Language of document : ECLI:EU:C:2022:21

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

13 ta’ Jannar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpanniji – Taxxa fuq il-kumpanniji – Kontroll fiskali – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 51(1) – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Assenza – Ir-Raba’ Direttiva 78/660/KEE – Kontabbiltà annwali ta’ ċerti forom ta’ kumpanniji – Kontabilizzazzjoni ta’ dħul minn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Artikolu 2(3) – Prinċipju ta’ stampa vera u ġusta – Artikolu 31 – Evalwazzjoni tal-entrati inklużi fil-kontijiet annwali – Osservanza tal-prinċipji ta’ kontabbiltà”

Fil-Kawża C‑363/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura

Marcas MC Szolgáltató Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Passer (Relatur), President tas‑Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat‑Tmien Awla, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Marcas MC Szolgáltató Zrt., minn B. Tóásó, ügyvéd,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Maddalo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn G. Braun, V. Uher u L. Havas, sussegwentement minn G. Braun, V. Uher u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 47 u 54 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 31 tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu [50(2)(g) TFUE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), kif emendata mid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 273) (iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Marcas MC Szolgáltató Zrt. (iktar ’il quddiem “Marcas”) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat għall‑Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l‑Ungerija) (iktar ’il quddiem “l-amministrazzjoni fiskali”), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonstatat insuffiċjenza ta’ taxxa fuq Marcas u imponiet fuqha interessi moratorji kif ukoll multa fiskali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 2 tar-Raba’ Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1. Il-kontijiet annwali għandhom jikkomprendu l-karta tal-bilanċi, l-kont ta’ qligħ u telf u n-noti dwar il-kontijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jikkostitwixxu xi ħaġa sħiħa u komposta.

[…]

2. Huma għandhom isiru b’mod ċar u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

3. Il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta ta’ l-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija.

[…]

5.      Meta f’każijiet eċċezzjonali l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun inkompatibbli ma’ l-obbligu speċifikat fil-paragrafu 3, wieħed għandu jitbiegħed minn dik id-dispożizzjoni sabiex tingħata stampa vera u ġusta fis-sens tal-paragrafu 3. Kull tbegħid bħal dak għandu jintwera fin-noti dwar il-kontijiet flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunijiet għal dan u dikjarazzjoni dwar l-effett tiegħu fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ u telf. L-Istati Membri jistgħu jfissru l-każijiet eċċezzjonali relattivi u jispeċifikaw ir-regoli rilevanti u speċjali.

[…]”

4        Skont l-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, li jagħmel parti mit-Taqsima 7 tagħha, intitolata “Regoli ta’ valutazzjoni”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-entrati kollha murija fil-kontijiet annwali huma valutati skond il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)      il-kumpannija għandha tiġi meqjusa li tkun qed tmexxi l-kummerċ tagħha bħala waħda li miexja tajjeb;

(b)      il-metodi ta’ valutazzjoni għandhom jiġu applikati konsistentement minn sena finanzjarja waħda għall oħra;

(ċ)      il-valutazzjoni għandha ssir fuq bażi prudenti, u b’mod partikolari:

(aa)      profitti biss magħmula fid-data tal-karta tal-bilanċ jistgħu jkunu magħduda,

bb)      għandu jittieħed qies tal-passiv kollha li jinqalgħu matul is-sena finanzjarja konċernata jew is-sena ta’ qabel, ukoll jekk dawn l-passiv jiġu jidhru biss bejn id-data tal-karta ta’ bilanċ u d-data ta’ meta jinkitbu;

(ċċ)      għandu jittieħed kont tad-deprezzament kollu, kemm jekk ir-riżultat tas-sena finanzjarja ikun ta’ telf u kemm jekk ikun ta’ qligħ;

(d)      għandu jittieħed kont tad-dħul u l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mas-sena finanzjarja, irrispettivament mid-data ta’ meta dawn id-dħul jew spejjeż ikunu riċevuti jew imħallsa;

(e)      il-komponenti ta’ entrtaturi ta’ l-attiv u l-passiv għandhom jiġu valutati separatament;

(f)      il-karta tal-ftuħ tal-bilanċi għal kull sena finanzjarja għandha taqbel mal-karta tal-bilanċ li tagħlaq għas-sena finanzjarja ta’ qabel.

[…]

2.      It-tbegħid minn dawn il-prinċipji ġenerali għandu jitħalla f’każijiet eċċezzjonali. Kull tbegħid bħal dak għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet u r-raġunijiet għalihom għandhom jingħataw flimkien ma’ valutazzjoni ta’ l-effett tagħhom fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew telf.”

 Iddritt Ungeriż

5        L-Artikolu 1(5) tal-a társasági adóról és az osztalékadóról szóló 1996. évi LXXXI. törvény (il-Liġi Nru LXXXI tal‑1996, dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-Dividendi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-Dividendi”), jistabbilixxi:

“Din il-liġi għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Kontabbiltà u skont dawn id-dispożizzjonijiet. Id-derogi mir-rekwiżiti tal-Liġi tal-Kontabbiltà intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta ma jistgħux ikollhom bħala riżultat li jbiddlu l-ammont tat-taxxa dovuta.”

