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar u f’termini raġonevoli, ladarba n-nazzjonalità ta’ dawn iċ-ċittadini kienet ġiet stabbilita u li r-regoli ta’ proċedura kienu ġew osservati, kif ukoll li jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom id-dokumenti neċessarji għal dan il-għan. Huma jaqblu wkoll li jikkonkludu, mill-iktar fis possibbli, ftehim ta’ ammissjoni u ta’ ammissjoni mill-ġdid.

58      Għalkemm l-Artikolu 26(3) jinkludi, ċertament, preċiżjonijiet li jikkonċernaw l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ammissjoni mill-ġdid, jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-paragrafu 2(f) tal-istess artikolu, l-ammissjoni mill-ġdid ta’ persuni li jirrisjedu illegalment jinsab f’dan l-artikolu tal-aħħar bħala waħda mill-pilastri li fuqhom il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ migrazzjoni u ta’ żvilupp għandha tibbaża, mingħajr ma tkun is-suġġett f’dan l-istadju ta’ dispożizzjonijiet iddettaljati li jippermettu li jiġu implementati dawk li jinsabu fil-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid. Għalhekk ma jistax jitqies li l-Artikolu 26 tal-Ftehim Qafas jinkludi leġiżlazzjoni ta’ modalitajiet konkreti tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam ta’ ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini tal-partijiet kontraenti, fatt li huwa msaħħaħ mill-impenn, fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li jiġi konkluż mingħajr dewmien żejjed ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid.

59      Konsegwentement, jidher li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini tal-partijiet kontraenti, it-trasport u l-ambjent ma jinkludux obbligi ta’ portata tali li jista’ jitqies li huma jikkostitwixxu għanijiet distinti minn dawk tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, li ma humiex sekondarji u lanqas indiretti meta mqabbla ma’ dawn tal-aħħar.

60      Minn dan isegwi li l-Kunsill żbalja meta qies l-Artikoli 79(3) TFUE, 91 TFUE u 100 TFUE, u 191(4) TFUE bħala bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kunsill żied fiha l-bażijiet legali li jirrigwardaw l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, it-trasport u l-ambjent.

62      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba tal-Kummissjoni u tal-Kunsill intiża għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

64      Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmi regolament, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/272/UE, tal-14 ta’ Mejju 2012, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra hija annullata sa fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea żied fiha l-bażijiet legali li jirrigwardaw l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, it-trasport u l-ambjent.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.