Language of document : ECLI:EU:T:2007:179

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali EUROPIG – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Nuqqas ta’ karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑207/06,

Europig SA, stabbilita f’Josselin (Franza), irrappreżentata minn D. Masson, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tal-31 ta’ Mejju 2006 (Każ R 1425/2005‑4), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali EUROPIG bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Vadapalas u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Awwissu 2006,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-21 ta’ Settembru 2006,

wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-4 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti, li qabel kienet tissejjaħ Olympig SA, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali EUROPIG.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29 u 30 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        “laħam, tjur (laħam); selvaġġina; estratti tal-laħam; platti msajra ppreżervati abbażi ta’ laħam u/jew ta’ ħaxix, laħam ippreżervat; zalzett; prieżet; ikel affumikat; perżut; bejken; laħam ippreżervat ġo vażett”, li jaqgħu fil-klassi 29;

–        “patè tal-laħam; patè (għaġina għall-patè)”, li jaqgħu fil-klassi 30.

4        B’deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2005, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, skond l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94.

5        Fil-25 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI mid-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

6        B’deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-rikorrenti fit-8 ta’ Ġunju 2006, ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ċaħad dan l-appell għar-raġuni li s-sinjal EUROPIG kien deskrittiv tal-prodotti li għalihom kienet intalbet ir-reġistrazzjoni u ma kellux karattru distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv permezz ta’ l-użu fis-sens ta’ l-Artikolu 7(3) ta’ l-istess Regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet raġunijiet, ibbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ), ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, rispettivament.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark mitluba, meħuda kollha kemm hi u kkunsidrata fiha nfisha, b’ebda mod mhija deskrittiva tal-prodotti koperti bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

11      Fl-ewwel lok, hija tikkontesta l-affermazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li l-kelma “euro” tirreferi għall-oriġini ġeografika jew għall-istandards ta’ produzzjoni tal-prodotti koperti bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

12      Fil-fatt, l-element “euro” f’ebda każ ma jista’ jiddeskrivi oriġini ġeografika, billi l-Ewropa bħala tali ma tistax tikkostitwixxi, għall-konsumaturi u inqas u inqas għall-professjonisti fis-settur, indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li, minħabba l-kliem “porc français” (“majjal Franċiż”) li jidher fuq l-imballaġġ tal-prodotti li hija tikkummerċjalizza, ħadd ma jista’ jifhem ħażin is-sinjifikat ta’ l-element “euro”.

13      Din it-taqsira lanqas ma tista’ tiġi pperċepita mill-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż bħala indikazzjoni li l-produzzjoni tal-prodotti in kwistjoni hija konformi ma’ l-istandards Ewropej fis-seħħ. Mhux biss standard ta’ ċertifikazzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat mid-dritt dwar it-trade marks, iżda talli l-konformità ta’ prodott ma’ tali standards se tkun identifikata mill-konsumaturi, u, a fortiori, mill-professjonisti fis-settur, permezz ta’ l-ittri “CE” jew “EC”. Għaldaqstant, l-element “euro” jirreferi għall-munita unika Ewropea u l-iktar l-iktar huwa evokattiv ta’ l-Ewropa fis-sens wiesa’.

14      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, kieku kellu jiġi segwit ir-raġunament tal-Bord ta’ l-Appell, dan iwassal sabiex jiġi pprojbit kwalunkwe użu tal-kelma “euro” bħala element kostituttiv ta’ trade mark. Issa l-UASI aċċetta li jirreġistra t-trade mark Euro Ice Cream għal prodotti fil-klassijiet 30 u 35 u t-trade mark euro-tea għal prodotti fil-klassijiet 5 u 30. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li, fit-23 ta’ Jannar 2007, l-UASI aċċetta li jirreġistra t-trade mark figurattiva Europig bin-numru 4 818 043. Din ir-reġistrazzjoni ntalbet mir-rikorrenti u tkopri prodotti identiċi għal dawk li għalihom tirreferi t-trade mark mitluba.