6        L-Artikolu 7(1)(s) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-Dividendi jiddisponi:

“Dak li jirriżulta qabel l-impożizzjoni tat-taxxa għandu jitnaqqas: b’50 fil-mija tad-dħul ikkontabilizzat bħala qligħ qabel l-impożizzjoni tat-taxxa tas-sena fiskali abbażi tat-tariffi miġbura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 14.”

7        L-Artikoli 15 u 16 tal-a számvitelrġl szóló 2000. évi C. törvény (il-Liġi C tal‑2000, dwar il-Kontabbiltà) (Magyar Közlöny 2000/95. (IX. 21.), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-Kontabbiltà”) jinkludu l-prinċipji bażiċi li l-persuna taxxabbli għandha tosserva waqt l-istabbiliment u ż-żamma tal-kontijiet. Dawn il-prinċipji huma s-segwenti:

–        il-prinċipju ta’ kontinwità tal-operat (Artikolu 15(1));

–        il-prinċipju ta’ kompletezza (Artikolu 15(2));

–        il-prinċipju ta’ sinċerità (Artikolu 15(3));

–        il-prinċipju ta’ ċarezza (Artikolu 15(4));

–        il-prinċipju ta’ permanenza tal-metodi (Artikolu 15(5));

–        il-prinċipju ta’ intanġibbiltà tal-karta tal-bilanċ tal-ftuħ (Artikolu 15(6));

–        il-prinċipju ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali (Artikolu 15(7));

–        il-prinċipju ta’ prudenza (Artikolu 15(8));

–        il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kumpens (Artikolu 15(9));

–        il-prinċipju ta’ spejjeż storiċi (Artikolu 16(1));

–        il-prinċipju ta’ imputazzjoni fuq is-sena kummerċjali (Artikolu 16(2));

–        il-prinċipju ta’ preeminenza tar-realtà fuq id-dehra (Artikolu 16(3));

–        il-prinċipju ta’ importanza relattiva (Artikolu 16(4)), u

–        il-prinċipju ta’ kontabbiltà tas-sena kummerċjali (Artikolu 16(5)).

8        L-Artikolu 15(2) tal-Liġi tal-Kontabbiltà jipprevedi:

“Impriża għandha tikkontabilizza l-avvenimenti kollha li jaffettwaw l-assi u r-riżultat tas-sena kummerċjali, inklużi, minn naħa, l-avvenimenti relatati mas-sena kummerċjali li jiġu wara d-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ iżda li jkunu magħrufa qabel l-istabbiliment tal-karta tal-bilanċ u, min-naħa l-oħra, l-avvenimenti relatati mas-sena kummerċjali li jirriżultaw minn avvenimenti tas-sena kummerċjali li tintemm fid-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ u li jkunu għadhom ma seħħux f’dik id-data, iżda li jkunu magħrufa qabel l-istabbiliment tal-karta tal-bilanċ (prinċipju ta’ kompletezza).”

9        L-Artikolu 15(7) tal-Liġi tal-Kontabbiltà huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jiġi ddeterminat ir-riżultat ta’ sena kummerċjali, huwa biss id-dħul ikkontabilizzat li jirriżulta minn attivitajiet eżerċitati matul il-perijodu inkwistjoni u l-ispejjeż (piżijiet) li jikkorrispondu għal dan id-dħul li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-ħlasijiet. Id-dħul u l-ispejjeż għandhom ikunu relatati mal-perijodu li fih iseħħu ekonomikament (prinċipju ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali).”

10      Skont l-Artikolu 44(1) u (2) tal-az adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi Nru XCII tal‑2003, dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali) (Magyar Közlöny 2003/131. (XI. 14.), iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti”):

“1)      Id-dokumenti, il-kotba u r-reġistri previsti fil-leġiżlazzjoni, inklużi d-data u l-informazzjoni elettronika rreġistrati fuq mezz informatiku, għandhom jiġu ppreżentati u għandhom jinżammu b’mod li jippermettu l-istabbiliment u l-kontroll tal-bażi tat-taxxa, tal-ammont tat-taxxa, tal-eżenzjonijiet, tal-vantaġġi, u tal-bażi u tal-ammont tas-sussidji, kif ukoll li jiġi stabbilit u vverifikat jekk it-taxxa tkunx tħallset jew jekk ikunx ittieħed benefiċċju mis-sussidju.

2)      Sakemm ma jkunx previst mod ieħor permezz ta’ dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni, il-kotba u reġistri għandhom jinżammu b’tali mod li:

a)      ir-reġistrazzjonijiet li jidhru fihom ikunu bbażati fuq id-dokumenti previsti minn din il-liġi kif ukoll fil-leġiżlazzjoni dwar is-sistema ta’ sostenn kontabbli u fil-leġiżlazzjonijiet l-oħra;

b)      jinkludu, għal kull taxxa u sussidju, b’mod kontinwu u mingħajr ommissjoni, id-data li tippermetti li tiġi stabbilita t-taxxa jew is-sussidju kif ukoll ir-riferiment għad-dokumenti ta’ sostenn tagħhom;

ċ)      juru l-bażi tat-taxxa jew tas-sussidju ddikjarati għall-perijodu speċifiku;

d)      jippermettu li jiġi vverifikat jekk it-taxxa tkunx tħallset jew jekk tkunx ibbenefikat mis-sussidju, kif ukoll id-dokumenti li fuqhom ikunu bbażati.”

