Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Marzu 2010 - FESI vs Il-Kunsill

(Kawża T-134/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fédération européenne de l'industrie du sport (FESI) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: E. Vermulst u Y. Van Gerven, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni 2009 tal-Kunsill (KE) Nru 1294/2009, tat-22 ta' Diċembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta' fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta' ċertu tipi ta' xedd tas-saqajn bil-parti ta' fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 1 fl-intier tiegħu jew sa fejn jirrigwarda r-rikorrenti u l-membri tagħha, b'mod partikolari l-erba' membri eżaminati (Adidas AG, Nike European Operations BV, Puma AG and Timberland Europe BV);

tordna lill-Kunsill jiżvela d-data ta' produzzjoni ta' kull produttur tal-Unjoni Ewropea magħżul li serviet ta' bażi għall-għażla tal-kampjun fl-investigazzjoni ta' reviżjoni kif ukoll id-data ta' xogħol ta' kull produttur tal-Unjoni Ewropea magħżul;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq seba' motivi.

L-ewwel nett, hija ssostni li peress li l-Kunsill ma talabx lill-produtturi tal-Unjoni Ewropea li qed jilmentaw sabiex jimlew il-forom tal-kampjun, il-Kunsill wettaq żball ta' applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku 2, wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni u kiser id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma talbux lill-produtturi tal-Unjoni Ewropea li qed jilmentaw sabiex jimlew il-forom tal-kampjun u għalhekk, il-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni Ewropea ntagħżel fin-nuqqas tad-data meħtieġa, fuq il-bażi ta' data limitata - li ma tistax tiġi vverifikata - u pprovduta mil-lanjanti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tħallitx tivverifika jekk il-kampjun magħżul kienx adattat. Barra minn hekk, hija ssostni li l-istituzzjonijiet tal-UE ttrattaw lill-partijiet interessati li kienu f'pożizzjoni komparabbli b'mod differenti mingħajr ebda raġuni oġġettiva u bi ksur tal-prinċipju fundamentali tan-nondiskriminazzjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li matul l-għażla tal-kampjun tal-produtturi tal-UE l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni u kiser l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku. Hija ssostni li l-kampjun tal-produtturi tal-UE ma kkostitwixxix il-volum l-iktar rappreżentattiv ta' produzzjoni jew tal-bejgħ li seta' raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien possibbli fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku u li l-kampjun ntgħażel fil-parti il-kbira abbażi ta' kriterji li mhumiex imsemmija f'din id-dispożizzjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Anti-Dumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ peress li ma applikax l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku b'mod konformi mal-imsemmi Ftehim. Il-Kunsill ma stabbilixxix kampjun tal-produtturi tal-UE li jirrapreżenta l-ikbar perċentwali tal-volum ta' produzzjoni jew ta' bejgħ kif mitlub mill-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Anti-Dumping tad-WTO.

Ir-raba' nett, ir-rikorrentti ssostni li fl-iffissar tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dannu, il-Kunsill kiser l-Artikoli 3(1), 3(2), 3(5) u 11(2) tar-Regolament Bażiku u wettaq żball manifest tal-evalwazzjoni tal-fatti. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kunsill wettaq żball meta, fin-nuqqas ta' miżuri li jistabbilixxu d-dannu kontinwu għall-industrija tal-UE matul il-perijodu ta' reviżjoni investigattiva ("PRI") ibbażati fuq data makroekonomika li inkludiet produtturi li mhumiex parti mill-industrija tal-UE u fuq data mhux verifikata, huwa stabbilixxa l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dannu. Barra minn hekk, l-indikaturi mikroekonomiċi ġew evalwati fuq il-bażi ta' data ta' kampjun tal-produtturi tal-UE li mhuwiex rappreżentattiv.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li peress li adotta t-trattament tal-kunfidenzjalità tal-identità tal-produtturi tal-UE li qed jilmentaw, il-Kunsill kiser l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Bażiku u kiser id-drittijiet tad-difiża għaliex adotta t-trattament tal-kunfidenzjalità b'mod inġustifikat u mingħajr ma eżamina bir-reqqa t-talbiet ta' kunfidenzjalità.

Is-sitt nett, hija ssostni li meta stabbilixxa s-sistema li tikkontrolla n-numru ta' prodotti ("TNP") għall-klassifikazzjoni tal-prodott inkwistjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 2(10) u 3(2) tar-Regolament Bażiku, u l-prinċipju ta' diliġenza u amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrenti ssosnti li s-sistema TNP li ntużat u l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta' ċerti kategoriji ta' żraben f'nofs l-investigazzjoni jipprekludu li jsir paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz esportat. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, dan jipprekludi wkoll li jsir eżami oġġettiv tal-volum tal-prodotti importati li huma l-oġġett ta' dumping u tal-effett tal-prodotti imporatati li huma l-oġġett ta' dumping fuq il-prezzijiet tas-suq domestiku għal prodotti simili u għalhekk, l-impatt ta' dawn l-importazzjonijiet fuq il-produtturi domestiċi ta' dawn il-prodotti. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kunsill ma eżaminax bir-reqqa u b'mod imparzjali l-elementi kollha rilevanti u r-raġunijiet, debitament sostanzjati, meħtieġa għal bidla fis-sistema TNP, kif suġġeriet mir-rikorrenti.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li fl-għażla tal-pajjiż mudell, il-Kunsill kiser il-prinċipju tad-diliġenza u tal-amministrazzjoni tajba, wettaq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni tal-fatti u kiser l-Artikolu 2(7)a tar-Regolament Bażiku. Ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill wettaq irregolaritajiet proċedurali serji meta għażel lill-Brażil bħala l-pajjiż mudell għaliex l-għażla f'din il-kawża ma saritx b'mod xieraq u raġonevoli.

____________

1 - ĠU 2009 L 352, p. 1

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 ,Vol. 10, p. 45)