Language of document : ECLI:EU:T:2014:143





Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-7 ta’ Marzu 2014 – FESI vs Il-Kunsill

(Kawża T‑134/10)

“Rikors għal annullament – Dumping – Estensjoni tad-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina miċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw – Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil importaturi indipendenti – Nuqqas ta’ interess individwali – Att leġiżlattiv li jinkludi fih miżuri ta’ implementazzjoni – Inammissibbiltà”

1.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett ta’ att leġiżlattiv fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – L-atti kollha ta’ portata ġenerali minbarra l-atti leġiżlattivi – Regolament li jistabbilixxi dazji antidumping – Inklużjoni – Att li jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat – Eżistenza ta’ rimedji interni kontra dawn il-miżuri – Inammissibbiltà tar-rikors għal annullament (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, kif emendat bir-Regolament Nru 1225/2009) (ara l-punti 23-34, 37-40)

2.                     Unjoni doganali – Tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni marbut mar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija – Kontestazzjoni tal-eżistenza tad-dejn doganali – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 236 u 243 sa 246) (ara l-punti 35, 36)

3.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Regolament li jistabbilixxi dazji antidumping – Rikors ta’ importatur mhux assoċjat mal-esportatur, li ma huwiex l-importatur prinċipali jew l-utent finali tal-prodott – Nuqqas ta’ provi li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizza lir-rikorrent fil-konfront ta’ kull kummerċjant ieħor – Inammissibbiltà (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1294/2009) (ara l-punti 41, 42, 44, 51-58, 61-63, 71-75)

Suġġett

Talba għal annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1294/2009, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 352, p. 1).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)

Il-Fédération européenne de l’industrie du sport (FESI) hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.