Language of document : ECLI:EU:T:2022:739

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla)

30 ta’ Novembru 2022 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta aċċessorju għal apparat ta’ kontroll mill-bogħod mingħajr fili – Raġuni ta’ invalidità – Karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu – Artikolu 8(1) u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Fatti invokati jew provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell – Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża T‑611/21,

ADS L. Kowalik, B. Włodarczyk s.c., stabbilita fi Sosnowiec (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Oleksyn, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Chylińska u J. Ivanauskas, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

ESSAtech, stabbilita fi Přistoupim (ir‑Repubblika Ċeka),

IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn V. Tomljenović, Presidenta, I. Nõmm u D. Kukovec (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, ADS L. Kowalik, B. Włodarczyk s.c., titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑5 ta’ Lulju 2021 (Każ R 1070/2020‑3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fis‑7 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju quddiem l-EUIPO, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

3        Id-disinn Komunitarju li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li huwa kkontestat f’dan il-każ huwa rrappreżentat fl-immaġini li ġejjin:

Image not found

4        Il-prodotti li għalihom id-disinn ikkontestat huwa intenzjonat li japplika jaqgħu fil-klassi 14.03 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Apparat ta’ kontroll mill-bogħod [mingħajr fili] (Aċċessorji għal -)”.

5        Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat fis‑7 ta’ Diċembru 2017 bħala disinn Komunitarju bin-numru 4 539 302‑0001 u ġie ppubblikat fil-Bulettin tad-disinni Komunitarji Nru 2018/044 tal‑5 ta’ Marzu 2018.

6        Fl‑20 ta’ Mejju 2019, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, ESSAtech, ressqet, bis-saħħa tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat.

7        Il-motiv invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak previst fl-Artikolu 25(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 6/2002.

8        Fis‑6 ta’ April 2020, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

9        Fis‑27 ta’ Mejju 2020, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ippreżentat appell mill-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

10      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara d-disinn ikkontestat null.

11      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell enfasizza, l-ewwel, li l-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri apparat intiż li jitqiegħed fuq il-batterija ta’ apparat ta’ kontroll mill-bogħod intiż għal apparati elettriċi bil-batteriji, kienet li tippermetti l-qtugħ tal-provvista tal-elettriku bil-batteriji meta dan ma jintużax. It-tieni, huwa kkonstata li l-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott inkwistjoni kienu s-segwenti: żewġ pjanċi fil-forma ta’ ċirku ta’ kulur tad-deheb u kannella, strixxa li tgħaqqad iż-żewġ pjanċi fil-forma ta’ ċirku u ċirkwit stampat li jinsab fuq naħa ta’ waħda mill-pjanċi magħmula minn komponenti elettroniċi. It-tielet, huwa qies li l-imsemmija karatteristiċi kollha kienu esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni, b’tali mod li d-disinn ikkontestat kellu jiġi ddikjarat invalidu, bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

 Ittalbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem l-EUIPO.

13      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà taddokumenti prodotti għallewwel darba quddiem ilQorti Ġenerali

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ l-ammissibbiltà tar-ritratti tal-iskrin meħuda minn sit internet li jinsabu fl-Annessi A.4 sa A.6 tar-rikors bħala prova. Fil-fehma tagħha, dawn id-dokumenti jipprovaw l-eżistenza ta’ alternattivi għall-prodotti koperti mid-disinn inkwistjoni kif ukoll ir-restrizzjoni serja tal-libertà ta’ kreazzjoni.

15      L-EUIPO jikkontesta l-ammissibbiltà tal-Annessi A.4 sa A.6 tar-rikors minħabba li d-dokumenti li jinsabu fihom ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

16      Għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-proċess, id-dokumenti li jinsabu fl-Annessi A.4 sa A.6 tar-rikors ma ġewx prodotti quddiem l-EUIPO, iżda ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