11      L-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti jistabbilixxi:

“Il-persuni taxxabbli jistgħu jirrettifikaw permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni t-taxxi stabbiliti jew li ma jkunux ġew stabbiliti, il-valur taxxabbli għal dak li jikkonċerna t-taxxa […] u l-ammont tas-sussidji. Jekk persuna taxxabbli tiskopri qabel il-bidu ta’ proċedura ta’ kontroll mill-awtorità tat-taxxa li ma tkunx stabbilixxiet il-bażi tat-taxxa, it-taxxa jew l-ammont tas-sussidju b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni, jew li d-dikjarazzjoni tagħha tindika, minħabba żball ta’ kalkolu jew ta’ kitba, il-bażi jew l-ammont tat-taxxa jew tas-sussidju b’mod żbaljat, hija tista’ temenda d-dikjarazzjoni tagħha billi tippreżenta dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni.”

12      L-Artikolu 87(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti jiddisponi:

“1)      L-għanijiet ta’ kontroll tal-amministrazzjoni fiskali jintlaħqu permezz ta’ kontrolli:

a)      intiżi għall-verifika a posteriori tad-dikjarazzjonijiet (inkluż il-kontroll issemplifikat),

b)      dwar l-implimentazzjoni tal-garanzija tal-Istat,

ċ)      intiżi għat-twettiq ta’ ċerti obbligi fiskali,

d)      intiżi għall-ġbir ta’ data jew sabiex tiġi vverifikata r-realtà ta’ ċerti avvenimenti ekonomiċi,

e)      dwar it-twettiq tal-obbligi li jkollhom x’jaqsmu mat-taxxi,

f)      repetuti fir-rigward tal-perijodu magħluq permezz tal-kontroll,

ġ)      dwar l-okkorrenza tal-fatti li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni fiskali antiċipata.

2)      Il-kontroll previst fil-paragrafu 1(a) jagħti lok għal perijodu magħluq permezz ta’ kontroll.”

13      L-Artikolu 165 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti jipprevedi:

“1)      Interessi moratorji jkunu dovuti fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas tat-taxxa u fil-każ ta’ ġbir antiċipat ta’ għajnuna, rispettivament mid-data ta’ skadenza u sa dik id-data. […]

[…]

3)      Fil-każ ta’ ċirkustanza li jkun jistħoqqilha evalwazzjoni eċċezzjonali, l-amministrazzjoni fiskali tista’, fid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-insuffiċjenza ta’ taxxa, ex officio jew fuq talba, tiffissa d-data tal-bidu tal-interessi moratorji f’data li tiġi wara, rispettivament, id-data ta’ skadenza tat-taxxa jew id-data ta’ ġbir tal-għajnuna baġitarja. L-interessi moratorji minħabba insuffiċjenza fiskali jistgħu jiġu applikati mid-data ta’ skadenza inizjali sad-data tal-proċess verbal tal-kontroll għal perijodu li madankollu ma jistax jaqbeż it-tliet snin. Il-bażi tal-interessi moratorji intaxxati fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ taxxa ma tistax titnaqqas bl-ammont ta’ ħlas żejjed li kien jeżisti fid-data tal-iskadenza mal-istess amministrazzjoni fiskali bħala taxxa oħra.”

14      L-Artikolu 170(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa, għandha titħallas multa fiskali. L-ammont tal-multa jista’ jitla’, sakemm ma jkunx previst b’mod ieħor permezz ta’ dispożizzjoni ta’ din il-liġi, sa 50 % tal-ammont mhux imħallas. […]

2.      Id-differenza ta’ impożizzjoni tat-taxxa stabbilita fuq il-persuna taxxabbli ma għandhiex, meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni, titqies li tkun insuffiċjenza ta’ taxxa ħlief jekk din id-differenza ma tkunx tħallset qabel l-iskadenza jew jekk tkun ibbenefikat mis-sussidju. Ħlas żejjed fid-data tal-iskadenza inizjali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa biss jekk dan il-ħlas żejjed ikun jeżisti wkoll fid-data li fiha jibda l-kontroll.”

