Language of document : ECLI:EU:C:2009:539

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2009 (*)

“Direttiva 2003/30/KE – Promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport – Direttiva 2003/96/KE – Qafas Komunitarju dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Taħlita ta’ żejt veġetali, ta’ additiv u ta’ karburant – Bijokarburanti – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Eżenzjoni fiskali – Sostituzzjoni tal-eżenzjoni b’obbligu ta’ osservanza ta’ parti minima ta’ bijokarburant fil-karburanti – Konformità mad-Direttivi 2003/30/KE u 2003/96/KE – Prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑201/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hessisches Finanzgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura

Plantanol GmbH & Co. KG

vs

Hauptzollamt Darmstadt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Plantanol GmbH & Co. KG, minn J. Runkel, amministratur,

–        għall-Hauptzollamt Darmstadt, minn M. Völlm u K. Goldmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn P. Mantle, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls, B. Schima u K. Gross, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 188), kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Plantanol GmbH & Co. KG u Hauptzollamt Darmstadt (awtorità doganali ta’ Darmstadt) dwar il-ħlas tat-taxxa fuq l-enerġija relatata max-xahar ta’ Mejju 2007.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-Direttiva 2003/30

3        Skont il-premessi 10, 12, 14, 19, 20, 22, u 27 tad-Direttiva 2003/30:

“(10) Il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti fit-trasport tikkostitwixxi pass lejn l-applikazzjoni iktar wiesgħa tal-bijomassa li tippermetti li l-bijokarburant jiġi żviluppat iktar fil-ġejjieni, filwaqt li ma jiġux esklużi għażliet oħra u, b’mod partikolari, l-għażla ta’ l-idroġenu.

[…]

(12)      Iż-żejt veġetali pur mill-pjanti taż-żejt prodott bil-pressa, l-estrazzjoni jew metodi paragunabbli, krud jew raffinat imma kimikament mhux modifikat, jista’ wkoll jintuża bħala bijokarburant f’każijiet speċifiċi meta l-użu tiegħu jkun kompatibbli mat-tip tal-magni involuti u l-ħtiġiet korrispondenti ta’ l-emissjonijiet.

[…]

(14)      Il-bijo-etanol u l-bijo-diesel, meta użati fil-vetturi fl-għamla pura jew bħala taħlita, għandhom jikkonformaw ma’ l-istandards tal-kwalità stabbiliti għalbiex jiġi żgurat it-twettiq ottimu tal-prestazzjoni tal-magna. […]

(19)      Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 1998 [ĠU C 210, p. 215], il-Parlament Ewropew sejjaħ għal żieda ta’ 2 % fis-sehem tas-suq tal-bijokarburanti fuq ħames snin permezz ta’ pakkett ta’ miżuri, inklużi l-eżenzjoni mit-taxxi, l-assistenza finanzjarja għall-industrija ta’ l-ipproċessar u li tiġi stabbilita rata obbligatorja ta’ bijokarburanti għall-kumpaniji taż-żejt.

(20)      Il-metodu ottimu għalbiex jiżdied is-sehem tal-bijokarburanti fis-swieq nazzjonali u Komunitarji jiddependi mid-disponibbiltà tar-riżorsi u tal-materji prima, fuq il-politika nazzjonali u Komunitarji għalbiex jiġu promossi l-bijokarburanti u fuq l-arranġamenti tat-taxxi, u fuq l-involviment xieraq ta’ dawk kollha kkonċernati u/jew huma partijiet.

[…]

(22)      Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-użu tal-bijokarburanti tista’ tikkontribwixxi għal tnaqqis fid-dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ l-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet tad-dinja-serra. B’żieda ma’ dan, il-bijokarburanti fl-għamla pura jew imħallta, jistgħu fil-prinċipju jintużaw fil-vetturi bil-mutur eżistenti u jużaw is-sistema korrenti tad-distribuzzjoni tal-karburanti tal-vetturi bil-mutur. It-taħlit tal-bijokarburanti mal-karburanti fossili jista’ jiffaċilita tnaqqis potenzjali fl-ispiża tas-sistema tad-distribuzzjoni fil-Komunità.

[…]

(27)      Għandhom jiġu introdotti miżuri għalbiex jiżviluppaw bil-ħeffa l-istandards tal-kwalità tal-bijokarburanti li għandhom jiġu użati fis-settur awtomotiv, kemm bħala bijokarburanti puri u kemm bħala komponent ta’ taħlit fil-bijokarburanti konvenzjonali. Għalkemm il-frazzjon bijodegradabbli ta’ l-iskart huwa potenzjalment għajn ta’ ultilità għalbiex jipproduċi l-bijokarburanti, l-istandard tal-kwalità għandu jqis it-tniġġis possibbli preżenti fl-iskart għalbiex jiġu evitati l-komponenti speċjali li jagħmlu ħsara lill-vettura jew li jikkawżaw id-deterjorazzjoni ta’ l-emissjonijiet.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/30 jipprovdi:

“Din id-Direttiva timmira li tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli sabiex jieħdu l-post tad-diesel jew il-petrol għall-iskopijiet tat-trasport f’kull Stat Membru, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-miri bħalma huma li jiġu sodisfatti l-impenji tal-bdil fil-klima, is-sigurtà tal-provvista li tiffavorixxi l-ambjent u l-promozzjoni ta’ għejun ta’ l-enerġija rinnovabbli.”

