Language of document : ECLI:EU:C:2021:741

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2021 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mir-Renju tal-Belġju – Eżenzjoni tal-profitti eċċessivi – Deċiżjoni fiskali bil-quddiem (tax ruling) – Prassi amministrattiva stabbilita – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(d) – Kunċett ta’ ‘skema ta’ għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘dispożizzjoni’ – Kunċett ta’ ‘miżuri ta’ implimentazzjoni oħra’ – Definizzjoni tal-benefiċjarji ‘b’mod ġenerali u astratt’ – Appell inċidentali – Ammissibbiltà – Awtonomija fiskali tal-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑337/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑24 ta’ April 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P.‑J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn J.‑C. Halleux, C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn M. Segura u M. Clayton, avocates,

Magnetrol International, stabbilita f’Zele (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn H. Gilliams u L. Goossens, advocaten,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Soudal NV, stabbilita f’Turnhout (il-Belġju),

u

Esko-Graphics BVBA, stabbilita fi Gand (il-Belġju),

irrappreżentati minn H. Viaene, avocat,

Flir Systems Trading Belgium BVBA, stabbilita f’Meer (il-Belġju), irrappreżentata minn T. Verstraeten u C. Docclo, avocats, kif ukoll minn N. Reypens, advocaat,

Anheuser-Busch InBev SA/NV, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Ampar BVBA, stabbilita f’Leuven (il-Belġju),

Atlas Copco Airpower NV, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju),

u

Atlas Copco AB, stabbilita f’Nacka (l-Isvezja),

irrappreżentati minn A. von Bonin, Rechtsanwalt, W. O. Brouwer u A. Pliego Selie, advocaten, kif ukoll minn A. Haelterman, avocat,

Wabco Europe BVBA, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn E. Righini u L. Villani, avvocati, S. Völcker, Rechtsanwalt, kif ukoll minn A. Papadimitriou, avocat,

Celio International NV, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn H. Gilliams u L. Goossens, advocaten,

intervenjenti fl-appell,

L-Irlanda,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:91), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal‑11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2        Permezz tal-appell inċidentali tiegħu r-Renju tal-Belġju jitlob l-annullament parzjali tas-sentenza appellata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9):

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

d)      ‘skema ta’ għajnuna’ tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”.

4        L-Artikolu 1(e) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi “għajnuna individwali” bħala “għajnuna li ma tingħatax fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna u għoti ta’ għajnuna notifikabbli fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

5        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 28 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

 Id-dritt Belġjan

 Il-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992

6        Fil-Belġju, ir-regoli dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul huma kkodifikati fil-code des impôts sur les revenus de 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992, iktar ’il quddiem iċ-“CIR 92”). Skont l-Artikolu 1(1), taċ-CIR 92, huwa stabbilit bħala taxxa fuq id-dħul, b’mod partikolari, taxxa fuq id-dħul globali tal-kumpanniji residenti, imsejħa “taxxa fuq il-kumpanniji”.

7        Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji, l-Artikolu 185 taċ-CIR 92 jipprevedi li l-kumpanniji għandhom jiġu ntaxxati fuq l-ammont totali tal-profitti tagħhom, inklużi d-dividendi mqassma.

 Il-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002

8        L-Artikolu 20 tal-loi du 24 décembre 2002, modifiant le régime des sociétés en matière d’impôts sur les revenus et instituant un système de décision anticipée en matière fiscale (il-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002, li Temenda s-Sistema tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji u li Tistabbilixxi Sistema ta’ Deċiżjonijiet bil-Quddiem fil-Qasam Fiskali) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 2002, p. 58815) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002”), jipprevedi li s-service public fédéral Finances (SPF Finances) (id-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi) “jieħu pożizzjoni permezz ta’ deċiżjoni bil-quddiem dwar kwalunkwe talba li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-liġijiet fiskali”. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “deċiżjoni bil-quddiem” huwa ddefinit bħala l-att legali li permezz tiegħu d-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi jiddetermina, konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, kif il-liġi ser tiġi applikata għal sitwazzjoni jew għal tranżazzjoni partikolari li tkun għadha ma kellhiex effetti fiskali. Barra minn hekk, huwa indikat li d-deċiżjoni bil-quddiem ma tistax tagħti eżenzjoni jew tnaqqis mit-taxxa.

9        L-Artikolu 22 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 jipprevedi li deċiżjoni bil-quddiem ma tistax tingħata, b’mod partikolari, meta t-talba tikkonċerna sitwazzjonijiet jew tranżazzjonijiet identiċi għal dawk li diġà kellhom effetti fiskali fir-rigward tal-persuna li tressaq it-talba.

10      Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 jipprovdi li, ħlief fil-każijiet fejn dan ikun iġġustifikat mis-suġġett tat-talba, id-deċiżjoni bil-quddiem għandha tingħata għal perijodu li ma jistax jaqbeż il-ħames snin.

 Il-Liġi tal-21 ta’ Ġunju 2004

11      Permezz tal-loi du 21 juin 2004, modifiant le Code des impôts sur les revenus 1992 et la loi du 24 décembre 2002 modifiant le régime des sociétés en matière d’impôts sur les revenus et instituant un système de décision anticipée en matière fiscale (il-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, li Temenda l-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992 u l-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 li Temenda s-Sistema tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji u li Tistabbilixxi Sistema ta’ Deċiżjonijiet bil-Quddiem fil-Qasam Fiskali (Moniteur belge tad‑9 ta’ Lulju 2004) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004”), ir-Renju tal-Belġju introduċa dispożizzjonijiet fiskali ġodda dwar it-tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ entitajiet assoċjati fi grupp multinazzjonali, li jipprevedu b’mod partikolari aġġustament tal-profitti suġġetti għat-taxxa, imsejjaħ “aġġustament korrelattiv”.

–       L-espożizzjoni tal-motivi

12      Skont l-espożizzjoni tal-motivi fl-abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-Gvern Belġjan lix-Chambre des députés (il-Kamra ta’ Deputati, il-Belġju), minn naħa, din il-liġi hija intiża li temenda ċ-CIR 92 sabiex fih jiġi inkluż, b’mod espliċitu, il-prinċipju ta’ distakkament ġeneralment aċċettat fuq livell internazzjonali. Min-naħa l-oħra, din hija intiża li temenda l-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 sabiex tagħti lis-service des décisions anticipées en matière fiscale (SDA) (id-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem fil-Qasam Fiskali, il-Belġju) (iktar ’il quddiem is-“SDA”) il-kompetenza li jadotta dawn id-deċiżjonijiet. Il-prinċipju ta’ distakkament huwa introdott fil-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana permezz taż-żieda tal-paragrafu 2 fl-Artikolu 185 taċ-CIR 92, li huwa bbażat fuq it-test tal-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OCDE) fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital. L-għan tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 huwa li jiġi żgurat li l-bażi taxxabbli tal-kumpanniji li huma suġġetti għat-taxxa fil-Belġju tkun tista’ tiġi aġġustata permezz ta’ aġġustamenti fir-rigward tal-profitti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan il-grupp, meta l-prezzijiet tat-trasferiment applikati ma jirriflettux il-mekkaniżmi tas-suq u l-prinċipju ta’ distakkament. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “aġġustament xieraq” introdott fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 huwa ġġustifikat sabiex tiġi evitata jew imwaqqfa taxxa doppja. Barra minn hekk, huwa indikat li dan l-aġġustament għandu jitwettaq każ b’każ fuq il-bażi tal-elementi disponibbli li huma pprovduti, b’mod partikolari, mill-persuna taxxabbli u li aġġustament korrelattiv għandu jitwettaq biss jekk l-awtoritajiet fiskali Belġjani jqisu li l-aġġustament primarju magħmul fi Stat ieħor huwa ġġustifikat kemm bħala prinċipju kif ukoll fir-rigward tal-ammont tiegħu.

–       L-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92

13      L-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 jipprovdi dan li ġej:

“[...] [G]ħal żewġ kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji assoċjati u fir-rigward tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom:

a)      meta ż-żewġ kumpanniji jkunu marbuta, fir-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħhom, minn kundizzjonijiet miftiehma jew imposti fuqhom li huma differenti minn dawk li kienu jkunu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti, il-profitti li, f’dawn il-kundizzjonijiet, kienu jkunu ġġenerati minn waħda minn dawn il-kumpanniji, iżda li ma setgħux jiġu ġġenerati minħabba dawn il-kundizzjonijiet, jistgħu jiġu inklużi fil-profitti ta’ din il-kumpannija;

b)      meta, fil-profitti ta’ kumpannija jkunu inklużi profitti li jkunu inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra, u meta l-profitti hekk inklużi jkunu profitti li kienu jiġu ġġenerati minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpanniji kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti, il-profitti tal-ewwel kumpannija għandhom jiġu aġġustati b’mod xieraq.”