15      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark mitluba ma tistax tkun deskrittiva billi l-kelma “euro” hija assoċjata mal-kelma “pig”.

16      Fil-fatt, il-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż juża l-kelma “pork” sabiex jirreferi għal-laħam tal-majjal u mhux il-kelma “pig”. Għaldaqstant, l-uniku isem li jista’ jiġi kkunsidrat li huwa deskrittiv tal-prodotti in kwistjoni huwa “european pork”. L-iktar l-iktar, l-użu tal-kelma “pig” jista’ jikkostitwixxi element evokattiv, u f’ebda każ element deskrittiv, tal-prodotti in kwistjoni. Dan jixhdu l-fatt li t-trade mark EUROPIG ġiet irreġistrata bin-numru 2 380 867 fir-Renju Unit fil-21 ta’ Diċembru 2004 għal prodotti u servizzi identiċi għal dawk koperti bl-applikazzjoni għal trade mark. Bl-istess mod u b’analoġija, it-trade mark EUROVEAU ġiet irreġistrata fi Franza fl-1988, minkejja li l-kelma “veau” tinftiehem mill-ewwel mill-konsumatur Franċiż. Għalkemm l-UASI ċertament mhuwiex marbut bid-deċiżjonijiet meħuda mill-uffiċċji nazzjonali, huma jikkostitwixxu indikazzjoni serja tal-fatt li t-trade mark mitluba m’għandhiex karattru deskrittiv.

17      Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li t-trade mark EUROPIG, meħuda kollha kemm hi, m’għandhiex sinjifikat preċiż, konsistenti u immedjat għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż u, għaldaqstant, ma tistax tiġi kkunsidrata li hija deskrittiva fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Għall-kuntrarju, din it-trade mark tista’ tagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li huma biss is-sinjali li jippermettu lill-pubbliku jidentifika immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni d-deskrizzjoni ta’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni li, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Wrigley vs UASI (DOUBLEMINT), T-193/99, Ġabra p. II-417, tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II-1645, u tat-12 ta’ Jannar 2005, Deutsche Post EURO EXPRESS vs UASI (EUROPREMIUM), T-334/03, Ġabra p. II-65]. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li għandu jiġi kkonstatat eventwali karattru deskrittiv mhux biss fir-rigward ta’ kull wieħed mit-termini li jikkomponu trade mark, iżda wkoll fir-rigward ta’ l-assjem li huma jifformaw (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, point 40).

18      L-UASI jikkunsidra li, fid-dawl tal-perċezzjoni ta’ l-elementi “euro” u “pig” mill-pubbliku kkonċernat, jiġifieri l-konsumatur medju li jitkellem bl-Ingliż, il-Bord ta’ l-Appell kellu raġun jikkonkludi li t-trade mark mitluba kienet deskrittiva tal-prodotti in kwistjoni.

19      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-element “euro”, l-UASI jsostni li dan jindika, għall-inqas f’wieħed mis-sinjifikati potenzjali tiegħu, karatteristika rilevanti tal-prodotti ta’ l-ikel in kwistjoni, jiġifieri l-oriġini ġeografika tagħhom. Barra minn hekk, dan l-element jista’ jinftiehem bħala referenza għal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-produzzjoni tal-prodotti li ġejjin mill-irziezet għat-trobbija tal-ħnieżer ġewwa l-Unjoni Ewropea.

20      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-element verbali “pig”, l-UASI jikkunsidra li l-fatt li l-kelma Ingliża “pork” tista’ tidher li hija iktar adegwata sabiex tindika prodotti ta’ l-ikel huwa irrilevanti, billi dan ma jeskludix il-fatt li l-kelma “pig” tiddeskrivi, għall-konsumatur medju li jitkellem bl-Ingliż, il-materja prima li minnha joħorġu dawn il-prodotti ta’ l-ikel.