5        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin

(a)      “bijokarburanti” tfisser il-karburant likwidu jew gassus tat-trasport prodott mill-biomassa;

(b)      “biomassa” tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi mill-agrikoltura (inklużi s-sustanzi veġetali u ta’ l-annimali), il-forestrija u l-industriji li għandhom x’jaqsmu magħhom, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ l-iskart industrijali u muniċipali;

[…]

2. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala bijokarburanti mill-inqas il-prodotti elenkati hawn taħt:

(a)      “il-bijo-etanol”: etanol prodott mill-bijomassa u/jew il-frazzjon degradabbli ta’ l-iskart, għalbiex jintuża bħala bijokarburant;

(b)      “il-bijo-diesel”: metil-ester prodott miż-żejt veġetali jew ta’ l-annimali, tal-kwalità tad-diesel, għalbiex jintuża bħala bijokarburant;

[…]

(j)      “żejt pur veġetali”: żejt prodott mill-pjanti taż-żejt permezz tal-pressa, l-estrazzjoni jew proċeduri paragunabbli, krud jew raffinat imma kimikament mhux modifikat, meta kompatibbli mat-tip tal-magni involuti u l-ħtiġiet korrispondenti ta’ l-emissjonijiet.”

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      (a)   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi proporzjon minimu tal-bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli jitqiegħed fis-swieq tagħhom, u, għal dan l-effett, għandhom jiffissaw miri indikattivi nazzjonali

(b)      (i)   Valur tar-riferiment għal dawn il-miri għandu jkun ta’ 2 %, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kontenut ta’ l-enerġija, tal-petrol u d-diesel kollu għall-iskopijiet tat-trasport imqiegħda fis-swieq tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2005.

(ii)      Valur tar-riferiment għal dawn il-miri għandu jkun ta’ 5,75 %, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kontenut ta’ l-enerġija, tal-petrol u d-diesel kollu għall-iskopijiet tat-trasport imqiegħda fis-swieq tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2010.

2.      Il-bijokarburanti jistgħu jintgħamlu disponibbli f’kull waħda minn dawn l-għamliet:

(a)      bħala bijokarburanti puri jew f’konċentrazzjoni għolja fid-derivattivi taż-żjut minerali, skond standards speċifiċi tal-kwalità sabiex jiġu applikati fit-trasport;

(b)      bħala bijokarburanti mħallta mad-derivattivi taż-żjut minerali, skond in-normi approprjati Ewropej li jiddeskrivu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-karburanti tat-trasport (l-EN 228 u l-EN 590);

(ċ) bħala likwidi mnissla mill-bijokarburanti, bħalma huma l-ETBE (etil-terzjo-butil-etere), fejn il-perċentwal tal-bijokarburant ikun kif speċifikat fl-Artikolu 2(2).

[…]

4.      Fil-miżuri li jieħdu, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-klima ġenerali u l-bilanċ ambjentali tad-diversi tipi ta’ bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli u jistgħu jagħtu prijorità lill-promozzjoni ta’ dawk il-karburanti li juru bilanċ ambjentali effettv ħafna taħt il-profil tal-ġestjoni u l-ispejjeż, filwaqt ukoll li jqisu l-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista.

[…]”

 Id-Direttiva 2003/96/KE

7        Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405), għandha l-iskop li timponi, fuq il-livell Komunitarju, it-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija minbarra ż-żjut minerali biss li huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, fuq l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq żjut minerali (ĠU L 316, p. 12) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 264), u tad-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, fuq l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxi tas-Sisa fuq żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), kif emendata bid-Direttiva 94/74.

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija skont id-Direttiva.

9        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminoloġija “prodotti ta’ enerġija” għandha tapplika għall-prodotti:

(a)      li huma deskritti taħt Kodiċi [tan-Nomenklatura Magħquda, iktar ’il quddiem in-“NM”] 1507 sa 1518, jekk dawn il-prodotti se jintużaw bħala karburant li jsaħħan u karburant tal-karozzi;

(b)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;

[…]

3.      […]

Meta l-prodotti ta’ l-enerġija, minbarra dawk li għalihom hemm livell ta’ tassazzjoni speċifikata f’din id-Direttiva, ikunu intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan, dawn għandhom jiġu intaxxati skond l-użu, bl-istess rata tal-karburant li jsaħħan u l-karburant tal-karozzi.

[…]

5.      Referenzi f’din id-Direttiva għall-kodiċi ta[n-NM] għandhom ikunu għal dawk tar-Regulazzjoni [Regolament] tal-Kummissjoni (KE) No 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jbiddel Annex I tar-Regulazzjoni [Regolament] tal-Kunsill (KEE) No 2658/87 fuq it-tariffa u nomenklatura tal-istatistika u fuq it-tariffa doganali komuni [(ĠU L 279, p. 1)].

[…]”

10      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/96 jaqra kif ġej:

“1.      Stati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, japplikaw xi eżenzjoni jew rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni taħt kontroll fiskali fuq prodotti taxxabli li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 fejn dawn il-prodotti ikunu magħmula minn, jew ikollhom, wieħed jew iktar minn dawn il-prodotti li ġejjin:

–        prodotti li jaqgħu taħt Kodiċi NM 1507 sa 1518;

[…]

3.      L-eżenzjoni jew tnaqqis fit-tassazzjoni applikati minn Stati Membri għandhom jiġu aġġustati wara li tieħu in konsiderazzjoni it-tibdil fil-prezzijiet ta’ materja prima u b’hekk tevita ikkumpensar iktar milli suppost ta’ spejjeż oħra li jsiru minħabba manifattura ta’ prodotti riferuti fil-paragrafu 1.

[…]”

 Ir-Regolament Nru 2031/2001

11      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I tar-Regolament Nru 2031/2001, iż-żejt tal-kolza jaqa’ taħt l-intestatura 1514 tan-NM u n-nafta taqa’ taħt l-intestatura 2710 tan-NM.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali.