15      Skont l-Artikolu 171(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti:

“Ir-rata tal-multa, jew saħansitra l-multa maħruġa, tista’ titnaqqas, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba, fil-każ ta’ ċirkustanzi li jkunu jistħoqqilhom jitqiesu eċċezzjonali u li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna taxxabbli […] tkun aġixxiet bid-diskrezzjoni li setgħet tkun mistennija mingħandha fis-sitwazzjoni speċifika. It-tnaqqis tal-multa għandu jiġi ffissat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-portata tad-dejn fiskali, iċ-ċirkustanzi tat-tnissil tiegħu, il-gravità u l-frekwenza tal-aġir illegali tal-persuna taxxabbli (att jew ommissjoni).”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

16      Marcas xtrat fl-2006 trade mark li tagħha hija tat, permezz ta’ kuntratti konklużi bejn is-sena 2011 u s-sena 2013, il-liċenzja lil kumpanniji relatati, bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ somma li tammonta għal 2 % tal-bejgħ nett magħmul minn dawn il-kumpanniji taħt din it-trade mark. Il-kalkolu tas-somma u l-fatturazzjoni tagħha kienu jsiru kif ġej: Marcas kienet toħroġ fatturi trimestrali fir-rigward tat-trimestru kurrenti abbażi ta’ stimi ta’ bejgħ għal dan it-trimestru, fejn l-ammont hekk miksub kien jiżdied jew jitnaqqas, f’dawn il-fatturi, bid-differenza kkonstatata bejn l-istimi ta’ bejgħ u l-bejgħ reali tat-trimestru preċedenti. Il-fatturi tat-trimestru kurrenti kienu jitħallsu fi żmien 30 jum mill-ħruġ tagħhom u l-kalkolu tal-bejgħ reali ta’ dan it-trimestru kien jiġi kkomunikat fi żmien 30 jum wara d-data finali għall-ħlas, sabiex dan jittieħed inkunsiderazzjoni fil-fatturi tat-trimestru ta’ wara.

17      Għall-perijodu li jmur bejn ix-xahar ta’ Jannar 2010 u x-xahar ta’ Diċembru 2013, l-amministrazzjoni fiskali wettqet, bis-saħħa ta’ ittra ta’ missjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014, verifika tal-osservanza minn Marcas ta’ wħud mill-obbligi fiskali tagħha li, skont il-proċess verbal tal-kontroll, kien jirrigwarda esklużivament it-tranżazzjonijiet marbuta mas-somom. Fit-tmiem ta’ dan il-kontroll, hija kkonkludiet li d-dokumenti, il-kotba u r-reġistri kienu miżmuma skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti.

18      Bis-saħħa ta’ ittra ta’ missjoni tat‑18 ta’ Settembru 2014, l-amministrazzjoni tat-taxxa wettqet kontroll a posteriori tad-dikjarazzjonijiet ta’ Marcas għas-sena finanzjarja 2013 fir-rigward tat-tipi kollha ta’ impożizzjonijiet, ta’ taxxi u ta’ sussidji.

19      Fid-deċiżjoni tagħha tal‑4 ta’ April 2016, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li Marcas kienet iżżomm il-kotba u r-reġistri tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Kontabbiltà, iżda li l-metodu ta’ kontabbiltà tad-dħul provenjenti mis-somom fl-2013 ma kienx konformi mal-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali msemmija fl-Artikolu 15(2) u (7) ta’ din il-liġi, minħabba li Marcas kienet ikkontabilizzat fl-ewwel trimestru tas-sena 2013 ammont ta’ EUR 961 273.09 bi tnaqqis tas-somom relatati mar-raba’ trimestru tas-sena 2012, filwaqt li kienet ikkontabilizzat għall-ewwel trimestru tas-sena 2014 ammont ta’ EUR 57 376.17 biss fir-rigward tas-somom relatati mar-raba’ trimestru tas-sena 2013.

20      Peress li l-kalkoli tas-sena 2012 u dak tar-raba’ trimestru tas-sena 2013 kienu magħrufa minn Marcas qabel id-dati ta’ stabbiliment tal-bilanċi, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li, fl‑2013, Marcas kienet ikkontabilizzat dħul fl-ammont ta’ EUR 1 018 649.26 inqas mid-dħul reali tagħha. Konsegwentement, hija qieset li, skont l-Artikolu 15(2) u (7), l-Artikolu 32(1) u l-Artikolu 44(1) tal-Liġi tal-Kontabbiltà, il-qligħ qabel it-taxxa ta’ Marcas għas-sena kummerċjali 2013 kellu jiżdied, meta, fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(s) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-Dividendi, irriżulta f’żieda tal-bażi tat-taxxa tal-kumpanniji ta’ Marcas għall-massimu ta’ 151 223 000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 423 424), li ġab bħala konsegwenza li differenza fl-impożizzjoni tat-taxxa ta’ HUF 28 732 000 (madwar EUR 80 450) kellha tiġi kkonstatata a karigu ta’ Marcas.

21      L-amministrazzjoni fiskali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 170(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti, ikkonstatat insuffiċjenza ta’ taxxa ta’ ammont ugwali għall-ammont tad-differenza ta’ impożizzjoni tat-taxxa u konsegwentement, imponiet fuq Marcas multa fiskali ta’ HUF 14 366 000 (madwar EUR 40 225), ugwali għal 50 % ta’ dan l-ammont. Skont l-Artikolu 165(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti, hija imponiet fuqha wkoll interessi moratorji fl-ammont ta’ HUF 1 281 000 (madwar EUR 3 587).