21      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kelma komposta “europig”, l-UASI josserva li l-fatt li din il-kelma hija neoloġiżmu, kif ikkonstata l-Bord ta’ l-Appell stess, ma jfissirx li hija tikkorrispondi għal invenzjoni lessikali bi struttura mhux tas-soltu.

22      Għaldaqstant, it-trade mark mitluba hija sempliċi tagħqida flimkien ta’ żewġ elementi deskrittivi li ma toħloqx impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta mis-sempliċi għaqda ta’ l-elementi li jifformawha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-kelma komposta "europig" daħlet fil-lingwaġġ ta’ kuljum u akkwistat tifsira tagħha stess.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

23      Skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi” ma jistgħux jiġu rreġistrati. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) ta’ l-istess Regolament jgħid li l-“paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità”.

24      Skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ifittex li jilħaq għan li huwa fl-interess pubbliku, li jeħtieġ li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw liberament minn kulhadd [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p. I-2447, punt 31; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T-219/00, Ġabra p. II-753, punt 27, tas-27 ta’ Novembru 2003, Quick vs UASI (Quick), T-348/02, Ġabra p. II-5071, punt 27, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T-316/03, Ġabra p. II-1951, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 25, tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punti 54 u 95, u Campina Melkunie, C-265/00, Ġabra p. I-1699, punt 35].

25      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ikopri s-sinjali li mhumiex kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk jippermettu lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark li, f’akkwist sussegwenti, jagħmel l-istess għażla, jekk l-esperjenza tirriżulta li tkun pożittiva, jew jagħmel għażla oħra, jekk tirriżulta li tkun negattiva (sentenza ELLOS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

26      Fil-fatt, is-sinjali u indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma dawk li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku destinatarju, sabiex jindikaw direttament jew b’referenza għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, il-prodott jew is-servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T-19/04, Ġabra p. II-2383, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata].

27      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita b’din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li jkollu rabta diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi in kwistjoni b’mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza PAPERLAB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Sabiex trade mark li tkun magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma magħmula minn tagħqida ta’ elementi tkun ikkunsidrata bħala deskrittiva fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex biżżejjed li jista’ jiġi kkonstatat li kull wieħed minn dawn l-elementi għandu karattru distintiv. Tali karattru għandu wkoll jiġi kkonstatat għan-neoloġiżmu jew għall-kelma stess (ara s-sentenza PAPERLAB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Trade mark magħmula minn neoloġiżmu jew minn kelma magħmula minn elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni hija hi stess deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ħlief jekk teżisti differenza perċettibbli bejn in-neoloġiżmu jew l-kelma u s-sempliċi total ta’ l-elementi li jifformawha. Dan jippreżupponi li, minħabba l-karattru mhux tas-soltu tat-tagħqida flimkien tal-kliem b’relazzjoni għall-imsemmija prodotti u servizzi, in-neoloġiżmu jew il-kelma joħloq impressjoni suffiċjentement differenti minn dik li tirriżulta mis-sempliċi għaqda tat-tifsiriet li jagħtu l-elementi li jifformawh, b’mod li huwa jipprevali fuq it-total ta’ l-imsemmija elementi. F’dan ir-rigward, l-analiżi tal-kelma in kwistjoni fid-dawl tar-regoli lessikali u grammatikali xierqa hija wkoll rilevanti (ara s-sentenza PAPERLAB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’referenza għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’referenza għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza MunichFinancialServices, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma “laħam, tjur (laħam); selvaġġina; estratti tal-laħam; platti msajra ppreżervati abbażi ta’ laħam u/jew ta’ ħaxix, laħam ippreżervat; zalzett; prieżet; ikel affumikat; perżut; bejken; laħam ippreżervat ġo vażett”, li jaqgħu fil-klassi 29, u “patè tal-laħam; patè (għaġina għall-patè)”, li jaqgħu fil-klassi 30.

