Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-116/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, M. Noll-Ehlers, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja

kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43/KEE 1 , sa fejn naqset milli tindika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni 88 minn 4606 żoni, li fir-rigward tagħhom skada l-perijodu ta’ sitt snin previst f’din id-dispożizzjoni;

kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43 sa fejn naqset milli tistabbilixxi kwalunkwe għanijiet ta’ konservazzjoni għal 88 mill-4606 żoni inkwistjoni u, barra minn hekk, sa fejn stabbilixxiet, b’mod ġenerali u strutturali, prassi li tfittex għanijiet ta’ konservazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali ta’ din id-dispożizzjoni;

kisret l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43 sa fejn naqset milli tistabbilixxi kwalunkwe miżuri ta’ konservazzjoni għal 737 mill-4606 żoni inkwistjoni u, barra minn hekk, sa fejn stabbilixxiet, ġeneralment u strutturalment, prassi li tfittex miżuri ta’ konservazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali ta’ din id-dispożizzjoni;

tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea tallega nuqqas min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ħaditx il-miżuri meħtieġa mid-Direttiva 92/43/KEE fir-rigward tan-nominazzjoni u tal-immaniġġar tan-network Natura 2000 tagħha.

L-ewwel, il-Ġermanja tonqos milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva peress li, fil-mument rilevanti għall-ksur, naqset milli tindika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni 88 minn 4606 żoni, li fir-rigward tagħhom skada l-perijodu ta’ sitt snin previst f’din id-dispożizzjoni.

It-tieni, il-Ġermanja ma tiħux inkunsiderazzjoni l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva peress li naqset milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni suffiċjentement speċifiċi għal 88 mill-4606 żoni inkwistjoni u, barra minn hekk, sa fejn stabbilixxiet, b’mod ġenerali u strutturali, prassi li tfittex għanijiet ta’ konservazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali ta’ din id-dispożizzjoni. Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu kwantifikabbli u miżurabbli, għandhom jiddistingwu b’mod ċar bejn l-għan ta’ “ripristinar” u l-għan ta’ “konservazzjoni” tal-interessi rilevanti protetti fiż-żona partikolari, u għandhom jiġu stabbiliti f’atti legali li huma ġeneralment vinkolanti. Il-prassi Ġermaniża tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ma tissodisfax dawn ir-rewkiżiti.

It-tielet, il-Ġermanja tonqos milli tissodisfa l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva li tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa. Il-Ġermanja naqset milli tistabbilixxi kwalunkwe miżuri ta’ konservazzjoni għal 737 mill-4606 żoni inkwistjoni u, barra minn hekk, tonqos milli tissodisfa, ġeneralment u strutturalment, ir-rekwiżit taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva li jipprovdi li miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni suffiċjentement speċifiċi.

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102)