 Iċ-Ċirkolari Amministrattiva tal4 ta’ Lulju 2006

14      Iċ-Ċirkolari tal‑4 ta’ Lulju 2006 dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipju ta’ Distakkament (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkolari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006”) intbagħtet lill-uffiċjali tal-administration générale de la fiscalité (l-Amministrazzjoni Ġenerali Fiskali, il-Belġju), f’isem il-Ministru għall-Finanzi, sabiex tingħata gwida dwar, b’mod partikolari, l-introduzzjoni tal-paragrafu 2 fl-Artikolu 185 taċ-CIR 92 u l-bidliet korrispondenti f’dan il-kodiċi. Iċ-Ċirkolari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006 tenfasizza li dawn l-emendi, li ilhom fis-seħħ sa mid‑19 ta’ Lulju 2004, huma intiżi li jittrasponu fid-dritt fiskali Belġjan il-prinċipju ta’ distakkament u jikkostitwixxu l-bażi legali li tippermetti, fid-dawl tal-imsemmi prinċipju, li jiġi aġġustat il-profitt taxxabbli li jirriżulta minn relazzjonijiet transkonfinali fi ħdan il-grupp bejn kumpanniji assoċjati li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali.

15      B’hekk, minn naħa, iċ-Ċirkolari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006 tindika li l-aġġustament pożittiv previst fl-Artikolu 185(2)(a) taċ-CIR 92 jippermetti żieda fil-profitti tal-kumpannija residenti li tagħmel parti minn grupp multinazzjonali sabiex fih jiġu inklużi l-profitti li l-kumpannija residenti kienet tiġġenera li kieku tranżazzjoni partikolari twettqet f’kuntest ta’ distakkament.

16      Min-naħa l-oħra, iċ-Ċirkolari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006 tindika li l-aġġustament korrelattiv negattiv previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 għandu l-għan li tiġi evitata jew li titneħħa taxxa doppja. Huwa indikat li ebda kriterju ma jista’ jiġi stabbilit f’dan is-sens, sa fejn dan l-aġġustament għandu jsir każ b’każ fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli pprovduta, b’mod partikolari, mill-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, huwa indikat li jkun hemm lok li jsir aġġustament korrelattiv biss jekk l-awtoritajiet fiskali Belġjani jew is-SDA jqisu li l-aġġustament huwa ġġustifikat bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu. Barra minn hekk, huwa speċifikat li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ma japplikax jekk il-profitt iġġenerat fl-Istat assoċjat ikun miżjud b’tali mod li jkun ogħla mill-profitt li kien jiġi ġġenerat li kieku kellu jiġi applikat il-prinċipju ta’ distakkament.

 It-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92

17      Fit‑13 ta’ April 2005, bi tweġiba għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, il-Ministru għall-Finanzi, qabel kollox, ikkonferma li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 kien jikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha tkun ittieħdet deċiżjoni bil-quddiem dwar metodu intiż li jasal għall-kisba ta’ profitt ta’ distakkament. Sussegwentement, huwa kkonferma li l-profitti li jidhru fir-rapporti finanzjarji Belġjani ta’ grupp internazzjonali li jopera fil-Belġju u li kienu jaqbżu l-profitti ta’ distakkament ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-vantaġġ fiskali Belġjan. Fl-aħħar nett, huwa approva l-pożizzjoni li ma kienx il-kompitu tal-awtoritajiet fiskali Belġjani li jiddeterminaw il-kumpanniji barranin li fil-profitti tagħhom kellu jiġi inkluż dan il-profitt supplimentari.

18      Fil‑11 ta’ April 2007, bi tweġiba għal sensiela ġdida ta’ mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(a) u (b) taċ-CIR 92, il-Ministru għall-Finanzi ddikjara li sa dak l-istadju kienu ġew irċevuti biss talbiet għal aġġustament negattiv. Barra minn hekk, huwa speċifika li, għad-determinazzjoni tal-metodu intiż li jistabbilixxi l-profitt ta’ distakkament tal-entità Belġjana, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem, kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet imwettqa, ir-riskji sostnuti u l-assi allokati għal attivitajiet li ma kienx għad kellhom impatt fiskali fil-Belġju. Għalhekk, il-profitt irreġistrat fil-Belġju permezz tar-rapporti finanzjarji Belġjani tal-grupp internazzjonali u li jaqbeż il-profitt ta’ distakkament ma għandux jiġi inkluż fil-vantaġġ fiskali taxxabbli fil-Belġju. Fl-aħħar nett, il-Ministru għall-Finanzi indika li, sa fejn ma kienx il-kompitu tal-awtorità fiskali Belġjana li tiddetermina lil liema kumpanniji barranin kellu jiġi attribwit dan il-profitt supplimentari, ma kienx possibbli li tiġi skambjata informazzjoni ma’ amministrazzjonijiet fiskali barranin f’dan ir-rigward.

19      Finalment, fis‑6 ta’ Jannar 2015, il-Ministru għall-Finanzi kkonferma li l-prinċipju li fuqu kienu bbażati d-deċiżjonijiet bil-quddiem kien li jiġi ntaxxat il-profitt li jikkorrispondi għal profitt ta’ distakkament għall-impriża kkonċernata u kkonferma t-tweġibiet mogħtija mill-predeċessur tiegħu, fil‑11 ta’ April 2007, dwar il-fatt li l-awtorità fiskali Belġjana ma kellhiex il-kompitu li tiddeċiedi lil liema kumpannija barranija kellu jiġi attribwit il-profitt eċċessiv mhux intaxxat fil-Belġju.

 Id-deċiżjoni kontenzjuża

20      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżenzjonijiet mogħtija mir-Renju tal-Belġju permezz ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem, ibbażati fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet inkompatibbli mas-suq intern u li kienet ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija b’dan il-mod mingħand il-benefiċjarji, li l-lista definittiva tagħhom kellha tiġi stabbilita fi stadju ulterjuri mir-Renju tal-Belġju.

21      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna (premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża), il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, ibbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif applikat mill-awtoritajiet fiskali Belġjani. Din l-applikazzjoni ġiet spjegata fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, fiċ-Ċirkolari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006 u fit-tweġibiet mogħtija mill-Ministru għall-Finanzi għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Dawn l-atti kienu jikkostitwixxu, skont il-Kummissjoni, il-bażi li fuqha kienu ngħataw l-eżenzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li dawn l-eżenzjonijiet kienu ngħataw mingħajr ma kienet meħtieġa l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet bażiċi, peress li d-deċiżjonijiet bil-quddiem jikkostitwixxu biss modalitajiet tekniċi ta’ implimentazzjoni tal-iskema inkwistjoni. Ulterjorment, il-Kummissjoni osservat li l-benefiċjarji tal-eżenzjonijiet inkwistjoni kienu ddefiniti “b’mod ġenerali u astratt” mid-dispożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata din l-iskema. Fil-fatt, dawn kienu jkopru l-entitajiet li kienu jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji.

22      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 111 sa 117 tad-deċiżjoni kontenzjuża), l-ewwel, il-Kummissjoni indikat li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet intervent tal-Istat, imputabbli lilu, u kienet tagħti lok għal telf ta’ riżorsi tal-Istat, sa fejn din l-eżenzjoni kienet timplika tnaqqis tat-taxxa dovuta fil-Belġju mill-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni. It-tieni, hija qieset li din l-iskema setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, sa fejn kienu bbenefikaw minnha kumpanniji multinazzjonali li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’diversi Stati Membri. It-tielet, il-Kummissjoni enfasizzat li l-imsemmija skema kienet teħles lill-impriżi benefiċjarji minn piż li normalment kien ikollhom iġorru u li, konsegwentement, l-istess skema kienet toħloq distorsjoni jew kienet thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja ta’ dawn l-impriżi. Ir-raba’, il-Kummissjoni qieset li l-iskema inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-entitajiet Belġjani billi kienu jibbenefikaw minnha biss il-gruppi multinazzjonali ta’ impriżi li minnhom jagħmlu parti dawn l-entitajiet.

23      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna għall-operat u kienu, għalhekk, inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, peress li ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 108(3) TFUE, dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna illegali (premessi 189 sa 194 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

24      Fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna (premessi 195 sa 211 tad-deċiżjoni kontenzjuża), il-Kummissjoni osservat li r-Renju tal-Belġju la jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u lanqas ma jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex jaħrab mill-obbligu tiegħu li jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija b’mod illegali, kif ukoll li l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati setgħu jiġu kkalkolati, għal kull benefiċjarju, fuq il-bażi tad-differenza bejn it-taxxa li kienet dovuta, fuq il-bażi tal-profitt realment irreġistrat u t-taxxa effettivament imħallsa bis-saħħa tad-deċiżjoni bil-quddiem.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25      Permezz ta’ atti sottomessi fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Marzu 2016, ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International ippreżentaw rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

26      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-Kawżi T‑131/16, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, u T‑263/16, Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, konformement mal-Artikolu 68(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

27      Insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu, ir-Renju tal-Belġju qajjem ħames motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(6) TFUE u tal-Artikolu 5(1) u (2) TUE, sa fejn il-Kummissjoni ndaħħlet fil-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Belġju. It-tieni motiv kien ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat il-miżuri inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna. Dan il-motiv kien maqsum f’żewġ partijiet, fejn l-ewwel parti tikkontesta l-identifikazzjoni tal-atti li fuqhom hija bbażata l-allegata skema inkwistjoni filwaqt li t-tieni parti tikkontesta l-kunsiderazzjoni dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni qieset li s-sistema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-allegata għajnuna. Il-ħames motiv, invokat b’mod sussidjarju, kien ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ legalità u tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża tordna l-irkupru mingħand il-gruppi multinazzjonali li lilhom jappartjenu l-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjoni bil-quddiem.