32      F’dak li jirrigwarda l-pubbliku li b’referenza għalih għandha tiġi evalwata r-raġuni assoluta għal rifjut in kwistjoni, dan huwa kkostitwit, kif indika l-Bord ta’ l-Appell fil-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrent, mill-konsumatur medju li jitkellem bl-Ingliż. Fil-fatt, minn naħa, il-prodotti koperti bl-applikazzjoni għal trade mark, li huma intiżi kemm għal professjonisti fis-settur kif ukoll għal konsumaturi finali, huma destinati għall-konsum ġenerali u, min-naħa l-oħra, is-sinjal in kwistjoni huwa magħmul minn kelmiet li jifformaw parti mil-lingwa Ingliża.

33      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, mill-perspettiva ta’ dan il-pubbliku, teżistix rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn is-sinjal EUROPIG u l-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif indika ġustament il-Bord ta’ l-Appell, is-sinjal EUROPIG jikkonsisti fit-tagħqida flimkien tat-taqsira “euro”, li tirreferi, f’wieħed mis-sinjifikati potenzjali tagħha, għall-aġġettiv “Ewropew”, mal-kelma “pig”, li tfisser ħanżir. Għaldaqstant, dan is-sinjal huwa magħmul esklużivament minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw ċerti karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni. Assoċjat ma’ dawn ta’ l-aħħar, dan is-sinjal jista’ fil-fatt jiġi pperċepit mill-pubbliku kkonċernat bħala indikazzjoni li dawn il-prodotti huma magħmula mill-ħnieżer u huma ta’ oriġini Ewropea. Din il-konklużjoni mhijiex imqiegħda fid-dubju bil-fatt li, kif tallega r-rikorrenti, l-elementi “euro” u “pig” jista’ jkollhom sinjifikati oħra.

35      Barra minn hekk, in-neoloġiżmu “europig” m’għandux struttura mhux tas-soltu, iżda waħda ordinarja fid-dawl tar-regoli lessikali tal-lingwa Ingliża. Għalhekk, it-trade mark mitluba ma toħloqx, fost il-pubbliku destinatarju, impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta bis-sempliċi tqegħid flimkien ta’ l-elementi verbali li jifformawha b’mod li tibdlilha s-sinjifikat jew il-portata.

36      Minn dan isegwi li, ikkunsidrat kollu kemm hu, is-sinjal EUROPIG għandu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti koperti bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

37      Ebda wieħed mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

38      Qabel xejn, għandu jiġi mwarrab l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-laħam tal-majjal huwa indikat, bl-Ingliż, bil-kelma “pork” u mhux bil-kelma “pig”, billi l-ispeċi ta’ l-annimal li minnha jiġi l-laħam tal-majjal hija indikata b’din il-kelma ta’ l-aħħar u billi l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jikkwalifika bħala deskrittivi l-indikazzjonijiet relattivi għall-karatteristiċi tal-prodott, bħalma hija l-materja prima li minnha joħroġ il-prodott.

39      Barra minn hekk, huwa irrilevanti l-argument li l-kelma “euro” ma tistax tinftiehem bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini ġeografika tal-prodotti, minħabba li fuq l-imballaġġ jidher il-kliem “porc français”. B’dan l-argument, ir-rikorrenti qed tirreferi għall-kundizzjonijiet li fihom hija tippjana li tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha. Issa l-karattru deskrittiv ta’ sinjal, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi evalwat individwalment b’relazzjoni għal kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti u/jew ta’ servizzi msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal verbali b’relazzjoni għal kategorija speċifika ta’ prodotti u/jew ta’ servizzi, mhijiex rilevanti l-kwistjoni jekk l-applikant għat-trade mark in kwistjoni għandux l-intenzjoni li juża jew huwiex qed juża kunċett partikolari ta’ kummerċjalizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (TELE AID), T-355/00, Ġabra p. II-1939, punt 42, DaimlerChrysler vs UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II-1963, punt 46, u DaimlerChrysler vs UASI (TRUCKCARD), T-358/00, Ġabra p. II-1993, punt 47).