12      Il-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali (Mineralölsteuergesetz), kif emendata bil-liġi tat-23 ta’ Lulju 2002 li temenda l-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali u liġijiet oħrajn (BGBl. 2002 I, p. 2778, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali”), kienet tinkludi l-Artikolu 2a li, taħt it-titolu “Taxxi mnaqqsa għall-bijokarburanti”, kien jipprovdi:

“(1)      Ir-rati stabbiliti fl-Artikoli 2(1) u (3)(1) huma mnaqqsa sal-31 ta’ Diċembru 2008 għall-parti tal-bijokarburanti inklużi b’mod ipprovat fiż-żjut minerali previsti minn dawn l-Artikoli.

(2)      Il-bijokarburanti huma prodotti ta’ enerġija miksuba esklużivament minn bijomassa […]. Il-prodotti ta’ enerġija parzjalment miksuba minn bijomassa fis-sens tal-ewwel sentenza huma kkunsidrati bħala bijokarburanti skont il-parti inkwistjoni. Il-methylesters taż-żjut veġetali huma kkunsidrati bħala bijokarburanti.

(3)      Huwa l-Ministeru Federali tal-Finanzi […] li għandu jippreżenta kull sentejn lil Bundestag [il-kamra inferjuri tal-Parlament Federali] u għall-ewwel darba minn issa sal-31 ta’ Marzu 2004, rapport dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-bijokarburanti u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bijomassa u tal-petrol mhux irraffinat, kif ukoll il-prezzijiet tal-karburanti, u li għandu jipproponi f’dan ir-rapport, fejn ikun il-każ, adattament tat-tnaqqis tar-rati għall-bijokarburanti skont l-evoluzzjoni tas-suq.”

13      It-tieni liġi li temenda d-dispożizzjonijiet fiskali – liġi fiskali tal-2003 li temenda (Zweites Gesetz zur Änderung steuerrechtlicher Vorschriften – Steueränderungsgesetz 2003), tal-15 ta’ Diċembru 2003 (BGBl. 2003 I, p. 2645), emendat l-Artikolu 2a(1) u (2) tal-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali mill-1 ta’ Jannar 2004 sabiex testendi l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa għall-bijokarburanti sal-31 ta’ Diċembru 2009 u li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għall-bijokombustibbli. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu ġie emendat kif ġej:

“L-għoti ta’ rati mnaqqsa ma għandux iwassal għal kumpens żejjed tal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-produzzjoni tal-bijokarburanti u tal-bijokombustibbli msemmija fil-paragrafu 1; f’dan ir-rigward, il-Ministeru Federali tal-Finanzi […] għandu jippreżenta kull sena lill-Bundestag, u għall-ewwel darba minn issa sal-31 ta’ Marzu 2005, rapport dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-bijokarburanti u tal-bijokombustibbli u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bijomassa u tal-petrol mhux irraffinat kif ukoll tal-prezzijiet tal-karburanti u kombustibbli, u li jipproponi f’dan ir-rapport, f’każ ta’ kumpens żejjed tal-ispejjeż, adattament għall-evoluzzjoni tas-suq, li tirriżulta mill-prezzijiet tal-materji primi, mit-tnaqqis tar-rati favur il-bijokarburanti u tal-bijokombustibbli. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni effetti fuq il-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima, il-protezzjoni tar-riżorsi naturali, l-ispejjeż esterni tad-diversi karburanti, is-sigurtà tal-ħażniet u t-twettieq tal-għan dwar il-perċentwali minimu tal-bijokarburanti u karburanti rinovabbli oħrajn skont id-[Direttiva 2003/30].”

 Il-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija

14      Il-liġi dwar ir-riforma tat-tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u li temenda l-liġi dwar it-tassazzjoni tal-elettriku (Gesetz zur Neuregelung der Besteuerung von Energieerzeugnissen und zur Änderung des Stromsteuergesetzes), tal-15 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1534), filwaqt li tirreferi espliċitament għad-Direttivi 2003/30 u 2003/96, introduċiet, permezz tal-Artikolu 1 tagħha, il-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija (Energiesteuergesetz). Din l-aħħar liġi, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2006 u li tabroga sa minn din id-data l-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali, tissuġġetta l-bijokarburanti għat-tassazzjoni bħala “prodotti ta’ enerġija”.

15      L-Artikolu 50 tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, bit-titolu “Eżenzjoni għall-bijokarburanti u għall-bijokombustibbli” jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“(1)      Il-persuna taxxabbli tista’ titlob li tibbenefika minn eżenzjoni għall-prodotti ta’ enerġija intaxxati b’mod stabbilit li jinkludu l-bijokarburanti jew il-bijokombustibbli. […] Il-benefiċċju tal-eżenzjoni huwa mogħti, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-tielet sentenza tal-paragrafu 2, sal-31 ta’ Diċembru 2009.

(2)      L-eżenzjoni hija mogħtija għall-parti tat-taxxa relatata mal-parti tal-bijokarburant jew bijokombustibbli. B’deroga mill-ewwel sentenza, il-prodotti ta’ enerġija […] li jinkludu l-methylesthers ta’ aċidi grassi jew taż-żejt veġetali bħal bijokarburanti jibbenefikaw biss minn eżenzjoni parzjali għall-parti tal-methylesthers ta’ aċidi grassi jew taż-żejt veġetali. L-eżenzjoni titla’ għal

[…]

2.      għal kull 1 000 l ta’ żejt veġetali

sal-31 ta’ Diċembru 2007                            EUR 470.40

mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008 EUR 370.40

mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 EUR 290.40

mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010 EUR 210.40

mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 EUR 140.40

sa mill-1 ta’ Jannar 2012                            EUR 20.40

[…]”

16      L-Artikolu 50(4) tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija jipprovdi, l-istess bħad-dispożizzjonijiet preċedenti tal-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali, li l-eżenzjoni ma għandhiex twassal għal kumpens żejjed tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tal-bijokarburanti.