28      Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, Magnetrol International tqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tikklassifika l-iskema inkwistjoni bħala miżura selettiva. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li din l-iskema kienet toħloq vantaġġ. Ir-raba’ motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq abbuż ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna ordnat fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji kif ukoll tal-ammont li għandu jiġi rkuprat.

29      Fis-sentenza appellata, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi mqajma mir-Renju tal-Belġju u minn Magnetrol International, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur mill-Kummissjoni tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u fuq indħil fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (l-ewwel motiv fil-Kawża T‑131/16 u l-ewwel parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑263/16). Fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi bħala infondati.

30      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi mqajma mir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, ibbażati, essenzjalment, fuq il-konklużjoni żbaljata tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, b’mod partikolari minħabba l-identifikazzjoni żbaljata tal-atti li fuqhom tibbaża ruħha l-iskema inkwistjoni u minħabba l-kunsiderazzjoni żbaljata li din l-iskema ma teħtieġx miżuri ta’ implimentazzjoni oħra (it-tieni motiv fil-Kawża T‑131/16 u l-ewwel motiv fil-Kawża T‑263/16).

31      Fil-punti 86 sa 88 tas-sentenza appellata, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali fakkret l-elementi li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna”, imsemmi fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Sussegwentement, l-ewwel, hija eżaminat, fil-punti 90 sa 98 ta’ din is-sentenza, jekk l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni kinux jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni identifikat bħala l-bażi ta’ din l-iskema, sabiex jiġi ddeterminat b’mod partikolari jekk l-għajnuna individwali kinitx ingħatat mingħajr l-intervent ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra. It-tieni, fil-punti 99 sa 113 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali analizzat jekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet bil-quddiem li jikkundizzjonaw l-assenza ta’ tassazzjoni tal-profitti eċċessivi, l-awtoritajiet fiskali Belġjani kellhomx setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom li jinfluwenzaw l-ammont tal-eżenzjonijiet tal-profitti eċċessivi, l-elementi essenzjali tal-imsemmija skema u l-kundizzjonijiet li fihom ingħatat din l-eżenzjoni. It-tielet, fil-punti 114 sa 119 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali evalwat jekk l-atti li fuqhom hija bbażata l-istess skema kinux jiddefinixxu l-benefiċjarji “b’mod ġenerali u astratt”.

32      Fi tmiem din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, kif iddefinit fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma kinitx teħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra u li għalhekk din l-iskema kienet tikkostitwixxi “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Fil-punti 121 sa 132 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq l-eżistenza ta’ allegat “approċċ sistematiku” tal-awtoritajiet fiskali Belġjani li hija identifikat permezz tal-eżami ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem fuq is-70 deċiżjoni eżistenti dwar l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi u kkunsidrat li dawn l-argumenti ma kinux iqiegħdu inkwistjoni l-konklużjoni fformulata f’dan il-punt 120.

33      Għaldaqstant, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motivi mqajma mir-Renju tal-Belġju u minn Magnetrol International, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Konsegwentement, mingħajr ma qieset neċessarju li teżamina l-motivi l-oħra mqajma kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni kollha kemm hi.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

34      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tikkonkludi li d-deċiżjoni kontenzjuża kklassifikat b’mod żbaljat is-sistema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi ta’ “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 215/1589;

–        tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi li ma ġewx eżaminati, u

–        tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appell.

35      Ir-Renju tal-Belġju kif ukoll Magnetrol International u l-intervenjenti fl-appell jitolbu li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

36      L-Irlanda, intervenjenti fl-ewwel istanza, ma xtaqitx tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Soudal NV, Esko-Graphics BVBA, Flir Systems Trading Belgium BVBA, Anheuser-Busch InBev SA/NV, Ampar BVBA, Atlas Copco Airpower NV, Atlas Copco AB, Wabco Europe BVBA u Celio International NV (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“intervenjenti fl-appell”) ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Magnetrol International.

38      Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv imqajjem minn dan l-Istat Membru u tiddeċiedi fuq dan il-motiv;

–        tikkonferma s-sentenza appellata sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-appell inċidentali.

39      Il-Kummissjoni titlob li l-appell inċidentali jiġi miċħud.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

40      Ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, sostnuti mill-intervenjenti fl-appell, isostnu, essenzjalment, li l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni huwa inammissibbli.

41      Fl-ewwel lok, Magnetrol International, sostnuta f’dan ir-rigward minn Soudal, Esko-Graphics, u minn Wabco Europe, tqis li, kif ifformulati, it-talbiet ta’ dan l-appell huma intiżi li jitolbu l-annullament tas-sentenza appellata biss sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat b’mod żbaljat is-sistema tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi bħala “skema ta’ għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Il-Kummissjoni b’hekk talbet annullament parzjali ta’ parti indiviżibbli tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, b’tali mod li dawn it-talbiet huma inammissibbli.

42      Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Belġju, kif ukoll Soudal, Esko-Graphics u Flir Systems Trading Belgium iqisu li, permezz tal-imsemmi appell, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, mingħajr madankollu ma tinvoka provi li juru xi żnaturament ta’ dawn il-fatti. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq fatti ġodda, intiżi, b’mod partikolari, li jelaboraw mill-ġdid a posteriori d-deċiżjoni kontenzjuża.

43      Fit-tielet lok, ir-Renju tal-Belġju, Soudal u Esko-Graphics isostnu li l-Kummissjoni ma indikatx bi preċiżjoni suffiċjenti fiex jikkonsisti l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

44      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u ssostni li l-appell huwa ammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ammissibbiltà tat-talbiet tal-appell tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja “[t]-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni”.

46      Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-prinċipju fundamentali fil-qasam tal-appell li skontu dan għandu jkun dirett kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma jistax jillimita ruħu esklużivament għat-tibdil ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punti 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni Magnetrol International, it-talbiet tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif riprodotti fl-ewwel inċiż tal-punt 34 ta’ din is-sentenza, jirrigwardaw l-annullament sħiħ, u mhux parzjali, tas-sentenza appellata. Fil-fatt, billi laqgħet il-motivi mqajma mir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, ibbażati fuq klassifikazzjoni żbaljata tas-sistema tal-profitti eċċessivi bħala “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u huwa l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni tikkontesta fl-appell.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

49      Fit-tieni lok, l-argument li l-appell tal-Kummissjoni huwa intiż li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid konstatazzjonijiet ta’ fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali ma jistax jintlaqa’.

50      Fil-fatt, minn naħa, permezz tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni tqajjem kwistjonijiet ta’ liġi, dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, sabiex tikkontesta l-fondatezza tas-soluzzjoni legali adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, b’mod partikolari sa fejn din ikkunsidrat li s-sistema tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ għajnuna”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, l-argument li hija tiżviluppa f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-erba’ partijiet ta’ dan l-aggravju uniku huwa ammissibbli.

51      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-imsemmi aggravju uniku, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali pproċediet għal żnaturament ta’ diversi premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari sa fejn hija injorat li l-Kummissjoni kkonstatat li s-sistema tal-profitti eċċessivi kienet ibbażata fuq prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet fiskali Belġjani, li kienet tikkonsisti f’applikazzjoni contra legem sistematiku tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92.

52      Issa, tali argument li jirrigwarda b’mod definittiv l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kontenzjuża u li, barra minn hekk, huwa bbażat fuq żnaturament minnha tal-fatti u tal-provi invokati mill-Kummissjoni għandu jitqies li huwa ammissibbli.

53      Barra minn hekk, dan l-argument jirrigwarda wkoll il-punti 121 sa 134 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovat, suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, l-eżistenza tal-prassi amministrattiva stabbilita msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza u li, fil-fehma tagħha, kienet tippermetti li jiġi konkluż li s-sistema tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tikkostitwixxi “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Issa, l-eżami ta’ tali kwistjoni li jirrigwarda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw il-prova huwa ammissibbli fl-istadju tal-appell.

54      Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-appell.