22      Wara d-deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2016, Marcas ippreżentat dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni li tikkonċerna d-dejn fiskali tagħha għas-snin kummerċjali 2011 u 2012, li wriet ammont ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li kellu jitħallas iktar baxx minn EUR 961 273.09 meta mqabbel mal-ammont iddikjarat għas-sena kummerċjali 2012. Marcas la talbet ir-rimbors ta’ dan l-ammont u lanqas it-trasferiment tiegħu lejn kont kurrenti ieħor u ħallietu fil-kont kurrenti fiskali tagħha bħala ħlas żejjed.

23      L-amministrazzjoni fiskali, fuq ilment, irriformat din id-deċiżjoni u naqqset l-ammont tal-multa fiskali imposta fuq Marcas għal 10 % tal-ammont tal-insuffiċjenza ta’ taxxa.

24      Marcas ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ bidla quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju.

25      Din il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni u ordnat lill-amministrazzjoni fiskali tieħu deċiżjoni ġdida.

26      Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑22 ta’ Awwissu 2018, l-amministrazzjoni fiskali fakkret li l-kawża tal-insuffiċjenza ta’ taxxa ma kinitx aġir intenzjonali ta’ Marcas, iżda interpretazzjoni żbaljata tal-liġi. F’din l-istess deċiżjoni, l-amministrazzjoni fiskali, minn naħa, irriformat id-deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2016 billi naqqset l-ammont tal-multa fiskali għal HUF 2 873 000 (madwar EUR 8 044), jiġifieri għal 10 % tal-ammont tal-insuffiċjenza ta’ taxxa, kif ukoll billi ffissat l-interessi moratorji għal HUF 88 000 (madwar EUR 246), u, min-naħa l-oħra, ikkonfermatha għall-bqija.

27      Fir-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Marcas invokat il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ smigħ xieraq u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi waqt li kkontestat il-bażi legali tal-insuffiċjenza ta’ taxxa, il-multa u l-interessi moratorji. Skont Marcas, l-amministrazzjoni fiskali arbitrarjament semmiet, fost il-prinċipji bażiċi msemmija fl-Artikolu 15 tal-Liġi tal-Kontabbiltà, żewġ prinċipji, jiġifieri dawk ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali, li l-metodu ta’ Marcas ma kienx konformi magħhom, u siltet il-konklużjonijiet inkriminanti, filwaqt li dan il-metodu kien konformi mal-prinċipji bażiċi l-oħra msemmija f’dan l-Artikolu 15. Marcas tosserva li hija ħallset qabel id-data ta’ skadenza t-taxxa fuq il-kumpanniji meqjusa li kienet insuffiċjenza ta’ taxxa, u li hija emendat l-ammont fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni billi indikat ħlas żejjed għas-sena 2012 u billi ħalliet dan l-ammont fil-kont kurrenti fiskali tagħha, iżda li, minkejja dan, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat insuffiċjenza ta’ taxxa. Marcas enfasizzat ukoll li ma riditx tevadi t-taxxa. L-amministrazzjoni fiskali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn ma setax raġonevolment jiġi mistenni minn Marcas, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ kontrolli preċedenti, li hija temenda, mingħajr ebda indikazzjoni f’dan is-sens, il-metodu tagħha ta’ kontabbiltà tat-tranżazzjonijiet.

28      L-amministrazzjoni fiskali ssostni li l-prinċipji ta’ kontabbiltà li jinsabu fil-Liġi tal-Kontabbiltà għandhom, bħala prinċipju, jiġu osservati kollha. Hija tenfasizza li l-ewwel kontroll tagħha kien intiż biss għall-konformità tal-preżentazzjoni u taż-żamma tal-kontabbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti.

29      Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-kawża li hija adita biha tirrigwarda d-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn Marcas għas-sena kummerċjali 2013, filwaqt li din it-tip ta’ taxxa ma hijiex armonizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea u li l-leġiżlazzjoni tal-proċedura amministrattiva fiskali tibqa’ kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu hija tirrileva li ġew adottati direttivi fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji u li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja kkontribwixxew ukoll sabiex dispożizzjonijiet li jkollhom kontenut simili jiġu integrati fid-dritt tal-kumpanniji tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din il-kawża.

30      Din il-qorti tqis li, fid-dawl tad-differenzi notevoli bejn il-ġurisprudenza tagħha u dik tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt li timponi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandha effett fuq l-eżitu tal-imsemmija kawża u għalhekk hija rilevanti. Barra minn hekk, din il-kwistjoni ma tistax tiġi deċiża mingħajr talba għal deċiżjoni preliminari u interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Huwa f’dan il-kuntest li l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Prattika tal-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-kuntest tal-kontroll sussegwenti tad-dikjarazzjoni tal-persuna taxxabbli – mingħajr ma ġie kkonstatat ksur min-naħa tal-persuna taxxabbli ta’ dispożizzjoni speċifika tal-kontabbiltà jew ta’ dispożizzjoni legali sostantiva relatata mat-taxxa li hija s-suġġett tal-ispezzjoni u mingħajr ma nbidel l-ammont tat-taxxa dovut meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta fid-dikjarazzjoni għas-snin li għalihom tirreferi l-attività ekonomika – l-awtorità tat-taxxa tikkonstata, mingħajr ma tagħti motivazzjoni, l-eżistenza ta’ differenza fit-taxxa li għandha titħallas mill-persuna taxxabbli għas-sempliċi raġuni li din, meta ppreparat id-dikjarazzjoni tagħha, ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fost il-prinċipji kontabbli inklużi fil-Liġi tal-Kontabbiltà tal-Istat Membru, żewġ prinċipji fiskali hekk kif meħtieġ mill-awtorità tat-taxxa, iżda minflok, billi użat il-marġni diskrezzjonali tagħha, ibbażat ruħha fuq prinċipji oħra li hija qieset li kienu jirregolaw il-kontabbiltà tal-attività ekonomika tagħha, hija konformi mad-dritt għal smigħ xieraq, irrikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-[Karta], u mal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

