Language of document : ECLI:EU:T:2012:584

Kawża T-137/10

Coordination bruxelloise d’institutions sociales et de santé (CBI)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Sptarijiet pubbliċi — Sussidji mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani lill-isptarijiet pubbliċi li jiffurmaw parti mill-assoċjazzjoni IRIS — Deċiżjoni fi tmiem il-fażi preliminari — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali — Definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku — Proporzjonalità tal-kumpens għas-servizz pubbliku”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Novembru 2012

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Rikors intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Ammissibbiltà — Motivi li jistgħu jiġu invokati

(Artikoli 88(2) KE u 230, subparagrafu 4 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultà ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Ċirkustanzi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet — Karattru insuffiċjenti jew inkomplet tal-eżami li sar mill-Kummissjoni fil-proċedura ta’ eżami preliminari — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

3.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Kriterji — Settur tal-isptarijiet — Teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ daqs tas-suq

(Artikolu 86(2) KE)

4.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Settur tal-isptarijiet — Libertà fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-provvista tas-servizz tas-saħħa — Limiti — Rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’każ ta’ parteċipazzjoni ta’ operaturi privati fis-servizz pubbliku

(Artikoli 86(2) KE u 152(5) KE)

5.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Definizzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Limiti — Att ta’ mandat sabiex tiġi żgurata missjoni ta’ servizz pubbliku — Għażla tal-forma

(Artikolu 86(2) KE)

6.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Limiti — Stħarriġ tal-Kummissjoni — Obbligu li ssir evalwazzjoni distinta fuq kull waħda mill-miżuri ta’ kumpens implementati

(Artikoli 86(2) KE u 87(1) KE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultà ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Diffikultajiet serji — Portata tal-kamp ta’ investigazzjoni u kumplessità tal-fajl li jista’ jammonta għal indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża — Distinzjoni bejn it-test Altmark, bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna, u t-test tal-Artikolu 86(2) KE, li jippermetti li tiġi stabbilita l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni

(Artikoli 86(2) KE u 87(1) KE)

9.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Issuġġettar għar-regoli tat-trattat — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-finanzjament mill-istat mas-suq komuni — Evalwazzjoni fir-rigward tal-ispiża li tiffaċċja l-impriża sabiex jiġi pprovdut is-servizz, indipendentement mill-effiċjenza ekonomika ta’ din

(Artikolu 86(2) KE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 58, 59)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 72-77, 164, 233)

3.      Fid-dawl tan-natura partikolari tal-funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali f’ċerti setturi, kellha tingħata prova ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sentenza Altmark u għall-kriterji msemmija fiha għall-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tas-servizz pubbliku tal-isptarijiet, hemm lok, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE, u tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Altmark, li jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ dimensjoni kummerċjali filwaqt li l-kwalifikazzjoni tiegħu bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali hija spjegata iktar mill-impatt tiegħu fuq is-settur kompetittiv u kummerċjali.

(ara l-punti 86, 88)

4.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE fis-settur tal-isptarijiet ikkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ kura medika, kunsiderazzjoni li tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 152(5) KE. Skont dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Istati Membri jorganizzaw is-sistema nazzjonali tas-saħħa tagħhom abbażi tal-prinċipji li huma jagħżlu, b’mod partikolari, l-obbligi relatati mas-servizz pubbliku tal-isptarijiet jistgħu jinkludu kemm obbligi imposti fuq kull sptar kif ukoll obbligi addizzjonali imposti biss fuq sptarijiet pubbliċi, fid-dawl tal-importanza ikbar tagħhom għall-funzjonament tajjeb tas-sistema nazzjonali tas-saħħa.

Xorta waħda, peress li l-organizzazzjoni tal-provvista tas-servizz tas-saħħa deċiża minn Stat Membru tinvolvi l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rigward tal-operaturi privati, dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna adottati fis-settur. B’mod partikolari, meta l-entitajiet, pubbliċi u privati, inkarigati mill-istess servizz pubbliku, ikollhom neċessitajiet differenti, fatt li jissupponi livell differenti tal-ispejjeż u tal-kumpens, dawn id-differenzi għandhom jirriżultaw b’mod ċar mill-mandati rispettivi tagħhom, b’mod partikolari, sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tas-sussidju mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 92-95)

5.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jikkunsidraw bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, din id-definizzjoni tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss f’każ ta’ żball manifest. Il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-eżistenza ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni din il-limitazzjoni. Dan l-istħarriġ għandu madankollu jiżgura l-osservanza ta’ ċerti kriterji minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att ta’ awtorità pubblika li jafda lill-operaturi inkwistjoni b’funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, kif ukoll in-natura universali u obbligatorja ta’ din il-funzjoni.

F’dan ir-rigward il-korp jista’ jitqies bħala li jeżerċita l-funzjoni tal-awtorità pubblika jekk huwa kompost minn maġġoranza ta’ rappreżentanti tal-awtorità pubblika u jekk huwa għandu josserva, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, ċertu numru ta’ kriterji ta’ interess pubbliku. Għaldaqstant, sabiex id-deċiżjonijiet ta’ entità jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala atti pubbliċi, il-korpi tagħha għandhom ikunu komposti minn persuni fdati b’funzjoni ta’ interess pubbliku u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikollhom setgħa effettiva ta’ kontroll fuq id-deċiżjonijiet.