17      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fuq deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jsir fid-dawl tal-kwistjonijiet ta’ liġi li tressqu quddiemu. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, li tilqa’ dawn il-provi jmur kontra l-Artikolu 188 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li n-noti ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jibdlu s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2013, Viejo Valle vs UASI – Établissements Coquet (Kikkra u plattina bl-istrixxi u platt tas-soppa bl-istrixxi), T‑566/11 u T‑567/11, EU:T:2013:549, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Għaldaqstant isegwi li d-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom jiġu mwarrba, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Konsegwentement, id-dokumenti li jidhru fl-Annessi A.4 sa A.6 tar-rikors ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni u, għaldaqstant, għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

 Fuq ilfondatezza talmotivi

20      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) tal-istess regolament, kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 41(2)(ċ), moqri flimkien mal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 63(2) tal-istess regolament, kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 41(2)(ċ) moqri flimkien mal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

21      L-eżami tar-rikors għandu jibda bl-analiżi tat-tieni motiv.

22      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma pproċediex b’mod korrett għat-trattament tal-provi u tal-argumenti li ġew ippreżentati, mill-parti li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri l-annessi Nri 1 sa 4 tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell ippreżentati quddiem dan il-bord.

23      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, kiser l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 63(2) tal-istess regolament. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 41(2)(ċ) moqri flimkien mal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

24      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

25      L-EUIPO jsostni, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell eżerċita b’mod korrett is-setgħa diskrezzjonali tiegħu li jaċċetta l-provi prodotti mill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiemu, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1), ġew issodisfatti f’dan il-każ. Fit-tieni lok, huwa jenfasizza li, sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx ikkontestat l-imsemmija ammissjoni, l-imsemmi bord ma kellux l-obbligu li jimmotiva espressament din l-ammissjoni.

26      F’dan il-każ, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li, fil-kuntest tal-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-parti li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentat nota li tesponi l-motivi tal-appell tagħha kif ukoll l-Annessi Nri 1 sa 4. Dawn l-annessi kienu jinkludu l-provi li ġejjin:

–        stampi ta’ ċirkwiti integrati fil-forma ta’ ċirku u hyperlinks lejn is-sorsi tagħhom (Anness Nru 1);

–        hyperlink lejn video disponibbli fuq is-sit tal-internet YouTube kif ukoll stampi li juru l-użu tal-prodott (Anness Nru 2);

–        stampi ta’ disinni preċedenti u hyperlinks lejn is-sorsi tagħhom (Anness Nru 3);

–        deskrizzjoni tal-prodott (Anness Nru 4).

27      Kif jirriżulta mill-proċess u kif jammettu l-partijiet, l-Annessi Nri 1 sa 4 tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell ippreżentata quddiem il-Bord tal-Appell jinkludu fatti invokati jew provi prodotti għall-ewwel darba quddiem l-imsemmi bord. F’din in-nota, il-parti li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentat ukoll f’dan ir-rigward argument supplimentari li ma kienx jinsab fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

28      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, “[f]il-proċeduri quddiemu, l-[EUIPO] għandu jeżamina l-fatti”, iżda li, “[m]adankollu, [f]il-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ dikjarazzjoni ta’ l-invalidità, l-[EUIPO] għandu jkun ristrett f’din l-eżaminazzjoni bil-fatti, bix-xhieda u bl-argumenti pprovduti mill-partijiet u bir-rimedju mfittex”. L-Artikolu 63(2) tal-imsemmi regolament jiddisponi li “[l]-EUIPO jista’ ma jagħtix kas tal-fatti jew tax-xhieda li ma jiġux sottomessi fiż-żmien dovut mill-partijiet interessati”.

29      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 6/2002, u li l-EUIPO bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi anki invokati jew prodotti tardivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Gamet vs EUIPO – “Metal-Bud II” Robert Gubała (Pum ta’ bieb), T‑306/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:466, punt 15, ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 42).

30      Billi tippreċiża li dan tal-aħħar “jista”, f’każ bħal dan, jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni tali provi, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti fil-fatt lill-EUIPO marġni diskrezzjonali wiesa’ sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li joħodhom inkunsiderazzjoni jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Pum ta’ bieb, T‑306/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:466, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, għandu jiġi rrilevat li tali teħid inkunsiderazzjoni jista’ jiġi ġġustifikat meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625.