2)      Fid-dawl tad-dritt għal smigħ xieraq irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, stabbiliti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-[Artikolu 2(3) u l-Artikolu 31 tar-Raba’ Direttiva], jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ attività ekonomika li tirreferi għal diversi snin kummerċjali, jekk l-awtorità tat-taxxa tissostitwixxi l-prinċipji kontabbli magħżula mill-persuna taxxabbli bi prinċipji kontabbli oħra u, b’riżultat ta’ dan, twettaq bidla fir-rigward ta’ entrata kontabbli li taffettwa wkoll id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tas-snin kontigwi, hija għandha testendi l-ispezzjoni tagħha wkoll għal dawk is-snin kummerċjali li għalihom tirreferi l-attività ekonomika u li għaldaqstant huma affettwati mill-konklużjonijiet tal-awtorità tat-taxxa relatati mal-perijodu li huwa s-suġġett tal-ispezzjoni? Fit-twettiq ta’ kontroll sussegwenti tad-dikjarazzjoni tal-persuna taxxabli, l-awtorità tat-taxxa għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fis-sena kummerċjali li hija suġġett tal-eżami, l-entrati li ġew modifikati permezz ta’ dikjarazzjoni supplimentari relatata mas-sena preċedenti, bir-riżultat li kien hemm ħlas żejjed min-naħa tal-persuna taxxabbli bħala konsegwenza tal-fatt li hija ħallset it-taxxa qabel id-data ta’ skadenza, jew dikjarazzjoni li permezz tagħha l-awtorità tat-taxxa tiddikjara l-eżistenza ta’ dejn fiskali [insuffiċjenza ta’ taxxa] fir-rigward tal-persuna taxxabbli, minkejja l-eżistenza ta’ ħlas żejjed, hija konformi mal-prinċipji indikati u mal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Karta?

3)      Huwa proporzjonat li tiġi ssanzjonata l-għażla ta’ metodu kontabbli eventwalment żbaljat permezz tad-dikjarazzjoni tal-eżistenza ta’ differenza fit-taxxa, ikklassifikata bħala dejn [insuffiċjenza ta’ taxxa], b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li huma imposti l-ħlas ta’ sanzjoni – anki fl-ammont ta’ 10 % biss –, u interessi moratorji, jekk it-taxxa li hija s-suġġett tat-tilwima tħallset qabel l-iskadenza u matul il-proċeduri kollha, sat-tmiem tagħhom, din kienet tidher bħala ħlas żejjed fil-kont kurrenti fiskali tar-rikorrenti, u għalhekk ma rriżulta ebda telf ta’ dħul għat-Teżor Pubbliku, u ma hemmx indikazzjonijiet ta’ abbuż?

4)      Il-prinċipju ta’ (protezzjoni tal-)aspettattivi leġittimi jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-bażi oġġettiva tiegħu, jiġifieri, l-aspettattiva tal-persuna taxxabbli fir-rigward tat-trattament kontabbli, tirriżulta fondata jekk l-awtorità tat-taxxa tkun wettqet preċedentement spezzjoni fis-sede tal-persuna taxxabbli li matulha hija tkun ikkonstatat, anki jekk ma kienx hemm dikjarazzjoni speċifika jew dan jista’ jiġi dedott biss impliċitament mill-aġir tagħha, li l-preżentazzjoni u ż-żamma tad-dokumenti ġustifikattivi [ta’ sostenn], tal-kotba u tar-reġistri kienu konformi mar-rekwiżiti, jew il-persuna taxxabbli tista’ tinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi biss jekk l-awtorità tat-taxxa twettaq il-kontroll sussegwenti tagħha tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa li jagħtu lok għal perijodi magħluqa, filwaqt li testendih għal kull tip ta’ taxxa, u tiddeċiedi favorevolment b’mod espliċitu fir-rigward tal-prattika kontabbli tal-persuna taxxabbli? L-awtorità tat-taxxa taġixxi b’mod konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jekk f’deċiżjonijiet sussegwenti hija tattribwixxi konsegwenzi legali u fiskali lill-irregolaritajiet kontabbli b’mod li, billi tallega n-natura formali jew inkompleta tal-ispezzjoni preċedenti jew in-nuqqas ta’ dikjarazzjoni favorevoli espliċita, ma tirrikonoxxix li r-rikorrenti kellha aspettattiva fondata li l-prattika kontabbli preċedenti tagħha kienet korretta?”