17      L-Artikolu 50 tal-liġi dwar l-enerġija ġie emendat mill-1 ta’ Jannar 2007 bil-liġi dwar l-introduzzjoni ta’ obbligu fil-qasam tal-bijokarburanti permezz ta’ emenda tal-liġi federali dwar il-protezzjoni kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti u ta’ emenda tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ tassazzjoni tal-enerġija u tal-elettriku (Gesetz zur Einführung einer Biokraftstoffquote durch Änderung des Bundes-Immissionsschutzgesetzes und zur Änderung energie- und stromsteuerrechtlicher Vorschriften), tat-18 ta’ Diċembru 2006 BGBl. 2006 I, p. 3180, iktar ’il quddiem il-“liġi li tintroduċi obbligu fil-qasam tal-bijokarburanti”). Filwaqt li tirreferi espliċitament għad-Direttivi 2003/30 u 2003/96, din l-aħħar liġi tfittex, f’parti kbira, li tissostitwixxi l-vantaġġ fiskali mogħti lill-bijokarburanti b’obbligu ta’ taħlit jew ta’ bejgħ ta’ parti minima ta’ bijokarburanti.

18      L-Artikolu 50(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, kif emendat bil-liġi li tintroduċi obbligu fil-qasam tal-bijokarburanti, b’hekk jillimita minn dan il-mument, fil-punt 1 tiegħu, l-eżenzjoni għall-bijokarburanti puri biss, jiġifieri dawk li mhumiex imħallta ma’ prodotti ta’ enerġija oħrajn, bl-eċċezzjoni madankollu, skont il-punti 2 u 3, tal-bijokarburanti “li partikolarment ħaqqhom l-għajnuna”. Dawn tal-aħħar, elenkati fil-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 50 jinkludu, b’mod partikolari, l-idrokarburi sintetiċi jew it-taħlit ta’ dawn il-prodotti permezz ta’ trasformazzjoni termokimika tal-bijomassa, imsejjħa “BtL”, kif ukoll il-prodotti ta’ enerġija li jinkludu parti ta’ bejn 70 sa 90 % ta’ bijoetanol, imsejjħa “E85”.

 Il-liġi federali dwar il-protezzjoni kontra l-emissjonijiet ta’ inkwinanti

19      Il-liġi li tintroduċi obbligu fil-qasam tal-bijokarburanti emendat ukoll, sa mill-1 ta’ Jannar 2007, il-liġi federali dwar il-protezzjoni kontra l-emissjonijiet ta’ inkwinanti (Bundes‑Immissionsschutzgesetzes), tas-26 ta’ Settembru 2002 (BGBl. 2002 I, p. 3830), billi stabbiliet, fl-Artikolu 37a(3) tagħha, il-parti minima ta’ bijokarburant li għandu jiġi inkluż fil-kwantità totali ta’ karburant ikkummerċjalizzat. Skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, din il-parti minima tista’ tkun żgurata permezz ta’ taħlit mal-petrol jew nafta jew permezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-bijokarburant pur.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkummerċjalizza fil-Ġermanja sa mis-sena 2005 karburant, li jismu “Plantanol-Diesel”, li jinkiseb mit-taħlita, f’tank ta’ trakk immodifikat għal dan l-iskop, ta’ żejt veġetali verġni, f’dan il-każ iż-żejt tal-kolza raffinat (60 % fis-sajf u 50 % fix-xitwa), ta’ nafta ta’ oriġini fossili (37 % fis-sajf u 47 % fix-xitwa) u ta’ additivi speċifiċi (3 %). Dan il-prodott huwa intiż għal diversi flotot ta’ vetturi tal-komun kif ukoll għal kumpannija ta’ servizz ta’ trasport pubbliku ta’ Frankfurt am Main.

21      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Plantanol-Diesel, li huwa konformi mal-eżiġenzi tal-istandard DIN V 51605, jista’ jintuża kemm fil-muturi diżil f’mudelli antiki kif ukoll fil-mudelli moderni b’injezzjoni diretta mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi installat tagħmir ġdid jew li jsir bdil tekniku fuq il-livell ta’ muturi tal-vetturi kkonċernati. Barra minn hekk, ċerti studji enfasizzaw il-vantaġġi ta’ dan il-prodott meta mqabbel mal-karburanti fossili mill-perspettiva tal-emissjonijiet tal-partiċelli ta’ nugrufun, tal-bilanċ CO2, tal-konsum u tal-poter kanċeroġenu.

22      Il-Hauptzollamt Darmstadt, wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2007, tal-Artikolu 50(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, kif emendata bil-liġi li daħħlet obbligu fil-qasam tal-bijokarburanti, talab mingħand ir-rikorrenti l-ħlas tat-taxxa fuq il-prodotti ta’ enerġija għall-perijodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Mejju 2007, f’dak li jikkonċerna l-parti ta’ żejt veġetali li tinsab fil-“Plantanol-Diesel”.

23      Matul proċeduri għal miżuri provviżorji li kellu quddiemu, il-Hessisches Finanzgericht, b’digriet tat-2 ta’ Ottubru 2007, issospenda l-avviż tat-taxxa fir-rigward tax-xhur ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2007, minħabba li kellu dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-imsemmi Artikolu 50(1)(1) mad-Direttiva 2003/30. B’digriet tal-14 tal-April 2008, il-Bundesfinanzhof annulla dan id-digriet għal miżuri provviżorji.

24      Fl-10 ta’ Ottubru 2007, il-Hauptzollamt Darmstadt ċaħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar l-avviż tat-taxxa għax-xahar ta’ Mejju 2007.

25      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Hessisches Finanzgericht.

26      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din l-aħħar qorti tqis li l-Artikolu 50(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, kif emendata bil-liġi li ddaħħal obbligu fil-qasam tal-bijokarburanti, hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju.