32      B’mod partikolari, l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625 jiddisponi:

“B’konformità mal-Artikolu 95(2) tar-Regolament […] 2017/1001, il-Bord tal-Appell jista’ jaċċetta fatti jew evidenza ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu biss meta dawk il-fatti jew l-evidenza jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      minn kif ikun jidher, aktarx li jkunu rilevanti għall-eżitu tal-każ; kif ukoll

(b)      ma jkunux ġew prodotti fil-ħin għal raġunijiet validi, speċjalment meta jkunu qegħdin sempliċiment jissupplimentaw fatti u evidenza rilevanti li jkunu diġà ġew ippreżentati fil-ħin, jew ikunu ppreżentati sabiex jiġu kkontestati sejbiet li jkunu saru jew ikunu ġew eżaminati mill-ewwel istanza tal-mozzjoni tagħha stess fid-deċiżjoni soġġetta għal appell.”

33      Fil-fatt, ir-Regolament Delegat 2018/625 huwa applikabbli fil-qasam tad-disinni Komunitarji, peress li, bis-saħħa tal-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 6/2002, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament delegat, dwar il-proċedimenti quddiem il-Bordijiet tal-Appell, huma applikabbli wkoll għar-rikorsi li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Lego vs EUIPO – Delta Sport Handelskontor (Element ta’ kostruzzjoni ta’ kaxxa tal-logħob ta’ kostruzzjoni), T‑515/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:155, punt 44). Dan l-aħħar artikolu jirrigwarda b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni, bħal f’dan il-każ.

34      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kontenut tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 huwa identiku għal dak tal-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 li huwa espliċitament imsemmi fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625.

35      Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, japplikaw mutatis mutandis għall-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Għalhekk, il-possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni fatti invokati jew provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, skont l-Artikolu 63(2) tal-imsemmi regolament, hija rregolata mill-Artikolu 27(4) ta’ dan ir-regolament delegat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Kondyterska korporatsiia “Roshen” vs EUIPO – Krasnyj Octyabr (Rappreżentazzjoni ta’ awwista), T‑254/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:650, punti 55 u 56).

36      Konformement mal-ġurisprudenza, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk il-Bord tal-Appell ikunx eżerċita b’mod effettiv is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu sabiex jiddeċiedi, b’mod motivat u billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, kemm jekk kienx hemm lok jew le li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu sabiex jagħti d-deċiżjoni li huwa kien mitlub jieħu. Barra minn hekk, hija għandha tistħarreġ li l-Bord tal-Appell għamel użu xieraq mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Pum ta’ bieb, T‑306/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:466, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl tal-punt 35 iktar ’il fuq, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi applikata flimkien mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625.

37      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, iċċitata fil-punti 30 u 36 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell għandu jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu, prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward, jekk hemmx lok jew le li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti invokati jew il-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu. Dan l-obbligu huwa wkoll previst mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, li tipprovdi li, fil-każ li l-imsemmi bord jaċċetta u jibbaża ruħu fuq tali elementi, huwa għandu neċessarjament jagħti motivazzjoni, konformement mal-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament, għar-raġunijiet li wassluh sabiex iqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) ta’ dan ir-regolament delegat kienu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2021, Skyliners vs EUIPO – Sky (SKYLINERS), T‑15/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:401, punt 80).

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-obbligu tal-Bord tal-Appell li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu prevista fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward, jekk hemmx lok jew le li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti invokati jew il-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, joriġina mill-obbligu tal-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

39      Barra minn hekk, l-eżami mill-Bord tal-Appell tal-kwistjoni tal-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu jikkostitwixxi stadju preliminari obbligatorju għall-analiżi eventwali, minnu, ta’ dawn l-elementi fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-appell ippreżentat quddiemu.

40      Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda kemm l-analiżi tal-kwistjoni tal-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll l-eżami tal-kwistjonijiet fuq il-mertu, id-deċiżjoni kkontestata għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 41 tal-Karta, li huwa intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, u, b’mod iktar preċiż, fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2(ċ) tal-imsemmi artikolu li l-ksur tiegħu huwa wkoll allegat mir-rikorrenti.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 41(1) tal-Karta jistabbilixxi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”. Il-paragrafu 2(ċ) tal-imsemmi artikolu jippreċiża, min-naħa tiegħu, li “[d]an id-dritt jinkludi […] l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

42      L-obbligu ta’ motivazzjoni, li jirriżulta wkoll mill-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, għandu, skont il-ġurisprudenza, għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għal radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 82).