Fir-rigward tal-għażla tal-forma ġuridika ta’ att jew ta’ atti ta’ tqassim ta’ operaturi, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-mandat li jafda l-funzjoni ta’ servizz pubbliku jista’ jiġi ddefinit f’diversi atti separati, kemm f’dawk li jistabbilixxu l-leġiżlazzjoni ġenerali fil-qasam kif ukoll dawk indirizzati speċifikament lil ċerti entitajiet. Il-mandat jista’ wkoll ikopri ftehim, sakemm dawn jirriżultaw mill-awtorità pubblika u huma vinkolanti. L-istess għaldaqstant japplika a fortiori meta tali atti jikkonkretizzaw l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni.

(ara l-punti 99-101, 107-109, 111, 112)

6.      Il-parametri li abbażi tagħhom il-kumpens huwa kkalkolat għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan il-kumpens jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi li jikkompetu magħha. Madankollu, xejn ma jimpedixxi lil-leġiżlatur nazzjonali milli jħalli lill-awtoritajiet nazzjonali ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. Għall-kuntrarju, l-Istat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa mhux biss fir-rigward tad-definizzjoni ta’ funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, iżda wkoll fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens għall-ispejjeż relatati mas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali. Il-parametri inkwistjoni għandhom madankollu jkunu ppreċiżati b’mod li jiġi eskluż kull abbuż mill-Istat Membru fir-rigward tal-kunċett ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali.

F’dan ir-rigward, peress li l-Istati Membri huma liberi fl-għażla tal-metodi prattiċi sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni, sakemm il-modalitajiet għall-iffissar tal-kumpens jibqgħu oġġettivi u trasparenti, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għal dan il-għan għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi konkreti li fid-dawl tagħhom huwa ddeterminat l-ammont tal-kumpens.

Konsegwentement, fil-każ ta’ użu minn Stat Membru ta’ numru ta’ miżuri ta’ kumpens, jekk il-Kummissjoni tonqos milli tevalwa separatament il-parametri għall-finanzjament relatati ma’ waħda mill-miżuri, hija tkun wettqet eżami inkomplet tal-miżura ta’ għajnuna kkonċernata. Issa, anki jekk jiġi aċċettat li dan huwa kumpens li jservi sabiex jiġi kopert biss id-dewmien kunsiderevoli fil-ħlasijiet u li għandu sussegwentement jitħallas lura, ma jistax jiġi eskluż li dan jagħti vantaġġ lill-benefiċjarji, minkejja li wieħed temporanju, u, għaldaqstant, jista’ jiġi kkwalifikat bħala miżuri ta’ kumpens separati.

(ara l-punti 189, 191, 192, 214, 215)

7.      Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, il-portata tal-kamp ta’ investigazzjoni kopert mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni preliminari kif ukoll il-kumplessità tal-fajl ikkunsidrat jistgħu jindikaw li l-proċedura inkwistjoni eċċediet sewwa dak li normalment jimplika eżami preliminari mwettaq fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE. Issa, dan il-fatt jikkostitwixxi indizju li jagħti prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

(ara l-punt 285)

8.      Ir-raba’ kriterju stabbilit bis-sentenza Altmark, ibbażat fuq l-analiżi tal-ispejjeż fir-rigward ta’ impriża medja, iġġestita tajjeb u adegwatament mgħammra, li għandha tiġi użata sabiex tistabbilixxi, fis-sitwazzjoni fejn l-għażla tal-impriża inkarigata bit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-livell ta’ kumpens neċessarju, u, b’hekk li tinstab l-eżistenza ta’ għajnuna eventwali ta’ Stat, ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna skont l-Artikolu 86(2) KE.

(ara l-punti 289, 292)

9.      Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-effikaċja ekonomika ta’ impriża li ġiet inkarigata mill-awtorità pubblika sabiex tforni servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali ma ġietx ikkunsidrata sabiex jiġi evalwat jekk għajnuna mill-Istat mogħtija li tali impriża hijiex kompatibbli fir-rigward tal-Artikolu 86(2) KE.

Fil-fatt, jekk din id-dispożizzjoni timponi li tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-għajnuna mogħtija, huwa biss sabiex jimpedixxi li l-impriża tibbenefika minn finanzjament li jeċċedi l-ispejjeż netti li hija ssostni sabiex tipprovdi s-servizz pubbliku li hija responsabbli għaliha.

Issa, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja armonizzata, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tiddeċiedi fuq il-portata tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku, jiġifieri l-livell tal-ispejjeż relatati ma’ dan is-servizz, lanqas fuq l-opportunità tal-għażliet politiċi meħuda, f’dan ir-rigward, mill-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas fuq l-effikaċja ekonomika tal-operatur pubbliku.

(ara l-punti 293, 294, 300)