27      Fl-ewwel lok, l-imsemmija qorti tikkunsidra li din id-dispożizzjoni, sa fejn tieqaf milli teżenta l-parti tal-bijokarburanti li tirriżulta miż-żejt veġetali verġni f’taħlita ta’ karburanti, hija kuntrarja għad-Direttiva 2003/30. Fil-fatt, billi tittratta bl-istess mod il-partijiet ta’ taħlit tal-karburanti li jirriżultaw minn bijokarburanti u dawk li jirriżultaw minn karburanti fossili, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhijiex iktar f’pożizzjoni li tilħaq l-oġġettiv ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet tal-effett serra fit-trasport. Barra minn hekk, it-twaqqif ta’ din l-eżenzjoni ma ta lok għall-ebda evalwazzjoni fir-rigward tal-effett tagħha fuq il-kriterji ta’ żvilupp sostenibbli. Il-leġiżlatur nazzjonali kkunsidra wkoll b’mod żbaljat li dan it-twaqqif huwa neċessarju sabiex ikun evitat kumpens żejjed.

28      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmija dispożizzjoni hija kuntrarja għal ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Din hija kuntrarja għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li l-operaturi ekonomiċi ma setgħux jipprevedu l-adozzjoni tagħha, minħabba li l-leġiżlazzjoni Komunitarja ma ġietx emendata matul dan iż-żmien, u minħabba li ma kienet prevista l-ebda miżura provviżorja. Issa, id-Direttiva 2003/30 hija bbażata fuq il-premessa fejn il-bijokarburanti kollha, kemm jekk ikunu użati fl-istat pur jew jekk imħallta, jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet previsti. Din l-istess dispożizzjoni hija wkoll kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li mhijiex neċessarja sabiex tippreserva b’mod effiċjenti d-dħul fiskali. Fil-fatt, minn naħa, ma kienet saret l-ebda evalwazzjoni ta’ dan it-telf u, min-naħa l-oħra, kienet iddaħħlet eżenzjoni ġdida fl-istess ħin favur il-bijokarburanti “li partikolarment ħaqqhom l-għajnuna”, liema jikkostitwixxu wkoll bijokarburanti mħallta.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hessisches Finanzgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/30 […] jipprekludi, fid-dawl b’mod partikolari tal-premessi 10, 12, 14, 19, 22 u 27 ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-ewwel punt tal-Artikolu 50(1) tal-liġi dwar l-intaxxar tal-enerġija […], emendat bil-liġi [li tintroduċi obbligu fil-qasam tal-bijokarburanti], li jeskludi mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni mit-taxxi l-parti ta’ taħlita ta’ bijokarburanti li tikkonsisti f’bijokarburant magħmul minn żejt veġetali li jikkorrispondi għall-istandard DIN V 51605 (fil-verżjoni tiegħu f’Lulju 2006) inkluż fit-taħlita ta’ karburanti?

(2)      Il-prinċipji tad-dritt Komunitarju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeżiġu li Stat Membru jkun jista’ jemenda, bi ħsara għall-impriżi li jibbenefikaw minnhom, id-dispożizzjonijiet adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva [2003/30] u li għandhom bħala għan l-istabbiliment ta’ sistema li tikkonsisti f’vantaġġi fiskali mqassmin fuq diversi snin, biss f’ċirkustanzi ferm eċċezzjonali matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tas-sistema inkwistjoni?”

30      Il-qorti tar-rinviju, billi kkunsidrat li l-imsemmija domandi kienu jeħtieġu risposta urġenti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt minn naħa, li s-sopravivenza ekonomika tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li temporanjament issospendiet l-attivitajiet tagħha sa mill-15 ta’ Lulju 2007, tiddependi mir-riżultat tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li din għandha effett ekonomiku kunsiderevoli lil hinn mill-kawża inkwistjoni, minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tneħħi kull valur tal-investimenti li saru, permezz tal-vantaġġi fiskali, sabiex tippromwovi l-iżvilupp tal-bijokarburanti, hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapplika l-proċedura mħaffa għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura.

31      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Lulju 2008, billi kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a ma kinux issodisfatti.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

32      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/30 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mis-sistema ta’ eżenzjoni fiskali prevista minn din favur bijokarburanti, prodott, bħal dak fil-kawża prinċipali, li jirriżulta minn taħlita ta’ żejt veġetali, nafta fossili u additivi speċifiċi.

33      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat mill-ewwel li, minkejja li d-Direttiva 2003/30 tfittex, skont l-Artikolu 1, li tippromwovi l-użu ta’ bijokarburanti sabiex jissostitwixxu nafta jew il-petrol għal fini ta’ trasport f’kull Stat Membru, fuq dawn tal-aħħar ma timponi l-ebda miri vinkolanti f’dak li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ parti minima ta’ bijokarburanti.

34      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, din tillimita ruħha sabiex tipprovdi, skont it-termini tagħha, li l-imsemmija Stati “għandhom”, bl-iffissar ta’ miri nazzjonali “indikattivi”, jiżguraw li tali proporzjon minimu, liema, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kontenut tal-enerġija, huwa stabbilit mill-paragrafu (1)(b) ta’ dan l-artikolu, rispettivament, għall-31 ta’ Diċembru 2005, għal 2 % u, għall-31 ta’ Diċembru 2010, għal 5.75 % tal-kwantità totali ta’ petrol u ta’ nafta li jitqiegħed għall-bejgħ fuq is-suq nazzjonali għal skopijiet ta’ trasport.

35      Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2003/30 ma timponiex ukoll fuq l-Istati Membri l-mezzi li għandhom jintużaw sabiex jintlaħqu dawn il-miri indikattivi, imma tħallilhom, f’dan ir-rigward, l-għażla ħielsa fir-rigward tan-natura tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, b’hekk l-imsemmija Stati għandom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 20 ta’ din id-direttiva, id-disponibbiltà tar-riżorsi u tal-materji primi kif ukoll tal-politika nazzjonali fir-rigward tal-promozzjoni tal-bijokarburanti.