55      Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li mill-appell jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u li żnaturat ċerti premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, hija mhux biss tidentifika preċiżament dawn il-premessi iżda wkoll il-punti tas-sentenza appellata li hija beħsiebha tikkritika, b’tali mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

56      Mill-punti preċedenti jirriżulta li l-appell huwa ammissibbli.

57      Għall-kumplament, sa fejn ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, sostnuta mill-intervenjenti fl-appell, isostnu li dan l-appell huwa bbażat fuq fatti ġodda jew huma intiżi li jelaboraw mill-ġdid id-deċiżjoni kontenzjuża, dawn l-argumenti huma, sa fejn meħtieġ, eżaminati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmi appell.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

58      L-aggravju uniku mqajjem mill-Kummissjoni jirrigwarda żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, li jiddefinixxi “skema ta’ għajnuna”.

59      Skont din id-dispożizzjoni, “skema ta’ għajnuna” għandha tinftiehem b’mod partikolari bħala kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt fl-imsemmi att.

60      Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ miżura statali bħala skema ta’ għajnuna tippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, għajnuna tista’ tingħata individwalment lil impriżi fuq il-bażi ta’ att. It-tieni, ebda miżura supplimentari ta’ applikazzjoni ma hija meħtieġa għall-għoti ta’ din l-għajnuna. It-tielet, l-impriżi li lilhom tista’ tingħata l-għajnuna individwali għandhom jiġu ddefinita “b’mod ġenerali u astratt”.

61      Dan l-aggravju uniku huwa maqsum f’erba’ partijiet. Essenzjalment, l-ewwel tlieta minn dawn il-partijiet jirrigwardaw rispettivament it-tliet kundizzjonijiet li jiddefinixxu “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Ir-raba’ parti tirrigwarda interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tar-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel parti

–       L-argumenti tal-partijiet

62      Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Din l-interpretazzjoni wasslitha biex tiżnatura l-premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża billi kkonkludiet, fil-punti 84, 90 sa 120 u 125 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li huma biss l-atti normattivi msemmija fil-premessa 99 ta’ din id-deċiżjoni li kienu jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema inkwistjoni.

63      Skont il-Kummissjoni, mill-premessi 94 sa 110 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li hija qieset li din l-iskema kienet ibbażata fuq il-prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet fiskali Belġjani li kienet tikkonsisti fl-applikazzjoni sistematika, u b’mod contra legem, tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92.

64      Fir-rigward tat-terminu “att”, użat fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni tqis, fl-ewwel lok, li, minkejja d-diverġenzi li jeżistu bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dan ir-regolament, din il-kelma tippermetti li tiġi inkluża prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ April 1994, Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni (C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punti 14 u 15), timmilita favur tali interpretazzjoni.

65      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni restrittiva tal-imsemmi terminu li wassalha teżamina s-sistema tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi billi għamlet distinzjoni żbaljata bejn, minn naħa, il-prassi amministrattiva li tikkostitwixxi din l-iskema u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet normattivi li huma l-bażi tagħha. Issa, hija missha analizzat jekk din is-sistema kinitx tikkostitwixxi “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn din kienet ibbażata fuq il-prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet fiskali Belġjani li kienet tikkonsisti f’applikazzjoni contra legem sistematika tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92.

66      Fit-tieni lok, mill-premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta, suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, li l-Kummissjoni fehmet is-sistema tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi bħala li hija bbażata fuq tali prassi amministrattiva stabbilita. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni stabbilixxiet diversi drabi distinzjoni bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi bbażati, konformement ma’ din il-prassi amministrattiva stabbilita, fuq applikazzjoni contra legem sistematika tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u li tagħti lok għal skema ta’ għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet bil-quddiem mogħtija b’osservanza ta’ din id-dispożizzjoni u li ma jagħtu lok għal ebda għajnuna mill-Istat.

67      Fit-tielet lok, il-motivi li jirriżultaw fil-premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kuntest li fih ġiet adottata din id-deċiżjoni, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Frar 2015 fil-Każ SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) dwar is-sistema ta’ regolazzjoni dwar it-taxxa fuq il-profitt żejjed fil-Belġju – Artikolu 185, paragrafu 2, punt (b) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul 1992 (CIR92)) – Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu [108(2)] tat-Trattat (ĠU 2015, C 188, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Mid-deċiżjoni ta’ ftuħ jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni dejjem ikkunsidrat li s-sistema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tistrieħ fuq prassi amministrattiva stabbilita li tikkonsisti f’applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

68      Ir-Renju tal-Belġju jqis li l-ewwel parti tal-aggravju uniku hija infondata.

69      Magnetrol International, sostnuta mill-intervenjenti fl-appell, hija tal-opinjoni li, permezz ta’ din l-ewwel parti, il-Kummissjoni tidher li temenda a posteriori l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u tinterpreta b’mod żbaljat is-sentenza appellata.

70      Sussidjarjament, dawn il-partijiet isostnu li, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni tista’ tinvoka “approċċ sistematiku” tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru biss meta hija ma tidentifika ebda att ġuridiku li jista’ jkun il-bażi tal-iskema inkwistjoni. Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 79 u 122 tas-sentenza appellata. Issa, f’dan il-każ, il-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża jidentifikaw tali atti ġuridiċi bħala bażi tal-iskema inkwistjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq “approċċ sistematiku” sabiex tikkonkludi li teżisti tali skema.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71      Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk, kif issostni, dispożizzjoni fiskali ta’ Stat Membru għandhiex titqies bħala “att”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, meta din tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni contra legem sistematika mill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru u, fil-każ ta’ tali applikazzjoni, jekk hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-prassi amministrattiva stabbilita ta’ dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-identifikazzjoni tal-atti li jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna li jkunu bbażati fuq din id-dispożizzjoni fiskali.

72      L-ewwel, fir-rigward tal-portata tat-terminu “att”, imsemmi fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 1, dan it-terminu jirreferi għal kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, tista’ tingħata għajnuna lill-impriżi b’mod individwali.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni litterali tal-imsemmi Artikolu 1 ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk it-terminu “att” jistax ikopri skema kkaratterizzata, skont il-Kummissjoni, minn applikazzjoni contra legem sistematika ta’ dispożizzjoni fiskali ta’ Stat Membru mill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ prassi amministrattiva stabbilita. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 jużaw termini diverġenti, li jistgħu, skont il-każ, ikopru tali prassi amministrattiva jew le.

74      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġusstizzja, għall-finijiet li tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-istess test li l-verżjoni tiegħu f’lingwa tal-Unjoni tkun differenti minn dawk stabbiliti fil-lingwi l-oħra, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Kolach Raj Industrial, C‑709/17, EU:C:2019:717, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      B’hekk, it-tieni, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” huwa differenti mill-kunċett ta’ “għajnuna individwali”, imsemmi fl-Artikolu 1(e) ta’ dan ir-regolament.

76      B’differenza minn għajnuna individwali, li tirrigwarda miżura ta’ għajnuna mill-Istat li teħtieġ eżami individwali fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-użu tal-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” jippermetti lill-Kummissjoni teżamina, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, sett ta’ għajnuna mogħtija individwalment lil impriżi fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni komuni li tikkostitwixxi, bħala prinċipju, il-bażi legali tagħha.

77      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar ġustament, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ teżamina biss il-karatteristiċi tagħha sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, jekk, minħabba l-modalitajiet previsti minn din l-iskema, din tiżgurax vantaġġ notevoli għall-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk hijiex ta’ natura li essenzjalment tagħti vantaġġ lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri. B’hekk, f’deċiżjoni dwar tali skema, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali fuq il-bażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi evalwata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata.

78      Minn dan jirriżulta li l-kelma “att”, li tinsab fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 tindika l-atti li jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna li minnhom huwa possibbli li jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali neċessarji għall-klassifikazzjoni tagħha bħala miżura ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

79      Għalkemm, bħala regola ġenerali, dan it-terminu jista’ jindika l-atti li jikkostitwixxu l-bażi legali tal-iskema ta’ għajnuna, ma jistax jiġi eskluż, kif barra minn hekk irrilevat il-Qorti Ġenerali, li dan jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jirreferi wkoll għal prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru, meta din il-prattika tiżvela “approċċ sistematiku”, li l-karatteristiċi tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

80      F’dan ir-rigward, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet, ġustament, għall-punti 14 u 15 tas-sentenza tat‑13 ta’ April 1994, Il‑Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni (C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129), biex tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna u, fl-assenza ta’ bażi legali li tistabbilixxi tali skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq numru ta’ ċirkustanzi ta’ natura li jiżvelaw l-eżistenza, fil-fatt, ta’ skema ta’ għajnuna.

81      Kuntrarjament għal dak li ssostni b’mod partikolari Magnetrol International, sostnuta, f’dan ir-rigward, mill-intervenjenti fl-appell, minn din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’ebda mod ma jirriżulta li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tislet l-eżistenza, fil-fatt, ta’ skema ta’ għajnuna hija limitata għas-sitwazzjoni li fiha ma teżisti ebda dispożizzjoni legali li sservi bħala bażi għal din l-iskema. Għall-kuntrarju, it-tagħlim li jirriżulta mill-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jippermetti li jiġi konkluż li, a fortiori, tali possibbiltà hija offruta meta l-iskema ta’ għajnuna tirriżulta, kif tallega l-Kummissjoni f’dan il-każ, mill-applikazzjoni sistematika contra legem ta’ dispożizzjoni fiskali ta’ Stat Membru mill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ prassi amministrattiva stabbilita.

