Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta' Mejju 2011 minn Kaimer GmbH & Co. Holding KG et mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fl-24 ta' Marzu 2011 fil-Kawża T-379/06, Kaimer GmbH & Co. Holding KG, Sanha Kaimer GmbH & Co. KG, Sanha Italia Srl. vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-264/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Kaimer GmbH & Co. Holding KG, Sanha Kaimer GmbH & Co. KG, Sanha Italia Srl. (rappreżentanti: J. Brück, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti talbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija fl-24 ta' Marzu 2011 fil-Kawża T-379/06 (Kaimer et vs Il-Kummissjoni) sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2006 [K(2006) 4180, Każ COMP/F-1/38.121 - Attrezzaturi);

sussidjarjament, tannulla s-sentenza li l-Qorti Ġenerali tat fl-24 ta' Marzu 2011 fil-Kawża T-379/06 (Kaimer et vs Il-Kummissjoni) sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembre 2006 [K(2006) 4180, Każ COMP/F-1/38.121 - Attrezzaturi);

iktar sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa intiż kontra s-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet parzjalment ir-rikors li l-appellanti kienu ippreżentaw kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2006) 4180 finali, tal-20 ta' Settembru 2006, fi proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 - Attrezzaturi).

L-appellanti jinvokaw tliet aggravji:

L-ewwel aggravju: l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat prova sabiex tikkonferma l-eżattezza tal-mument meqjus bħala l-bidu tal-ksur. B'mod kuntrarju għall-formulazzjoni ċara ta' dan id-dokument, il-Qorti Ġenerali tinterpretah bħala li juri l-bidu tal-ksur filwaqt li, kieku interpretatu b'mod korrett, dan juri eżattament il-kuntrarju, jiġifieri li l-awtur tad-dokument injora l-attitudni li l-appellanti kienu se jadottaw fis-suq. Huma jsostnu li d-dokument jista' jiġi evalwat b'mod korrett mingħajr ma huwa meħtieġ li jitressqu provi oħra.

It-tieni aggravju: l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda pentiti. L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija dedotta minn żball ta' liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta rrikonoxxiet valur probatorju sostanzjali għad-depożizzjonijiet tax-xhieda pentiti meta dawn kienu marbuta li jipproduċu lill-Kummissjoni provi li jirrapreżentaw valur miżjud sinjifikattiv sabiex jiksbu l-ikbar tnaqqis possibbli tal-multi tagħhom. Din is-sitwazzjoni tinvolvi tendenza eċċessiva li jiġu imputati l-impriżi l-oħra, b'tali mod li d-depożizzjonijiet ma għandhomx preċiżament valur probatorju kbir. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx din il-kwistjoni fir-raġunijiet tas-sentenza tagħha.

It-tieni parti tat-tieni aggravju hija dedotta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tatx attenzjoni għal kontradizzjoni bejn id-diversi depożizzjonijiet tax-xhieda repentiti, b'tali mod li r-raġunijiet tas-sentenza tagħha huma żbaljati u insuffiċjenti. Fid-depożizzjoni tiegħu, l-ewwel xhud repentit ma indikax lill-appellanti fost l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur minkejja li d-depożizzjoni tiegħu kienet sħiħa u kellha l-valur ta' tħassir integrali tal-multa tiegħu. L-ilmenti miżmuma kontra l-appellanti huma bbażati fuq id-depożizzjonijiet tax-xhieda repentiti sussegwenti. Il-kontradizzjoni setgħet tiġi spjegata kieku l-Qorti Ġenerali tat valur probatorju partikolari lid-depożizzjoni tal-ewwel impriża li kkooperat mal-Kummissjoni.

It-tielet aggravju: l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ("KEDB"). Il-Qorti Ġenerali kisret dawn iż-żewġ strumenti legali ta' livell superjuri b'żewġ modi. Minn naħa, l-istħarriġ tal-plawżibbiltà li l-Qorti Ġenerali twettaq fil-kawżi tal-akkordji ma huwiex konformi mar-rekwiżiti li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-KEDB jistipulaw fil-kuntest ta' rimedji legali effettivi filwaqt li d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni timponi multi huma ta' natura kriminali. Min-naħa l-oħra, lanqas il-proċedura segwita mill-Kummissjoni ma hija konformi mal-kundizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-KEDB peress li hija l-Kummissjoni nfisha li tiġbor il-fatti, li tibda l-proċeduri u li, fi tmiemhom, tadotta d-deċiżjoni finali u tiddetermina l-ammont tal-multa. Din il-proċedura tkun aċċettabbli biss kemm-il darba d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jkunu suġġetti għal stħarriġ komplet minn qorti indipendenti. Fuq dan il-punt ukoll, il-Qorti Ġenerali sempliċement ivverifikat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kellha ebda kontradizzjoni manifesta u ma għamlet ebda konstatazzjoni proprja tal-fatti hija stess.

____________