Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Marzu 2022 – CM vs KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation e.V.

(Kawża C-185/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CM

Konvenut: KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation e.V.

Domandi preliminari

1.    L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ftehim kollettiv nazzjonali li jipprovdi li l-ħlas addizzjonali għas-sahra huwa previst biss għas-sigħat ta’ xogħol li jkunu twettqu lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol ta’ ħaddiem impjegat full-time jinkludi inugwaljanza fit-trattament tal-impjegati full-time u tal-impjegati part-time?

2.    Fil-każ li għall-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv:

a)    L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’tali każ, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament taffettwa sostanzjalment iktar nisa milli rġiel li jkun hemm fost l-impjegati part-time sostanzjalment iktar nisa milli rġiel, iżda ma’ dan għandu jiżdied il-fatt li jkun hemm fost l-impjegati full-time sostanzjalment iktar irġiel jew li l-proporzjon tal-irġiel ikun ikbar b’mod sinjfikattiv?

b)    Jew tirriżulta wkoll konklużjoni oħra għall-Artikolu 157 TFUE u d-Direttiva 2006/54/KE mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 25 sa 36 tas-sentenza tagħha Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zaktad Opieki Zdrowotnej w Krakowie 1 , li skonthom differenza fit-trattament fi ħdan grupp ta’ persuni b’diżabbiltà tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni”, previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 2 ?

3.    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fl-affermattiv u għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda fis-sens li f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali jista’ jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament fir-rigward tar-remunerazzjoni tolqot sostanzjalment iktar lin-nisa milli l-irġiel: L-Artikolu 157 TFUE u kif ukoll l-Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu l-fatt li l-partijiet għal ftehim kollettiv ifittxu b’dispożizzjoni regolatorja – bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda – minn naħa, l-għan li jipprekludu lill-persuna li timpjega milli timponi sahra u milli tikkumpensa bi ħlas addizzjonali għas-sahra l-użu tal-ħaddiema lil hinn mill-perijodi miftiehma, iżda, min-naħa l-oħra, ukoll l-għan li jipprekludu trattament inqas favorevoli tal-impjegati full-time b’paragun mal-impjegati part-time u li jipprevedu konsegwentement li l-ħlasijiet addizzjonali jkunu dovuti biss għas-sahra lil hinn mill-ħin tax-xogħol ta’ xahar kalendarju ta’ impjegat full-time?

4.    Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol part-time li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim kollettiv nazzjonali li jipprovdi li l-ħlas addizzjonali għas-sahra huwa previst biss għas-sigħat tax-xogħol mogħtija lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol ta’ ħaddiem full-time jinkludi inugwaljanza fit-trattament tal-impjegati full-time u tal-impjegati part-time?

5.    Fil-każ li għar-raba’ domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv: Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol part-time li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu l-fatt li l-partijiet għal ftehim kollettiv ifittxu b’dispożizzjoni regolatorja – bħal dik imsemmija fir-raba’ domanda – minn naħa, l-għan li jipprekludu lill-persuna li timpjega milli timponi sahra u milli tikkumpensa bi ħlas addizzjonali għas-sahra l-użu tal-ħaddiema lil hinn mill-perijodi miftiehma, iżda, min-naħa l-oħra, ukoll l-għan li jipprekludu trattament inqas favorevoli tal-impjegati full-time b’paragun mal-impjegati part-time u li jipprevedu konsegwentement li l-ħlasijiet addizzjonali jkunu dovuti biss għas-sahra lil hinn mill-ħin tax-xogħol ta’ xahar kalendarju ta’ impjegat full-time?

____________

1     ĠU 2006, L 204, p. 23.

1     Sentenza tas-26 ta’ Jannar 2021, C‑16/19, EU:C:2021:64.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.