82      Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali prassi amministrattiva, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-“att” li jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, jippermetti li tiġi żvelata l-portata reali ta’ din id-dispożizzjoni fiskali li altrimenti ma tistax tinftiehem fuq is-sempliċi bażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

83      It-tielet, tali interpretazzjoni tat-terminu “att” hija sostnuta mill-għan li r-Regolament 2015/1589 għandu l-intenzjoni li jilħaq u li huwa intiż li jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ stħarriġ dwar l-għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 108 TFUE.

84      Fil-fatt, l-effettività tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat titnaqqas b’mod kunsiderevoli jekk it-terminu “att”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, ikollu sempliċement jindika l-atti formali li jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna.

85      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-portata u l-modalitajiet ta’ dan l-istħarriġ ikunu, f’tali ipoteżi, neċessarjament dipendenti fuq il-forma li l-Istati Membri jagħtu lill-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, kif issostni l-Kummissjoni, uħud minn dawn il-miżuri ta’ għajnuna li huma bbażati fuq applikazzjoni contra legem ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jiġu neċessarjament esklużi mill-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, minkejja li għadd ta’ ċirkustanzi jippermettu li tinsilet l-eżistenza, fil-fatt, ta’ tali skema.

86      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li teżisti skema ta’ għajnuna meta jirnexxilha turi, suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, li din hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ Stat Membru, skont “approċċ sistematiku” tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, u li l-karatteristiċi ta’ dan l-approċċ jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

87      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali applikatx b’mod żbaljat it-terminu “att”, imsemmi fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, u żnaturatx id-deċiżjoni kontenzjuża billi qieset li l-uniċi atti elenkati fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema inkwistjoni, kif identifikata mill-Kummissjoni.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, inizjalment, l-atti elenkati fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża. B’hekk din il-qorti rrilevat li l-atti msemmija fil-premessa 99 ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri kemm l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif ukoll l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, iċ-Ċirkolari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006 u t-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-awtoritajiet fiskali Belġjani, kienu jikkostitwixxu l-atti li fuq il-bażi tagħhom ingħatat l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi inkwistjoni.

89      Fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-raġunament tal-Kummissjoni kien immarkat b’ċerta ambivalenza sa fejn hija madankollu rrikonoxxiet li la l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u, barra minn hekk, ebda dispożizzjoni oħra taċ-CIR 92, ma kienu jippreskrivu din l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

90      Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li, wara analiżi globali tad-deċiżjoni kontenzjuża, kellu jitqies li l-bażi tal-iskema inkwistjoni kienet ikkostitwita mill-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif applikat mill-awtoritajiet fiskali Belġjani, u li tali applikazzjoni setgħet tiġi dedotta mill-atti msemmija fil-punt 88 ta’ din is-sentenza. Fil-punti 84 sa 88 tas-sentenza appellata, hija ddeduċiet, essenzjalment, li l-eżami tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 kellu, konsegwentement, isir fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn l-atti.

91      Għalhekk, sussegwentement, fil-punti 90 sa 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat b’mod partikolari jekk l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni, li l-Kummissjoni identifikat fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kinux jirriżultaw mill-atti elenkati fil-premessi 97 sa 99 ta’ din id-deċiżjoni.

92      F’dan ir-rigward, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabel kollox, li, fid-dawl tal-analiżi li tinsab fil-premessi 101 u 139 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dawn l-elementi essenzjali ma jirriżultawx minn dawn l-atti iżda pjuttost mill-kampjun ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem analizzat mill-Kummissjoni. Fil-punt 93 ta’ din l-aħħar sentenza, filwaqt li rrikonoxxiet li wħud mill-imsemmija elementi essenzjali kienu jirriżultaw effettivament mill-imsemmija atti, hija madankollu qieset li dan ma kienx il-każ tal-elementi essenzjali nnifishom kollha u, b’mod partikolari, tal-metodu ta’ kalkolu f’żewġ stadji tal-profitti eċċessivi suġġetti għall-eżenzjoni kontenzjuża, kif ukoll tal-kundizzjoni marbuta mal-ħolqien ta’ impjiegi, taċ-ċentralizzazzjoni jew taż-żieda tal-attivitajiet fil-Belġju.

93      Dan ir-raġunament huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi.

94      Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-bażi legali tal-iskema inkwistjoni ma kinitx tirriżulta biss mill-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, iżda mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-awtoritajiet fiskali Belġjani, hija madankollu ma siltitx il-konsegwenzi kollha ta’ din il-konstatazzjoni. B’mod partikolari, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża li minnhom jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ddeduċiet din l-applikazzjoni, mhux biss mill-atti msemmija fil-premessa 99 ta’ din id-deċiżjoni iżda wkoll minn approċċ sistematiku ta’ dawn l-awtoritajiet li hija kkonstatat mill-analiżi ta’ kampjun ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem li hija eżaminat.

95      Għalhekk, fil-kuntest tal-qari globali tad-deċiżjoni kontenzjuża mwettaq fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-premessi 100 sa 108 u 110 ta’ din id-deċiżjoni, li minnhom jirriżulta, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset li waħda mill-karatteristiċi essenzjali tal-iskema inkwistjoni kienet li l-imsemmija awtoritajiet sistematikament ħarġu deċiżjonijiet li jagħtu l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi skont il-kundizzjonijiet elenkati fil-premessa 102 tal-imsemmija deċiżjoni.

96      F’dan il-kuntest, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, ibbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-fatt li wħud mill-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni ma kinux jirriżultaw mill-atti li jinsabu fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda mid-deċiżjonijiet bil-quddiem stess, kien jimplika li dawn l-atti kellhom neċessarjament ikunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra.

97      Konsegwentement, billi llimitat l-analiżi tagħha tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, għall-atti msemmija fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża biss, il-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tat-terminu “att”, li jinsab f’dan l-artikolu.

98      Dan l-iżball wassalha, minn naħa, biex teskludi, bħala prinċipju, li “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1, tista’, kif inhu rrilevat fil-punti 80 u 86 ta’ din is-sentenza, tkun ibbażata fuq numru ta’ ċirkustanzi ta’ natura li jiżvelaw l-eżistenza fattwali tagħha u, min-naħa l-oħra, li twettaq qari żbaljat ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-eżami tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.

99      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l‑ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti

–       L-argumenti tal-partijiet

100    Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u żnaturat il-premessi 100 sa 108 tad-deċiżjoni kontenzjuża billi kkonkludiet, fil-punti 94, 96, 98, 103 sa 113, 119, 120 u 129 sa 133 tas-sentenza appellata, li l-għoti tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kien jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra.

101    Il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li terġa’ ttenni l-affermazzjoni li, jekk l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni elenkati fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux iddikjarati fl-atti normattivi msemmija fil-premessa 99 ta’ din id-deċiżjoni, huma kellhom neċessarjament ikunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk, f’dak li jirrigwarda l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, l-awtoritajiet fiskali Belġjani kinux effettivament f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l-ammont tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-eżenzjoni f’każijiet individwali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonfondiet il-marġni ta’ diskrezzjoni li kellhom dawn l-awtoritajiet sabiex jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi u l-kapaċità tal-imsemmija awtoritajiet li jinfluwenzaw l-ammont ta’ din l-eżenzjoni, l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija eżenzjoni f’każijiet individwali. Kieku l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod korrett il-kunċett ta’ “miżuri ta’ implimentazzjoni oħra”, hija kellha tikkonkludi li l-istess awtoritajiet ma kinux f’pożizzjoni li jinfluwenzaw tali elementi.

102    Ir-Renju tal-Belġju jqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, dwar it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 ma fihx żball ta’ liġi.

103    Magnetrol International, sostnuta mill-intervenjenti fl-appell, tallega, essenzjalment, li, sabiex tikkonkludi li teżisti skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni kellha turi fid-deċiżjoni kontenzjuża, fl-ewwel lok, li l-atti elenkati fil-premessi 97 sa 99 ta’ din id-deċiżjoni kienu jimponu metodi ta’ kalkolu li l-awtoritajiet fiskali Belġjani kellhom japplikaw u, fit-tieni lok, li l-ammont tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi f’kull każ individwali seta’ jiġi stabbilit permezz ta’ dawn il-metodi. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, il-Kummissjoni kellha turi, minn naħa, li dawn l-atti kienu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet fiskali Belġjani setgħu jaċċettaw l-applikazzjonijiet għal għajnuna individwali u, min-naħa l-oħra, li kien possibbli li jiġi deċiż fuq il-bażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet jekk it-tranżazzjoni proposta mill-applikant għad-deċiżjoni bil-quddiem kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ “sitwazzjoni ġdida”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

104    It-tieni parti tal-aggravju uniku tirrigwarda t-tieni kundizzjoni li tippermetti li tiġi ddefinita “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, jiġifieri dik relatata mal-assenza ta’ “miżuri ta’ implimentazzjoni oħra” neċessarji għall-għoti ta’ għajnuna individwali fuq il-bażi tad-dispożizzjoni li tikkostitwixxi tali skema.