43      Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti kollha għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, Mast‑Jägermeister vs EUIPO (Tazzi), T‑16/16, EU:T:2017:68, punt 58).

44      Għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa intiż sabiex jipprekludi wkoll l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ natura arbitrarja. Għalhekk, din tinkludi effett ta’ awtodixxiplina fis-sens li, billi ssib ruħha obbligata li tippreżenta r-raġunijiet ta’ deċiżjoni, l-awtur tagħha jinsab ukoll obbligat li jiżgura li dawn ir-raġunijiet ikunu rilevanti, koerenti u suffiċjentement preċiżi.

45      Minn dan isegwi li, meta l-Bord tal-Appell jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa obbligat jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, billi jindika, b’mod partikolari, jekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, l-imsemmija elementi jistgħux jiġu aċċettati. Għaldaqstant, għandu jiġi mistħarreġ, f’dan il-każ, jekk dan il-bord osservax l-imsemmi obbligu.

46      F’dan il-każ, anki jekk il-Bord tal-Appell ma kkonstatax espliċitament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti fl-Annessi Nri 1 sa 4 tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell, hemm lok li jitqies li l-imsemmija provi ttieħdu inkunsiderazzjoni, impliċitament, iżda neċessarjament, mill-imsemmi bord. Fil-fatt, minn naħa, mhux biss diversi provi prodotti fl-imsemmija annessi kienu msemmija fil-preżentazzjoni tal-motivi u tal-argumenti tal-partijiet li jinsabu fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom huwa wkoll dedott mir-riferimenti, fil-motivi tal-imsemmija deċiżjoni, għall-fatti, għall-argumenti u għall-provi kollha ppreżentati quddiem dan il-bord. Min-naħa l-oħra, kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-EUIPO jaqblu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom dwar tali ammissjoni.

47      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda element dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell aċċetta l-fatti invokati jew il-provi prodotti, mill-parti li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għall-ewwel darba quddiemu.

48      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li teżamina jekk il-Bord tal-Appell applikax l-Artikolu 27(4) tar-Regolament 2018/625 u jekk iż-żewġ rekwiżiti imposti minn din id-dispożizzjoni kinux issodisfatti qabel l-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu. B’mod partikolari, hija ma tistax tistħarreġ jekk l-imsemmi bord eżaminax, minn naħa, ir-rilevanza tal-imsemmija elementi, prima facie, għall-kawża u, min-naħa l-oħra, l-eventwali raġunijiet validi li wasslu għall-produzzjoni tardiva tagħhom. Għaldaqstant huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tkun taf il-ġustifikazzjoni ta’ tali ammissjoni u li tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

49      Bl-istess mod, peress li d-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tindika r-raġunijiet għall-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, il-partijiet ma jistgħux ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għal din l-ammissjoni sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

50      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, dan il-bord ma osservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u mill-Artikolu 41(2)(ċ), moqri flimkien mal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

51      Din il-konklużjoni ma għandhiex tiġi kkontestata bl-argumenti tal-EUIPO.

52      Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-EUIPO li, peress li r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat, quddiem il-Bord tal-Appell, l-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi li kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem l-imsemmi bord, dan tal-aħħar ma kienx obbligat jimmotiva espressament l-ammissjoni tagħhom.

53      Fil-fatt, l-ewwel, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Bell & Ross vs UASI – KIN (Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn) T‑80/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:214, punt 37). Issa, hekk kif dan ġie kkonstatat fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

54      It-tieni, kif ġie rrilevat fil-punt 45 iktar ’il fuq, meta l-Bord tal-Appell jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa obbligat jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, billi jindika, b’mod partikolari, jekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, l-imsemmija elementi jistgħux jiġu aċċettati.