36      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/30 ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jdaħħlu jew li jżommu fis-seħħ sistema ta’ eżenzjoni fiskali favur il-bijokarburanti. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 19 ta’ din id-direttiva li, jekk sistema ta’ eżenzjoni fiskali tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi għad-dispożizzjoni tal-imsemmija Stati Membri sabiex jilħqu l-għanijiet previsti mill-imsemmija Direttiva, mezzi oħrajn huma wkoll possibbli, bħall-għajnuna finanzjarja lill-industrija tal-ipproċessar jew l-iffissar ta’ perċentwali obbligatorju ta’ bijokarburanti għall-kumpanniji taż-żejt.

37      Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2003/30 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ukoll setgħa diskrezzjonali wiegħsa’ rigward il-prodotti li huma jixtiequ jippromwovu sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minnha, u li l-imsemmija Stati jistgħu jagħżlu li jagħtu prijorità lil ċerti tipi ta’ bijokarburanti fid-dawl tal-bilanċ globali tagħhom klimatiku u ambjentali, ta’ kemm huma profittabbli kif wkoll tal-kompetittività u s-sigurtà tal-provvisti.

38      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma jista’ jkun dedott l-ebda dritt għal eżenzjoni fiskali, iktar u iktar favur prodott speċifiku.

39      Kuntrarjament għal dan, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, l-obbligu li jintaxxaw prodott bħal dak fil-kawża prinċipali, peress li dan, li jirriżulta minn taħlita ta’ nafta fossili li taqa’ taħt l-intestatura 2710 tan-NM, kif ukoll ta’ żejt veġetali, f’dan il-każ żejt tal-kolza, li jaqa’ taħt l-intestatura 1514 tan-NM, u minn additivi, intiżi sabiex jintużaw bħala kombustibbli jew karburanti, jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2(1)(a) u (b) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, ta’ din id-direttiva, “prodott ta’ enerġija” fis-sens tal-imsemmi artikolu (ara, f’dan ir-rigward, sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Afton Chemical, C‑517/07, Ġabra p. I‑10427, punt 40).

40      Madankollu, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeżentaw jew li japplikaw rati ta’ tassazzjoni mnaqqsin għal tali prodotti ta’ enerġija (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana, C‑145/06 u C‑146/06, Ġabra p. I‑5869, punt 36).

41      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/30 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli teskludi mis-sistema ta’ eżenzjoni fiskali prevista minn din favur il-bijokarburanti, prodott, bħal dak fil-kawża prinċipali, li jirriżulta minn taħlita ta’ żejt veġetali, nafta fossili u addittivi speċifiċi.

 Fuq it-tieni domanda

42      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux Stat Membru milli jikkanċella, fir-rigward ta’ prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qabel id-dħul fis-seħħ previst inizjalment mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali li kienet applikabbli għal dan il-prodott. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tfittex li ssir taf, f’dan ir-rigward, jekk tali kanċellazzjoni hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

43      Hemm lok li jitfakkar li l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali huma parti mis-sistema legali Komunitarja. Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu rrispettati mill-istituzzjonijiet Komunitarji, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilhom mid-direttivi Komunitarji (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1998, Belgocodex, C‑381/97, Ġabra, p. I‑8153, punt 26, u tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen”, C‑376/02, Ġabra p. I‑3445, punt 32, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt, C‑271/06, Ġabra p. I‑771, punt 18).

44      Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tfittex li tittrasponi fis-sistema legali interna tal-Istat Membru kkonċernat id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/30 u 2003/96, għandha tirrispetta dawn il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

45      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha teżamina jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mal-imsemmija prinċipji (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Federation of Technological Industries et, C‑384/04, Ġabra p. I‑4191, punt 34; tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka, C‑181/04 sa C‑183/04, Ġabra p. I‑8167, punti 35 u 36, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, Ġabra p. I‑5641, punt 72), minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta taqta’ r-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li joħorġu mid-dritt Komunitarju li jistgħu jippermettulha li tevalwa din il-konformità (ara, b’mod partikolari, sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et, C‑286/94, C‑340/95, C‑401/95 u C‑47/96, Ġabra p. I‑7281, punt 49).

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeħtieġ, minn naħa li r-regoli ta’ liġi jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni kkonċernati (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20; tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma, C‑107/97, Ġabra I‑3367, punt 66, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 80). Dan ir-rekwiżit japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi piżijiet finanzjarji, sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu bi preċiżjoni l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C‑17/01, Ġabra p. I‑4243, punt 34).

47      Rigward ir-rekwiżit ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li kkanċellat is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfah.

48      Rigward in-natura prevedibbli tal-kanċellazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni fiskali inkwisjoni, għandu jiġi osservat li, anki jekk din il-kanċellazzjoni tapplika biss għall-futur u li għalhekk ma poġġietx f’dubju l-eżenzjoni miksuba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għas-snin 2005 u 2006, kemm il-liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali, fil-verżjoni tagħha li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004, kif ukoll il-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, fil-verżjoni tagħha li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2006, jipprevedu l-applikazzjoni ta’ din is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali sad-data tal-31 ta’ Diċembru 2009. Madankollu f’dak li jikkonċerna l-bijokarburanti bħall-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-liġi adottata iktar tard fit-18 ta’ Diċembru 2006 ikkanċellat b’mod antiċipat din is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali b’effett sa mill-1 ta’ Jannar 2007.

49      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jirrikjediex li ma tkunx saret emenda leġiżlattiva, imma jirrikjedi pjuttost li l-leġiżlatur jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet partikolari tal-operaturi ekonomiċi u jipprovdi, jekk ikun neċessarju, adattamenti għar-regoli legali l-ġodda (ara sentenza VEMW et, iċċitatata iktar ’il fuq, punt 81).