105    Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-punt 99 tas-sentenza appellata, billi f’dan ir-rigward tirreferi għall-premessa 100 tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra timplika l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali mill-awtorità fiskali li tadotta l-miżuri inkwistjoni, li tippermettilha tinfluwenza l-ammont tal-għajnuna, il-karatteristiċi tagħha jew il-kundizzjonijiet li fihom tingħata din l-għajnuna. Għall-kuntrarju, is-sempliċi applikazzjoni teknika tal-atti li jipprevedu l-għoti tal-għajnuna kkonċernata ma tikkostitwixxix “miżura supplimentari ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill 2015/1589.

106    Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk “miżuri ta’ implimentazzjoni oħra” humiex neċessarji għall-għoti ta’ għajnuna individwali taħt skema ta’ għajnuna hija intrinsikament marbuta ma’ dik tad-determinazzjoni tal-“att”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, li fuqha din l-iskema tibbaża ruħha. Fil-fatt, huwa fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni li għandu jiġi ddeterminat jekk l-għoti ta’ għajnuna individwali huwiex suġġett għall-adozzjoni ta’ tali miżuri jew jekk, għall-kuntrarju, dan l-għoti jistax isir fuq is-sempliċi bażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

107    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tagħha, l-iżball ta’ liġi identifikat fil-punti 97 u 98 ta’ din is-sentenza, għalhekk, neċessarjament affettwa l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-punt dwar jekk l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kinitx, f’dan il-każ, ingħatat mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni oħra.

108    Fil-fatt, minn naħa, kif inhu kkonstatat fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-fatt li wħud mill-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni ma kinux jirriżultaw mill-atti li jinsabu fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda kienu ġew dedotti mid-deċiżjonijiet bil-quddiem stess, kien jimplika li dawn l-atti kellhom neċessarjament ikunu suġġetti għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra.

109    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami, imwettaq fil-punti 103 sa 113 tas-sentenza appellata, tal-kwistjoni dwar jekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet bil-quddiem għall-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, l-awtoritajiet fiskali Belġjani kellhomx setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom jinfluwenzaw l-ammont ta’ din l-eżenzjoni, l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom ingħatat din l-eżenzjoni, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li tirreferi għall-atti elenkati fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tikkonkludi, essenzjalment, li dawn l-atti kienu jillimitaw ruħhom jiddefinixxu, b’mod ġenerali, il-pożizzjoni tal-awtoritajiet fiskali Belġjana fir-rigward tal-istess eżenzjoni.

110    Minn dan hija ddeduċiet li, fl-assenza ta’ elementi oħra li jillimitaw is-setgħa deċiżjonali ta’ din l-amministrazzjoni, waqt l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet bil-quddiem, l-awtoritajiet fiskali Belġjani neċessarjament kellhom setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li ma setax jiġi konkluż li dawn l-awtoritajiet kienu wettqu applikazzjoni teknika tal-qafas regolatorju, peress li huma kienu wettqu, għall-kuntrarju, eżami “każ b’każ” ta’ kull applikazzjoni.

111    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali madankollu naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif inhu rrilevat fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, waħda mill-karatteristiċi essenzjali tal-iskema inkwistjoni, kif identifikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, kienet tinsab fil-fatt li l-awtoritajiet fiskali Belġjani kienu sistematikament taw l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi meta l-kundizzjonijiet elenkati fil-premessa 102 ta’ din id-deċiżjoni kienu ssodisfatti.

112    Issa, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-identifikazzjoni ta’ tali prassi sistematika setgħet tikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ natura li jiżvelaw l-eżistenza, fattwali, ta’ skema ta’ għajnuna, li tippermetti, jekk ikun il-każ, li jiġi stabbilit li dawn l-awtoritajiet fiskali fil-verità ma kellhom ebda setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u li, konsegwentement, ma kienet meħtieġa ebda “miżura supplimentari ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 2015/1589, fl-għoti tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi inkwistjoni.

113    Għaldaqstant, kif issostni l-Kummissjoni, billi bbażat il-konklużjoni tagħha dwar it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(d) ta’ dan ir-regolament fuq premessa żbaljata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

114    Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li s-sistema inkwistjoni ma kinitx tkopri d-deċiżjonijiet bil-quddiem kollha adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, iżda biss dawk fosthom li kienu jagħtu aġġustamenti negattivi mingħajr ma l-amministrazzjoni tkun ivverifikat jekk il-profitti kkonċernati kinux ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra tal-grupp stabbilita f’ġurisdizzjoni oħra, filwaqt li d-deċiżjonijiet bil-quddiem li kienu jagħtu aġġustament negattiv li jikkorrispondi għall-aġġustament pożittiv tal-profitti taxxabbli ta’ kumpannija oħra tal-grupp stabbilita f’ġurisdizzjoni oħra ma jagħmlux parti minn din l-iskema. Skont il-Qorti Ġenerali, sa fejn, fuq il-bażi tal-istess att, l-awtorità fiskali Belġjana setgħet tadotta kemm deċiżjonijiet li, fil-fehma tal-Kummissjoni, jagħtu għajnuna mill-Istat, kif ukoll deċiżjonijiet li ma jagħtux tali għajnuna, ir-rwol ta’ dawn l-awtoritajiet fiskali ma kienx limitat għal applikazzjoni teknika tal-iskema inkwistjoni.

115    Issa, kif inhu kkonstatat fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni qieset li kienet l-applikazzjoni contra legem tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, fil-kuntest ta’ prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet fiskali Belġjani, li kienet tikkostitwixxi l-bażi tal-iskema inkwistjoni. Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mis-sempliċi fatt li l-awtoritajiet fiskali Belġjani applikaw ukoll din id-dispożizzjoni f’sitwazzjonijiet li effettivament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

116    Bl-istess mod, l-eżistenza ta’ fażi preliminari fil-kuntest tal-proċedura ta’ kisba ta’ deċiżjoni bil-quddiem għall-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, irrilevata fil-punt 112 tas-sentenza appellata, ma tistax tikkostitwixxi indizju li l-awtoritajiet fiskali Belġjani kienu neċessarjament igawdu minn setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tas-sistema tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi. Fil-fatt, din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi evalwata biss fir-rigward tad-deċiżjonijiet bil-quddiem li ngħataw fuq il-bażi ta’ din is-sistema, b’tali mod li s-sitwazzjonijiet li ma tawx lok għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni huma irrilevanti f’dan ir-rigward.

117    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li t-tieni parti tal-aggravju uniku huwa fondat.

 Fuq it-tielet parti

–       L-argumenti tal-partijiet

118    Permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u żnaturat il-premessi 66, 102, 103, 109, 139 u 140 tad-deċiżjoni kontenzjuża billi kkonkludiet, fil-punti 114 sa 119 tas-sentenza appellata, li l-benefiċjarji tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi ma kinux iddefiniti “b’mod ġenerali u astratt” mill-atti li jikkostitwixxu l-bażi ta’ din l-iskema. Għall-Kummissjoni, kieku l-Qorti Ġenerali kienet debitament ħadet inkunsiderazzjoni l-prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet fiskali Belġjani relatata ma’ din l-eżenzjoni, hija kienet tasal għall-konklużjoni opposta.

119    Ir-Renju tal-Belġju kif ukoll Magnetrol International, sostnuta mill-intervenjenti fl-appell, jikkontestaw dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120    It-tielet parti tal-aggravju uniku tirrigwarda t-tielet kundizzjoni li tiddefinixxi “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, jiġifieri dik li tirrigwarda l-fatt li l-benefiċjarji ta’ tali skema huma ddefiniti “b’mod ġenerali u astratt” fid-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi ta’ din l-iskema.

121    F’dan ir-rigward, mir-relazzjonijiet eżistenti bejn it-tliet kundizzjonijiet li jippermettu li miżura tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hijiex issodisfatta hija intrinsikament marbuta mal-ewwel tnejn mill-imsemmija kundizzjonijiet, dwar l-eżistenza ta’ “att” u l-assenza ta’ “miżuri ta’ implimentazzjoni oħra”.