40      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-UASI aċċetta li jirreġistra, minn naħa, diversi trade marks li fihom l-element verbali “euro”, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark figurattiva Europig, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet ta’ l-Appell huma mitluba jieħdu, skond ir-Regolament Nru 40/94, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-Regolament, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi tal-prassi deċiżjonali ta’ dawn il-Bordijiet [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C-37/03 P, Ġabra p. I-7975, punt 47, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Glaverbel vs UASI (Wiċċ ta’ folja ħġieġ), T-36/01, Ġabra p. II-3887, punt 35].

41      F’kull każ, jidher li r-reġistrazzjonijiet imsemmija mir-rikorrenti jikkonċernaw trade marks figurattivi, fatt li jista’ jbiddel l-evalwazzjoni ta’ jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ element figurattiv addizzjonali tista’ tbiddel il-perċezzjoni tat-trade mark meħuda kollha kemm hi.

42      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq ir-reġistrazzjoni, minn naħa, tat-trade mark EUROPIG fir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark EUROVEAU fi Franza, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li s-sistema tat-trade marks hija sistema awtonoma li hija komposta minn ġabra ta’ regoli, li tfittex li tilħaq għanijiet li huma speċifiċi għaliha u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47]. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Għalhekk, l-UASI u, jekk ikun il-każ, il-qorti Komunitarja, mhumiex marbuta, minkejja li jistgħu jeħduhom in kunsiderazzjoni, minn deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet li jikkonkludu li l-imsemmi sinjal jista’ jiġi rreġistrat, u dan anki fil-każ fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu ttieħdu b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata skond l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1), jew f’pajjiż li jifforma parti miż-żona lingwistika li minnha joriġina s-sinjal verbali in kwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2006, Telefon & Buch vs UASI – Herold Business Data (WEISSE SEITEN), T-322/03, Ġabra p. II-835, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

43      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

44      Skond ir-rikorrenti, it-trade mark għandha karattru distintiv fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, mhux biss l-isem “europig” mhuwiex wieħed komuni fis-settur tal-preżervazzjoni tal-laħam, iżda talli ebda kompetitur tar-rikorrenti ma juża dan l-isem biex jindika prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti bl-applikazzjoni għal trade mark.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, kif jirriżulta ċar ħafna mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li japplika wieħed mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati biex sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 29).

46      Għaldaqstant, f’dan il-każ mhemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni raġuni, billi l-ewwel raġuni ġiet miċħuda.

47      Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, trade mark verbali li hija deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, hija, minħabba dan il-fatt, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-istess Regolament [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2005, Wieland-Werke vs UASI (SnTEM, SnPUR, SnMIX), T-367/02 sa T-369/02, Ġabra p. II-47, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata].

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma tistax, f’kull każ, tiġi milqugħa.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

49      Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċieda l-Bord ta’ l-Appell, it-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv permezz ta’ l-użu li sar minnha, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

50      Dan l-użu jixhduh id-dokumenti li hija ppreżentat waqt il-proċeduri quddiem l-UASI. Il-fatt li t-trade mark imsemmija f’dawn id-dokumenti hija, kuntrarjament għat-trade mark mitluba, ta’ natura figurattiva mhuwiex determinanti, billi l-isem “europig” huwa użat oralment fil-kummerċ, u bis-saħħa t’hekk huwa kiseb karattru distintiv awtonomu mir-rappreżentazzjoni grafika tiegħu.

51      L-UASI jsostni li trade mark tista’ tiġi rreġistrata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk tissodisfa ċerti kundizzjonijiet. Fil-fatt, sabiex trade mark tikseb karattru distintiv permezz ta’ l-użu, jeħtieġ li porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku jkun jista’, bis-saħħa ta’ din it-trade mark, jidentifika l-prodotti bħala li ġejjin minn impriża partikolari. Barra minn hekk, dan il-karattru distintiv għandu jiġi pprovat fil-parti sostanzjali tal-Komunità fejn l-imsemmija trade mark ma kellhiex dan il-karattru skond l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94.