50      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li, anki jekk il-prodotti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għadhomx eżenti mit-taxxa dwar il-prodotti ta’ enerġija, madankollu dawn jistgħu jibbenefikaw mis-sistema, imwaqqfa fl-istess ħin mill-imsemmija liġi, li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq il-fornituri ta’ karburanti tal-osservanza ta’ parti minima obbligatorja ta’ bijokarburant fil-karburanti.

51      Madankollu, f’dak li jikkonċerna iktar speċifikament il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur nazzjonali kkanċella b’mod antiċipat sistema ta’ eżenzjoni fiskali li fiha kien iktar qabel indika darbtejn, permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tagħha li din is-sistema kienet ser tinżamm fis-seħħ sa data ta’ skadenza ulterjuri li hija b’mod ċar ippreċiżata.

52      Hemm lok li jiġi ammess li operatur ekonomiku, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li beda l-attivitajiet tiegħu taħt is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali favur il-bijokarburanti u li, għal dan il-għan, għamel investimenti għoljin huwa suxxettibbli li jkun affettwat b’mod kunsiderevoli fl-interessi tiegħu minn kanċellazzjoni antiċipata ta’ din is-sistema, u dan iktar u iktar meta, dan jiġi effettwat b’mod imprevedibbli u għall-għarrieda, mingħajr ma jitħallilu ż-żmien neċessarju sabiex jadatta ruħu għas-sitwazzjoni leġiżlattiva l-ġdida.

53      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li jkunu tnisslu fih tamiet fondati minn xi awtorità nazzjonali. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura tali li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta tiġi adottata din il-miżura. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi mhumiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom f’li tinżamm fis-seħħ sitwazzjoni eżistenti li l-bidla tagħha qiegħda fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I‑6911, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 81).

54      F’dan ir-rigward, dwar l-aspettattivi li persuna taxxabbli jista’ jkollha dwar l-applikazzjoni ta’ vantaġġ fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta direttiva fil-qasam fiskali tħalli setgħat wiegħsa lill-Istati Membri, emenda leġiżlattiva adottata skont id-direttiva ma tistax tkun ikkunsidrata bħala imprevedibbli (ara sentenza tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C‑487/01 u C‑7/02, Ġabra p. I‑5337, punt 66).

55      Issa, kif jirriżulta mill-punti 33 sa 37 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiegħsa fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2003/30 u, b’mod partikolari, jistgħu, għal dan il-għan, jipprovdu l-iffissar ta’ perċentwali obbligatorju ta’ bijokarburanti għall-kumpanniji taż-żejt.

56      Konsegwentement, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li kkanċellat is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni għandha l-għan li timponi l-osservanza ta’ parti minima obbligatorja ta’ bijokarburanti fil-karburanti, ma jistax ikun meħtieġ li din il-kanċellazzjoni, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

57      Madankolu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk operatur ekonomiku prudenti u informat setax ikun fil-pożizzjoni li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali kanċellazzjoni f’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali. Fir-rigward tas-sistema prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa fid-dawl tal-modalitajiet ta’ informazzjoni normalment użati mill-Istat Membru li adottaha u taċ-ċirkustanzi tal-każ li l-imsemmija qorti għandha tevalwa, b’mod globali u in concreto, jekk l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi intiżi minn din il-liġi ġewx debitament irrispettati (ara, f’dan is-sens, sentenza “Goed Wonen”, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

58      F’dan ir-rigward, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll matul is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrilevat, mingħajr oppożizzjoni fuq dan il-punt minn Hauptzollamt Darmstadt, li dan tal-aħħar, meta kien ikkuntattjat minnha matul ix-xahar ta’ Jannar 2007, injora l-kontenut tal-emendi li saru lil-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija permezz ta’ liġi li tintroduċi obbligu fil-qasam tal-bijokarburanti, minħabba li l-formoli l-ġodda tad-dikjarazzjoni tat-taxxa mitluba wara li saru dawn l-emendi kienu baqgħu indisponibbli sa nofs Marzu 2007, b’mod li l-imsemmija rikorrenti kompliet tagħmel dawn id-dikjarazzjonijiet bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu 2007 fuq il-formoli l-antiki. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali enfasizzat ukoll li, minħabba li l-irtirar antiċipat tal-vantaġġ fiskali mogħti mil-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija kien sar permezz ta’ liġi separata, din kellha quddiemha l-applikazzjoni ta’ żewġ liġijiet, li minnhom waħda kienet tipprovdi eżenzjoni fiskali, filwaqt li l-oħra kienet tikkanċellaha.

59      Ma jistax jiġi eskluż li dawn iċ-ċirkustanzi jew uħud fosthom huma ta’ natura li jindikaw, li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kanċellazzjoni tal-eżenzjoni fiskali inkwistjoni, li daħlet fis-seħħ fi ftit żmien, ma kinitx għadha ġiet irreklamata b’mod adegwat fost il-persuni interessati, li l-Hauptzollamt Darmstadt ikkontesta matul is-seduta, u għalhekk l-aċċess għal-liġi nazzjonali applikabbli kien inqas faċli għall-persuni inkwistjoni.

60      Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk operatur ekonomiku prudenti u informat setax ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-possibbiltà tal-imsemmija kanċellazzjoni f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi differenti li kienu jeżistu qabel dan id-dħul fis-seħħ. F’dan ir-rigward, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġu rrilevati, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin li jirriżultaw mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u li jikkonċerna l-kuntest leġiżlattiv kemm dak nazzjonali kif ukoll dak Komunitarju.

