Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fl-4 ta’ Frar 2021 – SIA “PRODEX” vs Valsts ieņēmumu dienests

(Kawża C-72/21)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent u appellant: SIA “PRODEX”

Konvenut u parti oħra fil-proċedura tal-appell: Valsts ieņēmumu dienests

Domandi preliminari

In-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana 1 , kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 2 , għandha tiġi interpretata fis-sens li s-subintestatura 4418 20 tan-Nomenklatura Magħquda tista’ tinkludi ċaċċiżi tal-bibien, xambrelli tal-bibien u sollijiet bħala artikli separati?

Fid-dawl tal-ewwel sentenza tar-Regola 2(a) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda inklużi fil-punt A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 1006/2011, is-subintestatura 4418 20 tan-Nomenklatura Magħquda tista’ tinkludi wkoll ċaċċiżi tal-bibien, xambrelli tal-bibien, borduri tal-bibien u sollijiet mhux lesti, sakemm dawn ikollhom il-karatteristiċi essenzjali ta’ ċaċċiżi tal-bibien, ta’ xambrelli tal-bibien u ta’ sollijiet kompluti u lesti?

Il-pannelli u l-gwarniċi tal-injam inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-profil u l-finitura dekorattiva tagħhom oġġettivament jindikaw li dawn huma intiżi li jintużaw fil-manifattura ta’ bibien, ta’ ċaċċiżi tal-bibien, ta’ xambrelli tal-bibien u ta’ sollijiet, iżda li, qabel l-immuntar tal-bieb, għandhom jinqatgħu sabiex jiġu adattati għat-tul tiegħu u li fuqhom għandhom jiġu inklużi postijiet għall-qfieli u, jekk ikun il-każ, postijiet għaċ-ċappetti u għas-serraturi, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 4418 20 jew, skont il-karatteristiċi tal-pannelli jew tal-gwarniċi kkonċernati, fl-intestaturi 4411 u 4412 tan-Nomenklatura Magħquda?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382.

2     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU 2011, L 282, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 290, p. 6, fil-ĠU 2012, L 52, p. 32 u fil-ĠU 2012, L 226, p. 8).