122    Għaldaqstant, l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li ġew irrilevati fil-punti 97, 98 u 113 ta’ din is-sentenza u li jikkonċernaw l-ewwel tnejn mill-istess kundizzjonijiet, ivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar id-definizzjoni tal-benefiċjarji tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

123    Fil-fatt, fil-punti 115 sa 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jirrigwarda kategorija ġenerali u astratta ta’ entitajiet, ibbażat ruħha essenzjalment fuq analiżi tal-atti msemmija fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tikkonkludi li l-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni ma kinux iddefiniti “b’mod ġenerali u astratt” minn dawn l-atti, b’tali mod li tali definizzjoni kellha neċessarjament titwettaq permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li t-tielet parti tal-aggravju uniku huwa fondat.

125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata r-raba’ parti tal-aggravju uniku, hemm lok li jiġi konkluż li, billi ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, kif iddefinita fid-deċiżjoni kontenzjuża, kienet tikkostitwixxi “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi.

 Fuq il-motivi superfluwi tas-sentenza appellata dwar il-prova ta’ “approċċ sistematiku”

126    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ motivi superfluwi, li jinsabu fil-punti 121 sa 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx irnexxielha turi l-eżistenza ta’ “approċċ sistematiku” tal-awtoritajiet fiskali Belġjani identifikata wara l-eżami ta’ kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem mis-66 li kienu ġew adottati taħt l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

127    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżbalji ta’ liġi identifikati fil-punt 125 ta’ din is-sentenza jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali warrbitx, ġustament, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq l-eżistenza ta’ tali “approċċ sistematiku”.

–       L-argumenti tal-partijiet

128    Fil-kuntest tal-argument tagħha dwar l-ewwel tliet partijiet tal-aggravju uniku, il-Kummissjoni fformulat argumenti speċifiċi intiżi li jikkontestaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 121 sa 134 tas-sentenza appellata, li fuq il-bażi tiegħu din iddeċidiet li hija ma kinitx uriet suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ “approċċ sistematiku” tal-awtoritajiet fiskali Belġjani fl-għoti tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

129    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 127 u 128 tas-sentenza appellata, hija wriet suffiċjentement l-elementi li wassluha tikkonkludi li kien hemm tali “approċċ sistematiku”.

130    Qabel kollox, fir-rigward tal-għażla tal-kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem li minnu l-Kummissjoni ddeduċiet l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita, il-Kummissjoni tammetti li din l-għażla ma tirriżultax mill-premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni li ssemmi t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lir-Renju tal-Belġju dwar id-deċiżjonijiet bil-quddiem maħruġa fl‑2004, fl‑2007, fl‑2010 u fl‑2013. Dawn id-deċiżjonijiet huma biss it‑22 deċiżjoni bil-quddiem li jikkostitwixxu l-kampjun li minnu l-Kummissjoni ddeduċiet l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita.

131    Sussegwentement, fir-rigward tan-natura rappreżentattiva ta’ dan il-kampjun, il-Kummissjoni tenfasizza li, l-ewwel, id-deċiżjonijiet bil-quddiem kienu ntgħażlu minn fost erbgħa mid-disa’ snin ta’ applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni. It-tieni, is-snin magħżula huma distanti tliet snin rispettivament minn xulxin, b’tali mod li jkopru l-bidu, in-nofs u t-tmiem tal-perijodu li matulu l-awtoritajiet fiskali Belġjani taw tali deċiżjonijiet bil-quddiem. It-tielet, it‑22 deċiżjoni bil-quddiem jirrappreżentaw terz tad-deċiżjonijiet kollha mogħtija matul dan il-perijodu ta’ disa’ snin u, ir-raba’, dawn it‑22 deċiżjoni kienu jkopru terz mill-benefiċjarji kollha tal-iskema inkwistjoni, li jfisser neċessarjament li l-kampjun kien rappreżentattiv u li ebda spjegazzjoni speċifika ma kienet neċessarja f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju tal-Belġju qatt ma kkontesta l-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u ma pproduċa ebda deċiżjoni bil-quddiem li turi li l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni ma kinux jirriżultaw minn prassi amministrattiva stabbilita.

132    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li ma kienx neċessarju li tiddeskrivi d-deċiżjonijiet individwali fid-deċiżjoni kontenzjuża, wara li kkonkludiet, fuq il-bażi tal-eżami tagħha tat‑22 deċiżjoni bil-quddiem, li dawn id-deċiżjonijiet kienu jaqgħu taħt prassi amministrattiva stabbilita. Min-naħa l-oħra, huwa r-Renju tal-Belġju u l-benefiċjarji li għandhom jikkontestaw il-konklużjoni tagħha li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi ngħatat fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna, ħaġa li huma ma rnexxilhomx jagħmlu.

133    Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sitt deċiżjonijiet bil-quddiem deskritti fil-premessi 62 sa 64 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-premessa 61 tad-deċiżjoni kontenzjuża tindika li t-tliet eżempji pprovduti f’dawn il-premessi juru biss id-deċiżjonijiet bil-quddiem mogħtija fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema inkwistjoni mill-awtoritajiet fiskali Belġjani.

134    Fit-tieni lok, l-iżnaturament tal-premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża wassal lill-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 127 u 128 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ approċċ sistematiku.

135    Ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, sostnuti mill-intervenjenti fl-appell, jikkontestaw dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

136    Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat b’mod żbaljat li hija ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ “approċċ sistematiku” li jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

137    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li tali “approċċ sistematiku” ma setax jikkostitwixxi l-bażi nnifisha tal-iskema inkwistjoni, minħabba li din ma kinitx il-bażi li ġiet adottata fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari, fil-premessa 99 ta’ din id-deċiżjoni.

138    Issa, fid-dawl tal-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punti 97 u 98 ta’ din is-sentenza, dan il-motiv huwa wkoll żbaljat fil-liġi.

139    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jitqies li l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni kienu jirriżultaw minn “approċċ sistematiku” identifikat fuq il-bażi tal-kampjun tad-deċiżjonijiet bil-quddiem analizzat mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ tali approċċ.

140    Qabel kollox, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, filwaqt li rrilevat li dan il-kampjun kien magħmul minn 22 deċiżjoni bil-quddiem mis‑66 deċiżjoni kkonċernati, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx ippreċiżat fid-deċiżjoni kontenzjuża l-għażla tal-imsemmi kampjun u r-raġunijiet għalfejn dan kellu jitqies bħala rappreżentattiv.

141    Kif issostni l-Kummissjoni, essenzjalment, fir-rigward tal-għażla tal-kampjun tad-deċiżjonijiet bil-quddiem li hija analizzat, minn qari flimkien tal-premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża u, b’mod partikolari minn qari flimkien tal-premessi 3 u 59 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta madankollu li dan il-kampjun kien ikkostitwit mid-deċiżjonijiet bil-quddiem adottati matul is-snin 2005 (fejn ebda deċiżjoni ma ġiet adottata fis-sena 2004, 2007, 2010 u 2013 sabiex jiġu koperti d-deċiżjonijiet adottati fil-bidu, fin-nofs u fi tmiem il-perijodu tal-iskema inkwistjoni.

142    Fir-rigward tar-rappreżentattività tal-imsemmi kampjun, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tagħha, jirriżulta b’mod manifest mill-għażla tat-22 deċiżjoni bil-quddiem mit-total tas-66 deċiżjoni adottati taħt l-iskema inkwistjoni li l-istess kampjun jirrappreżenta terz minn dawn id-deċiżjonijiet.

143    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali proporzjoni ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem, magħżula b’mod ipponderat fost id-deċiżjonijiet kollha adottati fuq il-bażi tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi fil-perijodu kkunsidrat, jista’, min-natura tiegħu, ikun rappreżentattiv ta’ “approċċ sistematiku” tal-awtoritajiet fiskali Belġjani. Fil-fatt, preċiżament minħabba n-natura “sistematika” ta’ tali prattika, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tippreżumi li, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor, l-elementi identifikati fil-kampjun ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem li hija eżaminat ikunu neċessarjament jinsabu fid-deċiżjonijiet bil-quddiem kollha adottati fuq il-bażi tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun tikkunsidra li fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni ma kinitx ippreċiżat l-għażla ta’ dan il-kampjun u l-elementi li għalihom dan kellu jitqies bħala rappreżentattiv.

145    Barra minn hekk, tali konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li skontha l-Kummissjoni ma ppreċiżatx l-għażla tas-sitt deċiżjonijiet bil-quddiem imsemmija fil-premessi 62 sa 64 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 61 ta’ din id-deċiżjoni u kif issostni l-Kummissjoni, dawn is-sitt deċiżjonijiet għandhom biss għan illustrattiv tal-mod kif l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi ngħatat mill-awtoritajiet fiskali Belġjani, fejn għalhekk dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni pprovatx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ “approċċ sistematiku” fil-prassi deċiżjonali tal-awtoritajiet fiskali Belġjani.

146    Sussegwentement, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punti 103 sa 112 tas-sentenza appellata, dwar l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet fiskali Belġjani u dwar in-neċessità ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettu, fihom innifishom, li tiġi invalidata l-eżistenza tal-“approċċ sistematiku” allegat mill-Kummissjoni.