61      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali, li, għal impriża żgħira u medja bħal dik fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi l-qafas legali l-iktar aċċessibbli, hemm lok li jiġi enfasizzat li, sa mill-2004, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li daħħlet is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni kienet tipprevedi, skont, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/96, li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jeżaminaw mill-ġdid l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis ta’ tassazzjoni applikati għall-bijokarburanti minħabba l-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-materji primi sabiex ikun żgurat li dawn il-vantaġġi fiskali ma jwasslux għal kumpens żejjed tal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-produzzjoni tal-bijokarburanti.

62      F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, li l-kanċellazzjoni tal-eżenzjoni fiskali favur prodotti mħallta bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet immotivata, f’parti minnha, min-neċessità li jintemm dan il-ħlas żejjed. Madankollu, ikun xi jkun, tali dispożizzjoni leġiżlattiva kienet fi kwalunkwe każ ta’ natura li tindika mill-ewwel lill-operaturi ekonomiċi prudenti u informati li s-sistema ta’ eżenzjoni fiskali applikabbli għall-bijokarburanti kienet suxxettibbli li tkun adattata, jew imħassra, mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi esterjuri u li, għaldaqstant, l-ebda ċertezza fiż-żamma ta’ tali sistema matul il-perijodu determinat ma setgħet tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

63      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni, it-tħassir tas-sistema ta’ eżenzjoni fiskali applikabbli għall-bijokarburanti bħal dak fil-kawża prinċipali kien imħabbar permezz tal-ftehim ta’ koalizzjoni konkluż fil-11 ta’ Novembru 2005 mill-maġġoranza l-ġdida fil-gvern, fejn din esprimiet, f’dan il-ftehim, l-intenzjoni tagħha li tissostitwixxi l-vantaġġi fiskali differenti favur il-bijokarburanti bl-osservanza ta’ obbligu dwar it-taħlita tal-bijokarburanti. Mill-osservazzjonijiet tal-Hauptzollamt Darmstadt jirriżulta wkoll li din il-miżura kienet ġiet imħabbra minn proġett ta’ liġi tas-6 ta’ April 2006. Barra minn hekk, din l-istess awtorità doganali spjegat matul is-seduta li kienu saru skambji importanti f’dan ir-rigward mal-partijiet interessati matul l-2006.

64      Madankollu, hemm lok ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, ħames xhur qabel ma tħassret is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali favur il-bijokarburanti bħall-prodotti fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur nazzjonali, permezz tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2006, ikkonferma d-data tal-31 ta’ Diċembru 2009 bħala data ta’ skadenza tal-imsemmija sistema, filwaqt li ppreveda, fir-rigward tal-bijokarburanti li jirriżultaw, fil-każ tal-imsemmi prodott, minn żjut veġetali, it-tħassir progressiv ta’ din is-sistema permezz ta’ stadji suċċessivi ta’ tnaqqis tar-rati tal-eżenzjoni mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-aħħar tas-sena 2012.

65      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn tali ċirkustanza, li kienet tirrifletti l-volontà tal-leġiżlatur nazzjonali, sa nofs l-2006, li jżomm fis-seħħ is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni, setgħet tikkostitwixxi indiċi, għal operatur informat u prudenti, li l-imsemmija sistema kienet se tkompli tapplika tal-inqas sad-data ta’ skadenza prevista fil-bidu, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll, parzjalment sal-2012. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-konvinzjoni ta’ tali operatur fuq dan il-punt setgħet tissaħħaħ bil-fatt li din iż-żamma fis-seħħ kienet ġiet deċiża wara d-diversi komunikazzjonijiet, imsemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li jindikaw li din is-sistema kienet ser titħassar.

66      Fit-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv Komunitarju, hemm lok li jiġi rrilevat li l-imsemmija leġiżlazzjoni, matul il-perijodu inkwistjoni, ma nbidlet qatt. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn tali ċirkustanza setgħet tindika lil operatur informat u prudenti li l-liġi nazzjonali li għandha bħala għan li tittrasponi din il-leġiżlazzjoni kienet għadha ma nbidlitx, minkejja l-fatt li, kif ġie indikat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/30 tagħti setgħa diskrezzjonali wiegħsa lill-Istati Membri fir-rigward tan-natura tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi minn din id-direttiva.

67      Għalhekk għandu jiġi konkluż li fid-dawl tal-elementi preċedenti, kif ukoll ta’ kull ċirkustanza oħra rilevanti tal-kawża li għandha quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali li għandha ssir in concreto, jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala operatur prudenti u informat, kellhiex elementi biżżejjed sabiex jippermettulha tkun f’sitwazzjoni li tistenna li s-sistema ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni tkun imħassra qabel id-data li kienet inizjalment prevista għall-iskadenza ta’ din is-sistema.

68      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi bħala prinċipju ma jipprekludux lil Stat Membru milli, fir-rigward ta’ prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jħassar, qabel id-data tal-iskadenza prevista inizjalment mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali li kienet applikabbli għalih. Fi kwalunkwe każ, tali tħassir ma jeżiġix l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali li għandha ssir in concreto, jekk l-imsemmija prinċipji ġewx irrispettati fil-kawża prinċipali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti għal din.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli teskludi mis-sistema ta’ eżenzjoni fiskali prevista minn din favur il-bijokarburanti, prodott, bħal dak fil-kawża prinċipali, li jirriżulta minn taħlita ta’ żejt veġetali, nafta fossili u addittivi speċifiċi.

2)      Il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi bħala prinċipju ma jipprekludux lil Stat Membru milli, fir-rigward ta’ prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jħassar, qabel id-data tal-iskadenza prevista inizjalment mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-sistema ta’ eżenzjoni fiskali li kienet applikabbli għalih. Fi kwalunkwe każ, tali tħassir ma jeżiġix l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali li għandha ssir in concreto, jekk l-imsemmija prinċipji ġewx irrispettati fil-kawża prinċipali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti għal din.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.