Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fl-4 ta’ Novembru 2020 – A

(Kawża C-577/20)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: A

Parti oħra fil-proċedura: Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto

Domandi preliminari

Il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat UE u mid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tevalwa d-dritt ta’ applikant li jeżerċita professjoni rregolata skont l-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE u l-ġurisprudenza relatata (b’mod partikolari is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou 2 , u s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard 3 ) minkejja l-fatt li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 jidher li jarmonizza l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata li permezz tagħhom l-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti l-eżerċizzju tal-professjoni minn applikant li jkollu evidenza ta’ edukazzjoni u taħriġ minn Stat li fih il-professjoni ma hijiex rregolata iżda li ma jissodisfax ir-rekwiżit sabiex jeżerċita l-professjoni hekk kif stipulat f’dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, wara teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunament fil-kawża Brouillard (punt 55 tas-sentenza) fir-rigward tal-kriterji esklużivi għall-evalwazzjoni tal-ekwivalenza ta’ ċertifikati, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti, milli tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-ekwivalenza tat-taħriġ ukoll fuq informazzjoni għajr dik miksuba mill-fornitur tat-taħriġ jew l-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor dwar il-kontenut iktar iddettaljat u l-metodu ta’ implimentazzjoni tat-taħriġ?

____________

1     ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28, u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115.

2     C-340/89, EU:C:1991:193.

3     C–298/14, EU:C:2015:652.