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

32      Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-kawża prinċipali toriġina mill-ksur, skont l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża, minn Marcas ta’ dispożizzjonijiet ta’ kontabbiltà, u għalkemm it-tieni domanda ssemmi dispożizzjonijiet tar-Raba’ Direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ xieraq irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta, tal-abbuż ta’ dritt stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Karta kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ċerti prattiċi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li jirrigwardaw il-kontroll u s-sanzjoni ta’ ksur fiskali fil-qasam ta’ taxxa fuq il-kumpanniji.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri meta huma jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 33).

34      L-Artikolu 6(1) TUE, l-istess bħall-Artikolu 51(2) tal-Karta, jippreċiża li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti mit-Trattati (digriet tas‑17 ta’ Lulju 2014, Yumer, C‑505/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2129, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Land Oberösterreich (Għajnuna għall-akkomodazzjoni), C‑94/20, EU:C:2021:477, punt 59).

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara d-digrieti tas‑17 ta’ Lulju 2014, Yumer, C‑505/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2129, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Mejju 2021, PONS Holding, C‑703/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:365, punt 16).

36      Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, dawn għandhom jiġu osservati minn leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni jew li timplimenta lil dan id-dritt (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Issa, kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea, id-dritt tal-Unjoni ma armonizzax ir-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontrolli fiskali u tas-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi fiskali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Settembru 2015, Balogh, C‑424/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:708, punt 32, u s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland, C‑482/18, EU:C:2020:141, punt 37). Għalhekk, dawn ir-regoli ma jistgħux jitqiesu, bħala tali, li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

38      Barra minn hekk, għalkemm, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sanzjonijiet fiskali u l-prosekuzzjoni għal evażjoni tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, peress li huma l-eżekuzzjoni mill-Istati Membri tal-obbligu tagħhom li jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxa kollha li tipprovdi r-riżorsi proprji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 26 u 27), dan ma huwiex il-każ tas-sanzjonijiet u tal-proċeduri fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji, peress li din it-taxxa ma tagħmilx parti mis-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

39      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula, sa fejn dawn jirrigwardaw prattiċi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru relatati mal-kontroll u mas-sanzjoni ta’ ksur fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel u ttieni domanda, sa fejn jirrigwardaw lArtikolu 2(3) u l-Artikolu 31 tarRaba’ Direttiva

40      Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 31 tar-Raba’ Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tikkontesta kitbiet ta’ kontabbiltà ta’ kumpannija għar-raġuni li dawn ma jsegwux il-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali, li jinsabu fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li l-prinċipji ta’ kontabbiltà l-oħra kollha previsti minn din il-leġiżlazzjoni jkunu ġew osservati.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm r-Raba’ Direttiva ma għandhiex bħala għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-kontijiet annwali tal-kumpanniji jistgħu jew għandhom iservu bħala bażi għad-determinazzjoni, mill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, tal-bażi jew tal-ammont tat-taxxi, bħat-taxxa tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandu jiġi bl-ebda mod eskluż, min-naħa l-oħra, li l-kontijiet annwali jkunu jistgħu jintużaw bħala bażi ta’ riferiment mill-Istati Membri għall-finijiet tat-taxxa (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, EU:C:2003:3, punt 70). Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tipprekludi lill-Istati Membri milli jikkoreġu, fuq livell tat-taxxa, l-effetti tar-regoli ta’ kontabbiltà inklużi f’din id-direttiva, bil-għan li jiġi ddeterminat qligħ taxxabbli eqreb lejn ir-realtà ekonomika (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 28).

42      Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li r-Raba’ Direttiva hija intiża li tiżgura l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-istruttura u l-kontenut tal-kontijiet annwali kif ukoll tar-rapport ta’ ġestjoni u l-metodi ta’ evalwazzjoni bil-għan li jiġu protetti l-persuni assoċjati u t-terzi (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, EU:C:2003:3, punt 69, u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 29).

43      Ir-Raba’ Direttiva tibbaża dan l-għan ta’ koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-kontenut tal-kontijiet annwali fuq il-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta, li l-osservanza tiegħu hija l-għan primordjali tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Marzu 2014, Bloomsbury, C‑510/12, mhux ippubblikat, EU:C:2014:154, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan ir-rigward, ir-Raba’ Direttiva tiddisponi, fl-Artikolu 2(3) tagħha, li l-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta tal-assi, tas-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll tal-qligħ jew tat-telf tal-kumpannija.

45      L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta għandu jkun iggwidat, sa fejn dan ikun possibbli, mill-prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà msemmija fl-Artikoli 31 tar-Raba’ Direttiva (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne, C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 42).

46      Skont dawn il-prinċipji ġenerali, l-Artikolu 31(1)(d) ta’ din id-direttiva jiddisponi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-piżijiet u d-dħul relatati mas-sena kummerċjali li għaliha jirrelataw il-kontijiet, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ ħlas jew ta’ ġbir ta’ dawn l-piżijiet jew tad-dħul.