147    Issa, sa fejn din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li s-sempliċi atti msemmija fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 97, 98 u 113 ta’ din is-sentenza, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 129 tas-sentenza appellata hija żbaljata fid-dritt.

148    Fl-aħħar nett, fil-punti 131 sa 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet bil-quddiem li jikkostitwixxu l-kampjun eżaminat mill-Kummissjoni ma kinux kollha jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom struttura ta’ “imprenditur ċentrali” kienet ġiet stabbilita mill-entità Belġjana inkwistjoni u li l-metodu ta’ kalkolu f’żewġ stadji tal-profitti eċċessivi identifikat mill-Kummissjoni ma kienx ġie sistematikament adottat.

149    Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti huma bbażati fuq żnaturament tal-premessa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha l-Kummissjoni elenkat l-elementi essenzjali tal-iskema inkwistjoni li hija identifikat mill-analiżi tal-kampjun tat‑22 deċiżjoni bil-quddiem li jirrappreżenta l-prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet fiskali Belġjani.

150    Għalhekk, minn din il-premessa 102 jirriżulta li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li r-rilokazzjoni mill-ġdid ta’ “imprenditur ċentrali” fil-Belġju kienet tikkostitwixxi l-unika kundizzjoni li tippermetti li tinkiseb eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, iżda li tali sitwazzjoni kienet tikkostitwixxi, għall-kuntrarju, sempliċi eżempju ta’ kundizzjoni iktar ġenerali marbuta mal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ġdida li kienet għadha ma pproduċietx effetti minn perspettiva fiskali.

151    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu f’żewġ stadji, imsemmi fil-punt 133 tas-sentenza appellata, mit-tielet inċiż tal-premessa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma qisitx l-applikazzjoni ta’ tali metodu bħala element essenzjali tal-iskema inkwistjoni, iżda, essenzjalment, qieset il-fatt li l-ammont eżentat fuq il-bażi tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kien jikkorrispondi sistematikament għad-differenza bejn il-profitti realment irreġistrati mill-benefiċjarju u profitt, ipotetiku, iġġenerat li kieku dan tal-aħħar kien sar indipendentement mill-grupp tiegħu, u dan indipendentement mill-metodu użat biex wieħed jasal għal din il-konstatazzjoni.

152    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 130 sa 133 tas-sentenza appellata ma jistgħux iservu bħala bażi għall-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet ingħatat skont “approċċ sistematiku”.

153    Mill-motivi kollha preċedenti jirriżulta li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ “approċċ sistematiku” hija żbaljata fil-liġi.

154    Għaldaqstant, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata r-raba’ parti tal-aggravju uniku, hemm lok li jiġi konkluż li dan l-aggravju huwa fondat.

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminati l-appell inċidentali, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq it-tilwima fl-ewwel istanza

156    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

157    F’dan il-każ, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata, insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International iqajmu motivi bbażati, essenzjalment:

–        l-ewwel, fuq l-indħil tal-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (l-ewwel motiv fil-Kawża T‑131/16 u l-ewwel parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑263/16);

–        it-tieni, fuq il-konklużjoni żbaljata dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna f’dan il-każ, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, b’mod partikolari minħabba l-identifikazzjoni żbaljata tal-atti li fuq il-bażi tagħhom hija bbażata l-iskema inkwistjoni u minħabba l-kunsiderazzjoni żbaljata li din l-iskema ta’ għajnuna ma tirrikjedix miżuri ta’ implimentazzjoni oħra (it-tieni motiv fil-Kawża T‑131/16 u l-ewwel motiv fil-Kawża T‑263/16);

–        it-tielet, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tad-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi bħala għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fid-dawl tal-assenza ta’ vantaġġ u tal-assenza ta’ selettività (it-tielet motiv fil-Kawża T‑131/16 u t-tieni u t-tielet parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑263/16);

–        ir-raba’, fuq il-ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn l-irkupru tal-għajnuna allegata kien ordnat b’mod żbaljat, inkluż mingħand gruppi li lilhom jappartjenu l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna (ir-raba’ u l-ħames motiv fil-Kawża T‑131/16 kif ukoll ir-raba’ motiv fil-Kawża T‑263/16).

158    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-motivi msemmija fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-punt preċedenti ta’ din is-sentenza kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikorsi fil-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16 huma fi stat li jiġu deċiżi fir-rigward ta’ dawn il-motivi u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwarhom f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130).

 Fuq l-allegat indħil tal-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta

 L-argumenti tal-partijiet

159    Ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, bħall-Irlanda fl-osservazzjonijiet tagħha fl-ewwel istanza, isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi tagħha billi użat id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat sabiex tiddetermina b’mod unilaterali elementi li jaqgħu fil-kompetenza fiskali esklużiva ta’ Stat Membru. Fil-fatt, id-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli għadha kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, bħalma għadu wkoll il-mod kif jiġu ntaxxati l-profitti ġġenerati minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan gruppi ta’ impriżi, anki jekk dan iwassal għal “assenza doppja ta’ tassazzjoni”. Issa, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti f’li deċiżjonijiet bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat filwaqt li dawn id-deċiżjonijiet ma jimxux ma’ applikazzjoni, meqjusa minnha bħala korretta, tal-prinċipju ta’ distakkament hija ekwivalenti għal armonizzazzjoni forzata tar-regoli dwar il-kalkolu tad-dħul taxxabbli, liema fatt ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

160    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, għalkemm l-Istati Membri għandhom awtonomija fiskali fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, kwalunkwe miżura fiskali adottata minn Stat Membru għandha tkun konformi mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

161    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat (sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 26, u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

162    L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni diretta filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ir-regoli stabbiliti mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, huma għandhom jastjenu milli jadottaw miżuri li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata li marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta eżaminat il-miżuri li jikkostitwixxu l-iskema inkwistjoni u vverifikat jekk dawn il-miżuri kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kif ukoll, fl-affermattiv, jekk l-imsemmija miżuri kinux kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

164    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni permezz tal-argumenti tar-Renju tal-Belġju bbażati, minn naħa, fuq l-assenza ta’ kompetenza fiskali biex jiġu ntaxxati l-profitti eċċessivi u, min-naħa l-oħra, fuq il-kompetenza tiegħu stess li jadotta miżuri intiżi li tiġi evitata t-taxxa doppja.

165    Fil-fatt, anki jekk jitqies li d-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet fiskali Belġjani fil-kuntest tal-iskema inkwistjoni kienu intiżi li jiddelimitaw il-portata tal-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Belġju, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt teżamina l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

166    Għalkemm, ċertament, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-indikazzjoni tal-valuri taxxabbli u t-tqassim tal-piż fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97), mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 162 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jadottaw miżuri li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. L-istess japplika għall-adozzjoni, mill-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam fiskali, ta’ miżuri neċessarji għall-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja.

167    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv fil-Kawża T‑131/16 u l-ewwel parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑263/16 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u l-aggravji l-oħra

168    Mill-motivi esposti fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel sat-tielet partijiet tal-aggravju uniku tal-Kummissjoni jirriżulta li t-tieni motiv fil-Kawża T‑131/16 u l-ewwel motiv fil-Kawża T‑263/16 li, kif jirriżulta mit-tieni inċiż tal-punt 157 ta’ din is-sentenza, huma essenzjalment ibbażati fuq il-konklużjoni żbaljata dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna f’dan il-każ, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

169    Min-naħa l-oħra, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fir-rigward tal-motivi bbażati, essenzjalment, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari fid-dawl tal-assenza ta’ vantaġġ jew tal-assenza ta’ selettività (it-tielet motiv fil-Kawża T‑131/16 u t-tielet motiv, it-tieni u t-tielet parti, fil-Kawża T‑263/16), kif ukoll tal-motivi bbażati, b’mod partikolari, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, inkwantu l-irkupru tal-allegata għajnuna ġie ordnat b’mod żbaljat, inkluż mill-gruppi li lilhom jappartjenu l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna (ir-raba’ u l-ħames motiv fil-Kawża T‑131/16 u r-raba’ motiv fil-Kawża T‑263/16).

170    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li peress li l-motivi mqajma mir-Renju tal-Belġju u minn Magnetrol International, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 intlaqgħu, ma kienx hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, dawn l-aggravji jimplikaw li jsiru evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija ma għandhiex il-punti ta’ fatt kollha neċessarji.

171    Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi msemmija fil-punt 169 ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

172    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal14 ta’ Frar 2019, IlBelġju u Magnetrol International vs IlKummissjoni (T131/16 u T263/16, EU:T:2019:91), hija annullata.

2)      L-ewwel u t-tieni motiv tar-rikors fil-Kawża T131/16 kif ukoll l-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors fil-Kawża T263/16 ma humiex ammessi.

3)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar it-tielet sal-ħames motivi tar-rikors fil-Kawża T131/16 kif ukoll fuq it-tieni motiv, it-tieni u t-tielet parti tat-tielet motiv kif ukoll ir-raba’ motiv fil-Kawża T263/16.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.