55      Minn dan isegwi li l-eżami tal-argument tal-EUIPO msemmi fil-punt 52 iktar ’il fuq, għandu jitwettaq fid-dawl tal-eżistenza ta’ obbligu għall-Bord tal-Appell li jindika b’mod partikolari, jekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, fatti invokati jew provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu jistgħux jiġu aċċettati.

56      Ċertament, konformement mal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-eżami tal-fatti tal-EUIPO huwa limitat, f’azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, bħal f’dan il-każ, għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet.

57      Madankollu, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jeżentax lill-Bord tal-Appell milli jeżamina u jimmotiva l-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem l-imsemmi bord skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, għar-raġuni li r-rikorrenti ma kkontestatx l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi.

58      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat 2018/625, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina ex officio l-kwistjonijiet ta’ liġi mhux imqajma mill-partijiet sa fejn dawn jikkonċernaw rekwiżiti proċedurali essenzjali jew meta jkun neċessarju li dawn il-kwistjonijiet jiġu riżolti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 6/2002 fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tal-argumenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2020, L. Oliva Torras vs EUIPO – Mecánica del Frío (Apparat ta’ gganċjar għall-vetturi), T‑100/19, EU:T:2020:255, punti 70 sa 72, u tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Škoda Investment vs EUIPO – Škoda Auto (Rappreżentazzjoni ta’ vleġġa bil-ġwienaħ), T‑712/20, EU:T:2021:700, punt 24).

59      F’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk il-fatti invokati jew provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell jistgħux jiġu ammessi skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625 tikkostitwixxi kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 6/2002 fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tal-argumenti mressqa mill-partijiet fis-sens tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. L-imsemmi bord għandu għalhekk jeżamina din il-kwistjoni ex officio u jimmotiva r-risposta tiegħu.

60      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, l-ammissjoni tal-fatti invokati jew provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, kif ukoll il-preżentazzjoni tar-raġunijiet f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex eskluża mill-eżami tal-imsemmi bord minħabba s-sempliċi fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx tali ammissjoni fl-istadju tal-proċedimenti quddiem dan il-bord.

61      It-tielet, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-għan imfittex mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625.

62      Fil-fatt, l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625 huwa intiż, b’mod partikolari, li jiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO billi jinċentiva lill-partijiet josservaw it-termini mogħtija lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2022, Masterbuilders, Heiermann, Schmidtmann vs EUIPO – Cirillo (POMODORO), T‑76/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:16, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      L-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625 isegwi għalhekk għan ta’ interess ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi u peress li din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha li tipproteġi biss l-interess tal-partijiet inkwistjoni, dawn tal-aħħar ma jistax ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-eżami tal-osservanza tar-regoli li jirregolaw l-ammissjoni tal-provi.

64      Issa, l-argument tal-EUIPO msemmi fil-punt 52 iktar ’il fuq, billi jagħmel il-kontenut tal-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżami skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625 fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell ġietx ikkontestata jew le waqt il-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet l-eżami tal-osservanza tar-regoli li jirregolaw l-ammissjoni tal-provi previsti f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, l-obbligu ta’ dan il-bord li josserva l-liġi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-istħarriġ tal-ammissjoni tal-provi fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji u ta’ motivazzjoni, ma jistax jiddependi fuq il-fatt li l-partijiet jitolbuh jeżerċita tali stħarriġ.

65      Ir-raba’, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, hija l-parti li tipproduċi l-provi li għandha tiġġustifika r-raġunijiet li għalihom dawn ġew introdotti f’dan l-istadju tal-proċedimenti, kif ukoll li turi l-impossibbiltà ta’ tali produzzjoni matul l-istanza quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Rappreżentazzjoni ta’ awwista, T‑254/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:650, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Permezz tal-argument tiegħu mfakkar fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-EUIPO jipprova jikkontesta t-tqassim tal-oneru tal-prova ddefinit fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, billi jitlob li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jsir dipendenti fir-rigward tal-eżami skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell ġietx ikkontestata jew le matul il-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord. Madankollu, l-obbligu ta’ dan il-bord li josserva l-liġi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-istħarriġ tal-ammissjoni tal-provi fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji u ta’ motivazzjoni, ma jistax jiddependi fuq il-fatt li l-partijiet jitolbuh jeżerċita tali stħarriġ.