52      Issa d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma ppermettewx li jiġi stabbilit li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv permezz ta’ l-użu. L-ewwel nett, dawn id-dokumenti jew mhumiex iddatati jew iġibu data li tiġi wara dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, it-tieni nett, jikkonċernaw bejgħ ta’ prodotti f’żoni ġeografiċi fejn l-Ingliż mhuwiex il-lingwa uffiċjali u, it-tielet nett, jirreferu biss għal sinjal figurattiv differenti mit-trade mark mitluba jew għal isem ta’ kumpannija. F’kull każ, dawn id-dokumenti, li ma jippermettux li jiġi ddeterminat is-sehem fis-suq tal-prodotti mibjugħa taħt din it-trade mark, ma jipprovawx li l-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż se jipperċepixxi s-sinjal bħala indikazzjoni ta’ oriġini.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

53      Skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (d) ta’ l-imsemmi Regolament ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din tkun saret distintiva, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark.

54      Minn din id-dispożizzjoni għandu jiġi dedott li sinjali jew trade marks jistgħu jiksbu karattru distintiv permezz ta’ l-użu minkejja li ma jkollhomx karattru distintiv intrinsiku.

55      Mill-ġurisprudenza relattiva għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/104, li l-kontenut legali tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 40/94, jirriżulta li l-ksib ta’ karattru distintiv permezz ta’ l-użu tat-trade mark jeħtieġ li mill-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika, bis-saħħa tat-trade mark, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari. Madankollu, iċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni tal-ksib ta’ karattru distintiv permezz ta’ l-użu tista’ tiġi kkunsidrata li ġiet sodisfatta ma jistgħux jiġu stabbiliti biss abbażi ta’ informazzjoni ġenerali u astratta, bħal perċentwali speċifiċi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, u tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punti 61 u 62; ara wkoll, fir-rigward tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Eurocermex vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-birra), T-399/02, Ġabra p. II-1391, punt 42].

56      Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk inkisibx karattru distintiv permezz ta’ l-użu, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fatturi bħalma huma, b’mod partikolari, is-sehem fis-suq li għandha t-trade mark, l-intensità, l-estensjoni ġeografika u t-tul ta’ żmien ta’ l-użu ta’ din it-trade mark, il-kobor ta’ l-investimenti mwettqa mill-impriża sabiex tippromwovi t-trade mark, il-proporzjon tal-kategorija ta’ persuni kkonċernata li, bis-saħħa tat-trade mark, jidentifika l-prodott bħala li jkun ġej minn impriża partikolari. Mezzi ta’ prova idonei f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet ta’ kmamar tal-kummerċ u ta’ l-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra (sentenza Forma ta’ flixkun tal-birra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, u Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

57      Huwa billi jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn il-fatturi li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell kisirx l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 meta qies li t-trade mark mitluba ma setgħetx tiġi rreġistrata b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti kollha ppreżentati mir-rikorrenti, li jikkonsistu essenzjalment f’fatturi u f’fuljetti kummerċjali, jew mhumiex iddatati jew iġibu data li tiġi wara dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark EUROPIG, jiġifieri l-4 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti, li jikkonċernaw bejgħ magħmul f’żoni li fihom in-nies ma jitkellmux bl-Ingliż, ma jippermettux li jiġi konkluż li mill-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika, bis-saħħa tat-trade mark mitluba, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari.

59      Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell kellu raġun jikkonkludi li d-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti kienu insuffiċjenti sabiex jipprovaw li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv.

60      Minn dan jirriżulta li r-raġuni bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 għandha wkoll tiġi miċħuda.

61      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tigi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż.

Legal

Vadapalas

Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta’ Ġunju 2007.

E. Coulon

 

       H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.