47      Madankollu, l-Artikolu 31(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li derogi mill-imsemmija prinċipji ġenerali huma ammessi f’każijiet eċċezzjonali u jippreċiża li, meta jsir użu minn dawn id-derogi, dawn għandhom jiġu indikati fl-anness u jkunu debitament motivati, b’indikazzjoni tal-influwenza tagħhom fuq l-assi, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-qligħ jew it-telf.

48      Jirriżulta mill-kliem tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 44 sa 47 ta’ din is-sentenza li l-osservanza tal-prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà kollha hija bħala prinċipju meħtieġa u li d-derogi minnhom huma possibbli biss b’mod eċċezzjonali u għandhom ikunu s-suġġett ta’ riferimenti speċifiċi fl-anness tal-kontijiet annwali. Fid-dawl tal-fatt li l-funzjoni tal-kontijiet annwali hija li tagħti stampa vera u ġusta tal-assi, tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew tat‑telf tal-kumpannija, tali derogi jistgħu jkollhom biss l-għan li jiżguraw tali stampa vera u ġusta, fil-każijiet eċċezzjonali fejn l-osservanza ta’ wieħed jew iktar mill‑prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà tkun ta’ ostakolu għaliha.

49      Il-ħtieġa li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà kollha tirriżulta, barra minn hekk, mill-fatt li kull wieħed minn dawn il-prinċipji jikkonċerna rekwiżit speċifiku marbut mal-kontabilizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-impriżi li l-ksur tagħha jista’, waħdu u anki jekk il-prinċipji l-oħra kollha jiġu osservati, jipprekludi li l-kontijiet annwali jagħtu stampa vera u ġusta tal-assi, tas-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll tal-qligħ jew tat-telf tal-kumpannija kkonċernata.

50      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż ġustament jirrileva li l-ewwel u t-tieni domanda, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju, huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-operaturi ekonomiċi huma liberi li jagħżlu ma’ liema prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà jikkonformaw ruħhom u, għalhekk, li ma josservawhomx kollha.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, essenzjalment, bħalma jagħmel il-Gvern Taljan, li manipulazzjoni tal-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali hija intiża b’mod partikolari għal tranżazzjonijiet iddettati minn għanijiet ta’ pjanifikazzjoni fiskali, bħall-antiċipazzjoni tal-imputazzjoni ta’ element negattiv fuq sena kummerċjali jew ta’ posponiment tal-imputazzjoni ta’ element pożittiv għall-finijiet tad-differiment tat-taxxa. Tali manipulazzjoni, b’mod partikolari fl-okkażjoni tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ fatturazzjoni f’żewġ stadji li jinkludu stima tal-kont segwita minn kont korrettiv, bħal dik użata fil-kawża prinċipali, tista’ wkoll tkun suġġetta għal tqassim tal-qligħ jew telf tal-impriża kkonċernata fuq diversi snin kummerċjali sabiex tiġi ottimizzata t-taxxa.

52      F’dan il-każ, mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-Teżor Pubbliku Ungeriż ma sofriex dannu u ma qiesx li Marcas kellha intenzjoni frawdolenti. Xorta jibqa’ l-fatt, fir-rigward tal-aspett ta’ kontabbiltà, li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-istampa vera u ġusta ma kinitx żgurata mill-kontijiet annwali ta’ Marcas, peress li, għas-sena kummerċjali 2013, il-kontabbiltà ta’ parti mid-dħul miksub fir-rigward tas-somom tħalliet barra.

53      Fl-aħħar nett, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-proċess, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li kienu ntalbu, u kienu ġew iddokumentati, derogi mill-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali minn Marcas fl-anness tal-kontijiet annwali tagħha.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 31 tar-Raba’ Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tikkontesta kitbiet ta’ kontabbiltà ta’ kumpannija għar-raġuni li dawn ma josservawx il-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali, li jinsabu fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li l-prinċipji ta’ kontabbiltà l-oħra kollha previsti minn din il-leġiżlazzjoni jkunu ġew osservati, meta dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jkunx jikkostitwixxi deroga eċċezzjonali u neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta, indikata fl-anness tal-kontijiet annwali u debitament motivata, b’indikazzjoni tal-influwenza tagħha fuq l-assi, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-qligħ jew it-telf.

 Fuq lispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad29 ta’ Ġunju 2020, sa fejn dawn jirrigwardaw prattiċi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru relatati mal-kontroll u mas-sanzjoni ta’ ksur fiskali fil-qasam ta’ taxxa fuq il-kumpanniji.

2)      L-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 31 tar-Raba’ Direttiva 78/660/KEE tal25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu [50(2)(g) TFUE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, kif emendata mid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat18 ta’ Ġunju 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tikkontesta kitbiet ta’ kontabbiltà ta’ kumpannija għar-raġuni li dawn ma josservawx il-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali, li jinsabu fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li l-prinċipji ta’ kontabbiltà l-oħra kollha previsti minn din il-leġiżlazzjoni jkunu ġew osservati, meta dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jkunx jikkostitwixxi deroga eċċezzjonali u neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta, indikata fl-anness tal-kontijiet annwali u debitament motivata, b’indikazzjoni tal-influwenza tagħha fuq l-assi, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-qligħ jew it-telf.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.