67      Bl-istess mod, l-argument imressaq mill-EUIPO jwassal sabiex iġiegħel lill-partijiet quddiem il-Bord tal-Appell jiżguraw l-osservanza minn dan tal-aħħar tal-obbligi proċedurali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Delegat 2018/625, li huma ta’ natura vinkolanti u suġġetti għal eżami ex officio.

68      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx l-ammissjoni tal-fatti invokati jew tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, dan tal-aħħar kien fi kwalunkwe każ obbligat, konformement mal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, jeżamina l-imsemmija ammissjoni u li jesponi l-motivi li wassluh sabiex jaċċetta l-imsemmija provi.

69      Fit-tieni lok, lanqas ma jistgħu jintlaqgħu l-argumenti tal-EUIPO li għandhom l-għan li juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tidher fit-test stess tagħha u ma tistax tingħata permezz ta’ spjegazzjonijiet sussegwenti pprovduti mill-EUIPO, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, fl-assenza ta’ kull urġenza, ma jkunux issodisfatti. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun suffiċjenti fiha nnifisha u l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta mill-ispjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija sussegwentement, filwaqt li d-deċiżjoni inkwistjoni hija diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017, Sony Computer Entertainment Europe vs EUIPO – Vieta Audio (Vita), T‑35/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:886, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, Gifi Diffusion vs EUIPO – Crocs (Żraben), T‑424/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:136, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, fl-assenza ta’ kull urġenza, iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu lill-EUIPO jipprovdi spjegazzjonijiet sussegwenti intiżi sabiex jikkompletaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex issodisfatti. Fi kwalunkwe każ, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’dan il-każ ma jistgħux jitqiesu li jikkompletaw motivazzjoni eżistenti, sa fejn dawn jikkostitwixxu motivazzjoni kompletament ġdida.

72      Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza, in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni huma biżżejjed fihom innifishom bħala bażi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 78). Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell, irrilevat fil-punt 50 iktar ’il fuq, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

73      Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-ġurisprudenza li tgħid li rikorrent ma għandu l-ebda interess leġittimu li jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’każ fejn ikun diġà ċert li, wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, deċiżjoni identika għandha tiġi adottata (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 1976, Morello vs Il‑Kummissjoni, 9/76, EU:C:1976:129, punt 11, u tat‑3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T‑16/02, EU:T:2003:327, punti 97 u 98).

74      Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jiġi eskluż li l-eżami mill-Bord tal-Appell tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament 2018/625 jista’ jwasslu sabiex ma jaċċettax il-fatti invokati jew il-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu. F’dan ir-rigward, madankollu, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi lill-EUIPO fl-evalwazzjoni tal-elementi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2016, European Food vs EUIPO – Société des produits Nestlé (FITNESS), T‑476/15, EU:T:2016:568, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Min-naħa l-oħra, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li, jekk il-Bord tal-Appell kellu jiddeċiedi li ma jaċċettax il-fatti invokati jew il-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, ir-riżultat tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jkun differenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-EUIPO jammetti, fir-risposta, li dawn l-elementi servew sabiex isostnu l-konklużjonijiet misluta mill-imsemmi bord fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-imsemmija funzjoni teknika tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott inkwistjoni.

76      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, deċiżjoni identika ma għandhiex neċessarjament tiġi adottata.

77      Għaldaqstant, it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jintlaqa’, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tagħha invokati insostenn ta’ dan il-motiv, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw ksur tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jintlaqa’ r-rikors u, għaldaqstant, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat l‑ewwel motiv.

 Fuq lispejjeż

79      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

80      Ir-rikorrenti talbet li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż marbuta mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem l-EUIPO.

81      Peress li l-EUIPO tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

82      Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, ma huwiex l-istess fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

83      Minn dan isegwi li t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell tista’ tintlaqa’ biss għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, l-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-aħħar kif ukoll għal dawk marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjon Ewropea (EUIPO) tal5 ta’ Lulju 2021 (Każ R 1070/20203) hija annullata.

2)      L-EUIPO hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest kemm tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Tomljenović

Nõmm

Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Novembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.